EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007SC1321

Dokument ta’ ħidma mill-persunal tal-Kummissjoni - Dokument ta’ akkumpanjament għall- Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Pjan ta’ Azzjoni għal-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija - Rapport fil-qosor tal-valutazzjoni ta' l-impatt {KUMM(2007) 607 finali} {SEG(2007) 1320}

/* SEK/2007/1321 finali */

52007SC1321

Dokument ta’ ħidma mill-persunal tal-Kummissjoni - Dokument ta’ akkumpanjament għall- Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Pjan ta’ Azzjoni għal-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija - Rapport fil-qosor tal-valutazzjoni ta' l-impatt {KUMM(2007) 607 finali} {SEG(2007) 1320} /* SEK/2007/1321 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell 18.10.2007

SEG(2007) 1321

DOKUMENT TA’ ĦIDMA MILL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

Dokument ta’ akkumpanjament għall- KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Pjan ta’ Azzjoni għal-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija RAPPORT FIL-QOSOR TAL-VALUTAZZJONI TA' L-IMPATT {KUMM(2007) 607 finali}{SEG(2007) 1320}

DOKUMENT TA’ ĦIDMA MILL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

Rapport fil-qosor tal-Valutazzjoni ta' l-Impatt dwar Pjan ta' Azzjoni għal-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija

Id-DĠ inkarigat Direttorat-Ġenerali għall-Enerġija u t-Trasport

Daħla

Qegħdin jingħaqdu bosta fatturi biex issir pressjoni fuq l-ispejjeż marbutin mat-trasport tas-servizzi tal-loġistika fl-Ewropa u jheddu s-sostennibilità tal-prassi ta' l-industriji tal-loġistika u tat-trasport tal-merkanzija.

Is-sehem dejjem jikber tal-loġistika fl-ekonomija tfisser li dawn ix-xejriet jistgħu jkollhom riperkussjonijiet mifruxa għall-kompettività ta' l-Ewropa.

Aspett ieħor ta' tħassib fl-evoluzzjoni tal-loġistika huwa l-impatt ambjentali tagħha u speċifikament il-kontribut tagħha għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Fi żmien meta l-prestazzjoni ambjentali ta' ħafna industriji qed titjieb, l-emissjonijiet CO2 relatati mat-trasport, li terz minnhom huwa dovut għat-trasport tal-merkanzija, qed jiżdiedu u jistgħu jheddu l-miri ta' l-UE dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra . Din ix-xejra ċarament ma hix sostenibbli u teħtieġ li tiġi kkontrollata.

Iż-żewġ xejriet, kemm dik ekonomika kif ukoll dik ambjentali, jirrikjedu l-mobilizzazzjoni ta' effiċjenzi fil-loġistika li għad ma ġewx sfruttati sabiex l-operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija jsiru aktar effettivi u b'ġudizzju. Din il-ħtieġa hija dejjem aktar pressanti meta jitqies ix-xenarju tat-tkabbir mistenni fit-trasport tal-merkanzija u l-evoluzzjoni fil-prezzijijiet tal-fjuwils fossili.

Kwistjonijiet proċedurali u l-konsultazzjoni ma' partijiet interessati

Wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tagħha f'Ġunju 2006 dwar il-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija, il-Kummissjoni ħeġġet lill-partijiet interessati biex jagħtu vuċi għall-opinjonijiet tagħhom dwar kif l-oqsma għal azzjoni li ġew identifikati fil-Komunikazzjoni għandhom jitmexxew 'il quddiem f'Pjan ta' Azzjoni għal-loġistika. Fost dawn l-isforzi kien hemm seminar għall-esperti f'Ottubru 2006, organizzat flimkien mal-Presidenza Finlandiża tal-Kunsill ta' l-UE, it-tnedija f'Diċembru 2006 ta' sejħa miftuħa għall-industriji u l-partijiet interessati oħrajn biex jidentifikaw u jirrapportaw l-ostakli għall-provvista effiċjenti tas-servizzi tal-loġistika, diversi avvenimenti dwar suġġetti speċifiċi ta' tħassib, bħall-Unità Ewropea għat-Tagħbija Intermodali (EILU) jew dwar l-applikazzjoni ta' teknoloġiji ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni għal-loġistika, stħarriġ ibbażat fuq kwestjonarju li ġie mniedi f'Marzu 2007 u fl-aħħar konferenza pubblika organizzata flimkien mal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill ta' l-UE fil-bidu ta' Mejju 2007.

