EUR-Lex Ingång till EU-rätten

Tillbaka till EUR-Lex förstasida

Det här dokumentet är ett utdrag från EUR-Lex webbplats

Dokument 62015CJ0601

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Frar 2016.
J. N. vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Raad van State.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2008/115/KE – Soġġorn legali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 9 – Dritt li wieħed jibqa’ fi Stat Membru – Direttiva 2013/33/UE – Punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) – Detenzjoni – Protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku – Validità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 6 u 52 – Limitazzjoni – Proporzjonalità.
Kawża C-601/15 PPU.

Rättsfallssamlingen – allmänna delen

ECLI-nummer: ECLI:EU:C:2016:84

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Frar 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari — Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali — Direttiva 2008/115/KE — Soġġorn legali — Direttiva 2013/32/UE — Artikolu 9 — Dritt li wieħed jibqa’ fi Stat Membru — Direttiva 2013/33/UE — Punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) — Detenzjoni — Protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku — Validità — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 6 u 52 — Limitazzjoni — Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑601/15 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

J. N.

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz (Relatur), J. L. da Cruz Vilaça, C. Toader, D. Šváby u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund, C. Vajda u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal J. N., minn S. Thelosen u S. Pijl, avukati,

għall-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie, minn D. Kuiper, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort u M. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn S. Vanrie, M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u S. Šindelková, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ċiprijott, minn A. Argyropoulou, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Parlament Ewropew, minn T. Lukácsi u R. van de Westelaken, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Chavrier u F. Naert, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande, H. Krämer u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, p. 96).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn J. N. u l-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (segretarju tal-Istat għas-sigurtà u għall-ġustizzja, iktar ’il quddiem is-“segretarju tal-Istat”) dwar id-detenzjoni tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Il-KEDB

3

Intitolat “Id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà”, l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) jipprovdi:

“Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-persuna. Ħadd ma għandu jiġi ipprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skont il-proċedura preskritta bil-liġi:

[...]

(f)

l-arrest jew id-detenzjoni skont il-liġi ta’ persuna biex jiġi evitat li tidħol mingħajr awtorità fil-pajjiż jew ta’ persuna li kontra tagħha tkun qed issir kawża għad-deportazzjoni jew għall-estradizzjoni.”

Il-Karta

4

L-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà”, jipprovdi:

“Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà.”

5

Skont l-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”:

“1.   Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

[...]

3.   Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.

[...]

7.   L-ispjegazzjonijiet imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni ta’ din il-Karta għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati ta’ l-Unjoni u ta’ l-Istati Membri.”

Id-Direttiva 2008/115/KE

6

Il-premessa 4 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98), tiddikjara:

“Hemm bżonn li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb.”

7

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni [Direttiva] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(2)

‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 [tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 562/2006, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, p. 1)] jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

[...]

(4)

‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

[...]”.

8

Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Tluq volontarju”:

“1.   Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4. L-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-leġislazzjoni nazzjonali li tali perijodu għandu jingħata biss wara applikazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi konċernati dwar il-possibbiltà li jippreżentaw tali applikazzjoni.

Il-perijodu ta’ żmien previst fl-ewwel subparagrafu ma jeskludix il-possibbiltà li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz konċernati jitilqu qabel.

2.   L-Istati Membri għandhom, fejn neċessarju, jestendu l-perijodu għat-tluq volontarju għal perijodu adegwat, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali, bħat-tul tas-soġġorn, l-eżistenza ta’ tfal li jattendu l-iskola u l-eżistenza ta’ rabtiet familjari u soċjali oħrajn.

3.   Ċerti obbligi maħsuba biex jevitaw ir-riskju ta’ ħarba, bħal ma huma r-rappurtar regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja adegwata, il-preżentazzjoni ta’ dokumenti jew l-obbligu li wieħed jibqa’ f’ċertu post, jistgħu jiġu imposti għat-tul tal-perijodu ta’ tluq volontarju.

4.   Jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem.”

9

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tneħħija”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.”

10

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Projbizzjoni fuq id-dħul”, jipprovdi:

“1.   Deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul:

(a)

jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew,

(b)

[...]

2.   It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi determinat b’kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u fil-prinċipju ma għandux jeċċedi il-ħames snin. Hu jista’ madankollu jeċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

[…]”

Id-Direttiva 2013/32/UE

11

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, p. 60), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

(c)

‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha deċiżjoni finali tkun għadha ma tteħditx;

[...]

(p)

‘tibqa’ fl-Istat Membru’ tfisser li tibqa’ fit-territorju, inklużi l-fruntiera jew iż-żoni ta’ tranżitu tal-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew li fih tkun saret jew qiegħda tiġi eżaminata tali applikazzjoni;

(q)

‘applikazzjoni sussegwenti’ tfisser applikazzjoni oħra għall-protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti, inklużi każijiet fejn l-applikant ikun irtira b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu u każijiet fejn l-awtorità determinanti tkun irrifjutat applikazzjoni wara l-irtirar impliċita tagħha taħt l-Artikolu 28(1).

[...]”

12

Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Id-dritt li wieħed jibqa’ fl-Istat Membru matul l-eżami tal-applikazzjoni”:

“1.   L-applikanti għandhom jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru, għall-fini tal-proċedura biss, sa meta l-awtorità determinanti tkun ħadet deċiżjoni fl-ewwel istanza skont il-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu III. Dak id-dritt li jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru m’għandux jikkostitwixxi intitolament għall-permess ta’ residenza.

2.   L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni biss fejn persuna tagħmel applikazzjoni sussegwenti kif imsemmi fl-Artikolu 41 jew fejn dawn iċedu jew jestradixxu, skont il-każ, persuna lejn Stat Membru ieħor skont obbligi f’konformità ma’ mandat ta’ arrest Ewropew [...] jew diversament, jew lejn pajjiż terz jew lejn qrati jew tribunali kriminali internazzjonali.”

