EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0154

Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tan-Nofsinhar Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta’ April 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tan-Nofsinhar

ĠU C 296E, 2.10.2012, p. 114–126 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 296/114


Il-Ħamis 7 ta’ April 2011
Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tan-Nofsinhar

P7_TA(2011)0154

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ April 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tan-Nofsinhar

2012/C 296 E/17

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-iżvilupp tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) mill-2004 'l hawn, u b'mod partikolari r-rapporti ta’ progress tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha,

wara li kkunsidra l-Pjanijiet ta’ Azzjoni adottati b'mod konġunt mal-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana u t-Tuneżija,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni tal-11 ta’ Marzu 2003 dwar it-Tkabbir tal-Ewropa - Il-Viċinat: Qafas Ġdid għar-Relazzjonijiet mal-Ġirien tagħna tal-Lvant u tan-Nofsinhar (COM(2003)0104), tat-12 ta’ Mejju 2004 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat - Dokument ta’ Strateġija (COM(2004)0373), tal-4 ta’ Diċembru 2006 dwar it-Tisħiħ tal-PEV (COM(2006)0726), tal-5 ta’ Diċembru 2007 dwar Politika Ewropea tal-Viċinat b'Saħħitha (COM(2007)0774), u tat-12 ta’ Mejju 2010 dwar Analiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) (COM(2010)0207),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affariiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar sħubija għad-demokrazija u l-prosperità komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran tat-8 ta’ Marzu 2011 (COM(2011)0200),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar il-PEV tas-26 ta’ Lulju 2010,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2006 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) (1), tas-6 ta’ Lulju 2006 dwar l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI) (2), tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (3), tad-19 ta’ Frar 2009 dwar il-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran (4), tad-19 ta’ Frar 2009 dwar ir-reviżjoni tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (5), tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar l-Unjoni għall-Mediterran (6), u tad-9 ta’ Settembru 2010 dwar is-sitwazzjoni tax-Xmara Ġordan b'attenzjoni speċjali għall-inħawi tal-medda ta’ isfel tax-Xmara Ġordan (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-3 ta’ Frar 2011 dwar is-sitwazzjoni fit-Tuneżija (8), tas-17 ta’ Frar 2011 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (9) u tal-10 ta’ Marzu 2011 dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar, u b'mod partikolari l-Libja, inklużi l-aspetti umanitarji (10),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Marokk tat-13 ta’ Ottubru 2008, li taw l-istatus avvanzat lill-Marokk,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Ġordan tas-26 ta’ Ottubru 2010, li taw l-istatus avvanzat lill-Ġordan,

wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran mill-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tat-13 u l-14 ta’ Marzu 2008,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2008 dwar ''Il-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran (UgħM)" (COM(2008)0319),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali maħruġa fil-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni għall-Mediterran li saret f' Marseille fit-3 u l-4 ta’ Novembru 2008,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit ta’ Pariġi għall-Mediterran, li sar f'Pariġi fit-13 ta’ Lulju 2008,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona li tistabbilixxi Sħubija Ewro-Mediterranja adottata waqt il-Konferenza Ewro-Mediterranja tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin li saret fis-27 u fit-28 ta’ Novembru 1995,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Bureau tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran (AP-UgħM) waqt il-laqgħat tiegħu f'Pariġi (12 ta’ Lulju 2008), fil-Kajr (20 ta’ Novembru 2009), f'Rabat (22 ta’ Jannar 2010), f'Palermo (18 ta’ Ġunju 2010) u f'Ruma (12 ta’ Novembru 2010),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (APEM) adottata f'Amman fit-13 ta’ Ottubru 2008 u li tressqet għall-Ewwel Laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitati tal-AP-UgħM adottati fis-sitt seduta plenarja tagħha li saret f'Amman fit-13 u fl-14 ta’ Marzu 2010,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa inawgurali tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) li saret f'Barċellona fil-21 ta’ Jannar 2010,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI) (11),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2010 dwar in-negozjati li għaddejjin bħalisas dwar il-Ftehim ta’ Qafas UE-Libja,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi r-rispett u l-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u b'mod speċifiku d-drittijiet tan-nisa, l-istat tad-dritt, it-tisħiħ tas-sigurtà, l-istabilità demokratika, il-prosperità, id-distribuzzjoni ekwa tad-dħul, tal-ġid u tal-opportunitajiet fis-soċjetà u, għalhekk, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-promozzjoni tal-governanza tajba, huma prinċipji li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea, kif ukoll għanijiet tagħha, u għandhom ikunu valuri komuni kondiviżi mal-pajjiżi sħab tal-PEV u għandhom isiru objettivi ewlenin tal-PEV,

B.

billi r-rieżami tal-PEV għandu jqis il-manifestazzjonijiet li qed jitolbu libertà, demokrazija u riformi f'bosta pajjiżi fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE, peress li wrew ix-xewqa kbira fost in-nies għal bidla ġenwina u kundizzjonijiet aħjar ta’ għajxien fir-reġjun,

C.

billi, immotivat fil-biċċa l-kbira tiegħu mid-distribuzzjoni inġusta tal-ġid u tat-tkabbir ekonomiku kif ukoll min-nuqqas ta’ libertajiet, it-taqlib ċivili, li ġej min-nuqqas ġenerali ta’ sodisfazzjon tal-popolazzjoni fir-rigward tar-reġimi fil-poter, infirxet fir-reġjun kollu,

D.

billi l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja żdiedu mal-isfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali li diġà hemm fil-pajjiżi msieħba, u b'mod partikolari ma’ dawk relatati mal-problema tal-qgħad u tal-prezzijiet li qegħdin jogħlew, u li dan wassal għal rewwixiti fir-reġjun,

E.

billi l-ġrajjiet li seħħew fit-Tuneżija, fl-Eġittu,fil-Libja, fis-Sirja, fl-Alġerija, fil-Marokk, fil-Ġordan, u f'pajjiżi oħra li qed jitolbu li jsiru riformi demokratiċi, jitolbu li l-UE tagħmel bidliet adegwati fil-PEV biex issostni b'mod effikaċi l-proċess tar-riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali, filwaqt li tikkundanna b'mod ċar l-użu tal-forza fit-trażżin tad-dimostrazzjonijiet paċifiċi,

F.

billi mit-tnedija tagħha fl-2004, il-PEV tat prova li hija ineffikaċi biex tissodisfa l-objettivi tagħha dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u ma rnexxilhiex twassal għar-riformi politiċi, soċjali u istituzzjonali meħtieġa; billi fir-relazzjonijiet tagħha mar-reġjun, l-UE ttraskurat id-djalogu mas-soċjetajiet ċivili u mal-forzi demokratiċi fix-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran; billi għad baqa' sfidi u nuqqasijiet, u l-iffukar issa għandu jkun fuq l-implimentazzjoni fi sforz biex tittieħed azzjoni kollettiva mas-sħab li tassew jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili u mal-istituzzjonijiet fundamentali li huma vitali għall-ħolqien tad-demokrazija, bi prijoritajiet għal azzjoni definiti b'mod ċar, punti ta’ riferiment ċari u differenzjazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni u l-kisbiet,

