EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XG0506(01)

Rapport ta’ progress konġunt tal-2010 tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal- Programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010

ĠU C 117, 6.5.2010, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 117/1


Rapport ta’ progress konġunt tal-2010 tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-“Programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010” (1)

2010/C 117/01

1.   INTRODUZZJONI

L-edukazzjoni u t-taħriġ jinsabu fil-qofol tal-aġenda ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi u huma element ewlieni għas-segwitu tagħha bil-perspettiva sal-2020. Il-ħolqien ta’ “trijangolu tal-għarfien” tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, li jiffunzjona tajjeb, u l-għajnuna liċ-ċittadini kollha biex jiksbu ħiliet aħjar huma kruċjali għat-tkabbir u l-impjiegi, kif ukoll għall-ekwità u l-inklużjoni soċjali. It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku jkompli saħansitra jenfasizza aktar dawn l-isfidi fil-perijodu twil. Il-baġits pubbliċi u privati jinsabu taħt pressjoni qawwija, impjiegi eżistenti qed jgħosfru, u dawk ġodda spiss jeħtieġu ħiliet differenti u ta' livell ogħla. Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom għalhekk jinfetħu aktar u jkunu rilevanti għall- ħtiġijiet taċ-ċittadini, u għal dawk tas-suq tax-xogħol u s-soċjetà kollha kemm hi.

Il-kooperazzjoni tal-politika fil-livell Ewropew fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, mill-2002 ’il hawn (2), ipprovdiet appoġġ prezzjuż għar-riformi fl-edukazzjoni tal-pajjiżi u kkontribwiet għall-mobbiltà tal-istudenti u l-prattikanti madwar l-Ewropa. Filwaqt li jibni fuq dan l-approċċ, u b'rispett sħiħ tar-responsabbiltà tal-Istati Membri għas-sistemi edukattivi tagħhom, il-Kunsill approva Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET 2020) f’Mejju 2009 (3).

Dan ir-4 rapport konġunt jiffoka fuq il-progress lejn objettivi maqbula dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ matul il-perijodu 2007-2009. Dan huwa bbażat fuq valutazzjoni dettaljata tar-rapporti u l-prestazzjoni nazzjonali fi sfond ta' sett ta' indikaturi u livelli ta' referenza tal-prestazzjoni medja Ewropea (“punti ta' riferiment”) (4). L-enfasi prinċipali hija fuq l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2006 dwar Kompetenzi Ewlenin (5). Iżda huwa jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali lejn l-iżvilupp tal-istrateġiji nazzjonali għat-tagħlim tul il-ħajja, u tar-riformi meħuda sabiex l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) jkunu aktar attraenti u rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u biex l-edukazzjoni għolja tiġi modernizzata.

Ir-rapport iqis ukoll l-isfidi ġodda li ġew identifikati, partikolarment dawk relatati mal-inizjattiva “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda” (6). Filwaqt li l-Istati Membri ma ffokawx b’mod espliċitu rapporti dwar kif l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jirreaġixxu għall-kriżi ekonomika, il-kwistjonijiet li jindirizzaw – partikolarment il-progress fl-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq il-kompetenzi, u l-modernizzazzjoni tal-ETV u l-edukazzjoni għolja – jinsabu fil-qofol tal-isforzi biex l-Ewropa jirnexxielha toħroġ minn din il-kriżi.

Ifeġġu x-xejriet u l-isfidi li ġejjin:

(1)

Sar titjib ġenerali fil-prestazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE. Madankollu, il-maġġoranza tal-punti ta' riferiment stabbiliti għall-2010 mhumiex ser jintlaħqu fil-ħin, filwaqt li fil-każ tal-punt ta' riferiment kruċjali dwar il-litteriżmu, il-prestazzjoni fil-fatt qed tiddeterjora. Biex dawn il-punti ta' riferiment jintlaħqu jinħtieġu aktar inizjattivi nazzjonali effettivi. It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, flimkien mal-isfida demografika, iservi biex jenfasizza l-urġenza tar-riformi filwaqt li jkompli jsir investiment fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jintlaħqu l-isfidi ekonomiċi u soċjali ewlenin.

(2)

Għadd kbir ta’ pajjiżi qegħdin jintroduċu riformi li b’mod espliċitu jużaw il-qafas tal-Kompetenzi Ewlenin bħala punt ta' referenza. Sar progress tajjeb sabiex jiġu adattati l-kurrikuli tal-iskejjel. Iżda għad baqa' ħafna xi jsir biex jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-kompetenzi tal-għalliema, biex jiġu aġġornati l-metodi tal-valutazzjoni, u biex jiddaħħlu metodi ġodda ta’ kif jiġi organizzat it-tagħlim f'ambjent skolastiku innovattiv. Sfida ewlenija hija li jiġi żgurat li l-istudenti kollha jibbenefikaw minn metodoloġiji innovattivi, inklużi dawk żvantaġġati u dawk fl-ETV u t-tagħlim għall-adulti.

(3)

L-implimentazzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja permezz ta’ tagħlim formali, nonformali u informali, u ż-żieda fil-mobbiltà, għadhom sfidi. L-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-universitajiet, għandhom jinfetħu aktar u jsiru iżjed rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u s-soċjetà kollha kemm hi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-istabbiliment ta’ sħubijiet bejn id-dinja tal-edukazzjoni u t-taħriġ u dik tax-xogħol.

