EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0119

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-22 ta’ Novembru 2012.
Josef Probst vs mr.nexnet GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof.
Komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/58/KE — Artikolu 6(2) u (5) — Ipproċessar ta’ data personali — Data dwar it-traffiku fuq l-internet meħtieġ sabiex jiġu stabbiliti u rkuprati l-kontijiet — Irkupru ta’ krediti minn kumpannija terza — Persuni li jaġixxu taħt l-awtorità ta’ fornituri ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet u ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika.
Kawża C‑119/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:748

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Novembru 2012 ( *1 )

“Komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/58/KE — Artikolu 6(2) u (5) — Ipproċessar ta’ data personali — Data dwar it-traffiku fuq l-internet meħtieġ sabiex jiġu stabbiliti u rkuprati l-kontijiet — Irkupru ta’ krediti minn kumpannija terza — Persuni li jaġixxu taħt l-awtorità ta’ fornituri ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet u ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika”

Fil-Kawża C-119/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Marzu 2012, fil-proċedura

Josef Probst

vs

mr.nexnet GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, T. von Danwitz, G. Arestis, E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal mr.nexnet GmbH, minn P. Wassermann, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman u F. Bulst, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) u(5) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn mr.nexnet GmbH (iktar ’il quddiem “nexnet”), ċessjonarju tal-krediti relatati mal-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet ipprovdut minn Verizon Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Verizon”), lil J. Probst, destinatarju tal-imsemmija servizzi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 95/46/KE

3

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) jipprovdi,

“Kull persuna li taġixxi bl-awtorità tal-kontrollur jew tal-proċessur, magħdud il-proċessur innifsu, li jkollu aċċess għal data personali, m’għandhiex tipproċessaha ħlief fuq struzzjonijiet tal-kontrollur, sakemm ma jkunx meħtieġ li tagħmel hekk mill-liġi.”

4

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 95/46 jipprovdi:

“1.   Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jagħtu protezzjoni lil data personali kontra distruzzjoni aċċidentali jew illegali jew telf aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, partikolarment meta l-ipproċessar ikollu x’jaqsam mat-trasmissjoni ta’ data fuq network, u kontra kull forma oħra illegali ta’ ipproċessar.

Meħud kont ta’ l-iktar teknika avvanzata u n-nefqa biex ikunu implimentati, dawn il-miżuri għandhom jassiguraw livell xieraq ta’ sigurtà kontra r-riskji li l-ipproċessar u n-natura tad-data li għandha tkun protetta iġibu magħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li meta l-ipproċessar isir f’isem il-kontrollur, huwa għandu jagħżel proċessur li jagħti garanziji suffiċjenti dwar miżuri tekniċi ta’ sigurtà u miżuri organizzattivi li jirregolaw l-ipproċessar li jkollu jsir, u għandu jassigura li jitħarsu dawk il-miżuri.

3.   L-ipproċessar permezz ta’ proċessur għandu jkun regolat permezz ta’ kuntratt jew att legali li jżomm lill-proċessur responsabbli lejn il-kontrollur u li jistipula partikolarment illi:

l-proċessur għandu jaġixxi biss fuq struzzjoni tal-kontrollur,

l-obbligazzjonijiet imsemmija fil-Paragrafu 1, kif imfissra fil-liġi ta’ l-Istat Membru li fiħ il-proċessur ikun stabbilit, għandhom jorbtu wkoll lill-proċessur.

4.   Għall-fini taż-żamma ta’ prova, dawk il-partijiet tal-kuntratt jew att legali li jitkellmu dwar il-protezzjoni ta’ data u l-ħtiġijiet dwar il-miżuri msemmija fil-Paragrafu 1 għandhom ikunu bil-miktub jew f’għamla oħra ekwivalenti.”

Id-Direttiva 2002/58/KE

5

L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 2002/58 jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ ħarsien ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza, fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali fis-settur ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fl-[Unjoni Ewropea].

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jippartikularizzaw u jikkomplementaw id-[Direttiva 95/46] għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1. […]”

6

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi d-“Data dwar it-traffiku” bħala “data pproċessata għall-iskopijiet li tintbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettronika jew biex isir il-kont għaliha.”

7

L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija Direttiva 2002/58 jippreċiża:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. […]”

8

L-Artikolu 6 tal-istess Direttiva jipprovdi:

“1.   Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu […].

