EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0168

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-27 ta' Jannar 2011.
Flos SpA vs Semeraro Casa e Famiglia SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale di Milano - l-Italja.
Proprjetà industrijali u kummerċjali - Direttiva 98/71/KE- Protezzjoni ġuridika tad-disinji - Artikolu 17 - Obbligu ta’ akkumulazzjoni tal-protezzjoni tad-disinji ma’ dik tad-dritt tal-awtur - Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi jew trendi inapplikabbli għal ċertu perijodu l-protezzjoni permezz tad-dritt tal-awtur għad-disinji li jaqgħu fil-qasam pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tagħha - Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
Kawża C-168/09.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:29

Kawża C-168/09

Flos SpA

vs

Semeraro Casa e Famiglia SpA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Milano)

“Proprjetà industrijali u kummerċjali — Direttiva 98/71/KE — Protezzjoni ġuridika tad-disinni — Artikolu 17 — Obbligu ta’ akkumulazzjoni tal-protezzjoni tad-disinni ma’ dik tad-drittijiet tal-awtur — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi jew tirrendi inapplikabbli għal ċertu perijodu l-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni li jaqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tagħha — Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”

Sommarju tas-sentenza

1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Disinni — Direttiva 98/71 — Prinċipju ta’ akkumulazzjoni tal-protezzjoni tad-disinni ma’ dik tad-drittijiet tal-awtur (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/71, Artikolu 17; Direttiva tal-Kunsill 93/98, Artikoli 1(1) u 10(2))

2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Disinni — Direttiva 98/71 — Prinċipju ta’ akkumulazzjoni tal-protezzjoni tad-disinni ma’ dik tad-drittijiet tal-awtur

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/71, Artikolu 17)

1.        L-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji [disinni], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi mill-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ dan l-Istat Membru d-disinni li jkunu ġew irreġistrati fi Stat Membru jew għal Stat Membru u li kienu jaqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, minkejja li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jibbenefikaw minn din il-protezzjoni.

Mill-kliem tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari mill-użu tat-terminu “wkoll” li jidher fl-ewwel sentenza ta’ dan l-artikolu, jirriżulta ċar li l-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur għandha tingħata lil kull disinn li jkun ġie rreġistrat fl-Istat Membru jew għall-Istat Membru kkonċernat.

Ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti din il-protezzjoni tirriżulta wkoll mill-premessa 8 tad-Direttiva 98/71 li tistipula, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet dwar id-drittijiet tal-awtur, il-prinċipju tal-akkumulazzjoni tal-protezzjoni speċifika tad-disinni permezz tar-reġistrazzjoni u tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur.

Barra minn hekk, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jiddeterminaw il-portata u l-kundizzjonijiet għall-ksib tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur lanqas ma tista’ tikkonċerna t-tul ta’ żmien ta’ din il-protezzjoni, billi dan diġà ġie armonizzat fil-livell tal-Unjoni permezz tad-Direttiva 93/98, li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/98 jipprevedi l-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħol letterarju jew artistiku, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi, għal tul il-ħajja kollha tal-awtur ta’ dan ix-xogħol u għal 70 sena wara mewtu. L-Artikolu 10(2) tal-istess direttiva jipprovdi li dan it-tul ta’ żmien japplika għax-xogħlijiet u għall-oġġetti kollha li, fl-1 ta’ Lulju 1995, kienu protetti tal-inqas fi Stat Membru wieħed permezz tad-drittijiet tal-awtur.

Minn dan isegwi li, skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71, id-disinni li kienu ġew irreġistrati fi Stat Membru jew għal Stat Membru u li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-ksib tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur previsti mill-Istati Membri, partikolarment dik li tirrigwarda l-grad ta’ oriġinalità, u li għalihom il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/98, moqri flimkien mal-Artikolu 10(2) tagħha, ma kienx għadu ntemm, kellhom jibbenefikaw mill-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ dan l-Istat Membru.

F’dan ir-rigward, jirriżulta ċar mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 93/98 li l-applikazzjoni tal-perijodi ta’ protezzjoni previsti minnha jista’ jkollha l-konsegwenza, fl-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni kienet tipprevedi perijodu ta’ protezzjoni iqsar, li tipproteġi mill-ġdid xogħlijiet jew oġġetti li jaqgħu fid-dominju pubbliku. Din il-konsegwenza tirriżulta mir-rieda espressa tal-leġiżlatur tal-Unjoni u din is-soluzzjoni saret bl-iskop li tilħaq kemm jista’ jkun malajr l-għan ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jirregolaw il-perijodi ta’ protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, stipulat, b’mod partikolari, fil-premessa 2 tal-istess direttiva, u sabiex jiġi evitat li ċerti drittijiet jiskadu f’ċerti Stati Membri filwaqt li jkunu protetti f’oħrajn.

Għandu jiġi kkunsidrat li dan ir-raġunament għandu japplika wkoll fir-rigward tal-ħolqien mill-ġdid tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur tad-disinni preċedentement protetti minn dritt ieħor ta’ proprjetà intellettwali.