[...]”

Id-Direttiva 2013/33

13

Fil-premessi 15 sa 18, 20 u 35 tagħha, id-Direttiva 2013/33 tiddikjara dan li ġej:

“(15)

Id-detenzjoni tal-applikanti għandha tkun applikata skont il-prinċipju sottostanti li persuna m’għandiex tinżamm f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija qed tfittex protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari skont l-obbligi legali internazzjonali tal-Istati Membri, u skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni [dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 3545 (1954)], kif issupplimentata bil-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967]. L-applikanti jistgħu jiġu detenuti biss taħt ċirkostanzi eċċezzjonali definiti b’mod ċar stipulati fid-Direttiva u soġġetti għall-prinċipju ta’ neċessità u proporzjonalità fir-rigward kemm tal-manjiera kif ukoll tal-iskop ta’ tali detenzjoni. Meta applikant jinżamm detenut huwa jew hija għandhom ikollhom aċċess effettiv għall-garanziji proċedurali neċessarji bħar-rimedju ġudizzjarju quddiem awtorità ġudizzjarja nazzjonali.

(16)

Fir-rigward ta’ proċeduri amministrattivi relatati mar-raġunijiet għad-detenzjoni, il-kunċett ta’ ‘diliġenza meħtieġa’ tal-anqas jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu passi konkreti u siewja biex jiżguraw li ż-żmien sabiex jiġu vverifikati r-raġunijiet għad-detenzjoni jkun l-iqsar possibbli, u li jkun hemm prospettiva reali li tali verifika tkun tista’ ssir b’suċċess fl-iqsar żmien possibbli. Id-detenzjoni m’għandhiex taqbeż iż-żmien raġonevolment meħtieġ biex jitlestew il-proċeduri rilevanti.

(17)

Ir-raġunijiet għad-detenzjoni stabbiliti f’din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għar- raġunijiet l-oħra ta’ detenzjoni, inklużi r-raġunijiet ta’ detenzjoni fil-qafas tal-proċedimenti kriminali, li jkunu applikabbli taħt il-liġi nazzjonali, mhux relatati mal-applikazzjoni għal protezzjoni nazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terzi jew persuna apolida.

(18)

Applikanti li huma f’detenzjoni għandhom ikunu ttrattati b’rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u l-akkoljenza tagħhom għandha tkun imfassla b’mod speċifiku biex tissodisfa l-bżonnijiet tagħhom f’dik is-sitwazzjoni. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Artikolu 37 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti [dwar id-Drittijiet tat-Tfal, konkluża fi New York fl-20 ta’ Novembru 1989 u rratifikata mill-Istati Membri kollha] ikun applikat.

[...]

(20)

Sabiex tiġi żgurata aħjar l-integrità fiżika u psikoloġika tal-applikanti, id-detenzjoni għandha tkun miżura tal-aħħar rikors u għandha tiġi applikata biss wara li jkunu ġew eżaminati kif adatt il-miżuri alternattivi kollha mhux ta’ kustodja għad-detenzjoni. Kwalunkwe miżura alternattiva għad-detenzjoni għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-applikanti.

[...]

(35)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1 4, 6, 7, 18, 21, 24 u 47 tal-Karta u trid tiġi implimentata b’dan il-mod”.

14

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

(b)

‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha tkun għadha ma tteħditx deċizjoni finali;

[...]

(h)

‘detenzjoni’ tfisser restrizzjoni ta’ applikant minn Stat Membru f’post partikulari, fejn l-applikant ikun imċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu jew tagħha;

[...]”

15

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Detenzjoni”, jistabbilixxi dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri m’għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija applikant(a) skont id-Direttiva [2013/32].

2.   Meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ, l-Istati Membri jistgħu jżommu applikant f’detenzjoni, sakemm miżuri inqas dixxiplinari oħra ma jistgħux ikunu applikati b’mod effettiv.

3.   Applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss:

(a)

sabiex tiġi determinata, aċċertata jew ivverifikata l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu jew tagħha;

(b)

sabiex jiġu determinati dawk l-elementi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li ma jkunux ottenibbli fin-nuqqas ta’ detenzjoni b’mod partikolari fejn ikun hemm riskju li l-applikant jaħrab;

(c)

sabiex tittieħed deċiżjoni, fil-kuntest ta’ proċedura, fuq id-dritt tal-applikant sabiex jidħol fit-territorju;

(d)

meta huwa jew hija jinżammu f’detenzjoni soġġetti għal proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva [2008/115] sabiex iħejju r-ritorn u/jew iwettqu l-proċess ta’ tneħħija, u l-Istat Membru konċernat jkun jista’ jiddeċiedi abbażi ta’ kriterji oġġettivi, inkluż li huwa jew hija diġà kellhom l-opportunità li jaċċessaw il-proċedura tal-asil, li hemm raġunijiet raġonevoli biex jemmen li huwa jew hija qed japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali sempliċiment sabiex itawwlu jew jipprevjenu l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn;

(e)

meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubblika jeħtieġu hekk;

(f)

skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida [(ĠU L 180, p. 31)].

Ir-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli rigward l-alternattivi għad-detenzjoni, bħal rappurtaġġ regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja, jew l-obbligu li joqgħod f’żona ġeografika indikata, huma stipulati fil-liġi nazzjonali.”

16

Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Garanziji għal applikanti detenuti”:

“1.   Applikant għandu jiġi detenut biss għal żmien qasir kemm jista’ jkun u għandu jinżamm detenut biss sakemm ikunu applikabbli r-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 8(3).