2.   KOMPETENZI EWLENIN

Il-Qafas Ewropew għall-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja (7), jidentifika u jiddefinixxi 8 kompetenzi ewlenin neċessarji għas-sodisfazzjon personali, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u l-impjegabbiltà f’soċjetà bbażata fuq l-għarfien:

(1)

Il-komunikazzjoni bl-ilsien nattiv;

(2)

Il-komunikazzjoni b’ilsna barranin;

(3)

Il-kompetenza fil-matematika u kompetenzi bażiċi fix-xjenza u t-teknoloġija;

(4)

Il-kompetenza diġitali;

(5)

Il-kapaċità li wieħed jitgħallem;

(6)

Il-kompetenzi soċjali u ċiviċi;

(7)

Sens ta' inizjattiva u intraprenditorija;

(8)

Għarfien u espressjoni kulturali.

It-taħriġ u l-edukazzjoni inizjali għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta' dawn il-kompetenzi ewlenin sa livell li jattrezza liż-żgħażagħ kollha – inklużi dawk żvantaġġati – għal aktar tagħlim u għall-ħajja tax-xogħol. L-edukazzjoni u t-taħriġ tal-adulti għandhom jagħtu opportunitajiet ta' veru lill-adulti kollha biex jiżviluppaw u jaġġornaw il-kompetenzi ewlenin tagħhom matul ħajjithom.

2.1.   Progress fir-riformi kurrikulari

Hemm xejra ċara madwar l-UE kollha lejn it-tagħlim ibbażat fuq il-kompetenzi, u lejn approċċ li tar-riżultati tat-tagħlim. Il-Qafas Ewropew tal-Kompetenzi Ewlenin ikkontribwixxa b'mod konsiderevoli għal dan. F’xi pajjiżi, dan kien fil-qalba tar-riforma politika.

Sar progress sinifikanti b'mod partikolari fil-kurrikuli tal-iskejjel. L-oqsma ta' suġġetti tradizzjonali bħall-ilsien nattiv, l-ilsna barranin jew il-matematika u x-xjenza qegħdin jiġu ttrattati b’mod aktar interkurrikulari, b’aktar enfasi fuq l-iżvilupp ta' ħiliet u attitudnijiet pożittivi biswit l-għarfien, u b’aktar applikazzjonijiet għall-“ħajja reali”. Il-kompetenzi ewlenin trasversali qed isiru aktar prominenti u aktar espliċiti fil-kurrikuli. Wara dik li tqieset bħala prestazzjoni fqira minn bosta Stati Membri fl-istħarriġ PISA tal-2006, diversi pajjiżi ħolqu strateġiji jew pjanijiet ta’ azzjoni biex jgħollu l-livelli bażiċi tal-ħiliet, partikolarment fil-qari, il-matematika u x-xjenza.

2.2.   Jinħtieġ aktar żvilupp fl-organizzazzjoni tat-tagħlim fl-iskejjel

Filwaqt li l-bidla kurrikulari ġeneralment qed titwettaq, waħedha mhix biżżejjed. L-approċċ ibbażat fuq il-kompetenzi jinvolvi l-ħiliet u l-attitudnijiet li japplikaw l-għarfien kif adatt, u l-iżvilupp ta’ attitudnijiet pożittivi lejn aktar tagħlim, ħsieb kritiku u kreattività. Din tirrappreżenta sfida reali għall-organizzazzjoni tat-tagħlim u tiddependi b'mod kruċjali fuq il-ħiliet tal-għalliema u tal-mexxejja l-iskejjel. Teħtieġ ukoll li l-iskejjel ikunu responsabbli b’mod aktar espliċitu mit-tħejjija tal-istudenti għal aktar tagħlim bħala parti mill-qofol tal-missjoni tagħhom.

2.2.1.   L-applikazzjoni prattika tal-kompetenzi trasversali ewlenin

Bħala parti mill-kompetenza diġitali, għaddejja attività sfiqa biex l-iskejjel jiġu attrezzati b'teknoloġiji ġodda u biex jiġu żgurati l-ħiliet bażiċi fit-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT). Madankollu, it-tfal u ż-żgħażagħ qegħdin kull ma jmur jitgħallmu l-ħiliet tal-ICT b’mod informali, imma aspetti bħall-ħsieb kritiku fl-użu tat-teknoloġiji u l-midja l-ġodda, l-għarfien tar-riskji, u l-kunsiderazzjonijiet etiċi u legali qed jingħataw inqas attenzjoni. Hekk kif l-ICT qed jinfiles dejjem aktar f'ħajjet in-nies, dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati b’mod espliċitu fit-tagħlim. Il-potenzjal tat-teknoloġiji l-ġodda sabiex jitqawwew l-innovazzjoni u l-kreattività, is-sħubijiet ġodda u biex jiġu personalizzati l-ħtiġijiet tat-tagħlim hemm bżonn li jiġi sfruttat aħjar.

