EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1542

Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jemenda d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/2/2023/REV/1

ĠU L 191, 28.7.2023, p. 1–117 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 28/07/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1542/oj

28.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 191/1


REGOLAMENT (UE) 2023/1542 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2023

dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jemenda d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 u l-Artikolu 192(1) tiegħu fir-rigward tal-Artikoli 54 sa 76 ta’ dan ir-Regolament,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (il-“Patt Ekoloġiku Ewropew”) hija l-istrateġija tal-Ewropa għat-tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra fl-2050 u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Bidla mill-użu tal-fjuwils fossili fil-vetturi għall-elettromobbiltà huwa wieħed mill-prerekwiżiti biex tintlaħaq il-mira tan-newtralità klimatika fl-2050. Sabiex il-politiki tal-Unjoni dwar il-prodotti jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju fil-livell globali, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-prodotti kkummerċjalizzati u mibjugħa fl-Unjoni jiġu akkwistati u manifatturati b’mod sostenibbli.

(2)

Il-batteriji huma b’hekk sors importanti ta’ enerġija u wieħed mill-instigaturi ewlenin għall-iżvilupp sostenibbli, il-mobbiltà ekoloġika, l-enerġija nadifa u n-newtralità klimatika. Huwa mistenni li d-domanda għall-batteriji ser tikber b’mod rapidu fis-snin li ġejjin, b’mod partikolari għall-vetturi elettriċi tat-trasport bit-triq u għal mezzi tat-trasport ħfief li jużaw il-batteriji għall-ġbid, u b’hekk is-suq għall-batteriji jsir dejjem aktar strateġiku fil-livell globali. Ser ikompli jkun hemm progress tekniku u xjentifiku sinifikanti fil-qasam tat-teknoloġija tal-batteriji. Fid-dawl tal-importanza strateġika tal-batteriji, biex tiġi pprovduta ċertezza legali lill-operaturi kollha involuti u jiġu evitati d-diskriminazzjoni, l-ostakli għall-kummerċ u d-distorsjonijiet fis-suq għall-batteriji, jeħtieġ li jiġu stipulati regoli dwar is-sostenibbiltà, il-prestazzjoni, is-sikurezza, il-ġbir, ir-riċiklaġġ u t-tieni ħajja tal-batteriji, kif ukoll dwar l-informazzjoni dwar il-batteriji għall-utenti finali u l-operaturi ekonomiċi. Jeħtieġ li jinħoloq qafas regolatorju armonizzat biex jittratta ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-batteriji li jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni.

(3)

Jeħtieġ ukoll li tiġi aġġornata l-liġi tal-Unjoni dwar l-immaniġġar tal-iskart ta’ batteriji u biex jittieħdu miżuri li jipproteġu l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem billi jiġu evitati jew jitnaqqsu l-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġar tal-iskart, billi jitnaqqas l-impatt tal-użu tar-riżorsi u billi titjieb l-effiċjenza fir-riżorsi. Tali miżuri huma kruċjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u ekonomija newtrali għall-klima u ambjent ħieles minn sustanzi tossiċi, u biex jiġu garantiti l-kompetittività u l-awtonomija strateġika fit-tul tal-Unjoni. Dawn jistgħu joħolqu opportunitajiet ekonomiċi importanti, iżidu s-sinerġiji bejn l-ekonomija ċirkolari u l-politiki dwar l-enerġija, il-klima, it-trasport, l-industrija u r-riċerka, u jipproteġu l-ambjent u jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

(4)

Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġabet magħha titjib fil-prestazzjoni ambjentali tal-batteriji u stabbiliet xi regoli u obbligi komuni għall-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari permezz ta’ regoli armonizzati għall-kontenut ta’ metalli tqal u tikkettar tal-batteriji u permezz ta’ regoli u miri għall-immaniġġar tal-iskart kollu ta’ batteriji, abbażi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur.

(5)

Ir-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni, l-impatt u l-evalwazzjoni tad-Direttiva 2006/66/KE ppreżentati fl-2019 enfasizzaw mhux biss il-kisbiet iżda wkoll il-limitazzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, b’mod partikolari f’kuntest li nbidel b’mod fundamentali kkaratterizzat mill-importanza strateġika tal-batteriji u ż-żieda fl-użu tagħhom.

(6)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Mejju 2018 dwar “Ewropa attiva - Mobbiltà Sostenibbli għall-Ewropa: sikura, konnessa u nadifa” tinkludi l-Pjan ta’ Azzjoni Strateġiku dwar il-Batteriji. Dak il-pjan ta’ azzjoni jipprevedi miżuri li jappoġġaw l-isforzi biex tinbena katina tal-valur tal-batteriji fl-Ewropa li tkopri l-estrazzjoni tal-materja prima, l-akkwist u l-ipproċessar sostenibbli, materjali sostenibbli tal-batteriji, il-manifattura taċ-ċelluli kif ukoll l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-batteriji.

(7)

Fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni kkonfermat l-impenn tagħha li timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni Strateġiku dwar il-Batteriji u indikat li ser tipproponi leġiżlazzjoni biex tiżgura katina tal-valur tal-batteriji li tkun sikura, ċirkolari u sostenibbli għall-batteriji kollha, inkluż biex tforni lis-suq dejjem jikber tal-vetturi elettriċi.

(8)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-4 ta’ Ottubru 2019 dwar “Aktar ċirkolarità – Tranżizzjoni lejn soċjetà sostenibbli”, il-Kunsill appella, fost oħrajn, għal politiki koerenti li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jtejbu s-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità tal-batteriji biex jakkumpanjaw it-tranżizzjoni lejn l-elettromobbiltà. Barra minn hekk, il-Kunsill appella għal reviżjoni urġenti tad-Direttiva 2006/66/KE, li jenħtieġ li tinkludi l-materjali tal-batteriji rilevanti kollha u li jenħtieġ li tikkunsidra, b’mod partikolari, rekwiżiti speċifiċi għal-litju u l-kobalt kif ukoll mekkaniżmu li jippermetti l-adattament ta’ dik id-Direttiva għall-bidliet futuri fit-teknoloġiji tal-batteriji.

(9)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Marzu 2020 dwar “Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari – Għal Ewropea aktar nadifa u kompetittiva” tindika li l-proposta għal qafas regolatorju ġdid għall-batteriji ser tikkunsidra regoli dwar il-kontenut riċiklat u miżuri biex jittejbu r-rati tal-ġbir u tar-riċiklaġġ tal-batteriji kollha, sabiex jiġi żgurat l-irkupru ta’ materjali ta’ valur u biex tingħata gwida lill-konsumaturi u ser tindirizza t-tneħħija gradwali possibbli tal-batteriji mhux rikarikabbli fejn jeżistu alternattivi. Barra minn hekk, jissemma li ser jiġu kkunsidrati rekwiżiti ta’ sostenibbiltà u trasparenza, b’kont meħud tal-impronta tal-karbonju tal-manifattura tal-batteriji, l-akkwist minn sors etiku tal-materja prima u s-sigurtà tal-provvista sabiex jiġu ffaċilitati l-użu mill-ġdid, l-adattament għal skop differenti u r-riċiklaġġ tal-batteriji.

(10)

L-indirizzar taċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-batteriji kollha mqiegħda fis-suq tal-Unjoni jirrikjedi l-istabbiliment ta’ rekwiżiti armonizzati għall-prodotti u l-kummerċjalizzazzjoni, inkluż proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità, kif ukoll rekwiżiti biex jiġi indirizzat bis-sħiħ l-istadju ta’ tmiem il-ħajja tal-batteriji. Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-istadju ta’ tmiem il-ħajja huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-implikazzjonijiet ambjentali tal-batteriji u, b’mod partikolari, biex jiġi appoġġat il-ħolqien ta’ swieq tar-riċiklaġġ għall-batteriji u swieq għall-materja prima sekondarja minn skart ta’ batteriji. Sabiex jintlaħqu l-objettivi previsti li jiġi indirizzat iċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta’ batterija fi strument legali wieħed, filwaqt li jiġu evitati l-ostakli għall-kummerċ u distorsjoni tal-kompetizzjoni u tiġi ssalvagwardjata l-integrità tas-suq intern, jenħtieġ li r-regoli li jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-batteriji jkunu ta’ applikazzjoni uniformi għall-operaturi ekonomiċi kollha madwar l-Unjoni u ma tħallix lok għal implimentazzjoni diverġenti mill-Istati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2006/66/KE tiġi sostitwita minn Regolament.

(11)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għall-kategoriji kollha ta’ batteriji mqiegħda fis-suq jew fis-servizz fl-Unjoni, irrispettivament minn jekk kinux prodotti fl-Unjoni jew importati. Jenħtieġ li japplika irrispettivament minn jekk batterija tkunx inkorporata f’apparati, f’mezzi tat-trasport ħfief jew f’vetturi oħra jew inkella tkunx miżjuda ma’ prodotti jew jekk batterija tiġix imqiegħda fis-suq jew fis-servizz fi ħdan l-Unjoni waħedha. Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika irrispettivament minn jekk batterija tkunx iddisinjata speċifikament għal prodott jew tkunx ta’ użu ġenerali u irrispettivament minn jekk tkunx inkorporata fi prodott jew tkunx fornuta flimkien ma’ prodott li fih għandha tintuża jew inkella separatament minnu. It-tqegħid fis-suq jitqies li jseħħ meta l-batterija tkun tqiegħdet għad-dispożizzjoni għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni, billi tiġi fornuta mill-manifattur jew mill-importatur għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu matul attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas. Għalhekk, il-batteriji mqiegħda fl-istokk fl-Unjoni minn distributuri, inkluż bejjiegħa bl-imnut, bejjiegħa bl-ingrossa u diviżjonijiet tal-bejgħ tal-manifatturi, qabel id-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti rilevanti ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx għalfejn jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti.

(12)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevjeni u jnaqqas l-impatti negattivi tal-batteriji fuq l-ambjent u jiżgura katina tal-valur tal-batteriji sikura u sostenibbli għall-batteriji kollha, filwaqt li jqis, pereżempju, l-impronta tal-karbonju tal-manifattura tal-batteriji, l-akkwist minn sors etiku tal-materja prima u s-sigurtà tal-provvista, u jiffaċilita l-użu mill-ġdid, l-adattament għal skop differenti u r-riċiklaġġ. Jenħtieġ li jfittex li jtejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-batteriji u tal-attivitajiet tal-operaturi kollha involuti fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-batteriji, bħal produtturi, distributuri u utenti finali u, b’mod partikolari, dawk l-operaturi involuti direttament fit-trattament u r-riċiklaġġ tal-iskart ta’ batteriji. Tali miżuri jgħinu biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u li jikkontribwixxu għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent. Jenħtieġ ukoll li dan ir-Regolament jimmira li jipprevjeni u jnaqqas l-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġar tal-iskart ta’ batteriji fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u jenħtieġ li jkollu l-għan li jnaqqas l-użu tar-riżorsi, u jiffavorixxi l-applikazzjoni prattika tal-ġerarkija tal-iskart.Għalhekk sabiex jiġu evitati diverġenzi li jfixklu ċ-ċirkolazzjoni libera tal-batteriji, billi jiġu stipulati obbligi u rekwiżiti uniformi fis-suq intern kollu, l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huwa l-bażi legali xierqa għal dan ir-Regolament. Sa fejn dan ir-Regolament ikun fih regoli speċifiċi dwar l-immaniġġar tal-iskart ta’ batteriji, il-bażi legali xierqa, sa fejn huma kkonċernati dawk ir-regoli speċifiċi, hija l-Artikolu 192(1) TFUE.

(13)

Prodotti mqiegħda fis-suq bħala pakketti ta’ batteriji, li huma batteriji jew gruppi ta’ ċelluli konnessi flimkien jew magħluqa f’kisi estern biex jifformaw unità kompleta li tkun lesta għall-użu minn utenti finali jew f’applikazzjonijiet li l-utent finali mhuwiex intenzjonat li jifred jew jiftaħ u li jikkonformaw mad-definizzjoni ta’ batteriji, jew ċelluli tal-batteriji li jikkonformaw mad-definizzjoni ta’ batteriji, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rekwiżiti applikabbli għall-batteriji.

(14)

Il-batteriji li jistgħu jkunu lesti għall-użu mill-utent finali b’għodod ġeneralment disponibbli bl-użu ta’ kit “Do It Yourself”, jenħtieġ li jitqiesu li huma batteriji għall-fini ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-operatur ekonomiku li jqiegħed tali kits fis-suq ikun soġġett għal dan ir-Regolament.

(15)

Fil-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ta’ dan ir-Regolament, huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ batteriji f’konformità mad-disinn u l-użu tagħhom, indipendentement mill-kimika tagħhom. Il-klassifikazzjoni f’batteriji portabbli, minn naħa waħda, u batteriji industrijali u batteriji awtomotivi min-naħa l-oħra skont id-Direttiva 2006/66/KE, jenħtieġ li tiġi żviluppata aktar biex tkun tirrifletti aħjar l-iżviluppi ġodda fl-użu tal-batteriji. Il-batteriji li jintużaw għat-trazzjoni f’vetturi elettriċi u li, skont id-Direttiva 2006/66/KE, jaqgħu fil-kategorija ta’ batteriji industrijali, jikkostitwixxu parti tas-suq kbira u li qed tikber minħabba ż-żieda rapida ta’ vetturi elettriċi tat-trasport fit-triq. Għalhekk huwa xieraq li dawk il-batteriji li jintużaw għat-trazzjoni f’vetturi tat-triq jiġu kklassifikati bħala kategorija separata ġdida ta’ batteriji ta’ vetturi elettriċi. Il-batteriji użati għat-trazzjoni f’mezzi tat-trasport ħfief, bħar-roti u l-iscooters elettriċi, ma ġewx ikklassifikati bħala kategorija separata ta’ batteriji skont id-Direttiva 2006/66/KE. Madanakollu, tali batteriji jikkostitwixxu parti sinifikanti mis-suq minħabba l-użu dejjem akbar tagħhom fil-mobbiltà urbana sostenibbli. Għalhekk huwa xieraq li dawk il-batteriji jiġu kklassifikati bħala kategorija separata ġdida ta’ batteriji, jiġifieri batteriji għal mezzi ta’ trasport ħfief (batteriji LMT - light means of transport batteries). Il-batteriji użati għat-trazzjoni f’vetturi oħra tat-trasport inkluż it-trasport bil-ferrovija, fuq l-ilma u bl-ajru jew makkinarju off-road, ikomplu jaqgħu fil-kategorija ta’ batteriji industrijali skont dan ir-Regolament. Il-kategorija ta’ batteriji industrijali tinkludi grupp wiesa’ ta’ batteriji, maħsuba biex jintużaw għal attivitajiet industrijali, l-infrastruttura tal-komunikazzjoni, attivitajiet agrikoli, jew il-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija elettrika. Il-batteriji li jingħataw użi industrijali wara li jkunu ġew soġġetti għal preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti jew l-adattament għal skop differenti, minkejja li inizjalment kienu ddisinjati għal użu differenti, jenħtieġ li jitqiesu li huma batteriji industrijali skont dan ir-Regolament. Minbarra din il-lista mhux eżawrjenti ta’ eżempji, jenħtieġ li kwalunkwe batterija li tiżen aktar minn 5 kg li ma taqa’ taħt ebda kategorija oħra skont dan ir-Regolament titqies li hija batterija industrijali. Jenħtieġ li l-batteriji użati għall-ħżin tal-enerġija f’ambjenti privati jew domestiċi, jiġu kkunsidrati li huma batteriji industrijali għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-batteriji użati għat-trazzjoni f’vetturi bir-roti meqjusa li huma ġugarelli skont it-tifsira tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jenħtieġ li, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ma jitqisux li huma batteriji LMT, iżda li huma batteriji portabbli.

(16)

Wara li titqiegħed fis-suq jew titqiegħed fis-servizz fl-Unjoni għall-ewwel darba, batterija tista’ tkun soġġetta għal użu mill-ġdid, għal adattament għal skop differenti, għal manifattura mill-ġdid, għal preparazzjoni għal użu mill-ġdid, jew għall-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-qafas tal-Unjoni dwar ir-regolamentazzjoni tal-prodotti, jenħtieġ li batterija użata, jiġifieri batterija li tkun ġiet soġġetta għal użu mill-ġdid, titqies li tkun diġà tqiegħdet fis-suq meta tkun saret disponibbli fis-suq għall-ewwel darba għall-użu jew għad-distribuzzjoni. Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-batteriji li jkunu ġew soġġetti għal preparazzjoni għal użu mill-ġdid, preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, adattament għal skop differenti jew manifattura mill-ġdid, jitqiesu li qed jerġgħu jitqiegħdu fis-suq mill-ġdid u għalhekk jenħtieġ li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mal-qafas tal-Unjoni dwar ir-regolamentazzjoni tal-prodotti, batterija użata li tkun ġiet importata minn pajjiż terz titqies li titqiegħed fis-suq meta tidħol fl-Unjoni għall-ewwel darba. Għalhekk, jenħtieġ li batterija li tkun ġiet soġġetta għall-użu mill-ġdid, l-adattament għal skop differenti, il-manifattura mill-ġdid, il-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, jew il-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti u li tkun ġiet importata minn pajjiż terz tikkonforma ma’ dan ir-Regolament.

(17)

Il-manifattura mill-ġdid tkopri firxa wiesgħa ta’ operazzjonijiet tekniċi li jistgħu jsiru fuq il-batteriji jew fuq l-iskart ta’ batteriji. Fi-rigward tal-iskart ta’ batteriji, il-manifattura mill-ġdid tista’ titqies li hija preparazzjoni għal użu mill-ġdid jew mal-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti. Għal dik ir-raġuni, mhuwiex meħtieġ li f’dan ir-Regolament jiġi previst reġim speċifiku għall-manifattura mill-ġdid tal-iskart ta’ batteriji li jkun differenti mir-reġim dwar il-preparazzjoni għal użu mill-ġdid jew il-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti tal-iskart ta’ batteriji. Fir-rigward tal-batteriji użati, il-manifattura mill-ġdid għandha l-objettiv li tirrestawra l-prestazzjoni oriġinali ta’ batterija. F’dak is-sens il-manifattura mill-ġdid tista’ titqies bħala każ estrem ta’ użu mill-ġdid li jinvolvi ż-żarmar u l-evalwazzjoni taċ-ċelluli u l-moduli tal-batterija u s-sostituzzjoni ta’ ċertu ammont ta’ dawn iċ-ċelluli u moduli. Sabiex issir distinzjoni bejn il-manifattura mill-ġdid u s-sempliċi użu mill-ġdid, jenħtieġ li r-restawr tal-kapaċità tal-batterija għal mill-inqas 90 % tal-kapaċità nominali oriġinali tal-batterija jitqies li hija manifattura mill-ġdid u teħtieġ l-applikazzjoni ta’ reġim speċifiku.

(18)

Meta l-utent finali jkun konsumatur, u l-batterija tkun ġiet soġġetta għal preparazzjoni għal użu mill-ġdid, preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, adattament għal skop differenti jew manifattura mill-ġdid, jenħtieġ li dik il-batterija tkun koperta minn kuntratt ta’ bejgħ li jikkonforma mad-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). B’mod partikolari, ir-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva jkopru l-konformità tal-prodott, ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ, inkluż l-opzjoni ta’ perjodu iqsar ta’ responsabbiltà jew limitazzjoni, l-oneru tal-provi, ir-rimedji għan-nuqqas ta’ konformità, it-tiswija jew is-sostituzzjoni tal-oġġetti, u l-garanziji kummerċjali.

(19)

Jenħtieġ li l-batteriji jiġu ddisinjati u manifatturati biex jottimizzaw il-prestazzjoni, id-durabbiltà u s-sikurezza tagħhom u biex titnaqqas kemm jista’ jkun l-impronta ambjentali tagħhom. Huwa xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi ta’ sostenibbiltà għal batteriji industrijali rikarikabbli b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh, batteriji LMT u batteriji tal-vetturi elettriċi, peress li tali batteriji jirrappreżentaw is-segment tas-suq li huwa l-aktar mistenni li jiżdied fis-snin li ġejjin.

(20)

Għas-sikurezza tal-batteriji tal-vetturi elettriċi u tal-batteriji għall-istartjar, it-tidwil u t-tqabbid (batteriji SLI - starting, lighting and ignition batteries), il-validità kontinwa tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-vetturi tal-kategoriji M, N u O f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) tirrikjedi li kwalunkwe batterija li tkun issewwiet jew ġiet skambjata tkompli tikkonforma mar-rekwiżiti tas-sikurezza applikabbli. Meta d-dettalji tas-sikurezza jkunu nbidlu, ikunu meħtieġa aktar spezzjonijiet jew testijiet biex tiġi vverifikata l-konformità kontinwa mar-rekwiżiti li fuqhom tkun ġiet ibbażata l-approvazzjoni tat-tip tal-UE eżistenti.

(21)

F’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Mejju 2021 dwar “Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija”, jenħtieġ li l-politiki tal-Unjoni jkunu bbażati fuq il-prinċipju li azzjoni preventiva għandha tittieħed fis-sors. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-14 ta’ Ottubru 2020 dwar “Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà – Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità” (l-“Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà”), il-Kummissjoni tissottolinja li r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jenħtieġ li jissaħħu bħala l-pedamenti tal-Unjoni għar-regolamentazzjoni tas-sustanzi kimiċi fl-Unjoni u li jenħtieġ li jiġu kkomplementati b’approċċi koerenti għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi fil-leġiżlazzjoni settorjali eżistenti. Għalhekk jenħtieġ li l-użu ta’ sustanzi perikolużi fil-batteriji jkun primarjament ristrett fis-sors sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent u biex tiġi ġestita l-preżenza ta’ tali sustanzi fl-iskart. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jikkumplimenta r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju relatati mas-sustanzi inkluż il-fażi tal-iskart.

(22)

Minbarra r-restrizzjonijiet stipulati fl-Anness XVII għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, huwa xieraq li jiġu stipulati restrizzjonijiet għall-preżenza tal-merkurju, il-kadmju u ċ-ċomb f’ċerti kategoriji ta’ batteriji. Il-batteriji użati f’vetturi li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Anness II għad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jenħtieġ li jiġu esklużi mill-projbizzjoni li jkun fihom il-kadmju. Bil-ħsieb ta’ restrizzjonijiet ulterjuri fuq sustanzi preżenti fil-batteriji jew użati fil-manifattura tagħhom, huwa xieraq li jitwettaq immappjar tas-sustanzi ta’ tħassib, definiti fl-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà bħala sustanzi li għandhom effett kroniku għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, bħal sustanzi fil-lista ta’ kandidati għall-inklużjoni eventwali fl-Anness XIV għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u fl-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, iżda wkoll dawk li jfixklu r-riċiklaġġ għal materja prima sekondarja sikura u ta’ kwalità għolja, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sustanzi ppjanata fil-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt tal-Evalwazzjoni tar-REACH ippubblikat fuq is-sit web tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi stabbilita skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (“l-Aġenzija”).

(23)

Sabiex jiġi żgurat li s-sustanzi li jippreżentaw riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent meta jintużaw fil-batteriji jew ikunu preżenti fl-iskart ta’ batteriji, ikunu jistgħu jiġu indirizzati kif xieraq, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tar-restrizzjonijiet fuq sustanzi fil-batteriji.

(24)

Jenħtieġ li l-proċedura ta’ valutazzjoni għall-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda u għall-emendar ta’ dawk attwali fuq sustanzi fil-batteriji u fl-iskart ta’ batteriji tkun allinjata bis-sħiħ mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Jenħtieġ li, sabiex tiżgura teħid tad-deċiżjonijiet, koordinazzjoni u ġestjoni effettivi tal-aspetti tekniċi, xjentifiċi u amministrattivi relatati ta’ dan ir-Regolament, l-Aġenzija twettaq kompiti speċifikati fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-riskji minn sustanzi fil-manifattura u l-użu ta’ batteriji u ta’ dawk li jistgħu jseħħu wara tmiem il-ħajja tagħhom, kif ukoll fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi soċjoekonomiċi u l-analiżi tal-alternattivi, f’konformità mal-gwida rilevanti mill-Aġenzija. Konsegwentement, jenħtieġ li l-Kumitati għall-Istima tar-Riskji u għall-Analiżi Soċjoekonomika tal-Aġenzija jiffaċilitaw it-twettiq ta’ ċerti kompiti konferiti lill-Aġenzija b’dan ir-Regolament.

(25)

Sabiex jiġi żgurat li dan ir-Regolament ikun koerenti ma’ kwalunkwe emenda futura tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew ta’ liġi futura oħra tal-Unjoni dwar il-kriterji ta’ sostenibbiltà għal sustanzi perikolużi u sustanzi kimiċi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk hijiex meħtieġa emenda tal-Artikoli 6, 86, 87 u 88 ta’ dan ir-Regolament. Fejn xieraq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproponi emendi għal dan ir-Regolament f’regolament futur li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew f’liġi futura oħra tal-Unjoni dwar kriterji sostenibbli għal sustanzi u kimiċi perikolużi.

