EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024L1069

Direttiva (UE) 2024/1069 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika minn talbiet manifestament infondati jew proċedimenti tal-qorti abbużivi (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”)

PE/88/2023/REV/1

ĠU L, 2024/1069, 16.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1069/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1069/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1069

16.4.2024

DIRETTIVA (UE) 2024/1069 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ April 2024

dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika minn talbiet manifestament infondati jew proċedimenti tal-qorti abbużivi (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 81(2), il-punt (f), tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni stabbiliet l-objettiv għaliha nfisha li żżomm u tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà, u ġustizzja li fih huwa żgurat il-moviment liberu tal-persuni. Sabiex tistabbilixxi tali spazju, l-Unjoni għandha tadotta, fost l-oħrajn, miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transfruntiera u li huma meħtieġa għall-eliminazzjoni ta’ ostakli għall-funzjonament tajjeb tal-proċedimenti ċivili. Jekk ikun hemm bżonn, jenħtieġ li dak l-objettiv jiġi indirizzat permezz tal-promozzjoni tal-kompatibbiltà tar-regoli dwar il-proċedura ċivili li huma applikabbli fl-Istati Membri.

(2)

L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jiddikjara li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.

(3)

L-Artikolu 10(3) tat-TUE jiddikjara li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) tipprevedi, fost oħrajn, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, għall-protezzjoni tad-data personali, għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, li tinkludi r-rispett għal-libertà u l-pluraliżmu tal-media, għal-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni u għad-dritt għal rimedju effettiv u smigħ ġust.

(4)

Id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta, jinkludi l-libertà li wieħed ikollu opinjonijiet u li jirċievi u jaqsam informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtoritajiet pubbliċi u indipendentement mill-fruntieri. Huwa neċessarju li l-Artikolu 11 tal-Karta jingħata t-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 korrispondenti tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (“KEDB”) dwar id-dritt għal-libertà tal-espressjoni kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (“QEDB”).

(5)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar it-tisħiħ tad-demokrazija u l-libertà u l-pluraliżmu tal-media fl-Unjoni, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni tipproponi pakkett kemm ta’ liġi mhux vinkolanti kif ukoll ta’ liġi vinkolanti biex tindirizza l-għadd dejjem jikber ta’ kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (“SLAPPs”) li jikkonċernaw lill-ġurnalisti, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), lill-akkademiċi u lis-soċjetà ċivili fl-Unjoni. Il-Parlament esprima l-ħtieġa għal miżuri leġiżlattivi fl-oqsma tal-liġi dwar il-proċedura ċivili u kriminali, bħal mekkaniżmu ta’ ċaħda bikrija għal kawżi ċivili abbużivi, id-dritt għall-ħlas sħiħ tal-ispejjeż imġarrba mill-konvenut, u d-dritt għal kumpens għad-danni. Ir-riżoluzzjoni tal-11 ta’ Novembru 2021 inkludiet ukoll sejħa għal taħriġ adegwat għall-imħallfin u l-prattikanti legali dwar is-SLAPPs, fond speċifiku biex jingħata appoġġ finanzjarju għall-vittmi tas-SLAPPs u reġistru pubbliku tad-deċiżjonijiet tal-qorti dwar il-kawżi SLAPP. Barra minn hekk, il-Parlament appella għar-reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) sabiex jiġi pprevenut it-“turiżmu tal-libell” jew l-“għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni”.

(6)

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li telimina l-ostakli għall-funzjonament xieraq tal-proċedimenti ċivili, filwaqt li tipprovdi protezzjoni għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku, fosthom il-ġurnalisti, il-pubblikaturi, l-organizzazzjonijiet tal-media, l-informaturi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-NGOs, it-trade unions, l-artisti, ir-riċerkaturi u l-akkademiċi, kontra proċedimenti tal-qorti li jinfetħu kontrihom sabiex jiġu skoraġġuti mill-parteċipazzjoni pubblika.

(7)

Id-dritt għal-libertà tal-espressjoni huwa dritt fundamentali li għandu jiġi eżerċitat b’sens ta’ dmir u b’responsabbiltà, filwaqt li jitqies id-dritt fundamentali tal-persuni li jiksbu informazzjoni imparzjali, kif ukoll ir-rispett għad-dritt fundamentali li persuna tipproteġi r-reputazzjoni tagħha, għall-protezzjoni tad-data personali u għall-privatezza. F’każijiet ta’ kunflitt bejn dawk id-drittijiet, il-partijiet kollha għandu jkollhom aċċess għall-qrati b’rispett dovut għall-prinċipju ta’ smigħ xieraq. Għal dak l-għan, jenħtieġ li din id-Direttiva tħalli lill-qorti jew lit-tribunal aditi bil-kwistjoni bid-diskrezzjoni meħtieġa sabiex jikkunsidraw jekk l-applikazzjoni tas-salvagwardji rilevanti hijiex xierqa f’kawża partikolari. Meta teżerċita t-tali diskrezzjoni jenħtieġ li l-qorti ma tapplikax is-salvagwardji rilevanti pereżempju fejn il-parteċipazzjoni pubblika ma tkunx qed issir in bona fide bħal f’każijiet fejn, permezz tal-parteċipazzjoni pubblika, il-konvenut xerred diżinformazzjoni jew iffabbrika allegazzjonijiet bl-iskop li jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-attur.

(8)

Il-ġurnalisti jaqdu rwol importanti fil-faċilitazzjoni tad-dibattitu pubbliku u f’kif jixterdu u jiġu riċevuti informazzjoni, opinjonijiet u ideat. Jenħtieġ li huma jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom b’mod effettiv u mingħajr biża’ sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal pluralità ta’ fehmiet fid-demokraziji Ewropej. Ġurnaliżmu indipendenti, professjonali u responsabbli, kif ukoll l-aċċess għal informazzjoni pluralistika, huma pilastri fundamentali tad-demokrazija. Huwa essenzjali li l-ġurnalisti jingħataw l-ispazju meħtieġ biex jagħtu kontribut għal dibattitu miftuħ, ħieles u ġust u biex jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil, f’konformità mal-etika tal-ġurnaliżmu, u jingħataw protezzjoni meta jaġixxu in bona fide.

(9)

Din id-Direttiva ma tipprovdix definizzjoni ta’ ġurnalist(a), peress li l-għan huwa li tiġi protetta kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tinvolvi ruħha f’parteċipazzjoni pubblika. Madankollu, jenħtieġ li jiġi enfasizzat li l-ġurnaliżmu jitwettaq minn firxa wiesgħa ta’ atturi, li jinkludu r-reporters, l-analisti, l-artikolisti u l-bloggers, kif ukoll oħrajn li jinvolvu ruħhom f’forom ta’ awtopubblikazzjoni stampata, fuq l-Internet jew bnadi oħrajn.

(10)

B’mod partikolari, il-ġurnalisti investigattivi u l-organizzazzjonijiet tal-media jaqdu rwol ewlieni fil-kxif tal-kriminalità organizzata, l-abbuż tal-poter, il-korruzzjoni, il-ksur tad-drittijiet fundamentali u l-estremiżmu, u fil-ġlieda kontrihom. Ix-xogħol tagħhom iġib miegħu riskji partikolarment għoljin u qed jesperjenzaw għadd dejjem akbar ta’ attakki, qtil u theddid, kif ukoll intimidazzjoni u fastidju. Hija meħtieġa sistema robusta ta’ salvagwardji u protezzjoni biex tippermetti lill-ġurnalisti investigattivi jissodisfaw ir-rwol kruċjali tagħhom bħala gwardjani dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku, mingħajr biża’ ta’ kastig talli jfittxu l-verità u jinfurmaw lill-pubbliku.