(ara l-punti 37-44, u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71, dwar il-protezzjoni legali ta’ disnji [disinni], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi, permezz ta’ perijodu sostanzjali ta’ għaxar snin, jew totalment, il-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur tad-disinni li, minkejja li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jibbenefikaw minn din il-protezzjoni, kienu jaqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, fil-konfront ta’ kull terz li mmanifattura jew ikkummerċjalizza fit-territorju nazzjonali prodotti skont dawn id-disinni, u dan indipendentement mid-data li fiha saru dawn l-atti.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ miżura leġiżlattiva li tipprevedi perijodu tranżitorju għal kategorija determinata ta’ terzi għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tagħhom, mill-prinċipji tar-rispett tad-drittijiet miksuba u mill-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jirriżulta li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 ma jipprekludix dispożizzjoni bħal din, sakemm din ma għandhiex l-effett li tiddifferixxi għal perijodu sostanzjali l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ġdida ta’ protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur tad-disinni b’mod li timpedixxiha milli tkun applikabbli fid-data prevista minn din id-direttiva.

F’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tat-tul ta’ dan il-perijodu tranżitorju kif ukoll tal-kategorija ta’ terzi previsti mill-imsemmija miżura leġiżlattiva għandha ssir fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Għalhekk, il-miżura leġiżlattiva adottata mill-Istat Membru kkonċernat għandha tkun xierqa sabiex tilħaq l-iskop tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u neċessarja għal dan il-għan, jiġifieri li tiggarantixxi l-osservanza tal-bilanċ bejn, minn naħa, id-drittijiet miksuba u l-aspettattivi leġittimi ta’ terzi previsti kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiżgura dan il-bilanċ.

Għal dan l-għan, l-imsemmija miżura tista’ biss tiġi kkunsidrata li hija xierqa kemm-il darba din tipprevedi kategorija ta’ terzi li jistgħu jinvokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jiġifieri persuni li jkunu diġà wettqu atti ta’ użu ta’ disinni li kienu jappartjenu għad-dominju pubbliku fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi fid-dritt intern tal-Istat Membru kkonċernat l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71.

Barra minn hekk, tali miżura leġiżlattiva għandha tillimita ruħha għall-perijodu tal-użu tal-imsemmija disinni minn dawn it-terzi li huwa neċessarju għal dawn tal-aħħar minħabba waqfien gradwali tal-attività inkwantu din hija bbażata fuq l-użu preċedenti ta’ dawn id-disinni jew minħabba tnaqqis tal-istokk. Il-miżura ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat il-bilanċ ta’ dawn id-drittijiet jekk din ma tiddifferixxix il-benefiċċju tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur għal perijodu sostanzjali.

Fir-rigward, fit-tieni lok, ta’ miżura leġiżlattiva li tħassar il-perijodu moratorju u li tistabbilixxi n-nuqqas ta’ infurzabbiltà mingħajr limitu tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur għall-prodotti magħmula qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 98/71, jirriżulta mill-premess li tali miżura tirrendi l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva mingħajr is-sustanza tiegħu, inkwantu din għandha l-konsegwenza li timpedixxi, b’mod ġenerali, l-applikazzjoni tal-protezzjoni l-ġdida, jiġifieri dik marbuta mad-drittijiet tal-awtur. Din il-miżura lanqas ma hija intiża sabiex tillimita l-kategorija ta’ terzi li jistgħu jinvokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Għall-kuntrarju, din testendi l-applikazzjoni tan-nuqqas ta’ infurzabbiltà tad-drittijiet tal-awtur inkwantu, skont din id-dispożizzjoni, ma huwiex neċessarju li terz ikun beda l-użu tal-imsemmija disinni qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva

(ara l-punti 55-60, 64, 65, u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

27 ta’ Jannar 2011 (*)

“Proprjetà industrijali u kummerċjali – Direttiva 98/71/KE – Protezzjoni ġuridika tad-disinni – Artikolu 17 – Obbligu ta’ akkumulazzjoni tal-protezzjoni tad-disinni ma’ dik tad-drittijiet tal-awtur – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi jew tirrendi inapplikabbli għal ċertu perijodu l-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni li jaqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tagħha – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża C‑168/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale di Milano (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Mejju 2009, fil-proċedura

Flos SpA

vs

Semeraro Casa e Famiglia SpA,

fil-preżenza ta’:

Assoluce – Associazione nazionale delle Imprese degli Apparecchi di Illuminazione,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, U. Lõhmus (Relatur) u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ April 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Flos SpA, minn G. Casucci u N. Ferretti, avukati,

–        għal Semeraro Casa e Famiglia SpA, minn G. Floridia u F. Polettini, avukati,

–        għal Assoluce – Associazione nazionale delle Imprese degli Apparecchi di Illuminazione, minn C. Galli, M. Bogni u C. Paschi, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer u S. La Pergola, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-24 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 17 u 19 tad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji [disinni] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Flos SpA (iktar ’il quddiem “Flos”), kumpannija attiva fil-produzzjoni ta’ tagħmir tad-dawl ta’ kwalità u Semeraro Casa e Famiglia SpA (iktar ’il quddiem “Semeraro”) fir-rigward ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur li Flos tallega li għandha fir-rigward ta’ disinn ta’ lampa bl-indikazzjoni “Arco”.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 93/98/KEE

3        Id-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 141), tistipula, fil-premessa 2 tagħha, li d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw id-dewmien tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati jistgħu jfixklu l-moviment ħieles tal-oġġetti u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni u li għalhekk, sabiex jiġi żgurat tħaddim tajjeb tas-suq intern, huwa meħtieġ li l-liġijiet tal-Istati Membri jkunu armonizzati sabiex jagħmlu d-dewmien tal-protezzjoni l-istess fl-Unjoni Ewropea kollha.