(26)

Sabiex tippromwovi mudell ekonomiku Ewropew sostenibbli, jenħtieġ li l-Kummissjoni, fejn ikun xieraq, tipproponi emendi għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-restrizzjonijiet fuq sustanzi fil-batteriji u fl-iskart ta’ batteriji, inkluż l-introduzzjoni ta’ projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ batteriji li ma humiex konformi ma’ dawk ir-restrizzjonijiet.

(27)

Jenħtieġ li l-użu massiv mistenni tal-batteriji f’setturi bħall-mobbiltà u l-ħżin tal-enerġija jnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju. Madankollu, biex dak il-potenzjal jiġi massimizzat, huwa meħtieġ li ċ-ċiklu tal-ħajja ġenerali tagħhom ikollu impronta tal-karbonju baxxa. Skont ir-Regoli tal-Kategorija Marbutin mal-Impronta Ambjentali tal-Prodott għall-Batteriji Rikarikabbli b’Enerġija Speċifika Għolja għall-Applikazzjonijiet Mobbli, it-tibdil fil-klima huwa t-tieni l-ogħla kategorija ta’ impatt għall-batteriji wara l-estrazzjoni u l-użu tal-minerali u l-metalli. Batteriji industrijali rikarikabbli b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh, batteriji LMT u batteriji tal-vetturi elettriċi mqiegħda fis-suq tal-Unjoni jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni tal-impronta tal-karbonju. L-armonizzazzjoni tar-regoli tekniċi għall-kalkolu tal-impronta tal-karbonju għall-batteriji industrijali rikarikabbli kollha b’kapaċità akbar minn 2 kWh, batteriji LMT u batteriji tal-vetturi elettriċi mqiegħda fis-suq tal-Unjoni hija prerekwiżit għall-introduzzjoni ta’ rekwiżit għal dikjarazzjoni tal-impronta tal-karbonju u sussegwentement għall-istabbiliment ta’ klassijiet tal-prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ batteriji b’impronti tal-karbonju b’mod ġenerali aktar baxxi. Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni u ta’ tikkettar ċar dwar l-impronta tal-karbonju tal-batteriji minnhom infushom mhumiex mistennija li jwasslu għall-bidla fl-imġiba meħtieġa biex jiġi żgurat li jintlaħaq l-objettiv tal-Unjoni li tiddekarbonizza s-setturi tal-mobbiltà u tal-ħżin tal-enerġija, f’konformità mal-objettivi maqbula fil-livell internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu introdotti limiti massimi tal-karbonju, minbarra valutazzjoni tal-impatt dedikata biex jiġu ddeterminati dawk il-valuri. Meta tipproponi l-livell limitu massimu tal-impronta tal-karbonju, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis, fost oħrajn, id-distribuzzjoni relattiva tal-valuri tal-impronta tal-karbonju fil-batteriji fis-suq, l-ammont ta’ progress fit-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju tal-batteriji mqiegħda fis-suq tal-Unjoni u l-kontribut effettiv u potenzjali ta’ din il-miżura għall-objettivi tal-Unjoni dwar il-mobbiltà sostenibbli u n-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050. Sabiex ikun hemm trasparenza dwar l-impronta tal-karbonju tal-batteriji, u biex is-suq tal-Unjoni jimxi lejn batteriji b’impronta tal-karbonju aktar baxxa, irrispettivament minn fejn dawn jiġu prodotti, hija ġġustifikata żieda gradwali u kumulattiva fir-rekwiżiti tal-impronta tal-karbonju. B’riżultat ta’ dawn ir-rekwiżiti, l-emissjonijiet tal-karbonju evitati fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-batteriji ser jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi tal-Unjoni, b’mod partikolari dak li tilħaq in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050. Dan jista’ jikkontribwixxi wkoll għal politiki oħrajn fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, pereżempju permezz ta’ inċentivi jew kriterji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku, li jrawmu l-produzzjoni ta’ batteriji b’impatti ambjentali aktar baxxi.

(28)

Jenħtieġ li l-limiti massimi tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja jibqgħu validi fil-futur. Għalhekk, meta jiġi adottat att delegat li jiddetermina l-limitu massimu tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis l-aħjar proċessi ta’ manifattura u produzzjoni disponibbli u tiżgura li l-kriterji tekniċi li tagħżel ikunu konsistenti mal-objettiv ta’ dan ir-Regolament li jiżgura li l-batteriji mqiegħda fis-suq tal-Unjoni jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tas-sikurezza tal-persuni, u tal-proprjetà u tal-ambjent.

(29)

Ċerti sustanzi preżenti fil-batteriji, bħall-kobalt, iċ-ċomb, il-litju jew in-nikil, jinkisbu minn riżorsi skarsi li mhumiex faċilment disponibbli fl-Unjoni, u xi wħud huma meqjusa bħala materja prima kritika mill-Kummissjoni. F’konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2021 dwar “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa”, l-Unjoni teħtieġ li ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha u żżid ir-reżiljenza tagħha bi preparazzjoni għal interruzzjonijiet potenzjali fil-provvista minħabba kriżijiet tas-saħħa jew kriżijiet oħrajn. It-tisħiħ taċ-ċirkolarità u tal-effiċjenza fir-riżorsi b’żieda fir-riċiklaġġ u fl-irkupru ta’ dik il-materja prima ser jikkontribwixxi biex jintlaħaq dak l-għan.

(30)

Żieda fl-użu tal-materja prima rkuprata tappoġġa l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari u tkun tippermetti użu aktar effiċjenti fir-riżorsi tal-materja prima, filwaqt li tnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq materja prima minn pajjiżi terzi. Għall-batteriji, dan huwa partikolarment rilevanti għall-kobalt, iċ-ċomb, il-litju u n-nikil. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi promoss l-irkupru ta’ materjali bħal dawn mill-iskart, billi jiġi stabbilit rekwiżit għal-livell ta’ kontenut irriċiklat fil-batteriji li jużaw il-kobalt, iċ-ċomb, il-litju u n-nikil f’materjali attivi. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi miri obbligatorji ta’ kontenut riċiklat għall-kobalt, iċ-ċomb, il-litju u n-nikil, li jenħtieġ li jintlaħqu sal-2031. Jenħtieġ li għall-kobalt, il-litju u n-nikil, jiġu stabbiliti miri miżjuda sal-2036. Jenħtieġ li l-miri kollha jqisu d-disponibbiltà tal-iskart, li minnu jistgħu jiġu rkuprati materjali bħal dawn, il-fattibbiltà teknika tal-proċessi ta’ rkupru u manifattura involuti, kif ukoll iż-żmien meħtieġ mill-operaturi ekonomiċi biex jadattaw il-proċessi tagħhom tal-provvista u l-manifattura. Għalhekk, qabel ma dawn il-miri obbligatorji jsiru applikabbli, jenħtieġ li r-rekwiżit relatat mal-kontenut irriċiklat ikun limitat għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar il-kontenut irriċiklat. L-iskart tal-manifattura tal-batteriji x’aktarx li jkun is-sors ewlieni ta’ materja prima sekondarja għall-manifattura tal-batteriji minħabba ż-żieda fil-produzzjoni tal-batteriji u jenħtieġ li jkun soġġett għall-istess proċessi ta’ riċiklaġġ bħall-iskart wara l-konsum. Għalhekk, jenħtieġ li l-iskart tal-manifattura tal-batteriji jingħadd bħala parti mill-miri tal-kontenut riċiklat bl-objettiv li jitħaffef l-iżvilupp tal-infrastruttura tar-riċiklaġġ meħtieġa. Madankollu, il-prodotti sekondarji tal-manifattura tal-batteriji li jerġgħu jintużaw fil-proċess tal-produzzjoni, bħar-ruttam tal-manifattura, ma jikkostitwixxux skart u għalhekk jenħtieġ li ma jingħaddux bħala parti mill-miri tal-kontenut riċiklat.

(31)

Sabiex jitqies ir-riskju tal-provvista skarsa ta’ kobalt, ċomb, litju u nikil u sabiex tiġi vvalutata d-disponibbiltà ta’ dik il-materja prima, jenħtieġ li s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-miri għas-sehem minimu tal-kobalt, iċ-ċomb, il-litju jew in-nikil irriċiklati preżenti f’materjali attivi fil-batteriji.

(32)

Sabiex jitqiesu l-bidliet fit-teknoloġiji tal-batteriji, li jħallu impatt fuq it-tipi ta’ materjali li jistgħu jiġu rkuprati, jenħtieġ li s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE tiġi delegata lill-Kummissjoni sabiex tissupplimenta ‘dan ir-Regolament billi tiġi inkluża l-materja prima addizzjonali u l-miri rispettivi fil-lista ta’ ishma minimi ta’ kontenut r-riċiklat preżenti f’materjali attivi fil-batteriji.

(33)

Sabiex jiġi żgurat li l-kalkoli u l-verifiki tas-sehem perċentwali tal-kobalt, iċ-ċomb, il-litju u n-nikil irkuprati jkunu preċiżi u affidabbli u jiġi żgurat li jkun hemm ċertezza legali akbar, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu u l-verifika tas-sehem perċentwali tal-kobalt, il-litju jew in-nikil irkuprat li huwa preżenti f’materjali attivi u li ġie rkuprat minn skart tal-manifattura tal-batteriji jew skart ta’ wara l-konsum u s-sehem perċentwali taċ-ċomb li huwa preżenti fil-batterija u li ġie rkuprat minn skart u l-format għad-dokumentazzjoni teknika dwar dawk l-ishma perċentwali, għal kull mudell ta’ batterija kull sena u għal kull impjant tal-manifattura. Jenħtieġ li jiġi eskluż minn dik il-metadoloġija l-użu mill-ġdid ta’ materjali, li jkollu bżonn jiġi riproċessat, materjal mitħun jew ruttam iġġenerati fil-proċess tal-manifattura tal-batteriji, li jistgħu jiġu rkuprati fl-istess proċess li ġġenera l-materjal.

(34)

Jenħtieġ li l-batteriji mqiegħda fis-suq tal-Unjoni jkunu durabbli u ta’ prestazzjoni għolja. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu stipulati parametri ta’ prestazzjoni u durabbiltà għall-batteriji portabbli ta’ użu ġenerali, kif ukoll għal batteriji industrijali rikarikabbli, batteriji LMT u batteriji tal-vetturi elettriċi. Għall-batteriji ta’ vetturi elettriċi, il-Grupp ta’ Ħidma informali tal-UNECE dwar il-Vetturi Elettriċi u l-Ambjent żviluppa rekwiżiti ta’ durabbiltà fil-vetturi li għandhom japplikaw fl-Unjoni permezz tar-regolament futur dwar approvazzjoni tat-tip ta’ vettura bil-mutur u magni u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, fir-rigward tal-emissjonijiet tagħhom u d-durabbiltà tal-batterija (Euro 7) (“Regolament Euro 7”). Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi biss rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-prestazzjoni u d-durabbiltà tal-batteriji tal-vetturi elettriċi. Min-naħa l-oħra, fil-qasam tal-batteriji għall-ħżin tal-enerġija, il-metodi ta’ kejl eżistenti biex jiġu ttestjati l-prestazzjoni u d-durabbiltà tal-batterija mhumiex meqjusa li huma preċiżi u rappreżentattivi biżżejjed biex jippermettu l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti minimi. Jenħtieġ li l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti minimi relatati mal-prestazzjoni u d-durabbiltà ta’ dawn il-batteriji tkun akkumpanjata minn standards armonizzati adegwati jew speċifikazzjonijiet komuni disponibbli.

(35)

Sabiex jitnaqqsu l-impatt ambjentali tal-batteriji tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-emendar tal-parametri tal-prestazzjoni u tad-durabbiltà għall-batteriji portabbli ta’ użu ġenerali u għall-batteriji industrijali rikarikabbli u l-istabbiliment ta’ valuri minimi għal dawk il-parametri. Jenħtieġ li dawk l-atti delegati jistabbilixxu wkoll kif dawk il-valuri minimi għandhom japplikaw għall-batteriji li kienu soġġetti għal manifattura mill-ġdid.

(36)

Sabiex jiġi żgurat li r-regoli tal-Unjoni dwar il-prestazzjoni elettrokimika u d-durabbiltà għall-batteriji tal-vetturi elettriċi jkunu konsistenti mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-Grupp ta’ Ħidma informali tal-UNECE dwar il-Vetturi Elettriċi u l-Ambjent u fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-parametri tal-prestazzjoni u tad-durabbiltà għall-batteriji tal-vetturi elettriċi. Għall-valuri minimi ta’ dawk il-parametri għall-batteriji tal-vetturi elettriċi li huma inkorporati fil-vetturi bil-mutur, huwa xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi ta’ prestazzjoni permezz ta’ Regolament Euro 7 futur, abbażi tar-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni stipulati fir-Regolament Tekniku Globali Nru 22 tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-durabbiltà tal-batteriji ta’ ġol-vettura għall-vetturi elettrifikati.

(37)

Xi batteriji mhux rikarikabbli ta’ użu ġenerali jistgħu jkunu ineffiċjenti f’termini ta’ riżorsi u enerġija. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti oġġettivi fir-rigward tal-prestazzjoni u d-durabbiltà ta’ batteriji bħal dawn sabiex jiġi żgurat li jitqiegħdu fis-suq inqas batteriji portabbli mhux rikarikabbli ta’ użu ġenerali u bi prestazzjoni baxxa, b’mod partikolari meta, abbażi ta’ valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja, l-użu alternattiv ta’ batteriji rikarikabbli jirriżulta fil-kumpless f’benefiċċji ambjentali. Għall-batteriji li huma inkorporati fil-mobiles u t-tablets huwa xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti ta’ prestazzjoni u durabbiltà rigward dawk il-batteriji permezz ta’ regolament futur dwar l-ekodisinn li jindirizza t-telefowns u t-tablets u li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 617/2013 (10) dwar il-kompjuters u s-servers informatiċi jiġi aġġornat. Għal batteriji portabbli oħra li huma inkorporati f’apparati oħra, bħal għodod għall-ġardinaġġ jew għodod mingħajr fil, jenħtieġ li l-possibbiltà li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi ta’ prestazzjoni u durabbiltà tiġi indirizzata f’atti legali rilevanti dwar il-prodotti, bħal atti ta’ implimentazzjoni skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), jew f’att legali ieħor tal-Unjoni.

(38)

Sabiex jiġi żgurat li l-batteriji portabbli li ġew inkorporati f’apparati jkunu soġġetti għal ġbir separat, trattament u riċiklaġġ ta’ kwalità għolja ladarba dawk l-apparati jsiru skart, huma meħtieġa dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-batteriji jkunu jistgħu jinqalgħu u jiġu sostitwiti fl-istess apparati. Jenħtieġ li tiġi żgurata s-sikurezza tal-konsumatur, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u b’mod partikolari mal-istandards tas-sikurezza tal-Unjoni, matul it-tneħħija tal-batteriji portabbli minn jew is-sostituzzjoni ta’ batteriji portabbli f’apparat. Jenħtieġ li batterija portabbli titqies li tista’ titneħħa mill-utent aħħari meta tkun tista’ titneħħa bl-użu ta’ għodod disponibbli kummerċjalment u mingħajr il-ħtieġa tal-użu ta’ għodod speċjalizzati, sakemm ma jiġux ipprovduti mingħajr ħlas, jew għodod proprjetarji, enerġija termali jew solventi biex jiżżarmaw. L-għodod kummerċjalment disponibbli huma meqjusa bħala għodod disponibbli fis-suq għall-utenti finali kollha mingħajr il-ħtieġa li jipprovdu evidenza ta’ kwalunkwe dritt proprjetarju u li jistgħu jintużaw mingħajr ebda restrizzjoni, ħlief għal restrizzjonijiet relatati mas-saħħa u sikurezza. Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dan ir-Regolament japplikaw mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ sikurezza u manutenzjoni għal apparati ta’ immaġni u radjoterapija medika professjonali kif definit fir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u għal apparati mediċi dijanjostiċi in vitro kif definit fir-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), u jistgħu jiġu kkomplementati b’rekwiżiti stipulati għal prodotti partikolari li jaħdmu bil-batteriji skont miżuri ta’ implimentazzjoni skont id-Direttiva 2009/125/KE. Fejn liġi oħra tal-Unjoni tistabbilixxi rekwiżiti aktar speċifiċi, għal raġunijiet ta’ sikurezza, fir-rigward tat-tneħħija tal-batteriji minn prodotti, bħal ġugarelli, jenħtieġ li japplikaw dawk ir-regoli speċifiċi.

(39)

Sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-utenti finali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi deroga limitata għal batteriji portabbli mir-rekwiżiti ta’ tneħħija u sostitwibbiltà stabbiliti għall-batteriji portabbli dwar apparati li jinkorporaw batteriji portabbli u li huma ddisinjati speċifikament biex jintużaw, għall-maġġoranza tas-servizz attiv tal-apparat, f’ambjent li jkun regolarment soġġett għal titjir tal-ilma, flussi tal-ilma jew immersjoni tal-ilma u li huma maħsuba biex ikunu jistgħu jinħaslu jew jitlaħalħu. Jenħtieġ li din id-deroga tapplika biss meta ma jkunx possibbli, permezz tad-disinn mill-ġdid tal-apparat, li jiġu żgurati s-sikurezza tal-utent finali u l-użu kontinwu sikur tal-apparat wara li l-utent finali jkun segwa b’mod korrett l-istruzzjonijiet biex il-batterija titneħħa u tiġi sostitwita. Fejn tapplika d-deroga, jenħtieġ li l-prodott ikun iddisinjat b’tali mod li l-batterija tkun tista’ titneħħa u tiġi sostitwita biss minn professjonisti indipendenti, u mhux mill-utenti finali.

(40)

Għall-batteriji tal-vetturi elettriċi msewwija u għall-batteriji SLI, ir-rekwiżiti tas-sikurezza tar-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) japplikaw għall-vetturi tal-kategoriji M, N u O approvati għat-tip u għall-batteriji ddisinjati u mibnija għal dawk il-vetturi. Huwa importanti li s-sikurezza ta’ tali batteriji meta jiġu msewwija tkun tista’ tiġi vvalutata abbażi ta’ testijiet mhux distruttivi adattati għalihom. Għall-batteriji LMT imsewwija, il-Kummissjoni ser tħejji regoli dwar is-sikurezza tal-apparati tal-mikromobbiltà, filwaqt li tibni fuq l-esperjenza fil-livelli nazzjonali u lokali tar-rekwiżiti tas-sikurezza, kif imħabbar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2021 dwar “Il-Qafas il-ġdid tal-UE għall-Mobbiltà Urbana”. Għal batteriji msewwija oħra maħsuba għall-konsumaturi jew li x’aktarx jintużaw minnhom, japplikaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(41)

L-interoperabbiltà taċ-ċarġers għal kategoriji speċifiċi ta’ batteriji tista’ tnaqqas l-iskart u l-ispejjeż bla bżonn għall-benefiċċju tal-konsumaturi u ta’ utenti finali oħra. Għalhekk jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu ċċarġjati mill-ġdid batteriji LMT u batteriji rikarikabbli li huma inkorporati f’kategoriji speċifiċi ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, bl-użu ta’ ċarġers komuni li jippermettu l-interoperabbiltà f’kull kategorija ta’ batteriji. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni tivvaluta kif tintroduċi standards armonizzati għal ċarġers komuni għal dawk il-kategoriji ta’ batteriji, eskluż l-apparat tal-iċċarġjar għall-kategoriji u l-klassijiet ta’ tagħmir tar-radju skont id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

(42)

Jenħtieġ li l-batteriji SLI u l-batteriji tal-vetturi elettriċi li huma inkorporati fil-vetturi bil-mutur ikunu jistgħu jitneħħew u jiġu sostitwiti minn professjonisti indipendenti. Huwa xieraq li tiġi kkunsidrata r-reviżjoni tad-Direttiva 2000/53/KE biex jiġi żgurat li dawk il-batteriji jkunu jistgħu jitneħħew, jiġu sostitwiti u żarmati, inkluż fir-rigward ta’ elementi ta’ tagħqid, twaħħil u ssiġillar. Għall-finijiet tad-disinn, il-manifattura u t-tiswija tal-batteriji SLI u l-batteriji tal-vetturi elettriċi, jenħtieġ li l-manifatturi jipprovdu l-informazzjoni dijanjostika abbord il-vettura rilevanti u l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura fuq bażi mhux diskriminatorja lil kwalunkwe manifattur interessat, installatur jew sewwej tat-tagħmir għall-vetturi tal-kategoriji M, N u O, kif previst fir-Regolament (UE) 2018/858. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ standards għat-tekniki tad-disinn u tal-assemblaġġ li jiffaċilitaw il-manutenzjoni, it-tiswija u l-adattament għal skop differenti tal-batteriji u tal-pakketti tal-batteriji.

(43)

Batteriji affidabbli huma fundamentali għat-tħaddim u s-sikurezza ta’ ħafna prodotti, apparati u servizzi. Għalhekk, jenħtieġ li l-batteriji jiġu ddisinjati u manifatturati biex jiżguraw li ma joħolqu ebda riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għas-sigurtà tal-persuni, għall-proprjetà jew għall-ambjent. Dan huwa partikolarment rilevanti għas-sistemi għall-ħżin tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji, li bħalissa mhumiex koperti minn liġi oħra tal-Unjoni. Il-parametri li għandhom jiġu kkunsidrati fit-testijiet tas-sikurezza jenħtieġ li għalhekk jiġu stipulati għal dawk il-batteriji u jiġu kkomplementati bi standards applikabbli tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni.

(44)

Il-batteriji jenħtieġ li jiġu ttikkettati sabiex l-utenti finali jiġu pprovduti b’informazzjoni trasparenti, affidabbli u ċara dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji. Dik l-informazzjoni ser tippermetti lill-utenti finali jieħdu deċiżjonijiet infurmati meta jixtru u jarmu l-batteriji u l-operaturi tal-iskart biex jittrattaw l-iskart ta’ batteriji b’mod xieraq. Jenħtieġ li l-batteriji jkunu ttikkettati bl-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-karatteristiċi ewlenin tagħhom, inkluż il-kapaċità tagħhom u l-ammont preżenti ta’ ċerti sustanzi perikolużi. Sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-informazzjoni matul iż-żmien, jenħtieġ li dik l-informazzjoni ssir disponibbli wkoll permezz ta’ kodiċijiet QR li huma stampati jew imnaqqxa fuq il-batteriji jew li huma mwaħħla mal-imballaġġ u għad-dokumenti li jakkumpanjaw il-batterija u li jirrispettaw il-linji gwida tal-istandard ISO/IEC 18004:2015. Jenħtieġ li l-kodiċi QR jagħti aċċess għall-passaport tal-prodotti tal-batterija. It-tikketti u l-kodiċijiet QR jenħtieġ li jkunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

(45)

L-inklużjoni fuq it-tikketta tal-batterija ta’ informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-batteriji hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-utenti finali, speċjalment il-konsumaturi, qabel ma jixtru jkunu infurmati b’mod adatt u b’mod partikolari li jkollhom bażi komuni biex iqabblu batteriji differenti. Għalhekk, jenħtieġ li l-batteriji portabbli mhux rikarikabbli jiġu mmarkati b’tikketta li tindika “mhux rikarikabbli” u li jkun fiha l-informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien medju minimu tagħhom meta jintużaw f’applikazzjonijiet speċifiċi. Barra minn hekk, huwa importanti li tingħata gwida lill-utent finali dwar kif jarmi l-iskart ta’ batteriji b’mod xieraq.

(46)

Għal sistemi għall-ħżin tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji, batteriji LMT u batteriji tal-vetturi elettriċi li jużaw sistema ta’ ġestjoni tal-batterija, jenħtieġ li jkun possibbli għall-utent finali jew kwalunkwe parti terza oħra li taġixxi f’isem dak l-utent finali li tiddetermina l-istat tas-saħħa u t-tul tal-ħajja mistenni tal-batteriji fi kwalunkwe ħin mid-data maħżuna fis-sistema ta’ ġestjoni tal-batterija. Jenħtieġ li l-aċċess ta’ qari biss għal dik id-data jiġi pprovdut lill-persuna li xtrat il-batterija jew lil kwalunkwe parti terza li taġixxi f’isem dik il-persuna fi kwalunkwe ħin għall-fini tal-evalwazzjoni tal-valur residwu tal-batterija, l-iffaċilitar tal-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, adattament għal skop differenti jew manifattura mill-ġdid tal-batterija jew għat-tqegħid tal-batterija għad-dispożizzjoni ta’ aggregaturi indipendenti, kif definiti fid-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), li joperaw impjanti tal-enerġija virtwali fi grilji tal-elettriku. Għalhekk, jenħtieġ li d-data tkun aġġornata. Jenħtieġ li din tiġi aġġornata mill-inqas kuljum u b’mod aktar frekwenti fejn dan ikun meħtieġ għal skop speċifiku. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li joriġinaw mill-ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma informali tal-UNECE dwar il-Vetturi Elettriċi u l-Ambjent dwar l-aċċess għad-data fil-vetturi elettriċi jenħtieġ li jitqiesu li huma parametru referenzjarju għall-istat tas-saħħa u t-tul tal-ħajja mistenni tal-batteriji tal-vetturi elettriċi. Jenħtieġ li dawn ir-rekwiżiti japplikaw flimkien mal-liġi tal-Unjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi, li huwa l-qafas legali xieraq biex jiġu indirizzati, fost l-oħrajn, il-funzjonijiet ta’ ċċarġjar intelliġenti bħall-iċċarġjar mill-vettura għall-grilja, mill-vettura għat-tagħbija, mill-vettura għall-vettura, mill-vettura għall-powerbank u mill-vettura għall-bini.