(11)

Jenħtieġ li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħajja pubblika u jippromwovu l-irfigħ tar-responsabbiltà mingħajr biża’ ta’ intimidazzjoni. Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jinkludu individwi, gruppi u organizzazzjonijiet fis-soċjetà ċivili li jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti f’livell universali. Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem huma impenjati li jippromwovu u jissalvagwardjaw id-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali, ambjentali, klimatiċi, tan-nisa u ta’ persuni LGBTIQ u li jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni diretta jew indiretta kif stipulata fl-Artikolu 21 tal-Karta. Meta jitqiesu l-politiki ambjentali u klimatiċi tal-Unjoni, jenħtieġ li tingħata attenzjoni wkoll lid-difensuri tad-drittijiet ambjentali peress li dawn jaqdu rwol importanti fid-demokraziji Ewropej.

(12)

Parteċipanti importanti oħrajn f’dibattitu pubbliku, bħall-akkademiċi, ir-riċerkaturi jew l-artisti, ukoll jistħoqqilhom protezzjoni adegwata, peress li huma wkoll jistgħu jkunu fil-mira tas-SLAPPs. F’soċjetà demokratika, jenħtieġ li jkunu jistgħu jgħallmu, jitgħallmu, jirriċerkaw, iwettqu xogħolhom u jikkomunikaw mingħajr biża’ ta’ ritaljazzjoni. L-akkademiċi u r-riċerkaturi jikkontribwixxu b’mod fundamentali għad-diskors pubbliku u t-tixrid tal-għarfien, jiżguraw li d-dibattitu demokratiku jkun jista’ jsir fuq bażi infurmata u jiġġieldu d-diżinformazzjoni.

(13)

Demokrazija f’saħħitha u li tiffunzjona teħtieġ li l-persuni jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fid-dibattitu pubbliku mingħajr indħil bla bżonn mill-awtoritajiet pubbliċi jew minn atturi b’saħħithom oħra, sew jekk ikunu domestiċi kif ukoll barranin. Sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni sinifikattiva, jenħtieġ li l-persuni jkunu jistgħu jaċċessaw informazzjoni affidabbli li tippermettilhom jiffurmaw l-opinjonijiet tagħhom stess u jeżerċitaw il-ġudizzju tagħhom stess fi spazju pubbliku li fih jistgħu jiġu espressi fehmiet differenti b’mod liberu.

(14)

Sabiex jitrawwem dan l-ambjent, huwa importanti li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi jiġu protetti minn proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Tali proċedimenti tal-qorti ma jinfetħux għall-fini ta’ aċċess għall-ġustizzja, iżda biex jissikkett id-dibattitu pubbliku u biex ma jitħallewx isiru l-investigazzjoni u r-rappurtar ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, tipikament bl-użu tal-fastidju u l-intimidazzjoni.

(15)

Is-SLAPPs tipikament jinfetħu minn entitajiet b’saħħithom, pereżempju individwi, gruppi tal-illobbjar, korporazzjonijiet, politiċi u organi tal-Istat f’tentattiv li jsikktu d-dibattitu pubbliku. Dawn spiss jinvolvu żbilanċ fil-poter bejn il-partijiet, fejn l-attur ikollu pożizzjoni finanzjarja jew politika aktar b’saħħitha mill-konvenut. Għalkemm mhumiex komponent indispensabbli ta’ kawżi bħal dawn, żbilanċ fil-poter, fejn ikun preżenti, iżid b’mod sinifikanti l-effetti dannużi kif ukoll l-effett dissważiv tal-proċedimenti tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Fejn preżenti, l-użu ħażin ta’ vantaġġ ekonomiku jew influwenza politika mill-attur kontra l-konvenut, flimkien man-nuqqas ta’ mertu legali, iwassal għal tħassib partikolari jekk il-proċedimenti tal-qorti abbużivi inkwistjoni jiġu ffinanzjati direttament jew indirettament minn baġits tal-Istat u jkunu kkombinati ma’ miżuri statali diretti jew indiretti oħra kontra l-organizzazzjonijiet tal-media indipendenti, il-ġurnaliżmu indipendenti u s-soċjetà ċivili.

(16)

Il-proċedimenti tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-kredibbiltà u r-reputazzjoni tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika u jistgħu jaħlu r-riżorsi kollha finanzjarji u oħrajn tagħhom. Bħala riżultat ta’ tali proċedimenti, il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar kwistjoni ta’ interess pubbliku tista’ tittardja jew tiġi pprevenuta għalkollox. It-tul tal-proċeduri u l-pressjoni finanzjarja jista’ jkollhom effett dissważiv fuq il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika. Għalhekk, l-eżistenza ta’ prattiki bħal dawn jista’ jkollha effett ta’ deterrent fir-rigward tal-ħidma tagħhom billi tikkontribwixxi għall-awtoċensura minħabba l-antiċipazzjoni ta’ proċedimenti tal-qorti futuri possibbli, li jwassal għat-tfaqqir tad-dibattitu pubbliku għad-detriment tas-soċjetà kollha kemm hi.

(17)

Dawk fil-mira tal-proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jiffaċċaw diversi kawżi simultanji, xi drabi mibdija f’diversi ġuriżdizzjonijiet. Din id-Direttiva tapplika biss għal materji ta’ natura ċivili jew kummerċjali li jkollhom implikazzjonijiet transfruntieri, għalkemm prattiki mmirati biex jipprevjenu, jirrestrinġu jew jippenalizzaw il-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jinvolvu wkoll kawżi amministrattivi jew kriminali jew taħlita ta’ tipi differenti ta’ proċedimenti. Il-proċedimenti mibdija fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru wieħed kontra persuna domiċiljata fi Stat Membru ieħor normalment ikunu aktar kumplessi u għaljin għall-konvenut. L-atturi fi proċedimenti tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jużaw ukoll għodod proċedurali sabiex iżidu t-tul u l-ispiża tal-litigazzjoni u biex jiftħu proċedimenti f’ġuriżdizzjoni li huma jqisu li hija favorevoli għall-kawża tagħhom, minflok fil-ġuriżdizzjoni li tkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex tisma’ t-talba (għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni). Il-pressjoni finanzjarja, it-tul u l-varjetà tal-proċedimenti u t-theddida ta’ penali jikkostitwixxu għodod qawwija biex vuċijiet kritiċi jiġu intimidati u msikkta. Prattiki bħal dawn ipoġġu wkoll piżijiet bla bżonn u ta’ ħsara fuq is-sistemi ġudizzjarji u jwasslu għal użu ħażin tar-riżorsi tagħhom, u b’tali mod li jikkostitwixxu abbuż ta’ tali sistemi.

(18)

Is-salvagwardji previsti f’din id-Direttiva jenħtieġ li japplikaw għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li b’mod dirett jew indirett tinvolvi ruħha f’parteċipazzjoni pubblika. Jenħtieġ li jipproteġu wkoll lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, jew fuq bażi professjonali jew fuq bażi personali, jappoġġaw, jassistu jew jipprovdu oġġetti jew servizzi lil persuna oħra għal finijiet direttament marbuta mal-parteċipazzjoni pubblika fi kwistjoni ta’ interess pubbliku, bħal avukati, membri tal-familja, fornituri tal-Internet, djar tal-pubblikazzjoni jew ħwienet tal-istampar, li jaffaċċaw jew jiġu mhedda bi proċedimenti tal-qorti talli jappoġġaw, jassistu jew jipprovdu merkanzija jew servizzi lil persuni fil-mira ta’ SLAPPs.

(19)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal kwalunkwe tip ta’ talba legali jew azzjoni ta’ natura ċivili jew kummerċjali b’implikazzjonijiet transfruntieri ppreżentata fi proċedimenti ċivili, irrispettivament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Dan jinkludi wkoll proċeduri għal miżuri interim u kawtelatorji, kontro-talbiet jew tipi partikolari oħrajn ta’ rimedji disponibbli taħt strumenti oħrajn. Meta jitressqu talbiet ċivili fi proċedimenti kriminali, jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika meta l-kunsiderazzjoni ta’ dawk it-talbiet tkun irregolata b’mod sħiħ mil-liġi dwar il-proċedura ċivili. Madankollu, jenħtieġ li ma tapplikax meta l-kunsiderazzjoni ta’ tali talbiet tkun irregolata għalkollox jew parzjalment mil-liġi dwar il-proċedura kriminali.

