EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IE3017

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lejn strateġija makroreġjonali tal-UE għall-iżvilupp tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fil-Mediterran (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 170, 5.6.2014, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lejn strateġija makroreġjonali tal-UE għall-iżvilupp tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fil-Mediterran (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2014/C 170/01

Relatur: is-Sur MALLIA

Korelatur: is-Sur PALMIERI

Nhar l-14 ta' Frar 2013, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Lejn strateġija makroreġjonali tal-UE għall-iżvilupp tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fil-Mediterran

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-14 ta' Novembru 2013.

Matul l-494 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Diċembru 2013 (seduta tal-10 ta' Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b' 121 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda.

Glossarju

Akronimu

 

 

MMR

Mediterranean Macro Region

Makroreġjun Mediterranju

MMRS

Mediterranenan Macro Regional Strategy

Strateġiji Makroreġjonali tal-Mediterran

MCR

Mediterranean Coastal Region

Reġjun Kostali tal-Mediterran

EMMRF

Euro-Mediterranean Macro Regional Forum

Forum Makroreġjonali tal-Ewromediterran

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jemmen li r-Reġjun Mediterranju għandu bżonn ta' Strateġija Makroreġjonali li tikkontribwixxi biex ir-reġjuni jiffaċċjaw l-isfidi li ma jistgħux jingħelbu b'mod sodisfaċenti minn reġjun jew pajjiż waħdu bil-mezzi tas-soltu. Strateġija bħal din tikkontribwixxi biex ir-reġjuni interessati jindirizzaw il-kawżi tal-inċertezza li tiddomina fir-reġjun Mediterranju billi jiżdied il-valur miżjud tal-kisbiet pożittivi tal-inizjattivi li diġà tnedew u l-miri tal-Ewropa 2020. Is-suċċess tal-MMRS ser ikollha wkoll effett pożittiv fuq l-UE kollha.

1.2

Ir-reġjuni kostali Mediterranji tal-UE jinsabu f'pożizzjoni ideali biex jiffurmaw pjattaforma ta' kooperazzjoni li tista' ssir strateġikament relevanti għat-tisħiħ tar-rabtiet ekonomiċi, soċjali u politiċi bejniethom u ma' pajjiżi Mediterranji mhux membri, dwar suġġetti speċifiċi (immigrazzjoni, trasport marittimu, sigurtà marittima, ħarsien ambjentali eċċ.). Il-MCR għandhom il-potenzjali li jiffavorixxu l-proċess tat-tkabbir ekonomiku u t-trasformazzjoni b'metodi ġodda li huma uniċi.

1.3

Fid-dawl tal-kobor taż-żona, il-KESE jipproponi wkoll li l-Istrateġija tinqasam fi tliet sottomakroreġjuni li jiġu identifikati fuq bażi ġeografika (prossimità reġjonali) u li jsiru operattivi permezz ta' pjani ta' azzjoni bbażati fuq approċċ funzjonali biex jindirizzaw sfidi komuni.

1.4

Il-KESE huwa favur Strateġija tal-UE bbażata fuq ir-regola tat-tliet iva (finanzjar aktar komplementari, aktar koordinazzjoni istituzzjonali u aktar proġetti ġodda) li ssaħħaħ is-sinerġiji bejn il-politiki differenti tal-UE u tikkoordina l-isforzi ta' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati li jinsabu fir-reġjun kostali Mediterranju tal-UE.

1.5

Il-KESE japprova l-iżvilupp ta' strateġija makroreġjonali li tindirizza l-miri kollha tal-Istateġija tal-UE 2020 b'mod partikolari dawk il-prijoritajiet definiti bħala tkabbir intelliġenti (żvilupp ta' ekonomija bbażata fuq l-għarfien li tappoġġja l-innovazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda), tkabbir sostenibbli (il-promozzjoni ta' ekonomija sostenibbli, li tirrispetta aktar l-ambjent u li hija aktar kompetittiva), tkabbir inklussiv (il-promozzjoni ta' ekonomija b'enfasi qawwija fuq il-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar biex tappoġġja l-koeżjoni soċjali u territorjali).

1.6

Il-KESE jidentifika ħames muturi tal-bidla li jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-politiki ta' koeżjoni Ewropej 2014-2020 fiż-żona tal-Mediterran:

il-promozzjoni ta' żvilupp poliċentriku, ibbilanċjat u integrat;

l-appoġġ għall-kooperazzjoni territorjali fir-reġjun kostali;

l-iżgurar ta' kompetittività globali tal-MCR ibbażata fuq ekonomiji lokali b'saħħithom;

it-titjib tal-konnettività territorjali għall-individwi, il-komunitajiet u l-intrapriżi;

il-ġestjoni tal-valuri ekoloġiċi, tal-pajsaġġ u dawk kulturali u l-ħolqien ta' rabta bejniethom.

1.7

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall kemm huwa ta' importanza konsiderevoli li l-istrateġija Tkabbir Blu tiġi appoġġjata, peress li għandha l-potenzjal li ssaħħaħ il-kompetittività fiż-żona tal-Mediterran, tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' politiki li jirrispettaw aktar l-ambjent kif ukoll bħala pass lejn ekonomija b'konsum baxx tal-karbonju fis-setturi kollha. Il-Kumitat jaqbel ukoll mal-prinċipju li l-Istrateġija, tqis ukoll l-Istrateġija Ewropea dwar id-diżabbiltà  (1)l-Istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel  (2). Dawn it-tliet strateġiji għandhom isaħħu lil xulxin fil-proċess ta' implimentazzjoni.

1.8

Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-Mediterran fil-kuntest ta' Politika Marittima Integrata. Madankollu, tixtieq tipproponi approċċ aktar ambizzjuż li jikkonsisti fi strateġija makroreġjonali li tinkorpora l-pilastri territorjali u marittimi, fiwaqt li tqis l-esperjenzi fir-reġjuni tal-Baltiku u tad-Danubju kif ukoll ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-evoluzzjoni tal-Istrateġiji makroreġjonali tal-UE fil-Mediterran u r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-valur miżjud tal-istrateġiji makroreġjonali.

1.9

Il-KESE jinnota li l-istruttura ta' governanza tal-Istrateġija għandha tkun ibbażata fuq approċċ b'diversi livelli li fih jipparteċipaw l-istituzzjonijiet reġjonali, nazzjonali u dawk Ewropej u m'għandux jidher bħala attività jew sforz addizzjonali għal dawn l-istituzzjonijiet.