Il-kompetenzi għall-iżvilupp tal-kapaċità li wieħed jitgħallem huma preżenti wkoll f'bosta kurrikuli, iżda l-iskejjel u l-għalliema jeħtieġu aktar appoġġ sabiex dawn jiġu inkorporati sistematikament fil-proċessi tat-tagħlim u sabiex il-filosofija tat-tagħlim tiġi promossa f’kull aspett tal-iskola. Metodi innovattivi bħal pjanijiet personali għat-tagħlim u tagħlim ibbażat fuq l-inkwiżittività jistgħu jkunu siewja b’mod partikolari għal dawk li l-esperjenzi skolastiċi preċedenti tagħhom ma rnexxewx jew kienu negattivi.

Bl-istess mod, l-isfida marbuta mat-tagħlim ta' kompetenzi soċjali u ċiviċi, sens ta' inizjattiva u ta' intraprenditorija u għarfien kulturali hija li wieħed imur lil hinn mill-komponent tal-għarfien. L-istudenti jeħtieġu aktar opportunitajiet sabiex jieħdu inizjattivi u jitgħallmu fi skejjel li jkunu miftuħa għad-dinijiet tax-xogħol, l-azzjoni volontarja, l-isports u l-kultura. Dawn il-kompetenzi huma essenzjali għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet għall-innovazzjoni u biex joffru mezzi għall-integrazzjoni ta' studenti li ġejjin minn ambjenti ta' migrazzjoni u/jew żvantaġġati. F'dan il-kuntest huwa importanti li l-iskejjel jinfetħu għal attivitajiet li jinvolvu lil min jimpjega, lil gruppi taż-żgħażagħ, lil atturi kulturali, u lis-soċjetà ċivili.

Hemm numru ta’ eżempji li dejjem jiżdied tal-promozzjoni tal-intraprenditorija permezz ta’ sħubijiet ma’ intrapriżi jew l-iżvilupp ta' negozji żgħar immexxija mill-istudenti. L-iskambji juru li jeħtieġ li dawn iridu jkunu akkumpanjati mill-azzjoni sabiex jitrawmu l-inizjattiva, il-kreattività u l-innovazzjoni fl-iskejjel.

2.2.2.   L-edukazzjoni tal-għalliema u l-mexxejja tal-iskejjel

Il-kwalità tat-tagħlim u tat-tmexxija tal-iskejjel huma l-fatturi l-aktar importanti fi ħdan l-iskejjel li jispjegaw il-prestazzjoni tal-istudenti.

Hemm indikazzjonijiet li, f’xi pajjiżi, l-edukazzjoni inizjali tal-għalliema tħejji lill-għalliema sabiex jużaw l-approċċ tal-kompetenzi ewlenin. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-għalliema huma dawk li diġà qed jagħtu s-servizz tagħhom. Ir-rapport nazzjonali u l-iskambji politiċi juru li ftit li xejn hemm evidenza li qed isiru sforzi sistematiċi sabiex jiġu aġġornati l-kompetenzi tagħhom kif adatt.

Skont l-istħarriġ TALIS (8), l-għalliema ftit għandhom inċentivi biex itejbu l-mod ta' kif jgħallmu u l-aktar tipi komuni ta' attività ta' żvilupp professjonali disponibbli għalihom mhumiex dawk l-aktar effettivi. Il-biċċa l-kbira tal-għalliema jixtiequ li jingħataw aktar formazzjoni professjonali (partikolarment dwar il-ħtiġijiet tat-tagħlim speċjali, il-ħiliet fl-ICT, u l-imġiba tal-istudenti).

L-iżvilupp professjonali għall-mexxejja tal-iskejjel hija vitali peress li dawn huma responsabbli għall-ħolqien ta’ ambjent li fih l-istudenti u l-għalliema jibbenefikaw mill-iskejjel bħala komunitajiet tat-tagħlim. Madankollu, ftit pajjiżi biss għandhom taħriġ obbligatorju għall-mexxejja tal-iskejjel fi ħdan is-servizz.

2.2.3.   L-iżvilupp tal-valutazzjoni u l-assessjar

L-evidenza li l-assessjar għandu s-setgħa li jikkontribwixxi għall-effettività fit-tagħlim u jtejjeb il-motivazzjoni qiegħda dejjem tikber.

Standards minimi u valutazzjoni ċentralizzata issa qed jintużaw fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi biex jivvalutaw il-kisba ta' kompetenzi ewlenin fuq bażi paragunabbli, mill-inqas fl-edukazzjoni ġenerali.

Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-metodi tal-assessjar użati bħalissa jenfasizzaw wisq l-għarfien u l-memorizzazzjoni u ma jolqtux biżżejjed il-ħiliet kruċjali u d-dimensjoni tal-attitudnijiet tal-kompetenzi ewlenin. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-kompetenzi trasversali ewlenin u l-valutazzjoni fil-kuntest tal-ħidma transkurrikulari jidhru partikolarment ta' sfida. L-esperjenza ta’ dawk il-pajjiżi li jużaw metodoloġiji komplementari bħall-valutazzjoni inter pares, il-portafolli, il-pjanijiet ta' valutazzjoni tat-tagħlim individwali u/jew tal-iskejjel, u l-valutazzjoni bbażata fuq il-proġetti għandhom jiġu mistħarrġa u żviluppati aktar.