Dawn il-konsultazzjonijiet ikkonfermaw li l-atturi fl-industrija jistmaw ferm ir-rikonoxximent mill-politika ta' l-importanza tal-loġistika. Hemm ukoll il-ħsieb reċiproku li l-effiċjenza kif ukoll is-sostenibbiltà ta' l-industrija tal-loġistika ma jistgħux jittieħdu bħala fatt. Fir-rigward tal-miżuri proposti, il-fehmiet tar-rispondenti kienu b'mod ġenerali pożittivi, għalkemm, b'xi diversità fl-opinjonijiet fost l-atturi. Għalhekk, l-industrija b'mod ġenerali tagħti importanza partikolari lir-rekwiżiti ta' l-infrastruttura tat-trasport, għat-tnaqqis fil-ispejjeż ta' konformità amministrattiva u għall-ħtieġa li s-sistema ferrovjarja tkun effiċjenti fit-trasport tal-merkanzija. Globalment, appoġġat ukoll il-miżuri li jiffaċilitaw it-teħid tat-teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni u li jappoġġjaw it-taħriġ fil-loġistika. Ipparagunat ma' dan, ma hemm l-ebda qbil ta' opinjoni dwar proposti biex jiddaħħlu skemi ta' rikonoxximent ta' kwalità u ta' sistemi multimodali ta' responsabbiltà jew biex jiġu kkunsidrati mill-ġdid il-limiti għad-dimensjonijiet tal-vetturi.

L-għanijiet tal-pjan ta' azzjoni għal-loġistika tal-merkanzija

L-għan kumplessiv tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Loġistika huwa l-mobilizzazzjoni ta' effiċjenzi fil-loġistika li għadhom mhux sfruttati sabiex l-operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija jsiru aktar effettivi u b'ġudizzju tajjeb. Din il-ħtieġa hija dejjem aktar pressanti meta jitqies ix-xenarju tat-tkabbir mistenni fit-trasport tal-merkanzija u l-evoluzzjoni fil-prezzijijiet tal-fjuwils fossili. Permezz ta' l-azzjonijiet proposti, il-Pjan ta' Azzjoni għal-Loġistika jsegwi l-prinċipju ta' komodalità, i.e. biex tijieb l-effiċjenza ta' kull mod ta' trasport u jingħelbu l-ostakli ta' interoperabilità bejn il-modi sabiex dan jgħin fil-mobilizzazzjoni tar-riżervi tal-kapaċità fis-sistemi tat-trasport ta' l-Ewropa u jidderiġuhom lejn it-triq tat-tkabbir sostenibbli.

B'mod aktar speċifiku, il-Pjan ta' Azzjoni għandu jgħin

- biex jinkiseb użu aħjar ta' l-infrastruttura tat-trasport, inkluż permezz tal-fatturi ta' ġestjoni tal-vetturi u ta' tagħbija, u ta' l-għażla ta' investimenti f'infrastruttura li jibbenefikaw il-merkanzija.

- biex titjieb il-ġestjoni transkonfinali tal-flussi tal-merkanzija u l-ħtiġijiet assoċjati ta' rapportaġġ amministrattiv,

- għall-integrazzjoni aħjar tal-modi ta' trasport u t-tnaqqis fl-ispejjeż tal-frizzjoni li jaffettwaw it-trasport intermodali,

- għal aktar enfasi fuq il-kriterju tal-kwalità fl-għażliet modali,

- u għal livelli aktar għlojin ta' kompetenza, mobilità u ta' attrazzjoni tal-professjonijiet tal-loġistika.

