EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0150

Ir-Rapport ta’ progress 2010 dwar l-Islanda Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta’ April 2011 dwar ir-rapport ta’ progress 2010 dwar l-Islanda

ĠU C 296E, 2.10.2012, p. 89–93 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 296/89


Il-Ħamis 7 ta’ April 2011
Ir-Rapport ta’ progress 2010 dwar l-Islanda

P7_TA(2011)0150

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ April 2011 dwar ir-rapport ta’ progress 2010 dwar l-Islanda

2012/C 296 E/13

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2010 li jżid l-Islanda mal-lista tal-pajjiżi eliġibbli għall-għajnuna mill-UE ta’ qabel l-adeżjoni, maħsuba biex tgħin lill-pajjiżi applikanti jikkonformaw mal-korp tal-liġi Ewropea,

wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Islanda għas-sħubija mal-Unjoni Ewropea (SEC(2010)0153),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 biex jinbdew negozjati mal-Islanda dwar l-adeżjoni,

wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Ġenerali tal-UE u l-Pożizzjoni Ġenerali tal-Gvern tal-Islanda adottati matul il-laqgħa ministerjali li tat bidu għall-Konferenza Intergovernattiva dwar l-Adeżjoni tal-Islanda mal-Unjoni Ewropea fis-27 ta’ Lulju 2010,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem “L-Istrateġija ta’ Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2010-2011” (COM(2010)0660) u r-Rapport ta’ Progress 2010 dwar l-Islanda, adottat fid-9 ta’ Novembru 2010,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar l-istrateġija tat-tkabbir li tikkonċerna l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-Islanda u t-Turkija (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Islanda għas-sħubija mal-Unjoni Ewropea (2),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Islanda, adottati f'Ottubru 2010,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Islanda tissodisfa l-kriterji ta’ Kopenħagen, u n-negozjati tal-adeżjoni mal-Islanda bdew fis-27 ta’ Lulju 2010 wara l-approvazzjoni mill-Kunsill,

B.

billi l-proċess ta’ screening beda fil-15 ta’ Novembru 2010 u huwa ppjanat li jibqa' sejjer sas-17 ta’ Ġunju 2011,

C.

billi, hekk kif ġie enfasizzat fil-konsensus imġedded dwar it-tkabbir, il-progress ta’ kull pajjiż lejn is-sħubija mal-Unjoni Ewropea huwa bbażat fuq il-mertu,

D.

billi l-Islanda diġà qed tikkoopera mill-qrib mal-UE bħala membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), il-Ftehimiet ta’ Schengen u r-Regolament ta’ Dublin, u għaldaqstant diġà adottat parti sinifikanti mill-acquis,

E.

billi l-Islanda tikkontribwixxi għall-koeżjoni u s-solidarjetà Ewropea permezz tal-Mekkaniżmu Finanzjarju fil-qafas taż-ŻEE u tikkoopera mal-UE għaż-żamma tal-paċi u l-operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-kriżijiet,

1.

Jilqa' t-tnedija tan-negozjati tal-adeżjoni mal-Islanda f'Lulju 2010; iqis li huwa essenzjali li jinħolqu l-kundizzjonijiet sabiex jitlesta l-proċess ta’ adeżjoni mal-Islanda u biex jiġi żgurat li l-adeżjoni tagħha tkun ta’ suċċess;

Kriterji politiċi

2.

Jilqa' l-prospettiva li, bħala Stat Membru ġdid tal-UE, se jkollna pajjiż bi tradizzjoni demokratika u kultura ċivika b'saħħithom; jenfasizza li l-adeżjoni tal-Islanda mal-UE se tkompli ssaħħaħ ir-rwol tal-Unjoni bħala promotur u difensur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali fid-dinja;

3.

Ifaħħar lill-Islanda għar-riżultati tajbin li kisbet biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-bniedem u jiġi żgurat livell għoli ta’ kooperazzjoni mal-mekkaniżmi internazzjoanli għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

4.

Jappoġġa l-ħidma li għaddejja attwalment biex jissaħħaħ l-ambjent leġiżlattiv fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni u l-aċċess għall-informazzjoni; jilqa' f'dan ir-rigward, l-Inizjattiva Islandiża dwar il-Midja Moderna, li tippermetti kemm lill-Islanda, kif ukoll lill-UE jpoġġu rwieħhom f'qagħda b'saħħitha fir-rigward tal-protezzjoni legali tal-libertajiet ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni;

5.

Jilqa' t-twaqqif tal-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Islanda f'Ottubru 2010 u jinsab konvint li dan il-forum se jikkontribwixxi għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Althingi u l-Parlament Ewropew matul il-proċess ta’ adeżjoni;

6.