2.3.   Tinħtieġ aktar azzjoni fuq il-litteriżmu u l-iżvantaġġati

Livell tajjeb ta' litteriżmu huwa l-bażi sabiex wieħed jikseb il-kompetenzi ewlenin u għat-tagħlim tul il-ħajja u għalhekk jeħtieġ li jiġi żgurat mill-aktar età bikrija possibbli. Għaldaqstant, għajn ta’ tħassib kbir kontinwu hija d-deterjorament tal-prestazzjoni fil-ħiliet tal-qari meta mqabbel mal-punt ta' riferiment tal-UE għall-2010. Livelli inadegwati ta’ litteriżmu, partikolarment fost is-subien u l-migranti, ixekklu b'mod serju l-prospetti tagħhom għall-impjieg u l-benesseri. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għandhom fis-seħħ miżuri speċjali biex jappoġġaw il-kisba tal-litteriżmu, huwa ċar li hemm il-bżonn ta’ azzjoni nazzjonali aktar effettiva.

Filwaqt li l-punt ta' riferiment tal-UE għall-2010 huwa li jitnaqqas b'20 % l-perċentwal taż-żgħażagħ ta' 15-il sena li jaqgħu lura fil-ħiliet tal-qari, dan is-segment fil-fatt żdied minn 21,3 % fl-2000 għal 24,1 % fl-2006 (9). Il-prestazzjoni tal-istudenti li ġejjin minn ambjent ta’ migrazzjoni fil-qari, il-matematika u x-xjenza hija aktar baxxa minn dik tal-istudenti nattivi (data PISA).

Xejra ċara hija approċċ aktar personalizzat għat-tagħlim ta’ studenti żvantaġġati Dan spiss jiġi akkumpanjat minn azzjoni mmirata biex jiġu appoġġati dawk bi problemi ta’ litteriżmu (inklużi l-migranti) u dawk bi ħtiġijiet edukattivi speċjali, jew dawk li qegħdin f'riskju li jabbandunaw l-istudju. Iżda jidher li r-rapport nazzjonali jissuġġerixxu li l-progress qed iseħħ bil-mod, u t-taqbida kontra l-iżvantaġġar għadha sfida ewlenija. Hemm qasma ċara bejn il-pajjiżi li jipprattikaw it-tagħlim inklussiv għall-istudenti bi bżonnijiet speċjali u dawk li jipprattikaw it-tagħlim segregat: il-perċentwal ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali mgħallma f’sitwazzjonijiet mqabbel mal-għadd kumplessiv tal-istudenti fl-edukazzjoni obbligatorja jvarja bejn 0,01 % u 5,1 % (medja tal-UE: 2,1 %).

Il-programmi mmirati lejn il-kisba bikrija tal-ħiliet bażiċi, speċjalment il-litteriżmu u l-ħiliet fin-numri qed ifeġġu bħala strateġija fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi. F’xi każijiet, dawn huma kkomplementati mill-identifikazzjoni bikrija sistematika tal-problemi tat-tagħlim u l-appoġġ sussegwenti sabiex jiġi evitat li l-istudenti jaqgħu lura jew minn programmi mmirati sabiex iżidu l-interess f'oqsma bħall-ilsna barranin jew il-matematika u x-xjenza.

Filwaqt li l-miżuri speċifiċi li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-gruppi żvantaġġati huma komuni, xi pajjiżi ħolqu oqfsa leġiżlattivi ġenerali kemm għall-massa tal-istudenti kif ukoll għal gruppi speċifiċi, inkluża leġiżlazzjoni bbażata fuq id-drittijiet.

2.4.   Ħtieġa li jissaħħu l-kompetenzi ewlenin fl-ETVu t-Tagħlim għall-Adulti

Tradizzjonalment, l-ETV ikkonċentrat aktar fuq il-kompetenzi milli fuq l-edukazzjoni ġenerali. Madankollu, il-firxa sħiħa ta' kompetenzi ewlenin, kif iddefinita fil-qafas Ewropew, hija indirizzata b'mod anqas sistematiku mill-biċċa l-kbira tas-sistemi nazzjonali tal-ETV milli hi permezz tal-edukazzjoni ġenerali. B’mod partikolari, il-komunikazzjoni bl-ilsna barranin u l-firxa sħiħa tal-kompetenzi trasversali ewlenin, li kull ma jmur qed iżidu fl-importanza tagħhom meta wieħed iqis il-ħtiġijiet tas-soċjetà u s-suq tax-xogħol li qed jevolvi, għandhom jingħataw aktar attenzjoni. L-isfida hija relatata mal-kurrikuli, it-tagħlim u l-metodi tat-tagħlim kif ukoll mal-edukazzjoni tal-għalliema u l-ħarrieġa involuti fl-ETV.

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jenfasizzaw l-importanza ta' sistema effiċjenti tat-tagħlim għall-adulti. L-għan huwa li jipprovdu lill-adulti b'ħiliet aħjar għas-suq tax-xogħol, integrazzjoni soċjali u tħejjija għal xjuħija attiva.

Ġie rreġistrat xi progress fiż-żieda tal-parteċipazzjoni tal-adulti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, iżda mhux biżżejjed biex jintlaħaq il-punt ta' riferiment għall-2010 ta' 12,5 %. Fl-2008, 9,5 % tal-Ewropej bejn il-25 u l-64 sena pparteċipaw fl-erba' ġimgħat qabel l-istħarriġ, bl-adulti b'ħiliet għolja jipparteċipaw ħames darbiet aktar minn dawk b'ħiliet baxxi.

