EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999L0021

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/21/KE tal-25 ta' Marzu 1999 dwar l-ikel dietetiku għal skopijiet mediċi speċjali (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 91, 7.4.1999, p. 29–36 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 21/02/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1999/21/oj

31999L0021



Official Journal L 091 , 07/04/1999 P. 0029 - 0036


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/21/KE

tal-25 ta' Marzu 1999

dwar l-ikel dietetiku għal skopijiet mediċi speċjali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI Tal- KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE tat-3 ta' Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-oġġetti ta' l-ikel maħsuba għall-użu ta' nutriment partikolari [1], emendata bid-Direttiva 96/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1) tagħha,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Xjentifiku ta' l-Ikel,

(1) Billi l-ikel dietetiku għal skopijiet mediċi speċjali huwa maħsub biex jissodisfa l-ħtiġiet partikolari tan-nutriment tal-persuni milquta minn, jew malnutriti minħabba, mard speċifiku, disturb, jew kondizzjoni medika; billi għal din ir-raġuni għandu jintuża taħt is-sorveljanza medika li tista' tiġi applikata bl-għajnuna ta' professjonisti mediċi kompetenti oħra;

(2) Billi dawn l-oggetti ta' l-ikel huma numerużi u l-kompożizzjoni tagħhom tista' tvarja b'mod sostanzjali skond il-marda, id-disturb jew il-kondizzjoni medika specifici tal-pazjenti li għalihom huma maħsubin, skond kemm għandhom età l-pazjenti u skond il-post fejn jirċievu l-kura, skond jekk l-ikel huwiex maħsub bħala l-uniku sors ta' nutriment, u possibilment skond fatturi oħra;

(3) Billi, minħabba d-diversità kbira ta' dan l-ikel u billi l-għerf xjentifiku li fuqu l-ikel huwa msejjes qiegħed kull ma jmur jiżviluppa, mhux approprjat li jiġu stabbiliti regoli ddettaljati dwar il-kompożizzjoni tiegħu;

(4) Billi, madankollu, ċerti regoli bażiċi li jirrigwardjaw il-kontenut tal-vitamini u tas-sustanzi minerali jistgħu jiġu stabbiliti għal dawk il-prodotti li huma kkunsidrati kompleti biżżejjed fin-nutrijenti tagħhom biex ikopru l-ħtiġiet partikolari tan-nutriment ta' min ikun se jużahom; billi regoli bħal dawn għall-ikel li hu nieqes min-nutrienti jistgħu jsiru biss għall-livelli massimi ta' dawn is-sustanzi kif approprjat;

(5) Billi din id-Direttiva tirrifletti l-għerf korrenti dwar dawn il-prodotti; billi kull modifika biex jiġu kkunsidrati l-innovazzjonijiet imsejsa fuq il-progress xjentifiku u tekniku trid tiġi deċiża skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 89/398/KEE;

(6) Billi skond l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/398/KEE, id-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-sustanzi bi skopijiet speċifiċi tan-nutriment li jintużaw fil-fabbrikazzjoni ta' l-ikel għal skopijiet mediċi speċjali għandhom jiġu stabbiliti fid-direttiva separata tal-Kummissjoni;

(7) Billi skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/398/KEE, il-prodotti koperti b' din id-Direttiva huma bla ħsara għar-regoli ġenerali stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 ta' Diċembru 1978 dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-tikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta' l-oġġetti ta' l-ikel [3], l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE [4]; billi d-Direttiva preżenti tadotta u tespandi ż-żidiet u l-eċċezzjonijiet għal dawn ir-regoli ġenerali, fejn approprjat;

(8) Billi, b'mod partikolari, minħabba n-natura u d-destinazzjoni ta' l-ikel dietetiku għal skopijiet mediċi speċjali, hemm bżonn li jiġi pprovvdut it-tagħrif li jirrigwardja l-valur ta' l-enerġija u n-nutrijenti prinċipali li jinsabu f'dan l-ikel;