4        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi l-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħol letterarju jew artistiku, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi (att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Lulju 1979, għal tul il-ħajja tal-awtur ta’ dan ix-xogħol u għal 70 sena wara mewtu.

5        L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjoni fil-ħin”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      Fejn dewmien ta’ protezzjoni, li jkun itwal mid-dewmien li jikkorrispondi mad-dewmien li hemm provdut dwaru b’din id-Direttiva, ikun diġà għaddej fi Stat Membru fid-data msemmija fl-Artikolu 13(1), din id-Direttiva m’għandhiex ikollha l-effett li tqassar id-dewmien ta’ protezzjoni fi Stat Membru.

2.      Id-dewmien ta’ protezzjoni li hemm provdut dwarhom f’din id-Direttiva għandhom japplikaw għax-xogħlijiet kollha li huma protetti f’għall-inqas Stat Membru wieħed, fid-data msemmija fl-Artikolu 13(1), skond id-Disposizzjonijet nazzjonali fuq id-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati jew li jissodisfaw il-kriterji għall-protezzjoni skond id-Direttiva KEE/92/100 [Id-Direttiva tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120)].

3.      Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kull att ta’ sfruttament imwettaq qabel id-data msemmija fl-Artikolu 13(1). Stati Membri għandhom jadottaw id-disposizzjonijet meħtieġa biex jipproteġu b’mod partikolari drittijiet miksuba ta’ pajjiżi barranin.”

6        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 93/98, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi mal-Artikoli 1 sa 11 tagħha qabel l-1 ta’ Lulju 1995.

 Id-Direttiva 98/71

7        Skont il-premessi 2 u 3 tad-Direttiva 98/71, id-differenzi fil-protezzjoni legali ta’ disinni offruta fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri għandhom effett dirett fuq it-twaqqif u t-tmexxija tas-suq intern dwar prodotti li jkollhom disinni u dawn id-differenzi jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq intern, b’tali mod li l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ protezzjoni tad-disinni hija meħtieġa sabiex is-suq intern jitmexxa sewwa.

8        Fi kliem il-premessa 8 tal-imsemmija direttiva, “fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni ta’ liġi tad-dritt ta’ l-awtur, huwa importanti li jkun stabbilit il-prinċipju tal-kumulu ta’ protezzjoni taħt il-liġi ta’ protezzjoni tad-disinn speċifikament reġistrat u taħt il-liġi tad-dritt ta’ l-awtur, filwat li Stati Membri jitħallew ħielsa li jistabbilixxu sa fejn għandha tingħata l-protezzjoni tad-dritt ta’ l-awtur u l-kondizzjonijiet li jirregolaw dik il-protezzjoni”.

9        L-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat “Drittijiet mogħtija mid-dritt ta’ disinn”, jipprovdi:

“1.      Ir-reġistrazzjoni ta’ disinn għandha tagħti lit-titolari tiegħu id-dritt esklussiv li jużah u li ma jħallix terza persuna li tużah mingħajr il-kunsens tiegħu. L-użu hawn fuq imsemmi għandu jkopri, partikolarment, il-manifattura, offerta, tqegħid fis-suq, importazzjoni, esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih id-disinn ikun inkorporat jew li għalih ikun applikat, jew il-ħażna ta’ dak il-prodott għal dawk ir-raġunijiet.

2.      Meta, skond il-liġi ta’ Stat Membru, l-atti msemmija fil-paragrafu 1 ma setgħux jinżammu milli jseħħu qabel id-data li fiha d-dispożizzjonijiet ta’ konformità meħtieġa għal din id-Direttiva jkunu daħlu fis-seħħ, id-drittijiet mogħtija mid-dritt ta’ disinn jistgħu ma jkunux invokati biex ma jitħallewx jissoktaw dawk l-atti minn kull persuna li tkun bdiet dawk l-atti qabel dik id-data.”

10      L-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71, intitolat “Relazzjoni mad-dritt ta’ l-awtur”, jipprovdi:

“Disinn protett minn dritt ta’ disinn reġistrat fi jew għal Stat Membru skond din id-Direttiva għandu jkun eliġibbli wkoll għal protezzjoni taħt il-liġi tad-dritt ta’ l-awtur ta’ dak l-Istat sa mid-data li fiha d-disinn ikun inħoloq jew stabbilit f’kull forma. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sa fejn u l-kondizzjonijiet li bihom tingħata dik il-protezzjoni, magħdud il-grad ta’ oriġinalità meħtieġ.”

11      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva jistipula li l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi magħha mhux aktar tard mit-28 ta’ Ottubru 2001.

 Id-Direttiva 2001/29/KE

12      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jistipula li din id-direttiva tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, b’enfażi partikolari fuq is-soċjetà tal-informazzjoni.

