EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0451

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (2016/2966(RSP))

ĠU C 224, 27.6.2018, p. 96–100 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/96


P8_TA(2016)0451

L-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (2016/2966(RSP))

(2018/C 224/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 19, 157 u 216 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 21, 23, 24 u 25 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottata mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing + 5 (2000), Beijing + 10 (2005), Beijing + 15 (2010) u Beijing + 20 (2015),

wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti legali tan-NU fl-isfera tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tan-nisa, bħall-Karta tan-NU, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni ta' Oħrajn, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, il-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-prinċipju ta' non-refoulement, u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

wara li kkunsidra l-Artikolu 11(1)(d) tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU bir-Riżoluzzjoni 34/180 tat-18 ta' Diċembru 1979,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015 (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa (2), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (3), u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar is-57 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa (CSW) tan-NU: l-eliminazzjoni u l-prevenzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa (5),

wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f'Marzu 2011,

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom,

wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew (6),

wara li kkunsidra l-Programm “Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza” għall-perjodu 2014-2020,

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 bit-titolu “Strategic engagement for gender equality 2016-2019” (SWD(2015)0278),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-Triju ta' Presidenzi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi tas-7 ta' Diċembru 2015 min-Netherlands, is-Slovakkja u Malta,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali bit-titolu “Violence against women: an EU-wide survey”, ippubblikat f'Marzu 2014,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (7),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni (8) u r-Regolament (UE) Nru 606/2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili (9),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (10) u d-Direttiva 2011/92/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (11),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta' adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, ippubblikat f'Ottubru 2015,

wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (COM(2016)0111 u COM(2016)0109),

wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (O-000121/2016 – B8-1805/2016 u O-000122/2016 – B8-1806/2016),

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija valur fundamentali tal-UE – kif rikonoxxut fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – li l-UE impenjat ruħha li tintegra fl-attivitajiet kollha tagħha, u billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija essenzjali, bħala objettiv strateġiku, biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali ta' Ewropa 2020 ta' tkabbir, impjiegi u inklużjoni soċjali;

B.

billi d-dritt għal trattament ugwali u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali determinanti li huwa rikonoxxut fit-Trattati tal-Unjoni Ewropea u li għandu għeruq profondi fis-soċjetà Ewropea, u billi dan id-dritt huwa essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri tas-soċjetà u għandu japplika fil-leġiżlazzjoni, fil-prattika, fil-ġurisprudenza u fil-ħajja ta' kuljum;

C.

billi fid-Direttiva 2012/29/EU li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija definita bħala vjolenza li hija diretta kontra persuna minħabba l-ġeneru, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru ta' dik il-persuna jew li taffettwa lil persuni ta' ġeneru partikolari b'mod sproporzjonat; billi din tista' tirriżulta fi ħsara fiżika, sesswali, emozzjonali jew psikoloġika, jew f'telf ekonomiku, għall-vittmi, filwaqt li jkollha impatt fuq il-familji u l-qraba tagħhom, u fuq is-soċjetà inġenerali; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija forma estrema ta' diskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali tal-vittma, li huma kemm il-kaġun u l-konsegwenza ta' inugwaljanzi bejn is-sessi; u billi l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet tinkludi l-vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib, il-vjolenza sesswali (inklużi l-istupru, l-attakk sesswali u l-fastidju sesswali), it-traffikar tal-bnedmin, l-iskjavitù, inklużi forom ġodda ta' abbuż kontra n-nisa u l-bniet fuq l-internet, u forom differenti ta' prattiki ta' ħsara, bħaż-żwiġijiet sfurzati, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u l-hekk imsejħa “reati tal-unur”;

D.

billi l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għadhom fenomeni mifruxa fl-UE; billi l-istħarriġ tal-2014 tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali dwar il-vjolenza fuq in-nisa jistma, bi qbil ma' studji eżistenti oħra, li terz tan-nisa kollha fl-Ewropa esperjenzaw atti ta' vjolenza fiżika jew sesswali tal-anqas darba matul il-ħajja adulta tagħhom, 20 % tan-nisa żgħażagħ (bejn 18 u 29 sena) esperjenzaw fastidju sesswali online, waħda minn kull ħames nisa (18 %) kienu vittmi ta' stalking, waħda minn kull għoxrin nisa ġew stuprati u aktar minn waħda minn kull għaxra ġarrbu vjolenza sesswali li tinvolvi n-nuqqas ta' kunsens jew l-użu tal-forza; billi dan l-istħarriġ jispjega wkoll li l-biċċa l-kbira tal-każijiet ta' vjolenza ma jiġu rrappurtati lill-ebda awtorità, li juri li l-istħarriġ dwar il-vittimizzazzjoni huwa essenzjali flimkien ma' statistika amministrattiva sabiex tinkiseb stampa sħiħa tad-diversi forom ta' vjolenza fuq in-nisa; u billi jinħtieġu aktar miżuri biex in-nisa li jkunu vittmi tal-vjolenza jiġu mħeġġa jirrappurtaw l-esperjenzi tagħhom u jfittxu l-għajnuna, u biex ikun żgurat li l-fornituri tas-servizzi jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-vittmi u jinfurmawhom dwar id-drittijiet tagħhom u l-forom eżistenti ta' appoġġ;

