EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0369

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta' Ġunju 2007.
Hutchison 3G UK Ltd et. vs Commissioners of Customs and Excise.
Talba għal deċiżjoni preliminari: VAT and Duties Tribunal, London - ir-Renju Unit.
Sitt Direttiva tal-VAT - Tranżazzjonijiet taxxabbli - Kunċett ta' attività ekonomika - Artikolu 4(2) - Attribuzzjoni ta' liċenzji li jippermettu l-użu ta' parti definita ta’ l-ispettru ta' frekwenzi rriżervat għas-servizzi ta' telekomunikazzjoni.
Kawża C-369/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:382

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-kawża C‑369/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-VAT and Duties Tribunal, London (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-24 ta’ Awwissu 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Awwissu 2004, fil-proċedura

Hutchison 3G UK Ltd,

mmO 2 plc,

Orange 3G Ltd,

T-Mobile (UK) Ltd,

Vodafone Group Services Ltd

vs

Commissioners of Customs and Excise,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, P. Kūris, E. Juhász u J. Klučka, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann, J. Makarczyk (Relatur) u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistraturi: B. Fülöp u K. Sztranc-Sławiczek, Amministraturi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Frar 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għal Hutchison 3G UK Ltd, mmO 2 plc, Orange 3G Ltd, T-Mobile (UK) Ltd u Vodafone Group Services Ltd, minn K. P. E. Lasok, QC, kif ukoll minn J. Turnbull u P. Lomas, solicitors,

– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Bethell u R. Caudwell, bħala aġenti, assistiti minn P. Goldsmith, K. Parker u C. Vajda, QC, kif ukoll minn G. Peretz, barrister,

– għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent, assistit minn K. Hagel‑Sørensen, advokat,

– għall-Gvern Ġermaniż, minn W.‑D. Plessing u C. Schulze‑Bahr, bħala aġenti, assistiti minn K.‑T. Stopp, Rechtsanwalt,

– għall-Gvern Spanjol, minn J. M. Rodriguez Càrcamo, bħala aġent,

– għall-Irlanda, minn D. O’Hagan bħala aġent, assistit minn A. Aston, SC, u de G. Clohessy, BL,

– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,

– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Gross, R. Lyal u M. Shotter, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar ‘il quddiem is-“Sitt Direttiva”), b’mod partikolari l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva.

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Hutchison 3G UK Ltd, mm0 2 plc, Orange 3G Ltd, T-Mobile (UK) Ltd u Vodafone Group Services Ltd kontra l-Commissioners of Customs and Excise (Amministrazzjoni tal- kontribuzzjonijiet indiretti), responsabbli mill-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ‘il quddiem il-“VAT”), fir-Renju Unit, u intiża li tikseb id-dritt ta’ tnaqqis ta’ l-ammont ta’ VAT li dawn il-kumpanniji jallegaw li ħallsu fl-okkażjoni ta’ l-assenjazzjoni mis-Secretary of State for Trade and Industry (Segretarju ta’ l-Istat għall-kummerċ u l-industrija, iktar ‘il quddiem is-“Segretarju ta’ l-Istat”) fl-2000, ta’ liċenzji għat-telekomunikazzjonijiet mobbli tat-tielet ġenerazzjoni, magħrufa bħala “UMTS” (iktar ‘il quddiem il-“liċenzji in kwistjoni fil-kawża prinċipali”, permezz tat-tqegħid għall-irkant tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dispożizzjonijiet dwar il-VAT

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3. Skond l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, huma suġġetti għall-VAT il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

4. L-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva jipprovdi:

“1. Persuna taxxabbli tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

2. L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu, magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika.

[...]

5. Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew tranżazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijiet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew tranżazzjonijiet.

Iżda meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet, huma għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet [tranżazzjonijiet], billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni.

F’kull każ, dawn il-korpi għandhom jitqiesu bħala taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet imsemmija fil-lista li hemm fl-Anness D, iżda li l-attivitajiet ma jkunux tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu.