(9) Billi, minħabba n-natura partikolari ta' l-ikel dietetiku għal skopijiet mediċi speċjali, għandu jkun hemm meżżi oħra barra dawk li soltu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-korpi li jimmonitorjaw, sabiex jiġi ffaċilitat iċ-ċekkjar effiċjenti ta' dawn il-prodotti;

(10) Billi, skond il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa meħtieġ u approprjat, sabiex tintlaħaq il-mira bażika tat-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-oġġetti ta' l-ikel li huma maħsubin għall-użu ta' nutriment partikolari, li jintagħmlu regoli dwar l-ikel għal skopijiet mediċi speċjali; billi din id-Direttiva tipprovdi biss dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-miri segwiti skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 3b tat-Trattat;

(11) Billi l-miżuri pprovvduti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti ta' l-oġġetti ta' l-ikel,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Din id-Direttiva hija Direttiva speċifika skond it-tifsira ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/398/KEE u tistabbilixxi l-ħtiġiet tal-kompożizzjoni u t-tikketjar ta' l-ikel dietetiku għal skopijiet mediċi speċjali definiti fil-paragrafu 2 u ppreżentati ta' hekk.

2. Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "trabi" tfisser tfal taħt it-12-il xahar;

(b) "ikel dietetiku għal skopijiet mediċi speċjali" ifisser kategorija ta' ikel maħsub għall-użu ta' nutriment partikolari pproċessat b'mod speċjali jew ifformolat u maħsub għal-management tad-dieta tal-pazjenti u li għandu jiġi użat taħt is-sorveljanza medika. Dan hu maħsub sabiex jitma' b'mod esklussiv jew parzjali lill-pazjenti b'kapaċita limitata, dgħajfa jew iddisturbata għalbiex jieklu, jiddiġerixxu, jassorbu, jimmetaboliżżaw jew ineħħu oġġetti ordinarji ta' l-ikel jew ċerti nutrijenti li jkunu fihom, jew metaboliti, jew bi ħtiġiet nutrijenti stabbiliti medikament, li l-management tad-dieta tagħhom ma tistax tinkiseb biss bil-modifika tad-dieta normali, b'ikel ieħor għall-użu nutrittiv partikolari, jew bl-għaqda tat-tnejn.

3. L-ikel dietetiku għal skopijiet mediċi speċjali huwa kklassifikat f'dawn it-tliet kategoriji:

(a) l-ikel mimli bin-nutrimenti b'formolazzjoni standard tan-nutrijenti li, użat skond l-istruzzjonijiet tal-fabbrikant, jista' jikkostitwixxi s-sors waħdieni tan-nutriment għall-persuni li għalihom hu maħsub;

(b) l-ikel mimli bin-nutrimenti bil-formulazzjoni tan-nutrijenti adattata għall-marda, id-disturb jew il-kondizzjoni medika speċifiċi, li wżat skond l-istruzzjonijiet tal-fabbrikant, jista' jkun is-sors waħdieni tan-nutriment għall-persuni li għalihom huwa maħsub;

(ċ) l-ikel li huwa nieqes min-nutrijenti u bil-formulazzjoni standard jew bil-formulazzjoni tan-nutrijenti adattata għall-marda, id-disturb jew il-kondizzjoni medika speċifiċi li mhux adattat biex ikun is-sors waħdieni tan-nutriment,

L-ikel riferit fil-punti (b) u (ċ) jista' jiġi wżat ukoll bħala sostituzzjoni parzjali jew bħala suppliment għad-dieta tal-pazjent.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-ikel tad-dieta għal skopijiet mediċi speċjali jista' jiġi mqiegħed fis-suq fil-Kommunità biss jekk iħares ir-regoli stabbiliti f'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Il-formolazzjoni ta' l-ikel dietetiku għal skopijiet mediċi speċjali għandha tkun imsejsa fuq prinċipji mediċi u nutrimentali sodi. L-użu tiegħu, skond l-istruzzjonijiet tal-fabbrikant, għandu jkun fis-sigurtà u ta' benefiċċju u effettiv sabiex jissodisfa l-ħtiġiet tan-nutriment partikolari tal-persuni li għalihom huwa maħsub, kif muri mill-informazzjoni xjentifika aċċettata b'mod ġenerali.

