EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Żvelar relatat mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji

Żvelar relatat mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2019/2088 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur finanzjarju

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

  • Adottat bħala parti mill-qasam leġiżlattiv għal finanzjament sostenibbli, ir-regolament dwar l-iżvelar jistipula regoli armonizzati dwar it-trasparenza għal parteċipanti fis-suq finanzjarju* u konsulenti finanzjarji* dwar kif jintegraw fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza tajba fid-deċiżjonijiet ta’ investiment u l-pariri finanzjarji tagħhom u dwar l-ambizzjoni ta’ sostenibbiltà ġenerali relatata mal-prodott tagħhom. Din hi maħsuba biex tillimita greenwashing possibbli fejn prodotti finanzjarji* kummerċjalizzat bħala sostenibbli jew li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent jew talbiet dwar involviment ta’ negozju finanzjarju, fil-prattika ma jissodisfawx dawk l-istandards.
  • Waqt li r-regolament jistabbilixxi regoli fuq żvelar, din titlob b’mof effettiv lil parteċipanti tas-suq finanzjarju u konsulenti finanzjarji biex jagħmlu deċiżjonijiet strateġiċi ta’ negozju u ta’ investiment, li wara jkunu jridu jiżvelaw.
  • Ir-regolament iġib akkontabilità, dixxiplina u effiċjenza addizzjonali fis-swieq finanzjarji u jaċċellera l-kompetizzjoni tal-porzjon li qed jiżviluppa malajr ta’ finanzi sostenibbli. Dan itejjeb ukoll informazzjoni relatata ma’ prestazzjoni ta’ sostennibbiltà u interoperabbiltà lil investituri finali u data u informazzjoni lil dawk li jfasslu l-politika, superviżuri, akkademiċi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
  • B’informazzjoni komparabbli u affidabbli relatata mas-sostenibbiltà dwar ir-riskji u l-impatti tal-investimenti, ir-regolament jikkumplimenta inizjattivi oħra li jrawmu t-tranżizzjoni tas-sistema finanzjarja lejn is-sostenibbiltà u jkompli jappoġġa negozji li diġà huma sostenibbli.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament jagħmel distinzjoni bejn riskji ta’ sostennibbiltà barra-ġewwa (avvenimenti jew kundizzjonijiet ambjentali, soċjali jew ta’ governanza (ESG) li, jekk jiġru, jistgħu jikkawżaw impatt materjali attwali jew b’potenzjal negattiv fuq il-valur ta’ investiment) u impatti avversi fuq fatturi ta’ sostenibbiltà (esternalitajiet negattivi fuq kundizzjonijiet ESG). Ir-regolament jiċċara wkoll l-impatti pożittivi potenzjali tas-sostenibbiltà tal-investiment.

Trasparenza fil-livell tal-entità/trasparenza minn parteċipanti fis-suq finanzjarju u konsulenti finanzjarji

Il-parteċipanti fis-suq finanzjarju u l-konsulenti finanzjarji għandhom jippubblikaw fuq is-siti web tagħhom:

  • informazzjoni dwar kif iqisu l-esternalitajiet negattivi tal-mudelli tan-negozju tagħhom, jiġifieri l-impatti negattivi prinċipali ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment jew pariri finanzjarji dwar is-sostenibbiltà tal-ESG; jew
  • informazzjoni li tispjega għaliex iqisu li ma hemm l-ebda impatt negattiv bħal dan.

Is-siti web tal-parteċipanti fis-suq finanzjarju u l-konsulenti finanzjarji għandhom jinkludu wkoll informazzjoni dwar kif:

  • jintegraw ir-riskji tas-sostenibbiltà fil-proċess tagħhom ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment u pariri finanzjarji;
  • il-politiki ta’ rimunerazzjoni tagħhom huma konsistenti mal-integrazzjoni tar-riskji tas-sostenibbiltà.

Trasparenza tal-prodott finanzjarju

Prodotti finanzjarji sostenibbli bi gradi varji ta’ ambizzjoni ġew żviluppati sal-lum. Dan huwa għaliex ir-regolament jiddistingwi bejn ir-rekwiżiti ta’ trasparenza:

  • għal prodotti finanzjarji li jippromwovu karatteristiċi ambjentali jew soċjali; u
  • għal prodotti finanzjarji li għandhom l-għan li jkollhom impatt pożittiv fuq l-ambjent u fuq is-soċjetà.

Iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti finanzjarji jridu jispjegaw kif għandha tinkiseb is-sostenibbiltà tal-ESG tagħhom f’dokumenti prekuntrattwali relatati mal-prodotti finanzjarji* u nkisbu f’dokumenti perjodiċi relatati mal-prodotti finanzjarji*.

Barra minn hekk, il-prodotti finanzjarji kollha għandhom:

  • jispeċifikaw f’dokumenti prekuntrattwali kif riskji ta’ sostenibbiltà huma integrati f’deċiżjonijiet ta’ investiment, u
  • jidentifikaw l-impatt possibbli fuq il-profittabbiltà ta’ investiment.