Għażliet għal azzjoniijiet

Minħabba l-isfidi li l-industrija tal-loġistika qed taffaċċja, ġiet ikkunsidrata alternattiva oħra milli tkompli bħalma qed tagħmel bħalissa (ix-xenarju ta' "kollox jibqa' għaddej bħas-soltu") li tirrikjedi taħlita ta' miżuri u firxa ta' strumenti. Dawn ġew ikklassifikati f'serje ta' għażliet sekondarji li jindirizzaw l-oqsma tal-Merkanzija-e u s-sistemi tat-trasport intelliġenti (ITS), il-kwalità sostenibbli, is-simplifikazzjoni, id-dimensjonijiet tal-vetturi u t-trasport urban. L-ambjenti urbani u l-kurituri tat-trasport b'densità għolja huma oqsma prijoritarji għall-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet. B'kollox, qrib it-30 miżura ġew identifikati li għandhom jiġu mwettqa mill-UE sabiex jiġu żgurati s-sostennibilità u l-effiċjenza sostnuta tal-loġistika tal-merkanzija fl-Ewropa.

Impatt mistenni

Il-Valutazzjoni ta' l-Impatt qieset il-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali mistennija tal-proposti u b'mod partikolari il-kontribut tagħhom għat-tnaqqis tal-problemi li ġew identifikati mill-bidu.

F'dak li jirrigwarda d-dimensjoni ekonomika, l-analisti applikaw il-kunċett ta' spejjeż totali tal-loġistika li jkejjel l-ispejjeż ta' kumpanija relatati mal-loġistika f'termini ta' fatturi relatati mat-trasport u billi inkorporaw ukoll l-ispejjeż fil-bidu tal-proċess, bħall-ordni tas-servizzi tat-trasport, u spejjeż sekondarji oħra relatati mal-ħtieġa għall-istabbiliment ta' sikurezza u ta' ħażniet ta' merkanzija. Din l-analiżi mikro-ekonomika ġiet ikkomplementata bi sforz għall-valutazzjoni tar-riperkussjonijiet li jseħħu fl-ekonomija fuq firxa aktar wiesgħa, f'termini ta' l-effetti fuq il-PGD.

L-effetti ambjentali ġew evalwati primarjament kontra l-impatt ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet serra li ċertament bħalissa jippreżentaw l-akbar sfida għat-trasport. Madankollu, b'mod partikolari fil-kuntesti urbani, l-emissjoni tas-sustanzi tat-tniġġis jagħti lok għat-tħassib.

Id-dimensjoni soċjali analizzata għandha x'taqsam l-ewwel u qabel kollox ma' dawk impjegati fil-loġistika u fis-setturi relatati ta' l-ekonomija. Għalhekk kwistjonijiet bħat-taħriġ u l-mobilità ingħataw attenzjoni primarja, għalkemm fil-Valutazzjoni ta' l-Impatt sar sforz ukoll biex jiġu kkunsidrati l-effetti possibbli tal-miżuri proposti fuq is-soċjetà in ġenerali, b'mod partikolari f'termini ta' l-effetti fuq il-kwalità tal-ħajja fil-kuntesti urbani.

Benefiċċji mikro-ekonomiċi

Billi jiġi stabbilit il-qafas għad-deskrizzjonijiet tas-servizz elettroniku għal-loġistika, għat-titjib fit-tbassir u l-monitoraġġ ta' ċaqliq ta' merkanzija u fatturi ta' tagħbija itqal kif ukoll l-użu aktar effiċjenti ta' vetturi li l-azzjonijiet taħt l-għażla sekondarja eMerkanzija/ITS mistennew li jnaqqsu l-ispejjeż relatati ma' l-ordni tas-servizzi ta' trasport, għall-inventarju u l-ħżin u l-ispejjeż tat-trasport infushom.

Il-miżuri mqiegħda flimkien taħt l-intestatura "Il-kwalità sostenibbli u l-effiċjenza" għandhom iħallu effett pożittiv fuq il-komponenti ta' l-ispiża tal-loġistika billi jtejbu t-taħriġ fil-loġistika, billi jippermettu lit-trasportaturi japplikaw il-kriterju tal-kwalità fl-għażla ta' l-operaturi tat-trasport u billi jgħinu fit-titjib tal-prestazzjoni u l-effiċjenza tal-pjattaformi tat-trasbord permezz tat-tqabbil tagħhom infushom ma' tali operaturi oħra.