[…]”

5. L-Artikolu 17 ta’ l-imsemmija Direttiva jipprovdi:

“1. Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.

2. Sakemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:

a) taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew mħallsa fir-rig[w]ard ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra”.

6. Il-punt 1 ta’ l-Anness D tas-Sitt Direttiva jsemmi t-telekomunikazzjonijiet.

Il-leġiżlazzjoni Nazzjonali

7. Il-liġi ta’ l-1994 fuq il-VAT (Value Added Tax Act 1994) tipprovdi fl-Artikolu 4(1) tagħha:

“Għandha tiġi imposta l-VAT fuq kull provvista ta’ oġġetti jew servizzi li ssir fir-Renju Unit, meta tkun provvista taxxabbli li ssir minn persuna taxxabbli fil-kuntest ta’ negozju mwettaq minnu”.

Id-dispożizzjonijiet relattivi għall-assenjazzjoni tal-Liċenzja għall-użu fil-kawża prinċipali

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

8. Id-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-10 ta’ April 1997, dwar struttura komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali fil-kamp tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 117, p. 15), kienet fis-seħħ sal-25 ta’ Lulju 2003.

9. L-Artikolu 2(1)(d) ta’ din id-Direttiva jiddisponi:

“Għall-finijiet tad-Direttiva preżenti:

[...]

d) ‘rekwiżiti essenzjali’: tfisser ir-raġunijiet ta’ interess ġenerali u mhux ta’ natura ekonomika li jistgħu jġiegħlu lil Stat Membru li jimponi kundizzjonijiet fuq l-istabbiliment u/jew l-operat tan-netwerks ta’ telekomunikazzjoni jew fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni. Dawn ir-raġunijiet huma s-sigurtà tal-funzjonament tan-netwerk, iż-żamma ta’ l-integrità tiegħu u, fil-każ fejn huwa ġġustifikat, l-interoperabbiltà tas-servizzi, il-protezzjoni tad- data , ta’ l-ambjent u ta’ l-għanijiet urbanistiċi u ta’ ppjanar tat-territorju, kif ukoll, l-użu razzjonali ta’ l-ispettru tal-frekwenzi u l-prevenzjoni ta’ kull interferenza dannuża bejn is-sistemi ta’ telekomunikazzjoni bir-radju u ta’ sistemi tekniċi mill-ispazju jew mill-art […]”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

10. Skond it-tieni frażi ta’ l-Artikolu 3(3) ta’ l-imsemmija Direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jassenjaw liċenzja individwali biss fejn il-benefiċjarju jingħata aċċess għal riżorsi fiżiċi jew riżorsi oħra li jkunu skarsi jew li tkun suġġetta għal obbligi partikolari jew tgawdi minn drittijiet partikolari, skond id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima III”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

11. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 97/13 jippreċiża l-kundizzjonijiet imposti fuq l-awtorizzazzjonijiet ġenerali kif ġej:

“Meta l-Istati Membri jissuġġettaw il-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni għal awtorizzazzjoni ġenerali, il-kundizzjonijiet li, f’każijiet ġustifikati, jistgħu jiġu imposti fuq dawn l-awtorizzazzjonijiet li jidhru fil-punti 2 u 3 ta’ l-Anness. Dawn l-awtorizzazzjonijiet ġenerali għandhom iwasslu għal applikazzjoni tas-sistema l-inqas restrittiva possibbli li hija kompatibbli ma’ l-osservanza tar-rekwiżiti essenzjali u r-rekwiżiti l-oħra ta’ interess pubbliku li huma applikabbli, elenkati fil-punti 2 u 3 ta’ l-Anness”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