G.

billi hemm assimetriji sinifikanti ekonomiċi, soċjali u demografiċi bejn l-Istati Ewropej u l-Istati mill-PEV tan-Nofsinhar, li jesiġu azzjonijiet ta’ rispons fl-interessi komuni tal-imsieħba kollha,

H.

billi jeħtieġ li l-UE tiddefinixxi b'mod aktar preċiż l-għanijiet strateġiċi u l-prijoritajiet tagħha fis-sħubija tagħha mal-ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħha u għandha tagħti l-importanza dovuta lill-punti relatati li jinsabu fl-aġenda politika tagħha u fl-ippjanar baġitarju tagħha,

I.

billi l-PEV għandha tinkludi strumenti aktar ambizzjużi u effiċjenti biex iħeġġu u jsostnu r-riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali fil-viċinat tal-UE,

J.

billi t-Trattat ta’ Lisbona ħoloq il-kundizzjonijiet għall-UE biex ittejjeb l-effiċjenza u l-koerenza tal-politiki u l-funzjonament tagħha, b'mod partikolari fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni bil-ħolqien tal-kariga tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), u billi l-VP/RGħ għandha tiżgura li l-vuċi tal-UE tinstema' fix-xena internazzjonali,

K.

billi l-Artikoli 3 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiżviluppaw aktar l-objettivi tal-politika barranija tal-Unjoni u jqiegħdu l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod aktar speċifiku, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali, fil-qalba tal-azzjoni esterna tal-Unjoni,

L.

billi, f'konformità mal-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni għandha tiżviluppa relazzjoni speċjali mal-pajjiżi ġirien, bl-għan li tistabbilixxi żona ta’ prosperità u ta’ relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien, ibbażata fuq il-valuri tal-Unjoni u kkaratterizzata minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi bbażati fuq il-kooperazzjoni,

M.

billi kunflitti mhux solvuti u ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jirrappreżentaw xkiel għat-twettiq tal-PEV, billi jostakolaw l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u politiku kif ukoll il-kooperazzjoni reġjonali, l-istabilità u s-sigurtà,

N.

billi f'dawn l-aħħar snin, it-tiftix tal-istabilità fuq medda ta’ żmien qasira ħafna drabi ngħata preċedenza fuq il-valuri demokratiċi, il-ġustizzja soċjali u d-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tan-Nofsinhar,

O.

billi l-UE għandha ssegwi approċċ minn isfel għal fuq, li jżid l-appoġġ tagħha għall-bini tal-istituzzjonijiet, għas-soċjetà ċivili u għar-rieda li jinbdew proċessi ta’ demokratizzazzjoni, b'mod partikolari l-parteċipazzjoni tan-nisa, u żviluppi soċjoekonomiċi, li huma prekundizzjonijiet għall-istabbilizzazzjoni fuq perjodu ta’ żmien twil,

P.

billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, inkluża l-ġlieda kontra t-tortura u t-trattament krudili, inuman u degradanti, kif ukoll l-oppożizzjoni kontra l-piena tal-mewt, huma prinċipji fundamentali tal-UE,

Q.

billi l-UgħM attwalment tinsab wieqfa, b'mod partikolari wara l-posponiment sine die tat-Tieni Samit tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern u tal-laqgħat ministerjali tagħha, kif ukoll wara r-riżenja tas-Segretarju Ġenerali tagħha; billi l-kuntest reġjonali li fih l-UgħM qed tieħu forma huwa wieħed ikkaratterizzat minn kunflitti territorjali, kriżijiet politiċi u żieda fit-tensjoni soċjali u ġie ssuperat minn rewwixti popolari fit-Tuneżija, fl-Eġittu u f'pajjiżi oħra Mediterranji u tal-Lvant Nofsani, li kollha qed ixekklu l-operat tal-istituzzjonijiet tal-UgħM kif ukoll il-bidu ta’ proġetti ta’ integazzjoni reġjonali ewlenin identifikati mill-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern tal-UgħM waqt is-Samit ta’ Pariġi f'Lulju 2008 u mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UgħM waqt il-laqgħa tagħhom f'Marseille fit-3 u fl-4 ta’ Novembru 2008; billi l-UgħM, li kellha ttejjeb il-politika tal-UE fir-reġjun, ma kinitx effikaċi biex ittaffi n-nuqqas ta’ fiduċja li kien qed jiżdied u biex tissodisfa l-bżonnijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet ikkonċernati,

R.

wara li kkunsidra l-opportunità offruta mill-istabbiliment tal-UgħM biex tissaħħaħ il-kumplimentarjetà bejn il-politiki bilaterali, minn naħa, u l-politiki reġjonali, min-naħa l-oħra, biex jinkisbu b'mod aktar effikaċi l-għanijiet tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja,

S.

billi atturi oħra internazzjonali, u l-pajjiżi BRIC b'mod partikolari, qegħdin isaħħu aktar il-preżenza ekonomika tagħhom u l-influwenza politika li għandhom fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE,

T.

billi l-effetti tal-kriżi politika, ekonomika, soċjali u finanzjarja żiedu l-isfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali eżistenti fil-pajjiżi tan-Nofsinhar sħab tal-PEV; billi l-ispiża tar-riformi relatati mal-konverġenza tal-acquis u l-adattament għaż-żieda progressiva ta’ relazzjonijiet soċjali u ekonomiċi tirrappreżenta sfida addizzjonali fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE; billi f'xi pajjiżi dawn il-fatturi kkontribwixxew ħafna għal rewixxta ċivili u għal talbiet għad-demokratizzazzjoni u r-riformi,

U.

billi l-kwestjoni tal-ġestjoni tal-ilma, u b'mod partikolari tad-distribuzzjoni ġusta tal-ilma bi qbil mal-bżonnijiet tan-nies kollha li qegħdin jgħixu fir-reġjun, hija ta’ importanza kbira għall-paċi li sservi u għall-istabbiltà fil-Lvant Nofsani,

V.

billi x-xejriet demografiċi juru li fl-għoxrin sena li ġejjin, il-popolazzjoni fl-Istati Membri tal-UE se tkun stabbli, imma b'popolazzjoni dejjem ixjeħ, il-pajjiżi tan-nofsinhar tal-PEV se jiffaċċjaw żieda fil-popolazzjonijiet tagħhom, u żieda partikolari fil-firxa tal-etajiet impjegabbli; billi l-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi f'dawn il-pajjiżi jafu ma jkunux kapaċi jlaħħqu maż-żieda prevista fil-popolazzjoni, speċjalment billi ċerti pajjiżi diġà qed jaffaċċjaw rati għoljin ħafna ta’ nuqqas ta’ impjieg u livelli ogħla ta’ nuqqas ta’ impjieg fost iż-żgħażagħ,