(20)

Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal talbiet li jirriżultaw mir-responsabbiltà tal-istat għal azzjonijiet jew ommissjonijiet fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-istat (acta iure imperii) jew għal talbiet kontra uffiċjali li jaġixxu f’isem l-istat jew għar-responsabbiltà għal atti ta’ awtoritajiet pubbliċi, inkluż ir-responsabbiltà ta’ detenturi ta’ kariga maħtura pubblikament. L-Istati Membri jistgħu jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tas-salvagwardji proċedurali previsti f’din id-Direttiva għal tali talbiet skont il-liġi nazzjonali. F’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-proċedimenti tal-qorti xorta jistgħu jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ “materji ċivili u kummerċjali” kif imsemmi f’din id-Direttiva meta stat jew korp pubbliku jkun parti, jekk l-atti jew l-ommissjonijiet ma jseħħux fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-istat. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal kwistjonijiet kriminali jew arbitraġġ.

(21)

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi, biex b’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li jkunu aktar favorevoli għall-persuni involuti fil-parteċipazzjoni pubblika, li jinkludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu salvagwardji proċedurali aktar effettivi, bħal reġim ta’ responsabbiltà li jippreserva u jipproteġi d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma sservix biex tiġġustifika xi regressjoni relatata mal-livell ta’ protezzjoni li diġà jeżisti f’kull Stat Membru.

(22)

Il-parteċipazzjoni pubblika jenħtieġ li tiġi definita bħala t-teħid ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni, jew it-twettiq ta’ kwalunkwe attività minn persuna fiżika jew ġuridika fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali bħal libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, il-libertà tal-arti u x-xjenza, jew il-libertà ta’ għaqda u assoċjazzjoni, u rigward kwistjoni ta’ interess pubbliku attwali jew futur, inkluż il-ħolqien, il-wiri, ir-reklamar, jew promozzjoni oħra ta’ komunikazzjonijiet, pubblikazzjonijiet jew xogħlijiet ġurnalistiċi, politiċi, xjentifiċi, akkademiċi, artistiċi, kummentattivi jew satiriċi, u attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni. Interess pubbliku futur jirreferi għall-fatt li kwistjoni tista’ ma tkunx għadha ta’ interess pubbliku, iżda tista’ ssir hekk ladarba l-pubbliku jsir konxju minnha, pereżempju permezz ta’ pubblikazzjoni. Il-parteċipazzjoni pubblika tista’ tinkludi wkoll attivitajiet relatati mal-eżerċizzju tal-libertà akkademika u artistika, id-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u ta’ għaqda paċifika, bħall-organizzazzjoni ta’ jew il-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ lobbjar, dimostrazzjonijiet u protesti jew attivitajiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-dritt għal rimedju effettiv, bħal talbiet quddiem il-qrati jew il-korpi amministrattivi u l-parteċipazzjoni f’seduti pubbliċi. Il-parteċipazzjoni pubblika jenħtieġ li tinkludi wkoll attivitajiet preparatorji, ta’ appoġġ jew ta’ assistenza li jkollhom rabta diretta u inerenti mal-istqarrija jew mal-attività li jkunu fil-mira tas-SLAPPs biex irażżnu l-parteċipazzjoni pubblika. Jenħtieġ li dawn l-attivitajiet jikkonċernaw direttament att speċifiku ta’ parteċipazzjoni pubblika jew ikunu bbażati fuq rabta kuntrattwali bejn il-mira attwali ta’ SLAPP u l-persuna li tipprovdi l-attività preparatorja, ta’ appoġġ jew ta’ assistenza. It-tressiq ta’ talbiet mhux kontra ġurnalist jew difensur tad-drittijiet tal-bniedem iżda kontra l-pjattaforma tal-Internet li fuqha jippubblikaw xogħolhom jew kontra l-kumpanija li tistampa test jew ħanut li jbigħ it-test jista’ jkun mod effettiv kif tissikket il-parteċipazzjoni pubblika, peress li mingħajr dawn is-servizzi ma jkunux jistgħu jiġu ppubblikati l-opinjonijiet u għaldaqstant ma jkunux jistgħu jinfluwenzaw id-dibattitu pubbliku. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni pubblika tista’ tkopri attivitajiet oħrajn maħsuba sabiex jinfurmaw jew jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika jew biex irawmu it-teħid ta’ azzjoni mill-pubbliku, inklużi attivitajiet minn entitajiet privati jew pubbliċi b’rabta ma’ kwistjoni ta’ interess pubbliku, bħall-organizzazzjoni ta’ riċerka, stħarriġ, kampanji jew kwalunkwe azzjoni kollettiva oħra, jew il-parteċipazzjoni fihom.

(23)

Kwistjoni ta’ interess pubbliku jenħtieġ li tiġi definita bħala li tinkludi kwistjonijiet rilevanti għat-tgawdija tad-drittijiet fundamentali. Iħaddan fih kwistjonijiet bħall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-protezzjoni mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru u n-nondiskriminazzjoni, il-ħarsien tal-istat tad-dritt, il-libertà tal-media u l-pluraliżmu. Jenħtieġ li jinftiehem ukoll li jinkludi l-kwalità, is-sikurezza jew aspetti rilevanti oħra tal-oġġetti, tal-prodotti jew tas-servizzi meta tali kwistjonijiet ikunu rilevanti għas-saħħa pubblika, għas-sikurezza, għall-ambjent, għall-klima jew għad-drittijiet tal-konsumaturi u tal-ħaddiema. Jenħtieġ li tilwima purament individwali bejn konsumatur u manifattur jew fornitur ta’ servizz dwar oġġett, prodott jew servizz tkun koperta mill-kunċett ta’ kwistjoni ta’ interess pubbliku biss meta l-kwistjoni jkun fiha element ta’ interess pubbliku, pereżempju fejn tkun tikkonċerna prodott jew servizz li jonqos milli jikkonforma mal-istandards ambjentali jew ta’ sikurezza.

(24)

Jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ persuna fiżika jew ġuridika li tkun figura pubblika jitqiesu wkoll bħala kwistjonijiet ta’ interess pubbliku, peress li l-pubbliku jista’ b’mod leġittimu juri interess fihom. Madankollu, ma hemm l-ebda interess leġittimu meta l-uniku għan ta’ dikjarazzjoni jew attività li tikkonċerna tali persuna jew entità jkun li jissodisfa l-kurżità ta’ udjenza partikolari fir-rigward tad-dettalji tal-ħajja privata ta’ persuna fiżika.

(25)

Kwistjonijiet li jkunu qed jiġu kkunsidrati minn korp leġiżlattiv, eżekuttiv jew ġudizzjarju, jew kwalunkwe proċediment uffiċjali ieħor jistgħu jkunu eżempji ta’ kwistjonijiet ta’ interess pubbliku. Eżempji speċifiċi ta’ kwistjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu leġiżlazzjoni li tikkonċerna standards ambjentali jew is-sikurezza ta’ prodott, liċenzja ambjentali għal fabbrika jew minjiera niġġiesa, jew proċedimenti tal-qorti b’sinifikat legali li jmur lil hinn mill-kawża individwali, pereżempju proċedimenti li jikkonċernaw l-ugwaljanza, id-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, reat ambjentali jew il-ħasil tal-flus.

(26)

Allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, frodi, approprjazzjoni indebita, ħasil tal-flus, estorsjoni, koerċizzjoni, fastidju sesswali u vjolenza abbażi tal-ġeneru, jew forom oħra ta’ intimidazzjoni u kriminalità, inkluż il-kriminalità finanzjarja u ambjentali jikkwalifikaw bħala kwistjonijiet ta’ interess pubbliku. Fejn l-għemil ħażin inkwistjoni jkun kwistjoni ta’ interess pubbliku, jenħtieġ li ma jkunx rilevanti jekk jiġix ikkategorizzat bħala reat kriminali jew amministrattiv skont il-liġi nazzjonali.

