EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0099

Kawża T-99/19: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Frar 2019 — Magnan vs Il-Kummissjoni

ĠU C 206, 17.6.2019, p. 42–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 206/42


Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Frar 2019 — Magnan vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-99/19)

(2019/C 206/47)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Nathaniel Magnan (Aix-en-Provence, Franza) (rappreżentant: J. Fayolle, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli kontra n-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni u li tinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 340 TFUE;

tiddikjara ammissibbli dan ir-rikors għal annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni ta’ rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tieħu azzjoni, f’ittra tal-20 ta’ Diċembru 2018;

fil-mertu, l-ewwel nett,

taqta’ u tiddeċiedi li l-Artikolu 55(a) tal-Loi sur l’Assurance-maladie (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni għall-Mard) (l-hekk imsejjaħ LAMal) jikser:

l-Artikoli 2 (nondiskriminazzjoni), 7 (id-dritt għal ugwaljanza fit-trattament) u 13 (l-obbligu ta’ stand sill) tal-FMĦP;

l-Artikolu 55 tad-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali;

tikkonstata li d-direttiva trasversali tal-Canton de Genève dwar il-“Proċedura ta’ reklutaġġ fl-istituzzjonijiet ta’ dritt pubbliku u ta’ entitajiet sussidjati” tikser il-Ftehim dwar il-Moviment Ħieles tal-Persuni bejn l-Isvizzera u l-Unjoni Ewropea (FMĦP) u li l-liġijiet federali Svizzeri l-oħra kollha dwar il-preferenza nazzjonali jiksru l-FMĦP;

tikkonstata, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ miżuri diskriminatorji kontra tobba li huma ċittadini Svizzeri mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

tikkonstata n-nuqqas illegali tal-Kummissjoni Ewropea li tieħu azzjoni, li din tal-aħħar għandha tissorvelja l-applikazzjoni tat-Trattati, u b’hekk iddgħajjef il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u l-prinċipju tas-sigurtà tad-drittijiet akkwistati ta’ Dr Magnan Nathaniel;

tikkonstata rabta kawżali bejn in-nuqqas illegali li tittieħed azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u d-dannu ta’ Dr Magnan Nathaniel;

tikkundanna l-Kummissjoni Ewropea għal nuqqas li tittieħed azzjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas is-somma ta’ EUR 1141 198.10 (miljun u mija u erbgħin elf mija u tmienja u disgħin euro u u għaxar ċenteżmi, rata tal-kambju fis-7 ta’ Jannar 2019 fil-11:39 UTC) korripondenti għal 1 281 444 CHF (miljun mitejn u wieħed tmenin u tmenin elf erba’ mija u erbgħa u erbgħin Frank Svizzeru) lil Dr. Magnan Nathaniel, korrispondenti għad-dannu diġà sostnut sa mill-2013 minħabba r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 340 TFUE;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas penali ta’ EUR 500 (ħames mitt euro) għal kull ġurnata ta’ xogħol lil Dr Magnan Nathaniel minħabba d-dannu ekonomiku kontinwu, permanenti u attwali, li jikkorrispondi għad-dannu ekonomiku ta’ kuljum sal-osservanza tal-Konfederazzjoni Svizzera tal-FMĦP jew l-irtirar ta’ waħda mill-partijiet għall-ftehim abbażi tal-Artikolu 340 TFUE għal nuqqas li tittieħed azzjoni;

it-tieni nett,

tikkonstata li l-ittra ta’ tweġiba tal-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta’ Diċembru 2018 tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ rifjut;

tannulla din id-deċiżjoni impliċita ta’ rifjut li tittieħed azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea kontra l-Konfederazzjoni Svizzera għal ksur tat-Trattati u li ma tikkumpensax id-dannu sostnut.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (ĠU 2002, L 114, p. 6) u d-Direttiva Nru 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22) mill-Isvizzera. Fil-fatt, ir-rikorrent jikkunsidra li l-Konfederazzjoni Svizzera ħadet f’Lulju 2013 provvediment sabiex tillimita l-istallazzjoni ta’ tobba f’żoni fejn hemm persunal żejjed kopert mill-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Svizzera, li tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta fuq in-nazzjonalità, sa fejn din il-limitazzjoni ma tapplikax għal tobba li għandhom 3 snin esperjenza fi sptarijiet universitarji Svizzeri.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ diskriminazzjoni mill-Unjoni Ewropea kontra tobba ċittadini Svizzeri, f’isem il-prinċipju tar-reċiproċità fid-dritt internazzjonali u li, skont ir-rikorrent, għandu jiġi stabbilit mill-Qorti Ġeenrali.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas illegali tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni fis-sens li din tal-aħħar kienet obbligata taġixxi minħabba li hija tiggarantixxi t-Trattati skont l-Artikolu 17(1) TUE u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jinvoka l-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi lejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċertezza legali tad-drittijiet miksuba.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fatt il-fatt li l-assenza ta’ passi ulterjuri meħuda fuq l-istedina tar-rikorrent lill-Kummissjoni sabiex tieħy azzjoni b’mod urġenti tikkostitwixxi b’hekk rifjut impliċitu u għaldaqstant deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 340 TFUE għal nuqqas li tittieħed azzjoni.


Top