1.10

Il-KESE jemmen li l-prinċipju fundamentali tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija huwa l-approċċ integrat li l-ewwel għandu jiġi definit billi jiġu stabbiliti diskussjonijiet round table u wara msaħħa bit-twaqqif ta' Forum Makroreġjonali Ewro-Mediterranju li jippromovi l-parteċipazzjoni sħiħa tal-atturi istituzzjonali kollha u s-soċjetà ċivili (il-partijiet interessati) u jġib flimkien politiki attwali fuq il-bażi ta' struttura funzjonali biex tifforma politika komuni u kondiviża. Il-Forum ser juża l-esperjenza miksuba fit-tfassil, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-affarijiet territorjali u marittimi tal-Mediterran. Il-Forum ser isir għodda makroreġjonali li tistabbilixxi linji strateġiċi komuni ta' azzjoni u ser ikollu sehem attiv fl-identifikazzjoni tal-proġetti prijoritarji għall-koeżjoni territorjali tar-reġjuni Mediterranji.

1.11

Fid-dawl tal-appoġġ tal-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni għal strateġija li tiżviluppa l-koeżjoni fil-Mediterran, il-KESE jemmen li huwa strateġikament adatt għal dawn iż-żewġ istituzzjonijiet li jospitaw u jiġġestixxu l-Forum Makroreġjonali tal-Mediterran. Dan jintlaħaq billi jitwaqqaf grupp ta' tmexxija li jinkorpora l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni, il-KESE u l-KtR. Dan il-grupp ta' tmexxija ser jipprovdi appoġġ sistematiku waqt il-proċess ta' tfassil tal-istrateġija u l-koordinazzjoni fil-ġejjieni.

1.12

Il-KESE jaqbel mal-fehma li l-Istrateġija mhijiex biss dokument. Fuq kollox trid tkun proċess. Dan ifisser li l-istrateġija trid tiġi implimentata maż-żmien. Il-KESE jittama li r-riżultati pożittivi li nkisbu bl-Istrateġija makroreġjonali għall-Baltiku u għad-Danubju jiġu applikati fir-Reġjun Mediterranju, biex jikkontribwixxi għal implimentazzjoni effikaċi u f'waqtha ta' strateġija makroreġjonali ġdida li ġġib benefiċċji liċ-ċittadini tar-Reġjun fi żmien raġonevoli.

2.   Strateġija Makroreġjonali tal-UE għall-Mediterran

2.1

Huwa importanti li tiġi stabbilita definizzjoni komuni ta' x'jifforma makroreġjun. Is-soltu, makroreġjun jiġi definit bħala “żona li fl-estensjoni tagħha tkopri territorju minn għadd ta' pajjiżi jew reġjuni differenti assoċjati ma' karattiristika jew sfida waħda jew aktar li jkunu komuni (...) ta' natura ġeografika, kulturali, ekonomika jew ta' tip ieħor” (3).

2.1.1

Il-Kummissjoni stabbiliet qafas ta' SM li jiġbor dawn it-tliet elementi li ġejjin:

1)

qafas integrat marbut mal-Istati Membri u pajjiżi terzi fl-istess żona ġeografika;

2)

jindirizza sfidi komuni;

3)

igawdi minn kooperazzjoni msaħħa għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

2.2

S'issa ġew adottati żewġ strateġiji makroreġjonali mill-UE, waħda għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku li ġiet approvata fl-2009 u l-oħra għar-Reġjun tad-Danubju li ġiet approvata fl-2011. Strateġija makroreġjonali Adriatiku-Joniku, li oriġinarjament ġiet proposta mill-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) fl-2011 (4) għaddejja mill-proċess ta' approvazzjoni filwaqt li Strateġija għall-Atlantiku li hija bbażata fuq il-baċir tal-baħar diġà ġiet approvata.

2.2.1

Id-dibattitu dwar l-istrateġiji makroreġjonali jrid jinftiehem b'rabta mal-iżviluppi varji fil-qafas ta' politika tal-UE: mat-Trattat ta' Lisbona, il-koeżjoni territorjali saret għan ċentrali tal-politika tal-UE, bl-istrateġija Ewropa 2020 il-governanza territorjali hija l-fattur ewlieni li jappoġġja l-ilħiq tal-miri tal-politika tal-koeżjoni tal-UE għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss (Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020).

2.2.2

Fl-2012, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni li fiha vvalutat il-ħtiġijiet u l-potenzjal ta' attivitajiet marbutin mal-baħar fiż-żona Adrijatika u Jonika, filwaqt li stabbiliet pjan ta' qafas “lejn strateġija marittima koerenti u Pjan ta' Azzjoni korrispondenti sal-2013”, filwaqt li żiedet, “Jekk l-Istati Membri tal-UE jiddeċiedu li jitolbu lill-Kummissjoni tħejji strateġija tal-UE għar-reġjun tal-Adrijatiku u tal-Jonju, din l-istrateġija marittima tista' tikkostitwixxi l-ewwel komponent ta' din it-tip ta' strateġija makroreġjonali tal-UE li tkopri oqsma addizzjonali” (5).

2.3

Peress li l-approċċ “makroreġjonali” qed jidher aktar ta' spiss fil-politika tal-UE, il-KESE jemmen li t-terminu stess “makroreġjun” għandu bżonn definizzjoni aktar ċara. Barra minn hekk – b'koerenza mal-opinjonijiet preċedenti (6) – il-KESE jappoġġja din l-istrateġija politika importanti kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar perspettivi makroreġjonali fil-baċir tal-Mediterran (7).

2.3.1

Qed issir distinzjoni bejn iż-żewġ għanijiet prinċipali tal-strateġiji makroreġjonali: l-ewwel jitratta problemi li ma jistgħux jiġu indirizzati b'mod sodisfaċenti minn reġjuni jew pajjiżi li jkunu qed jaġixxu għal rashom (pereżempju sfidi ambjentali); it-tieni jitratta l-kooperazzjoni li tibbenefika lir-reġjuni u l-pajjiżi parteċipanti. Din il-klassifika tirrifletti d-distinzjoni bejn kwistjoni transnazzjonali u kwistjoni komuni (li ssir fid-dibattitu dwar it-transnazzjonalità u s-sussidjarjetà fil-fondi tal-UE). Il-karatteristiċi ġeografiċi, soċjo-ekonomiċi u amministrattivi tal-Mediterran jagħtu indikazzjoni qawwija li l-ewwel kategorija ta' għanijiet huma l-aktar rilevanti għall-MMRS.

2.4

Il-baċir tal-Mediterran jaqsam karatteristiċi ambjentali, storiċi u kulturali simili u għal dawn ir-raġunijiet jista' jitqies bħala makroreġjun wieħed (8). Il-KESE huwa tal-fehma li trid tiġi implimentata strateġija makroreġjonali waħda fil-baċir tal-Mediterran bejn il-149 reġjun Ewropew fuq il-kosta tal-Mediterran (inklużi s-7 mill-Kroazja) ta' Spanja, Franza, Kroazja, l-Italja, Malta, Slovenja, il-Greċja u Ċipru definiti bħala NUTs 3 (9).