2.   Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit.

[…]

5.   L-ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku, skond il-paragrafi 1, 2, 3 u 4, għandu jiġi ristrett għal persuni li jaġixxu taħt l-awtorità ta’ provdituri ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament li jġestixxu l-kontijiet jew it-traffiku, talbiet tal-klijenti, skoperta tal-frodi, marketing ta’ komunikazzjoni elettronika kummerċjali jew il-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud, u għandu jkun ristrett għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop ta’ dawn l-attivitajiet.

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

9

It-tielet u r-raba’ sentenza tal-Artikolu 97(1) tal-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet (Telekommunikationsgesetz), tat-22 ta’ Ġunju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1190, iktar ’il quddiem it-“TKG”), huma fformulati kif ġej :

“Stabbiliment u fatturazzjoni tar-remunerazzjoni tal-fornitur

[…] Jekk il-fornitur ta’ servizz kien ikkonkluda ma’ terzi kuntratt dwar ir-remunerazzjoni riċevuta, huwa jista’ jittrażmettilu d-data [rigward it-traffiku fuq l-internet] sa fejn din it-trażmissjoni hija meħtieġa għar-reċezzjoni tar-remunerazzjoni u għall-istabbiliment ta’ fatturazzjoni dettaljata. It-terzi għandhom jissottomettu ruħhom permezz ta’ kuntratt għall-osservanza tas-sigriet fit-telekomunikazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 88 u mal-osservanza tal-protezzjoni tad-data f’konformità mal-Artikoli 93, 95, 96, 97 ,99 ,u 100.

[…]”

10

Skont il-qorti tar-rinviju, l-awtorizzazzjoni prevista fit-tielet sentenza tal-Artikolu 97(1), tat-TKG fir-rigward tal-kwistjoni tat-trażmissjoni ta’ data tapplika mhux biss għall-kuntratti għall-irkupru ta’ krediti meta dawn jibqgħu proprjeta’ tat-titolari inizjali tagħhom, iżda wkoll għal kuntratti oħra ta’ ċessjoni, b’mod partikolari l-kuntratti li jirrigwardaw l-akkwist ta’ kreditu u li jipprevedu li d-dritt li ġie ċedut jappartjeni mingħajr ebda dubju liċ-ċessjonarju, kemm fuq il-pjan ġuridiku kif ukoll dak ekonomiku.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

J. Probst jippossjedi linja telefonika tad-Deutsche Telekom AG, li permezz tagħha l-kompjuter tiegħu għandu aċċess għall-internet. Huwa uża, bejn it-28 ta’ Ġunju u s-6 ta’ Settembru 2009, in-numri pprovdut minn Verizon sabiex jikseb aċċess puntwali tal-internet. Għall-ewwel, ir-remunerazzjoni mitluba għal din ir-raġuni ġiet iffatturata lil J. Probst minn Deutsche Telekom AG, bħala “ammonti dovuti lil fornituri oħra”. Minħabba l-fatt li J. Probst naqas milli jħallas, nexnet, ċessjonarja ta’ dan il-kreditu skont kuntratt ta’ fatturi li sar bejn il-predeċessuri fid-dritt ta’ Verizon u ta’ nexnet, talbitu jħallas l-ammonti fatturati kif ukoll id-diversi spejjeż. Skont il-kuntratt ta’ fatturi, nexnet kellha tassumi r-riskju del credere.

12

Il-predeċessuri fid-dritt ta’ nexnet u ta’ Verizon, barra minn hekk, ikkonkludew “ftehim dwar il-protezzjoni tad-data u tal-kunfidenzjalità” li jipprovdi:

“I.

Protezzjoni tad-data

[…]

(5)

Il-partijiet kontraenti jimpenjaw rwieħhom li jipproċessaw u jużaw id-data protetta biss fil-qafas tal-kooperazzjoni bejniethom u esklużivament għall-għan segwit mill-kuntratt u bil-manjiera speċifikata fil-kuntratt.

(6)

Ġaladarba l-għarfien tad-data protetta ma jkunx għadu neċessarju għat-twettiq ta’ dan il-għan, id-data protetta kollha f’dan il-qafas għandha titħassar b’mod irrimedjabbli jew tingħata lura […]

(7)

Kull parti kontraenti tista’ tivverifika li l-parti l-oħra tosserva r-regoli ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tad-data ddefiniti fil-kuntratt. […]

II.