Il-proċeduri amministrattivi relevanti għar-raġunijiet għad-detenzjoni stipulati fl-Artikolu 8(3) għandhom jiġi eżegwiti bid-diliġenza dovuta. Dewmien fl-ipproċessar tal-proċeduri amministrattivi li ma jistgħux ikunu attribwiti lill-applikant m’għandux jiġġustifika l-kontinwazzjoni tad-detenzjoni.

2.   Id-detenzjoni tal-applikanti għandha tiġi ordnata bil-miktub minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi. L-ordni tad-detenzjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet fil-fatt u bi dritt li fuqhom hija bbażata.

3.   Fejn id-detenzjoni tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu rieżami ġudizzjarju minnufih tal-legalità tad-detenzjoni li jiġi mwettaq ex officio u/jew fuq talba tal-applikant. Meta jitwettaq ex officio tali rieżami għandu jiġi deċiż mill-aktar fis possibbli mill-bidu tad-detenzjoni. Meta jitwettaq fuq talba tal-applikant, huwa għandu jiġi deċiż mill-aktar fis possibbli wara t-tnehdija tal-proċedimenti rilevanti. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu fil-liġi nazzjonali l-perjodu li fih għandhom jitwettqu r-rieżami ex officio u/jew ir-rieżami fuq talba tal-applikant.

Meta, b’riżultat tar-rieżami ġudizzjarju, id-detenzjoni tinstab li kienet illegali, l-applikant ikkonċernat għandu jinħeles minnufih.

4.   L-applikanti detenuti għandhom jiġu infurmati minnufih bil-miktub, f’lingwa li jifhmu jew li huma raġonevolment mistennija li jifhmu, dwar ir-raġunijiet għad-detenzjoni u l-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali għall-kontestazzjoni tal-ordni tad-detenzjoni, kif ukoll dwar il-possibbiltà li jitolbu assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas[.]

5.   Id-detenzjoni għandha tiġi riveduta minn awtorità ġudizzjarja f’intervalli raġonevoli ta’ żmien, ex officio u/jew fuq talba tal-applikant ikkonċernat, b’mod partikolari kull meta din tkun għal perjodu estiż, iqumu ċirkostanzi relevanti jew issir disponibbli informazzjoni ġdida li jista’ jkollhom effett fuq il-legalità tad-detenzjoni.

[...]”

Id-dritt Olandiż

17

L-Artikolu 8 tal-liġi tal-2000 dwar il-barranin (Vreemdelingenwet 2000) (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-barranin”) jipprovdi:

“Barrani għandu d-dritt joqgħod legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi biss:

[...]

f)

sakemm tingħata d-deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza [temporanja għall-ażil], meta, konformement ma’ din il-liġi jew ma’ dispożizzjoni adottata bis-saħħa tagħha jew ma’ deċiżjoni ġudizzjarja, il-barrani ma għandux jitkeċċa sakemm tkun ingħatat deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu.

[...]”

18

Skont l-Artikolu 30a tal-liġi dwar il-barranin:

“1.   Applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza temporanja [għall-ażil] tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli fis-sens tal-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar il-proċeduri tal-ażil jekk:

[...]

d)

il-barrani jkun ippreżenta applikazzjoni sussegwenti għall-ażil li ma jkunx issostanzja permezz ta’ elementi jew fatti ġodda jew mingħajr ma jkunu ħarġu elementi jew fatti ġodda li jistgħu jkunu rilevanti għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni;

[...].

3.   Jistgħu jiġu stabbiliti regoli li jispeċifikaw il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1 permezz jew bis-saħħa ta’ miżura amministrattiva ġenerali.”

19

L-Artikolu 59b tal-liġi dwar il-barranin jipprovdi:

“1.   Barrani li jkun f’sitwazzjoni ta’ soġġorn legali skont l-Artikolu 8(f) [...], sa fejn is-sitwazzjoni tirrigwarda applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza [temporanja għall-ażil], jista’ jinżamm f’detenzjoni mill-ministru jekk:

a)

id-detenzjoni tkun neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-identità jew in-nazzjonalità tal-barrani;

b)

id-detenzjoni tkun neċessarja sabiex tinġabar id-data neċessarja għall-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja prevista fl-Artikolu 28, b’mod partikolari jekk ikun hemm riskju ta’ tneħħija ta’ dokumenti;

[...]

d)

il-barrani jirrappreżenta periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku fis-sens tal-punt (e) [tal-ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [2013/33].

[...]

4.   Id-detenzjoni skont il-paragrafu 1(d) ma għandhiex teċċedi sitt xhur.

5.   Il-ministru jista’ jestendi d-detenzjoni skont il-paragrafu 1(d) b’massimu ta’ disa’ xhur fil-każ ta’:

a)

ċirkustanzi fattwali u legali kumplessi relatati mal-eżami tal-applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza temporanja [għall-ażil]; u

b)

interess sinjifikattiv relatat mal-ordni pubbliku jew mas-sigurtà nazzjonali.”

20

L-Artikolu 3.1 tad-digriet tal-2000 dwar il-barranin (Vreemdelingenbesluit 2000) jistabbilixxi:

“[...]

2.   Il-konsegwenza tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza [temporanja għall-ażil] għandha tkun li t-tkeċċija ma titwettaqx, ħlief jekk:

a)

il-barrani jkun ippreżenta applikazzjoni sussegwenti wara li applikazzjoni sussegwenti preċedenti tkun ġiet iddikjarata inammissibbli definittivament skont l-Artikolu 30a(1)(d) tal-[liġi dwar il-barranin] jew tkun ġiet miċħuda definittivament bħala manifestament infondata jew infondata skont l-Artikoli 30b jew 31 tal-[liġi dwar il-barranin], mingħajr ma jkunu ħarġu elementi jew fatti ġodda li jistgħu ikunu rilevanti għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni;

[...]