2.5

Fl-2009 il-popolazzjoni attiva residenti fir-reġjuni Ewropej fuq il-kosta tal-Mediterran kienet ta' 32,4 miljun persuna li minnhom madwar 41 % huma nisa. Fil-medja din il-popolazzjoni tinsab f'periklu akbar ta' qgħad b'rata medja ta' qgħad fir-reġjuni Ewropej fuq il-kosta tal-Mediterran ta' madwar 12,9% fl-2009 (8,9% għall-UE). Fl-2007, il-prodott domestiku gross (PDG) tar-reġjuni kostali Mediterranji tal-UE kien 1 715 biljun PPS (l-istandards tal-poter tal-akkwist) jew 13,9% tal-PDG tal-UE. Il-PDG medju per capita, f'dawn ir-reġjuni kien ta' 23 000 PPS per capita, li huwa aktar baxxi milli fl-UE 24 000 PPS per capita) (10).

2.5.1

Għalhekk, fid-dawl tal-kobor taż-żona, il-KESE huwa tal-fehma li l-Markroreġjun Mediterranju tal-UE għandu jinqasam f'tal-anqas tliet sottomakro-reġjuni. Il-konsultazzjonijiet reċenti li saru mill-Parlament Ewropew dwar l-iżvilupp tal-makroreġjuni esprimew pożizzjoni li xxaqleb favur iż-żamma tal-għażla ta' tliet sottomakroreġjuni distinti fil-Mediterran: (i) wieħed fil-punent tal-Mediterran, (ii) wieħed fiċ-ċentru tal-Mediterran – li jimplimenta l-makroreġjun Adrijatiku-Joniku – u (iii) it-tielet fil-Lvant tal-Mediterran, bi pjanijiet ta' azzjoni speċifiċi koordinati flimkien.

2.5.2

Fir-rigward tas-sottomakroreġjuni għaċ-ċentru tal-Mediterran, u bi qbil mal-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u d-distribuzzjoni ġeografika li saret mill-Eurostat, il-KESE jqis li huwa essenzjali li Sqallija u Malta jiddaħħlu fil-makroreġjun Adrijatiku-Joniku. -. Aktar importanti, il-pajjiżi u r-reġjuni li jinsabu fuq il-fruntieri immaġinarji tas-sottomakroreġjuni għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw f'aktar minn sottomakroreġjun wieħed sabiex tkun tista' tiġi assigurata koordinazzjoni aħjar u l-eliminazzjoni ta' dupplikazzjonijiet u kunflitti li jwasslu għall-ħela

3.   X'inhuma l-prekundizzjonijiet li jeżistu?

3.1

Il-Mediterran kollu kemm hu sofra minn approċċ tal-Unjoni Ewropea nieqes mill-kontinwità b'inizjattivi differenti u strumenti li tnedew tul is-snin. Dawn l-inizjattivi wasslu għal xi kisbiet pożittivi iżda ma rnexxielhomx jindirizzaw għal kollox il-miri ta' żvilupp soċjali, politiċi u ekonomiċi li ġew stabbiliti fil-bidu. Issa huwa ż-żmien li l-UE tkompli ma' dak li qed tagħmel permezz tal-Unjoni għall-Mediterran u l-Politika ta' Viċinat tagħha, bħala parti mill-politiki esterni tagħha biex tniedi politika aktar integrata għar-reġjuni tagħha tal-Mediterran.

3.1.1

Strateġiji ċari u kondiviżi għar-reġjun kollu kif ukoll għas-sottoreġjuni akkumpanjati minn pjan ta' azzjoni relevanti jistgħu jgħinu biex jissolvew xi wħud mill-inċertezzi dwar il-politika reġjonali li rriżultaw mill-fallimenti ta' politika assoċjati mal-politiki esterni tal-UE fir-reġjun bħall-Unjoni għall-Mediterran u l-Politika ta' Viċinat tal-UE. Strateġiji ċari bħal dawn jistgħu jgħinu wkoll biex xi wħud mill-kisbiet pożittivi u l-proġetti li għaddejjin fil-poltiki esterni tal-UE attwali jiġu inklużi u salvati.

3.2

Il-KESE jiffavorixxi approċċ makroreġjonali, li jsaħħaħ is-sinerġiji bejn il-politiki differenti tal-UE u jikkoordina l-isforzi ta' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati li jinsabu fir-reġjuni Ewropej fuq il-kosta tal-Mediterran. B'mod ġenerali l-istrateġiji makroreġjonali għandhom ifittxu li jipprovdu valur miżjud għall-azzjonijiet li diġà huma fis-seħħ ġewwa l-makroreġjun biex jikkoordinaw fondi Ewropej, nazzjonali u reġjonali fis-segwitu ta' għanijiet u miri kondiviżi, biex jinħoloq sens ta' kisba kondiviża mill-protagonisti involuti u biex iġibu flimkien organizzazzjonijiet u awtoritajiet fi kwalunkwe livell iffukati fuq opportunitajiet u sfidi ewlenin. F'termini aktar konkreti, f'dan il-perjodu partikolari ħafna ta' restrizzjonijiet fiskali kbar li qed ikollhom impatt qawwi fuq il-kapaċità tas-settur privat li jerġa' jqabbad il-magna ekonomika, huwa essenzjali li jinkiseb l-akbar grad possibbli tal-effiċjenza Pareto mill-użu tar-riżorsi disponibbli.

3.3

Il-kriżi ekonomika attwali li bdiet mill-kriżi finanzjarja globali fl-2008, tirrikjedi sforz kontinwu biex jiġu inkuraġġuti oqsma ġodda ta' tkabbir li jistgħu jikkontribwixxu biex jiġbdu lill-pajjiżi mill-kriżijiet ekonomiċi u jippermettulhom joħolqu l-impjiegi li huma tant meħtieġa. Iż-żoni kostali tal-UE fin-nofsinhar tal-Mediterran għandhom il-potenzjal li jsiru ċentri innovattivi ta' tkabbir dinamiku billi jisfruttaw il-karatteristiċi uniċi tagħhom.

3.3.1

Madankollu dan jirrikjedi sforz bla preċedent biex il-ħidma kollha li tkun qed issir mill-partijiet interessati ewlenin fir-reġjun tiġi koordinata bil-għan li tinkiseb integrazzjoni akbar bejn iż-żoni kkonċernati, u billi l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili jkollhom sehem ewlieni.

