EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE6241

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 2006 dwar vjeġġi ta’ skart COM(2013) 516 final – 2013/0239 (COD)

ĠU C 170, 5.6.2014, p. 113–115 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/113


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 2006 dwar vjeġġi ta’ skart

COM(2013) 516 final – 2013/0239 (COD)

2014/C 170/19

Relatur ġenerali: is-Sur BUFFETAUT

Nhar is-27 ta’ Settembru u nhar it-8 ta’ Ottubru 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 192 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta' skart

COM(2013) 516 final – 2013/0239 (COD)

Fis-17 ta' Settembru 2013, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-494 Sessjoni Plenarja tiegħu tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2013 (seduta tal-10 ta' Diċembru) li jaħtar lis-Sur Buffetaut bħala relatur ġenerali u adotta din l-Opinjoni b'121 vot favur u astensjoni waħda<

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-proposta biex jiġi emendat ir-regolament, kompletament ġustifikata fil-prinċipju, għandha tippermetti biex tiġi miġġielda aħjar il-prattika tal-vjeġġi ta' skart illegali u l-immaniġġjar/l-ipproċessar mhux xieraq tiegħu. Billi tipprovdi qafas ċar u koerenti għall-implimentazzjoni tal-kontrolli, il-leġislazzjoni l-ġdida tipprovdi għajnuna metodoloġika lill-Istati Membri u għandha tħeġġiġhom jimplimentaw kontrolli aktar effettivi, billi l-pjanijiet kollha se jkunu riveduti kull sena u adattati kif meħtieġ.

1.2

Rigward l-esportazzjonijiet, il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti huma awtorizzati li jitolbu prova li l-vjeġġi jissodisfaw il-ħtiġiet legali rigward il-metodi, it-teknoloġiji u l-standards użati mill-faċilitajiet ta' rkupru ta' skart fil-pajjiż tad-destinazzjoni għandu jippermetti ġlieda aħjar kontra esportazzjonijiet illegali, li sfortunatament huwa magħruf li saret attività mafjuża .

1.3

It-twaqqif ta ' sorveljanza effettiva u konsistenti għandha wkoll tippermetti li jiġu miġġielda s-sitwazzjonijiet ta' kompetizzjoni inġusta, fejn, finalment, il-kumpaniji li jsegwu r-regoli u jaġixxu b'mod onest u trasparenti huma żvantaġġati meta mqabbla ma ' dawk li jinjoraw l-obbligi legali, jaħarbuhom jew jiksruhom deliberatament.

1.4

Pjani ta' kontroll iktar organizzati huma mixtieqa kemm għal raġunijiet ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-ambjent, iż-żamma ta' kompetizzjoni b'saħħitha fis-settur kif ukoll għall-ġlieda kontra l-prattiki mafjużi. Madankollu, għandu jitfakkar li l-mobilizzazzjoni ta' riżorsi addizzjonali neċessarjament jiġġeneraw l-ispejjeż u jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu -prijoritajiet tal-infiq pubbliku.

2.   Kuntest

2.1

Wara tmien snin ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni tixtieq tislet xi konklużjonijiet mill-esperjenza li kisbet biex ittejjeb il-miżuri tar-Regolament Nru 1013/2006 billi tagħmel xi emendi li l-għan tagħhom ikun li, minn naħa jissemplifikaw il-proċeduri, u min-naħa l-oħra biex il-kontrolli jsiru aktar effikaċi sabiex jiġu evitati b'mod speċjali l-vjeġġi illegali tal-iskart perikoluż.

2.2

Infakkru li r-Regolament ikkonċernat kellu l-għanijiet li jittrasponi fil-leġislazzjoni tal-UE d-dispożizzjonijiet tal-OECD u tal-Konvenzjoni ta' Basel dwar il-vjeġġi tal-iskart, li jirregola d-diffikultajiet tal-implimentazzjoni tar-Regolament tal-1993, li jiffavorixxi l-armonizzazzjoni tar-regoli fuq livell internazzjonali fil-qasam tal-vjeġġi transkonfinali tal-iskart, u li t-test jiġi semplifikat u ċċarat.