Għandu iħares il-kriterji tal- kompożizzjoni speċifikati fl-Anness.

Artikolu 4

1. L-isem li bih jinbigħ l-ikel tad-dieta għal skopijiet mediċi speċjali għandu jkun rispettivament:

- bl-Ispanjol:

"Alimento dietético para usos médicos especiales"

- bid-Daniż:

"Levnedsmiddel/Levnedsmidler til særlige medicinske formål"

- bil-Ġermaniż:

"Diätetisches/Diätetische Lebensmittel für besondere medizinische Zwecke (Bilanzierte Diäten)"

- bil-Grieg:

"Διαιτητικά τρόφιμα για ειδικούς ιατρικούς σκοπούς"

- bl-Ingliż:

"Food(s) for special medical purposes"

- bil-Franċiż:

"Aliment(s) diététique(s) destiné(s) à des fins médicales spéciales"

- bit-Taljan:

"Alimento dietetico destinato a fini medici speciali"

- bl-Olandiż:

"Dieetvoeding voor medisch gebruik"

- bil-Portugiż:

"Produto dietético de use clínico"

- bil-Finlandiż:

"Kliininen ravintovalmiste/kliinisiä ravintovalmisteita"

- bl-Isvediż:

"Livsmedel för speciella medicinska ändamål"

2. It-tikkettjar għandu jkollu, barra mid-dettalji pprovvduti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 79/112/KEE, il-partikolaritajiet mandatorji li ġejjin:

(a) il-valur ta' l- enerġija disponibbli espress f'kJ u kcal, u l-kontenut tal-proteini, il-karboidrati u x-xaħam, espressi fl-għamla numerika, għal kull 100 g jew kull 100ml tal-prodott kif mibjugħ, u fejn approprjat għal kull 100 g jew kull 100 ml tal-prodott lest għall-użu skond l-istruzzjonijiet tal-fabbrikant. Dan it-tagħrif jista' barra minn hekk jingħata għal kull porzjon individwali kkwantifikat fuq it-tikketta jew ma' kull porzjon, sakemm jiġi ddikjarat in-numru tal-porzjonijiet li jkun fih il-pakkett;

(b) il-kwantità medja ta' kull sustanza minerali u ta' kull vitamina msemmija fl-Anness preżenti fil-prodott, espressi fl-għamla numerika għal kull 100 g jew kull 100 ml tal-prodott kif mibjugħ, u fejn approprjat għal kull 100 g jew kull 100 ml tal-prodott lest għall-użu skond l-istruzzjonijiet tal-fabbrikant. Dan it-tagħrif jista' barra minn hekk jingħata għal kull porzjon individwali kif kkwantifikat fuq it-tikketta jew għal kull porzjon, sakemm jigi ddikjarat n-numru tal-porzjonijiet li jkun fih il-pakkett;

(ċ) b' mod selettiv il-kontenut tal-komponenti tal-proteini, tal-karboidrati u tax-xaħam u/jew tan-nutrijenti l-oħra u l-komponenti tagħhom li d-dikjarazzjoni tagħhom tkun meħtieġa għall-użu approprjat tal-prodott, mogħti f'espressjoni numerika għal kull 100 g jew kull 100 ml tal-prodott kif mibjugħ u fejn approprjat għal kull 100 g jew għal kull 100 ml tal-prodott lest għall-użu skond l-istruzzjonijiet tal-fabbrikant. Dan it-tagħrif jista' barra minn hekk jingħata għal kull porzjon individwali kkwantifikat fuq it-tikketta jew għal kull porzjon, sakemm jigi ddikjarat in-numru tal-porzjonijiet li jkun fih il-pakkett;

(d) tagħrif dwar l-osmolalità jew l-osmolarità tal-prodott meta approprjat;

(e) tagħrif dwar l-oriġini u n-natura tal-proteina u/jew l-idrolisati tal-proteina li jkun fih il-prodott.