3.3.2

Fil-fehma tagħna diġà hemm għadd ta' strumenti u politiki li jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-implimentazzjon tal-istrateġija makroreġjonali. Hawnhekk qed nirreferu għall-proġetti finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), l-hekk imsejħa Fondi Strutturali u fondi li jitqassmu taħt l-Għan tal-Konverġenza, l-Objettiv tal-Kompetittività Reġjonali u tal-Impjiegi, il-Kooperazzjoni territorjali Ewropea, programmi li jiżviluppaw it-trasport u l-koeżjoni territorjali (allokati għall-Ewropa 2020), b'mod partikolari dawk li għandhom orjentazzjoni marittima speċifika bħall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd kif ukoll il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-fondi nazzjonali.

3.3.2.1

F'dan ir-rigward huwa pertinenti li nindikaw li l-Istati Membri kollha tal-UE (u b'mod aktar speċifiku l-163 reġjun fil-Mediterran) bħalissa qed ifasslu l-Ftehimiet ta' Sħubija individwali tagħhom li ser jindikaw kif kull Stat Membru ser juża l-fondi tal-Qafas Strateġiku Komuni. Filwaqt li huwa minnu li hemm element ta' kooperazzjoni territorjali fi ħdan dawn il-Ftehimiet, il-KESE jqis li qed tintilef l-opportunità għal koordinazzjoni akbar bejn il-pajjiżi u r-reġjuni fil-Mediterran.

3.3.2.2

Madankollu, il-KESE jinsisti fuq l-arranġamenti intermedji li jiffavorixxu l-implimentazzjoni ta' SM u sar-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-Ftehimiet ta' Sħubija li jkunu saru mal-Istati Membri tal-UE, dawn il-miżuri għandhom ikunu stabbiliti għal kollox.

3.3.3

Biex jiġi żgurat li dawn l-istrumenti huma ffukati u ottimizzati, hemm bżonn ta' koordinazzjoni f'diversi livelli bejn l-istituzzjonijiet involuti biex imexxu l-proċess u ħalli jiżguraw li r-riżorsi jintużaw b'mod sħiħ u tiġi evitata d-dupplikazzjoni. Il-koordinazzjoni interreġjonali issa saret essenzjali u urġenti partikolarment peress li hemm bżonn li jinkiseb aktar bl-istess livell (jekk mhux inqas) ta' fondi. B'hekk iridu jitwaqqfu strumenti adatti li jkunu effikaċi biex jiżguraw koordinazzjoni u effiċjenza.

3.3.3.1

F'dinja globalizzata u kompetittiva, il-163 reġjun iridu jkunu jistgħu jikkompetu ma' kompetituri viċini u mbiegħda, u minħabba f'hekk il-ħtieġa ta' tmexxija u deċiżjonijiet f'waqthom hija essenzjali.

3.3.4

Ir-reġjuni periferiċi u marittimi li huma membri tal-Konferenza tar-reġjuni periferiċi u marittimi (CPMR) u l-KtR repetutament stiednu lill-Kummissjoni Ewropea biex tintroduċi Patt Territorjali biex l-Istrateġija UE2020 tiġi mħaddna aktar mill-gruppi ekonomiċi kollha fir-Reġjuni tal-Ewropa (11).

3.4

Hija meħtieġa kombinazzjoni ta' politiki rilevanti b'teħid tad-deċiżjonijiet deċentralizzat li jikkontribwixxi biex jassiguraw li r-riżorsi jiġu koordinati b'mod li jiġu użati fejn l-aktar jista' jkollhom impatt f'termini ta' tkabbir u impjiegi.

3.4.1

Hija biss strateġija maħsuba tajba u li tinżamm sempliċi filwaqt li sserraħ fuq l-aktar kunsens mifrux possibbli li tista' tikxef it-toroq u l-għażliet quddiem ir-reġjuni, l-irħula, il-bliet u l-portijiet tar-reġjuni Ewropej fuq il-kosta tal-Mediterran.

3.4.2

Huwa importanti wkoll li jitfassal metodu biex titkejjel l-effikaċja tal-politika fi ħdan il-makroreġjun tal-Mediterran biex tkun tista' tittieħed azzjoni korrettiva f'waqtha. Fil-passat, in-nuqqas ta' kejl biex jiġi stabbilit b'mod preċiż is-suċċess jew il-falliment ta' politika flimkien man-nuqqas ta' koordinazzjoni, sforzi doppji u għall-ħela, u nuqqas ta' trasparenza, żammu milli tittieħed azzjoni korrettiva f'waqtha li fl-aħħar mill-aħħar kabbru l-fallimenti tal-politika.

3.4.3

L-istrateġija trid tiġi akkumpanjata minn Pjan ta' Azzjoni li jidentifika b'mod ċar il-proġetti li l-aktar li jintgħażlu għall-impatt transreġjonali tagħhom u l-importanza għat-tkabbir ekonomiku, kif ukoll is-sorsi ta' finanzjament li ser jiġu mobilizzati biex jitwettqu. Dan huwa essenzjali u preferibbilment għandu jitwettaq fl-ewwel sentejn wara t-tnedija tal-QFP 2014-2020.

3.4.4

Huwa estremament importanti li jonqsu r-rekwiżiti burokratiċi tar-rappurtaġġ u tal-mili ta' formoli mill-partijiet interessati u mill-operaturi. NGOs, SMEs u awtoritajiet reġjonali, partikolarment dawk f'reġjuni żgħar, spiss jiġu skoraġġuti milli jipparteċipaw minħabba n-nuqqas ta' kapaċità u minħabba l-isforz esaġerat meħtieġ biex ikunu aġġornati mal-proċeduri burokratiċi. Filwaqt li l-ħtieġa ta' verifiki u bilanċi hija ċara, huwa essenzjali li l-benefiċċjarji tal-proġetti jkunu jistgħu jiddedikaw ħinhom u r-riżorsi tagħhom biex fil-fatt iwasslu l-benefiċċji lis-soċjetà u l-ekonomija inġenerali.

3.4.5

Il-KESE jemmen li l-fatt li l-Pjani ta' Azzjoni fallew milli jitwettqu ser iżomm ir-reġjuni milli jisfruttaw l-opportunità għall-ħolqien tat-tkabbir. Il-prezz li jrid jitħallas fir-rigward tat-telf ta' opportunitajiet minħabba dan il-falliment ser ikun għoli ferm partikolarment f'dawn iż-żminijiet ta' kriżi. Il-KESE jemmen b'fermezza li permezz ta' kollaborazzjoni innovattiva hemm gwadanji importanti fl-effiċjenza li jistgħu jinkisbu fl-użu ta' riżorsi biex jinkiseb tkabbir aktar b'saħħtu. Ir-riskji ta' falliment huma gravi wkoll għall-mexxejja politiċi reġjonali u għaċ-ċittadini tagħhom. Il-prospetti għat-tkabbir mhumiex tajbin ħafna għas-sentejn li ġejjin għal ħafna mir-reġjuni interessati u dan l-ostaklu ser ikompli jikber jekk ir-reġjuni jieħdu toroq li jinjoraw l-opportunitajiet li tipprovdi SM u ma jużawx ir-riżorsi umani u naturali tar-reġjun b'mod effikaċi u sostenibbli (12).