E.

billi, skont il-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew, l-ispiża annwali għall-UE tal-vjolenza fuq in-nisa u tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru ġiet stmata li tammonta għal EUR 228 biljun fl-2011 (i.e. 1,8 % tal-PDG tal-UE), li minnhom EUR 45 biljun kienu fil-forma ta' nfiq fuq servizzi pubbliċi u statali u EUR 24 biljun fi produzzjoni ekonomika mitlufa;

F.

billi l-Kummissjoni enfasizzat, fl-impenn strateġiku tagħha għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019, li l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, li huma ta' ħsara għas-saħħa u l-benesseri tan-nisa, il-ħajja tax-xogħol tagħhom, l-indipendenza finanzjarja tagħhom u l-ekonomija, huma waħda mill-problemi ewlenin li għandhom jiġu indirizzati sabiex tinkiseb ugwaljanza reali bejn is-sessi;

G.

billi l-vjolenza fuq in-nisa spiss wisq titqies bħala kwistjoni privata u tiġi ttollerata wisq faċilment; billi fil-fatt tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali u reat serju li jrid jiġi kkastigat bħal tali; billi l-impunità tal-awturi trid tintemm sabiex jinkiser iċ-ċirku vizzjuż tas-silenzju u s-solitudni għan-nisa u l-bniet li jkunu vittmi tal-vjolenza;

H.

billi l-ebda intervent uniku mhu se jelimina l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, iżda kombinazzjoni ta' azzjonijiet infrastrutturali, ġuridiċi, ġudizzjarji, ta' infurzar, kulturali, edukattivi, soċjali, tas-saħħa u azzjonijiet oħra relatati mas-servizzi jistgħu jqajmu kuxjenza u jnaqqsu l-vjolenza u l-konsegwenzi tagħha b'mod sinifikanti;

I.

billi, minħabba fatturi bħall-etniċità, ir-reliġjon jew it-twemmin, is-saħħa, l-istat ċivili, l-akkomodazzjoni, l-istatus ta' immigrant, l-età, id-diżabilità, il-klassi, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru, in-nisa jista' jkollhom ħtiġijiet speċifiċi u jkunu aktar vulnerabbli għal diskriminazzjoni multipla, u dan ifisser li għandhom jingħataw protezzjoni speċjali;

J.

billi l-adozzjoni ta' linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni kontrihom, kif ukoll il-kapitolu speċifiku dwar il-protezzjoni tan-nisa mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, juru r-rieda politika ċara tal-UE li tittratta s-suġġett tad-drittijiet tan-nisa bħala prijorità u li tieħu azzjoni fit-tul f'dak il-qasam; billi l-koerenza bejn id-dimensjonijiet interni u esterni fil-politiki li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem xi kultant tista' tesponi distakk bejn ir-retorika u l-imġiba;

K.

billi ċ-ċittadini u r-residenti fl-Unjoni mhumiex protetti bl-istess mod mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru, minħabba n-nuqqas ta' qafas koerenti u politiki u leġiżlazzjoni li jvarjaw bejn l-Istati Membri fir-rigward ta', inter alia, id-definizzjoni ta' reati u l-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, u għalhekk huma anqas protetti mill-vjolenza;

L.

billi fl-4 ta' Marzu 2016 il-Kummissjoni pproponiet l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, l-ewwel strument legalment vinkolanti dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa f'livell internazzjonali;

M.

billi l-Istati Membri kollha tal-UE ffirmaw il-konvenzjoni, iżda erbatax minnhom biss irratifikawha;

N.

billi r-ratifika tal-Konvenzjoni mhijiex se tikseb riżultati sakemm ma jiġix żgurat infurzar xieraq u sakemm ma jiġux allokati riżorsi finanzjarji u umani xierqa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u għall-protezzjoni tal-vittmi;

O.

billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul issegwi approċċ olistiku, billi tindirizza l-kwistjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru minn firxa wiegħa ta' perspettivi, bħall-prevenzjoni, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, miżuri tad-dritt penali biex tiġi miġġielda l-impunità, il-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi, il-protezzjoni tat-tfal, il-protezzjoni tan-nisa li jfittxu l-asil u tar-rifuġjati nisa, jew il-ġbir aħjar tad-data; billi dan l-approċċ ifisser l-adozzjoni ta' politiki integrati, u l-kombinazzjoni ta' azzjonijiet f'diversi oqsma mmexxija minn bosta partijiet ikkonċernati (ġudizzjarji, tal-pulizija u tal-awtoritajiet soċjali, NGOs, assoċjazzjonijiet lokali u reġjonali, gvernijiet, eċċ.) fil-livelli kollha tal-governanza;

P.

billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul hija ftehim imħallat li jippermetti l-adeżjoni tal-UE b'mod parallel mal-adeżjoni tal-Istati Membri, peress li l-UE hija kompetenti f'oqsma li jinkludu d-drittijiet tal-vittmi u l-ordnijiet ta' protezzjoni, l-asil u l-migrazzjoni, kif ukoll fil-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali;

1.