(27)

Attivitajiet li għandhom għan li jħarsu l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, il-prinċipju ta’ noninterferenza fil-proċessi demokratiċi, u attivitajiet li jipprovdu jew jiffaċilitaw l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni bl-għan li tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni, inkluż il-protezzjoni tal-proċessi demokratiċi minn indħil żejjed, jikkwalifikaw ukoll bħala kwistjonijiet ta’ interess pubbliku.

(28)

Il-proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika tipikament jinvolvu tattiċi ta’ litigazzjoni użati mill-attur u użati in mala fide, bħal tattiċi marbuta mal-għażla tal-ġuriżdizzjoni, dipendenza fuq talba waħda jew aktar li jkunu kompletament jew parzjalment infondati, tressiq ta’ numru eċċessiv ta’ talbiet, l-użu ta’ tattiċi ta’ dewmien jew jiddeċiedu li jwaqqfu l-kawżi fi stadju aktar tard tal-proċedimenti, bidu ta’ proċedimenti differenti fuq kwistjonijiet simili, u li jikkawżaw spejjeż sproporzjonati lill-konvenut fil-proċedimenti. L-imġiba fil-passat tal-attur u, b’mod partikolari, kwalunkwe storja ta’ intimidazzjoni legali jenħtieġ li jitqiesu wkoll meta jiġi ddeterminat jekk il-proċedimenti tal-qorti humiex ta’ natura abbużiva. Dawk it-tattiċi ta’ litigazzjoni, li ħafna drabi jkunu kkombinati ma’ diversi forom ta’ intimidazzjoni, fastidju jew theddid qabel jew waqt il-proċedimenti, jintużaw mill-attur għal finijiet oħrajn għajr l-akkwist ta’ aċċess għall-ġustizzja jew li ġenwinament jeżerċita dritt u jkollhom l-għan li jilħqu effett dissważiv fuq il-parteċipazzjoni pubblika fir-rigward tal-kwistjoni partikolari.

(29)

It-talbiet li jsiru fi proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jkunu kompletament jew parzjalment infondati. Dan ifisser li talba ma għandhiex neċessarjament tkun kompletament infondata biex il-proċedimenti jitqiesu bħala abbużivi. Pereżempju, anki ksur minuri tad-drittijiet tal-personalità li jista’ jwassal għal talba modesta għal kumpens skont il-liġi applikabbli, xorta waħda jista’ jkun abbużiv jekk jintalab ammont jew rimedju manifestament eċċessiv. Min-naħa l-oħra, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li jekk l-attur fil-proċedimenti tal-qorti jagħmel talbiet li huma fondati, tali proċedimenti ma jitqisux bħala abbużivi.

(30)

Meta s-SLAPPs għandhom dimensjoni transfruntiera, il-kumplessità u l-isfidi li jiffaċċaw il-konvenuti jiżdiedu, peress li jeħtieġ li jittrattaw il-proċedimenti f’ġuriżdizzjonijiet oħra, xi drabi f’diversi ġuriżdizzjonijiet fl-istess ħin. Dan, min-naħa tiegħu, jirriżulta fi spejjeż addizzjonali u f’piż addizzjonali b’konsegwenzi saħansitra aktar negattivi. Jenħtieġ li kwistjoni titqies li jkollha implikazzjonijiet transfruntieri dment li ż-żewġ partijiet ma jkunux domiċiljati fl-istess Stat Membru bħall-qorti adita u l-elementi l-oħra kollha rilevanti għas-sitwazzjoni kkonċernata ma jkunux jinsabu f’dak l-Istat Membru. Hija l-qorti li għandha tiddetermina l-elementi rilevanti għas-sitwazzjoni kkonċernata skont iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull kawża, filwaqt li tqis pereżempju, kif xieraq, l-att speċifiku ta’ parteċipazzjoni pubblika jew l-elementi speċifiċi li jindikaw abbuż possibbli, b’mod partikolari meta jinbdew diversi proċedimenti f’aktar minn ġuriżdizzjoni waħda. Jenħtieġ li tali determinazzjoni mill-qorti ssir irrispettivament mill-mezzi ta’ komunikazzjoni użati.

(31)

Jenħtieġ li l-konvenuti jkunu jistgħu japplikaw għas-salvagwardji proċedurali li ġejjin: garanzija li tkopri l-ispejjeż tal-proċedimenti u, fejn applikabbli, li tkopri d-danni, iċ-ċaħda bikrija ta’ talbiet manifestament infondati, u rimedji, jiġifieri l-ħlas tal-ispejjeż u penali jew miżuri xierqa oħrajn effettivi daqshom. Jenħtieġ li tali salvagwardji proċedurali jiġu applikati f’konformità mad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, kif stipulat fl-Artikolu 47 tal-Karta, filwaqt li titħalla d-diskrezzjoni tal-qorti f’kawżi individwali biex tiġi eżaminata b’mod xieraq il-kwistjoni kkonċernata, b’hekk ikun possibbli għaċ-ċaħda rapida ta’ talbiet manifestament infondati mingħajr ma jiġi ristrett l-aċċess effettiv għall-ġustizzja.

(32)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li s-salvagwardji proċedurali kollha previsti f’din id-Direttiva jkunu disponibbli għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li kontrihom ikunu tressqu proċedimenti tal-qorti minħabba l-involviment tagħhom fil-parteċipazzjoni pubblika u li l-eżerċizzju ta’ dawk is-salvagwardji ma jkunx indebitament diffiċli. Huwa f’idejn il-liġi nazzjonali li tistabbilixxi jew iżżomm ir-regoli speċifiċi ta’ proċedura, forma u metodi dwar kif il-qorti jew it-tribunal aditi bil-kwistjoni jenħtieġ li jittrattaw l-applikazzjonijiet għas-salvagwardji proċedurali. Pereżempju, l-Istati Membri jistgħu japplikaw regoli proċedurali ċivili eżistenti dwar it-trattament tal-evidenza biex jivvalutaw jekk il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tas-salvagwardji proċedurali jkunux issodisfati jew jistgħu jistabbilixxu regoli speċifiċi f’dak ir-rigward.

(33)

Sabiex jiġi żgurat li applikazzjonijiet għall-garanzija u għaċ-ċaħda bikrija jiġu trattati b’mod aċċellerat, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti ta’ żmien biex isiru s-seduti jew biex il-qorti tieħu deċiżjoni. Huma jistgħu addizzjonalment jadottaw skemi simili għal proċeduri fir-rigward ta’ miżuri proviżorji. Sabiex jiġu konklużi l-proċedimenti malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li l-Istati Membri, f’konformità mal-liġi proċedurali nazzjonali tagħhom, jistinkaw biex jiżguraw li fejn il-konvenut ikun applika għal rimedji skont din id-Direttiva, id-deċiżjoni dwar tali applikazzjoni tittieħed b’mod aċċellerat, inkluż billi jsir użu mill-proċeduri diġà eżistenti skont il-liġi nazzjonali għal trattament aċċellerat.

(34)

F’xi proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, l-atturi jirtiraw jew jemendaw b’mod deliberat it-talbiet jew is-sottomissjonijiet sabiex jevitaw li l-qorti taġġudika l-ispejjeż lill-parti rebbieħa. Dik it-tattika legali tista’, f’xi Stati Membri, tħalli lill-konvenut bl-ebda possibilità li jiġi rimborżat għall-ispejjeż tal-proċedimenti. Għaldaqstant, jenħtieġ li tali irtirar jew emendi, jekk previsti mil-liġi nazzjonali, u mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-partijiet li jiddisponu mill-proċedimenti, ma jaffettwawx il-possibbiltà tal-konvenut li japplika għal rimedji kontra proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, f’konformità mal-liġi nazzjonali. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jipprevedu li salvagwardji proċedurali jistgħu jittieħdu ex officio.