3.4.6

Il-punt ta' tluq ta' din l-istrateġija għandu jkun l-iffissar tal-għanijiet ewlenin u l-identifikazzjoni ta' programmi tal-UE, nazzjonali u reġjonali eżistenti, kif ukoll l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili eżistenti li jistgħu joffru l-isforz ta' koordinazzjoni meħtieġ. Hemm diversi proġetti ffinanzjati mill-UE fl-istrateġiji makroreġjonali tal-UE li jekk jiġu koordinati b'mod adegwat jistgħu jkabbru l-valur miżjud li jipproduċu. Dawn it-tipi ta' proġetti li diġà jeżistu, tal-anqas fuq il-karta, u oħrajn ġodda li żgur jitniedu fil-futur, jistgħu ikunu utli biex jintlaħqu xi wħud mill-għanijiet tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE.

4.   X'għandu jkun l-iskop?

4.1

L-għan ewlieni li tiġi inkoraġġita d-definizzjoni f'diversi livelli ta' MM akkumpanjata minn strateġija makroreġjonali fil-Mediterran, li fiha l-attivitajiet jiġu implimentati permezz ta' pjan ta' azzjoni speċifiku ibbażat fuq ir-“regola tat-tliet ivajiet”: aktar fondi kumplimentari, aktar koordinazzjoni istituzzjonali u aktar proġetti ġodda.

4.2

Ir-reġjuni tal-Mediterran jeħtieġu impenn komuni biex issir ħidma flimkien mal-istrateġija fil-livelli kollha ta' azzjoni, li permezz tagħha għandu jkun possibbli li l-għanijiet tal-Ewropa 2020 jiġu sfruttati u b'hekk tiġi promossa l-integrazzjoni bejn il-politiki u l-fondi tal-UE (Kooperazzjoni territorjali). L-istrateġiji makroreġjonali għandhom jiġu implimentati biex jassistu lir-reġjuni u t-territorji jiffaċċjaw l-isfidi li ma jistgħux jingħelbu bil-mezzi nazzjonali biss.

4.3

Il-KESE huwa tal-fehma li l-iżvilupp ta' strateġija makroreġjonali għall-Mediterran għandha tkun ibbażata fuq it-tliet pilastri tat-tkabbir:

Tkabbir intelliġenti (b'enfasi partikolari fuq “tkabbir blu”)

It-trawwim ta' ekonomija msejsa fuq l-għarfien li tappoġġja l-innovazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda;

Tkabbir sostenibbli

Il-promozzjoni ta' ekonomija aktar sostenibbli, ekoloġika u kompetittiva;

Tkabbir inklużiv

Il-promozzjoni ta' ekonomija b'enfasi akbar fuq il-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar biex tappoġġja l-koeżjoni soċjali u territorjali.

4.3.1

Tkabbir intelliġenti” ser jiġi appoġġjat billi jiġi kkunsidrat il-kunċett ta' “Tkabbir blu”. Fit-13 ta' Settembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni dwar it-Tkabbir Blu li fiha identifikat ħames “katini ta' valur” li għandhom il-potenzjali li jwasslu għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi f'ekonomija blu. Dawn huma: l-enerġija blu, l-akwakultura, it-turiżmu marittimu, kostali u tal-kruċieri, riżorsi minerali marini u bijoteknoloġija blu (13).

4.3.1.1

It-Tkabbir Blu jirrifletti l-għażliet li jkunu saru mir-reġjuni marittimi biex itejbu l-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku tagħhom billi jużaw il-pożizzjoni ġeografika u l-ispeċifiċitajiet tagħhom, b'mod partikolari l-attivitajiet marini u marittimi – fil-qosor jiffukaw fuq dak li jagħmlu l-aħjar.

4.3.1.2

L-isfida tat-Tkabbir Intelliġenti għar-reġjuni kostali tal-Markroreġjun Mediterranju tal-UE hija doppja:

dik li tinħoloq biżżejjed attività ekonomika li fl-aħħar mill-aħħar ser tikkontribwixxi biex toħroġ lill-Ewropa barra mill-kriżi ekonomika u soċjali attwali;

dik li tagħmel l-investiment meħtieġ f'infrastruttura, speċjalment portijiet, ajruporti, linji tal-ferrovija, ċentri ta' trasport u faċilitajiet oħra li jiżgura li l-Makroreġjun Mediterranju tal-UE ser ikun f'pożizzjoni li jipparteċipa bi sħiħ darba jibda l-irkupru.

4.3.1.3

L-użu sostenibbli tar-riżorsi Mediterranji joffri opportunità biex jinħolqu l-ġid u l-impjiegi. Ir-riċerka f'sistemi ambjentali u teknoloġiji avvanzati għandu jiġi żviluppat biex jappoġġja l-attivitajiet tradizzjonali Mediterranji li jinsabu f'deklin u b'hekk jinfetħu opportunitajiet ġodda.

4.3.1.4

Dawn l-isfidi jeħtieġu l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet xjentifiċi, teknoloġiċi u ekonomiċi flimkien mal-imsieħba soċjali. Għandhom jitqiesu l-attivitajiet ta' appoġġ f'oqsma bħal dawk tal-infrastruttura, l-industrija, it-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-politiki ta' investiment, il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u l-ħolqien ta' clusters.

4.3.1.5

Is-settur nawtiku huwa qawwi ħafna u jikkontribwixxi għall-istrateġiji ta' żvilupp. It-turiżmu nawtiku jiġġenera attività ekonomika u impjiegi, u barra minn hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-identità Ewromediterranja.

4.3.2

L-impeti ewlenin tat-“Tkabbir Sostenibbli” u s-setturi involuti huma kollha konnessi bejniethom b'ħafna modi. Il-kisba tas-sostenibbiltà u l-implimentazzjoni ta' politiki li jiffavorixxu aktar l-ambjent kif ukoll il-bidla għal ekonomija b'dipendenza baxxa fuq il-karbonju fis-setturi kollha, jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri fit-tibdil tal-klima u l-adattar għalih. Ir-riżorsi jridu jintużaw b'mod effiċjenti, is-sinerġiji jridu jissaħħu, il-ħela u l-isforzi doppji jridu jiġu identifikati u skoraġġuti. L-infrastrutturi ewlenin, fosthom dawk tat-trasport tal-art u tal-baħar, it-trasmissjoni tal-enerġija u n-netwerks tal-IT għandhom bżonn jittejbu b'mod kostanti biex jiġi żgurat li ma jiżviluppa ebda ostaklu li jkun ta' xkiel.