Is-simplifikazzjoni tal-ktajjen tal-loġistika iġġib magħha l-iffrankar kbar fl-ispejjeż minħabba t-tnaqqis fil-piż amministrattiv u t-tnaqqis fl-ispejeż involuti minħabba inċertezza legali fir-rigward tar-responsabbiltà fil-ktajjen tat-trasport multimodali.

L-impatti tad-dimensjonijiet tal-vetturi jeħtieġ li jiġu analizzati fil-fond qabel ma jittieħdu konklużjonijiet dwar ir-riperkussjonijiet ekonomiċi tagħhom. Fir-rigward tad-definizzjoni ta' l-istandards għall-unitajiet intermodali tat-trasport tal-merkanzija, wieħed jista' jassumi li għandhom iġibu t-tagħbija, il-ħatt u t-trasbord tal-merkanzija irħas kif ukoll itejbu il-produttività tat-terminals. Minbarra dan, għandhom inaqqsu l-ispejjeż tat-trasport billi jtejbu sostanzjalment il-fatturi tat-tagħbija għall-kontejners ISO u ċerti swap bodies (kaxex tal-ġarr).

Li jiġi enfasizzat b'mod partikolari t-titjib fl-effiċjenza tat-trasport fil-kuntest urban u fil-kurituri tal-merkanzija b'distanza twila għandu jnaqqas l-ispejjeż relatati mat-trasport kif ukoll id-distanzi tal-merkanzija fit-twassil ta' merkanzija urbana.

L-effetti diretti u indiretti mistennija għall-alternattivi dwar it-tnaqqis fl-ispejjeż tal-loġistika huma miġburin fil-qosor fit-tabella kif ġej:

L-ordni u l-komunikazzjoni | L-inventarju, il-ħażna u l-ispejjeż tar-riskji | It-tagħbija, il-ħatt u t-trasbord | It-trasport |

Merkanzija-E / ITS | + | + | + |

Kwalità sostenibbli | + | + | + |

Is-simplifikazzjoni | + | + | + |

Id-dimensjonijiet tal-vetturi u ta' l-unitajiet tat-tagħbija | + | + |

It-trasport urban | + |

Il-kurituri ekoloġiċi | + | + | + | + |

Fil-valutazzjoni soġġettiva ta' l-operaturi tal-loġistika u tat-trasportaturi, toħroġ id-differenzjazzjoni ċara ta' l-effettività ta' kull waħda mill-alternattivi (ara t-tabella taħt) Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-valuri assoluti indikati jesprimu l-vantaġġi maħsuba aktar milli dawk attwalment imkejla. Barra minn hekk, l-analiżi ta' dawn ir-riżultati għanha tqis il-preferenza ġenerali għall-politiki li għandhom effett immedjat kontra dawk il-misuri li jindirizzaw għanijiet fit-tul.

Il-vantaġġi maħsuba ta' l-azzjonijiet proposti[1]

L-iffrankar finanzjarju stmat | L-iffrankar stmat f'termini ta' ħin |

Merkanzija-E/ ITS | 8% | 10% |

Kwalità sostenibbli | 10% | 12% |

Is-simplifikazzjoni | 4% | 5% |

Il-qisien tal-vetturi u ta' l-unitajiet tat-tagħbija | 11% | 9% |

It-trasport urban | 14% | 14% |

Benefiċċji makro-ekonomiċi

Il-Valutazzjoni ta' l-Impatt iddeskriviet xenarju ottimist u realistiku li jikkorrispondi mal-firxa ta' l-effetti mistennija mill-Pjan ta' Azzjoni. Biex ikun kemm jista' jkun fil-qosor, hawnhekk qed jiġi ppreżentat ix-xenarju realistiku biss.