W.

billi l-koruzzjoni fil-pajjiżi tal-PEV tan-Nofsinhar tibqa' punt ta’ tħassib serju, li tinvolvi sezzjonijiet kbar tas-soċjetà, kif ukoll ististuzzjonijiet tal-istat,

X.

billi l-ENPI kkontribwixxa biex ġie ssimplifikat il-finanzjament tal-PEV; billi l-proċess tal-iżvilupp tal-istrument li għandu jeħodlu postu għandu jirrefletti l-iżviluppi li saru dan l-aħħar fir-reġjun u b'mod speċjali, l-aspirazzjonijiet demokratiċi u leġittimi tal-popolazzjoni, jirrefletti l-konklużjonijiet tar-Reviżjoni Strateġika tal-PEV u għandu jsir abbażi ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati kollha u b'mod partikolari, l-atturi lokali,

Reviżjoni PEV – Ġenerali

1.

Jafferma mill-ġdid il-valuri, il-prinċipji u l-impenji li fuqhom ġiet mibnija l-PEV, li jinkludu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rispett għad-drittijiet tan-nisa, il-governanza tajba, l-ekonomija tas-suq u l-iżvilupp sostenibbli, u jtenni li l-PEV għandha tibqa' qafas validu għat-tfannid u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-aktar sħab qrib tagħna sabiex jiġu mħeġġa u appoġġati r-riformi politiċi, soċjali u ekonomiċi tagħhom imfassla biex jistabbilixxu u jikkonsolidaw id-demokrazija, il-progress u l-opportunitajiet soċjali u ekonomiċi għal kulħadd; jenfasizza l-importanza li jinżammew il-prinċipji ta’ responsabbiltà kondiviża u sjieda konġunta fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi tal-PEV; jikkunsidra li mit-tnedija tagħha fl-2004 l-PEV, bħala qafas ta’ politika uniku u permezz tad-divrenzjar ibbażat fuq ir-rendiment u għajnuna personalizzata, ġabet benefiċċji tanġibbli kemm għas-sħab tal-PEV kif ukoll għall-UE;

2.

Ifakkar, fid-dawl tal-avvenimenti attwali fin-Nofsinhar tal-Mediterranju, partikolarment fit-Tuneżija,l-Eġittu, il-Libja, is-Sirja, l-Alġerija, il-Marokk, il-Ġordan, u pajjiżi oħra li qed jitolbu li jsiru riformi demokratiċi, fin-nuqqas tal-PEV li tippromwovi u tissalvagwardja d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-UE biex titgħallem minn dawk l-avvenimenti u biex tirrivedi l-politika għall-appoġġ tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem sabiex toħloq mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni għall-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem inkluża fil-ftehimiet kollha mal-pajjiżi terzi; jinsisti li r-rieżami tal-PEV jeħtieġlu jipprijoritizza kriterji relatati mal-indipendenza tal-ġudikatura, ir-rispett għal-libertajiet fundamentali, il-pluraliżmu u l-libertà tal-istampa kif ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jitlob għal koordinazzjoni aħjar mal-politiki l-oħra tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawn il-pajjiżi;

3.

Jistieden lill-UE biex tagħti appoġġ kbir lill-proċess tar-riformi politiċi u ekonomiċi fir-reġjun, bl-użu tal-istrumenti kollha eżistenti fil-qafas tal-PEV u, fejn meħtieġ, bl-adozzjoni ta’ dawk ġodda sabiex jakkumpanjaw, b'mod l-aktar effikaċi, il-proċess tat-tranżizzjoni demokratika, b'enfasi fuq ir-rispett għal-libertajiet fundamentali, il-governanza tajba, l-indipendenza tal-ġudizzjarju u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u b'hekk tagħti rispons għall-bżonnijiet u l-aspettativi tal-popolazzjoni tal-ġirien tan-Nofsinhar tagħna;

4.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-fondi allokati għall-PEV għal wara l-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) tal-2013 fejn tingħata prijorità lid-dimensjoni tan-Nofsinhar tal-PEV fid-dawl tal-aħħar avvenimenti; iqis li l-MFF l-ġdid għandu jikkunsidra l-karatteristiċi speċifiċi u l-bżonnijiet ta’ kull pajjiż individwali;

5.

Jenfasizza li offerta konkreta ta’ sħubija politika aktar b'saħħitha u l-integrazzjoni ekonomika għandha tiġi ppreżentata lill-pajjiżi tal-viċinat tal-UE, skont il-prinċipji tat-trasparenza, sieda konġunta u l-kondizzjonalità; b'miżuri speċifiċi skont il-ħtiġijiet differenti ta’ pajjiżi u reġjuni partikolari sabiex l-iktar sħab avvanzati jgawdu minn triq imħaffa lejn in-normi u l-valuri tal-UE;

6.

Jitlob biex il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetajiet ċivili tingħata aktar attenzjoni, peress li dawn kienu l-mutur prinċipali wara r-rewwixiti fir-reġjun kollu;

7.

Jenfasizza l-bżonn li jiġi pprovdut livell adegwat ta’ finanzjament mill-UE għall-kooperazzjoni mal-viċinat u jtenni l-valur tal-ENPI bħala l-istrument ewlieni ta’ finanzjament tal-PEV, li għandu jevolvi sabiex jirrispondi b'mod aktar flessibbli għall-bżonnijiet differenti tal-pajjiżi u r-reġjuni ġirien, jiggarantixxi r-rabta diretta bejn l-objettivi tal-politika tal-PEV u l-ipprogrammar tal-ENPI, kif ukoll jirrifletti l-karattru bbażat fuq ir-rendiment tal-PEV tal-futur; jenfasizza madankollu l-bżonn li tiġi pprovduta għajnuna mmirata aħjar, b'mod partikolari mmirata għas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet lokali, billi jiġi żgurat approċċ minn isfel għal fuq; jenfasizza l-valur tal-monitoraġġ tal-ġestjoni u tal-implimentazzjoni tad-diversi programmi taħt l-ENPI;

8.

Jenfasizza li l-miżuri kollha meħtieġa, inklużi riżorsi finazjarji, umani u tekniċi adegwati, jeħtieġ li jkunu implimentati biex jiggarantixxu li l-UE tkun tista' tagħti risposta adegwata fil-każ li jseħħ kwalunkwe ċaqliq migratorju tal-massa, bi qbil mal-Artikolu 80 tat-TFUE;

9.