3.   L-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 ma għandhomx ikunu applikabbli jekk it-tkeċċija twassal għal ksur tal-Konvenzjoni [dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951, kif issupplimentata bil-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967], ta’ obbligi imposti mid-dritt tal-Unjoni, tal-[KEDB] jew tal-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

21

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali daħal fil-Pajjiżi l-Baxxi fit-23 ta’ Settembru 1995 u, fl-istess jum, ippreżenta l-ewwel applikazzjoni għall-ażil. Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 1996. Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, ir-Rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) iddikjarat ir-rikors ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra din id-deċiżjoni infondat. Dik is-sentenza saret definittiva.

22

Mill-kondotta tal-persuna kkonċernata, li l-qorti tar-rinviju għandha għad-dispożizzjoni tagħha, jirriżulta li, bejn il-25 ta’ Novembru 1999 u s-17 ta’ Ġunju 2015, din tal-aħħar ġiet ikkundannata wieħed u għoxrin darba għal pieni li jvarjaw minn multa għal priġunerija, għal reati li jikkonsistu prinċipalment f’serq.

23

Fid-19 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta t-tieni applikazzjoni għall-ażil iżda rtiraha fl-24 ta’ Diċembru ta’ wara.

24

Fit-8 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta t-tielet applikazzjoni għall-ażil. Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Jannar 2014, is-segretarju tal-Istat ċaħad din l-applikazzjoni, ordna li l-persuna kkonċernata titlaq mill-Unjoni Ewropea immedjatament u impona fuqha projbizzjoni fuq id-dħul għal perijodu ta’ għaxar snin. Permezz ta’ sentenza tal-4 ta’ April 2014, ir-Rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) iddikjarat ir-rikors ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra din id-deċiżjoni infondat. Dik is-sentenza wkoll saret definittiva.

25

Fit-28 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie arrestat fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi talli kkommetta serq u talli evita l-projbizzjoni fuq id-dħul li kienet ġiet imposta fuqu. Għal dawn iż-żewġ reati, huwa ġie kkundannat, fil-11 ta’ Frar 2015, għal piena ta’ priġunerija għal perijodu ta’ xahrejn.

26

Fis-27 ta’ Frar 2015, waqt li kien qed jiskonta din il-piena, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta r-raba’ applikazzjoni għall-ażil, iżda raġunijiet marbuta mal-istat ta’ saħħtu pprekludew li tingħata deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni l-ġdida matul l-eżekuzzjoni tal-imsemmija piena.

27

Fis-27 ta’ Marzu 2015, jiġifieri fil-jum li fih intemmet l-istess piena, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali nżamm f’detenzjoni bħala applikant għall-ażil, b’mod partikolari bil-għan li jiġi evalwat jekk kienx possibbli li jinstema’ dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil.

28

Fid-9 ta’ April 2015, din id-detenzjoni ntemmet minħabba r-riskju li jinqabeż it-terminu massimu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ dak iż-żmien.

29

Fis-16 ta’ Ġunju 2015, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie arrestat mill-ġdid talli kkommetta serq u talli evita l-projbizzjoni fuq id-dħul li kienet ġiet imposta fuqu. Għal dawn iż-żewġ reati, huwa ġie kkundannat, fl-1 ta’ Lulju 2014, għal piena ta’ priġunerija għal perijodu ta’ tliet xhur. Din il-piena ntemmet fl-14 ta’ Settembru 2015.

30

Peress li, f’din id-data tal-aħħar, raġunijiet ta’ natura medika kienu għadhom jipprekludu li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jinstema’ dwar ir-raba’ applikazzjoni tiegħu għall-ażil, dan tal-aħħar inżamm f’detenzjoni mill-ġdid bħala applikant għall-ażil permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Settembru 2015, abbażi tal-Artikolu 59b(1)(d) tal-liġi dwar il-barranin, li tittrasponi l-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33. Fil-fatt, skont l-awtoritajiet Olandiżi, minkejja li l-persuna kkonċernata, minħabba din ir-raba’ applikazzjoni għall-ażil, kellu d-dritt li joqgħod legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi bis-saħħa tal-Artikolu 8(f) tal-liġi dwar il-barranin, id-detenzjoni tiegħu kienet iġġustifikata għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku, peress li huwa kien ġie kkundannat talli kkommetta reati u peress li kien issuspettat li kkommetta oħrajn.

31

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors li permezz tiegħu kkontesta d-deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2015 li żammitu f’detenzjoni u talab id-danni. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Settembru 2015 tar-Rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag), li ddeċidiet fl-ewwel istanza.

32

Fit-18 ta’ Settembru 2015, l-espert forensiku kkonstata li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien għadu ma jistax jinstema’ dwar l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu.

33

Fit-23 ta’ Ottubru 2015, id-detenzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ġiet sospiża sabiex huwa jkun jista’ jiskonta piena ta’ priġunerija oħra li għaliha kien ġie kkundannat.

34

Fil-kuntest tal-appell ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju mis-sentenza tar-Rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) tat-28 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li d-detenzjoni tiegħu tmur kontra t-tieni frażi tal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB, li tipprovdi li d-detenzjoni ta’ barrani tista’ tkun iġġustifikata biss mill-fatt li tkun pendenti kawża għad-deportazzjoni jew għall-estradizzjoni. Fil-fatt, iż-żamma ta’ barrani f’detenzjoni, meta dan tal-aħħar ikun jirrisjedi legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi sakemm tingħata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, tmur kontra din id-dispożizzjoni.