Ix-xenarju realistiku jassumi li l-Pjan ta' Azzjoni għandu jtejjeb ir-rati ta' produttività fis-setturi tal-loġistika b'talanqas 3% fit-trasport intern, u b'5% għas-servizzi tat-trasport awżilljarju u b'3% għall-komunikazzjonijiet. Barra minn hekk l-ispejjeż fil-loġistika tal-merkanzija għandhom jonqsu b'2% u t-trasport tal-merkanzija b'3%, filwaqt li l-fatturi tat-tagħbija jiżdiedu bi 3%. Dan iċ-ċifri huma bbażati fuq il-ġudizzji ta' l-esperti dwar l-effetti kumplessivi mistennija tal-miżuri proposti fil-Pjan ta' Azzjoni għal-Loġistika.

Permezz ta' l-użu tal-mudell ASTRA għall-komputazzjoni, ġie kkalkolat li dawn it-tibdiliet għandhom iwasslu għal żieda fir-rati medji annwali tat-tkabbir fil-PGD għall-UE27 bil-+0.04% meta mqabbel max-xenarju "kollox bħas-soltu". Minkejja ċ-ċifra relattivament iżgħar, dan xorta jkun jirriżulta f'biljuni ta' euro addizzjonali ta' tkabbir kull sena.

[pic]

Impatti ambjentali

Fi żmien meta l-prestazzjoni ambjentali ta' ħafna industriji qed titjieb, l-emissjonijiet CO2 relatati mat-trasport, li terz minnhom huwa dovut għat-trasport tal-merkanzija, qed jiżdiedu u jistgħu jheddu l-miri ta' l-UE fir-rigward ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. It-taħlita ta' azzjonijiet proposti tgħin fl-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet billi tnaqqas l-attività tat-trasport mhux meħtieġa, ittejjeb l-integrazzjoni tal-modi tat-trasport u l-attrazzjoni ta' dawk li aktar jiffavorixxu l-ambjent u billi tiffaċilita li l-kriterji kwalitattivi jiġu meqjusa - inklużi l-impatti ambjentali – fir-rigward ta' l-għażla tal-klijent. l-idea ta' "trasport ekoloġiku" u l-qasam prijoritarju it-traport urban għandhom jgħinu biex jiġu applikati teknoloġiji ġodda li jiffavorixxu l-ambjent fejn l-impatt tagħhom għandu jinħass l-aktar.

B'mod speċifiku, il-Pjan ta' Azzjoni għal-loġistika għandu jkun ta' benefiċċju għall-ambjent minħabba:

- rotot effiċjenti, b'mod partikolari fit-trasport tat-triq għandhom inaqqsu l-livelli tas-CO2 billi jtaffu l-konġestjoni u jtejbu l-fatturi tat-tagħbija;

- is-sorveljanza elettronika taċ-ċaqliq tal-merkanzija ittejjeb it-tbassir tat-twassil, tgħin biex jiġu evitati vjaġġi mhux meħtieġa, u soluzzjonijiet "ta' malajr" ta' provvisti għal produzzjoni jew distribuzzjoni li tkun sensittiva għall-interruzzjoni.

- l-użu ta' unitajiet multimodali tat-tagħbija għandu jtejjeb l-interoperabilità ta' modi differenti ta' trasport u jiffaċilita l-progress lejn modi li jniġġsu anqas.

- is-simplifikazzjoni amministrattiva u legali għandha tbaxxi l-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija multimodali u b'hekk isir aktar attraenti;

- il-firxa ta' prassi tajba u t-titjib fit-taħriġ tal-professjonisiti tal-loġistika għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar it-trasport tal-merkanzija huma mgħarrfa biżżejjed dwar l-alternattivi u dwar ir-riperkussjonijiet ambjentali kif ukoll soċjali u ekonomiċi.