Iħeġġeġ bis-sħiħ lill-awtoritajiet Islandiżi biex jarmonizzaw id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE rigward id-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet lokali fl-Islanda;

7.

Jinnota l-progress tajjeb fit-tisħiħ tal-indipendenza tal-ġudikatura u jilqa' l-miżuri meħudha mill-awtoritajiet Islandiżi f'Mejju 2010 sabiex tiġi indirizzata l-predominanza mogħtija lill-Ministru tal-Ġustizzja fil-ħatriet ġudizzjarji, kif ukoll l-emendi li saru fl-Att tal-Ġudikatura li jsaħħu l-indipendenza tal-ġudikatura, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa ta’ implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn il-miżuri;

8.

Jilqa' l-ħidma li saret mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali, kif ukoll ir-rapport tal-Kummissjoni għall-Investigazzjoni Speċjali li twaqqfet f'Diċembru 2008 mill-Parlament Islandiż biex tinvestiga u tanalizza l-proċessi li wasslu għall-kollass tas-sistema bankarja, u l-progress li sar biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi politiċi, istituzzjonali u amministrattivi tal-kollass tas-sistema bankarja Islandiża, filwaqt li ġie nnotat li l-implimentazzoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħha għadha qed issir u jeħtieġ li titwettaq permezz ta’ sforzi li ma jaqtgħu xejn;

Kriterji ekonomiċi

9.

Jilqa' l-livell ġeneralment sodisfaċenti li laħqet l-Islanda fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha fil-kuntest taż-ŻEE u fil-ħila tagħha li tirreżisti għall-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-UE;

10.

Jinnota, madankollu, li l-aħħar rapport tat-tabella ta’ valutazzjoni tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles wera li d-defiċit ta’ traspożizzjoni tal-Islanda żdied ftit u li, billi laħaq 1,3 %, baqa' ogħla mill-mira interim ta’ 1 %, għalkemm id-dewmien fit-traspożizzjoni tnaqqas;

11.

Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernjiet tal-Islanda, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit dwar il-kwistjoni Icesave, partikularment biex jiġi ggarantit il-ħlas lura tal-ispejjeż li jkunu saru biex jitħallsu l-garanziji minimi lid-depożituri f'fergħat tal-Landsbanki Islands hf. fir-Renju Unit u l-Pajjiżi l-Baxxi; jilqa' l-approvazzjoni tal-ftehim b'maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-Parlament Islandiż fis-17 ta’ Frar 2011; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-President tal-Islanda li jirreferi l-abbozz ta’ liġi għal referendum u jittama li tintemm il-proċedura ta’ ksur li bdiet fis-26 ta’ Mejju 2010, li tressqet mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA kontra l-Gvern tal-Islanda;

12.

Jilqa' l-fatt li n-nuqqasijiet istituzzjonali fis-settur finanzjarju ġew indirizzati u li sar progress biex jissaħħu l-prattiki regolatorji u superviżorji tal-banek, partikularment fir-rigward tal-poteri tal-Awtorità għas-Sorveljanza Finanzjarja;

13.

Jilqa' l-preżentazzjoni mill-Islanda lill-Kummissjoni Ewropea tal-ewwel Programm Ekonomiku ta’ Qabel l-Adeżjoni tagħha bħala pass importanti fil-fażi ta’ qabel l-adeżjoni u jittama li d-djalogu ekonomiku bilaterali annwali li tħabbar se jikkonsolida l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet;

14.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Islandiżi jkomplu fit-triq biex ifasslu strateġija għal-liberalizzazzjoni tal-kontrolli tal-kapital, li hi rekwiżit importanti għall-adeżjoni tal-pajjiż mal-UE;

15.

Jilqa' r-raba' rieżami pożittiv riċenti tal-programm stand-by tal-Fond Monetarju Internazzjonali li jenfasizza l-iżviluppi importanti tal-konsolidazzjoni fiskali u ekonomika tal-Islanda, kif ukoll il-fatt li wara d-deterjorazzjoni għal seba' kwarti konsekuttivi, l-ekonomija tal-Islanda ħarġet mir-reċessjoni ekonomika, u l-prodott gross domestiku reali rreġistra tkabbir ta’ 1,2 % fil-perjodu bejn Lulju u Settembru 2010 meta mqabbel mal-kwart preċedenti;

16.