13      L‑Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi taħt it-titolu “Dritt ta’ riproduzzjoni”:

“L‑Istati Membri għandhom jipprovdu għad‑dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)      għall‑awturi, tax‑xogħolijiet tagħhom;

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

14      Il-protezzjoni tad-disinni tingħata taħt id-Digriet Irjali Nru 1411, tal-25 ta’ Awwissu 1940, dwar dispożizzjonijiet leġiżlattivi fil-qasam tal-privattivi għal disinni industrijali (Gazzetta ufficiale Nru°247, tal-21 ta’ Ottubru 1940). Fil-verżjoni tiegħu applikabbli sad-19 ta’ April 2001, l-Artikolu 5 ta’ dan id-digriet Irjali kien jipprovdi:

“Jistgħu jikkostitwixxu privattiva għal disinni ornamentali, id-disinni l-ġodda li jkunu jistgħu jagħtu lil ċerti prodotti industrijali ornamentazzjoni speċjali permezz tal-għamla jew permezz ta’ għaqda partikolari ta’ linji, kuluri jew elementi oħra. Id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-awtur ma japplikawx għad-disinni hawn fuq imsemmija […]”

15      Il-punt 4 tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 633, tat-22 ta’ April 1941, dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet l-oħra marbuta mal-eżerċizzju tiegħu (Gazzetta ufficiale Nru 166, tas-16 ta’ Lulju 1941, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 633/1941”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli sad-19 ta’ April 2001, kien jissuġġetta l-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur tad-disinni għall-kundizzjoni tas-“separabbiltà” (“scindibilità”), billi kien jipprovdi li jgawdu mill-protezzjoni ta’ dan id-dritt “ix-xogħlijiet […], anki jekk applikati għall-industrija, kemm-il darba l-valur artistiku tagħhom ikun separabbli min-natura industrijali tal-prodott li magħhom ikunu assoċjati”.

16      L-Artikolu 22 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95, tat-2 ta’ Frar 2001, dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 98/71/KE (GURI Nru 79, tal-4 ta’ April 2001, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 95/2001”), li daħal fis-seħħ fid-19 ta’ April 2001, emenda l-punt 4 tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 633/1941, billi neħħa l-kundizzjoni ta’ “separabbiltà” u żied katalgu ta’ xogħlijiet protetti, f’punt 10 ġdid, “ix-xogħlijiet ta’ disinn industrijali li huma ta’ natura kreattiva u li għandhom valur artistiku intrinsiku”.

17      Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 164, tat-12 ta’ April 2001, li jimplementa d-Direttiva 98/71 (GURI Nru 106, tad-9 ta’ Mejju 2001, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 164/2001”), bl-introduzzjoni tal-Artikolu 25a fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 95/2001, introduċa, b’mod tranżitorju, perijodu ta’ għaxar snin, dekorribbli mid-19 ta’ April 2001, li matulu “l-protezzjoni mogħtija lid-disinni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi [Nru 633/41] ma tistax tiġi invokata biss kontra dawk li, qabel l-imsemmija data, ikunu bdew jimmanifatturaw, joffru jew jikkumerċjalizzaw prodotti maħduma fuq disinni li kienu, jew kienu jaqgħu, fid-dominju pubbliku”.

18      Din id-dispożizzjoni ġiet imbagħad riprodotta fl-Artikolu 239 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Industrijali Taljan (iktar ’il quddiem il-“KPI”), li ġie ppromulgat fl-2005.

19      L-Artikolu 4(4) tad-Digriet-Liġi Nru 10, tal-15 ta’ Frar 2007, dwar l-implementazzjoni ta’ obbligi Komunitarji u internazzjonali (GURI Nru 38, tal-15 ta’ Frar 2007), mibdul permezz tal-Liġi Nru 46, tas-6 ta’ April 2007, neħħa b’mod partikolari l-perijodu ta’ għaxar snin stabbilit mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 164/2001, billi emenda l-Artikolu 239 tal-KPI. Dan l-artikolu, kif emendat, kien jipprovdi:

“Il-protezzjoni mogħtija lid-disinni industrijali skont il-punt 10 tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi [Nru 633/41], ma tistax tiġi invokata kontra prodotti maħduma fuq disinni li kienu, jew kienu jaqgħu, fid-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 95/2001].”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Fit-23 ta’ Novembru 2006, Flos ħarrket lil Semeraro quddiem it-Tribunale di Milano minħabba l-importazzjoni miċ-Ċina u l-kummerċjalizzazzjoni fl-Italja tal-lampi, indikati bħala “Fluida”, li, skont Flos, jimitaw il-karatteristiċi stilistiċi u estetiċi kollha tal-lampa Arco, xogħol ta’ disinn industrijali li tiegħu Flos tqis li għandha d-drittijiet patrimonjali.

21      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, matul proċedura għal miżuri provviżorji li ppreċediet il-proċedrua fil-mertu li wasslet għal din id-deċiżjoni, ġie kkonstatat li l-lampa Arco, maħluqa fl-1962 u li kienet taqa’ fid-dominju pubbliku qabel id-19 ta’ April 2001, kienet tibbenefika mill-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħlijiet ta’ disinn industrijali skont il-Liġi Nru 633/1941, kif emendata bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 95/2001, u li l-mudell tal-lampa importat minn Semeraro “kien jimita servilment il-karatteristiċi stilistiċi u estetiċi kollha tagħha”. Għalhekk, l-imħallef għal miżuri provviżorji ordna, permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Diċembru 2006, li l-lampi importati jiġu ssekwestrati u impedixxa lil Semeraro milli tkompli tikkummerċjalizzahom.

22      Fir-rigward tal-proċedura fil-mertu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, sa mill-introduzzjoni ta’ din il-proċedura, saru emendi leġiżlattivi marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għax-xogħlijiet ta’ disinn industrijali, li jqanqlu dubji fir-rigward tal-konformità tagħhom mad-Direttiva 98/71, u b’mod iktar partikolari mal-prinċipju tal-akkumulazzjoni tal-protezzjonijiet stabbilit mill-Artikolu 17 tagħha.