4.3.2.1

Is-sostenibbiltà kostali u marina huma marbutin flimkien u t-tnejn li huma huma vulnerabbli għall-pressjoni mill-attività umana, fosthom it-tniġġis tal-art li eventwalment inixxi fil-Mediterran u l-emissjonijiet tad-CO2 mill-bastimenti (14). Il-ġestjoni integrata taż-żoni kostali m'għandhiex tiġi limitata biss għall-attività ekonomika kostali u t-tniġġis. Irid jingħata kull inċentiv biex is-settur marittimu u l-vapuri li jsalpaw fil-Mediterran jiġu mħeġġa li jaqilbu għall-aktar forom moderni ta' teknoloġiji “ħodor”.

4.3.2.2

L-Unjoni Ewropea u tmienja mill-Istati Membri tagħha huma firmatarji tal-Konvenzjoni ta' Barċellona tal-1975 għall-ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis u l-protokolli tiegħu konklużi taħt l-awspiċi tal-UNEP. B'Att tal-Kunsill, approvat fl-aħħar tal-2012, l-UE saret firmatarja tal-Protokoll Offshore ta' din il-Konvenzjoni biex tħares żoni kostali Mediterranji mit-tniġġis ikkawżat mill-attività offshore. Ir-reġjuni Mediterranji tal-UE għandhom ħafna x'jiggwadanjaw minn din il-Konvenzjoni u għandhom jagħtuha ħafna attenzjoni anke fil-kuntest tal-għan tagħhom li jiksbu “tkabbir blu”.

4.3.2.3

Il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli fil-Mediterran jikkostitwixxi sors kbir ta' enerġija nadifa, li s'issa għadha ma ġietx żviluppata. B'koerenza mal-miri tal-Ewropa 2020, il-miżuri tal-adattar għat-tibdil fil-klima u tal-prevenzjoni tagħha għandhom jiddaħħlu fl-istrateġiji makroreġjonali tal-UE.

4.3.2.4

L-SM tal-UE għandha bżonn miżuri dwar it-trasport sostenibbli biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju. It-traffiku tat-trasport fit-triq għandu jiġi trasferit għal trasport marittimu (15). Mill-banda l-oħra, it-trasport marittimu għandu bżonn ikompli fit-triq tiegħu lejn użu akbar ta' karburanti aktar nodfa. Is-sigurtà marittima u l-kooperazzjoni fil-prevenzjoni għad-diżastri u r-reazzjoni għalihom għandhom jiġu inklużi.

4.3.3

L-istrateġija makroreġjonali tal-UE għandha tinkludi dimensjoni soċjali qawwija biex tappoġġja t-“Tkabbir Inklussiv” fir-reġjuni Ewropej fuq il-kosta tal-Mediterran. L-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda għandhom jagħmluha aktar faċli għall-abitanti fir-reġjuni biex igawdu kwalità tal-ħajja aħjar. L-awtoritajiet reġjonali għandhom jippromovu d-djalogu soċjali u l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili. Fuq il-bażi ta' approċċ integrat għall-koeżjoni territorjali, għandu titqies is-sitwazzjoni “inklussiva” tal-bliet u ż-żoni metropolitani, iż-żoni rurali, bliet kostali żgħar u gżejjer. L-aċċessibbiltà tal-infrastruttura, it-teknoloġiji u s-servizzi għall-persuni b'diżabbiltà għandhom jintrabtu mal-iżvilupp sostenibbli bħala kundizzjoni bażika tat-Tkabbir Inklussiv.

4.3.3.1

It-teknoloġiji tal-informazzjoni żviluppaw b'mod partikolari fiż-żoni periferiċi permezz ta' konnettività aħjar, biex jappoġġjaw il-koeżjoni territorjali u soċjali tar-reġjuni tal-Mediterran permezz ta' approċċ tematiku trasversali. Għandu jitrawwem l-iżvilupp tal-ICT.

4.3.3.2

Huwa importanti wkoll li tiġi enfasizzata l-ħtieġa ta' żvilupp ulterjuri tal-ajruporti u s-servizzi tal-ajru fl-MM sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni ekonomika reġjonali. Is-servizzi u l-infrastruttura tat-trasport tal-ajru għad għandhom potenzjal qawwi li għadu mhux sfruttat u għandhom bżonn ta' investiment akbar.

4.3.3.3

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom sehem ewlieni fl-appoġġ ta' “Tkabbir Inklussiv” fiż-żona tal-Mediterran. Hemm bżonn li jiġu identifikati għanijiet edukattivi komuni għall-Makroreġjun Mediterranju tal-UE kollu.

4.3.3.4

Il-KESE jħoss li d-djalogu bejn l-imsieħba soċjali u ċivili u l-istituzzjonijiet edukattivi u ta' taħriġ għandu bżonn jissaħħaħ. Hija prijorità li jittejjeb it-taħriġ fuq suġġetti marittimi u nawtiċi, kif ukoll li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u ċ-ċentri ta' taħriġ

4.3.3.5

Dawk qiegħda fir-reġjuni Ewropej fuq il-kosta tal-Mediterran għandhom bżonn jinstemgħu ukoll fit-tfassil ta' strateġija futura li tfittex li tipprovdilhom opportunitajiet biex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol. Huwa essenzjali wkoll li jsiru sforzi reali u tanġibbli biex jiġu inklużi mexxejja minn gruppi soċjali “esklużi” bħall-komunitajiet tal-migranti, persuni b'diżabbiltà u l-organizzazzjonijiet tan-nisa. Il-KESE jappoġġja għal kollox il-politiki tal-UE mmirati li jevitaw id-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' razza, oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età, orjentazzjoni sesswali jew ġeneru.

4.3.3.6

Fid-dawl tal-perspettiva Ewropea għat-tixjiħ demografiku, għandu jkun hemm azzjoni speċifika biex tappoġġja t-tixjiħ b'saħħtu u attiv fir-reġjuni Ewropej fuq il-kosta tal-Mediterran. Ir-reġjuni tal-Mediterran għandhom bżonn ukoll iniedu pjan fit-tul u vijabbli ta' immigrazzjoni kontrollata u ta' ħaddiema staġjonali biex jimlew il-vojt li tħalli popolazzjoni li qed tixjiħ u tindirizza l-proporzjon ta' persuni dipendenti li qed jikber. Il-KESE huwa favur sforzi aktar serji min-naħa tal-UE biex tgħin lir-reġjuni tal-Mediterran ikampaw mal-isfida tal-migrazzjoni u biex il-migranti jiġu integrati fis-soċjetà.