2.3

Minkejja li l-kwistjoni tal-konformità tal-leġislazzjoni Ewropea mal-konvenzjonijiet internazzjonali ġiet solvuta, għad fadal x'jittejjeb fil-qasam tal-ispezzjonar billi tingħata attenzjoni prijoritarja lill-iskart perikoluż u 'l-iskart li jintbagħat illegalment għar-rimi fil-miżbliet jew jiġi ttrattat b'mod li mhuwiex konformi għar-regoli. Fil-prattika dan ifisser li l-kontrolli jiġu mmirati aħjar għall-iskart l-aktar problematiku.

2.4

Tajjeb li nfakkru li fl-Unjoni Ewropea, il-vjeġġi kollha tal-iskart għall-irkupru huma intitolati għall-moviment ħieles. Għall-iskart mhux perikoluż, dawn il-vjeġġi mhumiex suġġetti għal notifika bil-quddiem u huma jridu jissodisfaw biss id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-tagħrif. Għal dak li għandu x'jaqsam mal-vjeġġi tal-iskart perikoluż għall-irkupru u l-vjeġġi tal-iskart għar-rimi, dawn huma suġġetti għal notifika u kunsens bil-miktub minn qabel.

2.5

L-implimentazzjoni ta' din il-leġislazzjoni titlob li l-applikazzjoni tagħha tkun monitorjata. Għalhekk, l-Istati Membri jridu jorganizzaw l-ispezzjoni tal-intrapriżi b'konformità mad-Direttiva qafas dwar l-iskart, kif ukoll iwettqu kontrolli tal-vjeġġi, kemm fit-triq kif ukoll fil-portijiet jew f'kull tip ta' trasport ieħor. Il-kontrolli jistgħu jsiru wkoll fl-aħħar tal-katina fl-istabbilimenti tal-irkupru jew tar-rimi.

2.6

L-Istati Membri jwettqu dawn il-kontrolli bil-mod li jaħsbu li hu xieraq. Fil-fatt, ir-Regolament dwar il-vjeġġi tal-iskart ma jistipula l-ebda dispożizzjoni partikolari għall-mod kif għandhom isiru dawn il-kontrolli. Fil-prattika, din il-libertà li tħalliet lill-Istati Membri ġabet magħha differenzi kbar bejn l-Istati Membri. Xi wħud stabbilixxew miżuri effikaċi, filwaqt li oħrajn għamlu ħafna inqas, l-aktar minħabba l-fatt li ma kellhomx il-mezzi suffiċjenti biex jagħmlu dan. Din is-sitwazzjoni twassal lill-esportaturi tal-iskart illegali biex jagħżlu li jibagħtu l-iskart minn Stati Membri li s-sistemi ta' kontroll tagħhom huma inqas effiċjenti.

2.7

Bla dubju l-aktar problemi gravi tal-vjeġġi illegali huma marbutin mal-iskart perikoluż, kif ukoll l-iskart li jintbagħat għar-rimi jew li jiġi ttrattat b'mod inadegwat u li ma jobdix ir-regoli fis-seħħ. Il-konsegwenzi jistgħu jkunu serji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

2.8

Wieħed mill-effetti ħżiena li jħallu l-vjeġġi illegali huwa wkoll il-fatt li t-twettiq tal-kontrolli b'modi differenti ħafna minn Stat Membru għall-ieħor joħloq tgħawwiġ tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, l-intrapriżi li jobdu l-liġijiet huma żvantaġġati, u b'hekk igawdu dawk li jistgħu joperaw fil-pajjiżi fejn ir-regolamentazzjoni hija kkontrollata ħażin jew ftit.

2.9

Huwa proprju biex tiġġieled kontra dawn l-azzjonijiet illegali u perikolużi li l-Kummissjoni qed tipproponi reviżjoni tar-Regolament. Din se tappoġġa l-ispezzjonijiet tal-Istati Membri u tiggwidahom sabiex il-flussi tal-iskart b'riskji għoljin jiġu mmirati aħjar.