Jilqa' l-politiki biex tkompli tiġi ddiversifikata l-ekonomija tal-Islanda bħala pass meħtieġ għall-benessri ekonomiku tal-pajjiż fuq perjodu twil ta’ żmien; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Islandiżi jkomplu jiżviluppaw in-negozju tat-turiżmu li hu meqjus bħala settur ta’ tkabbir promettenti fuq perjodu itwal ta’ żmien u li globalment wera sehem dejjem jikber fil-produzzjoni u l-impjiegi;

17.

Jinnota l-pożizzjoni tal-Islanda dwar l-adeżjoni maż-żona tal-euro, ambizzjoni li tista' tinkiseb wara li ssir membru tal-UE u ladarba jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha meħtieġa;

18.

Huwa kkonċernat dwar il-livell għoli ta’ qgħad u partikularment qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Islanda, kif ukoll it-tnaqqis fl-investimenti u l-konsum intern b'segwitu għall-kriżi ekonomika u finanzjarja, minkejja li qed jinnota xi sinjali ta’ titjib f'xi wħud minn dawn l-oqsma; jinnota li l-enerġija ħadra b'kostijiet baxxi u t-teknoloġija tal-enerġija ħadra li tipproduċi l-Islanda jistgħu jkunu fattur importanti ħafna biex l-ekonomija tkun varata mill-ġdid;

19.

Ifaħħar lill-Islanda għar-rati għolja tagħha ta’ investiment fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-appoġġ u l-involviment tagħha fl-istrateġija ta’ Lisbona, inkluż l-adozzjoni ta’ strateġija tal-Islanda 2020 li tenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u tenfasizza miri li jistgħu jitkejlu;

Kapaċità li tadotta l-obbligi tas-sħubija

20.

Jinnota li l-Islanda, bħala membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, hija avvanzata sewwa fir-rekwiżiti ta’ 10 mill-kapitoli tan-negozjati u tissodisfa parzjalment il-ħtiġijiet ta’ 11-il kapitolu tan-negozjati; jenfasizza li t-twettiq tal-obbligi tal-Islanda skont il-Ftehim ŻEE huma rekwiżiti importanti fin-negozjati tal-adeżjoni;

21.

Jistieden lill-Islanda ttejjeb il-preparazzjonijiet għall-allinjament mal-acquis tal-UE, partikularment fl-oqsma li mhumiex koperti miż-ŻEE, u tiżgura l-implimentazzjoni u t-twettiq tiegħu sad-data tal-adeżjoni;

22.

Jistieden lill-Islanda tipprepara għall-parteċipazzjoni tagħha fil-politika tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali tal-UE, u partikularment biex ittejjeb l-isforzi tagħha għat-twaqqif tal-istrutturi amministrattivi meħtieġa biex jiġu implimentati dawn il-politiki sad-data tal-adeżjoni; jenfasizza, madankollu, il-partikolarità tal-ekosistema Islandiża u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Islandiżi biex jilħqu ftehim reċiprokament sodisfaċenti, li jqis il-karatteristiċi uniċi tal-ambjent tal-Islanda;

23.

Wara li kkunsidra l-fatt li l-politika komuni tas-sajd attwalment qed tiġi rriveduta, u li l-acquis jista' jiġi mmodifikat qabel l-adeżjoni tal-Islanda, jistieden lill-Islanda u lill-UE jittrattaw dan il-kapitolu tan-negozjati b'mod kostruttiv bil-għan li tinstab soluzzjoni sodisfaċenti reċiproka għall-ġestjoni sostenibbli u l-użu ta’ riżorsi tas-sajd;

24.

Jinnota r-rekord tajjeb tal-Islanda għall-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd tagħha b'mod sostenibbli u bbażat fuq valutazzjonijiet xjentifiċi;

25.

Jistieden lill-awtoritajiet Islandiżi jadattaw il-leġiżlazzjoni Islandiża skont l-acquis tas-suq intern rigward id-dritt ta’ stabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-kapital fis-setturi tal-produzzjoni u l-ipproċessar tas-sajd;

26.

Jistieden lill-Islanda tkompli f'taħditiet kostruttivi mal-UE u man-Norveġja, bil-għan li tintlaħaq riżoluzzjoni tal-kontroversja dwar il-kavalli abbażi ta’ proposti realistiċi li jissalvagwardjaw il-ġejjieni tal-istokk, jipproteġu u jżommu l-impjiegi fis-sajd pelaġiku u jiżguraw sajd sostenibbli u fit-tul;

27.

Jinnota li l-Islanda tista' tagħti kontribut prezzjuż lill-politiki tal-UE minħabba l-esperjenza tagħha fil-qasam tal-enerġija li tiġġedded, b'mod partikulari rigward l-użu tal-enerġija ġeotermika, il-ħarsien tal-ambjent u l-miżuri li jittrattaw it-tibdil fil-klima;

28.