4.3.3.7

Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li l-Istrateġija tiġi żviluppata fid-dawl tal-prijoritajiet immirati li jtejbu l-inklużjoni soċjali, il-benesseri u r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà, kif ukoll li l-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi promossa fiż-żona tal-Mediterran. Għaldaqstant huwa essenzjali li jiġu garantiti l-awtonomija, id-dinjità u l-libertà tal-persuni b'diżabbiltà u li tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol Mediterranju, fis-soċjetà u fil-pożizzjonijiet tat-teħid tad-deċiżjoni.

5.   X'benefiċċji huma mistennija?

5.1

L-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-Mediterran toffri ħafna opportunitajiet, speċjalment billi tipprovdi qafas ta' referenza rilevanti għall-politika ta' koeżjoni u l-inkoraġġiment ta' kooperazzjoni intersettorjali f'żona komuni ta' xogħol fis-servizzi. Dan il-qafas jista' jindirizza l-investiment lejn komplimentarjetà akbar u jista' jinfluwenza l-prijoritajiet rispettivi ta' kull pjan ta' żvilupp reġjonali għal makroreġjun Ewropew, li jiżgura ħarsa globali u sinerġiji ġenwini b'approċċ integrat.

5.2

Strateġija makroreġjonali tal-UE taċċerta li jkun hemm parteċipazzjoni akbar u kooperazzjoni aħjar bejn il-mekkaniżmi ta' intervent varji tal-UE, li jmorru lil hinn mill-approprjazzjonijiet allokati għall-politika ta' koeżjoni, biex iġibu flimkien ir-riżorsi tar-reġjuni u l-Istati Membri permezz ta' governanza f'diversi livelli. Din tirrappreżenta strateġija li permezz tagħha kull parti interessata lokali tirbaħ.

5.3

Fil-parti l-kbira, il-benefiċċji tal-istrateġiji makroreġjonali tal-Mediterran jirriżultaw mill-approċċ tagħha li huwa komprensiv ħafna u li jintegra l-livelli differenti, biex b'hekk jippromovi s-sinerġiji bejn il-politiki u l-programmi tal-UE filwaqt li jiffinanzja l-komplimentaritajiet.

5.4

L-implimentazzjoni tal-istrateġija makroreġjonali tal-Mediterran ser trawwem attivitajiet strateġiċi fiż-żoni kostali u l-gżejjer, kif ukoll tkabbar il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet, ir-reġjuni, il-bliet u l-portijiet Mediterranji u kull fejn jinħass il-bżonn bejn l-awtoritajiet nazzjonali.

5.5

Ikunu jistgħu jitwettqu attivitajiet marbutin ma' “Politika Marittima Integrata” u t-“Tkabbir Blu”, filwaqt li ssir enfasi fuq l-interdipendenzi u s-sinerġiji li jeżistu bejn attivitajiet li apparentement m'għandhomx rabta mas-settur marittimu.

5.6

L-azzjonijiet proposti ser jindirizzaw it-tliet pilastri ta' tkabbir li ġew identifikati preċedentement. Fl-għażla ta' azzjonijiet proposti, kull wieħed irid jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

irid ikollhom impatt fuq il-makroreġjun u jġibu benefiċċji konkreti liċ-ċittadini tal-Markroreġjun Mediterranju tal-UE f'perjodu ta' żmien raġonevoli;

iridu jkunu koerenti mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli u b'hekk ikunu mmirati lejn il-ħolqien tat-tkabbir ekonomiku filwaqt li jimminimizzaw l-effetti negattivi fuq l-ambjent;

jistgħu jiġu implimentati fi żmien qasir u medju (massimu 7 snin);

x'aktarx jattiraw fondi mis-settur privat li jikkomplimentaw il-fondi pubbliċi (l-UE u l-gvern).

6.   Xi jwassal għal bidla

6.1   Il-KESE jemmen li l-isfidi għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku fiż-żona tal-Mediterran jeħtieġu sforzi komuni u konġunti biex il-potenzjal territorjali jiġi ġestit u sfruttat. Il-KESE jidentifika ħames fatturi li jwasslu għal bidla li jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-politiki ta' koeżjoni Ewropej 2014-2020 fir-reġjuni kostali Mediterranji tal-UE.

6.1.1   Il-promozzjoni ta' żvilupp poliċentriku, bilanċjat u integrat

L-iżvilupp territorjali bbilanċjat huwa strateġiku biex jappoġġja l-koeżjoni soċjali u ekonomika tar-reġjuni kostali Mediterranji tal-UE. Ir-reġjuni kostali Mediterranji tal-UE jridu jikkooperaw biex joħolqu netwerks sabiex inaqqsu l-polarizzazzjoni territorjali tal-prestazzjoni ekonomika, id-diverġenzi reġjonali u biex il-prosperità ekonomika tiġi indirizzata lejn l-iżvilupp sostenibbli fiż-żona tal-Mediterran.

6.1.2   L-appoġġ għall-kooperazzjoni territorjali fir-reġjun kostali Mediterranji tal-UE

Il-kooperazzjoni territorjali hija fattur importanti fit-tisħiħ tal-kompetittività tal-Mediterran u, fl-istess waqt, biex il-frammentazzjoni ekonomika, soċjali u ekoloġika titnaqqas. Huwa importanti li tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet li jitrattaw il-programmi transkonfinali u transnazzjonali, li jintegraw il-prijoritajiet identifikati mal-istrateġiji fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' miżuri koerenti mal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-politiki ta' koeżjoni 2014-2020.

6.1.3   L-iżgurar ta' kompetittività globali tar-reġjuni kostali Mediterranji tal-UE bbażata fuq ekonomiji lokali b'saħħithom

Il-kompetittività globali u l-koeżjoni tal-reġjuni kostali Mediterranji tal-UE tista' tintlaħaq billi n-nies jitħeġġu jitgħallmu, jistudjaw u jaġġornaw il-ħiliet tagħhom, billi l-innovazzjoni ispirata mis-suq tingħata importanza biex jinħolqu prodotti u servizzi ġodda li jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi, filwaqt li l-komunitajiet lokali jiġu megħjuna jiffaċċjaw l-isfidi soċjali. It-tisħiħ tal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-ħolqien ta' suq diġitali uniku ibbażat fuq internet veloċi u veloċi ħafna u applikazzjonijiet interoperabbli huma strateġiċi għall-iżvilupp ta' ekonomiji lokali b'saħħithom.