12. It-Taqsima III ta’ din id-Direttiva, li tinkludi l-Artikoli 7 sa 11, tirregola l-liċenzji individwali, fejn is-sitwazzjoni tiġġustifika l-assenjazzjoni ta’ tali liċenzji. L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) ta’ l-imsemmija Direttiva jipprovdi li “il-kundizzjonijiet li minbarra dawk stabbiliti għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali jistgħu, f’każijiet ġustifikati, jiġu imposti fuq l-assenjazzjoni tal-liċenzji individwali, jidhru fil-punti 2 u 3 ta’ l-Anness”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali] Skond il-punti 2.1 u 4.2 ta’ l-imsemmi Anness, dawn il-kundizzjonijiet huma b’mod partikolari intiżi sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti essenzjali rilevanti kif ukoll tal-kundizzjonijiet partikolari marbuta ma’ l-użu u l-ġestjoni effikaċi tal-frekwenzi.

13. Bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 97/13, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw in-numru ta’ liċenzji individwali neċessarji sabiex jassiguraw l-użu effikaċji ta’ l-ispettru tal-frekwenzi. Skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 10(2), għandhom, f’dan ir-rigward, jieħdu debitament in kunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġu massimizzati l-benefiċċji għal utenti, u li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-kompetizzjoni. It-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 10(3) jimponi li l-Istati Membri jagħtu dawn il-liċenzji individwali fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji, trasparenti, proporzjonati u dettaljati.

14. Jirriżulta mill-Artikolu 11(1) ta’ l-imsemmija Direttiva li l-assenjazzjoni ta’ liċenzji tista’ tagħti lok għal impożizzjoni ta’ tariffi li għandha “biss bħala għan li tkopri l-ispejjeż amministrattivi relattivi għall-kunsinna, għall-ġestjoni, għall-kontroll u l-applikazzjoni tal-liċenzji individwali applikabbli”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali] Barra minn hekk l-Artikolu 11(2) jipprovdi:

“Bla ħsara għall-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu, fejn se jiġu użati riżorsi skarsi, jippermettu l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom jimponu tariffi li jirriflettu l-bżonn li jiġi żgurat l-aħjar użu ta’ dawn ir-riżorsi. Dawn it-tariffi għandhom ikunu non diskriminatorji u jagħtu qies partikolari tal-bżonn li jiġi inkoraġġat l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u tal-kompetizzjoni”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

15. Id-Direttiva 97/13 ġiet abrogata u ssostitwita b’effett mill-25 ta’ Lulju bid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (id-“Direttiva Qafas”) (ĠU L 108, p. 33).

16. L-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva jipprovdi:

“[...]

3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-possibbiltà, għall-impriżi, li jittrasferixxu l-liċenzja għall-użu tal-frekwenzi tar-radju lil impriżi oħra.

4. L-Istati Membri għandhom jasiguraw li l-ħsieb ta’ impriża li tittrasferixxi l-liċenzji għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju jiġi nnotifikat lill-awtorità nazzjonali regolatorja responsabbli għall-assenjazzjoni ta’ l-ispettru u li dak it-trasferiment iseħħ skond il-proċeduri stipulati mill-awtorità nazzjonali regolatorja u li jsir pubbliku. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jassiguraw li l-kompetizzjoni ma titgħawwiġx bħala riżultat ta’ xi transazzjoni bħal din. Fejn l-użu ta’ frekwenzi tar-radju jkun ġie armonizzat permezz ta’ l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE [tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-ispettri tar-radju) (ĠU L 108, p. 1)] jew ta’ miżuri oħra tal-Komunità, kull trasferiment bħal dak m’għandux jirriżulta f’xi bidla fl-użu ta’ dik il-frekwenza tar-radju”.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

17. Skond l-Artikolu 1(1) tal-liġi ta’ l-1949 fuq it-Telegrafija Mingħajr Fili (Wireless Telegraphy Act 1949, iktar ‘il quddiem il-“WTA 1949”), “l-ebda persuna m’għandha tistabbilixxi jew tuża stazzjon għat-telegrafija mingħajr fili jew tinstalla jew tuża xi apparat għat-telegrafija mingħajr fili mingħajr ma tinkiseb liċenzja f’dan ir-rigward assenjata abbażi ta’dan l-Artikolu mis-Segretarju ta’ l-Istat”. Il-WTA 1949 tistipula multi li għandhom jiġu imposti taħt il-liġi kriminali għal ksur ta’ din il-projbizzjoni.