Għad hemm 77 miljun Ewropew ta’ etajiet bejn il-25 u l-64 sena (qrib it-30 %) li l-ogħla edukazzjoni li rċevew hija dik sekondarja bikrija.

Miżuri li jappoġġaw il-provvista tal-kompetenzi ewlenin lill-adulti jinkludu leġiżlazzjoni ġdida u reveduta, azzjoni u regolamentazzjoni mtejba, kif ukoll miżuri ta' finanzjament speċifiku. F'konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Tagħlim għall-Adulti (10), qed tingħata attenzjoni għal-litteriżmu, l-ilsna u l-kompetenza diġitali b'mod partikolari fost l-adulti b'ħiliet baxxi u/jew qiegħda u l-immigranti. Programmi tat-“tieni ċans” sabiex wieħed jikseb il-kwalifiki tal-iskola sekondarja huma komuni. Il-litteriżmu u l-ħiliet fin-numri xi kultant jagħmlu parti wkoll minn korsijiet b'orjentazzjoni vokazzjonali. L-użu ta’ dawn il-miżuri flimkien mal-gwida u r-rikonoxximent tat-tagħlim, kemm dak formali, kif ukoll dak nonformali u dak informali, hu meqjus bħala l-muftieħ għas-suċċess.

Madankollu, fil-każ tat-tagħlim tal-adulti huwa importanti wkoll li l-provvista tkopri l-firxa kollha tal-kompetenzi ewlenin, minflok ma tikkonċerntra fuq kompetenzi individwali bħal-litteriżmu jew il-ħiliet vokazzjonali speċifiċi. U din għandha wkoll tindirizza lill-adulti b'kull livell ta’ kwalifiki, inklużi dawk b’ħiliet baxxi, adulti bi ħtiġijiet edukattivi speċjali u l-anzjani. Il-kompetenzi tal-persunal involut fl-edukazzjoni tal-adulti għandhom jiġu aġġornati skont il-każ.

3.   STRATEĠIJI U STRUMENTI GĦAT-TAGĦLIM TUL IL-ĦAJJA

3.1.   It-tagħlim tul il-ħajja huwa kunċett stabbilit

Il-pajjiżi kollha tal-UE jirrikonoxxu t-tagħlim min-“nieqa sal-qabar” bħala fattur ewlieni għat-tkabbir, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali. Aspett importanti f’dan huwa l-livell tal-parteċipazzjoni ta’ dawk ta’ età bejn l-4 snin u l-64 sena fl-edukazzjoni u t-taħriġ, li qed jogħla kważi f'kull pajjiż tal-UE (11).

Strateġiji espliċiti għat-tagħlim tul il-ħajja ġew adottati mill-maġġoranza tal-pajjiżi. Saru sforzi partikolari biex jiġu żviluppati strumenti li jappoġġaw rotot tat-tagħlim flessibbli bejn il-partijiet differenti tas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ.

L-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) dieħel f'fażi kruċjali. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi qed jagħmlu progress sinifikanti fl-iżvilupp ta’ oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki, li jkopru l-livelli u t-tipi kollha ta’ edukazzjoni u taħriġ, u fir-referenzjar tal-oqfsa tagħhom mal-QEK sal-2010. Dan huwa marbut mal-użu usa' tar-riżultati tat-tagħlim sabiex jiddefinixxu u jiddeskrivu l-kwalifiki u tal-validazzjoni tat-tagħlim nonformali u informali.

Ittieħdu wkoll miżuri sabiex jitkompla l-iżvilupp tas-sistemi ta’ gwida tul il-ħajja, partikolarment għall-adulti. Is-sistemi differenti ta' gwida, madankollu, għadhom jeħtieġu li jiġu kkoordinati aħjar anki sabiex jgħinu liż-żgħażagħ itemmu l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom u jagħmlu t-tranżizzjoni lejn is-suq tax-xogħol.

3.2.   L-implimentazzjoni għadha sfida

L-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-istrateġiji tat-tagħlim tul il-ħajja għadhom sfida kritika. L-istrateġiji huma koerenti u komprensivi biss f'numru ta’ każijiet u xi wħud għadhom jiffukaw fuq setturi jew gruppi speċifiċi aktar milli fuq iċ-ċiklu kollu tal-ħajja. Biex ikunu effettivi, l-istrateġiji jeħtieġilhom ikopru perijodi ta' żmien twal biżżejjed, jipprovdu opportunitajiet fil-livelli ta' etajiet kollha u jkunu suġġetti għal reviżjoni u aktar żvilupp. Biex isaħħu r-rilevanza u l-impatt tagħhom, u biex jimmotivaw lill-individwi biex jipparteċipaw fit-tagħlim, hemm il-ħtieġa ta’ involviment akbar tal-partijiet interessati u kooperazzjoni aħjar mas-setturi politiċi lil hinn mill-edukazzjoni u t-taħriġ. Kwistjoni ewlenija fil-kriżi ekonomika ta’ bħalissa hija n-nuqqas ta’ mekkaniżmi adegwati biex jiġu skjerati r-riżorsi limitati b’mod strateġiku, inkluża l-kunsiderazzjoni ta' ħiliet ġodda u emerġenti.