(35)

Sabiex jiġi pprovdut livell aktar effettiv ta’ protezzjoni, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet, trade unions u entitajiet oħra li, f’konformità mal-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali għandhom interess leġittimu fis-salvagwardja jew il-promozzjoni tad-drittijiet ta’ persuni involuti fil-parteċipazzjoni pubblika, jenħtieġ li jkunu jistgħu jappoġġaw lill-konvenut fi proċedimenti tal-qorti mressqa fir-rigward tal-parteċipazzjoni pubblika, bl-approvazzjoni tal-konvenut. Jenħtieġ li dak l-appoġġ jiżgura li l-għarfien espert speċifiku ta’ tali entitajiet ikun jista’ jintuża f’tali proċedimenti, b’hekk jikkontribwixxu għall-valutazzjoni mill-qorti dwar jekk kawża tkunx abbużiva jew jekk talba tkunx manifestament infondata. Tali appoġġ jista’, pereżempju, jieħu l-forma ta’ għoti ta’ informazzjoni rilevanti għall-kawża, l-intervent favur il-konvenut fi proċedimenti tal-qorti, jew tkun fi kwalunkwe forma oħra kif previst fil-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-kondizzjonijiet li skonthom l-NGOs jistgħu jappoġġaw lill-konvenut u r-rekwiżiti proċedurali għal tali appoġġ, bħal limiti ta’ żmien fejn xieraq, ikunu rregolati mil-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet eżistenti ta’ rappreżentanza u intervent kif garantiti minn liġijiet oħra tal-Unjoni jew nazzjonali. L-Istati Membri li ma għandhomx kriterji għal interess leġittimu jistgħu jaċċettaw li l-entitajiet b’mod ġenerali jistgħu jappoġġaw lill-konvenut f’konformità ma’ din id-Direttiva.

(36)

Sabiex il-konvenut jingħata salvagwardja addizzjonali, jenħtieġ li jkun possibbli li jingħata garanzija biex ikopri l-ispejjeż stmati tal-proċedimenti, li jistgħu jinkludu l-ispejjeż tar-rappreżentanza legali mġarrba mill-konvenut, u, jekk previst fil-liġi nazzjonali, id-danni stmati. Madankollu, huwa neċessarju li jinsab bilanċ bejn dik il-miżura u d-dritt tal-attur għall-aċċess għall-ġustizzja. Il-qorti jew it-tribunal aditi jenħtieġ li jkunu jistgħu, jekk huma jikkunsidraw li jkun xieraq, li jordnaw lill-attur jipprovdi garanzija jekk ikun hemm elementi li jindikaw li l-proċedimenti jkunu abbużivi jew jekk ikun hemm riskju li l-konvenut ma jkunx ser jiġi rimborżat jew fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika tal-partijiet jew kriterji oħrajn bħal dawn li jinsabu fil-liġi nazzjonali. L-għoti ta’ garanzija ma jinvolvix sentenza fuq il-merti tal-kawża iżda jservi bħala miżura kawtelatorja biex jiġu ssalvagwardjati l-effetti ta’ deċiżjoni finali li tiddetermina li kien hemm abbuż fil-proċedura, u li tkopri l-ispejjeż u, jekk previst fil-liġi nazzjonali, id-danni potenzjali kkawżati lill-konvenut, partikolarment fejn ikun hemm riskju ta’ ħsara irreparabbli. Jenħtieġ li jkun f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk għandhiex tiġi ordnata garanzija mill-qorti fuq mozzjoni tagħha stess jew fuq talba tal-konvenut. Meta l-liġi nazzjonali tipprevedi dan, jenħtieġ li jkun possibbli li tingħata garanzija fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti tal-qorti.

(37)

Jenħtieġ li d-deċiżjoni ta’ ċaħda bikrija tkun deċiżjoni fuq il-merti, wara eżaminazzjoni xierqa. Jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw regoli ġodda jew japplikaw regoli eżistenti skont il-liġi nazzjonali sabiex il-qorti jew it-tribunal ikunu jistgħu jiddeċiedu li jiċħdu talbiet manifestament infondati malli jirċievu l-informazzjoni neċessarja biex jissostanzjaw id-deċiżjoni. Jenħtieġ li tali ċaħda ssir fl-aktar stadju bikri possibbli fil-proċedimenti, iżda dak il-mument jista’ jseħħ fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti, skont meta l-qorti jew tribunal ikun irċieva tali informazzjoni, f’konformità mal-liġi nazzjonali. Il-possibbiltà ta’ ċaħda bikrija ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali li jippermettu lill-qrati nazzjonali jew lit-tribunali jevalwaw l-ammissibbiltà ta’ rikors anki qabel ma jinbdew il-proċedimenti.

(38)

Meta l-konvenut ikun applika għaċ-ċaħda tat-talba bħala manifestament infondata, jenħtieġ li l-qorti jew it-tribunal jittrattaw dik l-applikazzjoni b’mod aċċellerat, f’konformità mal-liġi nazzjonali, biex iħaffu l-valutazzjoni dwar jekk it-talba tkunx manifestament infondata, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-kawża.

(39)

F’konformità mal-prinċipji ġenerali tal-proċedura ċivili, attur li jressaq talba kontra persuna fiżika jew ġuridika involuta f’parteċipazzjoni pubblika għandu l-oneru tal-prova li tali talba hija fondata. Meta l-konvenut ikun applika għal ċaħda bikrija, sabiex tiġi evitata dik iċ-ċaħda bikrija l-attur jenħtieġ li jkollu jissostanzja t-talba mill-inqas sa tali punt li jippermetti lill-qorti tikkonkludi li t-talba mhijiex manifestament infondata.

(40)

Jenħtieġ li deċiżjoni ta’ ċaħda bikrija tkun soġġetta għal appell. Deċiżjoni li tirrifjuta ċaħda bikrija tista’ wkoll tkun soġġetta għal appell f’konformità mal-liġi nazzjonali.

(41)

Fejn il-qorti tkun sabet li l-proċedimenti jkunu abbużivi, jenħtieġ li l-ispejjeż jinkludu t-tipi kollha ta’ spejjeż tal-proċedimenti li jistgħu jingħataw skont il-liġi nazzjonali, inkluż l-ispejjeż kollha tar-rappreżentanza legali li jkun ġarrab il-konvenut dment li ma jkunux eċċessivi. Fejn il-liġi nazzjonali ma tipprovdix l-għoti bis-sħiħ tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza legali lil hinn minn dak li hemm stabbilit fit-tabelli tat-tariffi statutorji, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-attur ikopri tali spejjeż bis-sħiħ b’mezzi oħra disponibbli skont il-liġi nazzjonali. Madankollu, jenħtieġ li l-ispejjeż kollha tar-rappreżentanza legali ma jingħatawx meta tali spejjeż ikunu eċċessivi, pereżempju fejn ikun intlaħaq qbil dwar tariffi sproporzjonati. Jenħtieġ li l-qorti tieħu d-deċiżjonijiet dwar l-ispejjeż f’konformità mal-liġi nazzjonali.

(42)

L-għan ewlieni li l-qrati jew it-tribunali jingħataw il-possibbiltà li jimponu penali jew miżuri xierqa oħrajn effettivi daqshom huwa sabiex l-atturi potenzjali jkunu skoraġġiti milli jiftħu proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Miżuri xierqa oħra, inkluż il-ħlas ta’ kumpens għad-danni jew il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti, fejn previst fil-liġi nazzjonali, jenħtieġ li jkunu effettivi daqs penali. Meta l-qorti tkun sabet li l-proċedimenti huma abbużivi, tali penali jew miżuri xierqa oħrajn effettivi daqshom jenħtieġ li jiġu ddeterminati fuq bażi ta’ każ b’każ, jenħtieġ li jkunu proporzjonati għan-natura ta’, u għall-elementi li jindikaw, l-abbuż identifikat u jenħtieġ li jqisu l-potenzjal għal effett dannuż jew dissważiv ta’ dawk il-proċedimenti fuq il-parteċipazzjoni pubblika jew is-sitwazzjoni ekonomika tal-attur li jkun sfrutta l-iżbilanċ tal-poter. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif jitħallsu kwalunkwe ammonti monetarji.