(47)

Għadd ta’ rekwiżiti speċifiċi għall-prodott skont dan ir-Regolament, inkluż dwar il-prestazzjoni, id-durabbiltà, l-adattament għal skop differenti u s-sikurezza, jenħtieġ li jitkejlu bl-użu ta’ metodi affidabbli, preċiżi u riproduċibbli li jqisu l-metodoloġiji mill-aktar avvanzati tal-kejl standards u tal-kalkolu rikonoxxuti b’mod ġenerali. Sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm ostakli għall-kummerċ fis-suq intern, jenħtieġ li l-istandards jiġu armonizzati fil-livell tal-Unjoni. Jenħtieġ li dawk il-metodi u l-istandards, sa fejn ikun possibbli, iqisu l-użu tal-batteriji fir-realtà, jirriflettu l-firxa medja tal-imġiba tal-konsumaturi u jkunu robusti sabiex jiskoraġġixxu ċ-ċirkomvenzjoni intenzjonali u mhux intenzjonali. Ladarba r-referenza għal tali standard tkun ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), il-batteriji li jissodisfaw dak l-istandard għandhom jitqiesu li huma f’konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti speċifiċi għall-prodott skont dan ir-Regolament, dment li l-valuri minimi stabbiliti għal dawk ir-rekwiżiti speċifiċi għall-prodott jkunu milħuqa. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi minn naħa waħda u biex tiġi massimizzata l-effiċjenza u jitqiesu l-ogħla livelli ta’ għarfien espert u għarfien tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku min-naħa l-oħra„ jenħtieġ li l-Kummissjoni timmira li titlob lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex tabbozza standard fejn ma jeżisti l-ebda standard. Fin-nuqqas ta’ standards ippubblikati fiż-żmien tal-applikazzjoni ta’ rekwiżiti speċifiċi għall-prodott, jew fl-eventwalità ta’ risposta mhux sodisfaċenti mill-organizzazzjoni ta’ standardizzazzjoni Ewropea rilevanti, jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’każijiet eċċezzjonali u ġustifikati u wara li tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, tadotta speċifikazzjonijiet komuni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li l-konformità ma’ tali speċifikazzjonijiet twassal ukoll għall-preżunzjoni tal-konformità. Jenħtieġ li, f’każijiet fejn jinstab, fi stadju aktar tard, li l-ispeċifikazzjonijiet komuni jkollhom xi nuqqasijiet, il-Kummissjoni temenda jew tħassar l-ispeċifikazzjonijiet komuni inkwistjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Wara r-referenzi tal-istandards armonizzati jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kwalunkwe speċifikazzjoni komuni għandha titħassar f’perjodu raġonevoli li jippermeti li manifatturi jkunu jistgħu jqisu l-bidliet.

(48)

Involviment attiv fil-ħidma tal-kumitati tal-istandardizzazzjoni internazzjonali huwa prerekwiżit strateġiku importanti biex it-teknoloġiji futuri tal-batteriji jitqiegħdu fis-suq. L-involviment Ewropew f’xi uħud minn dawk il-kumitati kien inqas effettiv minn dak li setgħa kien. Jenħtieġ li l-involviment Ewropew jittejjeb biex tissaħħaħ il-vuċi tal-Unjoni fl-istandardizzazzjoni globali, anke bil-ħsieb li tissaħħaħ il-kompetittività tal-kumpaniji tal-Unjoni, jitnaqqsu d-dipendenzi tal-Unjoni u jiġu protetti l-interessi, l-objettivi ta’ politika u l-valuri tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jimmonitorjaw u jikkoordinaw l-approċċ Ewropew għall-istandardizzazzjoni internazzjonali. Jenħtieġ li l-istandards armonizzati li jikkumplimentaw l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament iqisu l-istandards internazzjonali eżistenti, b’mod partikolari fil-livell tal-IEC u tal-ISO.

(49)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li jkun hemm konsistenza fir-rigward tal-istandards armonizzati u l-ispeċifikazzjonijiet komuni skont dan ir-Regolament, inkluż meta tkun qed tirrevedi r-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

(50)

Sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-informazzjoni għal finijiet ta’ sorveljanza tas-suq, sabiex wieħed jadatta għal teknoloġiji ġodda u sabiex tiġi żgurata r-reżiljenza f’każ ta’ kriżijiet globali, bħall-pandemija tal-Covid-19, jenħtieġ li jkun possibbli li tingħata informazzjoni online rigward il-konformità mal-atti kollha tal-Unjoni applikabbli għall-batteriji fil-forma ta’ dikjarazzjoni tal-konformità unika tal-UE.

(51)

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) jistipula regoli dwar l-akkreditament tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, jipprovdi qafas għas-sorveljanza tas-suq tal-prodotti u għall-kontrolli fuq il-prodotti minn pajjiżi terzi, u jistipula l-prinċipji ġenerali tal-markatura CE. Jenħtieġ li dak ir-Regolament ikun applikabbli għall-batteriji koperti minn dan ir-Regolament sabiex ikun żgurat li l-prodotti li jibbenefikaw mill-moviment liberu tal-merkanzija fl-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti li jipprovdu livell għoli ta’ protezzjoni ta’ interessi pubbliċi bħas-saħħa tal-bniedem, is-sikurezza tal-persuni u l-ambjent.

(52)

Sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu juru u l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivverifikaw li l-batteriji li tqiegħdu fis-suq ikunu konformi ma’ dan ir-Regolament, huwa neċessarju li jiġu previsti proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità. Id-Deċiżjoni 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) tistabbilixxi moduli għall-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità, li jvarjaw minn dawk l-inqas stretti sa dawk l-aktar stretti skont il-livell ta’ riskju involut u l-livell ta’ sikurezza meħtieġ. F’konformità ma’ dik id-Deċiżjoni, fejn tkun meħtieġa valutazzjoni tal-konformità, il-proċeduri li għandhom jintużaw għal dik il-valutazzjoni għandhom jintgħażlu minn fost dawk il-moduli. Huma meħtieġa proċeduri robusti ta’ valutazzjoni tal-konformità biex jiġi żgurat li l-batteriji jikkonformaw mal-impronta tal-karbonju ġdida u kumplessa u r-rekwiżiti tal-kontenut riċiklat u l-obbligi ta’ diliġenza dovuta stipulati f’dan ir-Regolament.

(53)

Il-markatura CE fuq batterija tindika l-konformità ta’ dik il-batterija ma’ dan ir-Regolament. Il-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-markatura CE u r-relazzjoni tagħha ma’ markaturi oħrajn huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 765/2008. Jenħtieġ li dawk il-prinċipji japplikaw għall-markatura CE fuq il-batteriji. Sabiex jiġi żgurat li l-batteriji jinħażnu, jintużaw u jintremew b’mod li ma jkunx ta’ periklu mil-lat tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, jenħtieġ li jiġu stipulati regoli speċifiċi li jirregolaw it-twaħħil tal-markatura CE għall-batteriji.

(54)

Il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità stipulati f’dan ir-Regolament jeħtieġu l-intervent tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità. Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dawk il-korpi jiġu nnotifikati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri lill-Kummissjoni.

(55)

Minħabba n-novità u l-kumplessità tar-rekwiżiti tas-sostenibbiltà, tal-prestazzjoni, tas-sikurezza, tat-tikkettar u tal-informazzjoni għall-batteriji skont dan ir-Regolament u sabiex jiġi żgurat livell konsistenti ta’ kwalità tal-valutazzjoni tal-konformità tal-batteriji, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti rekwiżiti għall-awtoritajiet ta’ notifika li huma involuti fil-valutazzjoni, fin-notifika u fil-monitoraġġ tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li ġew innotifikati lill-Kummissjoni, li b’hekk saru korpi nnotifikati. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-awtorità tan-notifika tkun oġġettiva u imparzjali fir-rigward tal-attivitajiet tagħha u jkollha numru suffiċjenti ta’ membri tal-persunal kompetenti teknikament biex iwettqu l-kompiti tagħha. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet tan-notifika jkollhom l-obbligu li jissalvagwardjaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jiksbu, iżda jenħtieġ ukoll li huma jkunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar il-korpi nnotifikati mal-awtoritajiet nazzjonali, mal-awtoritajiet tan-notifika ta’ Stati Membri oħrajn u mal-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-konsistenza fil-valutazzjoni tal-konformità.

(56)

Huwa essenzjali li l-korpi nnotifikati kollha jwettqu l-funzjonijiet tagħhom sal-istess livell u f’kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta u awtonomija. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jixtiequ jiġu notifikati sabiex iwettqu attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti jkomplu japplikaw bħala prerekwiżit biex il-kompetenza tal-korp innotifikat tinżamm aġġornata. Sabiex tiġi żgurata l-awtonomija tiegħu, jenħtieġ li l-korp innotifikat u l-persunal li jimpjega jkollhom l-obbligu li jibqgħu indipendenti mill-operaturi ekonomiċi fil-katina tal-valur tal-batteriji u minn kumpaniji oħrajn, inkluż assoċjazzjonijiet tan-negozju, impriżi omm u sussidjarji. Jenħtieġ li l-korp innotifikat jintalab jipprovdi prova dokumentarja tal-indipendenza tiegħu u jipprovdi dik id-dokumentazzjoni lill-awtorità tan-notifika. Jenħtieġ li l-korpi nnotifikati jiżguraw rotazzjoni tal-persunal li jwettaq kompiti differenti ta’ valutazzjoni tal-konformità.

(57)

Jekk korp ta’ valutazzjoni tal-konformità juri konformità tal-batterija mal-kriterji stipulati fi standards armonizzati, jenħtieġ li jkun preżunt li dan jikkonforma mar-rekwiżiti korrispondenti stipulati f’dan ir-Regolament.

(58)

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità spiss jissottokuntrattaw partijiet mill-attivitajiet tagħhom marbuta mal-valutazzjoni tal-konformità jew jirrikorru għal sussidjarja. Madankollu, jenħtieġ li ċerti attivitajiet u proċessi ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, kemm fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità tal-batteriji kif ukoll fir-rigward ta’ attivitajiet oħrajn interni għall-korp innotifikat, jitwettqu esklużivament mill-korp innotifikat innifsu, sabiex jiġu żgurati l-indipendenza u l-awtonomija tiegħu. Barra minn hekk, sabiex jiġi ssalvagwardjat il-livell ta’ protezzjoni meħtieġ sabiex il-batteriji jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni, jenħtieġ li s-sottokuntratturi tal-valutazzjoni tal-konformità u s-sussidjarji jissodisfaw l-istess rekwiżiti bħall-korpi nnotifikati b’rabta mat-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità skont dan ir-Regolament.

(59)

Billi s-servizzi offruti minn korpi nnotifikati fi Stat Membru jistgħu jkunu relatati ma’ batteriji mqiegħda fis-suq fl-Unjoni kollha, huwa xieraq li l-Istati Membri l-oħrajn u l-Kummissjoni jingħataw l-opportunità li jqajmu oġġezzjonijiet dwar korp innotifikat. Il-Kummissjoni, matul l-investigazzjonijiet tagħha, tista’ tfittex il-parir ta’ faċilità ta’ ttestjar tal-Unjoni, maħtura f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22). Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex titlob lill-awtorità tan-notifika tieħu azzjoni korrettiva fil-każ li korp innotifikat ma jissodisfax, jew ma jkunx għadu jissodisfa, ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

(60)

Fl-interessi tal-iffaċilitar u l-aċċellerazzjoni tal-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità, taċ-ċertifikazzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-aċċess għas-suq u, fid-dawl tan-novità u l-kumplessità tar-rekwiżiti tas-sostenibbiltà, tas-sikurezza, tat-tikkettar u tal-informazzjoni għall-batteriji previsti f’dan ir-Regolament, huwa kruċjali li l-korpi nnotifikati jkollhom aċċess kontinwu għat-tagħmir tal-ittestjar u l-faċilitajiet tal-ittestjar kollha meħtieġa u li huma japplikaw il-proċeduri mingħajr ma joħolqu piż bla bżonn għall-operaturi ekonomiċi. Għall-istess raġunijiet, u biex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi, huwa meħtieġ li korpi nnotifikati japplikaw il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità b’mod konsistenti.

(61)

Qabel ma tittieħed deċiżjoni finali dwar jekk batterija tistax tingħata ċertifikat ta’ konformità, jenħtieġ li l-operatur ekonomiku li jkun jixtieq iqiegħed batterija fis-suq jitħalla jippreżenta dokumentazzjoni kumplimentari għal darba fuq il-batterija.

(62)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippermetti koordinazzjoni u kooperazzjoni xierqa bejn il-korpi nnotifikati.

(63)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-obbligi fuq l-operaturi ekonomiċi relatati mat-tqegħid fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz tal-batteriji. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li t-terminu “operatur ekonomiku” jinftiehem li jkopri lill-manifattur, lir-rappreżentant awtorizzat, lill-importatur, lid-distributur, lill-fornituri tas-servizzi ta’ ġestjoni jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li hija soġġetta għal obbligi b’rabta mal-manifattura tal-batteriji, li tagħmilhom disponibbli jew tqegħedhom fis-suq jew fis-servizz. Il-batteriji, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jinkludu batteriji li kienu soġġetti għal preparazzjoni għal użu mill-ġdid, preparazzjoni għal adattament għal skop differenti, adattament għal skop differenti jew manifattura mill-ġdid.

(64)

Huwa xieraq li jiġi previst li r-rekwiżiti għall-batteriji, li jitqiegħdu fis-servizz mingħajr ma jitqiegħdu fis-suq minn qabel, jenħtieġ li jkunu l-istess bħal dawk għall-batteriji li jitqiegħdu fis-suq qabel ma jitqiegħdu fis-servizz. Dan jikkonċerna pereżempju batteriji li l-manifattur juża għall-finijiet tiegħu stess, jew batteriji li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, jistgħu jiġu mmuntati u ttestjati biss fuq il-post fid-destinazzjoni finali tagħhom. Madankollu, sabiex tiġi evitata l-ħtieġa li tintwera l-konformità darbtejn għall-istess prodott, jenħtieġ li l-batteriji li jitqiegħdu fis-suq ma jkunux soġġetti għall-istess rekwiżiti meta jitqiegħdu fis-servizz.

(65)

Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu responsabbli għall-konformità tal-batteriji mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, b’rabta mar-rwoli rispettivi tagħhom fil-katina tal-provvista, biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi pubbliċi, bħas-saħħa tal-bniedem, is-sikurezza tal-persuni u l-protezzjoni tal-proprjetà u tal-ambjent.

(66)

Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi kollha attivi fil-katina tal-provvista u d-distribuzzjoni jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li jqiegħdu fis-suq biss batteriji li jkunu konformi ma’ dan ir-Regolament. Huwa meħtieġ li jkun hemm distribuzzjoni ċara u proporzjonata tal-obbligi li jikkorrispondu għar-rwol ta’ kull operatur ekonomiku fil-katina tal-provvista u d-distribuzzjoni.

(67)

Il-manifattur, li għandu għarfien dettaljat tad-disinn u tal-proċess tal-produzzjoni, huwa fl-aħjar pożizzjoni biex iwettaq il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità. Għalhekk, jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-konformità tibqa’ l-obbligu tal-manifattur biss.

(68)

Jenħtieġ li l-manifattur jipprovdi informazzjoni dettaljata biżżejjed dwar l-użu maħsub tal-batterija biex jippermetti t-tqegħid fis-suq, it-tqegħid fis-servizz, l-użu u l-immaniġġar tal-iskart, inkluż l-adattament possibbli tagħha għal skop differenti.

(69)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq u l-utenti finali, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi, bħala parti mid-dettalji ta’ kuntatt tagħhom, jindikaw indirizz postali u, jekk disponibbli, indirizz tal-posta elettronika u indirizz tas-sit web.

(70)

Is-suq uniku jenħtieġ li jiżgura kondizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha u protezzjoni kontra kompetizzjoni inġusta. Għal dak il-għan, hemm bżonn ta’ infurzar imsaħħaħ tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni dwar il-batteriji. Kooperazzjoni tajba bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq hi element importanti ta’ tali infurzar imsaħħaħ li tippermetti interventi immedjati u azzjonijiet korrettivi. Huwa importanti li jkun hemm operatur ekonomiku stabbilit fl-Unjoni biex l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ikollhom lil xi ħadd li jistgħu jiġu indirizzati talbiet lilu, inkluż talbiet għal informazzjoni dwar il-konformità ta’ batterija mal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni, u li jkun jista’ jikkoopera mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jiġi żgurat li tittieħed azzjoni korrettiva immedjata biex jiġu rrimedjati każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità. Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi li jwettqu dawk il-kompiti jkunu l-manifattur, jew l-importatur meta l-manifattur ma jkunx stabbilit fl-Unjoni, jew rappreżentant awtorizzat imqabbad mill-manifattur għal dan l-għan, jew fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni stabbilit fl-Unjoni għal batteriji ġestiti minnu meta ma jkun hemm ebda operatur ekonomiku ieħor stabbilit fl-Unjoni.

(71)

Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-batteriji minn pajjiżi terzi li jidħlu fis-suq tal-Unjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, u ma’ liġi oħra applikabbli tal-Unjoni, kemm jekk ikunu importati waħedhom jew inkorporati fi prodotti jew miżjuda ma’ prodotti, u, b’mod partikolari li l-manifatturi jkunu wettqu proċeduri xierqa ta’ valutazzjoni tal-konformità fir-rigward ta’ dawk il-batteriji. Għalhekk, jenħtieġ li ssir dispożizzjoni għall-importaturi biex jiżguraw li l-batteriji li jqiegħdu fis-suq u fis-servizz ikunu konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u li l-markatura CE fuq il-batteriji u d-dokumentazzjoni mfassla mill-manifatturi jkunu disponibbli għall-ispezzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali, sew jekk importati bħala batteriji ġodda jew użati jew inkella batteriji li kienu soġġetti għal preparazzjoni għal użu mill-ġdid, preparazzjoni għal adattament għal skop differenti, adattament għal skop differenti jew manifattura mill-ġdid.

(72)

Jenħtieġ li kull importatur, meta jqiegħed batterija fis-suq jew fis-servizz, jindika fuq il-batterija l-isem tal-importatur, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata, kif ukoll l-indirizz postali u, jekk disponibbli, l-indirizz tal-posta elettronika u l-indirizz tas-sit web. Jenħtieġ li jiġu previsti eċċezzjonijiet f’każijiet fejn id-daqs tal-batterija jkun żgħir wisq biex dik l-informazzjoni titwaħħal magħha jew fejn l-importatur ikollu jiftaħ l-imballaġġ sabiex iwaħħal l-isem tal-importatur, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata u d-dettalji ta’ kuntatt l-oħra. F’dawk il-każijiet eċċezzjonali, l-importatur jenħtieġ li jipprovdi l-informazzjoni f’dokument li jakkumpanja l-batterija jew b’mod differenti li jkun aċċessibbli immedjatament. Fejn jeżisti l-imballaġġ, jenħtieġ li l-importatur jindika l-informazzjoni fuq dak l-imballaġġ.

(73)

Fejn distributur iqiegħed batterija fis-suq wara li din tkun tqiegħdet fis-suq jew fis-servizz mill-manifattur jew mill-importatur, jenħtieġ li d-distributur jaġixxi bl-attenzjoni dovuta biex jiżgura li l-immaniġġar tiegħu tal-batterija ma jaffettwax ħażin il-konformità tagħha mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

(74)

Kwalunkwe importatur jew distributur li jqiegħed batterija fis-suq jew fis-servizz taħt l-isem proprju jew it-trademark tal-importatur jew tad-distributur jew inkella jimmodifika batterija b’tali mod li l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament tista’ tiġi affettwata jew jimmodifika l-iskop ta’ batterija diġà mqiegħda fis-suq jenħtieġ li jitqies bħala l-manifattur u jenħtieġ li jassumi l-obbligi tal-manifattur previsti f’dan ir-Regolament.

(75)

Id-distributuri, l-importaturi u l-fornituri tas-servizzi ta’ ġestjoni, minħabba li huma qrib is-suq, jenħtieġ li jkunu involuti fil-kompiti ta’ sorveljanza tas-suq imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali, u jenħtieġ li jkunu lesti li jipparteċipaw b’mod attiv, billi jipprovdu lil dawk l-awtoritajiet bl-informazzjoni kollha meħtieġa relatata mal-batterija kkonċernata.

(76)

L-iżgurar tat-traċċabbiltà ta’ batterija matul il-katina tal-provvista kollha jgħin biex is-sorveljanza tas-suq tkun aktar sempliċi u effiċjenti, u jipprovdi trasparenza lill-konsumaturi. Sistema ta’ traċċabbiltà effiċjenti tiffaċilita l-kompitu tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq li jittraċċaw lill-operaturi ekonomiċi li jkunu qiegħdu fis-suq jew qiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq jew fis-servizz batteriji mhux konformi. Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkollhom l-obbligu li jżommu informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet tagħhom li jinvolvu batteriji għal ċertu perjodu, inkluż f’forma elettronika.

(77)

L-estrazzjoni, l-ipproċessar u n-negozjar tar-riżorsi minerali naturali huma fundamentali biex jipprovdu l-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tal-batteriji. Il-manifatturi tal-batteriji, irrispettivament mill-pożizzjoni jew l-influwenza tagħhom fuq il-fornituri u mill-pożizzjoni ġeografika tagħhom, jistgħu mingħajr intenzjoni jikkontribwixxu għal impatti negattivi fil-katina tal-provvista tal-minerali. Għal xi materja prima, aktar minn nofs il-produzzjoni globali hija intiża għall-użu fl-applikazzjonijiet tal-batteriji. Pereżempju, aktar minn 50 % tad-domanda globali għall-kobalt u aktar minn 60 % tal-litju fid-dinja jintużaw għall-produzzjoni tal-batteriji. Madwar 8 % tal-produzzjoni globali tal-grafit naturali u 6 % tal-produzzjoni globali tan-nikil imorru għall-manifattura tal-batteriji.

(78)

Huma biss ftit pajjiżi li jfornu l-materja prima użata fil-manifattura tal-batteriji, f’xi każijiet, l-istandards baxxi ta’ governanza f’dawk il-pajjiżi jistgħu jaggravaw il-problemi ambjentali u soċjali. L-estrazzjoni u r-raffinar tal-kobalt u tan-nikil huma marbuta ma’ firxa kbira ta’ kwistjonijiet soċjali u ambjentali. Filwaqt li l-impatti soċjali u ambjentali għall-grafit naturali huma inqas severi, l-estrazzjoni tal-grafit naturali jista’ jkollha impatti serji fuq is-saħħa u l-ambjent minħabba li titwettaq prinċipalment minn operazzjonijiet artiġjanali u fuq skala żgħira, prinċipalment f’ambjenti informali. Dan, flimkien man-nuqqas ta’ pjanijiet aġġornati regolarment għall-għeluq tal-minjieri u riabilitazzjoni, jista’ tirriżulta fil-qerda tal-ekosistemi u tal-ħamrija. Iż-żieda mistennija fl-użu tal-litju fil-manifattura tal-batteriji x’aktarx li tpoġġi pressjoni addizzjonali fuq l-operazzjonijiet ta’ estrazzjoni u raffinar. Għalhekk huwa opportun li l-litju jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta għall-batteriji. Jenħtieġ li ż-żieda kbira ħafna mistennija fid-domanda għall-batteriji fl-Unjoni ma tikkontribwixxix għal żieda ta’ dawn ir-riskji ambjentali u soċjali.

(79)

Xi materja prima użata fil-manifattura tal-batteriji, bħall-kobalt, il-litju u l-grafit naturali, hija meqjusa li hija materja prima kritika għall-Unjoni, kif indikat mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Settembru 2020 dwar “Ir-Reżiljenza tal-Materja Prima Kritika: It-Twittija tat-Triq lejn Sigurtà u Sostenibbiltà Akbar”, u l-akkwist sostenibbli tagħhom huma meħtieġa biex l-ekosistema tal-batteriji tal-Unjoni taħdem b’mod adegwat.

(80)

Diġà qed isiru għadd ta’ sforzi volontarji minn atturi fil-katina tal-provvista tal-batteriji sabiex tiġi inkoraġġuta l-osservanza ta’ prattiki tal-akkwist sostenibbli, inkluż l-Inizjattiva għall-Assigurazzjoni tal-Estrazzjoni Responsabbli (Initiative for Responsible Mining Assurance), l-Inizjattiva għal Minerali Responsabbli (Responsible Minerals Initiative) u l-Qafas ta’ Valutazzjoni Responsabbli għall-Industrija tal-Kobalt (Cobalt Industry Responsible Assessment Framework). Madankollu, mhux ċert li l-isforzi volontarji biex jiġu stabbiliti skemi ta’ diliġenza dovuta ser jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi kollha li jqiegħdu l-batteriji fis-suq tal-Unjoni jirrispettaw l-istess sett ta’ regoli minimi.

