EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0174

Kawża T-174/19: Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2019 — Vincenti vs EUIPO

ĠU C 206, 17.6.2019, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 206/45


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2019 — Vincenti vs EUIPO

(Kawża T-174/19)

(2019/C 206/49)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Guillaume Vincenti (Alicante, Spanja) (rappreżentant: H. Tettenborn, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra, ikkomunikati b’ittra tas-6 ta’ Ġunju 2018, dwar in-nuqqas li r-rikorrent jiġi promoss fil-grad sussegwenti (AST 8) fir-rigward tal-proċeduri ta’ promozzjoni 2014, 2015, 2016 u 2017; kif ukoll

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-motivi segwenti.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, u fuq eżekuzzjoni żbaljata jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Vincenti vs EUIPO (T-586/16, EU:T:2017:803).

Fil-kuntest tal-ewwel motiv tar-rikors, ir-rikorrent isostni li l-Awtorità tal-Ħatra tal-EUIPO kisret l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ma eżegwixxietx jew eżegwixxiet b’mod żbaljat is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Vincenti vs EUIPO (T-586/16, EU:T:2017:803), billi ma qegħditx lir-rikorrent f’pożizzjoni bħal dik li kien jinsab fiha li kieku ġie ammess jipparteċipa f’kull waħda mill-proċeduri ta’ promozzjoni, u billi, minflok, fasslet rapport ta’ evalwazzjoni ġenerali fil-mument tad-deċiżjonijiet ikkontestati tas-6 ta’ Ġunju 2018. Il-fatt li l-promozzjoni ġiet irrifjutata ma setax ikun iġġustifikat, skont l-imsemmija sentenza, minn ċirkustanzi li ma kellux għarfien tagħhom l-Uffiċċju fil-mument li fih l-Awtorità tal-Ħatra kellha tieħu deċiżjoni.

Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li r-rifjut globali tal-promozzjoni għal erba’ snin konsekuttivi b’riferiment għall-istess aġir tar-rikorrent huwa illegali, peress li dan huwa simili għal sanzjoni ħarxa bħal dik tal-Artikolu 9(1)(e) u (f) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, u fl-aħħar mill-aħħar, jikkostitwixxi rifjut permanenti tal-promozzjoni fil-forma ta’ sanzjoni, li ċċaħħad lir-rikorrent mid-drittijiet tad-difiża li jibbenefika minnhom fi proċedura dixxiplinarja, kif ukoll “sanzjoni doppja”.

Barra minn hekk, skont ir-rikorrent, id-deċiżjonijiet ikkontestati tal-Uffiċċju jippreġudikawh minħabba l-perijodu twil ta’ mard tiegħu, peress li l-konvenut ma kkontabbilizzax pożittivament il-perijodu ta’ mard tiegħu, bħala perijodu li matulu huwa kien tejjeb l-aġir allegat fil-konfront tiegħu, u dan jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni, u żball fl-applikazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Vincenti vs EUIPO (T-586/16, EU:T:2017:803).

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrent, konformement mal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrent, li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 8968 finali tas-16 ta’ Diċembru 2013 li tipprovdi dispożizzjonijiet ġenerali għall-eżekuzzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari fl-Artikolu 5(5) u (7) ta’ din id-deċiżjoni.

Fil-kuntest tat-tieni motiv tar-rikors, ir-rikorrent isostni li l-konvenut kiser id-dritt fundamentali għal smigħ tiegħu qabel ma ngħatat deċiżjoni li kkawżatlu preġudizzju, wara li r-rikorrent ma ngħatax l-opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet. Dan ma ġiex ikkontestat mill-konvenut.

Għaldaqstant, il-konvenut kiser ukoll direttament id-drittijiet proċedurali tar-rikorrent imsemmija fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 8968 finali tas-16 ta’ Diċembru 2013 li tipprovdi dispożizzjonijiet ġenerali għall-eżekuzzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, u b’mod partikolari fl-Artikolu 5(5) u (7) ta’ din id-deċiżjoni, li barra min hekk, jirriflettu l-importanza tad-dritt fundamentali għal smigħ u jikkonfermaw il-fatt li r-rikorrent kien intitolat għal dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.


Top