Jenfasizza li r-Reviżjoni Strateġika tal-PEV għandha tindirizza sew in-nuqqasijiet tal-politika u tkun favur impenn politiku miżjud mis-sħab kollha, filwaqt li ssaħħaħ id-differenzjazzjoni bbażata fuq ir-rendiment, fuq bażi ta’ limiti definiti b'mod ċar; jitlob li fir-rieżami tingħata attenzjoni partikolari wkoll lill-ħtieġa urġenti għall-iżvilupp tad-dimensjoni multilaterali, bi sforz għall-istabbiliment ta’ djalogu politiku msaħħaħ, kontinwu u sustanzjali mal-pajjiżi sħab;

10.

Iqis li huwa partikolarment importanti li jsiru valutazzjonijiet kontinwament mhux biss tar-riżultati li nkisbu s'issa permezz tal-programmi implimentati, iżda wkoll l-adegwatezza tar-riżorsi użati fi ħdan il-qafas tas-sħubija; huwa tal-opinjoni li din il-proċedura se tipprovdi opportunità biex fil-futur ikunu jistgħu jiġu kkoreġuti kwalunkwe nuqqas u għażla żbaljata;

11.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jeżaminaw mill-ġdid l-PEV għall-viċinat tan-Nofsinhar bl-għan li jipprovdu r-riżorsi u l-għajnuna għal transizzjoni demokratika ġenwina u jpoġġu l-pedamenti għal riformi politiċi, soċjali u istituzzjonali profondi; jinsisti li r-rieżami tal-politika tal-viċinat għandu jipprijoritizza kriterji relatati mal-indipendenza tal-ġudizzjarju, ir-rispett għall-libertajiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-istampa u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

12.

Jirrikonoxxi u jenfasizza d-differenza bejn “il-pajjiżi tal-viċinat Ewropej” - pajjiżi li jistgħu formalment jissieħbu mal-UE wara li jkunu ssodisfaw il-kriterji ta’ Copenhagen u “il-pajjiżi tal-viċinat tal-Ewropa” - stati li ma’ jistgħux jissieħbu mal-UE minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom;

13.

Huwa tal-fehma li għalhekk huwa importanti ħafna u ta’ urġenza kbira li l-Istrateġija tal-UE għall-Mediterran tkun maħsuba u mfassla mill-ġdid u li din l-istrateġija l-ġdida għandha ssaħħaħ d-djalogu politiku u tappoġġa l-forzi kollha soċjali u demokratiċi, inklużi l-atturi tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kunsill, b'rabta ma’ dan, jiddefinixxi ġabra ta’ kriterji politiċi li l-pajjiżi tal-PEV iridu jissodisfaw sabiex jingħataw 'status avvanzat';

14.

Jenfasizza l-bżonn li jiġi rikonoxxut u sfruttat it-tibdil li sar permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, b'mod partikolari r-rwol imsaħħaħ tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni, il-ħolqien ta’ Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-poteri ġodda tal-Parlament, sabiex tingħata iktar koerenza lill-politika barranija tal-UE u jiżdiedu l-effiċjenza u l-leġittimità tad-dimensjoni u l-azzjoni esterna tagħha; iqis li, sabiex l-UE tkun fil-pożizzjoni li tiżviluppa politika kredibbli u effikaċi fir-rigward tas-sħab tal-Mediterran, jeħtieġ li l-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu kapaċi jitgħallmu mill-esperjenza tal-avvenimenti li seħħew u li għadhom għaddejjin bħalissa u jagħmlu analiżi komprensiva tan-nuqqasijiet tal-PEV attwali;

15.

Jenfasizza l-importanza ta’ sħubija bejn l-UE u l-pajjiżi tal-viċinat tan-Nofsinhar u jenfasizza li din il-kooperazzjoni mill-qrib hija fl-interess taż-żewġ naħat;

16.

Jikkunsidra li l-UE għandha titgħallem mill-avvenimenti riċenti fil-Viċinat tan-Nofsinhar u li l-PEV għandha tiġi rieżaminata f'dan ir-rigward, bl-għan ta’ sħubija mas-soċjetajiet u mhux mal-Istati biss;

Dimensjoni tan-Nofsinhar

17.

Ifakkar fl-importanza li titwaqqaf task force, li tkun tinvolvi lill-Parlament, b'reazzjoni għat-talbiet ta’ monitoraġġ tal-proċessi ta’ tranżizzjoni demokratika li saru minn atturi għal bidliet demokratiċi, b'mod partikolari fir-rigward tal-elezzjonijiet ħielsa u demokratiċi u l-bini ta’ istituzzjonijiet, inkluża l-ġudikatura indipendenti;

18.

Jappoġġa bil-qawwa, fid-dawl tal-iżviluppi riċenti fir-reġjun, l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi li esprimew in-nies f'diversi pajjiżi fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE u jitlob lill-awtoritajiet ta’ dawn il-pajjiżi jiżguraw kemm jista' jkun malajr tranżizzjoni paċifika għad-demokrazija ġenwina; jenfasizza li r-Rieżami Strateġiku tal-PEV għandu jqis b'mod sħiħ u jirrifletti dawn l-iżviluppi;

19.

Jitlob, f'dan il-kuntest, appoġġ sinifikanti tal-UE għat-trasformazzjoni demokratika fil-viċinat tan-Nofsinhar bi sħubija mas-soċjetajiet ikkonċernati billi jiġu mmobilizzati, rieżaminati u adattati l-istrumenti eżistenti li għandhom l-għan jassistu r-riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqiegħdu mekkaniżmi ta’ appoġġ finanzjarju tranżitorji u fuq perjodu qasir ta’ żmien, inkluż self, għad-dispożizzjoni ta’ dawk il-pajjiżi li jesprimu l-ħtieġa għalihom bħala riżultat ta’ bidliet demokratiċi rapidi u ta’ tnaqqis straordinarju fil-likwidità; jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tagħmel rieżami kemm jista' jkun malajr tal-Programmi Indikattivi Nazzjonali 2011-2013 tat-Tuneżija u l-Eġittu sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet urġenti l-ġodda ta’ dawk is-sħab f'termini ta’ bini tad-demokrazija;

20.

Jenfasizza l-importanza li jiżdied id-djalogu politiku mal-ġirien tan-Nofshinar tal-UE; jerġa' jenfasizza li t-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huma elementi essenzjali ta’ dan id-djalogu; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tar-rispett tal-libertà tal-kuxjenza, ir-reliġjon u l-ħsieb, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-midja, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-protezzjoni tal-minoranzi, u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali;

21.

Jinnota li l-istatus avvanzat diġà ngħata jew qiegħed attwalment jiġi nnegozjat ma’ ċerti pajjiżi sħab; jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm approċċ aktar trasparenti u koerenti favur din id-differenzjazzjoni, sabiex jinħoloq proċess sustanzjali li jħalli l-frott, u biex jiġu stabbiliti limiti ċari biex tiġi evitata l-applikazzjoni tal-istandards doppji rigward liema kriterji jridu jiġu ssodisfati sabiex jingħata l-istatus avvanzat;

22.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adattati l-kriterji ta’ Kopenħagen għar-rekwiżiti marbuta mal-għoti tal-istatus avvanzat; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tagħti status avvanzat lill-pajjiżi terzi meta jissodisfaw dawk il-kriterji;

23.

Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b'mod partikolari fil-ġudikatura, għandha tkun prijorità ewlenija għall-UE, fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet tagħha mas-sħab tan-Nofsinhar;

24.

Jinsisti li l-Parlament Ewropew ikun ikkonsultat fl-istadji kollha tal-proċess tal-għoti ta’ status avvanzat lill-pajjiżi sħab, u dwar l-elaborazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-PEV skont ir-rwol il-ġdid tiegħu taħt it-Trattat ta’ Lisbona; jitlob lill-Kunsill u s-SEAE biex jinvolvu lill-Parlament fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-istatus avvanzat, billi jiġi żviluppat mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni ċar li għandu jintuża fl-istadji kollha tan-negozjati, inklużi l-kriterji li jridu jiġu ssodisfati, kif ukoll fit-tfassil tal-prijoritajiet u l-linji gwida inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni;

25.

Jenfasizza li sħubija effikaċi bejn l-UE u l-ġirien tan-Nofsinhar tista' tkun ibbażata biss fuq sinerġija bejn id-dimensjonijiet bilaterali u multilaterali interkonnessi ta’ dan il-proċess ta’ kooperazzjoni, u għalhekk jiddeplora l-fatt li l-PEV ma tqisx biżżejjed il-ħtieġa għat-tisħiħ tad-dimensjoni multilaterali;

26.

Ifaħħar il-kuraġġ tan-nies fit-Tuneżija, fl-Eġittu u fil-Libja li qamu jitolbu d-demokrazija u l-libertà, u jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE joffru l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-proċess ta’ tranżizzjoni demokratika f'dawk il-pajjiżi;

27.

Jiddeplora t-telf ta’ ħajjiet matul ir-rewwixti paċifiċi fit-Tuneżija u fl-Eġittu u jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw l-inċidenti kkonċernati kif xieraq u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;

28.

Jemmen li l-kunflitt ta’ bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani huwa fil-qalba tat-tensjonijiet politiċi fil-Lvant Nofshani u fir-reġjun tal-Mediterran b'mod ġenerali;

29.

Jitlob lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni taħdem b'mod attiv għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt u l-bini tal-kunfidenza fir-reġjun, filwaqt li tiżgura r-rwol attiv tal-UE bħala attur u mhux biex toħroġ il-flus biss, b'mod partikulari fir-rigward tal-proċess tal-paċi tal-Lvant Nofshani u anke fil-kunflitt tas-Saħara tal-Punent; jemmen li r-riżoluzzjoni tal-kunflitt hija kruċjali għall-iżviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fir-reġjun, kif ukoll għall-progress tad-dimensjoni reġjonali tal-PEV u l-kooperazzjoni multilaterali tagħha bħal ma hija l-Unjoni għall-Mediterran; jinnota li l-ilħuq ta’ soluzzjoni komprensiva, b'konformità mal-liġi internazzjonali, għall-kunflitti varji, u b'mod partikolari għall-kunflitt bejn l-Għarab u l-Iżrael, fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE huwa kruċjali għas-suċċess sħiħ tal-PEV;

30.

Jemmen li d-djalogu interkulturali fi ħdan ir-reġjun tal-Mediterran huwa kruċjali biex jitjieb il-fehim reċiproku, is-solidarjetà, it-tolleranza u l-benessri tal-popolazzjonijiet tiegħu; jistenna li r-rieżami se jikkunsidra l-iżvilupp ta’ strumenti għal dan l-għan;

31.

Jinsab imħasseb sew dwar il-posponiment “sine die” kontinwu tat-tieni Samit tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern tal-UgħM, u tal-laqgħat ministerjali, li jagħti sinjal negattiv lill-poplu u l-istituzzjonijiet tar-reġjun; iqis li r-riżenja tas-Segretarju Ġenerali tenfasizza l-bżonn ta’ kjarifika tan-natura tal-proċeduri u l-istituzzjonijiet tal-UgħM; ifakkar li t-tensjonijiet politiċi u l-kunflitti reġjonali fir-reġjun tal-Mediterran m'għandhomx jostakolaw il-progress konkret favur il-kooperazzjoni settorjali u multilaterali, u li hija permezz tat-tlestija tal-proġetti ta’ integrazzjoni ewlenin u d-djalogu politiku miftuħ li l-UgħM tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ klima ta’ kunfidenza li tiffavorixxi l-ilħuq tal-objettivi komuni tal-ġustizzja u s-sigurtà fi spirtu ta’ solidarjetà u paċi;

32.

Jiddeplora n-nuqqas ta’ finanzjaemnt allokat għall-UgħM u l-impenn baxx ħafna tal-Istati Membri miż-żewġ naħat tal-Mediterran; jiddeplora l-approċċ mhux definit tal-UE għall-politika tal-Mediterran u jitlob lill-UE tiżviluppa viżjoni strateġika fit-tul għall-iżvilupp u l-istabilizzazzjoni tar-reġjun; jinsisti dwar il-ħtieġa li l-proċess ta’ integrazzjoni Ewro-Mediterranja jsir prijorità politika tal-aġenda Ewropea;

33.

Huwa konvint li l-UgħM għandha tiġi mnedija mill-ġdid biex jitqiesu l-iżviluppi l-ġodda fir-reġjun; hu tal-opinjoni li din l-UgħM il-ġdida għandha tippromwovi żvilupp ekonomiku, soċjali u demokratiku sod u għandha toħloq bażi b'saħħitha u komuni għal relazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-ġirien tan-Nofsinhar tagħha; jemmen li din il-komunità l-ġdida toħloq ukoll prospettivi ġodda ta’ paċi sostenibbli fil-Lvant Nofsani, inkorporati fis-soċjetajiet differenti u li ma jiddependux biss fuq ir-rieda politika fraġli ta’ mexxejja awtoritarji tar-reġjun;

34.

Jinnota li r-rieżami għandu jindirizza n-nuqqas tal-UgħM li tilħaq l-aspettattivi u tivvaluta l-isfidi li għandha quddiema, kif ukoll li tikkunsidra mezzi ġodda biex issaħħaħ l-istrumenti bilaterali fi ħdan il-PEV; jemmen f'dan ir-rigward li għandhom jiġu ddedikati iktar riżorsi għall-oqsma fejn jista' jinkiseb progress tanġibbli;

35.

Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ progress fl-istabbiliment ta’ Żona ta’ Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranja; jitlob għat-tfittxija konkreta tan-negozjati miftiehma għal Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi bl-għan li tinħoloq Żona ta’ Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranja li tirrifletti r-realtajiet soċjo-ekonomiċi ta’ kull wieħed mill-pajjiżi sħab bil-kundizzjoni li l-impatt soċjali u ambjentali ta’ dawn il-ftehimiet jiġi vvalutat b'mod xieraq u fil-ħin dovut; jiddeplora l-fatt li ma sar l-ebda progress reali mill-atturi varji sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet necessari; iħeġġeġ, ukoll, l-iżvilupp tal-kooperazzjoni ekonomika bilaterali u multilaterali Nofsinhar-Nofsinhar li għandha ġġib benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini tal-pajjiżi involuti u ttejjeb il-klima politika fir-reġjun;

36.

Jenfasizza n-neċessità li jiġu mmirati l-kwistjonijiet speċifiċi l-iktar importanti f'kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati, iżda jtenni li s-sitwazzjoni soċjoekonomika, speċjalment tal-ġenerazzjoni iżgħar, għandha tingħata enfasi partikulari fil-PEV;

37.

Jemmen li kooperazzjoni subreġjonali msaħħa fost l-Istati Membri u l-pajjiżi tal-PEV b'interessi, valuri u tħassib komuni speċifiċi tista' toħloq dinamika pożittiva għaż-żona kollha tal-Mediterran; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jesploraw il-potenzjal ta’ ġeometrija varjabbli bħala forma ta’ kooperazzjoni u jenfasizza li l-PEV futura għandha tiffaċilita u tħeġġeġ dan l-approċċ b'mod partikolari permezz tal-baġit għall-fondi reġjonali tagħha;

38.

Jemmen li fil-kuntest tal-Politika tal-Viċinat tan-Nofsinhar il-problema ta’ immigrazzjoni irregolari għandha tiġi affaċċata; jistiedn lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-ftehimiet bilaterali mal-pajjiżi ġirien kollha tan-Nofsinhar u ta’ ftehimiet bilaterali eżistenti bejn l-Istati Membri tal-UE u l-atturi reġjonali kollha fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ immigrazzjoni, u b'mod partikulari, ta’ riammissjoni;

39.

Jiddeplora l-approċċ asimetriku adottat mill-UE lejn il-ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħha fl-oqsam tal-mobilità u tal-politika tal-viża; Jirrakkomanda, rigward il-mobilità, l-iffaċilitar tal-proċeduri tal-viżi għal pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV - speċjalment għal studenti, riċerkaturi u nies tan-negozju - u l-adozzjoni ta’ Sħubija Ewro-Mediterranja għall-Mobilità; jenfasizza r-rwol importanti li jista' jkollhom ċerti pajjiżi tal-PEV fil-ġestjoni tal-flussi migratorji; jenfasizza li l-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-flussi migratorji għandha tkun konsistenti bis-sħiħ mal-valuri tal-UE u l-obbligi legali internazzjonali; jinsisti li ftehimiet ta’ ammissjoni mill-ġdid ma’ pajjiżi sħab għandhom jiġu previsti biss għal immigranti irregolari, billi għalhekk jiġu esklużi dawk li jiddikjaraw lilhom infushom bħala persuni li qed ifittxu l-ażil, refuġjati jew persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni, u jtenni li l-prinċipju tan-'non-refoulement' japplika għal kwalunkwe persuna li tkun f'riskju tal-piena tal-mewt, trattament mhux uman u tortura; jitlob kooperazzjoni eqreb biex jintemm it-traffikar tal-bnedmin u għat-titjib tal-kundizzjonijiet li jgħixu fihom il-ħaddiema migranti kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV;

40.

Jitlob lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex ipoġġu fuq quddiem nett fl-aġenda tagħhom tad-diskorsi mal-pajjiżi tan-nofsinhar tal-PEV il-prijoritajiet politiċi tal-UE tat-tneħħija tal-piena tal-mewt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa, u r-rispett tal-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-kuxjenza u tar-reliġjon, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-libertà tal-istampa u tal-midja, l-osservanza tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra t-tortura u t-trattament krudili u mhux uman, il-ġlieda kontra l-impunità u r-ratifika ta’ bosta strumenti legali internazzjonali, fosthom l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tal-1951;

41.

Jitlob, fil-kuntest tar-rieżami tal-pajjiżi tan-nofsinhar tal-PEV, attenzjoni mġedda fir-rigward tar-rispett sħiħ tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon, b'mod partikulari għall-minoritajiet reliġjużi kollha, fil-pajjiżi involuti; jenfasizza li d-dritt għal-libertà tar-reliġjon jinkludi l-libertà li persuna, waħidha jew f'komunità ma’ oħrajn, kemm f'postijiet pubbliċi kif ukoll privati, timmanifesta l-fidi tagħha f'qima, tagħlim, prattika u osservanza u li tali libertà trid tinkludi wkoll id-dritt li persuna tbiddel ir-reliġjon tagħha;

42.

Jenfasizza li r-relazzjonijiet kuntrattwali tal-UE mal-pajjiżi kollha tal-PEV għandhom jinkorporaw arranġamenti għal forum regolari li jindirizza l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, fil-forma ta’ sottokumitati għad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lis-SEAE biex jagħmel użu sħiħ minn dawn l-arranġamenti u biex jinvolvi s-sottokumitati eżistenti fi kwalunkwe negozjat, biex jinsisti li dawn ikunu iktar effettivi u orjentati lejn ir-riżultati, u biex jiżgura l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jirrakkomanda li l-istatus tal-grupp ta’ ħidma tal-UE u l-Iżrael dwar id-drittijiet tal-bniedem jiġi promoss għal sottokumitat normali; jistieden lis-SEAE jipparteċipa wkoll f'kooperazzjoni strutturali bejn il-COHOM u s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew;

43.

Jitlob lir-RGħ/VP tal-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Kummissjoni jsegwu b'mod attiv il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tal-komunikazzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni, inkluż fuq l-Internet;

44.