23      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-Artikolu 239 tal-KPI, kif emendat bl-Artikolu 4(4) tad-Digriet-Liġi Nru 10 tal-15 ta’ Frar 2007.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Milano ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“(1)      L-Artikoli 17 u 19 tad-Direttiva [98/71] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, abbażi ta’ liġi [...] ta’ Stat Membru li – bis-saħħa ta’ tali direttiva – introduċa fis-sistema legali tiegħu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni […], il-possibbiltà mogħtija lil dan l-Istat Membru li jiddetermina b’mod awtonomu [l-portata u l-kundizzjonijiet għall-ksib ta’ din il-protezzjoni] tista’ tinkludi wkoll l-esklużjoni tal-protezzjoni stess fir-rigward ta’ disinni […] li – minkejja li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti għall-protezzjoni stabbilita mid-drittijiet tal-awtur – kellhom ikunu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt id-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet legali li introduċew fis-sistema legali interna l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni […], inkwantu dawn qatt ma kienu ġew irreġistrati bħala disinni […] jew inkwantu r-reġistrazzjoni relatata kienet diġà skadiet?

(2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikoli 17 u 19 tad-Direttiva [98/71] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, abbażi ta’ liġi nazzjonali ta’ Stat Membru li – bis-saħħa ta’ tali direttiva – introduċa fis-sistema legali tiegħu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni [...], il-possibbiltà mogħtija lil dan l-Istat Membru li jiddetermina b’mod awtonomu [l-portata u l-kundizzjonijiet għall-ksib ta’ din il-protezzjoni] tista’ tinkludi wkoll l-esklużjoni tal-protezzjoni stess fir-rigward ta’ disinni [...] li – minkejja li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti għall-protezzjoni stabbilita mid-drittijiet tal-awtur – kellhom ikunu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt id-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet legali li introduċew fis-sistema legali interna l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni [...] u fejn terza persuna – mhux awtorizzata mill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur fuq tali disinni [...] – kienet diġà mmanifatturat u kkummerċjalizzat f’dak l-Istat prodotti magħmulin skont dawn id-disinni [...]?

(3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva [għall-ewwel u t-tieni] domandi, l-Artikoli 17 u 19 tad-Direttiva [98/71] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, abbażi ta’ liġi nazzjonali ta’ Stat Membru li – bis-saħħa ta’ tali direttiva – introduċa fis-sistema legali tiegħu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni [...], il-possibbiltà mogħtija lil dan l-Istat Membru li jiddetermina b’mod awtonomu [l-portata u l-kundizzjonijiet għall-ksib ta’ din il-protezzjoni] tista’ tinkludi wkoll l-esklużjoni tal-protezzjoni stess fir-rigward ta’ disinni [...] li – minkejja li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti għall-protezzjoni stabbilita mid-drittijiet tal-awtur – kellhom ikunu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt id-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet legali li introduċew fis-sistema legali interna l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni [...] u fejn terz – mhux awtorizzat mill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur fuq tali disinni [...] – kien diġà mmanifattura u kkummerċjalizza f’dak l-Istat prodotti magħmulin skont dawn id-disinni [...], fejn tali esklużjoni hija ddeterminata għal perijodu sostanzjali (ekwivalenti għal għaxar snin)?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

25      Semeraro u l-Kummissjoni Ewropea jesprimu dubji fir-rigward tar-rilevanza tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 98/71 għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali peress li din id-dispożizzjoni sempliċement tiffissa t-terminu li fih l-Istati Membri kellhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda spjegazzjoni dwar ir-rilevanza, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 98/71. Fil-fatt, fil-motivi ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tirreferi biss għall-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva.

27      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li d-domandi saru essenzjalment fir-rigward tal-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva u, għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għalihom fid-dawl ta’ dan l-artikolu biss.

 Fuq l-ewwel domanda

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi l-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur tad-disinni li jinsabu jew kienu jaqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li introduċew din il-protezzjoni fis-sistema legali interna ta’ dan l-Istat minħabba li dawn ma kienu qatt irreġistrati bħala tali jew minħabba li r-reġistrazzjoni tagħhom ma kinitx għadha effettiva f’dik id-data, minkejja li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex igawdu minn din il-protezzjoni.

29      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tipprevedi żewġ ipoteżijiet, jiġifieri, minn naħa, dik li d-disinni li, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 98/71, jiġifieri d-19 ta’ April 2001, kienu jinsabu fid-dominju pubbliku mingħajr reġistrazzjoni bħala disinni u, min-naħa l-oħra, dik li, qabel din-id-data, dawn id-disinni kienu jaqgħu fid-dominju pubbliku minħabba l-fatt li l-protezzjoni li tirriżulta minn reġistrazzjoni waqfet milli jkollha effett.

30      F’dan ir-rigward, anki jekk Flos semmiet, fis-seduta, li hija ma kinitx irreġistrat bħala disinn il-lampa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tipprovdi ebda preċiżazzjoni f’dan ir-rigward.

31      Għalhekk, għall-ewwel domanda għandha tingħata risposta fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ ipoteżijiet imsemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-imsemmija lampa ġietx irreġistrata bħala disinn.

32      Fir-rigward tal-ewwel ipoteżi, jiġifieri dik li d-disinni ma ġew qatt irreġistrati bħala tali, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71, huwa biss disinn li ġie rreġistrat fi Stat Membru jew għal Stat Membru, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, li jista’ jibbenefika, fis-sens tagħha, mill-protezzjoni mogħtija mil-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur ta’ dan l-Istat.