Il-kunfidenzjalità

[…]

(2)

Il-partijiet kontraenti għandhom jipproċessaw u jużaw id-dokumenti u l-informazzjoni kunfidenzjali unikament għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt li sar bejniethom. Huma jistgħu jagħmluhom accessibili biss għall-impjegati li jeħtiġuhom sabiex jeżegwixxu l-kuntratt. Il-partijiet kontraenti għandhom jimponu fuq l-impjegati tagħhom obbligu ta’ kunfidenzjalità bħal dak previst fil-ftehim attwali.

(3)

Fuq talba ta’ parti, jew l-iktar tard, meta tintemm il-kooperazzjoni bejn il-partijiet, l-informazzjoni kunfidenzjali kollha eżistenti f’dan il-qafas għandha titħassar b’mod irrimedjabbli jew tingħata lura lill-parti l-oħra […].

[…]”

13

Skont J. Probst, il-kuntratt ta’ fatturi huwa invalidu sa fejn dan jikser b’mod partikolari l-Artikolu 97(1) tat-TKG. L-Amtsgericht ċaħdet it-talba għall-ħlas ta’ nexnet, filwaqt li l-qorti tal-appell essenzjalment laqgħet it-talba. Appell għal “reviżjoni” ġie ppreżentat quddiem il-Bundesgerichtshof.

14

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 6(2) u(5) tad-Direttiva 2002/58 huwa rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 97(1) tat-TKG. Minn naħa hija tenfasizza li l-fatt li “jiġu stabbiliti l-kontijiet”, li jikkostitwixxu wieħed mill-għanijiet li jwasslu sabiex l-Artikolu 6(2) u (5), ta’ din id-Direttiva jawtorizza l-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku fuq l-internet, ma jinkludix neċessarjament l-irkupru tal-prezz iffatturat. Hija mandankollu tqis li ma teżisti l-ebda raġuni oġġettiva sabiex il-kontijiet u l-irkupru jiġu pproċessati b’mod differenti fir-rigward tal-protezzjoni tad-data. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6(5) tal-imsemmija direttiva jirriżerva l-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku fuq l-internet biss għall-persuni li qegħdin jaġixxu “taħt l-awtorità” tal-fornitur tan-network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli lill-pubbliku (iktar ’il quddiem il-“fornitur ta’ servizzi”). Skont il-qorti tar-rinviju, dan il-kunċett ma jippermettix li jiġi stabbilit jekk il-fornitur ta’ servizzi jkunx jista’ jistabbilixxi konkretament l-użu tad-data, inkluż, skont il-każ, matul it-tul kollu tal-proċess tal-ipproċessar tad-data jew jekk huwiex biżżejjed li r-regoli ġenerali rigward l-osservanza tas-sigriet tat-telekomunikazzjonijiet u tal-protezzjoni tad-data jkunu previsti, skont l-immaġni ta’ dawk miftiehma fil-każ preżenti fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali, u li jkun possibbli li jinkiseb, fuq sempliċi talba, it-tħassir jew li tingħata lura din id-data.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikoli 6(2) u 6(5) tad-Direttiva 2002/58/KE jippermettu lill-fornitur ta’ servizzi li jittrażmetti data dwar it-traffiku fuq l-internet liċ-ċessjonarju ta’ kreditu dwar ir-remunerazzjoni għal servizzi ta’ telekomunikazzjoni, meta ċ-ċessjoni, li l-finalità tagħha tkun l-irkupru ta’ krediti ttrasferiti, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali li ġejjin, li jiżdiedu mal-obbligu ġenerali ta’ osservanza tas-sigriet tat-telekomunikazzjonijiet u l-protezzjoni tad-data skont ir-regoli legali fis-seħħ:

il-fornitur tas-servizz u ċ-ċessjonarju jimpenjaw rwieħhom li jipproċessaw u jużaw id-data protetta biss fil-qafas tal-kooperazzjoni bejniethom u esklużivament għall-għan segwit mill-kuntratt u bil-manjiera speċifikata fil-kuntratt;