35

Fir-rigward ta’ din l-allegazzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Karta, filwaqt li tosserva li, skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, id-drittijiet previsti fl-Artikolu 6 tagħha jikkorrispondu għal dawk li huma ggarantiti mill-Artikolu 5 tal-KEDB u, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandhom l-istess tifsira u l-istess portata li tagħtihom il-KEDB.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 huwa validu fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Karta:

1)

f’sitwazzjoni fejn ċittadin ta’ pajjiż terz ikun inżamm f’detenzjoni skont il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva u għandu d-dritt, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/32 li jibqa’ fi Stat Membru sakemm l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni fl-ewwel istanza, u

2)

fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta li skont dawn il-limitazzjonijiet li jistgħu leġittimament jiġu imposti fuq id-drittijiet previsti fl-Artikolu 6 ma jistgħux jeċċedu l-limiti permessi mill-KEDB fil-formulazzjoni stess tal-Artikolu 5(1)(f) tal-imsemmija konvenzjoni, u tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għal din l-aħħar dispożizzjoni, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha Nabil et vs L‑Ungerija (Nru 62116/12, § 38, 22 ta’ Settembru 2015) li skont din id-detenzjoni ta’ applikant għall-ażil tmur kontra d-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tal-KEDB jekk din id-detenzjoni ma kinitx ġiet imposta għall-finijiet ta’ tneħħija?”

Fuq il-proċedura b’urġenza

37

Ir-Raad van State (kunsill tal-Istat) talab li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

38

Insostenn ta’ din it-talba, il-qorti tar-rinviju tinvoka, b’mod partikolari, il-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa attwalment imċaħħad mil-libertà. Hija tispeċifika li, skont l-informazzjoni li hija setgħet tikseb mingħand is-segretarju tal-Istat, għalkemm id-detenzjoni li huwa kien suġġett għaliha tneħħiet fit-23 ta’ Ottubru 2015, minn dik id-data ’l quddiem, huwa qed jiskonta piena ta’ priġunerija (“strafrechtelijke detentie”) li ser tintemm fl-1 ta’ Ottubru 2015 u li, wisq probabbilment, wara li tintemm din il-piena, huwa ser jinżamm mill-ġdid f’detenzjoni (“vreemdelingenbewaring”).

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li jirrigwarda l-validità tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, iqajjem kwistjonijiet li jikkonċernaw l-oqsma previsti fit-Titolu V, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE. Għalhekk huwa jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

40

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, fid-data li fiha ġiet eżaminata t-talba sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien imċaħħad mil-libertà. Għalkemm huwa minnu li, f’din id-data, din iċ-ċaħda tal-libertà ma kinitx ibbażata fuq il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, peress li kienet tirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, jibqa’ l-fatt li din id-detenzjoni, mit-23 ta’ Ottubru 2015 ’l quddiem, kienet issuċċediet detenzjoni ordnata abbażi tad-Direttiva 2013/33. Barra minn hekk, skont il-previżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali, huwa kellu jinżamm mill-ġdid f’detenzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33, wara li tintemm il-piena ta’ priġunerija tiegħu.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-24 ta’ Novembru 2015, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bil-għan li tiġi assenjata lill-Awla Manja.

42

Fl-1 ta’ Diċembru 2015, il-qorti tar-rinviju, li kienet impenjat ruħha li tikkomunika kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar żviluppi fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, minn din l-istess data ’l quddiem, dan tal-aħħar kien inżamm mill-ġdid f’detenzjoni (“vreemdelingenbewaring”) abbażi tal-Artikolu 59b(1)(d) tal-liġi dwar il-barranin.

Fuq id-domanda preliminari

43

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-validità tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Karta.

44

Mill-proċess jirriżulta li r-raġunijiet li għalihom ir-rikorrent fil-kawża prinċipali nżamm f’detenzjoni jirrigwardaw b’mod partikolari r-reati li huwa kkommetta fit-territorju Olandiż u l-fatt li huwa kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija minn dan it-territorju, flimkien ma’ projbizzjoni fuq id-dħul, li saru definittivi. Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB, b’mod partikolari għas-sentenza Nabil et vs L-Ungerija, iċċitata iktar ’il fuq (§ 38), li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 ta’ din tal-aħħar. Skont din il-ġurisprudenza, id-detenzjoni ta’ applikant għall-ażil tmur kontra din id-dispożizzjoni tal-KEDB meta ma tiġix ordnata għal finijiet ta’ tneħħija.

45

Preliminarjament, għandu jitfakkar li għalkemm, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-KEDB jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u għalkemm l-Artikolu 52(3) tal-Karta jistabbilixxi li d-drittijiet li jinsabu fiha u li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma taderixxix magħha, strument legali integrat formalment fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenzi Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 44, u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 45).

46

Għaldaqstant, l-eżami tal-validità tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 għandu jitwettaq unikament fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 47, u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 46).

47

F’dan ir-rigward, mill-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 6 tal-Karta, li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bil-għan tal-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 20, u Spasic, C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punt 54), jirriżulta li d-drittijiet previsti fl-Artikolu 6 tal-Karta jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 5 tal-KEDB u li l-limitazzjonijiet li jistgħu leġittimament jiġu imposti fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet irrikonoxxuti fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jeċċedu l-limitazzjonijiet awtorizzati mill-KEDB fil-formulazzjoni nfisha tat-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 52 tal-Karta jindikaw li l-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu huwa intiż sabiex jiżgura l-koerenza meħtieġa bejn il-Karta u l-KEDB, “mingħajr ma dan jaffetwa b’mod negattiv l-awtonomija tal-liġi ta’ l-Unjoni u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea”.

48

Barra minn hekk, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod li ma jqigħedx inkwistjoni l-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta (sentenzi McDonagh, C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 44, u Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 40).

49

Billi jawtorizza d-detenzjoni ta’ applikant meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku jeħtieġu hekk, il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 jipprevedi limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà rrikonoxxut fl-Artikolu 6 tal-Karta.

50

Issa skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-kontenut essenzjali tagħhom. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet u ta’ dawn il-libertajiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jiġu ssodisfatti l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

51

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-limitazzjoni inkwistjoni tirriżulta minn direttiva li tikkostitwixxi att leġiżlattiv tal-Unjoni, din il-limitazzjoni hija prevista mil-liġi.