Jinnota, madankollu, li għad fadal diverġenzi serji bejn l-UE u l-Islanda dwar kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-ħajja fil-baħar, partikularment il-kaċċa tal-balieni; jirrimarka li l-projbizzjoni tal-kaċċa tal-balieni hi parti mill-acquis tal-UE u jitlob għal diskussjonijiet usa' dwar il-kwistjoni tal-qerda tal-kaċċa tal-balieni u l-kummerċ tal-prodotti tal-balieni;

29.

Jinnota l-fatt li l-Islanda hija stat li mhux militari u ma tipproduċix armi; jilqa' l-appoġġ kontinwu tal-Islanda għall-operazzjonijiet ċivili tal-PSDK u l-allinjament tagħha mal-maġġoranza tad-dikjarazzjonijiet u d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-PESK;

30.

Jilqa' l-fatt li t-tradizzjoni tal-politika barranija tal-Islanda għandha l-għeruq tagħha fid-dritt internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u li l-kunċett tal-politika ta’ sigurtà tagħha hu bbażat fuq valuri ċivili;

Kooperazzjoni reġjonali

31.

Iqis li l-adeżjoni tal-Islanda mal-UE ssaħħaħ il-prospetti tal-Unjoni li jkollha rwol aktar attiv u kostruttiv fl-Ewropa ta’ fuq u l-Artiku billi tikkontribwixxi għall-governanza multilaterali u s-soluzzjonijiet ta’ politika sostenibbli fir-reġjun; iqis pożittivament il-parteċipazzjoni tal-Islanda fil-Kunsill Nordiku, kif ukoll fil-Politika tal-UE fid-Dimensjoni tat-Tramuntana, fil-Kunsill Ewro-Artiku ta’ Barents u fil-Kunsill Artiku li hu l-forum multilaterali ewlieni għall-kooperazzjoni fl-Artiku; jemmen li l-adeżjoni tal-Islanda mal-UE tkompli titfa' għeruq sodi għall-preżenza Ewropea fil-Kunsill Artiku;

32.

Jenfasizza l-ħtieġa ta’ politika tal-Unjoni Ewropea aktar effikaċi u kkoordinata dwar l-Artiku u jesprimi l-opinjoni li l-adeżjoni tal-Islanda fl-UE ssaħħaħ id-dimensjoni tat-Tramuntana tal-Atlantiku tal-politiki esterni tal-Unjoni;

Opinjoni pubblika u appoġġ għat-tkabbir

33.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Islandiżi jwessgħu d-dibattitu pubbliku dwar l-adeżjoni tal-UE, filwaqt li jikkunsidraw il-ħtieġa ta’ impenn sħiħ sabiex in-negozjati jkunu ta’ suċċess; ifaħħar lill-Islanda għat-twaqqif tas-sit pubbliku eu.mfa.is u jilqa' d-diskussjoni dejjem tikber u aktar ibbilanċjata fil-midja Islandiża dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tas-sħubija fl-UE;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi materjal u appoġġ tekniku, jekk l-awtoritajiet Islandiżi jitolbuhomlha, sabiex tgħinhom itejbu t-trasparenza u r-responsabilità rigward il-proċess ta’ adeżjoni u tikkontribwixxi fl-organizzazzjoni ta’ kampanja ta’ informazzjoni ċara, bir-reqqa, ibbażata fuq il-fatti u estensiva mal-pajjiż kollu dwar l-implikazzjonijiet tal-adeżjoni mal-UE, sabiex iċ-ċittadini Islandiżi jkunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata fir-referendum ġejjieni dwar l-adeżjoni;

35.

Jittama li, lil hinn minn opinjonijiet politiċi differenti, opinjoni pubblika infurmata tista' tinfluwenza b'mod pożittiv l-impenn tal-awtoritajiet Islandiżi għas-sħubija mal-UE;

36.

Huwa tal-fehma li hu kruċjali li ċ-ċittadini tal-UE jingħataw informazzjoni ċara u komprensiva dwar l-implikazzjonijiet tal-adeżjoni tal-Islanda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu sforzi għal dan il-għan, u jikkunsidra li hu ugwalment importanti li l-preokkupazzjonijiet u l-mistoqsijiet taċ-ċittadini jinstemgħu u jiġu indirizzati kif ukoll li jitqiesu l-fehmiet u l-interessi tagħhom;

*

* *

37.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tal-Althingi u lill-Gvern tal-Islanda.


(1)  ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 47.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2010)0278.


Top