Jistgħu jkunu mistennija impatti sostanzjali fuq il-prestazzjoni ambjentali tal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija fejn ikun hemm disponibilità ta' alternattivi modali attraenti. Dan jorbot mill-qrib is-suċċess tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Loġistika ma' inizjattivi ta' politika oħra fil-qasam tat-trasport, notevolment il-promozzjoni ta' netwerk ferrovjarju orjentat għall-merkanzija u l-Awtostradi tal-Baħar. L-implimentazzjoni u t-tisħiħ tat-trasport tal-merkanzija permezz ta' l-iffinanzjar tat-TEN-T għandhom joħloqu l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-operaturi tal-loġistika u tat-trasport jipprovdu servizzi li mhux biss huma ekonomikament effiċjenti iżda wkoll ambjentalment sostenibbli. Minbarra dan, xprun ieħor għall-użu ta' modi ta' trasport li jiffavorixxu l-ambjent huma mistennija mill-internalizzazzjoni ta' l-ispejjeż esterni, li għalihom ix-xogħol fuq il-metodoloġiji għadu għaddej.

Impatti soċjali

Il-Pjan ta' Azzjoni għal-loġistika għandu jaffettwa lil dawk impjegati fl-industrija u lil dawk ikkonċernati minħabba l-effetti tiegħu (storbju, egżost emissjonijiet, konġestjoni).

L-inizjattiva proposta fil-Pjan ta' Azzjoni biex tinħoloq skema ta' ċertifikazzjoni għall-uffiċjali tal-loġistika għandha ttejjeb il-livelli ta' taħriġ u toħloq perspettivi ġodda ta' karrieri għall-impjegati tagħha. L-introduzzjoni tat-teknoloġiji ġodda, partikolarment fil-qasam ta' l-IT għandha żżid il-ħtieġa fis-settur tal-loġistika għal speċjalisti u żżid il-valur mal-kompetenzi ta' l-istaff.

Safejn il-pubbliku in ġenerali huwa kkonċernat, l-effett tal-miżuri tal-Pjan ta' Azzjoni fuq l-abitati soċjali x'aktarx għandu jkun pożittiv fit-tul, minħabba b'mod partikolari l-miżuri għall-promozzjoni ta' prassi tajba fl-ambjenti urbani. Madankollu, ħafna jiddependi fuq l-evoluzzjoni teknoloġika fit-teknoloġiji tat-trasport, filwaqt li inizjattivi bħall-promozzjoni tal-“green corridors” (kurituri ekoloġiċi) għandhom ukoll jikkunsidraw kif it-trasport tal-merkanzija jista' jsir aktar kompatibbli ma' l-ideat tagħna ta' kwalità ta' ħajja.

Spejjeż amministrattivi

Ħlief għat-tieqa amministrattiva unika, li tkun tirrikjedi investimenti addizzjonali fil-kapaċitajiet nazzjonali ta' l-IT, l-ispejjeż amministrattivi għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ikunu limitati, kemm għan-negozji kif ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi. Għall-awtoritajiet pubbliċi, il-biċċa l-kbira ta' l-ispejjeż mistennija li jkunu relatati mal-ħidma fuq standards ġodda, ma' l-introduzzjoni ta' skema ta' ċertifikazzjoni ta' kwalifiki u l-adattament possibbli ta' curricula għat-taħriġ nazzjonali, l-implimentazzjoni ta' punti ta' riferiment u l-kejl tal-prestazzjoni kif ukoll l-operat ta' ċentri tal-promozzjoni multimodali. Għan-negozji, il-biċċa l-kbira tal-fatturi fl-ispejjeż huma l-adattament ma' standards ġodda u l-konformità mat-talbiet għal ċertifikazzjoni u għal punti ta' riferiment.

Konklużjonijiet

Hemm raġuni ċara – kif ukoll antiċipazzjoni kbira - għall-appoġġ għal-loġistika permezz ta' l-azzjoni mill-UE. Dawk li jfasslu l-politika għandhom jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni għall-ħtieġa ta' effiċjenza tas-servizzi tal-loġistika (bħala fattur ewlieni fil-kompettitività Ewropea) u s-sostenibbiltà tal-prassi ta' l-industrija.

Filwaqt li hemm differenzi ċari f'dak li huma effetti mistennija bejn id-diversi għażliet ikkunsidrati, qed jiġi rrakkomandat li tiġi segwita taħlita ta' azzjonijiet, kemm minħabba s-sinerġiji li jistgħu jiġu żviluppati bejn dawn kif ukoll minħabba l-karatterstika tal-loġistika tal-merkanzija, li jiġu affettwati mill-iżviluppi fuq firxa ta' oqsma teknoloġiċi u regolatorji.