Ifakkar li l-Kummissjoni hija marbuta bl-Artikolu 2 TUE u bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li tiggarantixxi, tippromvovi u tieħu azzjoni favur l-ugwaljanza bejn is-sessi;

2.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tiġi ffirmata u konkluża l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, iżda jiddeplora l-fatt li n-negozjati fil-Kunsill mhumiex mexjin bl-istess ħeffa;

3.

Jenfasizza li l-adeżjoni tal-UE tiggarantixxi qafas ġuridiku Ewropew koerenti biex tiġi evitata u miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u biex jiġu protetti l-vittmi tal-vjolenza; jenfasizza li tipprovdi koerenza u effiċjenza akbar fil-politiki interni u esterni tal-UE, tiżgura monitoraġġ, interpretazzjoni u implimentazzjoni aħjar tal-liġijiet, il-programmi u l-fondi tal-UE rilevanti għall-Konvenzjoni, kif ukoll ġbir aktar adegwat u aħjar ta' data diżaggregata paragunabbli dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru f'livell tal-UE, u tirrinforza r-responsabbiltà tal-UE f'livell internazzjonali; jenfasizza wkoll li l-adeżjoni tal-UE tapplika pressjoni politika mġedda fuq l-Istati Membri biex jirratifikaw dan l-istrument;

4.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jħaffu n-negozjati dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul;

5.

Jappoġġja l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul fuq bażi wiesgħa u mingħajr riżervi;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-Parlament ikun involut bis-sħiħ fil-proċess ta' monitoraġġ tal-Konvenzjoni wara l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, kif previst fl-Artikolu 218 TFUE;

7.

Ifakkar li l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul ma teżonerax lill-Istati Membri mir-ratifika nazzjonali tal-Konvenzjoni; għalhekk, jistieden lill-Istati Membri kollha li għadhom m'għamlux dan biex jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul malajr;

8.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw infurzar xieraq tal-Konvenzjoni u jallokaw riżorsi finanzjarji u umani xierqa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u għall-protezzjoni tal-vittmi;

9.

Iqis li l-isforzi tal-UE biex tinqered il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet iridu jkunu parti minn pjan komprensiv biex jiġu miġġielda l-forom kollha ta' inugwaljanzi bejn is-sessi; jitlob li titfassal strateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

10.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, magħmula fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014, li tinkludi rakkomandazzjonijiet biex tiġi miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa, biex tippreżenta att legali li jipprovdi sistema koerenti għall-ġbir ta' data statistika kif ukoll approċċ imsaħħaħ mill-Istati Membri għall-prevenzjoni u t-trażżin tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u sabiex l-aċċess iffaċilitat għall-ġustizzja jkun possibbli;

11.

Jitlob lill-Kunsill jattiva l-klawsola passerelle, billi jadotta deċiżjoni unanima li tidentifika l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet (u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru) bħala qasam ta' kriminalità elenkat fl-Artikolu 83(1) TFUE;

12.

Jirrikonoxxi l-ħidma importantissima mwettqa mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex tiġi evitata u miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u biex jiġu protetti u assistiti l-vittmi tal-vjolenza;

13.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati biex, filwaqt li jaħdmu mal-Kummissjoni u l-NGOs tan-nisa u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jgħinu fit-tixrid ta' informazzjoni dwar il-Konvenzjoni, il-programmi tal-UE u l-fondi disponibbli taħthom biex tiġi miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa u biex il-vittmi jiġu protetti;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkooperaw mal-Parlament biex jidentifikaw il-progress li sar rigward l-ugwaljanza bejn is-sessi, u jitlob lit-Triju ta' Presidenzi jagħmlu sforzi sostanzjali biex jissodisfaw l-impenji tagħhom f'dan ir-rigward; jitlob li jsir Summit tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-sessi u d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet biex jiġġeddew l-impenji;

15.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1)  ĠU C 407, 4.11.2016, p. 2.

(2)  ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 53.

(3)  ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 26.

(4)  ĠU C 24, 22.1.2016, p. 8.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2014)0126.

(6)  PE 504.467.

(7)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(8)  ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.

(9)  ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4.

(10)  ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.

(11)  ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.


Top