4.   EDUKAZZJONI U TAĦRIĠ VOKAZZJONALI

4.1.   Indirizzati l-kwalità u kemm dan it-taħriġ huwa attraenti

Il-mira ċentrali tal-proċess ta’ Kopenħagen – li tittejjeb il-kwalità u l-attrazzjoni tas-sistemi tal-ETV – qed tiġi indirizzata, speċjalment permezz tal-implimentazzjoni ta' sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità f'konformità mal-Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-ETV (12), li ġie adottat dan l-aħħar. Din hija prijorità fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE. Qed tingħata attenzjoni partikolari lill-professjonalizzazzjoni tal-għalliema u l-ħarrieġa involuti fl-ETV. Il-pajjiżi qegħdin jużaw il-modularizzazzjoni aktar sabiex il-provvediment tal-ETV jsir aktar flessibbli u reattiv għall-ħtiġijiet tal-istudenti u tan-negozji.

4.2.   Il-provvista tal-ETV trid tkun aktar rilevanti

Kif stipulat fl-inizjattiva “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda”, għad baqa’ sfidi ewlenin. In-nuqqas ta' qbil bejn il-livelli tal-ħiliet u r-rekwiżiti tal-impjiegi aktarx li se jikbru sal-2020 jekk is-sistemi tal-ETV ma jkunux jistgħu jirrispondu b’aktar ħeffa u flessibbiltà għat-tkabbir mistenni fil-ħtiġijiet ta' kwalifiki u ħiliet.

Biex tittejjeb ir-rilevanza tal-ETV għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, it-taħriġ abbażi tax-xogħol qiegħed kull ma jmur jikkumplementa t-taħriġ abbażi tal-iskejjel. Għadd ta’ pajjiżi mingħajr tradizzjoni qawwija f'dawn l-oqsma qed jistabbilixxu skemi ġodda ta' apprentistat u qed jiżviluppaw il-kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali għall-ippjanar u l-aġġornament tal-provvediment tal-ETV. Madankollu, ir-relazzjonijiet dejjem aktar mill-qrib mad-dinja tan-negozju u aktar espansjoni tat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol huma kruċjali sabiex is-sistemi tal-ETV jadattaw għall-ħtiġijiet li dejjem qed jevolvu tas-suq tax-xogħol. Jinħtieġu wkoll aktar sforzi biex jissawru għodod effettivi għall-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ ħiliet.

Filwaqt li qed tingħata dejjem aktar attenzjoni biex jinfetħu t-toroq bejn l-ETV u l-edukazzjoni għolja, il-progress jeħtieġ li jitħaffef. L-istudenti miktuba fl-ETV għadhom jeħtieġu perspettivi ta' kwalifiki u opportunitajiet ta’ mobbiltà aktar attraenti, u aktar appoġġ permezz ta’ gwida u tagħlim tal-ilsna.

5.   L-IMMODERNIZZAR TAL-EDUKAZZJONI GĦOLJA

5.1.   Xi progress fit-titjib tal-aċċess u d-diversifikazzjoni tal-finanzjament

Qed jikber l-għarfien politiku li l-mezzi biex l-istudenti mhux tradizzjonali jkollhom aċċess għall-edukazzjoni jinsabu fil-qofol tal-kisba tat-tagħlim tul il-ħajja. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ħadu miżuri biex iżidu l-parteċipazzjoni tal-istudenti bi status soċjoekonomiku aktar baxx, inklużi inċentivi finanzjarji.

24 % tal-popolazzjoni adulta fl-Ewropa (25-64 sena) għandha livell ta’ edukazzjoni għoli (jiġifieri livell terzjarju), li huwa perċentwal ferm aktar baxx minn dak ta' 40 % għall-Istati Uniti u l-Ġappun.

Id-diversifikazzjoni tal-flussi tad-dħul finanzjarju fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja qiegħda tiżdied, bil-miżati għal-lezzjonijiet ikunu l-għajn ewlenija. Il-kuntratti bbażati fuq il-prestazzjoni u l-kompetizzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, inkluż għall-finanzjament pubbliku, qegħdin jiżdiedu wkoll.

5.2.   L-investiment u t-twassil tat-tagħlim tul il-ħajja għadhom sfidi

Iż-żieda fl-investiment kemm minn riżorsi pubbliċi kif ukoll minn dawk privati tibqa' sfida, partikolarment fi kriżi ekonomika. L-inizjattivi ta’ xi pajjiżi tal-UE li jżidu u jimmiraw ir-riżorsi lejn investiment akbar fl-edukazzjoni huma milqugħa; għandu jkun hemm aktar diversifikazzjoni sabiex din tinfluwenza t-twassil ta’ aktar fondi. L-investiment għandu wkoll isir aktar effiċjenti permezz tar-rinforz ta' mekkaniżmi għall-assigurazzjoni tal-kwalità appoġġati minn kooperazzjoni msaħħa, kif previst fil-Qafas Strateġiku “ET 2020”.

In-nuqqasijiet ta’ flessibbiltà strutturali u kulturali jibqgħu jirrappreżentaw l-aktar ostakoli sinifikanti għat-tisħiħ tar-rwol tal-edukazzjoni għolja fit-tkomplija tal-iżvilupp professjonali jew personali għal dawk li diġà qed jaħdmu. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom jirċievu inċentivi sabiex jiżviluppaw modi ta' attendenza u kurrikuli aktar flessibbli u sabiex jespandu l-validazzjoni tat-tagħlim preċedenti. L-edukazzjoni għolja għandha tinfiles sew fl-iżvilupp tal-oqfsa nazzjonali ġenerali tal-kwalifiki.