Direttament jew indirettament, it-taħlita ta' azzjonijiet li ġew proposti issa għandhom ikollhom effett pożittiv fuq l-ispejjeż totali tal-loġistika fl-industrija, billi tnaqqas l-ispejjeż ta' l-ordnijiet u tal-komunikazzjonijiet, l-ispejjeż assoċjati maż-żamma tal-kontijiet u l-ġestjoni tar-riskju, l-ispejjeż assoċjati mat-trasbord u fl-aħħarnett l-ispejjeż tat-trasport innifsu. Xi wħud minn dawn l-azzjonijiet huma fin-natura tagħhom preparatorji. Huma stess ma huma se jkollhom l-ebda effett immedjat fuq l-effiċjenza tas-servizzi tal-loġistika fl-UE iżda huma passi neċessarji fil-progress għat-titjib fil-qafas tal-loġistika

Intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għandhom jibbenefikaw b'mod speċifiku minħabba l-istandardizzazzjoni (fis-sistemi ta' l-informazzjoni u t-teknoloġiji tal-vetturi) kif ukoll għaliex is-simplifikazzjoni amminstrattiva tippermettilhom inaqqsu b'mod sproporzjonat l-ispejjeż ta' l-operat tagħhom. It-tisħiħ tal-fattur tal-kwalità fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-loġistika tal-merkanzija għandu jiftaħ opportunitajiet ġodda fis-suq.

L-azzjonijiet proposti mistennija li jkollhom effetti li jibbenefikaw l-ambjent billi jgħinu biex inaqqsu l-attività tat-trasport mhux meħtieġa, itejbu l-integrazzjoni tal-modi tat-trasport u l-attrazzjoni ta' dawn il-modi li l-aktar jiffavorixxu l-ambjent u billi jiffaċilitaw il-kunsiderazzjoni ta' kriterji kwalitattivi – inkluż l-impatti ambjentali – skond l-għażla tal-klijent.

It-taħlita ta' azzjonijiet se jkollha wkoll impatt soċjali pożittiv billi sejrin isaħħu l-kwalità ta' taħriġ u jtejbu l-opportunitajiet għall-mobilità. Għaċ-ċittadini in ġenerali, loġistika tal-merkanzija li tkun aktar efffiċjenti għandha tgħin biex tinkiseb il-kwalità ta' ħajja li aħna bħala klijenti sirna nistennew filwaq li tnaqqas l-effetti negattivi fuq l-inħawi fejn ngħixu.

Reviżjoni Interna

Minħabba l-impenn tagħha għall-ħruġ ta' valutazzjonijiet ta' l-impatt riġorużi u ta' kwalità għolja l-Kummissjoni waqqfet Bord għall-Valutazzjoni ta' l-Impatt li d-dmir tiegħu huwa li jappoġġja u jissorvelja l-kwalità tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt individwali mħejja mis-servizzi. Il-Bord irreveda dan id-dokument u ta l-opinjoni tiegħu fit-23 ta' Lulju 2007. Minħabba dawn il-kummenti saret reviżjoni ġenerali tal-Valutazzjoni ta' l-Impatt u ġiet imqasssra.

Fost it-tbdiliet li saru, id-deskrizzjoni tal-problema u l-għanijiet tal-Pjan ta' l-Azzjoni ingħataw b'aktar preċiżjoni, il-kuntest tal-politika huwa rifless aħjar u aktar fil-fond, l-impatti ambjentali u soċjali ġew enfasizzati filwaqt li ngħata aktar test ta' spjegazzjoni dwar l-immudellar makro-ekonomiku.

[1] Għall-metodolġija li ġiet applikata għall-istħarriġ, jekk jogħġbok irreferi għad-dokument Studju Preparatorju għal Valutalzzjoni ta' l-Impatt dwar Pjan ta' Azzjoni għal-loġistika tal-Merkanzija ta' l-UE, it-talba tal-Partijiet Interessati għal miżuri ta' politika, April 2007.

Top