33      Minn dan isegwi li d-disinni li, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 98/71 fis-sistema legali ta’ Stat Membru, kienu fid-dominju pubbliku minħabba n-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi artikolu.

34      Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur tax-xogħlijiet li jistgħu jikkostitwixxu disinni mhux irreġistrati tista’ tirriżulta minn direttivi oħra fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, u b’mod partikolari mid-Direttiva 2001/29, u dan sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li fihom din tapplika, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

35      Fir-rigward tat-tieni ipoteżi, jiġifieri dik li d-disinni kienu jaqgħu fid-dominju pubbliku minħabba l-fatt li l-protezzjoni li tirriżulta mir-reġistrazzjoni waqfet milli jkollha effett, għandu jitfakkar li, minkejja li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 tipprovdi li disinn li jkun ġie rreġistrat fi Stat Membru jew għal Stat Membru jibbenefika wkoll mill-protezzjoni mogħtija mil-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur ta’ dan l-Istat sa mid-data li fiha d-disinn inħoloq jew ġie stabbilit f’kull forma, it-tieni sentenza tal-istess artikolu tippermetti lill-Istati Membri jiddeterminaw il-portata u l-kundizzjonijiet għall-ksib ta’ din il-protezzjoni, inkluż il-grad ta’ oriġinalità meħtieġ.

36      Madankollu, din it-tieni sentenza ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni fir-rigward tal-għoti jew nuqqas ta’ għoti tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur għal disinn li jkun ġie rreġistrat fi Stat Membru jew għal Stat Membru, jekk dan id-disinn jissodisfa l-imsemmija kundizzjonijiet għall-ksib tagħħha.

37      Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari mill-użu tat-terminu “wkoll” li jidher fl-ewwel sentenza ta’ dan l-artikolu, jirriżulta ċar li l-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur għandha tingħata lil kull disinn li jkun ġie rreġistrat fl-Istat Membru jew għall-Istat Membru kkonċernat.

38      Barra minn hekk, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti din il-protezzjoni tirriżulta wkoll mill-premessa 8 tad-Direttiva 98/71 li tistipula, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet dwar id-drittijiet tal-awtur, il-prinċipju tal-akkumulazzjoni tal-protezzjoni speċifika tad-disinni u tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur.

39      Barra minn hekk, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jiddeterminaw il-portata u l-kundizzjonijiet għall-ksib tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur lanqas ma tista’ tikkonċerna t-tul ta’ żmien ta’ din il-protezzjoni, billi dan diġà ġie armonizzat fil-livell tal-Unjoni permezz tad-Direttiva 93/98.

40      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/98 jipprevedi l-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħol letterarju jew artistiku, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi, għal tul il-ħajja kollha tal-awtur ta’ dan ix-xogħol u għal 70 sena wara mewtu. L-Artikolu 10(2) tal-istess direttiva jipprovdi li dan it-tul ta’ żmien japplika għax-xogħlijiet u għall-oġġetti kollha li, fl-1 ta’ Lulju 1995, kienu protetti tal-inqas fi Stat Membru wieħed permezz tad-drittijiet tal-awtur.

41      Minn dan isegwi li, skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71, id-disinni li kienu ġew irreġistrati fi Stat Membru jew għal Stat Membru u li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-ksib tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur previsti mill-Istati Membri, partikolarment dik li tirrigwarda l-grad ta’ oriġinalità, u li għalihom il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/98, moqri flimkien mal-Artikolu 10(2) tagħha, ma kienx għadu ntemm, kellhom jibbenefikaw mill-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ dan l-Istat Membru.

42      F’dan ir-rigward, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punti 18 sa 20 tas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1999, Butterfly Music (C-60/98, Ġabra p. I-3939), mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 93/98 jirriżulta ċar li l-applikazzjoni tal-perijodi ta’ protezzjoni previsti minnha jista’ jkollha l-konsegwenza, fl-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni kienet tipprevedi perijodu ta’ protezzjoni iqsar, li tipproteġi mill-ġdid xogħlijiet jew oġġetti li jaqgħu fid-dominju pubbliku. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din il-konsegwenza tirriżulta mir-rieda espressa tal-leġiżlatur tal-Unjoni u li din is-soluzzjoni saret bl-iskop li tilħaq kemm jista’ jkun malajr l-għan ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jirregolaw il-perijodi ta’ protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, stipulat, b’mod partikolari, fil-premessa 2 tal-istess direttiva, u sabiex jiġi evitat li ċerti drittijiet jiskadu f’ċerti Stati Membri filwaqt li jkunu protetti f’oħrajn.

43      Għandu jiġi kkunsidrat li dan ir-raġunament għandu japplika wkoll fir-rigward tal-ħolqien mill-ġdid tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur tad-disinni preċedentement protetti minn dritt ieħor ta’ proprjetà intellettwali. Fil-fatt, fid-dawl tal-premessi 2 u 3 tad-Direttiva 98/71, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponiha ma tistax teskludi, bla ħsara għall-applikazzjoni uniformi ta’ din id-direttiva fit-territorju kollu tal-Unjoni u għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-prodotti li jinkludu d-disinni, il-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur tad-disinni, li, minkejja li kienu jappartjenu għad-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, għandhom, f’din id-data, il-kundizzjonijiet meħtieġa kollha sabiex jibbenefikaw minn din il-protezzjoni.

