EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0633

Kawża C-633/21: Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Ottubru 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

ĠU C 513, 20.12.2021, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 513/24


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Ottubru 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-633/21)

(2021/C 513/34)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Kostantinidis, M. Noll-Ehlers)

Konvenut: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

A)

tiddikjara li r-Repubblika Ellenika:

minn naħa, peress li qabżet b’mod sistematiku u persistenti l-limiti annwali ta’ diossidu tan-nitroġenu fl-agglomerazzjoni ta’ Ateni (ΕL0003) mill-2010, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (1), moqri flimkien mal-Anness XI tad-Direttiva;

min-naħa l-oħra, peress li ma adottatx, mill-11 ta’ Ġunju 2010, il-miżuri neċessarji biex tiġi żgurata l-konformità mal-limitu annwali ta’ diossidu tan-nitroġenu fl-agglomerazzjoni ta’ Ateni (ΕL0003), naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 (moqri flimkien mal-Punt A tal-Anness XV tal-imsemmija direttiva), u b’mod partikolari l-obbligu stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva li jiġu stabbiliti miżuri xierqa sabiex il-perijodu tal-qabża jkun jista’ jinżamm l-iqsar possibbli.

B)

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li d-Direttiva 2008/50, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, timponi fuq l-Istati Membri li jillimitaw l-espożizzjoni taċ-ċittadini għad-diossidu tan-nitroġenu (NO2). Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Ellenika, abbażi tar-rapporti annwali dwar il-kwalità tal-arja ppreżentati minnha, b’mod persistenti ma żguratx, wara l-2005, f’liema sena saret obbligatorja l-konformità mal-limiti ta’ kuljum u annwali ta’ diossidu tan-nitroġenu (NO2) skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50, ma wettqitx l-obbligu tagħha li tikkonforma ruħha mal-limiti ta’ kuljum fl-agglomerazzjoni ΕL0003 ta’ Ateni.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jimponi fuq l-Istati Membri, fil-każ ta’ qbiż tal-limiti, obbligu ċar u immedjat li jitfasslu pjanijiet għall-kwalità tal-arja li jinkludu miżuri xierqa sabiex il-perijodu tal-qabża jkun l-iqsar possibbli. Il-Kummissjoni ssostni li, bi ksur tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, ir-Repubblika Ellenika ma stabbilixxietx pjan xieraq għall-kwalità tal-arja fir-rigward tad-diossidu tan-nitroġenu fir-rigward tal-agglomerazzjoni EL0003 ta’ Ateni.


(1)  ĠU 2008, L 152, p. 1).


Top