(81)

Fl-Unjoni, ġew introdotti rekwiżiti ġenerali dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward ta’ ċerti minerali u metalli bir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23). Madankollu, dak ir-Regolament ma jindirizzax il-minerali u l-materjali użati għall-produzzjoni tal-batteriji.

(82)

Għalhekk, fid-dawl tat-tkabbir esponenzjali mistenni fid-domanda għall-batteriji fl-Unjoni, jenħtieġ li operatur ekonomiku li jqiegħed batterija fis-suq tal-Unjoni jistabbilixxi politika ta’ diliġenza dovuta għall-batteriji. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stipulati r-rekwiżiti f’dan ir-Regolament, sabiex jiġu indirizzati r-riskji soċjali u ambjentali inerenti fl-estrazzjoni, l-ipproċessar u n-negozjar ta’ ċerta materja prima u materja prima sekondarja użata għall-finijiet tal-manifattura tal-batteriji. Jenħtieġ li tali politika tinkludi lill-operaturi kollha fil-katina tal-provvista, u lis-sussidjarji u lis-sottokuntratturi tagħhom, li jwettqu l-estrazzjoni, jipproċessaw u jinnegozjaw ċerta materja prima u materja prima sekondarja.

(83)

Meta tiġi implimentata politika ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji bbażata fuq ir-riskji, jenħtieġ li l-operatur ekonomiku jibbażaha fuq standards u prinċipji ta’ diliġenza dovuta rikonoxxuti internazzjonalment, bħal dawk fil-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, l-għaxar prinċipji tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Linji gwida għall-Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja tal-Prodotti tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, il-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) għall-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta Għal Imġiba Responsabbli fin-Negozju. Dawk l-istandards u l-prinċipji li kull operatur ekonomiku jenħtieġ li jfassal għall-kuntest u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tiegħu jirriflettu fehim komuni fost il-gvernijiet u l-partijiet ikkonċernati. Rigward l-estrazzjoni, l-ipproċessar u n-negozjar tar-riżorsi minerali naturali użati għall-produzzjoni tal-batteriji, il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u ta’ Riskju Għoli tirrappreżenta standard rikonoxxut internazzjonalment li jindirizza r-riskji speċifiċi ta’ ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, u sforz li ilu għaddej mill-gvernijiet u mill-partijiet ikkonċernati biex jistabbilixxu prattika tajba f’dan il-qasam.

(84)

Skont l-istandards u l-prinċipji tan-NU, l-ILO u tal-OECD, id-diliġenza dovuta hija proċess kontinwu, proattiv u reattiv li permezz tiegħu l-kumpaniji jistgħu jiżguraw li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent u ma jikkontribwixxux għall-kunflitti. Id-diliġenza dovuta bbażata fuq ir-riskju tirreferi għall-passi li jenħtieġ li jieħdu l-kumpaniji biex jidentifikaw, jipprevjenu, jimmitigaw u nkella jindirizzaw l-impatti negattivi assoċjati mal-attivitajiet tagħhom jew mad-deċiżjonijiet dwar l-akkwist. Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jwettqu konsultazzjonijiet infurmati, effettivi u sinifikattivi mal-komunitajiet affettwati. Kumpanija tista’ tivvaluta r-riskji li jinħolqu mill-attivitajiet u r-relazzjonijiet tagħha u tadotta miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji, li jistgħu jinkludu r-rapportar ta’ informazzjoni addizzjonali, in-negozjar bl-għan li tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni, jew li jiġi sospiż jew imwaqqaf l-involviment mal-fornituri, f’konformità mal-istandards rilevanti pprovduti skont il-liġi nazzjonali u internazzjonali, ir-rakkomandazzjonijiet dwar l-imġiba responsabbli fin-negozju minn organizzazzjonijiet internazzjonali, l-għodod appoġġati mill-gvern, l-inizjattivi volontarji mis-settur privat u l-politiki u s-sistemi interni tal-kumpanija. Dan l-approċċ jgħin ukoll biex l-eżerċizzju ta’ diliġenza dovuta jsir fuq skala xierqa meta mqabbel mad-daqs tal-attivitajiet jew ir-relazzjonijiet tal-katina tal-provvista tal-kumpanija.

(85)

Filwaqt li l-iskemi ta’ diliġenza dovuta tas-settur privat jistgħu jappoġġaw lill-operaturi ekonomiċi biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji f’konformità mal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu responsabbli individwalment għat-twettiq tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(86)

Jenħtieġ li jiġu adottati politiki obbligatorji dwar id-diliġenza dovuta għall-batteriji, jew jiġu mibdula, u jenħtieġ li jindirizzaw, mill-inqas, l-aktar kategoriji prevalenti tar-riskji soċjali u ambjentali. Jenħtieġ li tali politika tkopri l-impatti attwali u prevedibbli fuq il-kwistjonijiet soċjali, b’mod partikolari d-drittijiet tal-bniedem, is-saħħa tal-bniedem u s-sikurezza tal-persuni kif ukoll is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema min-naħa waħda u fuq l-ambjent, b’mod partikolari fuq l-użu tal-ilma, il-protezzjoni tal-ħamrija, it-tniġġis tal-arja, it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità, kif ukoll il-protezzjoni tal-ħajja komunitarja, min-naħa l-oħra.

(87)

Fir-rigward tal-kategoriji ta’ riskju soċjali, jenħtieġ li l-politiki tad-diliġenza dovuta għall-batteriji jindirizzaw ir-riskji relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż is-saħħa tal-bniedem, il-ħajja komunitarja, inkluż dik tal-popli indiġeni, il-protezzjoni tat-tfal u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, f’konformità mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Jenħtieġ li l-politiki ta’ diliġenza dovuta għall-batteriji jinkludu informazzjoni dwar kif l-operatur ekonomiku kkontribwixxa għall-prevenzjoni ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u dwar l-istrumenti fis-seħħ fi ħdan l-istruttura tan-negozju tal-operatur biex jiġu miġġielda l-korruzzjoni u t-tixħim. Jenħtieġ li l-politiki tad-diliġenza dovuta għall-batteriji jiżguraw ukoll l-implimentazzjoni xierqa tar-regoli tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO kif elenkati fl-Anness I għad-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO tal-Prinċipji li jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali.

(88)

L-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem huma komuni f’żoni b’ħafna riżorsi affettwati minn kunflitti u f’żoni ta’ riskju għoli. Għalhekk, dawn l-oqsma jistħoqqilhom attenzjoni speċifika fil-politika ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji tal-operaturi ekonomiċi. Ir-Regolament (UE) 2017/821 jinkludi dispożizzjonijiet għal lista indikattiva, mhux eżawrjenti u aġġornata regolarment ta’ żoni affettwati minn kunflitti u ta’ riskju għoli. Dik il-lista hija rilevanti wkoll għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-diliġenza dovuta għall-batteriji ta’ dan ir-Regolament.

(89)

Fir-rigward tal-kategoriji ta’ riskju ambjentali, jenħtieġ li l-politiki tad-diliġenza dovuta għall-batteriji jindirizzaw ir-riskji għall-protezzjoni tal-ambjent naturali u d-diversità bijoloġika, f’konformità mal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, li tinkludi l-konsiderazzjoni tal-komunitajiet lokali u l-protezzjoni u l-iżvilupp ta’ dawk il-komunitajiet. Jenħtieġ li l-politiki tad-diliġenza dovuta għall-batteriji jindirizzaw ukoll ir-riskji relatati mat-tibdil fil-klima, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi (24), adottat fit-12 ta’ Diċembru 2015 skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-“Ftehim ta’ Pariġi tan-NU”), kif ukoll ir-riskji ambjentali koperti minn konvenzjonijiet ambjentali internazzjonali oħra.

(90)

Jenħtieġ li l-obbligi tad-diliġenza dovuta għall-batteriji dwar l-identifikazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji soċjali u ambjentali assoċjati mal-materja prima użata fil-manifattura tal-batteriji jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 4/19 tal-UNEP dwar il-Governanza tar-Riżorsi Minerali, li tirrikonoxxi l-kontribut importanti tas-settur tal-estrazzjoni għall-kisba tal-Aġenda 2030 u tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

(91)

Atti legali oħra tal-Unjoni li jistabbilixxu rekwiżiti rigward id-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista jenħtieġ li japplikaw għall-batteriji sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet speċifiċi bl-istess objettiv, natura u effett f’dan ir-Regolament li jistgħu jiġu adattati fid-dawl ta’ emendi leġiżlattivi futuri. Tali atti legali jistgħu jindirizzaw ir-responsabbiltà ċivili tal-kumpaniji għad-danni li jirriżultaw minħabba n-nuqqas tagħhom li jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta. Fejn tali atti legali ma jindirizzawx jew ma jindirizzawx kompletament il-konsegwenzi tar-responsabbiltà ċivili tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta għall-batteriji ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jkun possibbli li dawn jiġu indirizzati mir-regoli nazzjonali.

(92)

Sabiex ikun hemm adattament għall-iżviluppi fil-katina tal-valur tal-batteriji, inkluż għal bidliet fl-ambitu u n-natura tar-riskji ambjentali u soċjali rilevanti, kif ukoll għall-progress tekniku u xjentifiku fil-batteriji u l-kimika tal-batteriji, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-emendar tal-lista tal-materja prima u l-kategoriji tar-riskji, il-lista ta’ strumenti internazzjonali u l-obbligi ta’ diliġenza dovuta għall-batteriji.

(93)

Sabiex tiġi stabbilita l-ekwivalenza tal-iskemi ta’ diliġenza dovuta li ġew żviluppati mill-gvernijiet, mill-assoċjazzjonijiet tal-industrija u mill-gruppi ta’ organizzazzjonijiet interessati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.

(94)

Sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tajba, soda u konsistenti tal-iskemi ta’ diliġenza dovuta, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-kriterji u l-metodoloġija biex jiġi determinat jekk l-iskemi ta’ diliġenza dovuta jippermettu lill-operaturi ekonomiċi jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta ta’ dan ir-Regolament.

(95)

Huma meħtieġa regoli armonizzati għall-immaniġġar tal-iskart biex jiġi żgurat li l-produtturi u operaturi ekonomiċi oħrajn ikunu soġġetti għall-istess regoli fl-Istati Membri kollha fl-implimentazzjoni tar-responsabbiltà estiża tal-produtturi għall-batteriji u biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent madwar l-Unjoni. Ir-responsabbiltà estiża tal-produttur tista’ tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-użu ġenerali tar-riżorsi, b’mod partikolari billi jitnaqqsu l-ġenerazzjoni tal-iskart ta’ batteriji u l-impatti negattivi marbuta mal-immaniġġar tal-iskart ta’ batteriji. Huwa neċessarju li jiġi mmassimizzat il-ġbir separat tal-iskart ta’ batteriji u li jiġi żgurat li l-iskart ta’ batteriji kollu miġbur jiġi riċiklat permezz ta’ proċessi li jilħqu effiċjenzi minimi komuni ta’ riċiklaġġ sabiex jinkisbu livelli għoljin ta’ rkupru ta’ materjali. Fl-evalwazzjoni tagħha tad-Direttiva 2006/66/KE, il-Kummissjoni sabet li wieħed min-nuqqasijiet ta’ dik id-Direttiva huwa li d-dispożizzjonijiet ma kinux dettaljati biżżejjed, li jwassal għal implimentazzjoni mhux uniformi u joħloq ostakli sinifikanti għall-funzjonament tas-swieq tar-riċiklaġġ u livelli subottimali ta’ riċiklaġġ. Konsegwentement, regoli aktar dettaljati u armonizzati jevitaw distorsjonijiet tas-suq għall-ġbir, it-trattament u r-riċiklaġġ tal-iskart ta’ batteriji u jiżguraw implimentazzjoni uniformi tar-rekwiżiti madwar l-Unjoni. Dan jirriżulta wkoll f’aktar armonizzazzjoni tal-kwalità tas-servizzi tal-immaniġġar tal-iskart ipprovduti mill-operaturi ekonomiċi u jiffaċilita l-funzjonament tas-suq għall-materja prima sekondarja.

(96)

Sabiex jiġi żgurat li l-obbligi skont dan ir-Regolament jitwettqu u sabiex tiġi mmonitorjata u vverifikata l-konformità minn produtturi u organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi ma dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar.

(97)

Dan ir-Regolament jibni fuq ir-regoli dwar l-immaniġġar tal-iskart u l-prinċipji ġenerali stipulati fid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25), li jenħtieġ li jiġu adattati biex jirriflettu n-natura speċifika tal-iskart ta’ batteriji. Sabiex il-ġbir tal-iskart ta’ batteriji jiġi organizzat bl-aktar mod effettiv, huwa importanti li dan isir qrib kemm il-post fejn jinbiegħu l-batteriji u qrib l-utent finali. Jenħtieġ li l-iskart ta’ batteriji jinġabar separatament minn flussi oħra ta’ skart, bħall-metalli, il-karti u l-kartun, il-ħġieġ, il-plastik, l-injam, it-tessuti u l-bijoskart. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli għall-iskart ta’ batteriji li jinġabar kemm flimkien ma’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku kif ukoll ma’ vetturi li ma għadhomx jintużaw, permezz ta’ skemi ta’ ġbir nazzjonali stabbiliti abbażi tad-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26), u tad-Direttiva 2000/53/KE. Filwaqt li d-Direttiva 2006/66/KE tistabbilixxi regoli speċifiċi għall-batteriji, hemm bżonn approċċ koerenti u komplementari, li jibni fuq u jarmonizza aktar l-istrutturi eżistenti tal-immaniġġar tal-iskart. Konsegwentement, u sabiex tiġi implimentata b’mod effettiv responsabbiltà estiża tal-produtturi relatata mal-immaniġġar tal-iskart, jenħtieġ li jiġu stipulati obbligi fir-rigward tal-Istat Membru fejn il-batteriji jitqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba.

(98)

Sabiex jiġi verifikat it-twettiq tal-produtturi tal-obbligi tagħhom fir-rigward tat-trattament tal-iskart ta’ batteriji mqiegħda fis-suq għall-ewwel darba fit-territorju ta’ Stat Membru, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit reġistru u li dan ikun ġestit mill-awtorità kompetenti f’kull Stat Membru. Jenħtieġ li l-informazzjoni fir-reġistru tkun aċċessibbli għal dawk l-entitajiet li għandhom rwol fil-monitoraġġ tal-konformità mar-responsabbiltà estiża tal-produttur u l-infurzar tagħha. Jenħtieġ li jkun possibbli li dak ir-reġistru jkun l-istess bħar-reġistru nazzjonali stabbilit skont id-Direttiva 2006/66/KE. Jenħtieġ li l-produtturi jkunu obbligati jirreġistraw, sabiex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivverifikaw it-twettiq tal-produtturi tal-obbligi tagħhom. Jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni jiġu ssimplifikata fl-Unjoni kollha.

(99)

F’każ ta’ organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi mmexxija mill-Istat, minħabba li ma hemm ebda mandat tal-produttur irrappreżentat, ir-rekwiżiti previsti f’dan ir-Regolament dwar tali mandati ma japplikawx.

(100)

Fid-dawl tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, huwa xieraq li jiġu imposti obbligi fuq il-produtturi fir-rigward tal-ġestjoni ‘tal-iskart tal-batteriji. ‘F’dan il-kuntest, il-kelma produtturi għandha tinftiehem li tinkludi kwalunkwe manifattur, importatur jew distributur li, irrispettivament mit-teknika tal-bejgħ użata, inkluż permezz ta’ kuntratti mill-bogħod kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (7), tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27), iforni batterija għall-ewwel darba għad-distribuzzjoni jew l-użu, inkluż meta din tkun inkorporata f’apparat, mezzi ta’ trasport ħfief jew vetturi oħra, fit-territorju ta’ Stat Membru fuq bażi kummerċjali.

(101)

Jenħtieġ li l-produtturi jkollhom responsabbiltà estiża tal-produtturi għall-immaniġġar tal-batteriji tagħhom fl-istadju ta’ tmiem il-ħajja tagħhom. Għaldaqstant, jenħtieġ li huma jiffinanzjaw il-kostijiet tal-ġbir, tat-trattament u tar-riċiklaġġ tal-batteriji kollha miġbura, tat-twettiq ta’ stħarriġ dwar il-kompożizzjoni tal-iskart muniċipali miġbur imħallat, tar-rapportar dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, u tal-għoti ta’ informazzjoni lill-utenti finali u lill-operaturi tal-iskart dwar il-batteriji u l-użu mill-ġdid u l-immaniġġar xierqa tal-iskart ta’ batteriji. Ir-regoli l-ġodda dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur skont dan ir-Regolament huma intiżi li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u tas-saħħa fl-Unjoni billi jimmassimizzaw il-ġbir separat tal-iskart ta’ batteriji u jiżguraw li l-batteriji kollha miġbura jiġu riċiklati permezz ta’ proċessi li jilħqu rati għoljin ta’ effiċjenza tar-riċiklaġġ u rkupru ta’ materjali fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku. Jenħtieġ li l-obbligi relatati mar-responsabbiltà estiża tal-produtturi japplikaw għall-forom kollha ta’ provvista, inkluż il-bejgħ mill-bogħod. Jenħtieġ li l-produtturi jkunu jistgħu jeżerċitaw dawk l-obbligi b’mod kollettiv, permezz ta’ organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li jieħdu r-responsabbiltà f’isimhom. Jenħtieġ li l-produtturi jew l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni u li juru li għandhom il-mezzi finanzjarji biex ikopru l-kostijiet li jirriżultaw mir-responsabbiltà estiża tal-produtturi. Meta jistabbilixxu r-regoli amministrattivi u proċedurali għall-awtorizzazzjoni tal-produtturi għal konformità individwali u ta’ organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għall-konformità kollettiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddifferenzjaw il-proċessi għall-produtturi individwali u għall-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi biex jillimitaw il-piż amministrattiv fuq il-produtturi individwali. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li jkun possibbli li l-permessi maħruġa skont id-Direttiva 2008/98/KE jitqiesu li huma awtorizzazzjoni għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Fejn ikun meħtieġ biex tiġi evitata d-distorsjoni tas-suq intern u sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-modulazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mħallsa mill-produtturi lill-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. L-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart li jwettqu ġbir u trattament skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu soġġetti għal proċedura ta’ għażla mill-produtturi tal-batteriji rilevanti jew mill-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li jaġixxu f’isimhom, f’konformità mad-Direttiva 2008/98/KE. Meta l-operazzjonijiet tal-immaniġġar tal-iskart isiru fi Stat Membru għajr dak li fih batterija tkun tqiegħdet fis-suq għall-ewwel darba, jenħtieġ li l-produtturi jkopru l-kostijiet imġarrba mill-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart fl-Istat Membru fejn iseħħu l-operazzjonijiet tal-iskart. Fid-diskussjoni dwar proposti possibbli għal atti leġiżlattivi tal-Unjoni dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw u skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu transfruntier ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għall-iskart ta’ batteriji, inkluż dawk inkorporati f’vetturi jew apparati, bejn l-atturi rilevanti. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi kkunsidrata l-adozzjoni ta’ miżuri oħra, bħall-għodod għall-ġestjoni u l-verifika tal-informazzjoni, inkluż, kif xieraq, ir-rappreżentanti awtorizzati għar-responsabbiltà estiża tal-produttur, l-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart, l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, il-passaporti diġitali tal-prodotti u r-reġistri tal-produtturi, u s-sistemi nazzjonali ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi meta jkopru l-batteriji tal-vetturi elettriċi.

(102)

Ir-responsabbiltà estiża tal-produttur jenħtieġ li tapplika wkoll għall-operaturi ekonomiċi li jqiegħdu fis-suq batterija li tirriżulta minn operazzjonijiet ta’ preparazzjoni għal użu mill-ġdid, preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, adattament għal skop differenti jew manifattura mill-ġdid. Għalhekk, jenħtieġ li l-operatur ekonomiku li oriġinarjament ikun qiegħed il-batterija fis-suq ma jġarrabx kostijiet addizzjonali li jistgħu jirriżultaw mill-immaniġġar tal-iskart li jirriżulta mill-ħajja sussegwenti ta’ dik il-batterija. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-operaturi ekonomiċi soġġetti għar-responsabbiltà estiża tal-produttur li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni tal-kostijiet ibbażat fuq l-attribuzzjoni tal-kostijiet reali tal-immaniġġar tal-iskart.

(103)

Dan ir-Regolament huwa lex specialis fir-rigward tad-Direttiva 2008/98/KE għar-rekwiżiti minimi tar-responsabbiltà estiża tal-produtturi dwar il-miri tal-ġbir u r-riċiklaġġ, it-teħid lura mid-distributur u t-tieni ħajja. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jiddefinixxu r-responsabbiltà estiża tal-produttur prevista f’dan ir-Regolament, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/98/KE u mal-liġi nazzjonali li tittrasponi dik id-Direttiva. Barra minn hekk, fejn dan ir-Regolament ma jipprevedix armonizzazzjoni sħiħa fil-Kapitolu VIII, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprevedu miżuri addizzjonali dwar dawk is-suġġetti speċifiċi, dment li regolamentazzjoni ulterjuri tkun f’konformità mad-Direttiva 2008/98/KE u konsistenti mal-liġi nazzjonali li tittrasponi dik id-Direttiva u ma’ dan ir-Regolament.

(104)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jispeċifika kif it-traċċabbiltà tal-obbligi tal-kummerċjanti stipulati fir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28) għandha tiġi applikata għall-pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ produtturi li joffru batteriji, inkluż batteriji li huma inkorporati f’apparati, mezzi ta’ trasport ħfief jew vetturi oħra, u għall-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni fir-rigward tar-reġistri tal-produtturi stabbiliti skont dan ir-Regolament. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, kwalunkwe produttur li joffri batteriji, inkluż dawk inkorporati f’apparat, mezzi ta’ trasport ħfief jew vetturi oħra, permezz ta’ kuntratti mill-bogħod direttament lill-konsumaturi li jinsabu fi Stat Membru, kemm jekk stabbiliti fi Stat Membru kif ukoll jekk f’pajjiż terz, jenħtieġ li jitqies li huwa kummerċjant kif definit fir-Regolament (UE) 2022/2065. Skont dak ir-Regolament, il-fornituri tal-pjattaformi online, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu III tiegħu u li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-produtturi, jenħtieġ li jiksbu mingħand dawk il-produtturi informazzjoni dwar ir-reġistru tal-produtturi fejn huma rreġistrati kif ukoll in-numru tar-reġistrazzjoni tagħhom u awtoċertifikazzjoni li jimpenjaw ruħhom li jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur stipulati f’dan ir-Regolament. L-implimentazzjoni tar-regoli dwar it-traċċabbiltà tal-kummerċjanti għall-bejgħ ta’ batteriji online hija soġġetta għar-regoli ta’ infurzar stipulati fir-Regolament (UE) 2022/2065.

(105)

Sabiex jiġi żgurat riċiklaġġ ta’ kwalità għolja fil-katina tal-provvista tal-batteriji, tingħata spinta lill-użu ta’ materja prima sekondarja ta’ kwalità u jiġi protett l-ambjent, jenħtieġ li jkun hemm rati għoljin ta’ ġbir u riċiklaġġ tal-iskart ta’ batteriji. Il-ġbir tal-iskart ta’ batteriji huwa pass kruċjali fl-irkupru ta’ materjali ta’ valur preżenti fil-batteriji permezz tar-riċiklaġġ tagħhom u biex tinżamm il-katina ta’ provvista tal-batteriji fl-Unjoni, li tagħti spinta lill-awtonomija strateġika tal-Unjoni f’dan is-settur. Tali riċiklaġġ b’hekk jiffaċilita wkoll l-aċċess għall-materjali rkuprati li jistgħu jerġgħu jintużaw għall-manifattura ta’ prodotti ġodda.

(106)

Jenħtieġ li l-produtturi jkunu responsabbli għall-finanzjament u l-organizzazzjoni tal-ġbir separat tal-iskart ta’ batteriji. Jenħtieġ li huma jagħmlu dan billi jistabbilixxu network ta’ teħid lura u ta’ ġbir u kampanji ta’ informazzjoni relatata li jkopri t-territorju kollu ta’ kull Stat Membru. Tali networks jenħtieġ li jkunu qrib l-utent finali u jenħtieġ li ma jimmirawx biss lejn iż-żoni u l-batteriji fejn il-ġbir tal-iskart ta’ batteriji ikun profittabbli. Jenħtieġ li n-network ta’ ġbir jinkludi distributuri, faċilitajiet ta’ trattament awtorizzata għall-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku u vetturi li ma għadhomx jintużaw u faċilitajiet għall-iskart goff, u atturi oħrajn fuq bażi volontarja, bħall-awtoritajiet pubbliċi u l-iskejjel. Sabiex tiġi vverifikata u mtejba l-effettività tan-network tal-ġbir u kampanji ta’ informazzjoni relatata, jenħtieġ li jitwettaq stħarriġ regolari dwar il-kompożizzjoni tal-inqas fil-livell NUTS 2, li huwa previst fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29) dwar l-iskart muniċipali mħallat u l-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku miġbur biex jiġi ddeterminat l-ammont tal-iskart ta’ batteriji portabbli fihom.