Awtonomija mtejba tal-universitajiet u titjib fil-governanza u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet huma kruċjali sabiex dawn ikunu jistgħu jinfetħu għall-istudenti kollha, b'mod partikolari l-istudenti mhux tradizzjonali, u sabiex jiġi ddiversifikat id-dħul finanzjarju. Sħubijiet bejn l-universitajiet u n-negozji (13) jistgħu joħolqu kondizzjonijiet adatti għal sehem akbar ta’ finanzjament mis-settur privat permezz tal-intrapriżi u – f'konformità mal-inizjattiva “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda” – jgħinu lill-universitajiet biex jiżviluppaw kurrikuli u kwalifiki li jkunu aktar rilevanti għall-kompetenzi meħtieġa għas-suq tax-xogħol u mill-istudenti (14).

6.   IT-TRIQ GĦALL-ĠEJJIENI

6.1.   Inqawwu l-kooperazzjoni fl-UE – l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku l-ġdid

Dan ir-Rapport Konġunt għall-2010 jirreġistra progress f’għadd ta' oqsma importanti u juri kif il-kooperazzjoni Ewropea kkontribwiet għar-riforma nazzjonali (15). Iżda huwa jidentifika wkoll l-isfidi kritiċi, partikolarment dawk marbuta mal-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas ta' Kompetenzi Ewlenin u mat-titjib tal-ftuħ u r-rilevanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ, li jeħtieġu aktar azzjoni ta' politika kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali.

Il-Qafas Strateġiku ET 2020 jipprovdi mod ta' kif jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Is-segwitu tagħhom għandu jifforma parti mill-oqsma ta' ħidma prijoritarja previsti speċifikament matul l-ewwel ċiklu ta' ħidma 2009-2011 tal-ET 2020, b’rabta mal-implimentazzjoni tal-inizjattiva “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda” u l-Istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ (16).

6.2.   Il-kompetenzi ewlenin għal kulħadd fuq bażi ta' tagħlim tul il-ħajja

Bosta pajjiżi qed jirriformaw il-kurrikuli espliċitament abbażi tal-qafas ta' Kompetenzi Ewlenin, b'mod partikolari fis-settur skolastiku. Iżda jeħtieġ li l-approċċi innovattivi għat-tagħlim jiġu żviluppati u implimentati fuq bażi usa’, sabiex jiġi żgurat li kull ċittadin ikollu aċċess għal opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità għolja.

Jinħtieġu aktar sforzi biex isostnu l-kisba ta' kompetenzi ewlenin għal dawk li jinsabu f'riskju li jaqgħu lura fil-kisbiet edukattivi tagħhom u fir-riskju ta' esklużjoni soċjali. Għandhom jiddaħħlu fin-norma l-isforzi eżistenti mmirati lejn il-provvediment ta' fondi addizzjonali għall-istudenti żvantaġġati, lejn il-ħtiġijiet edukattivi speċjali f’sitwazzjonijiet inklussivi jew il-miżuri mmirati lejn l-evitar li ż-żgħażagħ iħallu l-iskola qabel il-waqt. L-għadd dejjem jikber ta' persuni b'livelli baxxi ta' litteriżmu fil-qari jipprovdi l-akbar raġuni għat-tħassib. Hemm bżonn ta' azzjoni komprensiva kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew li tkopri l-livelli kollha tat-tagħlim minn dak ta' qabel il-primarja sal-ETV u l-edukazzjoni għall-adulti.

Jinħtieġ ukoll aktar azzjoni sabiex jiġu żviluppati metodi ta’ tagħlim u valutazzjoni f'konformità mal-approċċ tal-kompetenzi. L-Istati Membri u l-Kummissjoni ser jirrinforzaw il-ħidma taħt il-Qafas Strateġiku ET 2020 biex jittrattaw dawn il-kwistjonijiet. It-tagħlim għandu jattrezza lill-istudenti mhux biss bl-għarfien iżda wkoll bil-ħiliet u l-attitudnijiet rilevanti. Jinħtieġu sforzi partikolari għal dawk il-kompetenzi trasversali ewlenin li huma kruċjali għal aktar kreattività u innovazzjoni u għas-suċċess fid-dinja tax-xogħol u s-soċjetà kollha kemm hi.

It-tkomplija tal-iżvilupp professjonali tal-għalliema u l-ħarrieġa u l-mexxejja tal-iskejjel kollha teħtieġ li dawn jiġu attrezzati bil-kompetenzi pedagoġiċi u oħrajn neċessarji sabiex jassumu r-rwoli ġodda impliċiti f'din l-istrateġija. Huwa wkoll vitali li l-professjoni tal-għalliema ssir aktar attraenti u sostnuta aħjar.