ġaladarba l-għarfien tad-data protetta ma jkunx għadu neċessarju għat-twettiq ta’ dan il-għan, id-data protetta kollha f’dan il-qafas għandha titħassar b’mod irrimedjabbli jew tingħata lura;

kull parti kontraenti tista’ tivverifika li l-parti l-oħra tosserva r-regoli ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tad-data ddefiniti fil-kuntratt;

id-dokumenti, u informazzjoni mibgħuta b’mod kunfidenzjali għandhom ikunu accessibili biss għall-impjegati li jeħtiġuhom sabiex jeżegwixxu l-kuntratt;

il-partijiet kontraenti għandhom jimponu fuq l-impjegati tagħhom obbligu ta’ kunfidenzjalità bħal dak previst fil-kuntratt;

fuq talba ta’ parti, jew l-iktar tard, meta tintemm il-kooperazzjoni bejn il-partijiet, l-informazzjoni kunfidenzjali kollha eżistenti f’dan il-qafas għandha titħassar b’mod irrimedjabbli jew tingħata lura lill-parti l-oħra?”

Fuq id-domanda preliminari

16

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi essenzjalment, jekk, u f’liema kundizzjonijiet, l-Artikolu 6(2) u(5) tad-Direttiva 2002/58 jippermettu lill-fornitur ta’ servizzi li jittrażmetti data dwar it-traffiku fuq l-internet liċ-ċessjonarju tal-kreditu tiegħu u lil dan tal-aħħar li jipproċessa l-imsemmija data.

17

Minn naħa, f’konformità mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2002/58, id-data dwar it-traffiku fuq l-internet meħtieġa biex isiru l-kontijiet tal-abbonati tista’ tiġi pproċessata. Kif jissottolinejaw nexnet u l-Kummissjoni Ewropea, din id-dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva tawtorizza l-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku fuq l-internet mhux biss għall-finijiet tal-istabbiliment tal-kontijiet, iżda wkoll sabiex dawn jiġu rkuprati. Fil-fatt, meta qiegħed jiġi awtorizzat l-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku fuq l-internet “sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit”, l-imsemmija dispożizzjoni ma tirrigwardax biss l-ipproċessar tad-data fil-mument tal-istabiliment tal-kontijiet, iżda ukoll l-ipproċessar għall-finijiet tal-kisba tal-ħlas tagħhom.

18

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2002/58, l-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku fuq l-internet awtorizzat mill-Artikolu 6(2) tal-istess direttiva “għandu jiġi ristrett għal persuni li jaġixxu taħt l-awtorità ta’ provdituri ta’ [servizzi] li jġestixxu l-kontijiet” u “għandu jkun ristrett għal dak li huwa meħtieġ” għall-attivita’ bħal din.

19

Minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58 li fornitur ta’ servizzi huwa awtorizzat li jittrażmetti data dwar it-traffiku fuq l-internet liċ-ċessjonarju tal-kreditu tiegħu sabiex jiġi rkuprat, u li jippermetti lil dan tal-aħħar li jipproċessa l-imsemmija data sakemm, fl-ewwel lok, jaġixxi “taħt l-awtorità” tal-fornitur ta’ servizzi għal dak li jirrigwarda l-ipproċessar tal-imsemmija data u, fit-tieni lok, jillimita ruħu għall-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku fuq l-internet li hija meħtieġa għall-finijiet tal-irkupru tal-imsemmi kreditu.

20

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li la d-Direttiva 2002/58 u lanqas id-dokumenti rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha, bħalma huma x-xogħlijiet preparatorji, ma jagħtu xi kjarezza dwar il-portata eżatta tal-kelmiet “taħt l-awtorità”. F’dawn il-kundizzjonijiet, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti, hemm lok, għall-istabbiliment tat-tifsira ta’ dawn il-kelmiet, li wieħed jagħmel użu mit-tifsira komuni tagħhom fil-lingwa ta’ kuljum, filwaqt li fl-istess ħin jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw, u l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni li minnha jiffurmaw parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2005, easyCar, C-336/03, Ġabra p. I 1947, punti 20 u 21, kif ukoll tal-5 ta’ Lulju 2012, Content Services, C-49/11, punt 32).