(107)

Jenħtieġ li jkun possibbli għall-iskart tal-batteriji li jinġabar flimkien mal-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, permezz ta’ skemi ta’ ġbir nazzjonali stabbiliti abbażi tad-Direttiva 2012/19/UE u ma’ vetturi li ma għadhomx jintużaw f’konformità mad-Direttiva 2000/53/KE. F’każijiet bħal dawn, bħala rekwiżit ta’ trattament minimu obbligatorju, jenħtieġ li l-batteriji jitneħħew mill-iskart ta’ apparat miġbur u mill-vetturi li ma għadhomx jintużaw. Wara li jkunu tneħħew mill-iskart ta’ apparat miġbur u minn vetturi li ma għadhomx jintużaw, jenħtieġ li l-batteriji jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, jenħtieġ li tali skart ta’ batteriji jingħadd għall-kisba tal-mira tal-ġbir għal dik il-kategorija ta’ batterija inkwistjoni u jkun soġġett għar-rekwiżiti tat-trattament u riċiklaġġ stipulati f’dan ir-Regolament.

(108)

Meta wieħed iqis l-impatt ambjentali u t-telf ta’ materjali minħabba li l-iskart ta’ batteriji ma jinġabarx separatament, u konsegwentement ma jiġix ittrattat b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, jenħtieġ li l-mira tal-ġbir għall-iskart tal-batteriji portabbli stabbilita skont id-Direttiva 2006/66/KE tkompli tapplika u tiżdied gradwalment. Fid-dawl taż-żieda attwali fil-bejgħ tal-batteriji LMT u l-fatt li dawn għandhom tul tal-ħajja itwal mill-batteriji portabbli, huwa xieraq li tiġi stabbilita mira speċifika tal-ġbir għall-iskart tal-batteriji LMT, separata mill-mira tal-ġbir applikabbli għall-iskart batteriji portabbli. Minħabba l-iżvilupp mistenni tas-suq għall-batteriji LMT u batteriji portabbli u ż-żieda fit-tul tal-ħajja stmat tagħhom, jenħtieġ li l-metodoloġija għall-kalkolu u l-verifika tal-miri tal-ġbir tiġi rieżaminata sabiex jiġi aċċertat aħjar il-volum reali tal-iskart ta’ batteriji LMT u skart ta’ batteriji portabbli disponibbli għall-ġbir. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-emendar ta’ tali metodoloġija u għall-emendar tal-miri tal-ġbir skont il-każ. Huwa kruċjali li metodoloġija “Disponibbli għall-ġbir” ġdida żżomm jew iżżid il-livell ta’ ambizzjoni ambjentali fir-rigward tal-ġbir tal-iskart ta’ batteriji LMT u skart ta’ batteriji portabbli meta mqabbel mal-metodoloġija eżistenti. Abbażi ta’ studju taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar miri ta’ ġbir alternattivi għall-iskart ta’ batteriji portabbli u ta’ mezzi tat-trasport ħfief, huwa stmat li mira tal-ġbir għall-iskart ta’ batteriji LMT ta’ 51 % sal-31 ta’ Diċembru 2028 u ta’ 61 % sal-31 ta’ Diċembru 2031, ikkalkulata abbażi tal-kwantitajiet ta’ batteriji LMT imqiegħda fis-suq fi Stat Membru, ser tikkorrispondi għal mira tal-ġbir għall-iskart ta’ batteriji LMT ta’ 79 % sal-31 ta’ Diċembru 2028 u ta’ 85 % sal-31 ta’ Diċembru 2031, ikkalkulata abbażi tal-kwantitajiet ta’ batteriji LMT disponibbli għall-ġbir fi Stat Membru. Jenħtieġ li l-miri tal-ġbir għall-iskart ta’ batteriji portabbli u l-iskart ta’ batteriji LMT jiġu rieżaminati. Jenħtieġ li jkun possibbli għal tali rieżami li jindirizza wkoll il-possibbiltà li jiġu miżjuda żewġ subkategoriji ta’ batteriji portabbli: rikarikabbli u mhux rikarikabbli, b’rati separati ta’ ġbir. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tħejji rapport biex jakkumpanja dawk ir-rieżamijiet.

(109)

Sabiex jiġi massimizzat il-ġbir u jitnaqqsu r-riskji għas-sikurezza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà u l-benefiċċji potenzjali tal-istabbiliment ta’ sistema ta’ ritorn tad-depożiti għall-batteriji, b’mod partikolari għall-batteriji portabbli ta’ użu ġenerali. Jenħtieġ li jitqiesu sistemi nazzjonali u armonizzati madwar l-Unjoni kollha ta’ ritorn tad-depożiti f’dik il-valutazzjoni.

(110)

Jenħtieġ li r-rata tal-ġbir tal-iskart tal-batteriji portabbli tkompli tiġi kkalkolata abbażi tal-bejgħ annwali medju fis-snin preċedenti biex ikun hemm miri proporzjonati għal-livell ta’ konsum tal-batteriji fi Stat Membru. Sabiex jiġu riflessi bl-aħjar mod il-bidliet dwar x’inhu inkluż fil-kategorija ta’ batteriji portabbli, kif ukoll fit-tul tal-ħajja u x-xejriet tal-konsum tal-batteriji, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE biex temenda l-metodoloġija għall-kalkolu u l-verifika tar-rata tal-ġbir għall-iskart tal-batteriji portabbli, kif ukoll għall-iskart tal-batteriji LMT.

(111)

L-obbligu fuq l-Istati Membri li jadottaw miżuri dwar il-kisba mill-produtturi u, fejn maħtura, mill-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, tal-miri tal-ġbir għall-iskart ta’ batteriji portabbli u l-iskart ta’ batteriji LMT, jirrifletti l-prinċipju ġenerali li l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-effettività tal-liġi tal-Unjoni.

(112)

L-iskart kollu ta’ batteriji SLI, ta’ batteriji industrijali u ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi għandu jinġabar. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-produtturi ta’ batteriji SLI, ta’ batteriji industrijali u ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi jkunu obbligati jaċċettaw u jieħdu lura mingħajr ħlas, l-iskart kollu ta’ batteriji għall-kategorija rispettiva tagħhom mingħand l-utenti finali. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti obbligi dettaljati ta’ rapportar għall-produtturi, għall-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart u għad-detenturi tal-iskart kollha involuti fil-ġbir tal-iskart ta’ batteriji SLI, l-iskart ta’ batteriji industrijali u l-iskart ta’ batteriji ta’ vetturi elettriċi.

(113)

Fid-dawl tal-ġerarkija tal-iskart kif stabbilita bid-Direttiva 2008/98/KE li tagħti prijorità lill-prevenzjoni, il-preparazzjoni għal użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ u f’konformità mad-Direttiva 2008/98/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE (30), jenħtieġ li l-iskart ta’ batteriji miġbur ma jintremiex jew ma jkunx soġġett għal operazzjoni ta’ rkupru tal-enerġija.

(114)

Kwalunkwe faċilità permessa li twettaq trattament tal-batteriji jenħtieġ li tkun konformi mar-rekwiżiti minimi biex tipprevjeni impatti negattivi fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem u biex tippermetti rata għolja ta’ rkupru ta’ materjali preżenti fil-batteriji. Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31) tirregola għadd ta’ attivitajiet industrijali involuti fit-trattament tal-iskart ta’ batteriji, li għalihom tipprovdi rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni u kontrolli speċifiċi li jirriflettu l-aħjar tekniki disponibbli. Fejn l-attivitajiet industrijali relatati mat-trattament u r-riċiklaġġ ta’ batteriji mhumiex koperti mid-Direttiva 2010/75/UE, jenħtieġ li l-operaturi, fi kwalunkwe każ, ikunu obbligati japplikaw l-aħjar tekniki disponibbli, definiti fl-Artikolu 3, il-punt (10), ta’ dik id-Direttiva, u r-rekwiżiti speċifiċi stipulati f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li r-rekwiżiti f’dan ir-Regolament rigward it-trattament u r-riċiklaġġ tal-batteriji, fejn rilevanti, jiġu adattati mill-Kummissjoni fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku u t-teknoloġiji ġodda emerġenti fl-immaniġġar tal-iskart. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-emendar ta’ dawk ir-rekwiżiti.

(115)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti miri għall-effiċjenza tal-proċessi ta’ riċiklaġġ u għall-irkupru ta’ materjali sabiex tiġi żgurata kwalità għolja tal-irkupru ta’ materjali għall-industrija tal-batteriji, filwaqt li fl-istess ħin jiġu żgurati regoli ċari u komuni għar-riċiklaturi u jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jew impedimenti oħrajn għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern għall-materja prima sekondarja mill-iskart ta’ batteriji. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti miri għall-effiċjenza tar-riċiklaġġ, bħala kejl tal-ammont totali ta’ materjali riċiklati, għall-batteriji taċ-ċomb u tal-aċidu, għall-batteriji tan-nikil u tal-kadmju, għall-batteriji bbażati fuq il-litju u għal batteriji oħrajn. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll miri għall-irkupru ta’ materjali għall-kobalt, għaċ-ċomb, għal-litju u għan-nikil sabiex tintlaħaq rata għolja ta’ rkupru ta’ materjali fl-Unjoni kollha. Ir-regoli dwar il-kalkolu u r-rapportar dwar l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 493/2012 (32) jenħtieġ li jkomplu japplikaw. Sabiex jiġi żgurat li l-kalkoli u l-verifiki tar-rati tal-effiċjenza tar-riċiklaġġ u tal-irkupru ta’ materjali jkunu preċiżi u affidabbli u jiġi żgurat li jkun hemm ċertezza legali akbar, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu u l-verifika tal-effiċjenza tar-riċiklaġġ u tar-rati tal-irkupru ta’ materjal fil-proċessi tar-riċiklaġġ għall-batteriji u l-format għad-dokumentazzjoni dwar l-effiċjenzai tar-riċiklaġġ u l-irkupru ta’ materjali għal skart ta’ batteriji u dwar id-destinazzjoni u r-rendiment tal-frazzjonijiet tal-output finali, skont il-Parti A tal-Anness XII. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina wkoll ir-Regolament (UE) Nru 493/2012 biex ikun jirrifletti sewwa l-iżviluppi teknoloġiċi u l-bidliet fil-proċessi tal-irkupru industrijali, testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom biex ikopru l-miri eżistenti u ġodda, u tipprovdi għodod għall-karatterizzazzjoni ta’ prodotti intermedji. Il-faċilitajiet ta’ trattament jenħtieġ li jiġu mħeġġa jintroduċu skemi ċċertifikati ta’ ġestjoni ambjentali skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33).

(116)

Jenħtieġ li ma jkunx possibbli li jitwettaq trattament tal-iskart ta’ batteriji barra l-Istat Membru fejn l-iskart ikun inġabar jew barra l-Unjoni, fejn il-vjeġġ tal-iskart ta’ batteriji jkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34) u mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1418/2007 (35) u fejn it-trattament jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli għal dan it-tip ta’ skart, skont il-klassifikazzjoni tagħhom fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE (36). Jenħtieġ li dik id-Deċiżjoni tiġi riveduta biex tirrifletti l-kimika kollha tal-batteriji, b’mod partikolari l-kodiċijiet għall-iskart ta’ batteriji bbażati fuq il-litju, sabiex tippermetti s-separazzjoni u r-rapportar xierqa ta’ tali skart ta’ batteriji. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-klassifikazzjoni possibbli tal-iskart ta’ batteriji bħala skart perikoluż skont id-Direttiva 2008/98/KE. Fejn tali trattament isir barra mill-Unjoni, sabiex jingħadd lejn l-effiċjenzi u l-miri tar-riċiklaġġ, jenħtieġ li l-operatur tal-immaniġġar tal-iskart li jitwettaq f’ismu jkun obbligat li jirrapporta dwar dak it-trattament lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih inġabar dak l-iskart tal-batteriji u li jagħti prova li t-trattament twettaq f’kondizzjonijiet li huma ekwivalenti għal dawk mitluba skont dan ir-Regolament u f’konformità ma’ liġi oħra tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-bniedem u l-protezzjoni ambjentali. Sabiex jiġi stabbilit x’inhuma r-rekwiżiti biex tali trattament jitqies bħala ekwivalenti, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi jiġu stabbiliti regoli dettaljati li jkun fihom kriterji għall-valutazzjoni ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti.

(117)

F’każ li l-iskart ta’ batteriji jiġi esportat mill-Unjoni għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, għall-preparazzjoni għal skop ġdid, jew għar-riċiklaġġ, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jagħmlu użu effettiv mis-setgħat previsti fir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 biex jitolbu evidenza dokumentarja biex jaċċertaw il-konformità mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

(118)

Jenħtieġ li jkun possibbli għall-batteriji industrijali u tal-vetturi elettriċi li ma għadhomx tajbin għall-iskop oriġinali li għalih ġew manifatturati jintużaw għal skop differenti bħala batteriji stazzjonarji għall-ħżin tal-enerġija. Qed jitfaċċa suq għal batteriji industrijali użati u batteriji tal-vetturi elettriċi użati u għalhekk jenħtieġ li, sabiex tiġi appoġġata l-applikazzjoni prattika tal-ġerarkija tal-iskart, jiġu stabbiliti regoli speċifiċi li jippermettu l-adattament responsabbli tal-batteriji użati għal skop differenti, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ prekawzjoni u tiġi żgurata s-sikurezza tal-użu għall-utenti finali. Jenħtieġ li kwalunkwe batterija użata bħal din tgħaddi minn valutazzjoni tal-istat tas-saħħa tagħha u tal-kapaċità disponibbli biex tkun aċċertata l-adegwatezza tagħha għal skop għajr dak oriġinali tagħha. Jenħtieġ li batteriji li jinstab li huma adatti għal skop għajr l-iskop oriġinali tagħhom idealment jiġu adattati għal dak l-iskop differenti. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti lil-iskart ta’ batteriji industrijali, l-iskart ta’ batteriji LMT jew l-iskart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi jenħtieġ jissodisfa biex ma jibqax jitqies skart, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.

(119)

Jenħtieġ li l-produtturi u d-distributuri jkunu involuti b’mod attiv fl-għoti ta’ informazzjoni lill-utenti finali dwar il-ġbir separat obbligatorju tal-iskart tal-batteriji u d-disponibbiltà ta’ skemi ta’ ġbir. Jenħtieġ li jinfurmaw ukoll lill-utenti finali dwar ir-rwol importanti li għandhom l-utenti finali fl-iżgurar tal-immaniġġar ambjentalment ottimali tal-iskart ta’ batteriji. Jenħtieġ li l-produtturi u d-distributuri jagħmlu użu minn teknoloġija tal-informazzjoni aġġornata għall-finijiet tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-utenti finali kollha kif ukoll tar-rapportar dwar il-batteriji. Jenħtieġ li l-informazzjoni tingħata jew b’mezzi klassiċi, bħal reklamar fuq barra, posters, permezz ta’ kampanji tal-media soċjali, jew inkella b’mezzi aktar innovattivi, bħall-aċċess elettroniku għal siti web ipprovduti minn kodiċijiet QR imwaħħla mal-batterija. Jenħtieġ li tali informazzjoni tkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/882.

(120)

Sabiex tkun tista’ ssir verifika tat-twettiq tal-obbligi rigward il-ġbir u t-trattament tal-iskart tal-batteriji u l-effettività tagħhom, huwa neċessarju li l-operaturi jirrapportaw lura lill-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li l-produtturi tal-batteriji u operaturi oħrajn tal-immaniġġar tal-iskart li jiġbru l-iskart tal-batteriji jirrapportaw għal kull sena kalendarja, fejn applikabbli, id-data dwar il-batteriji mibjugħa u l-iskart ta’ batteriji miġbur. Fir-rigward tat-trattament, jenħtieġ li l-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart u r-riċiklaturi, rispettivament, jiġu imposti b’obbligi ta’ rapportar.

(121)

Għal kull sena kalendarja, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-ammont ta’ batteriji fornuti fit-territorju tagħhom u l-ammont tal-iskart ta’ batteriji miġbur, skont il-kategorija u l-kimika. Fir-rigward tal-iskart tal-batteriji portabbli u l-iskart ta’ batteriji LMT jenħtieġ li d-data tiġi rrapportata separatament, li tippermetti li l-mira tal-ġbir tiġi adattata, meta jitqies is-sehem mis-suq ta’ tali batteriji u l-iskop u l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom. Jenħtieġ li tali informazzjoni tiġi pprovduta b’mod elettroniku u tkun akkumpanjata minn rapport ta’ kontroll tal-kwalità. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għar-rapportar ta’ dik id-data u l-informazzjoni lill-Kummissjoni, kif ukoll għall-metodi ta’ verifika, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.

(122)

Għal kull sena kalendarja, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni r-rati għall-effiċjenza tar-riċiklaġġ u l-irkupru ta’ materjali miksuba filwaqt li jqisu l-passi individwali kollha tal-proċess tar-riċiklaġġ u l-frazzjonijiet tal-output.

(123)

Sabiex tissaħħaħ it-trasparenza tul il-ktajjen tal-provvista u tal-valur għall-partijiet ikkonċernati kollha, huwa meħtieġ li jiġi previst passaport tal-batterija li jimmassimizza l-iskambju tal-informazzjoni, li tippermetti t-traċċar u r-rintraċċar tal-batteriji u tipprovdi informazzjoni dwar l-intensità tal-karbonju tal-proċessi tal-manifattura tagħhom, kif ukoll dwar l-oriġini tal-materjali użati u dwar jekk jintużax materjal rinnovabbli, bħall-materjal prodott mil-linjin biex jissostitwixxi l-grafit, dwar il-kompożizzjoni tal-batteriji, inkluż il-materja prima u s-sustanzi kimiċi perikolużi, dwar l-operazzjonijiet u l-possibbiltajiet ta’ tiswija, adattament għal skop differenti u żarmar, u dwar il-proċessi ta’ trattament, riċiklaġġ u rkupru li għalihom jistgħu jkunu soġġetti għalihom il-batteriji fi tmiem ħajjithom. Jenħtieġ li l-passaport tal-batterija jipprovdi lill-pubbliku b’informazzjoni dwar il-batteriji mqiegħda fis-suq u r-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà tagħhom. Jenħtieġ li jipprovdi lir-rimanifatturi, lill-operaturi tat-tieni ħajja u lir-riċiklaturi b’informazzjoni aġġornata għall-immaniġġar tal-batteriji u ta’ atturi speċifiċi b’informazzjoni mfassla apposta bħal dwar l-istat tas-saħħa tal-batteriji. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-passaport tal-batterija jappoġġa lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament, iżda jenħtieġ li ma jissostitwixxix jew ma jimmodifikax ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, li jenħtieġ li, f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1020, jivverifikaw l-informazzjoni pprovduta fil-passaporti tal-batteriji.

(124)

Jenħtieġ li ċerta informazzjoni fil-passaport tal-batterija ma tkunx pubblika, bħal informazzjoni kummerċjali sensittiva li għaliha jkun meħtieġ aċċess għal għadd limitat biss ta’ persuni b’interess leġittimu. Dan japplika għall-informazzjoni dwar iż-żarmar, inkluż is-sikurezza, u informazzjoni dettaljata dwar il-kompożizzjoni tal-batterija, li hija essenzjali għas-sewwejja, għall-manifatturi mill-ġdid, għall-operaturi tat-tieni ħajja u għar-riċiklaturi. Dan japplika wkoll għall-informazzjoni dwar il-batteriji individwali, li hija essenzjali għal dawk li jkunu xtraw il-batterija jew il-partijiet li jaġixxu f’isimhom għall-fini li jagħmlu l-batterija disponibbli għall-aggregaturi tal-enerġija indipendenti jew għall-parteċipanti fis-suq tal-enerġija, li jevalwaw il-valur residwu tagħha jew it-tul tal-ħajja li jifdal għal użu ulterjuri, u jiffaċilitaw il-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, il-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, l-adattament għal skop differenti jew il-manifattura mill-ġdid tal-batterija. Jenħtieġ li r-riżultati tar-rapporti tat-testijiet ikunu aċċessibbli biss għall-korpi nnotifikati, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-Kummissjoni.

(125)

Jenħtieġ li l-passaport tal-batteriji jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jiġbru u jużaw mill-ġdid b’mod aktar effiċjenti l-informazzjoni u d-data dwar batteriji individwali mqiegħda fis-suq u jagħmlu għażliet informati aħjar fl-attivitajiet ta’ ppjanar tagħhom. Ladarba l-batterija titqiegħed fis-suq, f’ċerti każijiet, jista’ jkun aktar prattiku għal persuna ġuridika oħra, bħal manifattur tal-vettura, li taġġorna l-informazzjoni fil-passaport. Għalhekk, jenħtieġ li l-operatur ekonomiku li jqiegħed il-batterija fis-suq jitħalla jagħti awtorizzazzjoni bil-miktub lil kwalunkwe operatur ieħor biex jaġixxi f’ismu. Jenħtieġ li r-responsabbiltà tal-konformità mad-dispożizzjonijiet għall-passaport tal-batterija tkun tal-operatur ekonomiku li jqiegħed il-batterija fis-suq. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-passaport tal-batteriji, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.

(126)

Biex ikun żgurat li l-passaport tal-batterija jkun flessibbli, dinamiku u mmexxi mis-suq u li jevolvi f’konformità mal-mudelli tan-negozju, mas-swieq u mal-innovazzjoni, jenħtieġ li dan ikun ibbażat fuq sistema ta’ data deċentralizzata, stabbilita u miżmuma mill-operaturi ekonomiċi. Biex tkun żgurata l-introduzzjoni effettiva tal-passaport tal-batterija, tad-disinn tekniku, tar-rekwiżiti tad-data u tat-tħaddim tal-passaport tal-batterija jenħtieġ li jaderixxi ma’ sett ta’ rekwiżiti tekniċi essenzjali. Jenħtieġ li tali rekwiżiti jiġu żviluppati id f’id ma’ dawk għall-passaporti tal-prodotti diġitali meħtieġa minn liġi oħra tal-Unjoni dwar l-ekodisinn għal prodotti sostenibbli. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, li għalihom għandhom jiġu kkunsidrati l-prinċipji tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Kummissjoni għan-Network tal-eDelivery, jenħtieġ li jiġu stabbiliti biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dawk ir-rekwiżiti essenzjali, jew fil-forma ta’ standards armonizzati li r-referenzi għalihom huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew, bħala għażla ta’ riżerva, fil-forma ta’ speċifikazzjonijiet komuni adottati mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li d-disinn tekniku jiżgura li l-passaport tal-batterija jġorr id-data b’mod sigur li jirrispetta r-regoli tal-privatezza.

(127)

Ir-Regolament (UE) 2019/1020 jistabbilixxi r-regoli ġenerali dwar is-sorveljanza tas-suq u l-kontroll tal-prodotti mqiegħda fis-suq tal-Unjoni jew li jidħlu fis-suq tal-Unjoni minn pajjiżi terzi. Sabiex jiġi żgurat li l-batteriji li jibbenefikaw mill-moviment liberu tal-merkanzija jissodisfaw ir-rekwiżiti li jipprevedu livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi pubbliċi bħas-saħħa tal-bniedem, is-sikurezza tal-persuni, il-protezzjoni tal-proprjetà u tal-ambjent, u biex tiġi żgurata infurzabbiltà sħiħa tal-obbligi b’mod partikolari relatati mal-politiki tad-diliġenza dovuta tal-batteriji, skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1020 japplika wkoll għall-batteriji u għall-operaturi ekonomiċi koperti minn dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1020 jiġi emendat kif xieraq.

(128)

Ir-Regolament (UE) 2019/1020 jirrikjedi li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq iwettqu kontrolli xierqa fuq il-karatteristiċi tal-prodotti fuq skala adegwata. Dan jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina l-kondizzjonijiet uniformi għall-kontrolli, il-kriterji għad-determinazzjoni tal-frekwenza tal-kontrolli u l-ammont ta’ kampjuni li għandhom jiġu kkontrollati fir-rigward ta’ ċerti prodotti jew kategoriji ta’ prodotti. Dak l-għoti ta’ setgħat japplika wkoll għall-batteriji koperti minn dan ir-Regolament fejn jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet speċifikati fir-Regolament (UE) 2019/1020.