(43)

Fil-kuntest transfruntier, huwa importanti wkoll li tiġi rikonoxxuta t-theddida tas-SLAPPs f’pajjiżi terzi mmirati lejn il-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u persuni oħrajn involuti fil-parteċipazzjoni pubblika li huma domiċiljati fl-Unjoni. SLAPPs f’pajjiżi terzi jistgħu jinvolvu danni eċċessivi li jingħataw kontra persuni li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika. Il-proċedimenti tal-Qorti f’pajjiżi terzi huma aktar kumplessi u għaljin għall-persuni fil-mira tas-SLAPPs. Sabiex jiġu protetti d-demokrazija u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni fl-Unjoni u sabiex jiġi evitat li s-salvagwardji previsti minn din id-Direttiva jiġu mminati minn rikors għal proċedimenti tal-qorti f’ġuriżdizzjonijiet oħrajn, huwa importanti li tiġi pprovduta protezzjoni kontra talbiet manifestament infondati u proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika f’pajjiżi terzi. Huma l-Istati Membri li għandhom jagħżlu jekk jirrifjutawx ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ pajjiż terz bħala manifestament kuntrarja għall-ordni pubbliku (ordre public) jew abbażi ta’ raġuni separata għar-rifjut.

(44)

Din id-Direttiva toħloq raġuni speċjali ġdida ta’ ġuriżdizzjoni sabiex jiġi żgurat li l-persuni fil-mira ta’ SLAPPs domiċiljati fl-Unjoni jkollhom rimedju effiċjenti disponibbli fl-Unjoni kontra proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika mressqa f’qorti jew tribunal ta’ pajjiż terz minn attur domiċiljat barra l-Unjoni. Jenħtieġ li din tapplika irrispettivament minn deċiżjoni li tkun ingħatat jew minn deċiżjoni li tkun finali, peress li l-persuni fil-mira tas-SLAPPs jistgħu jsofru danni u jġarrbu spejjeż mill-bidu tal-proċedimenti tal-qorti u possibbilment anki mingħajr ma tingħata l-ebda deċiżjoni, bħal fil-każ ta’ rtirar tat-talba. Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw l-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni waqt li l-proċedimenti jkunu għadhom pendenti fil-pajjiż terz, f’konformità mal-liġi nazzjonali, pereżempju billi jipprevedu sospensjoni tal-proċedimenti fl-Istat Membru. Din il-bażi speċjali ta’ ġuriżdizzjoni tippermetti li l-persuni fil-mira ta’ SLAPPs li jkunu domiċiljati fl-Unjoni jfittxu, fil-qrati jew fit-tribunali tad-domiċilju tagħhom, kumpens għad-danni u għall-ispejjeż imġarrba jew li jkunu raġonevolment mistennija li jiġu mġarrba b’rabta mal-proċedimenti quddiem il-qorti jew it-tribunal tal-pajjiż terz. Dik ir-raġuni speċjali ta’ ġuriżdizzjoni għandha l-għan li taġixxi bħala deterrent kontra SLAPPs mibdija f’pajjiżi terzi kontra persuni domiċiljati fl-Unjoni u d-deċiżjoni mogħtija f’tali proċedimenti għandha tkun tista’ tiġi infurzata, pereżempju, meta attur domiċiljat barra l-Unjoni jkollu assi fl-Unjoni. Jenħtieġ li d-dispożizzjoni stabbilita f’din id-Direttiva dwar dak il-kriterju speċjali ta’ ġuriżdizzjoni ma tittrattax il-liġi applikabbli u lanqas il-liġi sostantiva dwar id-danni bħala tali.

(45)

Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet u ftehimiet bilaterali u multilaterali bejn Stat terz u l-Unjoni jew Stat Membru li jkunu ġew konklużi qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, inkluż il-Konvenzjoni ta’ Lugano tal-2007, f’konformità mal-Artikolu 351 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(46)

L-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar is-salvagwardji proċedurali, ir-rimedji u l-miżuri ta’ appoġġ eżistenti f’post wieħed, fl-hekk imsejjaħ “punt uniku ta’ servizz”, sabiex jipprovdu aċċess faċli għal informazzjoni ddedikata mingħajr ħlas lil dawk fil-mira tas-SLAPPs biex jgħinuhom isibu l-informazzjoni rilevanti kollha. Huwa tipiku fis-SLAPPs li dawk il-persuni fil-mira jsofru riperkussjonijiet finanzjarji severi u ħsara psikoloġika u reputazzjonali. L-ikkawżar ta’ tali ħsara huwa wieħed mill-għanijiet ta’ atturi tas-SLAPP meta jibdew proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Għalhekk, l-informazzjoni pprovduta permezz tal-“punt uniku ta’ servizz” jenħtieġ li tkopri mekkaniżmi ta’ appoġġ eżistenti, pereżempju informazzjoni dwar organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet rilevanti li jipprovdu assistenza legali jew finanzjarja u appoġġ psikoloġiku lill-persuni fil-mira tas-SLAPPs. Din id-Direttiva ma tiddefinix il-forma ta’ dak il-punt uniku ta’ servizz.

(47)

L-għan tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qorti rilevanti huwa li titqajjem kuxjenza dwar is-SLAPPs u li jiġi pprovdut sors ta’ informazzjoni dwar is-SLAPPs lill-qrati, lill-professjonisti legali u lill-pubbliku ġenerali. Tali pubblikazzjoni għandha tirrispetta l-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali u tista’ tiġi żgurata permezz ta’ mezzi xierqa bħal bażijiet ta’ data ġudizzjarja eżistenti jew il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika. Sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv, jenħtieġ li tal-anqas l-Istati Membri jkunu meħtieġa jippubblikaw is-sentenzi tal-qrati nazzjonali tal-appell jew tal-ogħla istanza.

(48)

It-tip ta’ data li għandha tinġabar mill-Istati Membri skont din id-Direttiva, fejn disponibbli, tiffoka fuq għadd limitat ta’ elementi ewlenin, bħall-għadd ta’ proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika kklassifikati abbażi tat-tipi ta’ konvenuti u atturi u tat-tipi ta’ talbiet li jintużaw biex jinbdew tali proċedimenti tal-qorti. Tali data hija meħtieġa biex jiġu mmonitorjati l-eżistenza u ż-żieda fl-għadd ta’ SLAPPs fl-Unjoni, filwaqt li l-awtoritajiet u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jingħataw informazzjoni biex jikkwantifikaw u jifhmu aħjar is-SLAPPs u jgħinuhom jipprovdu l-appoġġ meħtieġ għall-persuni fil-mira tas-SLAPPs. Id-disponibbiltà tad-data tkun iffaċilitata mid-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja.

(49)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/758 (5) hija indirizzata lill-Istati Membri u tipprovdi sett komprensiv ta’ għodod ta’ miżuri li jinkludu t-taħriġ, is-sensibilizzazzjoni, l-appoġġ għal persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, il-ġbir tad-data, u r-rappurtar dwar u l-monitoraġġ tal-proċedimenti tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Fejn il-Kummissjoni tħejji rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, filwaqt li tqis ukoll il-kuntest nazzjonali ta’ kull Stat Membru, inkluż l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/758, jenħtieġ li tħejji sommarju separat tar-rapport f’format faċilment aċċessibbli, li jkun fih informazzjoni ewlenija dwar l-użu tas-salvagwardji previsti f’din id-Direttiva fl-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika kemm ir-rapport kif ukoll is-sommarju permezz ta’ mezzi xierqa, inkluż il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.

(50)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni pprovduta minn strumenti oħrajn tal-liġi tal-Unjoni li jistabbilixxu regoli aktar favorevoli għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika. B’mod partikolari, din id-Direttiva mhijiex maħsuba biex tnaqqas jew tirrestrinġi d-drittijiet bħad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, u lanqas mhi maħsuba biex tnaqqas bi kwalunkwe mod il-protezzjoni offruta mid-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), kif implimentata fil-liġi nazzjonali. Fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tad-Direttiva (UE) 2019/1937, jenħtieġ li tapplika l-protezzjoni offruta miż-żewġ atti.