44      Konsegwentement, għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi mill-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ dan l-Istat Membru d-disinni li jkunu ġew irreġistrati fi Stat Membru jew għal Stat Membru u li kienu jaqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, minkejja li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jibbenefikaw minn din il-protezzjoni.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

45      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi għal perijodu sostanzjali, jiġifieri matul għaxar snin, jew totalment, il-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur tad-disinni li, minkejja li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa kollha sabiex jibbenefikaw minn din il-protezzjoni, kienu jaqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, fir-rigward ta’ terzi li mmanifatturaw u kkummerċjalizzaw fit-territorju nazzjonali prodotti magħmula skont l-imsemmija disinni.

46      Dwar il-ħolqien mill-ġdid tal-protezzjoni permezz ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, jiġifieri d-drittijiet tal-awtur, tad-disinni li kienu jinsabu fid-dominju pubbliku, Flos, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, kif ukoll Semeraro, fis-seduta, isostnu li din il-protezzjoni tista’ twassal għal kunflitt bejn, minn naħa, l-interessi leġittimi tal-proprjetarji kif ukoll tas-suċċessuri tad-drittijiet tal-awtur u, min-naħa l-oħra, l-interessi ta’ terzi li jaġixxu in bona fide, li jkunu nqdew min-natura libera ta’ dawn id-disinni sabiex jimmanifatturaw jew jikkummerċjalizzaw prodotti magħmula skont dawn tal-aħħar.

47      Ċertament, leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 98/71, bħalma huwa d-Digriet Leġiżlattiv Nru 164/2001, li daħħal l-Artikolu 25a fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 95/2001, u l-Artikolu 239 tal-KPI, li stabbilixxa perijodu ta’ għaxar snin li fih ġiet reża inapplikabbli l-protezzjoni tad-disinni kkonċernati fir-rigward ta’ kategorija ta’ terzi li għamlu prodotti skont dawn id-disinni qabel id-19 ta’ April 2001, tista’ toħloq, fir-rigward ta’ terzi produtturi ta’ dawn il-prodotti, aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-fatt li dawn jistgħu jkomplu b’dan l-użu.

48      Madankollu, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni, id-Direttiva 98/71, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 93/98, ma tinkludi ebda dispożizzjoni espliċita dwar l-applikabbiltà tagħha ratione temporis għall-finijiet tal-protezzjoni tad-drittijiet miksuba u l-aspettattivi leġittimi ta’ terzi.

49      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 98/71, li jirrigwarda l-kontinwazzjoni tal-atti ta’ użu tad-disinni minn kull persuna li tkun bdiet twettaq dawn l-atti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva, ittratta biss id-drittijiet mogħtija permezz tar-reġistrazzjoni tad-disinn, kif jirriżulta mill-istess kliem ta’ din id-dispożizzjoni, u ma jistax, għalhekk, jiġi applikat għall-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur.

50      Madankollu, in-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tipprevedi b’mod espliċitu l-protezzjoni, b’mod favorevoli għal terzi, tad-drittijiet miksuba u tal-aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-ħolqien mill-ġdid tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur previst fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 ma jistax jeskludi l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet miksuba u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li jifformaw parti mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni.

51      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju li l-liġijiet li jemendaw dispożizzjoni leġiżlattiva għandhom japplikaw, ħlief f’każ ta’ deroga, għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet maħluqa fil-kuntest tal-liġi antika (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ April 1970, Brock, 68/69, Ġabra p. 171, punt 6; tal-10 ta’ Lulju 1986, Licata vs CES, 270/84, Ġabra p. 2305, punt 31, kif ukoll Butterfly Music, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24), l-atti li jkunu saru qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni ġdida jibqgħu jiġu rregolati mil-liġi l-antika. Għalhekk, il-ħolqien mill-ġdid tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ma għandhiex effett fuq l-atti ta’ użu li jkunu definittivament saru minn terz qabel id-data li fiha tali drittijiet ikunu saru applikabbli.

52      Min-naħa l-oħra, skont dan il-prinċipju, l-applikazzjoni ta’ din il-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet mhux iffissati definittivament tfisser li din għandha effett fuq id-drittijiet ta’ terz biex jissokta bl-użu ta’ oġġett kopert mill-ġdid permezz tal-protezzjoni ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Butterfly Music, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

53      Għandu wkoll jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi ma jistax jiġi estiż b’mod li jimpedixxi, b’mod ġenerali, leġiżlazzjoni ġdida milli tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet maħluqa fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni preċedenti (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 278/84, Ġabra p. 1, punt 36; tal-20 ta’ Settembru 1988, Spanja vs Il-Kunsill, 203/86, Ġabra p. 4563, punt 19; tat-22 ta’ Frar 1990, Busseni, C-221/88, Ġabra p. I‑495, punt 35, u Butterfly Music, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

54      Fil-każ ineżami, l-Istat Membru kkonċernat adotta żewġ tipi ta’ miżuri leġiżlattivi intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet miksuba u l-aspettattivi leġittimi ta’ ċerta kategorija ta’ terzi.