(129)

Ir-Regolament (UE) 2019/1020 introduċa strumenti ġodda biex jittejbu l-konformità u s-sorveljanza tas-suq, li huma rilevanti wkoll għall-batteriji. Jipprovdi wkoll li l-Kummissjoni taħtar faċilità ta’ ttestjar pubblika ta’ Stat Membru bħala faċilità ta’ ttestjar tal-Unjoni għal kategoriji speċifiċi ta’ prodotti jew għal riskji speċifiċi relatati ma’ kategorija ta’ prodotti. Il-Kummissjoni għandha tinkludi l-batteriji koperti minn dan ir-Regolament fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess li jmiss tagħha għad-deżinjazzjoni tal-faċilitajiet tal-ittestjar tal-Unjoni skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1267 (37). Ir-Regolament (UE) 2019/1020 jipprevedi wkoll li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jistgħu jwettqu attivitajiet konġunti ma’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-operaturi ekonomiċi jew lill-utenti finali, bil-ħsieb li jippromwovu l-konformità, jidentifikaw in-nuqqas ta’ konformità, iqajmu kuxjenza u jipprovdu gwida fir-rigward ta’ kategoriji speċifiċi ta’ prodotti. Jenħtieġ li dik il-possibbiltà tiġi pprovduta wkoll fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. F’dak il-kuntest, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jistgħu jesploraw l-istabbiliment ta’ ċentri ta’ kompetenza tal-batteriji.

(130)

Jenħtieġ li l-batteriji jitqiegħdu fis-suq biss jekk ma jippreżentawx riskju għas-saħħa tal-bniedem, għas-sikurezza tal-persuni, għall-proprjetà jew għall-ambjent meta jinħażnu u jintużaw għall-għan maħsub tagħhom, jew taħt kondizzjonijiet ta’ użu li jistgħu jkunu previsti b’mod raġonevoli, jiġifieri meta tali kondizzjonijiet tal-użu jistgħu jirriżultaw minn imġiba tal-bniedem legali u faċilment prevedibbli.

(131)

Jenħtieġ li tkun teżisti proċedura li permezz tagħha l-partijiet interessati jiġu informati b’miżuri li jkunu maħsuba li jittieħdu fir-rigward ta’ batteriji li jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-bniedem, għas-sikurezza tal-persuni, għall-proprjetà jew għall-ambjent. Jenħtieġ li tali proċedura tippermetti wkoll lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri, b’kooperazzjoni mal-operaturi ekonomiċi rilevanti, jaġixxu fi stadju bikri fir-rigward ta’ tali batteriji. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina jekk il-miżuri nazzjonali fir-rigward tal-batteriji mhux konformi humiex ġustifikati jew le.

(132)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jitħallew jitolbu lill-operatur ekonomiku jieħu azzjoni korrettiva jekk isibu li batterija ma tkunx konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jew li operatur ekonomiku kiser ir-regoli dwar it-tqegħid fis-suq jew tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ batterija, jew dwar is-sostenibbiltà, is-sikurezza, it-tikkettar u l-informazzjoni jew dwar id-diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista.

(133)

L-akkwist pubbliku jikkostitwixxi settur importanti fir-rigward tat-tnaqqis tal-impatti tal-attivitajiet tal-bniedem fuq l-ambjent u biex jistimula t-trasformazzjoni tas-suq lejn prodotti aktar sostenibbli. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kontraenti, kif definiti fid-Direttivi 2014/24/UE (38) u 2014/25/UE (39) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u l-entitajiet kontraenti kif definiti fid-Direttiva 2014/25/UE jqisu l-impatti ambjentali meta jakkwistaw batteriji jew prodotti li fihom il-batteriji, u jenħtieġ li jiżguraw konformità effettiva mill-operaturi ekonomiċi mar-rekwiżiti soċjali u ambjentali, sabiex jippromwovu u jistimulaw is-suq għal mobbiltà nadifa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-ħżin tal-enerġija u b’hekk jikkontribwixxu għall-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent, il-klima u l-enerġija.

(134)

Meta jiġu adottati atti delegati fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (40). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fil-preparazzjoni ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw il-preparazzjoni ta’ atti delegati.

(135)

Is-setgħat ta’ implimentazzjoni li jingħataw lill-Kummissjoni b’dan ir-Regolament u jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41).

(136)

Jenħtieġ li, f’sitwazzjonijiet fejn il-Kummissjoni taċċerta li korp innotifikat ma jissodisfax ir-rekwiżiti għan-notifika tiegħu, tintuża l-proċedura konsultattiva għall-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni sabiex l-awtorità tan-notifika tintalab tieħu l-azzjoni korrettiva meħtieġa, inkluż l-irtirar tan-notifika, jekk ikun meħtieġ.

(137)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih li jiddeterminaw jekk miżura nazzjonali meħuda fir-rigward ta’ batterija konformi li tippreżenta riskju hijiex ġustifikata jew le fejn, f’każijiet debitament ġustifikati relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew is-sikurezza ta’ persuni, jew il-protezzjoni tal-proprjetà jew l-ambjent, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jirrikjedu dan.

(138)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawk ir-regoli jiġu implimentati. Jenħtieġ li l-penali previsti jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Meta jiġu imposti penali, huwa importanti li għandha tingħata attenzjoni xierqa lin-natura, il-gravità, l-ambitu, in-natura intenzjonali u r-ripetizzjoni tal-ksur u l-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna fiżika jew ġuridika miżmuma responsabbli mal-awtorità kompetenti. L-impożizzjoni ta’ penali għandha tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, inkluż ma’ salvagwardji proċedurali applikabbli u mal-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(139)

Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u tal-ħtieġa li jitqiesu żviluppi ġodda bbażati fuq fatti xjentifiċi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-impatt tiegħu fuq l-ambjent u l-funzjonament tas-suq intern. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinkludi, fir-rapport tagħha, evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kriterji tas-sostenibbiltà, tas-sikurezza, tat-tikkettar u tal-informazzjoni, il-miżuri tal-immaniġġar tal-iskart ta’ batteriji u r-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista. Fejn ikun xieraq, jenħtieġ li r-rapport ikun akkumpanjat minn proposta biex jiġu emendati dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.

(140)

Hemm bżonn li jiġi previst biżżejjed żmien għall-operaturi ekonomiċi biex iwettqu l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament, u għall-Istati Membri biex jistabbilixxu l-infrastruttura amministrattiva neċessarja għall-applikazzjoni tiegħu. Għalhekk, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi differita wkoll għal data fejn dawk it-tħejjijiet ikunu jistgħu jiġu ffinalizzati b’mod raġonevoli.

(141)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw ir-reġistru tal-produtturi stabbilit skont id-Direttiva 2006/66/KE u jieħdu l-miżuri amministrattivi meħtieġa fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li jżommu l-kontinwità għall-operaturi ekonomiċi, jenħtieġ li d-Direttiva 2006/66/KE titħassar sa mit-18 ta’ Awwissu 2025. Jenħtieġ li l-obbligi skont dik id-Direttiva relatati mal-monitoraġġ u r-rapportar tar-rata tal-ġbir ta’ batteriji portabbli jibqgħu fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2023, u jenħtieġ li l-obbligi relatati għat-trażmissjoni tad-data lill-Kummissjoni jibqgħu fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2025, jenħtieġ li l-obbligi skont dik id-Direttiva relatata mal-monitoraġġ u r-rapportar tal-effiċjenzi tar-riċiklaġġ tal-proċessi ta’ riċiklaġġ jibqgħu fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2025, u jenħtieġ li l-obbligi relatati għat-trażmissjoni tad-data lill-Kummissjoni jibqgħu fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2027, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità sakemm jiġu adottati regoli tal-kalkolu u formati tar-rapportar ġodda mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament.

(142)

Huwa importanti li fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jitqiesu l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm kondizzjonijiet ekwi, huwa importanti li fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament it-teknoloġiji disponibbli rilevanti kollha jitqiesu b’mod ugwali, sakemm dawk it-teknoloġiji jippermettu konformità sħiħa tal-batteriji ma’ kwalunkwe rekwiżit rilevanti stipulat f’dan ir-Regolament. Barra minn hekk, ma għandu jiġi impost l-ebda piż amministrattiv eċċessiv fuq l-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari fuq intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

(143)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern u jipprevjeni u jnaqqas l-impatti negattivi tal-batteriji u l-iskart ta’ batteriji u jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tas-sikurezza tal-persuni, tal-proprjetà u tal-ambjent, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri, iżda pjuttost jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, minħabba l-ħtieġa għall-armonizzazzjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti dwar is-sostenibbiltà, is-sikurezza, it-tikkettar, l-immarkar u l-informazzjoni li jippermettu t-tqegħid ta’ batteriji fis-suq jew fis-servizz fl-Unjoni. Jistabbilixxi wkoll rekwiżiti minimi għar-responsabbiltà estiża tal-produttur, il-ġbir u t-trattament tal-iskart ta’ batteriji u għar-rapportar.

2.   Dan ir-Regolament jimponi obbligi ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji fuq l-operaturi ekonomiċi li jqiegħdu l-batteriji fis-suq jew fis-servizz. Jistabbilixxi wkoll rekwiżiti għall-akkwist pubbliku ekoloġiku meta jinxtraw batteriji jew prodotti li fihom ikunu inkorporati l-batteriji.

3.   Dan ir-Regolament japplika għall-kategoriji kollha ta’ batteriji, jiġifieri batteriji portabbli, batteriji għall-istartjar, it-tidwil u t-tqabbid (batteriji SLI), batteriji ta’ mezzi ta’ trasport ħfief (batteriji LMT), batteriji ta’ vetturi elettriċi u batteriji industrijali, irrispettivament mill-forma, il-volum, il-piż, id-disinn, il-kompożizzjoni tal-materjal, il-kimika, l-użu jew l-iskop tagħhom. Japplika wkoll għal batteriji li huma inkorporati fi jew miżjuda lil prodotti jew li huma ddisinjati speċifikament biex jiġu inkorporati fi jew miżjuda ma’ prodotti.

Għall-finijiet tal-Kapitolu II, meta l-batteriji mqiegħda fis-suq jistgħu jitqiesu li jaqgħu taħt aktar minn kategorija waħda, għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-kategorija li għaliha japplikaw l-aktar rekwiżiti stretti.

4.   F’każijiet fejn iċ-ċelluli tal-batteriji jew il-moduli tal-batteriji jsiru disponibbli fis-suq għall-użu finali, mingħajr ebda inkorporazzjoni jew assemblaġġ ulterjuri f’pakketti tal-batteriji jew batteriji akbar, dawn għandhom jitqiesu li tqiegħdu fis-suq bħala batteriji għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, u għandhom japplikaw ir-rekwiżiti għall-aktar kategorija ta’ batteriji simili. F’każijiet fejn jista’ jitqies li tali ċelluli tal-batteriji jew moduli tal-batteriji jaqgħu taħt aktar minn kategorija waħda ta’ batteriji, għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-kategorija li għaliha japplikaw l-aktar rekwiżiti stretti.

5.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal batteriji li huma inkorporati fi jew li huma iddisinjati speċifikament biex ikunu inkorporati:

(a)

f’tagħmir konness mal-protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà essenzjali, l-armi, il-munizzjon u l-materjal tal-gwerra tal-Istati Membri, bl-esklużjoni ta’ prodotti li mhumiex maħsuba għal skopijiet speċifikament militari; u

(b)

f’tagħmir iddisinjat biex jintbagħat fl-ispazju.

6.   Il-Kapitoli III u VIII ta’ dan ir-Regolament ma japplikawx għal tagħmir iddisinjat speċifikament għas-sikurezza ta’ installazzjonijiet nukleari, kif definit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom (42).

Artikolu 2

Objettivi

L-objettivi ta’ dan ir-Regolament huma li jikkontribwixxi għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern, filwaqt li jipprevjeni u jnaqqas l-impatti negattivi tal-batteriji fuq l-ambjent, u li jipproteġi l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem billi jipprevjeni u jnaqqas l-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-ġestjoni tal-iskart ta’ batteriji.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“batterija” tfisser kwalunkwe apparat li jwassal enerġija elettrika ġġenerata permezz ta’ konverżjoni diretta ta’ enerġija kimika, li għandu ħżin intern jew estern, u li jikkonsisti f’ċellula tal-batteriji waħda jew aktar mhux rikarikabbli jew rikarikabbli, moduli jew f’pakketti tagħhom, u tinkludi batterija li kienet soġġetta għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, il-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, l-adattament għal skop differenti, jew il-manifattura mill-ġdid;

(2)

“pakkett tal-batteriji” tfisser kwalunkwe sett ta’ batteriji jew moduli li huma konnessi flimkien jew magħluqin f’kisi estern biex jiffurmaw unità sħiħa li mhijiex maħsuba biex tinqasam jew tinfetaħ mill-utent aħħari;

(3)

“modulu tal-batteriji” tfisser kwalunkwe sett ta’ ċelluli tal-batteriji li huma konnessi flimkien jew magħluqa f’kisi estern biex iċ-ċelluli jkunu protetti kontra l-impatt estern, u li huwa maħsub biex jintuża waħdu jew flimkien ma’ moduli oħra;

(4)

“ċellula tal-batterija” tfisser l-unità funzjonali bażika f’batterija magħmula minn elettrodi, elettrolit, kontenitur, terminals u, jekk applikabbli, separaturi, u li fihom il-materjali attivi li r-reazzjoni tagħhom tiġġenera enerġija elettrika;

(5)

“materjal attiv” tfisser materjal li jirreaġixxi b’mod kimiku biex jipproduċi enerġija elettrika meta ċ-ċellula tal-batterija tiskarika jew biex jaħżen l-enerġija elettrika meta l-batterija tkun qed tiġi ċċarġjata;

(6)

“batterija mhux rikarikabbli” tfisser batterija li mhijiex iddisinjata biex tiġi ċċarġjata mill-ġdid b’mod elettriku;

(7)

“batterija rikarikabbli” tfisser batterija li hija ddisinjata biex tiġi ċċarġjata mill-ġdid b’mod elettriku;

(8)

“batterija bi ħżin estern” tfisser batterija li hija ddisinjata speċifikament biex ikollha enerġija tagħha maħżuna esklużivament f’apparat estern wieħed jew aktar imwaħħal;

(9)

“batterija portabbli” tfisser batterija li hija ssiġillata, tiżen 5 kg jew inqas, li mhijiex iddisinjata speċifikament għal użu industrijali u la hija batterija ta’ vettura elettrika, batterija LMT, u lanqas batterija SLI;

(10)

“batterija portabbli ta’ użu ġenerali” tfisser batterija portabbli, kemm jekk rikarikabbli kif ukoll jekk le, li hija ddisinjata speċifikament biex tkun interoperabbli u li għandha wieħed mill-formati komuni li ġejjin ta’ 4,5 Volts (3R12), ċellula buttuna, D, C, AA, AAA, AAAA, A23, 9 Volts (PP3);

(11)

“batterija ta’ mezzi tat-trasport ħfief” jew “batterija LMT” tfisser batterija li hija ssiġillata, tiżen 25 kg jew inqas u li hija ddisinjata speċifikament biex tipprovdi potenza elettrika għat-trazzjoni ta’ vetturi bir-roti li tista’ titħaddem b’mutur elettriku waħdu jew b’kombinazzjoni ta’ qawwa motorizzata u saħħa fiżika tal-bniedem, inkluż vetturi tat-tip approvat tal-kategorija L fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (43), li mhijiex batterija ta’ vettura elettrika;

(12)

“batterija għall-istartjar, it-tidwil u t-tqabbid” jew “batterija SLI” tfisser batterija li hija ddisinjata speċifikament biex tipprovdi enerġija elettrika għall-istartjar, it-tidwil, jew it-tqabbid u li tista’ tintuża wkoll għal finijiet awżiljarji jew ta’ riżerva f’vetturi, mezzi oħra tat-trasport jew makkinarju;

(13)

“batterija industrijali” tfisser batterija li hija ddisinjata speċifikament għal użi industrijali, maħsuba għal użi industrijali wara li tkun ġiet soġġetta għal preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti jew l-adattament għal skop differenti, jew kwalunkwe batterija oħra li tiżen aktar minn 5 kg u li mhijiex la batterija ta’ vettura elettrika, la batterija LMT, u lanqas batterija SLI;

(14)

“batterija ta’ vetturi elettriċi” tfisser batterija li hija ddisinjata speċifikament biex tipprovdi potenza elettrika għat-trazzjoni f’vetturi ibridi jew elettriċi tal-kategorija L kif previst fir-Regolament (UE) Nru 168/2013, li tiżen aktar minn 25 kg, jew batterija li hija ddisinjata speċifikament biex tipprovdi potenza elettrika għat-trazzjoni f’vetturi ibridi jew elettriċi tal-kategoriji M, N jew O kif previst fir-Regolament (UE) 2018/858;

(15)

“sistema għall-ħżin tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji” tfisser batterija industrijali bi ħżin intern li huwa ddisinjat speċifikament biex jaħżen minn u jwassal l-enerġija elettrika lill-grilja jew biex jaħżen għal u jwassal l-enerġija elettrika lill-utenti finali, irrispettivament minn fejn tintuża l-batterija u minn min;

(16)

“tqegħid fis-suq” tfisser li batterija titqiegħed għall-ewwel darba għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni;

(17)

“tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta’ batterija għad-distribuzzjoni jew għall-użu fis-suq tal-Unjoni matul attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas;

(18)

“tqegħid fis-servizz” tfisser l-ewwel użu, għall-għan maħsub, ta’ batterija fl-Unjoni, mingħajr ma tkun tqegħdet qabel fis-suq;

(19)

“mudell ta’ batterija” tfisser verżjoni ta’ batterija li l-unitajiet kollha tagħha jaqsmu l-istess karatteristiċi tekniċi rilevanti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament dwar is-sostenibbiltà, is-sikurezza, it-tikkettar, l-immarkar u informazzjoni, u l-istess identifikatur tal-mudell;

(20)

“batterija li tippreżenta riskju” tfisser batterija li għandha l-potenzjal li tħalli effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem jew is-sikurezza tal-persuni, fuq il-proprjetà jew l-ambjent sa punt li jmur lil hinn minn dak li huwa meqjus bħala raġonevoli u aċċettabbli fir-rigward tal-iskop maħsub tal-batterija jew skont il-kondizzjonijiet normali jew prevedibbli b’mod raġonevoli tal-użu tal-batterija kkonċernata, inkluż id-durata tal-użu u, fejn applikabbli, ir-rekwiżiti tat-tqegħid fis-servizz, tal-installazzjoni u tal-manutenzjoni tagħha;

(21)

“impronta tal-karbonju” tfisser is-somma tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u t-tneħħija tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’sistema ta’ prodotti, espressa bħala ekwivalenti għad-diossidu tal-karbonju u bbażata fuq studju dwar l-Impronta Ambjentali tal-Prodotti (Product Environmental Footprint, PEF) bl-użu tal-kategorija tal-impatt unika tat-tibdil fil-klima;

(22)

“operatur ekonomiku” tfisser il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur, id-distributur jew il-fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni jew kwalunkwe persuna oħra fiżika jew ġuridika li hija soġġetta għall-obbligi b’rabta mal-manifattura tal-batteriji, il-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, il-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, l-adattament għal skop differenti, jew il-manifattura mill-ġdid tal-batteriji, it-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni jew it-tqegħid tagħhom fis-suq, inkluż it-tqegħid fis-suq online, jew it-tqegħid ta’ batteriji fis-servizz f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(23)

“operatur indipendenti” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun indipendenti mill-manifattur u mill-produttur u li tkun direttament jew indirettament involuta fit-tiswija, fil-manutenzjoni jew fl-adattament tal-batteriji għal skop differenti, inkluż l-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart, is-sewwejja, il-manifatturi jew id-distributuri ta’ tagħmir għat-tiswija, għodod jew spare parts, kif ukoll il-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika, l-operaturi li joffru servizzi ta’ spezzjoni u ttestjar, l-operaturi li joffru taħriġ għall-installaturi, il-manifatturi u s-sewwejja ta’ tagħmir għal vetturi li jużaw fjuwils alternattivi;

(24)

“kodiċi QR” ifisser kodiċi matriċi li jinqara mill-magni li jgħaqqad ma’ informazzjoni kif mitlub minn dan ir-Regolament;

(25)

“sistema ta’ ġestjoni tal-batterija” tfisser apparat elettroniku li jikkontrolla jew jimmaniġġa l-funzjonijiet elettriċi u termali ta’ batterija biex jiżgura s-sikurezza, il-prestazzjoni u l-ħajja operattiva tal-batterija, li jimmaniġġa u jaħżen id-data dwar għall-parametri għad-determinazzjoni tal-istat tas-saħħa u tul tal-ħajja mistenni ta’ batterija stabbiliti fl-Anness VII u jikkomunika mal-vettura, mal-mezz tat-trasport ħafif jew mal-apparat fejn tkun inkorporata l-batterija, jew ma’ infrastruttura tal-iċċarġjar pubblika jew privata;

(26)

“apparat” tfisser kwalunkwe tagħmir elettriku jew elettroniku, kif definit fl-Artikolu 3(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2012/19/UE, li huwa mħaddem kompletament jew parzjalment minn batterija jew li kapaċi jkun imħaddem hekk;

(27)

“stat ta’ ċarġ” tfisser l-enerġija disponibbli f’batterija espressa bħala perċentwali tal-kapaċità attribwita tagħha kif iddikjarat mill-manifattur;

(28)

“stat tas-saħħa” tfisser kejl tal-kondizzjoni ġenerali ta’ batterija rikarikabbli u l-kapaċità tagħha li twassal il-prestazzjoni speċifikata meta mqabbla mal-kondizzjoni inizjali tagħha;

(29)

“preparazzjoni għal użu mill-ġdid” tfisser preparazzjoni għal użu mill-ġdid kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (16), tad-Direttiva 2008/98/KE;

(30)

“preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti” tfisser kwalunkwe operazzjoni li biha skart ta’ batterija jew partijiet minnha jiġu mħejjija biex ikunu jistgħu jintużaw għal skop jew applikazzjoni differenti minn dawk li l-batterija kienet oriġinarjament iddisinjata għalihom;

(31)

“adattament għal skop differenti” tfisser kwalunkwe operazzjoni li tirriżulta f’batterija, li mhix skart ta’ batterija, jew partijiet minnha li tintuża jew jintużaw għal skop jew applikazzjoni differenti minn dak li kien maħsub oriġinarjament għall-batterija;

(32)

“manifattura mill-ġdid” tfisser kwalunkwe operazzjoni teknika fuq batterija użata li tinkludi ż-żarmar u l-evalwazzjoni taċ-ċelluri u tal-moduli kollha tal-batterija u l-użu ta’ ċertu għadd ta’ ċelluli u moduli tal-batteriji li huma ġodda, użati jew irkuprati mill-iskart, jew komponenti oħra tal-batteriji, sabiex il-kapaċità tal-batterija tiġi restawrata għal mill-inqas 90 % tal-kapaċità attribwita oriġinali, u l-istat ta’ saħħa taċ-ċelluli individwali kollha tal-batterija ma jkollux differenza ta’ aktar minn 3 %bejn iċ-ċelluli, u jirriżulta fl-użu tal-batterija għall-istess skop jew applikazzjoni bħal dik li għaliha l-batterija kienet oriġinarjament iddisinjata;

(33)

“manifattur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura batterija jew li tqabbad lil xi ħadd jiddisinja jew jimmanifattura batterija, u li tikkummerċjalizza dik il-batterija taħt isimha stess jew it-trademark tagħha jew li tqegħdha fis-servizz għall-finijiet tagħha stess;

(34)

“speċifikazzjonijiet tekniċi” tfisser dokument li jippreskrivi r-rekwiżiti tekniċi li jridu jiġu ssodisfati minn prodott, proċess jew servizz;

(35)

“standard armonizzat” tfisser standard armonizzat kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1)(c), tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(36)

“markatura CE” tfisser markatura li permezz tagħha manifattur jindika li l-batterija hija konformi mar-rekwiżiti applikabbli stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni li tipprevedi t-twaħħil tagħha;

(37)

“akkreditament” tfisser akkreditament kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

(38)

“korp nazzjonali ta’ akkreditament” tfisser korp nazzjonali ta’ akkreditament kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (11), tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

(39)

“valutazzjoni tal-konformità” tfisser il-proċess li juri jekk ikunux ġew issodisfati r-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà, sikurezza, tikkettar, informazzjoni u diliġenza dovuta ta’ dan ir-Regolament;

(40)

“korp ta’ valutazzjoni tal-konformità” tfisser korp li jwettaq attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità, inkluż il-kalibrazzjoni, l-ittestjar, iċ-ċertifikazzjoni u l-ispezzjoni;

(41)

“korp innotifikat” tfisser korp ta’ valutazzjoni tal-konformità li jkun ġie notifikat f’konformità mal-Kapitolu V;

(42)

“diliġenza dovuta tal-batteriji” tfisser l-obbligi ta’ operatur ekonomiku, b’rabta mas-sistema ta’ ġestjoni tiegħu, il-ġestjoni tar-riskji, il-verifiki minn partijiet terzi u s-sorveljanza minn korpi nnotifikati u d-divulgazzjoni tal-informazzjoni, għall-fini li jiġu identifikati, evitati u indirizzati u indirizzati r-riskji soċjali u ambjentali eżistenti u potenzjali marbuta mal-akkwist, l-ipproċessar u n-negozjar tal-materja prima u l-materja prima sekondarja meħtieġa għall-manifattura tal-batteriji, inkluż il-fornituri fil-katina u s-sussidjarji jew is-sottokuntratturi tagħhom;