(51)

Ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni u l-liġi applikabbli fil-kawżi stabbiliti fir-Regolamenti (UE) Nru 1215/2012 u (KE) Nru 864/2007 jistgħu jkunu rilevanti f’kawżi SLAPP. Għalhekk, huwa importanti li kwalunkwe rieżami futur ta’ dawk ir-Regolamenti jivvalutaw ukoll l-aspetti speċifiċi tas-SLAPP tar-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni u l-liġi applikabbli.

(52)

Din id-Direttiva tikkonforma mad-drittijiet fundamentali, mal-Karta u mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li din id-Direttiva tiġi interpretata u implimentata f’konformità ma’ dawk id-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv, għal smigħ xieraq u għal aċċess għall-ġustizzja. Meta jimplimentaw din id-Direttiva, jenħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi kollha involuti jilħqu, f’sitwazzjonijiet fejn hemm kunflitt bejn id-drittijiet fundamentali rilevanti, bilanċ ġust bejn id-drittijiet ikkonċernati, f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(53)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka ma hijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u ma hijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(54)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda innotifikat b’ittra tas-6 ta’ Lulju 2022, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(55)

Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba d-differenzi bejn il-liġijiet proċedurali nazzjonali, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-fatt li din id-Direttiva tistabbilixxi standards minimi komuni għas-salvagwardji proċedurali nazzjonali f’materji transfruntiera ta’ natura ċivili u kummerċjali, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tipprovdi salvagwardji kontra talbiet manifestament infondati jew proċedimenti tal-qorti abbużivi f’materji ċivili b’implikazzjonijiet transfruntieri mressqa kontra persuni fiżiċi u ġuridiċi minħabba l-involviment tagħhom f’parteċipazzjoni pubblika.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tapplika għal materji ta’ natura ċivili jew kummerċjali b’implikazzjonijiet transfruntieri marbuta ma’ proċedimenti ċivili, inkluż proċeduri għal miżuri interim u kawtelatorji u kontro-talbiet, irrispettivament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Din ma għandhiex tiġi estiża, b’mod partikolari, għal dħul, materji doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbilità tal-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii). Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal materji kriminali jew arbitraġġ u għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-liġi dwar il-proċedura kriminali.

Artikolu 3

Rekwiżiti minimi

1.   L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli biex jipproteġu persuni involuti f’parteċipazzjoni pubblika minn talbiet manifestament infondati jew proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika f’materji ċivili, inklużi dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu salvagwardji proċedurali aktar effettivi relatati mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni.

2.   L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-ebda ċirkostanza ma għandha tintuża bħala raġuni għal tnaqqis fil-livell ta’ salvagwardji diġà mogħtija mill-Istati Membri fil-kwistjonijiet koperti b’din id-Direttiva.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“parteċipazzjoni pubblika” tfisser it-teħid ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni jew it-twettiq ta’ kwalunkwe attività minn persuna fiżika jew ġuridika fl-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-arti u x-xjenzi, jew il-libertà ta’ għaqda paċifika u assoċjazzjoni, u kwalunkwe azzjoni preparatorja, ta’ appoġġ jew ta’ assistenza marbuta direttament ma’ dan, u li jikkonċerna kwistjoni ta’ interess pubbliku,

(2)

“kwistjoni ta’ interess pubbliku” tfisser kwalunkwe kwistjoni li taffettwa lill-pubbliku sa tali punt li l-pubbliku jista’ jkollu interess leġittimu fiha, f’oqsma bħal:

(a)

drittijiet fundamentali, is-saħħa pubblika, is-sikurezza, l-ambjent jew il-klima;

(b)

attivitajiet ta’ persuna fiżika jew ġuridika li hija personaġġ pubbliku fis-settur pubbliku jew privat;

(c)

kwistjonijiet taħt kunsiderazzjoni minn korp leġiżlattiv, eżekuttiv jew ġudizzjarju, jew kwalunkwe proċediment uffiċjali ieħor;

(d)

allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, frodi, jew ta’ kwalunkwe reat kriminali ieħor, jew ta’ reat amministrattiv fir-rigward ta’ tali kwistjonijiet;

(e)

attivitajiet li għandhom l-għan li jipproteġu l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inkluż il-protezzjoni tal-proċessi demokratiċi kontra interferenza indebita, b’mod partikolari permezz tal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni;

(3)

“proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika” tfisser proċedimenti tal-qorti li ma jitressqux biex jasserixxu jew jeżerċitaw ġenwinament xi dritt, iżda li għandhom bħala l-iskop ewlieni tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew il-penalizzazzjoni tal-parteċipazzjoni pubblika, fejn spiss jisfruttaw żbilanċ ta’ poter bejn il-partijiet, u li jsegwu talbiet infondati. Indikazzjonijiet ta’ tali skop jinkludu pereżempju:

(a)

in-natura sproporzjonata, eċċessiva jew mhux raġonevoli tat-talba jew ta’ parti minnha, inkluż il-valur eċċessiv tat-tilwima;

(b)

l-eżistenza ta’ bosta proċedimenti mibdija mill-attur jew mill-partijiet assoċjati fir-rigward ta’ kwistjonijiet simili;

(c)

l-intimidazzjoni, il-fastidju jew it-theddid min-naħa tal-attur jew tar-rappreżentanti tal-attur, qabel jew waqt il-proċedimenti, kif ukoll kwalunkwe mġiba simili mill-attur f’kawżi simili jew li jkunu għaddejjin fl-istess żmien;

(d)

l-użu in mala fede ta’ tattiċi proċedurali, bħal dewmien fil-proċedimenti, għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv jew il-waqfien ta’ kawżi fi stadju aktar tard tal-proċedimenti in mala fede.

Artikolu 5

Kwistjonijiet b’implikazzjonijiet transfruntiera

1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, kwistjoni titqies li għandha implikazzjonijiet transfruntiera dment li ż-żewġ partijiet ma jkunux domiċiljati fl-istess Stat Membru bħall-qorti adita u l-elementi l-oħra kollha rilevanti għas-sitwazzjoni kkonċernata ma jkunux jinsabu biss f’dak l-Istat Membru.

2.   Id-domiċilju għandu jiġi ddeterminat f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1215/2012.

KAPITOLU II

Regoli komuni dwar is-salvagwardji proċedurali

Artikolu 6

Rikorsi għal salvagwardji proċedurali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jitressqu proċedimenti tal-qorti kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi minħabba l-involviment tagħhom f’parteċipazzjoni pubblika, dawk il-persuni jistgħu jitolbu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, għal:

(a)

garanzija kif previst fl-Artikolu 10;

(b)

iċ-ċaħda bikrija ta’ talbiet manifestament infondati, kif previst fil-Kapitolu III;

(c)

rimedji kontra proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika kif previst fil-Kapitolu IV.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-miżuri dwar is-salvagwardji proċedurali kif previst fil-Kapitoli III u IV jistgħu jittieħdu ex officio mill-qorti jew mit-tribunal aditi bil-kwistjoni.

Artikolu 7

Trattament aċċellerat ta’ rikorsi għal salvagwardji proċedurali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li rikorsi skont l-Artikolu 6(1) il-punti (a) u (b) jiġu ttrattati b’mod aċċellerat f’konformità mal-liġi nazzjonali, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-kawża, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal smigħ xieraq.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li rikorsi skont l-Artikolu 6(1), il-punt (c), jistgħu wkoll jiġu trattati b’mod aċċellerat, fejn possibbli, f’konformità mal-liġi nazzjonali, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-kawża, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal smigħ xieraq.

Artikolu 8

Emenda sussegwenti tat-talba jew tas-sottomissjonijiet

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti tal-qorti mressqa kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi minħabba l-involviment tagħhom f’parteċipazzjoni pubblika, kwalunkwe emendi sussegwenti għat-talbiet jew is-sottomissjonijiet imressqa mill-attur, inkluż l-irtirar ta’ talbiet, ma jaffettwawx il-possibbiltà għall-konvenut li japplika għal rimedji kif previst fil-Kapitolu IV, f’konformità mal-liġi nazzjonali.