3.   Il-kontenut tal-Proposta

3.1

Minbarra l-fatt li l-Kummissjoni qed iżżid id-definizzjoni tal-użu mill-ġdid tal-prodotti li ma jkunux skart u li tixtieq tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati fil-qasam tal-esiġenzi tekniċi u ta' organizzazzjoni għall-iskambji ta' data u informazzjoni, il-qofol tal-proposta huwa l-emendar tal-Artikolu 50 tar-Regolament.

3.2

L-għan ta' dawn l-emendi huwa:

3.2.1

li l-Istati Membri jaslu biex jorganizzaw il-kontroll tal-intrapriżi u biex iwaqqfu sistema ta' kontrolli għall-għarrieda tal-vjeġġi iżda anke tal-proċeduri tal-irkupru u tar-rimi;

3.2.2

li l-Istati Membri jistabbilixxu pjani għall-ispezzjonijiet tal-vjeġġi, anke spezzjonijiet tal-istabbilimenti u tal-intrapriżi, kif ukoll tat-trasport (toroq, ferroviji, portijiet).

3.3

Id-definizzjoni tal-elementi li għandhom jiġu inklużi f'dawn il-pjani ssir mill-Kummissjoni, li telenka seba' punti li l-Istati Membri jridu jikkonformaw magħhom u jirrappurtaw dwarhom.

3.4

Dawn huma: l-istrateġija li qed tiġi segwita billi jissemmew ukoll il-miżuri implimentati, il-valutazzjoni tar-riskji tal-flussi illegali, id-definizzjoni tal-prijoritajiet, l-informazzjoni dwar l-għadd u t-tip ta' spezzjonijiet previsti għall-miżbliet u t-trasport, l-attribuzzjoni tal-ħidmiet lil kull awtorità kkonċernata, il-mezzi ta' koordinazzjoni li jeżistu bejn id-diversi awtoritajiet u l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta' taħriġ tal-ispetturi. Huwa previst li dawn il-pjani jerġgħu jiġu riveduti kull sena.

3.5

Il-Kummissjoni żżid magħhom id-dispożizzjonijiet marbutin mal-protezzjoni adegwata tal-vjeġġi tal-iskart u t-twettiq ta' proċeduri ta' rkupru li jkunu konformi mal-leġislazzjoni.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Is-sitwazzjoni deskritta mill-Kummissjoni, bil-firxa tal-vjeġġi illegali u d-differenzi fil-kontrolli u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni, tiġġustifika r-rieda li tittieħed azzjoni biex jiġu miġġielda dawn il-vjeġġi illegali u jitnaqqsu r-riskji għas-saħħa u għall-ambjent li jirriżultaw minnhom, kif ukoll biex titranġa s-sitwazzjoni żvantaġġjuża tal-intrapriżi li japplikaw korrettament ir-regolamentazzjoni.

4.2

Madankollu, hemm bżonn li l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni l-ġdida ma twassalx għal miżuri amminstrattivi formali sabiex jikkonformaw mar-regoli li ġew ippromulgati, mingħajr miżuri ta' implimentazzjoni konkreti, li jeħtieġu l-mobilizzazzjoni ta' riżorsi finanzjarji ġodda, eżerċizzju delikat għall-Istati Membri neqsin mill-fondi u ffaċċjati bil-ħtieġa li jindirazzawl-infiq pubbliku mod ieħor.

4.3

Il-proċeduri proposti għandhom ikunu sempliċi biex l-Istati Membri, li s'issa għadhom ma jwettquhomx sew, ikunu jistgħu jistabbilixxu jew itejbu l-kontrolli meħtieġa. Il-biża' li jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal ksur tal-obbligi tat-trattat jista' jistimula l-entużjażmu tal-Istati Membri. Dan jista' jiġi wkoll minn azzjonijiet meħuda minn nies ordinarji li għandhom interess leġittimu li jaġixxu.

Brussell, 10 ta' Diċembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSET


Top