(43)

“sussidjarja” tfisser persuna ġuridika li permezz tagħha tiġi eżerċitata l-attività ta’ “impriża kontrollata” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1), il-punt (f), tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (44);

(44)

“kumpanija prinċipali” tfisser kumpanija li tikkontrolla sussidjarja waħda jew iktar minn waħda;

(45)

“żoni affettwati minn kunflitti u ta’ riskju għoli” tfisser żoni affettwati minn kunflitti u ta’ riskju għoli kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2017/821;

(46)

“kuntratti mill-bogħod” tfisser kuntratti mill-bogħod kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (7), tad-Direttiva 2011/83/UE;

(47)

“produttur” tfisser kwalunkwe manifattur, importatur jew distributur jew persuna fiżika jew ġuridika oħra li, irrispettivament mit-teknika ta’ bejgħ użata, inkluż permezz ta’ kuntratti mill-bogħod, jew:

(a)

huwa stabbilit fi Stat Membru u jimmanifattura batteriji taħt ismu jew bit-trademark tiegħu, jew jordna d-disinn jew il-manifattura ta’ batteriji u jfornihom għall-ewwel darba taħt ismu jew it-trademark tiegħu, inkluż dawk inkorporati f’apparati, mezzi tat-trasport ħfief jew vetturi oħra, fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru;

(b)

huwa stabbilit fi Stat Membru u jerġa’ jbigħ fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, taħt ismu jew bit-trademark tiegħu, batteriji, inkluż dawk inkorporati f’apparati, mezzi tat-trasport ħfief jew vetturi oħra, manifatturati minn oħrajn, li fuqhom ma jidhrux l-isem jew it-trademark ta’ dawk il-manifatturi l-oħra;

(c)

huwa stabbilit fi Stat Membru u jforni għall-ewwel darba f’dak l-Istat Membru, fuq bażi professjonali, batteriji, inkluż dawk inkorporati f’apparati, mezzi tat-trasport ħfief jew vetturi oħra, minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz; jew

(d)

ibigħ batteriji, inkluż dawk inkorporati f’apparati, mezzi tat-trasport ħfief jew vetturi oħra, permezz ta’ kuntratti mill-bogħod direttament lill-utenti finali, kemm jekk huma unitajiet domestiċi privati kif ukoll jekk mhumiex, fi Stat Membru, u huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz;

(48)

“rappreżentant awtorizzat għar-responsabbiltà estiża tal-produttur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fi Stat Membru li fih il-produttur iqiegħed il-batteriji fis-suq u li jkun differenti mill-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-produttur, u jinħatar mill-produttur f’konformità mal-Artikolu 8a(5), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2008/98/KE biex jissodisfa l-obbligi ta’ dak il-produttur skont il-Kapitolu VIII ta’ dan ir-Regolament;

(49)

“organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi” tfisser entità ġuridika li torganizza b’mod finanzjarju jew b’mod finanzjarju u operattiv it-twettiq tal-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur f’isem diversi produtturi;

(50)

“skart ta’ batteriji” tfisser kwalunkwe batterija li hija skart kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (1), tad-Direttiva 2008/98/KE;

(51)

“skart tal-manifattura tal-batteriji” tfisser il-materjali jew l-oġġetti rrifjutati matul il-proċess tal-manifattura tal-batteriji, li ma jistgħux jerġgħu jintużaw bħala parti integrali fl-istess proċess u jeħtieġ li jiġu riċiklati;

(52)

“sustanza perikoluża” tfisser sustanza kklassifikata bħala perikoluża skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

(53)

“trattament” tfisser kwalunkwe operazzjoni mwettqa fuq skart ta’ batteriji wara li dan ikun ġie ttrasferit lejn faċilità għall-issortjar, il-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, il-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, il-preparazzjoni għar-riċiklaġġ jew għar-riċiklaġġ;

(54)

“preparazzjoni għar-riċiklaġġ” tfisser it-trattament tal-iskart ta’ batteriji qabel kwalunkwe proċess ta’ riċiklaġġ, inkluż, fost oħrajn, għall-ħżin, l-immaniġġar u ż-żarmar tal-pakketti tal-batteriji jew is-separazzjoni tal-frazzjonijiet li mhumiex parti mill-batterija nnifisha;

(55)

“punt ta’ ġbir volontarju” tfisser kwalunkwe impriża jew korp pubbliku mingħajr skop ta’ qligħ, kummerċjali jew ekonomiċi oħrajn involuti fuq l-inizjattiva tagħhom stess fil-ġbir separat tal-iskart ta’ batteriji portabbli u skart ta’ batteriji LMT, iġġenerat minnhom jew minn utenti finali oħrajn, qabel ma’ dak l-iskart ta’ batteriji jingħadda lil produtturi, lil organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jew lil operaturi tal-immaniġġar tal-iskart għat-trattament sussegwenti;

(56)

“operatur tal-immaniġġar tal-iskart” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fuq bażi professjonali, tittratta l-ġbir separat jew it-trattament tal-iskart ta’ batteriji;

(57)

“faċilità permessa” tfisser stabbiliment jew impriża li huma permessi f’konformità mad-Direttiva 2008/98/KE biex iwettqu t-trattament tal-iskart ta’ batteriji;

(58)

“riċiklatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li twettaq riċiklaġġ f’faċilità permessa;

(59)

“tul tal-ħajja ta’ batterija” tfisser il-perjodu li jibda meta l-batterija tiġi manifatturata u jintemm meta l-batterija ssir skart;

(60)

“effiċjenza tar-riċiklaġġ” tfisser il-proporzjon, espress bħala perċentwali, miksub billi l-massa tal-frazzjonijiet tal-output li jikkostitwixxi r-riċiklaġġ tiġi diviża bil-massa tal-frazzjonijiet tal-input tal-iskart ta’ batteriji b’rabta ma’ proċess ta’ riċiklaġġ;

(61)

“leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni” tfisser kwalunkwe leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tarmonizza l-kondizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti;

(62)

“awtorità nazzjonali” tfisser awtorità tal-approvazzjoni jew kwalunkwe awtorità oħra involuta fi u responsabbli għas-sorveljanza tas-suq fi Stat Membru fir-rigward tal-batteriji;

(63)

“rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li rċeviet mandat bil-miktub minn manifattur biex taġixxi f’ismu b’rabta ma’ kompiti speċifikati fir-rigward tal-obbligi tal-manifattur skont il-Kapitoli IV u VI;

(64)

“importatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tqiegħed fis-suq batterija minn pajjiż terz;

(65)

“distributur” ifisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-provvista, minbarra l-manifattur jew l-importatur, li tqiegħed batterija għad-dispożizzjoni fis-suq;

(66)

“identifikatur uniku” tfisser sekwenza unika ta’ karattri għall-identifikazzjoni ta’ batteriji li tippermetti wkoll link web għall-passaport tal-batterija;

(67)

“pjattaforma online” tfisser pjattaforma online kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (i), tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(68)

“parteċipant tas-suq” tfisser parteċipant tas-suq kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (25), tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (45).

2.   Minbarra d-definizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“skart”, “detentur tal-iskart”, “immaniġġar tal-iskart”, “prevenzjoni”, “ġbir”, “ġbir separat”, “skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur”, “użu mill-ġdid” u “riċiklaġġ”, stipulati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE;

(b)

“sorveljanza tas-suq”, “awtorità tas-sorveljanza tas-suq”, “fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni”, “azzjoni korrettiva”, “utent finali”, “sejħa lura” u “irtirar”, kif ukoll “riskju” fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Kapitoli I, IV, VI, VII u IX u tal-Annessi V, VIII u XIII ta’ dan ir-Regolament, stipulati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2019/1020;

(c)

“aggregatur indipendenti” u “ħżin tal-enerġija” stipulati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

Artikolu 4

Moviment liberu

1.   L-Istati Membri ma għandhomx, għal raġunijiet relatati mar-rekwiżiti tas-sostenibbiltà, is-sikurezza, it-tikkettar u l-informazzjoni għall-batteriji koperti minn dan ir-Regolament, jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu t-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz ta’ batteriji li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

2.   F’fieri kummerċjali, esibizzjonijiet, dimostrazzjonijiet jew avvenimenti simili, l-Istati Membri ma għandhomx jipprevjenu l-wiri ta’ batteriji li ma jkunux konformi ma’ dan ir-Regolament, dment li jkun hemm sinjal viżibbli li jindika b’mod ċar li dawk il-batteriji ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament u li ma jistgħux jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq jew jitqiegħdu fis-servizz qabel ma jsiru konformi ma’ dan ir-Regolament. Waqt id-dimostrazzjonijiet ta’ tali batteriji, l-operatur ekonomiku rilevanti għandu jieħu miżuri adegwati biex jiżgura s-sikurezza tal-persuni.

Artikolu 5

Rekwiżiti ta’ sostenibbiltà, sikurezza, tikkettar u informazzjoni għall-batteriji

1.   Il-batteriji għandhom jitqiegħdu fis-suq jew jitqiegħdu fis-servizz biss jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ir-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà u sikurezza stipulati fl-Artikoli 6 sa 10 u 12; u

(b)

ir-rekwiżiti ta’ tikkettar u informazzjoni stipulati fil-Kapitolu III.

2.   Għal kwalunkwe aspett mhux kopert mill-Kapitoli II u III, il-batteriji mqiegħda fis-suq jew fis-servizz skont il-paragrafu 1 ma għandhomx jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-bniedem, għas-sikurezza tal-persuni, għall-proprjetà jew għall-ambjent.

KAPITOLU II

Rekwiżiti ta’ sostenibbiltà u sikurezza

Artikolu 6

Restrizzjonijiet fuq sustanzi

1.   Minbarra r-restrizzjonijiet stipulati fl-Anness XVII għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u fl-Artikolu 4(2), il-punt (a), tad-Direttiva 2000/53/KE, il-batteriji ma għandux ikun fihom sustanzi li għalihom l-Anness I għal dan ir-Regolament fih restrizzjoni, sakemm ma jkunux konformi mal-kondizzjonijiet ta’ dik ir-restrizzjoni.

2.   Fil-każ ta’ riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, li jirriżulta mill-użu ta’ sustanza fil-manifattura tal-batteriji, jew mill-preżenza ta’ sustanza fil-batteriji meta jitqiegħdu fis-suq, jew li jiżviluppaw matul l-istadji sussegwenti taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, inkluż matul l-adattament għal skop differenti jew matul it-trattament jew ir-riċiklaġġ tal-iskart ta’ batteriji, li mhux ikkontrollat b’mod adegwat u jeħtieġ li jiġi indirizzat madwar l-Unjoni kollha, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 89 biex temenda r-restrizzjonijiet fl-Anness I, skont il-proċedura stipulata fl-Artikoli 86, 87 u 88.

3.   Ir-restrizzjonijiet adottati skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-użu ta’ sustanza fir-riċerka xjentifika u l-iżvilupp kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (23), tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, imwettqa b’rabta mal-batteriji.

4.   Meta restrizzjoni adottata skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma tapplikax għar-riċerka u l-iżvilupp orjentati lejn il-prodotti u l-proċessi, kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (22), tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, dik l-eżenzjoni, kif ukoll il-kwantità massima tas-sustanza eżentata, għandhom jiġu speċifikati fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

5.   Sal-31 ta’ Diċembru 2027, il-Kummissjoni, assistita mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi stabbilita skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (“l-Aġenzija”), għandha tħejji rapport dwar is-sustanzi ta’ tħassib, jiġifieri sustanzi li jkollhom effett ħażin fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent jew li jxekklu r-riċiklaġġ għal materja prima sekondarja sigura u ta’ kwalità għolja, preżenti fil-batteriji jew użati fil-manifattura tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bid-dettalji tas-sejbiet tagħha u għandha tikkunsidra l-miżuri ta’ segwitu xierqa inkluż l-adozzjoni ta’ atti delegati kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 7

L-impronta tal-karbonju tal-batteriji tal-vetturi elettriċi, il-batteriji industrijali rikarikabbli u l-batteriji LMT

1.   Għall-batteriji tal-vetturi elettriċi, il-batteriji industrijali rikarikabbli b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh u l-batteriji LMT, għandha titfassal dikjarazzjoni tal-impronta tal-karbonju, għal kull mudell ta’ batterija għal kull impjant tal-manifattura, f’konformità mal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fir-raba’ subparagrafu u li jkun fiha, mill-inqas, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

informazzjoni amministrattiva dwar il-manifattur;

(b)

informazzjoni dwar il-mudell tal-batterija;

(c)

informazzjoni dwar il-pożizzjoni ġeografika tal-impjant tal-manifattura tal-batteriji;

(d)

l-impronta tal-karbonju tal-batterija, ikkalkulata bħala kg ta’ ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju għal kull kWh tal-enerġija totali pprovduta mill-batterija tul il-ħajja operattiva mistennija tagħha;

(e)

l-impronta tal-karbonju tal-batterija differenzjata skont l-istadju taċ-ċiklu tal-ħajja kif deskritt fil-punt 4 tal-Anness II;

(f)

in-numru ta’ identifikazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE tal-batterija;

(g)

link għall-web li jagħti aċċess għal verżjoni pubblika tal-istudju li jappoġġa l-valuri tal-impronta tal-karbonju msemmija fil-punti (d) u (e).

Id-dikjarazzjoni tal-impronta tal-karbonju għandha tapplika minn:

(a)

It-18 ta’ Frar 2025 jew 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat jew tal-att ta’ implimentazzjoni msemmija rispettivament fir-raba’ subparagrafu, il-punti (a) u (b), skont liema minnhom ikun l-aħħar, għall-batteriji tal-vetturi elettriċi;

(b)

It-18 ta’ Frar 2026 jew 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat jew tal-att ta’ implimentazzjoni msemmija rispettivament fir-raba’ subparagrafu, il-punti (a) u (b), skont liema minnhom ikun l-aħħar, għall-batteriji industrijali rikarikabbli ħlief dawk b’memorja esklużivament esterna;

(c)

It-18 ta’ Awwissu 2028 jew 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat jew tal-att ta’ implimentazzjoni msemmija rispettivament fir-raba’ subparagrafu, il-punti (a) u (b), skont liema minnhom ikun l-aħħar, għall-batteriji industrijali;

(d)

It-18 ta’ Awwissu 2030 jew 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat jew tal-att ta’ implimentazzjoni msemmija rispettivament fir-raba’ subparagrafu, il-punti (a) u (b), skont liema minnhom ikun l-aħħar, għall-batteriji industrijali rikarikabbli b’memorja esterna.

Sakemm issir aċċessibbli permezz tal-kodiċi QR imsemmi fl-Artikolu 13(6), id-dikjarazzjoni tal-impronta tal-karbonju għandha takkumpanja l-batterija.

Il-Kummissjoni għandha, sat-18 ta’ Frar 2024 għall-batteriji tal-vetturi elettriċi, it-18 ta’ Frar 2025 għall-batteriji industrijali rikarikabbli, ħlief dawk b’memorja esterna, it-18 ta’ Frar 2027 għall-batteriji LMT u t-18 ta’ Frar 2029 għall-batteriji industrijali b’memorja esterna, tadotta:

(a)

att delegat f’konformità mal-Artikolu 89 biex jissupplimenta dan ir-Regolament billi jistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu u l-verifika tal-impronta tal-karbonju tal-batterija msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (d), f’konformità mal-elementi essenzjali stipulati fl-Anness II;

(b)

att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-format għad-dikjarazzjoni tal-impronta tal-karbonju msemmija fl-ewwel subparagrafu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(3).

2.   Il-batteriji tal-vetturi elettriċi, il-batteriji industrijali rikarikabbli b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh u l-batteriji LMT għandu jkollhom tikketta li tidher sew, tinqara b’mod ċar u li ma titħassarx li tindika l-impronta tal-karbonju tal-batterija msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (d) u tiddikjara l-klassi ta’ prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju li għaliha jikkorrispondi l-mudell rilevanti tal-batterija għal kull impjant tal-manifattura.

Għal batteriji msemmija fl-ewwel subparagrafu, id-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness VIII għandha turi li l-impronta tal-karbonju ddikjarata u l-klassifikazzjoni relatata fi klassi ta’ prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju jkunu ġew ikkalkolati f’konformità mal-metodoloġija stipulata fl-atti delegati adottati mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1, ir-raba’ subparagrafu, il-punt (a) u r-raba’ subparagrafu, il-punt (a), ta’ dan il-paragrafu.

Ir-rekwiżiti tal-klassi ta’ prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju fl-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw minn:

(a)

It-18 ta’ Awwissu 2026 jew 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat jew tal-att ta’ implimentazzjoni msemmija rispettivament fir-raba’ subparagrafu, il-punti (a) u (b), skont liema minnhom ikun l-aħħar, għall-batteriji tal-vetturi elettriċi;

(b)

It-18 ta’ Awwissu 2027 jew 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat jew tal-att ta’ implimentazzjoni msemmija rispettivament fir-raba’ subparagrafu, il-punti (a) u (b), skont liema minnhom ikun l-aħħar, għall-batteriji industrijali rikarikabbli ħlief dawk b’memorja esklużivament esterna;

(c)

It-18 ta’ Frar 2030 jew 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat jew tal-att ta’ implimentazzjoni msemmija rispettivament fir-raba’ subparagrafu, il-punti (a) u (b), skont liema minnhom ikun l-aħħar, għall-batteriji industrijali;

(d)

It-18 ta’ Frar 2032 jew 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat jew tal-att ta’ implimentazzjoni msemmija rispettivament fir-raba’ subparagrafu, il-punti (a) u (b), skont liema minnhom ikun l-aħħar, għall-batteriji industrijali rikarikabbli b’memorja esterna.

Il-Kummissjoni għandha, sat-18 ta’ Frar 2025 għall-batteriji tal-vetturi elettriċi, it-18 ta’ Awwissu 2026 għall-batteriji industrijali rikarikabbli ħlief dawk b’memorja esklużivament esterna, it-18 ta’ Awwissu 2028 għall-batteriji LMT u t-18 ta’ Awwissu 2030 għall-batteriji industrijali rikarikabbli b’memorja esterna, tadotta:

(a)

att delegat f’konformità mal-Artikolu 89 biex jissupplimenta dan ir-Regolament billi jistabbilixxi l-klassijiet ta’ prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju msemmija fl-ewwel subparagrafu. Fit-tħejjija ta’ dak l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tqis il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 8 tal-Anness II;

(b)

att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-formati għat-tikkettar imsemmi fl-ewwel subparagrafu u l-format għad-dikjarazzjoni dwar il-klassi tal-prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju msemmija f’dak is-subparagrafu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(3).

Il-Kummissjoni għandha, f’konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 8 tal-Anness II, tirrieżamina l-għadd ta’ klassijiet ta’ prestazzjoni u l-limiti bejniethom, kull tliet snin u, fejn xieraq, tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 biex temenda l-għadd ta’ klassijiet ta’ prestazzjoni u limiti bejniethom bil-għan li żżommhom rappreżentattivi tar-realtà tas-suq u l-iżviluppi mistennija fis-suq.

3.   Għal batteriji ta’ vetturi elettriċi, batteriji industrijali rikarikabbli b’kapaċità akbar minn 2 kWh u batteriji LMT, id-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness VIII għandha turi li l-valur iddikjarat tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja għall-mudell ta’ batterija rilevanti għal kull impjant ta’ manifattura, ikun inqas mil-limitu massimu stabbilit fl-att delegat adottat skont it-tielet subparagrafu.

Ir-rekwiżit għal limitu massimu tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu japplika minn:

(a)

It-18 ta’ Frar 2028 jew 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fit-tielet subparagrafu, skont liema minnhom ikun l-aħħar, għall-batteriji ta’ vetturi elettriċi;

(b)

It-18 ta’ Frar 2029 jew 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fit-tielet subparagrafu, skont liema minnhom ikun l-aħħar, għall-batteriji industrijali rikarikabbli ħlief dawk bi ħżin esklużivament estern;

(c)

It-18 ta’ Awwissu 2031 jew 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fit-tielet subparagrafu, skont liema minnhom ikun l-aħħar, għall-batteriji LMT;

(d)

It-18 ta’ Awwissu 2033 jew 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fit-tielet subparagrafu, skont liema minnhom ikun l-aħħar, għall-batteriji industrijali rikarikabbli bi ħżin estern.

Il-Kummissjoni għandha, sat-18 ta’ Awwissu 2026 għall-batteriji tal-vetturi elettriċi, it-18 ta’ Frar 2028 għall-batteriji industrijali rikarikabbli, ħlief dawk b’memorja esterna, it-18 ta’ Frar 2030 għall-batteriji LMT u t-18 ta’ Frar 2032 għall-batteriji industrijali b’memorja esterna, tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 89 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tiddetermina l-limitu massimu tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja msemmi fl-ewwel subparagrafu. Fit-tħejjija ta’ dak l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tqis il-kondizzjonijiet rilevanti stipulati fil-punt 9 tal-Anness II.

L-introduzzjoni ta’ limitu massimu tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja għandha tiskatta, jekk tkun meħtieġa, klassifikazzjoni mill-ġdid tal-klassijiet ta’ prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju msemmija fil-paragrafu 2.

4.   Sal-31 ta’ Diċembru 2030, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-fattibbiltà tal-estensjoni tar-rekwiżiti f’dan l-Artikolu għall-batteriji portabbli, u r-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 3 għall-batteriji industrijali rikarikabbli b’kapaċità ta’ 2 kWh jew anqas. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandha tikkunsidra li tieħu l-miżuri xierqa, inkluż l-adozzjoni ta’ proposti leġiżlattivi.

5.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għal batterija li tkun ġiet soġġetta għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, għall-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti jew l-adattament għal skop differenti, jew għall-manifattura mill-ġdid, jekk il-batterija kienet diġà tqiegħdet fis-suq jew fis-servizz qabel ma għaddiet minn dawn l-operazzjonijiet.

Artikolu 8

Kontenut riċiklat f’batteriji industrijali, batteriji tal-vetturi elettriċi, batteriji LMT u batteriji SLI

1.   Mit-18 ta’ Awwissu 2028 jew 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fit-tielet subparagrafu, skont liema jiġi l-aħħar, batteriji industrijali, b’kapaċità akbar minn 2 kWh, ħlief dawk bi ħżin esklużivament estern, batteriji ta’ vetturi elettriċi u batteriji SLI li fihom kobalt, ċomb, litju jew nikil f’materjali attivi, għandhom ikunu akkumpanjati minn dokumentazzjoni li fiha informazzjoni dwar is-sehem perċentwali ta’ kobalt, litju jew nikil li huwa preżenti f’materjali attivi u li ġie rkuprat mill-iskart tal-manifattura tal-batteriji jew mill-iskart ta’ wara l-konsum, u s-sehem perċentwali ta’ ċomb irkuprat li huwa preżenti fil-batteriji u li ġie rkuprat minn skart, għal kull mudell ta’ batterija għal kull sena u għal kull impjant ta’ manifattura.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika mit-18 ta’ Awwissu 2033 għall-batteriji LMT li fihom kobalt, ċomb, litju jew nikil f’materjali attivi.

Sat-18 ta’ Awwissu 2026, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 89 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi, għall-batteriji msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-metodoloġija għall-kalkolu u l-verifika tas-sehem perċentwali ta’ kobalt, litju jew nikil li huwa preżenti f’materjali attivi u li ġie rkuprat mill-iskart tal-manifattura tal-batteriji jew mill-iskart ta’ wara l-konsum, u s-sehem perċentwali ta’ ċomb li huwa preżenti fil-batteriji u li ġie rkuprat mill-iskart u l-format għad-dokumentazzjoni.

2.   Mit-18 ta’ Awwissu 2031, għal batteriji industrijali b’kapaċità akbar minn 2 kWh, ħlief dawk bi ħżin esklużivament estern, batteriji tal-vetturi elettriċi u batteriji SLI li fihom kobalt, ċomb, litju jew nikil f’materjali attivi, id-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness VIII għandha turi li dawk il-batteriji fihom, f’materjali attivi, is-sehem perċentwali minimu segwenti ta’ kobalt, litju jew nikil, rispettivament, li ġie rkuprat minn skart tal-manifattura tal-batteriji jew skart ta’ wara l-konsum, u s-sehem perċentwali minimu ta’ ċomb li huwa preżenti fil-batterija u li ġie rkuprat minn skart, għal kull mudell ta’ batterija għal kull sena u għal kull impjant ta’ manifattura:

(a)

16 % kobalt;

(b)

85 % ċomb;

(c)

6 % litju;

(d)

6 % nikil.