52

Barra minn hekk, il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 ma jaffettwax il-kontenut essenzjali tad-dritt għal-libertà rrikonoxxut fl-Artikolu 6 tal-Karta. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tqiegħedx inkwistjoni l-garanzija ta’ dan id-dritt u, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni u tal-premessa 15 ta’ din id-direttiva, tagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jżommu lil applikant f’detenzjoni biss minħabba l-aġir individwali tiegħu u fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali previsti fl-istess dispożizzjoni, liema ċirkustanzi, barra minn hekk, huma llimitati mill-kundizzjonijiet kollha li jinsabu fl-Artikoli 8 u 9 tal-imsemmija direttiva.

53

Peress li l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ordni pubbliku jikkostitwixxu l-għan li l-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 jfittex li jilħaq, għandu jiġi kkonstatat li miżura ta’ detenzjoni bbażata fuq din id-dispożizzjoni tissodisfa ġenwinament għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni. Barra minn hekk, il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ordni pubbliku tikkontribwixxi wkoll għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6 tal-Karta jistabbilixxi d-dritt ta’ kull persuna mhux biss għal-libertà, iżda wkoll għas-sigurtà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 42).

54

F’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tal-indħil ikkonstatat, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tfittex li tilħaq, filwaqt li l-inkonvenjenzi kkawżati minn din tal-aħħar ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 45; Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 71, u Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 50).

55

F’dan ir-rigward, id-detenzjoni ta’ applikant meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku jeħtieġu hekk hija, min-natura stess tagħha, miżura xierqa sabiex tipproteġi lill-pubbliku mill-periklu li jista’ jikkostitwixxi l-aġir ta’ tali persuna u għalhekk tista’ tissodisfa l-għan li l-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 jfittex li jilħaq.

56

F’dak li jirrigwarda n-natura neċessarja tas-setgħa, mogħtija lill-Istati Membri minn din id-dispożizzjoni, li applikant jinżamm f’detenzjoni għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-importanza tad-dritt għal-libertà rrikonoxxut fl-Artikolu 6 tal-Karta u tal-gravità tal-indħil f’dan id-dritt li tikkostitwixxi tali miżura ta’ detenzjoni, il-limitazzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandhom japplikaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (ara b’analoġija, f’dak li jirrigwarda d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, is-sentenza Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 52).

57

F’dan ir-rigward, kemm mill-formulazzjoni u mill-kuntest kif ukoll mill-oriġini tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33 jirriżulta li l-possibbiltà, prevista fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li applikant jinżamm f’detenzjoni għal raġunijiet ibbażati fuq il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku hija suġġetta għall-osservanza ta’ serje ta’ kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jillimitaw strettament l-użu ta’ tali miżura.

58

Fil-fatt, l-ewwel nett, mit-termini nfushom tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 jirriżulta li applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku “jeħtieġu” hekk.

59

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 jelenka b’mod eżawrjenti d-diversi raġunijiet, fosthom dak ibbażat fuq il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku, li jistgħu jiġġustifikaw detenzjoni u li kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tissodisfa bżonn speċifiku u għandha natura awtonoma.

60

Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 jistabbilixxi li r-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu ddefiniti mid-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jħallu lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddefinixxu miżuri ta’ traspożizzjoni li jkunu adegwati għad-diversi sitwazzjonijiet possibbli, huma għandhom, fl-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri, mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-direttiva inkwistjoni, iżda għandhom jiżguraw ukoll li ma jistriħux fuq interpretazzjoni tagħha li tidħol f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 68, u N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 77).

61

It-tieni nett, il-paragrafi l-oħra tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33 jimponu, kif jindikaw il-premessi 15 u 20 tal-imsemmija direttiva, limitazzjonijiet sinjifikattivi fuq is-setgħa mogħtija lill-Istati Membri li jwettqu detenzjoni. Fil-fatt, mill-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-Istati Membri ma jistgħux iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li hija tkun ippreżentat applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tal-istess direttiva jeżiġi li detenzjoni tista’ tiġi ordnata biss meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni individwali ta’ kull każ, jekk miżuri oħra ta’ inqas koerzjoni ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv. L-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2013/33 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli rigward l-alternattivi għad-detenzjoni, bħal rappurtaġġ regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja jew l-obbligu li wieħed joqgħod f’żona ġeografika indikata, jiġu stabbiliti fil-liġi nazzjonali.

62

Bl-istess mod, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/33 jistabbilixxi li applikant għandu jiġi ddetenut biss għal żmien qasir kemm jista’ jkun u għandu jinżamm iddetenut biss sakemm ikunu applikabbli r-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ detenzjoni hija suġġetta għall-osservanza ta’ garanziji proċedurali u ġudizzjarji sinjifikattivi. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 9(2) u (4) tal-imsemmija direttiva, din id-deċiżjoni għandha tiddikjara bil-miktub ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija tkun ibbażata, u numru ta’ elementi ta’ informazzjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-applikant b’lingwa li jifhem jew li huwa raġonevolment mistenni li jifhem. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 9(3) u (5) tal-istess direttiva jispeċifika l-modalitajiet tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-detenzjoni li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu.