55      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-miżura leġiżlattiva li tipprevedi perijodu tranżitorju għal kategorija determinata ta’ terzi għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tagħhom, mill-prinċipji tar-rispett tad-drittijiet miksuba u mill-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jirriżulta li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 ma jipprekludix dispożizzjoni bħal din, sakemm din ma għandhiex l-effett li tiddifferixxi għal perijodu sostanzjali l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ġdida ta’ protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur tad-disinni b’mod li timpedixxiha milli tkun applikabbli fid-data prevista minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Butterfly Music, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23 u 28).

56      F’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tat-tul ta’ dan il-perijodu tranżitorju kif ukoll tal-kategorija ta’ terzi previsti mill-imsemmija miżura leġiżlattiva għandha ssir fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

57      Għalhekk, il-miżura leġiżlattiva adottata mill-Istat Membru kkonċernat għandha tkun xierqa sabiex tilħaq l-iskop tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u neċessarja għal dan il-għan, jiġifieri li tiggarantixxi l-osservanza tal-bilanċ bejn, minn naħa, id-drittijiet miksuba u l-aspettattivi leġittimi ta’ terzi previsti kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiżgura dan il-bilanċ.

58      B’dan il-mod, l-imsemmija miżura tista’ biss tiġi kkunsidrata li hija xierqa kemm-il darba din tipprevedi kategorija ta’ terzi li jistgħu jinvokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jiġifieri persuni li jkunu diġà wettqu atti ta’ użu ta’ disinni li kienu jappartjenu għad-dominju pubbliku fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi fid-dritt intern tal-Istat Membru kkonċernat l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71

59      Barra minn hekk, tali miżura leġiżlattiva għandha tillimita ruħha għall-perijodu tal-użu tal-imsemmija disinni minn dawn it-terzi li huwa neċessarju għal dawn tal-aħħar minħabba waqfien gradwali tal-attività inkwantu din hija bbażata fuq l-użu preċedenti ta’ dawn id-disinni jew minħabba tnaqqis tal-istokk.

60      Il-miżura ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat il-bilanċ ta’ dawn id-drittijiet jekk din ma tiddifferixxix il-benefiċċju tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur għal perijodu sostanzjali.

61      Fil-każ ineżami, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kategorija ta’ terzi li fir-rigward tagħhom huwa previst nuqqas ta’ infurzabbiltà temporanju tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur, id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95/2001 u tal-Artikolu 239 tal-KPI jistgħu jiġu kkunsidrati bħala xierqa peress li dawn jipprevedu biss il-persuni li jkunu kisbu d-drittijiet tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 98/71.

62      Min-naħa l-oħra, ma jidhirx li nuqqas ta’ infurzabbiltà għal perijodu tranżitorju ta’ għaxar snin huwa ġġustifikat min-neċessità li jiġu żgurati l-interessi ekonomiċi ta’ terzi li jaġixxu in bona fide, peress li jidher li perijodu iqsar huwa wkoll tali li jippermetti waqfien gradwali tal-attività fil-limiti tal-użu preċedenti u, a fortiori, it-tnaqqis tal-istokk.

63      Barra minn hekk, ma jidhirx li perijodu ta’ għaxar snin tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju, peress li, bit-tnaqqis ta’ għaxar snin mill-perijodu ta’ protezzjoni ta’ xogħol, jiġifieri, bħala prinċipju, 70 sena wara l-mewt tal-awtur, l-applikazzjoni tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur hija ddifferita għal perijodu sostanzjali.

64      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikolu 4(4) tad-Digriet Liġi Nru 10, tal-15 ta’ Frar 2007, li ħassar il-perijodu moratorju u stabbilixxa n-nuqqas ta’ infurzabbiltà mingħajr limitu tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur għall-prodotti magħmula qabel id-19 ta’ April 2001, jirriżulta mill-premess li tali miżura tirrendi l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 mingħajr is-sustanza tiegħu, inkwantu din għandha l-konsegwenza li timpedixxi, b’mod ġenerali, l-applikazzjoni tal-protezzjoni l-ġdida, jiġifieri dik marbuta mad-drittijiet tal-awtur. Din il-miżura lanqas ma hija intiża sabiex tillimita l-kategorija ta’ terzi li jistgħu jinvokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Għall-kuntrarju, din testendi l-applikazzjoni tan-nuqqas ta’ infurzabbiltà tad-drittijiet tal-awtur inkwantu, skont din id-dispożizzjoni, ma huwiex neċessarju li terz ikun beda l-użu tal-imsemmija disinni qabel id-19 ta’ April 2001.

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi, għall-perijodu sostanzjali ta’ għaxar snin, jew totalment, mill-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur, id-disinni li, minkejja li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jibbenefikaw minn din il-protezzjoni, kienu jaqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, fil-konfront ta’ kull terz li mmanifattura jew ikkummerċjalizza fit-territorju nazzjonali prodotti skont dawn id-disinni, u dan indipendentement mid-data li fiha saru dawn l-atti.

 Fuq l-ispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ disinni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi mill-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ dan l-Istat Membru d-disinni li jkunu ġew irreġistrati fi Stat Membru jew għal Stat Membru u li kienu jaqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, minkejja li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jibbenefikaw minn din il-protezzjoni.

2)      L-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi, permezz ta’ perijodu sostanzjali ta’ għaxar snin jew totalment, mill-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur, id-disinni li, minkejja li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jibbenefikaw minn din il-protezzjoni, kienu jaqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, fil-konfront ta’ kull terz li mmanifattura jew ikkummerċjalizza fit-territorju nazzjonali prodotti skont dawn id-disinni, u dan indipendentement mid-data li fiha saru dawn l-atti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top