18. L-Artikolu 2(1) tal-Liġi ta’ l-1998 fuq it-Telegrafija Mingħajr Fili (Wireless Telegraphy Act 1998, iktar ‘il quddiem il-“WTA 1998”), stabilixxa l-linji gwida għall-assenjazzjoni ta’ liċenzji u, b’mod partikolari, ippermetta lis-Segretarju ta’ l-Istat li jirċievi somom li kien jeċċedu t-tariffi amministrattivi. Il-fatturi li ġejjin ġew ikkunsidrati meta ġew stabbiliti tali somom:

– l-użu effiċjenti u l-immaniġġjar ta’ l-ispettru elettromanjetiku;

– il-benefiċċji ekonomiċi li joħorġu mill-użu tat-telegrafija mingħajr fili;

– l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi; u

– il-kompetizzjoni fil-provvista ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet.

19. L-Artikolu 3(1) tal-WTA 1998 jipprovdi:

“Fir-rigward ta’ l-interess li jiġi promoss l-użu massimu ta’ l-ispettru elettromanjetiku, is-Segretarju ta’ l-Istat jista’, permezz ta’ regolamenti jipprovdi li, fil-każijiet previsti fl-imsemmija Regolamenti jew fil-każ li huwa jiddetermina skond l-imsemmija Regolament, it-talbiet għall-assenjazzjoni ta’ liċenzji ta’ telegrafija mingħajr fili, għandhom jiġu ppreżentati skond proċedura li:

a) hija stabbilita f’komunikazzjoni ppubblikata minnu skond l-imsemmija leġiżlazzjoni u

b) timplika d-depożitu mill-applikant lis-Segretarju ta’ l-Istat ta’ offerta li tispeċifika l-ammont li huwa dispost li jħallas għal-liċenzja”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20. Fir-rebbiegħa tas-sena 2000, is-Segretarju ta’ l-Istat assenja, permezz ta’ rkant pubbliku, il-liċenzji in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

21. L-impriżi li ngħataw il-liċenzji huma dawk li offrew l-ogħla somma ta’ flus għal-lottijiet ta’ frekwenzi proposti, fejn wieħed minn dan il-lottijiet kien irriżervat għal kompetitur ġdid fis-suq. Wara l-irkant, it-totalità ta’ l-aġġudikanti ħallsu ammont totali ta’ GBP 22 477 400 000.

22. L-irkant inżamm f’isem is-Segretarju ta’ l-Istat mir-Radiocommunications Agency (Aġenzija għall-komunikazzjonijiet tar-radju), li hija aġenzija eżekuttiva tas-Segretarjat ta’ l-Istat għall-kummerċ u l-industrija. Ma sar l-ebda riferiment għall-VAT waqt il-proċedura ta’ assenjazzjoni.

23. Il-liċenzji assenjati b’dan il-mod jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2021, ħlief fil-każ ta’ revoka qabel dan iż-żmien mis-Segretarju ta’ l-Istat jew ir-rinunzja tal-proprjetarju.

24. Billi qiesu li dawn l-assenjazzjonijiet huma suġġetti għall-VAT u li din kienet inkluża fl-ammonti mħallsa, il-kumpanniji rebbieħa talbu l-irkupru tas-somom li huma allegaw li ħallsu bħala VAT skond il-liġi nazzjonali li ttrasponiet l-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva. Peress li t-talbiet tagħhom ġew miċħuda għar-raġuni li l-assenjazzjoni tal-liċenzji in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx suġġetta għall-VAT, huma ressqu kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

25. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-VAT and Duties Tribunal, London, iddeċida li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1) Fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-dikjarazzjoni stabbilita tal-fatti bejn il-partijiet, il-kliem ‘attività ekonomika’, għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jinkludu l-ħruġ ta’ liċenzji mis-Segretarju ta’ l-Istat permezz ta’ rkant tal-liċenzji għall-użu ta’ apparat tat-telekomunikazzjonijiet [mobbli tat-tielet ġenerazzjoni] f’partijiet definiti ta’ l-ispettru elettromanjetiku (iktar ‘il quddiem l-’attività [ikkonċernata]’), u liema kunsiderazzjonijiet huma rilevanti għal din id-domanda?

2) Fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-dikjarazzjoni tal-fatti kkonstatati bejn il-partijiet, liema kunsiderazzjonijiet huma rilevanti għad-domanda dwar jekk is-Segretarju ta’ l-Istat, meta eżerċità l-attività, kienx qed jaġixxi bħala ‘awtorità pubblika’ fis-sens ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva?

3) Fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-dikjarazzjoni tal-fatti kkonstatati bejn il-partijiet, tista’ l-attività tkun (i) f’parti attività ekonomika u/jew (ii) f’parti mwettqa minn korp irregolat mid-dritt pubbliku li qed jaġixxi bħala awtorità pubblika u li, konsegwentement, l-attività tkun f’parti biss suġġetta għall-VAT taħt is-Sitt Direttiva u f’parti le?

4) Kemm probabbli u kemm viċin fiż-żmien għat-twettiq ta’ l-Attività għandha tkun ‘distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni’ fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva sabiex il-persuna li tkun qed twettaq dik l-attività tkun meħtieġa b’dak is-subparagrafu li titqies li hija persuna taxxabbli fir-rigward ta’ dik l-attività? Sa liema punt, jekk ikun il-każ, il-prinċipju tan-newtralità fiskali jinċidi fuq din il-kwistjoni?

5) Il-kelma ‘telekomunikazzjonijiet’ fl-Anness D għas-Sitt Direttiva (li hemm riferiment għaliha fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva) tinkludi l-ħruġ tal-Liċenzji mis-Segretarju ta’ l-Istat permezz ta’ rkant ta’ drittijiet ta’ użu ta’ apparat tat-telekomunikazzjonijiet f’partijiet definiti ta’ l-ispettru elettromanjetiku, fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-dikjarazzjoni tal-fatti kkonstatati bejn il-partijiet?

6) Fejn (i) Stat Membru jagħżel li jimplementa l-Artikolu 4(1) u (5) tas-Sitt Direttiva permezz ta’ leġiżlazzjoni li tikkonferixxi fuq dipartiment tal-Gvern (bħal, f’dan il-każ, it-Teżor tar-Renju Unit) poter statutorju li jagħmel direttivi li jispeċifikaw liema oġġetti jew servizzi pprovduti minn dipartimenti tal-Gvern għandhom jitqiesu li huma provvisti taxxabbli u (ii) dak id-dipartiment tal-Gvern jagħmel, jew għandu l-ħsieb li jagħmel, abbażi ta’ dak il-poter statutorju, direttivi li jispeċifikaw li ċerti provvisti huma taxxabbli: il-prinċipju stabbilit fis-sentenza tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C-106/89, Ġabra p. I 4135) huwa rilevanti għall-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u ta’ dawk id-Direttivi (u, jekk hu hekk, kif)?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26. Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, jekk attività bħalma hija l-assenjazzjoni permezz ta’ rkant mill-Istat Membru tal-liċenzji in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix “attività ekonomika” fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva.

27. Skond l-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva persuna taxxabbli tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2 ta’ l-istess Artikolu, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività. Dan il-kunċett ta’ “attivitajiet ekonomiċi” huwa ddefinit fl-imsemmi paragrafu 2 bħala li jinkludi l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizz, u b’mod partikolari, it-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa.

28. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, jekk l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva jagħti kamp ta’ applikazzjoni iktar wiesgħa lil VAT, huma biss previsti minn din id-dispożizzjoni l-attivitajiet li għandhom natura ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, Régie dauphinoise, C 306/94, Ġabra p. I-3695, punt 15; tad-29 ta’ April 2004, EDM, C 77/01, Ġabra p. I-4295, punt 47, u tas-26 ta’ Mejju 2005, Kretztechnik, C 465/03, Ġabra p. I-4357, punt 18).

29. Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza kostanti li l-analiżi tad-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ persuna taxxabbli u ta’ attivitajiet ekonomiċi turi b’mod ċar kemm hu wiesa’ l-kamp ta’ applikazzjoni kopert mill-kunċett ta’ attivitajiet ekonomiċi u n-natura oġġettiva tiegħu, fis-sens li l-attività hija kkunsidrata fiha nfisha, indipendentement mill-għanijiet jew mir-riżultati tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, University of Huddersfield, C 223/03, Ġabra p. I-1751, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30. Jirriżulta mid-deċiżjoni għar-rinviju li, fil-kawża prinċipali, l-attività mwettqa mis-Segretarju ta’ l-Istat tikkonsisti fl-assenjazzjoni permezz ta’ tqegħid għall-irkant, ta’ liċenzja għall-użu fir-rigward ta’ ċerti frekwenzi ta’ l-ispettru elettromanjetiku lil operaturi ekonomiċi għal perijodu determinat. Fiż-żmien tal-proċedura ta’ l-assenjazzjoni, dawn l-operaturi ngħataw il-liċenzja li jużaw dawn il-liċenzji b’hekk miksuba sabiex jinstallaw tagħmir ta’ telekomunikazzjoni operanti f’setturi determinati ta’ l-imsemmi spettru elettromanjetiku.

31. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk l-assenjazzjoni ta’ tali liċenzja għandhiex tinftiehem, fin-natura tagħha, li hija “sfruttament ta’ proprjetà” fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva.

32. Fuq kollox, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest ta’ tali dispożizzjoni, il-kunċett ta’ “sfruttament” jirreferi, skond ir-rekwiżiti tal-prinċipju tan-newtralità tas-sistema komuni tal-VAT, għal kull tranżazzjoni, tkun xi tkun il-forma legali tagħha, li hija intiża li jkun hemm dħul minnha fuq bażi kontinwa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-4 ta’ Diċembru 1990, Van Tiem, C 186/89, Ġabra p. I-4363, punt 18; EDM, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 48, u tal-21 ta’ Ottubru 2004, BBL, C 8/03, Ġabra p. I-10157, punt 36).

33. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfassizzat li l-attività in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonsisti fl-assenjazzjoni ta’ liċenzji li jippermettu lill-operaturi ekonomiċi li jibbenifikaw minnhom li jimxu għall-isfruttament tal-liċenzji għall-użu li jirriżulta fl-offerta lill-pubbliku tas-servizzi tagħhom fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet mobbli bi ħlas.

34. Issa, tali attività tikkostitwixxi l-mezz ta’ implementazzjoni tal-kundizzjonijiet mitluba mid-dritt Komunitarju, intiżi, b’mod partikolari, li jassiguraw l-użu razzjonali ta’ l-ispettru tal-frekwenzi u l-prevenzjoni ta’ kull interferenza dannuża bejn is-sistemi ta’ telekomunikazzjoni bir-radju u ta’ sistemi tekniċi oħra mill-ispazju jew mill-art, kif ukoll ġestjoni effikaċji tal-frekwenzi, kif jirriżulta minn qari flimkien ta’ l-Artikoli 2(1)(d), 4(1) u 8(1) tad-Direttiva 97/13.

35. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-assenjazzjoni ta’ tali liċenzji jaqgħu, skond id-Direttiva 97/13 u t-TKG, taħt il-kompetenza esklużiva ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

36. B’hekk, attività bħal dik fil-kawża prinċipali hija kundizzjoni neċessarja u preliminari għall-aċċess ta’ l-operaturi ekonomiċi, bħalma huma r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għas-suq tat-telekomunikazzjonijiet mobbli. Hija m’għandhiex tikkostitwixxi parteċipazzjoni ta’ l-awtorità kompetenti fl-imsemmi suq. Fil-fatt, huma biss dawn l-operaturi, proprjetarji tal-liċenzji assenjati, li joperaw fis-suq in kwistjoni billi jisfruttaw il-proprjetà in kwistjoni bl-iskop ta’ dħul minnha ta’ natura kontinwa.

37. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżerċizzju ta’ attività bħal dik fil-kawża prinċipali, hija limitata, fin-natura tagħha, għall-operaturi ekonomiċi. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li mhuwiex rilevanti li l-imsemmija operaturi għandhom issa l-fakultà li jittrasferixxu l-liċenzji għall-użu tal-frekwenzi tagħhom. Fil-fatt, tali trasferiment, barra li jibqa’ taħt il-kontroll ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali responsabbli għall-assenjazzjoni tal-frekwenzi skond l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2002/21, ma jidhirx relatat ma’ l-assenjazzjoni ta’ liċenzja mill-awtoritajiet pubbliċi.

38. Għaldaqstant, fl-assenjazzjoni tagħha ta’ tali awtorizzazzjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti ma tipparteċipax fl-isfruttament ta’ proprjetà, li hija l-liċenzja għall-użu ta’ l-ispettru ta’ frekwenzi bl-iskop ta’ dħul minnu ta’ natura kontinwa. Permezz ta’ din il-proċedura ta’ assenjazzjoni, din l-awtorità teżerċita biss attività ta’ kontroll u regolatorja ta’ l-użu ta’ l-ispettru elettromanjetiku li huwa espressament mogħti lilha.

39. Barra minn hekk, il-fatt li l-assenjazzjoni tal-liċenzja għall-użu fil-kawża prinċipali tagħti lok għal ħlas mhuwiex tali li jbiddel in-natura ġuridika ta’ din l-attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli, C 343/95, Ġabra p. I-1547, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40. Għaldaqstant, din l-assenjazzjoni ma tikkostitwixxix “attività ekonomika” fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva.

41. Din il-konklużjoni ma tiddaħħalx in kwistjoni mill-argument li jgħid li fid-dawl ta’ l-Artikolu 4(5) ta’ din Direttiva, mhuwiex eskluż li attività regolatorja mwettqa minn korp irregolat mid-dritt pubbliku tikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) ta’ din l-istess Direttiva, b’mod li dan il-korp ikollu jitqies li huwa taxxabbli għal din l-attività.

42. Fil-fatt, anki jekk jiġi kkunsidrat li tali attività regolatorja tista’ tiġi kkwalifikata bħala attività ekonomika, jibqa’ l-fatt li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva jimplika l-konstatazzjoni minn qabel tan-natura ekonomika ta’ l-attività in kwistjoni. Issa, jidher mir-risposta mogħtija fil-punt 46 tal-kawża preżenti li dan mhuwiex il-każ.

43. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ġew qabel, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assenjazzjoni, mill-awtorità regolatorja nazzjonali, responsabbli għall-assenjazzjoni ta’ frekwenzi, ta’ liċenzji għall-użu fil-kawża prinċipali permezz ta’ tqegħid għall-irkant, ma tikkostitwix attività ekonomika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, konsegwentement, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

Fuq id-domandi l-oħra

44. Fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel domanda, mhemmx lok li tingħata risposta għad-domandi l-oħra tal-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

45. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 4(2), tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assenjazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali, responsabbli għall-assenjazzjoni tal-frekwenzi, ta’ liċenzji għall-użu tal-frekwenzi ta’ l-ispettru elettromanjetiku bil-għan ta’ provvista lill-pubbliku tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli, permezz ta’ tqegħid għall-irkant, ma tikkostitwixxix attività ekonomika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, konsegwentement, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

Top