Jeħtieġ li nsaħħu dawk il-kompetenzi meħtieġa għal aktar tagħlim u għas-suq tax-xogħol li spiss huma relatati mill-qrib ma' xulxin. Dan ifisser aktar żvilupp tal-approċċ tal-kompetenzi ewlenin lil hinn mis-settur skolastiku, fit-tagħlim għall-adulti u fl-ETV b'rabta mal-proċess ta' Kopenħagen, u li jiġi żgurat li r-riżultati tal-edukazzjoni għolja jkunu aktar rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Dan ifisser ukoll l-iżvilupp ta’ metodi għall-valutazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' kompetenzi, ħiliet u attitudnijiet trasversali li huma relevanti għall-aċċess għax-xogħol u għal aktar tagħlim. Jeħtieġ li tissawwar “lingwa” komuni li sservi ta' pont bejn id-dinja tal-edukazzjoni/it-taħriġ u dik tax-xogħol ħalli jsir aktar faċli għaċ-ċittadini u għal dawk li jħaddmu li jaraw kif il-kompetenzi ewlenin u r-riżulati tat-tagħlim huma rilevanti għall-inkarigi tal-ħidma u l-okkupazzjonijiet. Dan ikun ifisser li tiġi ffaċilitata l-mobilità okkupazzjonali u ġeografika taċ-ċittadini.

6.3.   It-twessigħ tal-approċċ ta’ sħubija

Sabiex jissaħħu l-kompetenzi taċ-ċittadini, u n-nies jiġu attrezzati aħjar għall-ġejjieni, is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ukoll jeħtiġilhom li jiġu estiżi aktar u jsiru aktar rilevanti għad-dinja esterna.

Is-sħubija bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u d-dinja esterna, speċjalment dik tax-xogħol, għandha tissaħħaħ fil-livelli kollha. Dawn it-tip ta' sħubijiet għandhom iwasslu biex il-prattikanti tal-edukazzjoni u t-taħriġ, in-negozji, l-entitajiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jkollhom aġenda komuni fi ħdan perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja. Is-sħubijiet għandhom joħolqu wkoll opportunitajiet ġodda għall-mobilità fit-tagħlim.

Jinħtieġu aktar inċentivi sabiex l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jitħeġġu jwessgħu l-aċċess għal studenti mhux tradizzjonali u gruppi żvantaġġati, inkluż permezz ta' sħubija ma' atturi esterni.

L-istudenti għandhom jingħataw aktar opportunitajiet ta' natura aħjar sabiex jiksbu esperjenza prattika u intuwizzjoni tal-ħajja professjonali, ċivika u kulturali. Għal dan il-għan, it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, l-apprentistati u l-iskemi ta' azzjoni volontarja għandhom jingħataw rwol ferm ikbar mhux biss fl-ETV u l-edukazzjoni tal-adulti, iżda anki fl-iskejjel u l-edukazzjoni għolja.

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji għat-tagħlim tul il-ħajja għandhom jinvolvu lill-partijiet interessati u lill-fornituri u jinkludu l-kooperazzjoni mas-setturi ta' politika lil hinn mill-edukazzjoni u t-taħriġ.

6.4.   Ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-istrateġija tal-UE għal wara l-2010 (“UE 2020”)

Żidiet immirati fl-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej huma kruċjali bħala mezz biex noħorġu mill-kriżi ekonomika, kemm bħala parti minn riformi strutturali fit-tul kif ukoll biex jittaffa l-impatt soċjali immedjat tagħha. Aktar minn qatt qabel, is-suċċess tal-Ewropa fil-kompetizzjoni globali jserraħ fuq il-ħiliet u l-kapaċitajiet innovattivi tagħha u fuq tranżizzjoni mħaffa lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien b'użu baxx tal-karbonju.

Ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala s-sisien tat-triangolu tal-għarfien għandu jiġi rinforzat. L-innovazzjoni u t-tkabbir se jkunu debboli mingħajr pedament estensiv ta' għarfien, ħiliet u kompetenzi li jħeġġu t-talent u l-kreattività minn età bikrija u li jiġu aġġornati tul il-ħajja adulta.

It-tagħlim tul il-ħajja u l-mobilità provvduti permezz ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja huma essenzjali biex jippermettu li kulħadd jikseb il-ħiliet rilevanti mhux biss għas-suq tax-xogħol, imma wkoll għall-inklużjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva. Il-Qafas Strateġiku ET 2020, flimkien mal-inizjattiva “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda”, ser ikollhom rwol ewlieni fl-indirizzar tal-prijoritajiet li jinsabu fil-qalba tal-istrateġija futura “UE 2020”.


(1)  Appoġġati minn żewġ dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni: 15897/09 ADD 1 (analiżi ta' implimentazzjoni fil-livell Ewropew u dak nazzjonali) u 16646/09 ADD 1 (Indikaturi u punti ta' riferiment 2009).

(2)  ĠU C 142, 14.6.2002, p. 1.

(3)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(4)  SEC(2009) 1598 u SEC(2009) 1616.

(5)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(6)  COM(2008) 868.

(7)  Ara n-nota 5 f'qiegħ il-paġna.

(8)  OECD 2009.

(9)  Ir-riżultati tal-istudju PISA 2009 ser isiru disponibbli f'Diċembru 2010.

(10)  COM(2007) 558 u ĠU C 140, 6.6.2008, p. 10.

(11)  Ara SEC(2009) 1616, kapitolu 1, tabella 1.2.

(12)  ĠU C 155, 8.7.2009, p. 1.

(13)  COM(2009) 158.

(14)  Ara l-Ewrobarometru Nru 260.

(15)  Ara wkoll SEC(2009) 1598.

(16)  COM(2009) 200.


Top