L-ewwel paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(2).

Artikolu 9

Appoġġ għall-konvenut fi proċedimenti tal-qorti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li qorti jew tribunal aditi bi proċedimenti tal-qorti mressqa kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi minħabba l-involviment tagħhom fil-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jaċċettaw li assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet, trade unions u entitajiet oħra li għandhom, f’konformità mal-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali tagħhom, interess leġittimu fis-salvagwardja jew il-promozzjoni tad-drittijiet ta’ persuni involuti fil-parteċipazzjoni pubblika, jistgħu jappoġġaw lill-konvenut, bl-approvazzjoni tal-konvenut, jew jipprovdu informazzjoni f’dawk il-proċedimenti f’konformità mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 10

Garanzija

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti tal-qorti mressqa kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi minħabba l-involviment tagħhom f’parteċipazzjoni pubblika, il-qorti jew tribunal aditi jistgħu jirrikjedu, mingħajr preġudizzju għad-dritt għal aċċess għall-ġustizzja, li l-attur jipprovdi garanzija għall-ispejjeż stmati tal-proċedimenti, li jistgħu jinkludu l-ispejjeż għar-rappreżentanza legali mħallsa mill-konvenut, u, jekk previst fil-liġi nazzjonali, għad-danni.

KAPITOLU III

Ċaħda bikrija ta’ talbiet manifestament infondati

Artikolu 11

Ċaħda bikrija

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati u t-tribunali jistgħu jiċħdu, wara eżaminazzjoni xierqa, talbiet kontra l-parteċipazzjoni pubblika bħala manifestament infondati fl-aktar stadju bikri possibbli tal-proċedimenti, f’konformità mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 12

Oneru tal-provi u ġustifikazzjoni tat-talbiet

1.   L-oneru li jingħataw provi li t-talba hija fondata jaqa’ fuq l-attur li jkun ippreżenta r-rikors.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta konvenut ikun talab ċaħda bikrija, għandu jkun l-attur li jissostanzja t-talba sabiex jippermetti lill-qorti tivvaluta jekk hijiex manifestament infondata.

Artikolu 13

Appell

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjoni li tilqa’ ċaħda bikrija skont l-Artikolu 11 tkun soġġetta għal appell.

KAPITOLU IV

Rimedji kontra proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika

Artikolu 14

Ħlas tal-ispejjeż

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li attur li jkun ressaq proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jista’ jiġi ordnat iġarrab it-tipi kollha ta’ spejjeż tal-proċedimenti li jistgħu jingħataw skont il-liġi nazzjonali, inkluż l-ispejjeż ta’ rappreżentanza legali mġarrba mill-konvenut, dment li dawn l-ispejjeż ma jkunux eċċessivi.

2.   Meta l-liġi nazzjonali ma tiggarantix l-għoti bis-sħiħ tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza legali lil hinn minn dak stabbilit fit-tabelli tat-tariffi statutorji, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali spejjeż jiġu koperti bis-sħiħ, dment li ma jkunux eċċessivi, b’mezzi oħra disponibbli skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 15

Penali jew miżuri xierqa oħra daqstant effettivi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jew it-tribunali aditi bi proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jimponu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi jew miżuri xierqa oħrajn effettivi daqshom, inkluż il-ħlas ta’ kumpens għad-danni jew il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti, fejn previst fil-liġi nazzjonali, fuq il-parti li tkun ressqet dawk il-proċedimenti.

KAPITOLU V

Protezzjoni kontra sentenzi ta’ pajjiżi terzi

Artikolu 16

Raġunijiet għar-rifjut tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ pajjiż terz

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ pajjiż terz fi proċedimenti tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika minn persuna fiżika jew ġuridika domiċiljata fi Stat Membru jiġu rifjutati jekk dawk il-proċedimenti jitqiesu manifestament infondati jew abbużivi skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jintalab tali rikonoxximent jew eżekuzzjoni.

Artikolu 17

Ġuriżdizzjoni għal rikorsi relatati mal-proċedimenti ta’ pajjiż terz

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jitressqu proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika minn attur domiċiljat barra l-Unjoni f’qorti jew tribunal ta’ pajjiż terz kontra persuna fiżika jew ġuridika domiċiljata fi Stat Membru, dik il-persuna tkun tista’ titlob, fil-qrati jew fit-tribunali tal-post fejn dik il-persuna tkun domiċiljata, kumpens għad-danni u l-ispejjeż imġarrba b’rabta mal-proċedimenti quddiem il-qorti jew it-tribunal tal-pajjiż terz.

2.   L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni skont il-paragrafu 1 waqt li l-proċedimenti jkunu għadhom pendenti fil-pajjiż terz.

KAPITOLU VI

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 18

Relazzjonijiet ma’ konvenzjonijiet u ftehimiet bilaterali u multilaterali

Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet u ftehimiet bilaterali u multilaterali bejn Stat terz u l-Unjoni jew Stat Membru li jkunu ġew konklużi qabel is-6 ta’ Mejju 2024.

Artikolu 19

Informazzjoni u trasparenza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi involuti fil-parteċipazzjoni pubblika msemmija fl-Artikolu 6 jkollhom aċċess, kif xieraq, għall-informazzjoni dwar is-salvagwardji u r-rimedji proċedurali disponibbli u l-miżuri ta’ appoġġ eżistenti bħall-għajnuna legali u l-appoġġ finanzjarju u psikoloġiku, fejn disponibbli.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, fejn xieraq f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra.

Tali informazzjoni għandha tiġi pprovduta f’post wieħed f’format faċilment aċċessibbli permezz ta’ mezzi xierqa, bħal ċentru ta’ informazzjoni, punt fokali eżistenti jew portal elettroniku, inkluż il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tingħata l-għajnuna legali fi proċedimenti ċivili transfruntiera f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/8/KE (7).

3.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw, f’format faċilment aċċessibbli u elettroniku, kwalunkwe sentenza finali mogħtija mill-qrati nazzjonali tagħhom ta’ appell jew tal-ogħla istanza fir-rigward ta’ proċedimenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dik il-pubblikazzjoni għandha ssir f’konformità mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 20

Ġbir tad-data

L-Istati Membri għandhom, fuq bażi annwali u fejn disponibbli, jippreżentaw data dwar it-talbiet u dwar id-deċiżjonijiet imsemmija fil-Kapitoli II, III, IV u V lill-Kummissjoni, preferibbilment f’forma aggregata, fir-rigward:

(a)

tal-għadd ta’ proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra kawżi ta’ parteċipazzjoni pubblika, mibdija fis-sena rilevanti;

(b)

tal-għadd ta’ proċedimenti tal-qorti, ikklassifikati skont it-tip ta’ konvenut u ta’ attur;

(c)

tat-tip ta’ talba ppreżentata abbażi ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 21

Rieżami

L-Istati Membri għandhom, sas-7 ta’ Mejju 2030, jipprovdu lill-Kummissjoni d-data disponibbli dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari d-data disponibbli li turi kif dawk fil-mira tal-proċedimenti tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika użaw is-salvagwardji previsti f’din id-Direttiva. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni għandha sa mhux aktar tard mis-7 ta’ Mejju 2031 u kull ħames snin wara dan, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dak ir-rapport għandu jipprovdi valutazzjoni tal-iżviluppi fir-rigward tal-proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika u tal-impatt ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri filwaqt li jqis il-kuntest nazzjonali f’kull Stat Membru, inkluż l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/758. Jekk neċessarju, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti għall-emendar ta’ din id-Direttiva. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jkun pubbliku.

Artikolu 22

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas-7 ta’ Mejju 2026. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif għandha ssir din ir-referenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 24

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU C 75, 28.2.2023, p. 143.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Frar 2024 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2024.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/758 tas-27 ta’ April 2022 dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”) (ĠU L 138, 17.5.2022, p. 30).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE tas-27 ta’ Jannar 2003 biex jittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f’tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma’ għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn (ĠU L 26, 31.1.2003, p. 41).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1069/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top