Regoli simili japplikaw għall-konsulenti finanzjarji. Il-parteċipanti fis-suq finanzjarju li jqisu l-impatti negattivi prinċipali fuq kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà jridu jispjegaw ukoll jekk u, jekk iva, kif, il-prodotti finanzjarji tagħhom iqisu l-impatti negattivi prinċipali.

Awtoritajiet superviżorji Ewropej:

  • jabbozzaw l-istandards tekniċi regolatorji meħtieġa dwar il-kontenut, il-metodoloġija u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni rilevanti u jissottomettuhom lill-Kummissjoni Ewropea, sat-30 ta’ Diċembru2020, it-30 ta’ Diċembru 2021, l-1 ta’ Ġunju 2021 u l-1 ta’ Ġunju 2022;
  • jabbozzaw l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex jiddeterminaw il-preżentazzjoni standard ta’ informazzjoni dwar il-promozzjoni ta’ karatteristċi ambjentali jew soċjali u investimenti sostenibbli;
  • jirrappurtaw lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Settembru 2022, u kull sena wara dik is-sena, dwar l-aħjar prattiċi u jagħmlu rakkomandazzjonijiet fuq standards volontarji ta’ rappurtar.

Ir-rapport isir pubbliku u jintbagħat lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE):

  • jiżguraw li l-awtoritajiet rilevanti jimmonitorjaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni;
  • jistgħu japplikaw ir-regolament għal manifatturi ta’ prodotti tal-pensjoni li joperaw skemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali, u intermedjarji tal-mikroassigurazzjoni u ditti tal-investiment.

Il-Kummissjoni:

  • tista’ tadotta standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni;
  • kellhom jevalwaw il-leġiżlazzjoni sat-30 ta’ Diċembru 2022 u jikkunsidraw jekk jipproponux emendi.

Ir-Regolament ma japplikax awtomatikament għal:

  • Intermedjarji tal-assigurazzjoni li jipprovdu parir dwar prodotti ta’ investiment ibbażati fuq assigurazzjoni* (IBIPs);
  • ditti tal-investiment li jipprovdu pariri dwar l-investiment u huma intrapriżi irrispettivament mill-forma legali tagħhom.

Atti delegati

Regolament delegat (UE) 2022/1288 jissupplimenta Regolament (UE) 2019/2088 fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji u jisspeċifikaw il-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni f’dokumenti prekuntrattwali fuq siti tal-internet u f’rapporti perjodiċi relatati ma’:

  • indikaturi ta’ sostenibbiltà u impatti avversi ta’ sostenibbiltà;
  • il-prinċipju ta’ “tagħmilx dannu sinifikanti
  • il-promozzjoni ta’ karatteristċi ambjentali jew soċjali u objettivi ta’ investiment sostenibbli.

Fil-31 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni adottat emendi għal dan ir-regolament delegat (Regolament Delegat (UE) 2023/363) li jitlob lil parteċipanti tas-suq finanzjarju biex jiżvelaw l-estent li għalih il-portafoll tagħhom huwa espost għal attivitajiet relatati ma’ gass u enerġija nukleari li jikkonformaw mar-regolament dwar it-tassonomija (ara s-sommarju), kif stipulat fl-Att Delegat dwar il-Klima Kumplimentari.

Dawn l-emendi għandhom l-għan li jżidu t-trasparenza u jippermettu lil investituri biex jagħmlu deċiżjonijiet infurmati ta’ investiment.

Ir-rekwiżiti u l-istandards ilhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2023 u l-emendi ilhom japplikaw mill-20 ta’ Frar 2023.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-10 ta’ Marzu 2021, ħlief għar-regoli dwar it-trasparenza ta’ impatti avversi ta’ sostenibbilità, fejn japplikaw għal parteċipanti tas-suq finanzjarju li jeċċedi medja ta’ 500 impjegat matul is-sena finanzjarja jew li huma impriżi omm ta’ grupp kbir li jeċċedi, fuq bażi konsolidata, 500 impjegat matul is-sena finanzjarja. F’dawn il-każijiet, ilu japplika mit-30 ta’ Ġunju 2021.