6.1.4   It-titjib tal-konnettività territorjali għall-individwi, il-komunitajiet u l-intrapriżi

L-aċċessibbiltà tas-servizzi ta' interess ġenerali bi prezzijiet li jintlaħqu bħall-informazzjoni, l-għarfien u l-mobbiltà, kif ukoll soluzzjonijiet tat-trasport intermodali effikaċi u sistemi ta' produzzjoni li jirrispettaw l-ambjent huma prijoritajiet essenzjali għall-koeżjoni tal-Mediterran. It-tisħiħ tar-rabtiet bejn iċ-ċentri ewlenin tar-reġjuni kostali Mediterranji tal-UE man-nodi tat-trasport permezz tan-netwerk trans-Ewropew (TEN-T) u l-iżvilupp ta' netwerks ta' sistemi sekondarji fil-livelli reġjonali u lokali biex jingħelbu l-ostakli territorjali bħal dawk tal-ġżejjer Mediterranji huma ta' importanza strateġika għat-tisħiħ tal-kompetittività u l-koeżjoni fil-baċir tal-Mediterran

6.1.5   Il-ġestjoni tal-valuri ekoloġiċi, tal-pajsaġġ u kulturali u l-ħolqien ta' rabta bejniethom

Il-ħarsien u t-tisħiħ tal-wirt kulturali u naturali huma kundizzjoni importanti għall-iżvilupp tar-reġjuni kostali Mediterranji tal-UE. Huwa importanti li l-integrazzjoni sħiħa taż-żoni mħarsa tiġi appoġġata permezz tal-komunitajiet u l-ekonomiji lokali. Il-valur għoli tal-pajsaġġi Mediterranji għandu jiġi żviluppat f'termini kwalitattivi u żoni għonja fir-riżorsi naturali u kulturali jridu jingħataw il-valur xieraq tagħhom sabiex isir l-aħjar użu minn dawn l-assi. Għalhekk huwa importanti li tiġi żviluppata identità reġjonali u lokali filwaqt li tissaħħaħ il-konsapevolezza u r-responsabbiltà ta' dawn il-komunitajiet Mediterranji b'rabta mal-ambjenti, ix-xenarji u l-kulturi u valuri oħra uniċi.

Brussell, 10 ta' Diċembru 2013

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli, COM(2010) 636 final.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija għall-ugwaljanza, COM(2010) 491 finali.

(3)  Macro-regional strategies in the EU, Discussion Paper presented by Commissioner Pawel Samecki in Stockholm (Strateġiji markroreġjonali fl-UE, Dokument ta' Diskussjoni mressaq mill-Kummissarju Pawl Samecki fi Stokkolma) (16/09/2009): http://ec.europa.eu/regional_policy/archive/cooperation/baltic/pdf/macroregional_strategies_2009.pdf.

(4)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat dwar “Il-kooperazzjoni territorjali fil-baċir tal-Mediterran permezz tal-makroreġjun Adrijatiku-Joniku”, ĠU C 9, 11.1.2012, p. 8.

(5)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Strateġija marittima għall-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju, COM(2012)713 final, Brussell, 30.11.2012.

(6)  Opinjoni esploratorja tal-KESE għall-Presidenza Ċiprijotta dwar “L-iżvilupp ta' strateġija makroreġjonali fil-Mediterran”, ĠU C 44, 15.2.2013, p.1, Opinjoni tal-KESE “Niżviluppaw Strateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku” ĠU C 229, 31.7.2012, p. 24

(7)  Mozzjoni għal Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar L-evoluzzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE: Prassi attwali u prospettivi futuri, b'mod partikolari fil-Mediterran – 2011/2179(INI), 27.6.2012.

(8)  “The Mediterranean Sea area comprises all the Marine waters bounded to the west by the Strait of Gibraltar and to the East by the Marmara Sea, Marmara Sea excluded. (Iż-żona tal-baħar Mediterran tkopri l-ilmijiet kollha marini li fil-punent jaslu sal-Istrett ta' Ġibilterra u fil-Lvant sal-Baħar Marmara, bl-esklużjoni tal-Baħar Marmara.) (NUTS3)”. 142 EU coastal regions border the Mediterranean Sea (NUTS3)". (142 reġjun kostali tal-UE jinsabu fix-xatt tal-Baħar Mediterran (NUTS3)"). EUROSTAT, 2011, Statistics in focus, The Mediterranean and Black Sea basin (Statistika fil-mira, Il-Baċir tal-Mediterran u l-Baħar l-Iswed).

(9)  Reġjun kostali tal-UE huwa reġjun statistiku definit fil-livell ta' NUTS3, li jirrispondi għal wieħed minn dawn il-kriterji:

Reġjun bi fruntiera mal-baħar (372 jikkorrispondu għal dan il-kriterju);

Reġjun li aktar min-nofs il-popolazzjoni tiegħu tinsab sa 50 km mill-baħar (73 reġjun jikkorrispondu għal dan il-kriterju);

Hamburg, reġjun Ġermaniż, li ma jikkorrispondix mal-kriterji tad-definizzjoni, ġie miżjud mal-lista tar-reġjuni kostali tal-UE, fid-dawl tal-influwenza marittima qawwija tiegħu.

Sors: EUROSTAT, 2011, Op. cit.

(10)  Bid-dħul tal-Kroazja, is-7 MCR Kroati juru 527 700 persuna bħala popolazzjoni attiva (44,7 % nisa), ir-rata tal-qgħad hija ta' 17,8 % u l-PDG medju huwa ta' 20 785 PPS (Ewrostat 2013). Għall-pajjiżi l-oħra: Eurostat, 2011, Op. cit.

(11)  Marsilja, 27 ta' Novembru 2009, Seminar tas-CPMR dwar “Leading Europe out of the Crisis: initial proposals from the Regions on the future of the EU budget and policies” (Noħorġu l-Ewropa mill-Kriżi: proposti inizjali mir-Reġjuni dwar il-futur tal-baġit u l-politiki tal-UE) Fl-ewwel Riżoluzzjoni (KtR 199/2010), il-Kumitat tar-Reġjuni jipproponi li jappoġġja b'qawwa il-proposta li tnediet mill-Parlament Ewropew li jiġi stabbilit “Patt Territorjali ta' Awtoritajiet Reġjonali u Lokali dwar l-Istrateġija Ewropa 2020”.

(12)  Scenarios for the Mediterranean (Xenarji għall-Mediterran)– World Economic Forum 2011.

(13)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni It-Tkabbir Blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu, COM(2012)494 final,, Brussell, 13.9.2012.

(14)  COM(2013) 480 final – 2013/0224 (COD).

(15)  Ibidem.


Top