63

It-tielet nett, mill-punt 4 tat-Titolu 3 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards minimi dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-ażil [COM(2008) 815 finali], li wasslet għad-Direttiva 2013/33, jirriżulta li r-raġuni għad-detenzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ordni pubbliku, bl-istess mod bħat-tliet raġunijiet l-oħra li jinsabu f’din il-proposta u li sussegwentement ser jiġu riprodotti fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva, hija bbażata fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-miżuri ta’ detenzjoni tal-applikanti għall-ażil, tas-16 ta’ April 2003, kif ukoll fuq il-linji gwida tal-Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (HCR) dwar il-kriterji u l-istandards applikabbli relatati mad-detenzjoni tal-applikanti għall-ażil, tas-26 ta’ Frar 1999. B’mod partikolari mill-punti 4.1 u 4.2 ta’ dawn il-linji gwida, fil-verżjoni tagħhom adottata matul is-sena 2012, jirriżulta li, minn naħa, id-detenzjoni tikkostitwixxi miżura eċċezzjonali li tista’ tkun iġġustifikata biss għal għan leġittimu u li tliet raġunijiet, li ġeneralment huma konformi mad-dritt internazzjonali, jiġifieri l-ordni pubbliku, is-saħħa pubblika u s-sigurtà nazzjonali, jistgħu jirrendu d-detenzjoni neċessarja f’każ individwali. Min-naħa l-oħra, id-detenzjoni għandha tintuża biss bħala miżura aħħarija, meta jiġi stabbilit li tkun neċessarja, raġonevoli u proporzjonata għal għan leġittimu.

64

Għandu jingħad ukoll li l-limitazzjoni stretta li għaliha hija suġġetta s-setgħa mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jżommu applikant f’detenzjoni, abbażi tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, hija żgurata wkoll mill-interpretazzjoni, mogħtija mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-kunċetti ta’ “sigurtà nazzjonali” u ta’ “ordni pubbliku” li jinsabu f’direttivi oħra u li tapplika wkoll fir-rigward tad-Direttiva 2013/33.

65

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-kunċett ta’ “ordni pubbliku” jippreżupponi, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza, minbarra t-taqlib għall-ordni soċjali li jikkostitwixxi kull ksur tal-liġi, ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà [sentenzi Zh. u O., C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, fir-rigward tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115, u T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata, fir-rigward tal-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46)].

66

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “sigurtà pubblika”, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kunċett ikopri s-sigurtà interna ta’ Stat Membru u s-sigurtà esterna tiegħu u li, għalhekk, il-preġudizzju għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi essenzjali kif ukoll is-sopravivenza tal-popolazzjoni, bl-istess mod bħar-riskju ta’ disturb serju tar-relazzjonijiet esterni jew tal-koeżistenza paċifika tal-popli, jew inkella l-preġudizzju għall-interessi militari, jistgħu jaffettwaw is-sigurtà pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punti 4344).

67

Għalhekk, preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku jista’ biss jiġġustifika, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ neċessità, iż-żamma f’detenzjoni ta’ applikant jew it-tkomplija tagħha abbażi tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, bil-kundizzjoni li l-aġir individwali tiegħu jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà jew is-sigurtà interna jew esterna tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punti 7879).

68

Lanqas ma jirriżulta li l-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-imsemmija direttiva huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet li jfittex li jilħaq. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li din id-dispożizzjoni tirriżulta minn kunsiderazzjoni bbilanċjata bejn l-għan ta’ interess ġenerali li tfittex li tilħaq, jiġifieri l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ordni pubbliku, minn naħa, u l-indħil fid-dritt għal-libertà kkawżat minn miżura ta’ detenzjoni, min-naħa l-oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punti 7277).

69

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tistax tikkostitwixxi l-bażi ta’ miżuri ta’ detenzjoni mingħajr ma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu vverifikaw minn qabel, każ b’każ, jekk il-periklu li l-persuni kkonċernati jirrappreżentaw għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku jikkorrispondix tal-inqas għall-gravità tal-indħil li jikkostitwixxu tali miżuri fid-dritt għal-libertà ta’ dawn il-persuni.

70

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, meta adotta l-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, il-leġiżlatur tal-Unjoni osserva l-bilanċ ġust bejn, minn naħa, id-dritt għal-libertà tal-applikant u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti relatati mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ordni pubbliku.

71

F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-rekwiżiti li jirriżultaw b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest ta’ kawża bħall-kawża prinċipali, u sabiex tingħata risposta kompleta lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju u riprodotta fil-punti 30 u 44 ta’ din is-sentenza, ir-raġunijiet għad-detenzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jirrigwardaw, essenzjalment, ir-reati li huwa kkommetta fit-territorju Olandiż u l-fatt li huwa kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija minn dan it-territorju, flimkien ma’ projbizzjoni fuq id-dħul għal perijodu ta’ għaxar snin, li saru definittivi.

72

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, dan il-fatt tal-aħħar, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115, it-tul ta’ projbizzjoni fuq id-dħul, li għandu jiġi ddeterminat billi jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ individwali, bħala prinċipju ma għandux jeċċedi ħames snin. Madankollu, skont l-istess dispożizzjoni, dan it-tul jista’ jeċċedi ħames snin jekk il-persuna kkonċernata tikkostitwixxi theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

73

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raġunijiet li wasslu lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex iqisu li l-aġir individwali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115, jistgħu wkoll jiġġustifikaw detenzjoni għal raġunijiet ibbażati fuq il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku, fis-sens tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33. Madankollu, għandu jiġi vverifikat li tali detenzjoni tkun ġiet ordnata b’osservanza stretta tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u li dawn ir-raġunijiet jibqgħu jkunu validi.