SFOND

  • Regoli armonizzati jagħmluha possibbli għal investituri finali biex ikunu infurmati dwar l-impatt tal-ESG ta’ prodotti finanzjarji differenti fi Stati Membri differenti.
  • Investituri istituzzjonali, bħal maniġers tal-assi, fondi tal-pensjoni jew kumpaniji tal-assigurazzjoni tal-ħajja, jinvestu f’isem il-klijenti tagħhom. Rekwiżiti legali stretti li jkopru firxa wiesa ta’ prodotti finanzjarji minn fondi ta’ investiment għal prodotti personali tal-pensjoni, jiżguraw li dawn l-investituri jaġixxu fl-aħjar interessi tal-klijenti tagħhom.
  • Ir-regolament jintroduċi rekwiżiti ta’ żvelar addizzjonali dwar l-impatt ambjentali u soċjali tad-deċiżjonijiet ta’ investiment.
  • Dan hu maħsub li jillimita greenwashing possibbli fejn prodotti jew servizzi kkummerċjalizzati bħala sostenibbli jew li ma jagħmlux ħsara lill-klima fil-prattika ma jissodisfawx dawk l-istandards.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Parteċipant fis-suq finanzjarju. L-entitajiet finanzjarji kollha li jimmaniġġjaw il-flus tal-klijenti tagħhom permezz ta’ prodotti finanzjarji u li huma:
  • kumpanija tal-assigurazzjoni li tipprovdi IBIP;
  • kumpanija ta’ investiment li tipprovdi ġestjoni tal-portafoll;
  • Istituzzjoni għal provvista ta’ rtirar okkupazzjonali;
  • manifattur ta’ prodott tal-pensjoni;
  • maniġer ta’ fondi ta’ investiment alternattiv;
  • fonitur tal-prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew;
  • maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti reġistrat skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 345/2013;
  • maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti reġistrat skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 346/2013;
  • kumpanija ta’ ġestjoni ta’ impriża għall-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS); jew
  • istituzzjoni ta’ kreditu li tipprovdi ġestjoni tal-portafoll.
Konsulent finanzjarju. Dan it-terminu jkopri dan kollu li ġej, jiġifieri:
  • intermedjarju tal-assigurazzjoni li jipprovdi parir dwar l-assigurazzjoni fir-rigward tal-IBIPs;
  • impriża tal-assigurazzjoni li tipprovdi pariri dwar l-assigurazzjoni fir-rigward tal-IBIPs;
  • istituzzjoni ta’ kreditu li tipprovdi pariri dwar l-investiment;
  • ditta tal-investiment li tipprovdi pariri dwar l-investiment;
  • maniġer ta’ fond ta’ investiment alternattiv li jipprovdi pariri dwar l-investiment skont id-Direttiva 2011/61/UE (dwar fondi spekulattivi u ta’ ekwità privata); jew
  • kumpanija maniġerjali tal-UCITS li tipprovdi parir dwar investiment konformi ma’ Direttiva 2009/65/KE dwar UCITS.
Prodotti finanzjarji. Investimenti, bħal:
  • portafoll,
  • fond ta’ investiment alternattiv,
  • IBIP,
  • prodott jew skema ta’ pensjoni,
  • UCITS, jew
  • prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew.
Dokumenti prekuntrattwali relatati mal-prodotti finanzjarji. Dokumenti li jaqsmu informazzjoni dwar prodotti finanzjarji qabel ma investitur jieħu deċiżjoni li jinvesti.
Dokumenti perjodiċi finanzjarji relatati mal-prodotti finanzjarji. Rapporti, ġeneralment maħruġa fuq bażi annwali, dwar il-prestazzjoni ta’ prodotti finanzjarji speċifiċi
Prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni (IBIPs). Firxa ta’ prodotti ta’ investiment kummerċjalizzati lil investituri fil-livell tal-konsumatur li huma suġġetti għal riskju ta’ investiment. Dawn jinkludu prodotti finanzjarji strutturati, bħal għażliet, li huma ppakkjati f’poloz tal-assigurazzjoni.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, pp. 1–16).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2019/2088 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1288 tas-6 ta’ April 2022 li jissuplimenta r-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-kontenut u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni b’relazzjoni mal-prinċipju ta’ “tagħmilx dannu sinifikanti ”, li jispeċifika l-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni b’relazzjoni ma’ indikaturi ta’ sostenibbiltà u impatti avversi ta’ sostenibbiltà; u l-kontenut u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni b’relazzjoni mal-promozzjoni ta’ karatteristċi ambjentali jew soċjali u objettivi ta’ investiment sostenibbli.f’dokumenti prekuntrattwali fuq siti tal-internet u rapporti perjodiċi (ĠU L 196, 25.7.2022, pp. 1–72). Test ippubblikat mill-ġdid fir-rettifika (ĠU L 332, 27.12.2022, pp. 1–74).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2019/1238 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar Prodott tal-Pensjoni Personali Pan-Ewropew (ĠU L 198, 25.7.2019, pp. 1–63).

Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembrur 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għal provvediment ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs) (riformulazzjoni) (ĠU L 354, 23.12.2016, pp. 37–85).

Id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 26, 2.2.2016, pp. 19–59).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, pp. 98–121).

Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (riformulazzjoni) (ĠU L 173, 12.6.2014, pp. 349–496).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, pp. 338–436).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, pp. 1–17).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, pp. 18–38).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2011/61/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, pp. 1–73).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novemru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (riformulazzjoni) (ĠU L 335, 17.12.2009, pp. 1–155).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parliament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amminstrattivi relatati ma’ impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (riformulazzjoni) (ĠU L 302, 17.11.2009, pp. 32–96).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 06.03.2023

Top