Jitlob lir-RGħ/VP, lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex isaħħu r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikulari tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tan-nisa, fl-immonitorjar tal-politiki u l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-għajnuna permezz ta’ faċilità ddedikata għall-bini tal-kapaċitajiet; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-ħtieġa li tingħata s-setgħa lin-nisa u jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni janalizzaw sistematikament l-impatt fuq il-ġeneri tal-proġetti u l-programmi tagħhom u li jirrakkomandaw li d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jitqiesu fir-riforma tal-kostituzzjonijiet, il-kodiċijiet penali, il-liġi tal-familja u liġijiet ċivili oħrajn, kif ukoll fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem li jsiru mal-pajjiżi sħab tal-PEV; jinsisti li r-RGħ/VP, is-SEAE u l-Kummissjoni m'għandhomx isaħħu r-relazzjonijiet bejn pajjiżi terzi u l-UE meta l-pajjiżi kkonċernati ma jinvolvux biżżejjed lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-politiki tagħhom; jinnota li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma l-alleati l-iktar fidili u b'saħħithom tal-UE fil-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi sħab; jitlob involvement ikbar tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u tal-organizzazzjonijiet professjonali u s-sħab soċjali fil-kooperazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tan-Nofsinhar tagħha; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu jsaħħu u jagħmlu użu aktar effettiv tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem f'dan ir-rigward;

45.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi implimentata integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiġu appoġġati azzjonijiet speċifiċi sabiex jinkiseb approċċ effettiv u sistematiku ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-pajjiżi tal-PEV; iħeġġeġ lill-gvernijiet u s-soċjetà ċivili jżidu l-inklużjoni soċjali tan-nisa, jiġġieldu l-illitteriżmu tan-nisa u jippromwovu l-impjieg tan-nisa biex tiġi żgurata preżenza sinifikanti tan-nisa fil-livelli kollha;

46.

Jisħaq fuq l-importanza ta’ kooperazzjoni strutturata fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla u r-riċerka biex jiġi promoss ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u s-sistemi edukattivi, sabiex b'mod partikolari tiżdied il-mobilità tal-istudenti, ir-riċerkaturi u l-għalliema, flimkien ma’ miżuri għall-ġlieda kontra l-ħarba tal-imħuħ; jilqa' f'dak ir-rigward l-għajnuna provduta mill-programm Tempus għal edukazzjoni ogħla u l-iskambji organizzati mill-Azzjoni ERASMUS Mundus 2, kif ukoll il-ħolqien tal-Università Ewro-Mediterranja (EMUNI), li hi stabbilita bħala netwerk Ewro-Mediterran għall-universitajiet taż-żewġt ixtut;

47.

Jenfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp demokratiku tal-pajjiżi sħab tagħna u jħeġġeġ l-espansjoni ta’ programmi ta’ ġemellaġġ bejn l-awtoritajiet lokali tal-UE u l-pajjiżi Sħab;

48.

Jenfasizza l-importanza tat-trejdjunjins u d-djalogu soċjali bħala parti mill-iżvilupp demokratiku tas-sħab tan-Nofsinhar; iħeġġiġhom lil dawk il-pajjiżi jsaħħu d-drittijiet tax-xogħol u tal-unjonijiet sindikalisti; jinnota r-rwol importanti li d-djalogu soċjali jista' jkollu fl-indirizzat tal-isfidi soċjoekonomiċi fir-reġjun;

49.

Jisħaq fuq l-importanza li l-investiment, it-taħriġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni jersqu eqreb ta’ xulxin, b'attenzjoni speċjali mogħtija għal taħriġ imfassal skont il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi soċjo-ekonomiċi fir-reġjun; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lin-nisa u l-gruppi żvantaġġati, bħalma huma ż-żgħażagħ; jenfasizza, fl-istess ħin, l-importanza vitali li jiġu appoġġati iktar il-proġetti lokali ta’ żvilupp sabiex isir kontribut ħalli terġa' tingħata l-ħajja lill-bliet u r-reġjuni l-iktar vulnerabbli;

50.

Jenfasizza li transport multimodali li jiffunzjona kif xieraq u li joffri effiċenza, sikurezza u sigurtà huwa prekundizzjoni għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp, billi jrawwem il-kummerċ u l-intergrazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u s-sħab Mediterranji tan-Nofsinhar tagħha; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta valutazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni għat-Trasport Reġjonali (2007-2013) għall-Mediterran u tqis ir-riżultat fi kwalunkwe pjan ta’ azzjoni għat-trasport fil-ġejjieni;

51.

Jemmen li l-iżvilupp sostenibbli għandu jkun kriterju transversali tar-reviżjoni tal-PEV, billi l-enfasi titqiegħed fuq it-titjib tal-protezzjoni ambjentali, l-iżvilupp tal-potenzjal abbundanti tal-enerġija rinnovabbli fir-reġjun u l-promozzjoni tal-politiki u l-proġetti li jiffavorixxu użu aħjar tar-riżorsi tal-ilma skarsi;

52.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE biex iħeġġu u jappoġġaw pjan komprensiv biex titranġa d-devastazzjoni tax-Xmara Ġordan u biex ikomplu jagħtu sostenn finanzjarju u tekniku għar-riabilitazzjoni tax-Xmara Ġordan, u b'mod partikolari l-medda ta’ isfel tagħha, fl-ambitu wkoll tal-inizjattiva tal-UgħM;

53.

Jenfsaizza l-potenzjal għoli ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli bħal ma huma l-enerġija tar-riħ, solari u tal-mewġ; jappoġġa l-implimentazzjoni kkoordinata tal-Pjan Solari Mediterranju u l-inizjattivi industrijali, li għanu jkollhom l-għan li jissodisfaw il-bżonnijiet primarji tal-pajjiżi sħab, u l-adozzjoni tal-istrateġija tal-effiċjenza tal-enerġija Ewro-Mediterranja; jisħaq fuq l-importanza li jiġu mħeġġa l-interkonnessjonijiet Ewro-Mediterranji fis-setturi tal-elettriku, tal-gass u taż-żejt sabiex tittejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-istabbiliment ta’ sistema intelliġenti ta’ distribuzzjoni li tgħaqqad ir-reġjun Ewro-Mediterran kollu;

54.

Ifakkar fl-importanza tal-agrikoltura li tiffavorixxi lill-bdiewa lokali, l-iżvilupp rurali, is-sikurezza tal-ikel u s-sovrenità tal-ikel, l-adattament għall-bidla fil-klima, l-aċċess għall-ilma u l-użu razzjonali tiegħu, u tal-enerġija; jirrakkomanda li l-kooperazzjoni fl-agrikoltura ssir prijorità tal-PEV, bħala appoġġ għall-pjan direzzjonali Ewro-Mediterranju għall-agrikoltura u bħala mezz għal stabilità tal-prezzijiet tal-ikel fir-reġjuni nazzjonali, reġjonali u globali;

55.

Itenni t-talba tiegħu għall-ħolqien ta’ Forza Ewro-Mediterranja għall-Protezzjoni Ċivili, billi ż-żieda fl-iskala u n-numru ta’ katastrofi naturali teħtieġ l-allokazzjoni tal-mezzi rilevanti u billi tali inizjattiva ssaħħaħ is-solidarjetà fost il-popli Ewro-Mediterranji;

56.

Jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni aktar b'saħħitha ma’ organizzazzjonijiet reġjonali multilaterali min-Nofsinhar, partikolarment mal-Lega Għarbija, kif ukoll mal-Unjoni Afrikana, bl-għan li jiġu affrontati b'suċċess l-isfidi fl-oqsma msemmija hawn fuq; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra djalogu strutturat ġdid ma’ dawn il-fora matul ir-rieżami tal-PEV;

57.