3. It-tikkettjar għandu jkollu wkoll dawn il-partikolaritajiet mandatorji, preċeduti mill-kliem "avviż importanti" jew l-ekwivalenti tiegħu:

(a) dikjarazzjoni illi l-prodott għandu jiġi użat taħt is-superviżjoni medika;

(b) dikjarazzjoni dwar jekk il-prodott huwiex adattat għall-użu bħala s-sors waħdieni tan-nutriment;

(ċ) dikjarazzjoni li l-prodott huwa maħsub għal grupp ta' età speċifika, kif approprjat;

(d) meta approprjat dikjarazzjoni li l-prodott jista' jkun ta' riskju għas-saħħa meta jiġi kkunsmat minn persuni li m'għandhomx il-mard, id-disturbi jew il-kondizzjonijiet mediċi li għalihom huwa maħsub il-prodott.

4. It-tikkettjar għandu jinkludi wkoll:

(a) id-dikjarazzjoni "Għall-management tad-dieta ta'…" fejn il-vojt ikun mimli bil-mard, id-disturbi jew il-kondizzjonijiet mediċi li għalihom huwa maħsub il-prodott;

(b) meta approprjat dikjarazzjoni li tirrigwardja l-prekawzzjonijiet u l-kontra-indikazzjonijiet adegwati;

(ċ) deskrizzjoni tal-kwalitajiet u/jew karatteristiċi li jagħmlu l-prodott b'mod partikolari utli, skond il-każ, fejn għandu x'jaqsam man-nutrijenti li jkunu ġew miżjuda, imnaqqsa, eliminati jew immodifikati b' xi mod ieħor u r-raġunament wara l-użu tal-prodott;

(d) fejn approprjat twissija li l-prodott mhuwiex għall-użu parenterali.

5. It-tikkettjar għandu jkollu l-istruzzjonijiet għall-preparazzjoni approprjata, l-użu u l-post fejn jinħażen il-prodott wara l-ftuħ tar-reċipjent, kif approprjat.

Artikolu 5

1. Biex jiffaċilita l-monitorjaġġ effiċjenti uffiċjali ta'l-ikel tad-dieta għal skopijiet mediċi speċifiċi, meta l-prodott jitqiegħed fis-suq, il-fabbrikant, jew meta l-prodott jiġi ffabrikat f'pajjiż ieħor, l-importatur, għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fejn il-prodott jiġi mqiegħed fis-suq billi jintbagħat mudell tat-tikketta użata għall-prodott. L-Istati Membri jistgħu ma jinponux din l-obligazzjoni jekk ikunu kapaċi juru li n-notifikazzjoni mhix neċessarja ghall-monitorjaġġ ta' dawn il-prodotti b'mod effiċjenti fit-territorju tagħhom.

2. L-awtoritajiet kompetenti skond it-tifsira ta' dan l-Artikolu huma dawk riferiti fl-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 89/398/KEE.

Artikolu 6

L-Istati membri ghandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mit-30 ta' April 2000. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

Dawn il-liġijiet, regolamenti, u dispożizzjonijiet amministrattivi għandhom jiġu applikati hekk illi:

- jippermettu l-kummerċ tal-prodotti li jħarsu din id-Direttiva mill-1 ta' Mejju 2000,

- jipprojbixxu l-kummerċ tal-prodotti li ma jikkonformawx ma' din id-Direttiva mill-1 ta' Novembru 2000.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jagħmlu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza meta dawn jiġu ppubblikati b'mod uffiċjali. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottati mill-Istati Membri.

Artikolu 7

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 8

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-25ta' Marzu 1999.

Għall-Kummissjoni

Martin Bangemann

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 27.

[2] ĠU L 48, tad-19.2.1997, p. 20.

[3] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 1.