21

Għal dak li jirrigwarda s-sens komuni ta’ dawn il-kelmiet fil-lingwa ta’ kuljum, hemm lok li jiġi kkunsidrat li persuna li taġixxi taħt l-awtorità ta’ persuna oħra meta tal-ewwel taġixxi fuq l-istruzzjoni u taħt il-kontroll tat-tieni.

22

Fir-rigward tal-kuntest li fih jissemma’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 5(1) tiegħu jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku fuq l-internet relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament.

23

L-Artikolu 6(2) u(5) tad-Direttiva 2002/58 jinkludi eċċezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet prevista fl-Artikolu 5(1) tagħha, peress li tawtorizza l-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku fuq l-internet minħabba bżonnijiet marbuta mal-ħruġ ta’ kontijiet għal servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C-275/06, Ġabra p. I-271, punt 48). Bħala eċċezzjoni, din id-dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva u, għaldaqstant, anki l-kelmiet “taħt l-awtorità”, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara s-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, The Number (UK) u Conduit Enterprises, C-16/10, Ġabra p.I-691, punt 31). Tali interpretazzjoni timplika li l-fornitur ta’ servizzi għandu setgħa ta’ stħarriġ effettiv li tippermettilu li jivverifika l-osservanza, miċ-ċessjonarju tal-kreditu, tal-kundizzjonijiet imposti fuq dan tal-aħħar għall-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku fuq l-internet.

24

Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-għan tad-Direttiva 2002/58 b’mod ġenerali u mill-Artikolu 6(5) tagħha, b’mod partikolari. Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, id-Direttiva 2002/58 tippreċiża u tikkompleta, fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 95/46 biex b’mod partikolari jiġi żgurat fl-Istati Membri livell ekwivalenti ta’ ħarsien tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

25

F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2002/58 għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet simili tad-Direttiva 95/46. Issa, mill-Artikolu 16 u l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jirriżulta l-livell ta’ stħarriġ li persuna responsabbli mill-ipproċessar għandha teżerċita fuq il-proċessur li jaħtar, li dan tal-aħħar qiegħed jaġixxi biss fuq istruzzjoni tal-persuna responsabbli mill-ipproċessar u li l-imsemmija persuna responsabbli tivverifika l-osservanza tal-miżuri mifthiema sabiex jipproteġu d-data personali kontra l-forom kollha ta’ ipproċessar illeċitu.

26

Fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2002/58 b’mod partikolari, għandu jiġi kkonstatat li anki jekk din id-dispożizzjoni tawtorizza l-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku fuq l-internet minn xi terzi lill-fornitur ta’ servizzi għall-finijiet b’mod partikolari ta’ irkupru ta’ krediti ta’ dan tal-aħħar, u sabiex huwa jkun jista’ jikkonċentra fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-imsemmija dispożizzjoni għandha l-għan li tiggarantixxi, billi tipprevedi li l-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku fuq l-internet li jkun sar għandu jkun limitat għall-persuni li jaġixxu “taħt l-awtorità” ta’ fornitur ta’ servizzi, li tali esternalizzazzjoni ma taffettwax il-livell ta’ protezzjoni tad-data personali li jibbenefika minnha l-utenti.

27

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, irrispettivament mill-kwalifika tal-kuntratt ta’ ċessjoni tal-krediti għall-finijiet tal-irkupru tagħhom, iċ-ċessjonarju ta’ kreditu fir-rigward tar-remunerazzjoni ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni jaġixxi “taħt l-awtorità” tal-fornitur tal-imsemmija servizzi, skont l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2002/58, meta, għall-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku fuq l-internet li tali attività tkun timplika, iċ-ċessjonarju jaġixxi biss fuq l-istruzzjoni u taħt il-kontroll tal-imsemmi fornitur. B’mod partikolari, il-kuntratt konkluż bejn il-fornitur ta’ servizzi li jċedi l-krediti tiegħu u ċ-ċessjonarju tagħhom għandu jinkludi dispożizzjonijiet ta’ natura li jiggarantixxu l-ipproċessar leċitu tad-data dwar it-traffiku fuq l-internet minn dan tal-aħħar u għandhom jippermettu lill-fornitur ta’ servizzi li jiżgura, f’kull waqt, li ċ-ċessjonarju josserva l-imsemmija dispożizzjonijiet.