74

F’dak li jirrigwarda l-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali, wara li kien is-suġġett ta’ ordni ta’ tkeċċija mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ projbizzjoni fuq id-dħul għal perijodu ta’ għaxar snin, ippreżenta applikazzjoni ġdida għall-protezzjoni internazzjonali, din ma tostakolax l-adozzjoni, fil-konfront tiegħu, ta’ miżura ta’ detenzjoni bbażata fuq il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33. Fil-fatt, tali detenzjoni ma għandhiex il-konsegwenza li ċċaħħad lill-applikant mid-dritt li jibqa’ fl-Istat Membru abbażi tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/32, għall-finijiet tal-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali biss, sakemm l-awtorità responsabbli tkun ħadet deċiżjoni fl-ewwel istanza dwar l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

75

F’dak li jirrigwarda l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju fis-sens li, skont il-ġurisprudenza tagħha stess, il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil minn persuna li tkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ ritorn għandha l-effett li tinvalida ipso jure kwalunkwe deċiżjoni ta’ ritorn li tkun ġiet adottata preċedentement fil-kuntest ta’ din il-proċedura, għandu jiġi enfasizzat li, fi kwalunkwe każ, l-effettività tad-Direttiva 2008/115 teżiġi li proċedura mibdija abbażi ta’ din id-direttiva, li fil-kuntest tagħha tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ ritorn, li jekk ikun il-każ ikollha magħha projbizzjoni fuq id-dħul, tkun tista’ titkompla mill-istadju li fih tkun ġiet interrotta minħabba l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali malli din l-applikazzjoni tiġi miċħuda fl-ewwel istanza. Fil-fatt, l-Istati Membri huma obbligati ma jikkompromettux it-twettiq tal-għan li din id-direttiva tal-aħħar tfittex li tilħaq, jiġifieri l-istabbiliment ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu f’sitwazzjoni ta’ soġġorn illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza El Dridi, C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 59).

76

F’dan ir-rigward, kemm mid-dmir ta’ lealtà tal-Istati Membri, li joħroġ mill-Artikolu 4(3) TUE u li tfakkar fil-punt 56 tas-sentenza El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268), kif ukoll mir-rekwiżiti ta’ effettività msemmija b’mod partikolari fil-premessa 4 tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva li, fis-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jipproċedu għat-tneħħija għandu jitwettaq mill-iktar fis possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807, punti 4345). Issa dan l-obbligu ma jiġix osservat jekk iseħħ dewmien fit-tneħħija minħabba l-fatt li, wara li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet miċħuda fl-ewwel istanza, proċedura bħal dik deskritta fil-punt preċedenti jkollha titkompla mhux mill-istadju li fih tkun ġiet interrotta, iżda mill-bidu tagħha.

77

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, sa fejn il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li t-tifsira u l-portata tagħhom għandhom ikunu l-istess bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni. Għalhekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 5(1) tal-KEDB għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Karta. Issa fl-adozzjoni tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma naqasx milli jieħu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ protezzjoni li toffri t-tieni frażi tal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB.

78

Fil-fatt, kif tindika l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, hija tawtorizza d-detenzjoni skont il-liġi ta’ persuna li kontra tagħha tkun qed issir kawża għad-deportazzjoni jew għall-estradizzjoni. F’dan ir-rigward, għalkemm il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet, fis-sentenza Nabil et vs L-Ungerija, iċċitata iktar ’il fuq (§ 29), li ċaħda tal-libertà bbażata fuq l-imsemmija dispożizzjoni tista’ tkun iġġustifikata biss meta tkun qed issir kawża għad-deportazzjoni jew għall-estradizzjoni u li, fil-każ li din il-kawża ma titmexxiex bid-diliġenza meħtieġa, id-detenzjoni ma tibqax tkun iġġustifikata fid-dawl tal-istess dispożizzjoni, dik is-sentenza ma eskludietx il-possibbiltà għal Stat Membru li, filwaqt li josserva l-garanziji previsti minnha, iżomm f’detenzjoni liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li fil-konfront tiegħu tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni fuq id-dħul qabel il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

79

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem speċifikat li l-eżistenza ta’ proċedura tal-ażil pendenti ma timplikax minnha nfisha li d-detenzjoni ta’ persuna li tkun ippreżentat applikazzjoni għall-ażil ma tibqax implementata iktar “għall-finijiet ta’ deportazzjoni”, peress li eventwali ċaħda ta’ din l-applikazzjoni tista’ tiftaħ it-triq għall-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ tneħħija diġà deċiżi (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Nabil et vs L-Ungerija, iċċitata iktar ’il fuq, § 38).

80

Għaldaqstant, kif ġie kkonstatat fil-punti 76 u 77 ta’ din is-sentenza, proċedura mibdija abbażi tad-Direttiva 2008/115, li fil-kuntest tagħha tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ ritorn, li jekk ikun il-każ ikollha magħha projbizzjoni fuq id-dħul, għandha titkompla mill-istadju li fih tkun ġiet interrotta minħabba l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali malli din l-applikazzjoni tiġi miċħuda fl-ewwel istanza, b’mod li tali proċedura tkun għadha “qed issir [pendenti]”, fis-sens tat-tieni frażi tal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB.

81

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 5(1) tal-KEDB jirriżulta li l-implementazzjoni ta’ miżura ta’ ċaħda tal-libertà, sabiex tkun konformi mal-għan li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-individwu kontra l-arbitrarjetà, timplika, b’mod partikolari, li tkun nieqsa minn kwalunkwe element ta’ mala fides jew ta’ qerq min-naħa tal-awtoritajiet, li tkun konformi mal-għan tar-restrizzjonijiet awtorizzati mis-subparagrafu rilevanti tal-Artikolu 5(1) tal-KEDB u li jkun hemm rabta ta’ proporzjonalità bejn ir-raġuni invokata u ċ-ċaħda tal-libertà inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Saadi vs Ir-Renju Unit, Nru 13229/03, § 68 sa 74, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem 2008). Issa kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet iddedikati għall-eżami tal-validità tiegħu fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, li l-portata tiegħu hija limitata strettament fid-dawl tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, jissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

82

Għalhekk ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari għandha tkun li mill-eżami tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 ma jirriżulta ebda element li jista’ jaffettwa l-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikoli 6 u 52(1) u (3) tal-Karta.

Fuq l-ispejjeż

83

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Mill-eżami tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, ma jirriżulta ebda element li jista’ jaffettwa l-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikoli 6 u 52(1) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Upp