[4] ĠU L 69, tas-16.3.1999, p. 22.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

IL-KOMPOŻIZZJONI ESSENZJALI TA' L-IKEL GĦALL-ISKOPIJIET MEDIĊI SPECJALI

L-speċifikazzjonijiet jirreferu għall-prodotti lesti għall-użu, imqiegħda fis-suq, jew ikkostitwiti mill-ġdid skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-fabbrikant.

1. Il-prodotti riferiti fl-Artikolu 1(3)(a) maħsuba b'mod speċifiku għat-trabi għandu ikollhom fihom il vitamini u s-sustanzi minerali speċifikati fit-Tabella l.

2. Il-prodotti riferiti fl-Artikolu 1(3)(b) maħsuba b'mod speċifiku għat-trabi għandu ikollhom fihom il-vitamini u s-sustanzi minerali speċifikati fit-Tabella 1, mingħajr preġudizzju għall-modifiki f'wieħed jew aktar minn dawn in-nutrijenti magħmula neċessarji mill-użu li għalih huwa maħsub il-prodott.

3. Il-livelli massimi tal-vitamini u s-sustanzi minerali preżenti fil-prodotti riferiti fl-Artikolu 1(3)(b) maħsuba b'mod speċifiku għat-trabi ma għandhomx ikunu ogħla minn dawk speċifikati fit-Tabella 1, mingħajr preġudizzju għall-modifiki f'wieħed jew aktar minn dawn in-nutrijenti magħmula meħtieġa mill-użu li għalih huwa maħsub il-prodott.

4. Fejn dan ma jmurx kontra l-ħtiġiet iddettati mill-użu maħsub, l-ikel għal skopijiet mediċi speċjali maħsuba b'mod speċifiku għat-trabi għandu jħares id-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu man-nutrijenti l-oħra li japplikaw għall-formuli għat-trabi u formuli ta' prossegwiment, skond kif ikun il-każ, stabbiliti fid-Diretttiva 91/321/KEE u l-modifiki sossegwenti tagħha.

5. Il-prodotti riferiti fl-Artikolu 1(3)(a), għajr dawk maħsuba b'mod speċifiku għat-trabi għandu ikun fihom il- vitamini u s-sustanzi minerali speċifikati fit-Tabella 2.

6. Il-prodotti riferiti fl-Artikolu 1(3)(b) għajr dawk maħsuba b'mod speċifiku għat-trabi għandu ikollhom fihom il-vitamini u s-sustanzi minerali speċifikati fit-Tabella 2, mingħajr preġudizzju għall-modifiki f'wieħed jew aktar minn dawn in-nutrijenti magħmula meħtieġa mill-użu li għalih huwa maħsub il-prodott.

7. Il-livelli massimi tal-vitamini u s-sustanzi minerali preżenti fil-prodotti riferiti fl-Artikolu 1(3)(ċ) għajr dawk maħsuba b'mod speċifiku għat-trabi ma għandhomx ikunu ogħla minn dawk speċifikati fit-Tabella 2, mingħajr preġudizzju għall-modifiki f'wieħed jew aktar minn dawn in-nutrijenti magħmula meħtieġa mill-użu li għalih huwa maħsub il-prodott.

TABELLA 1

Il-valuri tal-vitamini, il-minerali u l-elementi traċċi fl-ikel li hu komplet fin-nutrijenti maħsub għall-użu mit-trabi

Vitamini:

| Kull 100 kj | Kull 100 kcal |

| Minimu | Massimu | Minimu | Massimu |

Vitamina A (μg ER) | 14 | 43 | 60 | 180 |

Vitamina D (μg) | 0,25 | 0,75 | 1 | 3 |

Il-Vitamina K (μg) | 1 | 5 | 4 | 20 |

Il-Vitamina C (mg) | 1,9 | 6 | 8 | 25 |

It-Tijamina (mg) | 0,01 | 0,075 | 0,04 | 0,3 |

Ir-Riboflavin (mg) | 0,014 | 0,1 | 0,06 | 0,45 |

Il-Vitamina B6 (mg) | 0,009 | 0,075 | 0,035 | 0,3 |

Minerali:

| Kull 100 kj | Kull 100 kcal |

| Minimu | Massimu | Minimu | Massimu |

Is-Sodju (mg) | 5 | 14 | 20 | 60 |

Il-Klorur (mg) | 12 | 29 | 50 | 125 |

Il-Potassju (mg) | 15 | 35 | 60 | 145 |

Il-Kalċju (mg) | 12 | 60 | 50 | 250 |

Il-Fosfru (mg) | 6 | 22 | 25 | 90 |

Il-Manjesju (mg) | 1,2 | 3,6 | 5 | 15 |

Il-Ħadid (mg) | 0,12 | 0,5 | 0,5 | 2 |

Iż-Żingu (mg) | 0,12 | 0,6 | 0,5 | 2,4 |

Ir-Ram m (μg) | 4,8 | 29 | 20 | 120 |

Il-Jodju (μg) | 1,2 | 8,4 | 5 | 35 |

Is-Silenju (μg) | 0,25 | 0,7 | 1 | 3 |

Il-Manganiż (mg) | 0,012 | 0,05 | 0,05 | 0,2 |

Il-Kromju (μg) | — | 2,5 | — | 10 |

Il-Molibdenu (μg) | — | 2,5 | — | 10 |

Il-Fluworidu (mg) | — | 0,05 | — | 0,2 |

| Kull 100 kj | Kull 100 kcal |

| Minimu | Minimu | Minimu | Massimu |

Vitamina A (μg ER) | 8,4 | 43 | 35 | 180 |

Vitamina D (μg) | 0,12 | 0,65/0,75 | 0,5 | 2,5/3 |

Il-Vitamina K (μg) | 0,8 5 | 5 | 3,5 | 20 |

Il-Vitamina C (mg) | 0,54 | 5,25 | 2,25 | 22 |

It-Tijamina (mg) | 0,015 | 0,12 | 0,06 | 0,5 |

Ir-Riboflavin (mg) | 0,02 | 0,12 | 0,08 | 0,5 |

Il-Vitamina B6 (mg) | 0,02 | 0,12 | 0,08 | 0,5 |

In-Nijaċina (mg NE) | 0,22 | 0,75 | 0,9 | 3 |

L-Aċidu Foliku (μg) | 2,5 | 12,5 | 10 | 50 |

Il-Vitamina B12 (μg) | 0,017 | 0,17 | 0,07 | 0,7 |

L-Aċidu Pantoteniku mg) | 0,035 | 0,35 | 0,15 | 1,5 |

Il-Bijotina (μg) | 0,18 | 1,8 | 0,75 | 7,5 |

Il-Vitamina E (mg α-TE) | 0,5/g aċidi grassi mhux polisaturati espressi bħala aċidu linolejku, iżda fl-ebda każ inqas minn 0,1 mg għal kull 100 kj dsponibbli | 0,75 | 0,5/g acidi grassi mhux polisaturati espressi bħala aċidu linolejku, iżda fl-ebda każ inqas minn 0,5 mg għal kull 100 kj disponibbli | 3 |

| Kull 100 kj | Kull 100 kcal |

| Minimu | Massimu | Minimu | Massimu |

Is-Sodju (mg) | 7,2 | 42 | 30 | 175 |

Il-Klorur (mg) | 7,2 | 42 | 30 | 175 |

Il-Potassju (mg) | 19 | 70 | 80 | 295 |

Il-Kalċju (mg) | 8,4/12 | 42/60 | 35/50 | 175/250 |

Il-Fosfru (mg) (i) | 7,2 | 19 | 30 | 80 |

Il-Manjesju (mg) | 1,8 | 6 | 7,5 | 25 |

Il-Ħadid (mg) | 0,12 | 0,5 | 0,5 | 2 |

Iż-Żingu (mg) | 0,12 | 0,36 | 0,5 | 1,5 |

Ir-Ram (μg) | 15 | 125 | 60 | 500 |

Il-Jodju (μg) | 1,55 | 8,4 | 6,5 | 35 |

--------------------------------------------------

Top