28

Hija l-qorti nazzjonali li għandha d-dmir li tivverifika, fir-rigward tal-elementi kollha tal-inkartament, jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti fil-kawża prinċipali. Issa, il-fatt li kuntratt ta’ fatturi għandu l-karatteristiċi deskritti fid-domanda li saret jimmilita favur il-fatt li dan il-kuntratt kien jissodisfa l-imsemmija kundizzjonijiet. Fil-fatt, tali kuntratt jippermetti l-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku fuq l-internet miċ-ċessjonarju tal-krediti biss sa fejn dan l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-finijiet tal-irkupru tal-krediti tiegħu u jimponi fuq l-imsemmi ċessjonarju l-obbligu li jħassar jew jagħti lura immedjatament u b’mod irrimedjabbli l-imsemmija data hekk kif l-għarfien tagħhom ma jibqax meħtieġ għall-irkupru tal-krediti rilevanti. Barra minn hekk, huwa jippermetti lill-fornitur ta’ servizzi li jivverifika li ċ-ċessjonarju josserva r-regoli ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tad-data, li fuq sempliċi talba, jista’ jkun obbligat li jħassar jew li jagħti lura d-data dwar it-traffiku fuq l-internet.

29

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(2) u (5) tad-Direttiva 2002/58 għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lil fornitur ta’ servizzi sabiex jittrażmetti data dwar it-traffiku fuq l-internet liċ-ċessjonarju tal-krediti tiegħu li jirrigwardaw l-provvista ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet sabiex dawn jiġu rkuprati, u dan iċ-ċessjonarju jipproċessa l-imsemmija data jekk, fl-ewwel lok, dan jaġixxi taħt l-awtorità tal-fornitur ta’ servizzi għal dak li jirrigwarda l-ipproċessar ta’ din l-istess data u, fit-tieni lok, l-imsemmi ċessjonarju jillimita ruħu li jipproċessa d-data dwar it-traffiku fuq l-internet li hija meħtieġa għall-irkupru tal-krediti ttrasferiti.

30

Irrispettivament mill-kwalifika tal-kuntratt ta’ ċessjoni, iċ-ċessjonarju għandu jaġixxi taħt l-awtorità tal-fornitur ta’ servizzi, skont l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2002/58, meta, għall-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku fuq l-internet, huwa jaġixxi biss fuq l-istruzzjoni u taħt il-kontroll tal-imsemmi fornitur. B’mod partikolari, il-kuntratt konkluż bejniethom għandu jinkludi dispożizzjonijiet ta’ natura li jiggarantixxu l-ipproċessar leċitu, miċ-ċessjonarju, tad-data dwar it-traffiku fuq l-internet u li jippermettu lill-fornitur ta’ servizzi li jiżgura, f’kull waqt, li l-imsemmi ċessjonarju josserva dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq l-ispejjeż

31

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 6(2) u (5) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lil fornitur ta’ servizzi sabiex jittrażmetti data dwar it-traffiku fuq l-internet liċ-ċessjonarju tal-krediti tiegħu li jirrigwardaw l-provvista ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet sabiex dawn jiġu rkuprati, u dan iċ-ċessjonarju jipproċessa l-imsemmija data jekk, fl-ewwel lok, dan jaġixxi taħt l-awtorità tal-fornitur ta’ servizzi għal dak li jirrigwarda l-ipproċessar ta’ din l-istess data u, fit-tieni lok, l-imsemmi ċessjonarju jillimita ruħu li jipproċessa d-data dwar it-traffiku fuq l-internet li hija meħtieġa għall-irkupru tal-krediti ttrasferiti.

 

Irrispettivament mill-kwalifika tal-kuntratt ta’ ċessjoni, iċ-ċessjonarju għandu jaġixxi taħt l-awtorità tal-fornitur ta’ servizzi, skont l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2002/58, meta, għall-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku fuq l-internet, huwa jaġixxi, biss fuq l-istruzzjoni u taħt il-kontroll tal-imsemmi fornitur. B’mod partikolari, il-kuntratt konkluż bejniethom għandu jinkludi dispożizzjonijiet tat-tip li jiggarantixxu l-ipproċessar leċitu, miċ-ċessjonarju tad-data dwar it-traffiku fuq l-internet u jippermettu lill-fornitur ta’ servizzi li jiżgura, f’kull waqt, li l-imsemmi ċessjonarju josserva dawn id-dispożizzjonijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top