Itenni l-valur tal-ENPI bħala strument ta’ finanzjament tal-PEV; jenfasizza, madankollu, il-bżonn li tiġi pprovduta aktar flessibilità u tiġi żgurata għajnuna mmirata b'mod iktar effettiv, b'mod partikolari mmirata lejn is-soċjetà ċivili u l-komunitajiet lokali, billi jiġi żgurat approċċ minn isfel għal fuq; jitlob, barra minn hekk, li ssir analiżi komprensiva tal-effiċenza tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija bl-għan li jsir użu aħjar mill-istrumenti finanzjarji u l-fondi disponibbli fil-kuntest tal-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tan-Nofsinhar u sabiex jiġi żgurat li l-assistenza u l-għajnuna għall-iżvilupp jintużaw b'mod xieraq fil-pajjiżi benefiċjarji; iqis li t-trasparenza tal-finanzjament u l-inklużjoni ta’ mekkaniżmi kontra l-korruzzjoni fl-istrumenti finanzjarji huma ta’ importanza vitali; jenfasizza l-valur tal-monitoraġġ tal-ġestjoni u tal-implimentazzjoni tad-diversi programmi tal-ENPI; jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-proġetti transkonfinali, jiżdiedu l-programmi bejn il-persuni u jiġu żviluppati inċentivi għall-kooperazzjoni reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkonsultaw b'mod bikri mal-Parlament u mal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili fil-preparazzjoni li jmiss tal-istrument li jrid jieħu post l-ENPI;

58.

Jitlob lill-Kunsill biex jadotta l-proposta leġiżlattiva li temenda l-Artikolu 23 tar-regolament tal-ENPI mressqa mill-Kummissjoni f'Mejju 2008 u adottata mill-Parlament fit-8 ta’ Lulju 2008, li se tagħmilha possibbli li jsir investiment mill-ġdid ta’ fondi li jerġgħu jgħaddu minn operazzjonijiet passati u li għalhekk tipprovdi lill-UE b'għodda tant bżonnjuża biex tnaqqas l-impatt tal-kriżi finanzjarja kurrenti fuq l-ekonomija reali u l-impatt taż-żidiet sostanzjali fil-prezzijiet tal-ikel tar-reġjun tal-viċinat tan-Nofsinhar;

59.

Jenfasizza li l-ENPI mhuwiex l-uniku strument disponibbli għall-finanzjament tal-programmi u l-azzjonijiet fil-PEV, u jinsisti, konsegwentement, fuq il-bżonn ta’ approċċ koerenti bbażat fuq l-użu tal-istrumenti finanzjarji kollha; jistieden, għalhekk, lis-SEAE u lill-Kummissjoni jipprovdu rendikont ċar tal-flus allokati skont kull pajjiż benefiċjarju u skont kull strument;

60.

Jenfasizza l-bżonn li jiżdiedu l-fondi allokati għad-dimensjoni tan-nofsinhar tal-PEV fil-perspettivi finanzjarji tal-UE li ġejjin għall-perjodu mill-2014 sal-2020 biex jiġi żgurat li l-iffinanzjar jaqbel mal-ambizzjoni politika u sabiex jiġi implimentat l-istatus avvanzat mingħajr ma jiġu affettwati l-prijoritajiet l-oħra tal-PEV; jinsisti fuq il-bżonn li jiġi rrispettat il-ftehim li ntlaħaq wara d-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni lill-COREPER fl-2006, li jipprevedi li żewġ terzi tal-fondi tal-ENPI jmorru għall-pajjiżi tan-Nofsinhar u terz għall-pajjiżi tal-Lvant skont il-ponderanza demografika;

61.

Jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe żieda fil-fondi allokati għandha tkun ibbażata fuq il-valutazzjoni bir-reqqa tal-bżonnijiet u konsistenti ma’ żieda fl-effettività tal-programmi implimentati, imfaslla u prijoritizzati skont ir-rekwiżiti ta’ kull pajjiż benefiċjarju;

62.

Jilqa' x-xogħol li sar mill-Faċilità Ewro-Mediterranja ta’ Investiment u Sħubija (FEMIP) tal-BEI u jenfasizza l-bżonn għal iktar sinerġiji ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn li huma wkoll attivi fir-reġjun, jerġa' jissuġġerixxi li tiġi stabbilita istituzzjoni finanzjarja Ewro-Mediterranja għall-kożvilupp, li l-BEI jibqa' l-azzjonista prinċipali tagħha; jappoġġa l-idea taż-żieda tal-limitu tal-garanziji għall-BEI sabiex ikun jista' jżomm l-intensità tal-operazzjonijiet tiegħu fir-reġjun matul is-snin li ġejjin; jistieden lill-BERŻ biex ibiddel l-istatuti tiegħu sabiex jipparteċipa wkoll f'dan il-proċess ta’ għajnuna finanzjarja;

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

63.

Jenfasizza l-importanza prinċipali tal-Parlament Ewropew biex jiżgura li l-istabilità u l-prosperità tal-Ewropa jkunu marbuta mill-qrib mal-governanza demokratika u l-progress ekonomiku u soċjali fil-ġirien tan-Nofsinhar tal-PEV tagħha u fil-promozzjoni ta’ dibattitu politiku, il-libertà kollha, ir-riformi demokratiċi u l-istat tad-dritt fost il-ġirien Sħab tagħha, speċjalment permezz ta’ delegazzjonijiet interparlamentari u l-AP-UgħM;

64.

Itenni l-impenn tiegħu biex ikompli jeżerċita d-dritt tal-iskrutinju parlamentari fl-implimentazzjoni tal-PEV imma wkoll billi jkollu dibattiti regolari mal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-ENPI; jilqa' l-konsultazzjoni wiesgħa mill-Kummissjoni u s-SEAE dwar ir-reviżjoni tal-PEV, u jittama li l-Kummissjoni u s-SEAE jiggarantixxu wkoll il-konsultazzjoni strutturali u sħiħa tal-Parlament fil-preparazzjoni tad-dokumenti relevanti bħal ma huma l-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-PEV; barra minn hekk jitlob li l-Parlament jingħata aċċess għall-mandati ta’ negozjati tal-ftehimiet internazzjonali kollha fil-proċess li jiġu konklużi mal-pajjiżi sħab tal-PEV, bi qbil mal-Artikolu 218(10) TFUE, li jgħid li l-Parlament għandu jkun infurmat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura;

*

* *

65.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-pajjiżi tal-PEV u lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran.


(1)  ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 312.

(2)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 760.

(3)  ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 443.

(4)  ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 76.

(5)  ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 83.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2010)0192.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2010)0314.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2011)0038.

(9)  Testi adottati, P7_TA(2011)0064.

(10)  Testi adottati, P7_TA(2011)0095.

(11)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.


Top