3.   Mit-18 ta’ Awwissu 2036, għal batteriji industrijali b’kapaċità akbar minn 2 kWh, ħlief dawk bi ħżin esklużivament estern, batteriji tal-vetturi elettriċi, batteriji LMT u batteriji SLI li fihom kobalt, ċomb, litju jew nikil f’materjali attivi, id-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness VIII għandha turi li dawk il-batteriji fihom, f’materjali attivi, is-sehem perċentwali minimu segwenti ta’ kobalt, ċomb, litju jew nikil, rispettivament, li ġie rkuprat minn skart tal-manifattura tal-batteriji jew skart ta’ wara l-konsum, u s-sehem minimu perċentwali ta’ ċomb li huwa preżenti fil-batterija u li ġie rkuprat minn skart, għal kull mudell ta’ batterija kull sena u għal kull impjant ta’ manifattura:

(a)

26 % kobalt;

(b)

85 % ċomb;

(c)

12 % litju;

(d)

15 % nikil.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għall-batteriji li jkunu ġew soġġetti għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, għall-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti jew l-adattament għal skop differenti, jew għall-manifattura mill-ġdid, jekk il-batteriji kienu diġà tqiegħdu fis-suq jew tqiegħdu fis-servizz qabel ma għaddew minn dawn l-operazzjonijiet.

5.   Wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat adottat skont il-paragrafu 1, u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2028, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk, minħabba d-disponibbiltà eżistenti, u d-disponibbiltà prevista għall-2030 u l-2035, tal-kobalt, iċ-ċomb, il-litju jew in-nikil irkuprat mill-iskart, jew in-nuqqas tiegħu, u fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku, huwiex xieraq li jiġu riveduti l-miri stipulati fil-paragrafi 2 u 3.

Fejn ġustifikat u xieraq abbażi tal-valutazzjoni mwettqa skont l-ewwel subparagrafu jew minħabba bidliet konsiderevoli oħra fit-teknoloġija tal-batteriji li jkollhom impatt fuq it-tip ta’ materjali rkuprati, il-Kummissjoni għandha tadotta sat-18 ta’ Awwissu 2029, att delegat f’konformità mal-Artikolu 89, biex temenda l-miri stipulati fil-paragrafi 2 u 3.

6.   Fejn ġustifikat u xieraq minħabba żviluppi fis-suq fil-kimika tal-batteriji li jkollhom impatt fuq it-tip ta’ materjali li jistgħu jiġu rkuprati, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89, biex temenda dan ir-Regolament billi żżid materjali oħra għajr il-kobalt, iċ-ċomb, il-litju u n-nikil, b’ishma minimi speċifiċi ta’ kontenut riċiklat għal kull materjal speċifiku fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u durabbiltà għall-batteriji portabbli ta’ użu ġenerali

1.   Mit-18 ta’ Awwissu 2028 jew 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fil-paragrafu 2, skont liema jiġi l-aħħar, il-batteriji portabbli ta’ użu ġenerali, eskluż iċ-ċelluli buttuna għandhom jissodisfaw il-valuri minimi għall-parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u tad-durabbiltà mogħtija fl-Anness III kif stipulat fl-att delegat adottat skont il-paragrafu 2.

2.   Mit-18 ta’ Awwissu 2027, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 89 biex jissupplimenta dan ir-Regolament billi jistabbilixxi valuri minimi mandatorji għall-parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u tad-durabbiltà stipulati fl-Anness III għal batteriji portabbli ta’ użu ġenerali, eskluż iċ-ċelluli buttuna.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 biex temenda l-valuri minimi msemmija fl-ewwel subparagrafu jew iżżid aktar parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u tad-durabbiltà għal dawk stipulati fl-Anness III fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku.

Meta tiġi biex tħejji l-att delegat imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ħtieġa li jitnaqqas l-impatt ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-batteriji portabbli ta’ użu ġenerali, inkluż billi tiżdied l-effiċjenza fir-riżorsi tal-batteriji portabbli, u għandha tqis l-istandards internazzjonali u l-iskemi ta’ tikkettar rilevanti.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li d-dispożizzjonijiet stipulati bl-att delegat imsemmi fl-ewwel subparagrafu ma jkollhomx impatt negattiv sinifikanti fuq is-sikurezza u l-funzjonalità ta’ dawk il-batteriji jew l-apparati, mezzi tat-trasport ħfief jew vetturi oħra li fihom jiġu inkorporati dawk il-batteriji, l-affordabbiltà u l-kost għall-utenti finali u l-kompetittività tal-industrija.

3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2030, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-fattibbiltà tal-miżuri għall-eliminazzjoni gradwali ta’ batteriji portabbli mhux rikarikabbli ta’ użu ġenerali bil-ħsieb li jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt ambjentali tagħhom abbażi tal-metodoloġija ta’ valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja u l-alternattivi vijabbli għall-utenti finali. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandha tikkunsidra li tieħu l-miżuri xierqa, inkluż l-adozzjoni ta’ proposti leġiżlattivi jew għat-tneħħija gradwali jew għall-istabbiliment tar-rekwiżiti tal-ekodisinn.

Artikolu 10

Ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u ta’ durabbiltà għall-batteriji industrijali rikarikabbli, batteriji LMT u l-batteriji tal-vetturi elettriċi

1.   Mit-18 ta’ Awwissu 2024, il-batteriji industrijali rikarikabbli b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh, il-batteriji LMT, u l-batteriji tal-vetturi elettriċi għandhom ikunu akkumpanjati minn dokument li jinkludi l-valuri għall-parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u tad-durabbiltà stabbiliti fil-Parti A tal-Anness IV.

Għall-batteriji msemmija fl-ewwel subparagrafu, id-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness VIII għandha tinkludi spjegazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, tal-istandards u tal-kondizzjonijiet użati għall-kejl, il-kalkolu jew l-istima tal-valuri għall-parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u tad-durabbiltà. Dik l-ispjegazzjoni għandha tinkludi, mill-inqas, l-elementi stabbiliti fil-Parti B tal-Anness IV.

2.   Mit-18 ta’ Awwissu 2027 jew 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5, skont liema jiġi l-aħħar, batteriji industrijali rikarikabbli b’kapaċità akbar minn 2 kWh, ħlief dawk bi ħżin esklużivament estern, għandhom jissodisfaw il-valuri minimi stipulati fl-att delegat adottat skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 għall-parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u tad-durabbiltà stipulati fil-Parti A tal-Anness IV.

3.   Mit-18 ta’ Awwissu 2028 jew 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5, skont liema jiġi l-aħħar, batteriji LMT għandhom jissodisfaw il-valuri minimi stipulati fl-att delegat adottat skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5 għall-parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u tad-durabbiltà stipulati fil-Parti A tal-Anness IV.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għal batterija li tkun ġiet soġġetta għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, għall-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti jew l-adattament għal skop differenti, jew għall-manifattura mill-ġdid, meta l-operatur ekonomiku li jqiegħed dik il-batterija fis-suq jew fis-servizz juri li l-batterija, qabel ma għaddiet minn tali operazzjonijiet, tkun tqiegħdet fis-suq jew iddaħħlet fis-servizz qabel id-dati li fihom dawk l-obbligi jsiru applikabbli f’konformità ma’ dawk il-paragrafi.

5.   Sat-18 ta’ Frar 2026, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 89 biex issupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxi valuri minimi għall-parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u tad-durabbiltà stabbiliti fil-Parti A tal-Anness IV li għandhom jinkisbu mill-batteriji industrijali rikarikabbli b’kapaċità akbar minn 2 kWh, ħlief dawk bi ħżin esklużivament estern.

Sat-18 ta’ Frar 2027, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 89 biex issupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxi valuri minimi għall-parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u tad-durabbiltà stabbiliti fil-Parti A tal-Anness IV li għandhom jinkisbu mill-batteriji LMT.

Fit-tħejjija tal-atti delegati imsemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ħtieġa li jitnaqqas l-impatt ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-batteriji industrijali rikarikabbli b’kapaċità akbar minn 2 kWh, ħlief dawk bi ħżin esklużivament estern, u tal-batteriji LMT, u tiżgura li r-rekwiżiti stipulati fih ma jkollhomx impatt negattiv sinifikanti fuq il-funzjonalità ta’ dawk il-batteriji jew l-apparati, mezzi tat-trasport ħfief jew vetturi oħra li fihom jiġu inkorporati dawk il-batteriji, l-affordabbiltà tagħhom u l-kompetittività tal-industrija.

6.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 biex temenda l-parametri tal-prestazzjoni elettrokimika u tad-durabbiltà stipulati fl-Anness IV fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq u l-progress tekniku u xjentifiku, inkluż, b’mod partikolari, b’rabta mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-Grupp ta’ Ħidma informali tal-UNECE dwar il-Vetturi Elettriċi u l-Ambjent.

Artikolu 11

Il-possibbiltà li l-batteriji portabbli u l-batteriji LMT jinqalgħu u jiġu sostitwiti

1.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed fis-suq prodotti li jinkorporaw batteriji portabbli għandha tiżgura li dawk il-batteriji jkunu jistgħu jitneħħew u jinbidlu faċilment mill-utent aħħari fi kwalunkwe ħin matul il-ħajja tal-prodott. Dak l-obbligu għandu japplika biss għall-batteriji sħaħ u mhux għaċ-ċelluli individwali jew għal partijiet oħra inklużi f’tali batteriji.

Batterija portabbli għandha titqies li tista’ titneħħa mill-utent aħħari meta tkun tista’ titneħħa minn prodott bl-użu ta’ għodod disponibbli kummerċjalment, mingħajr il-ħtieġa tal-użu ta’ għodod speċjalizzati, sakemm ma jiġux ipprovduti mingħajr ħlas mal-prodott, għodod proprjetarji, enerġija termali jew solventi li jżarmaw il-prodott.

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed fis-suq prodotti li jinkorporaw batteriji portabbli għandha tiżgura li dawk il-prodotti jkunu akkumpanjati minn struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza dwar l-użu, it-tneħħija u s-sostituzzjoni tal-batteriji. Dawk l-istruzzjonijiet u dik l-informazzjoni dwar is-sikurezza għandhom ikunu disponibbli b’mod permanenti online fuq sit web disponibbli għall-pubbliku b’mod li jinftiehem faċilment għall-utenti finali.

Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni speċifika li tiżgura livell ogħla ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem relatata mat-tneħħija u s-sostituzzjoni tal-batteriji portabbli mill-utenti finali stipulata fi kwalunkwe liġi tal-Unjoni dwar it-tagħmir elettriku u elettroniku kif definit fl-Artikolu 3(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2012/19/UE.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-prodotti li ġejjin li jinkorporaw batteriji portabbli jistgħu jiġu ddisinjati b’tali mod li l-batterija tkun tista’ titneħħa u tiġi sostitwita biss minn professjonisti indipendenti:

(a)

apparat iddisinjat speċifikament biex jaħdem primarjament f’ambjent li huwa regolarment soġġett għat-titjir tal-ilma, flussi tal-ilma jew immersjoni tal-ilma, u li huwa maħsub biex ikun jista’ jinħasel jew jitlaħlaħ;

(b)

apparati mediċi professjonali ta’ immaġni u radjoterapija, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2017/745, u apparati mediċi dijanjostiċi in vitro, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2017/746.

Id-deroga stipulata fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu għandha tkun applikabbli biss meta tali deroga tkun meħtieġa biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-utent u tal-apparat.

3.   L-obbligi stipulati fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw meta l-kontinwità tal-provvista tal-enerġija tkun meħtieġa u tkun meħtieġa konnessjoni permanenti bejn il-prodott u l-batterija portabbli rispettiva biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-utent u tal-apparat jew, għal prodotti li jiġbru u jipprovdu data bħala l-funzjoni ewlenija tagħhom, għal raġunijiet ta’ integrità tad-data.

4.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 biex temenda l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu billi żżid aktar prodotti li għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżiti ta’ tneħħija u sostitwibbiltà stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Tali atti delegati għandhom jiġu adottati biss minħabba l-iżviluppi tas-suq u l-progress tekniku u xjentifiku, u dment li jkun hemm tħassib ibbażat xjentifikament dwar is-sikurezza tal-utenti finali li jneħħu jew jissostitwixxu l-batterija portabbli, jew f’każijiet fejn hemm riskju li t-tneħħija jew is-sostituzzjoni tal-batterija mill-utenti finali tkun tikser kwalunkwe rekwiżit tas-sikurezza tal-prodotti previst mil-liġi applikabbli tal-Unjoni.

5.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed fis-suq prodotti li jinkorporaw batteriji LMT għandha tiżgura li dawk il-batteriji, kif ukoll iċ-ċelluli individwali tal-batteriji inklużi fil-pakkett tal-batteriji, ikunu jistgħu jitneħħew u jinbidlu faċilment minn professjonist indipendenti fi kwalunkwe ħin matul il-ħajja tal-prodott.

6.   Għall-fini tal-paragrafi 1 u 5, batterija portabbli jew batterija LMT għandha titqies li tkun tista’ tinbidel faċilment meta, wara li titneħħa minn apparat jew mezz ta’ trasport ħafif, hija tkun tista’ tiġi sostitwita minn batterija kompatibbli oħra mingħajr ma jiġu affettwati l-funzjonament, il-prestazzjoni jew is-sikurezza ta’ dak l-apparat jew mezzi ta’ trasport ħfief.

7.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed fis-suq prodotti li jinkorporaw batteriji portabbli jew batteriji LMT għandha tiżgura li dawk il-batteriji huma disponibbli bħala spare parts tat-tagħmir li jħaddmu għal minimu ta’ ħames snin wara t-tqegħid fis-suq tal-aħħar unità tal-mudell tat-tagħmir, bi prezz raġonevoli u mhux diskriminatorju għall-professjonisti indipendenti u għall-utenti finali.

8.   Is-software ma għandux jintuża biex jimpedixxi s-sostituzzjoni ta’ batterija portabbli jew ta’ batterija LMT, jew tal-komponenti ewlenin tagħhom, b’batterija kompatibbli oħra jew komponenti ewlenin oħra.

9.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika linji gwida biex tiffaċilita l-applikazzjoni armonizzata ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 12

Is-sikurezza tas-sistemi għall-ħżin tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji

1.   Sistemi għall-ħżin tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji mqiegħda fis-suq jew fis-servizz għandhom ikunu sikuri matul l-operazzjoni u l-użu tagħhom.

2.   Sat-18 ta’ Awwissu 2024, id-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness VIII għandha:

(a)

turi li s-sistemi għall-ħżin tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji huma konformi mal-paragrafu 1 u jinkludu evidenza li jkunu ġew ittestjati b’suċċess għall-parametri tas-sikurezza stipulati fl-Anness V, li għalihom għandhom jintużaw metodoloġiji tal-ittestjar mill-aktar avvanzati. Il-parametri tas-sikurezza għandhom japplikaw biss sa fejn ikun jeżisti periklu korrispondenti għas-sistema għall-ħżin tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji inkwistjoni meta tintuża fil-kondizzjonijiet previsti mill-manifattur;

(b)

tinkludi valutazzjoni ta’ perikli possibbli għas-sikurezza tas-sistema għall-ħżin tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji li mhumiex indirizzati fl-Anness V;

(c)

tinkludi evidenza li l-perikli msemmija fil-punt (b) ġew mitigati u ttestjati b’suċċess; metodoloġiji tal-ittestjar tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku għandhom jintużaw għal tali ttestjar;

(d)

tinkludi struzzjonijiet ta’ mitigazzjoni f’każ li jistgħu jseħħu l-perikli identifikati pereżempju nar jew splużjoni.

Id-dokumentazzjoni teknika għandha tiġi rieżaminata jekk batterija titħejja għall-użu mill-ġdid, tiġi ppreparata għall-adattament għal skop differenti, tiġi manifatturata mill-ġdid jew tiġi adattata għal skop differenti.

3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 biex temenda l-parametri ta’ sikurezza stipulati fl-Anness V fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku.

KAPITOLU III

Rekwiżiti ta’ tikkettar, immarkar u informazzjoni

Artikolu 13

Tikkettar u mmarkar tal-batteriji

1.   Mit-18 ta’ Awwissu 2026 jew 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 10, skont liema jiġi l-aħħar, il-batteriji għandu jkollhom tikketta li jkun fiha l-informazzjoni ġenerali dwar il-batteriji stabbilita fil-Parti A tal-Anness VI.

2.   Mit-18 ta’ Awwissu 2026 jew 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 10, skont liema jiġi l-aħħar, il-batteriji portabbli rikarikabbli, il-batteriji LMT u l-batteriji SLI għandu jkollhom tikketta li jkun fiha informazzjoni dwar il-kapaċità tagħhom.

3.   Mit-18 ta’ Awwissu 2026 jew 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 10, skont liema jiġi l-aħħar, il-batteriji portabbli mhux rikarikabbli għandu jkollhom tikketta li jkun fiha informazzjoni dwar id-durata medja minima tagħhom meta jintużaw f’applikazzjonijiet speċifiċi u tikketta li tindika “mhux rikarikabbli”.

4.   Mit-18 ta’ Awwissu 2025, il-batteriji kollha għandhom ikunu mmarkati bis-simbolu tal-ġbir separat tal-batteriji (“simbolu tal-ġbir separat”) kif muri fil-Parti B tal-Anness VI.

Is-simbolu tal-ġbir separat għandu jgħatti mill-inqas 3 % tal-ispazju tal-akbar naħa tal-batterija sa daqs massimu ta’ 5 × 5 cm.

Fil-każ ta’ ċelluli tal-batteriji ċilindriċi, is-simbolu tal-ġbir separat għandu jgħatti mill-inqas 1,5 % tal-ispazju tal-wiċċ tal-batterija u għandu jkollu daqs massimu ta’ 5 × 5 cm.

Meta d-daqs tal-batterija jkun tali li s-simbolu tal-ġbir separat ikun iżgħar minn 0,47 × 0,47 cm, il-batterija ma għandhiex għalfejn tiġi mmarkata b’dak is-simbolu. Minflok, fuq l-imballaġġ għandu jiġi stampat simbolu tal-ġbir separat ta’ mill-inqas 1 × 1 cm.

5.   Il-batteriji kollha li jkun fihom aktar minn 0,002 % kadmju jew aktar minn 0,004 % ċomb, għandhom ikunu mmarkati bis-simbolu kimiku għall-metall ikkonċernat: Cd jew Pb.

Is-simbolu kimiku rilevanti li jindika l-kontenut ta’ metalli tqal għandu jkun stampat taħt is-simbolu tal-ġbir separat u għandu jgħatti spazju ta’ mill-anqas kwart tad-daqs ta’ dak is-simbolu.

6.   Mit-18 ta’ Frar 2027, il-batteriji kollha għandhom ikunu mmarkati b’kodiċi QR kif deskritt fil-Parti C tal-Anness VI. Il-kodiċi QR għandu jipprovdi aċċess għal dan li ġej:

(a)

għall-batteriji LMT, il-batteriji industrijali b’kapaċità ta’ aktar minn 2 kWh u l-batteriji tal-vetturi elettriċi, il-passaport tal-batterija f’konformità mal-Artikolu 77;

(b)

għal batteriji oħra, l-informazzjoni applikabbli msemmija fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu, id-dikjarazzjoni ta’ konformità msemmija fl-Artikolu 18, ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 52(3) u l-informazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġar tal-iskart ta’ batteriji stipulata fl-Artikolu 74(1), il-punti (a) sa (f);

(c)

għall-batteriji SLI, l-ammont ta’ kobalt, ċomb, litju jew nikil irkuprat mill-iskart u preżenti f’materjali attivi fil-batterija, ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 8.

Din l-informazzjoni għandha tkun kompluta, aġġornata u preċiża.

7.   It-tikketti u l-kodiċi QR imsemmija fil-paragrafi minn 1 sa 6 għandhom jiġu stampati jew imnaqqxin b’mod viżibbli, b’mod li jkunu jistgħu jinqraw u ma jitħassrux fuq il-batterija. Fejn dan ma jkunx possibbli jew ma jkunx ġustifikat minħabba n-natura u d-daqs tal-batterija, it-tikketti u l-kodiċi QR għandhom jitwaħħlu mal-imballaġġ u mad-dokumenti li jakkumpanjaw il-batterija.

8.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 biex temenda dan ir-Regolament biex tipprevedi tipi alternattivi ta’ kodiċi QR, għall-użu minflok jew flimkien mal-kodiċi QR, fid-dawl tal-progress teknoloġiku u xjentifiku f’dan il-qasam.

9.   Il-batteriji li jkunu ġew soġġetti għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, għall-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti jew l-adattament għal skop differenti jew għall-manifattura mill-ġdid għandu jkollhom tikketti jew għandhom jiġu mmarkati b’marki ġodda f’konformità ma’ dan l-Artikolu, u jkun fihom informazzjoni dwar il-bidla fl-istatus tagħhom f’konformità mal-punt 4 tal-Anness XIII, li għandha tkun aċċessibbli permezz tal-kodiċi QR.

10.   Il-Kummissjoni għandha, sat-18 ta’ Awwissu 2025, tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi speċifikazzjonijiet armonizzati għar-rekwiżiti tat-tikkettar imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(3).

Artikolu 14

Informazzjoni dwar l-istat tas-saħħa u tul tal-ħajja mistenni tal-batteriji

1.   Mit-18 ta’ Awwissu 2024, data aġġornata għall-parametri għad-determinazzjoni tal-istat tas-saħħa u t-tul tal-ħajja mistenni tal-batteriji kif stipulat fl-Anness VII għandha tkun inkluża fis-sistema ta’ ġestjoni tal-batterija tas-sistemi għall-ħżin tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji, il-batteriji LMT u l-batteriji tal-vetturi elettriċi.

2.   L-aċċess ta’ qari biss għad-data għall-parametri stipulati fl-Anness VII permezz tas-sistema ta’ ġestjoni tal-batterija msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi pprovdut, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-manifattur tal-batterija, fuq bażi mhux diskriminatorja lill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun xtrat il-batterija legalment, inkluż operaturi indipendenti jew operaturi tal-immaniġġar tal-iskart, jew lil kwalunkwe parti terza li taġixxi f’isimha fi kwalunkwe ħin għall-fini ta’:

(a)

it-tqegħid tal-batterija għad-dispożizzjoni ta’ aggregaturi indipendenti jew parteċipanti fis-suq permezz tal-ħżin tal-enerġija;

(b)

l-evalwazzjoni tal-valur residwu jew tal-ħajja li jifdal tal-batterija u l-kapaċità għal użu ulterjuri, abbażi tal-istima tal-istat tas-saħħa tal-batterija;

(c)

l-iffaċilitar tal-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, tal-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, tal-adattament għal skop differenti, tal-manifattura mill-ġdid tal-batterija;

3.   Is-sistema ta’ ġestjoni tal-batterija għandha tinkludi funzjoni ta’ risettjar tas-software, f’każ li l-operaturi ekonomiċi li jwettqu l-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, il-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, l-adattament għal skop differenti jew il-manifattura mill-ġdid ikollhom bżonn itellgħu software differenti tas-sistema ta’ ġestjoni tal-batterija. Jekk tintuża l-funzjoni ta’ risettjar tas-software, il-manifattur tal-batterija oriġinali ma għandux jinżamm responsabbli għal kwalunkwe ksur tas-sikurezza jew tal-funzjonalità tal-batterija li jista’ jiġi attribwit għal software tas-sistema ta’ ġestjoni tal-batterija mtella’ wara li dik il-batterija tkun tqiegħdet fis-suq.

4.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 89 biex temenda l-parametri għad-determinazzjoni tal-istat tas-saħħa u tal-ħajja mistennija tal-batteriji stipulati fl-Anness VII fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq u l-progress tekniku u xjentifiku u biex tiżgura sinerġiji mal-parametri stabbiliti fir-Regolament Tekniku Globali Nru 22 tan-NU dwar id-Durabbiltà tal-Batteriji fil-Vetturi Elettrifikati, b’kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-manifattur tal-batteriji.

5.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw flimkien ma’ dawk stipulati fil-liġi tal-Unjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi.

KAPITOLU IV

Konformità tal-batteriji

Artikolu 15

Preżunzjoni tal-konformità tal-batteriji

1.   Għall-finijiet ta’ konformità u verifika tal-konformità tal-batteriji mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 9, 10, 12, 13, 14 u 78, l-ittestjar, il-kejl u l-kalkoli għandhom isiru bl-użu ta’ metodi affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku rikonoxxuti b’mod ġenerali, u li r-riżultati tagħhom jitqiesu li għandhom livell baxx ta’ inċertezza, inkluż il-metodi stipulati fl-istandards li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati għal dawk l-iskopijiet f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-istandards armonizzati għandu jkollhom l-għan li jissimulaw l-użu reali kemm jista’ jkun filwaqt li jinżamm ittestjar standard.

3.   Il-batteriji li jkunu konformi ma’ standards armonizzati, jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu preżunti li huma konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 9, 10, 12, 13, 14 u 78 sakemm dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti minn tali standards armonizzati jew partijiet minnhom, u, jekk applikabbli, sakemm jintlaħqu l-valuri minimi stipulati għal dawk ir-rekwiżiti skont l-Artikoli 9 u 10.

Artikolu 16

Speċifikazzjonijiet komuni

1.   F’każijiet eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet komuni għar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 9, 10, 12, 13, 14 u 78 jew it-testijiet imsemmija fl-Artikolu 15(1), fejn:

(a)

dawk ir-rekwiżiti jew it-testijiet ma jkunux koperti minn standards armonizzati, jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

(b)

il-Kummissjoni tkun talbet organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex tabbozza standard armonizzat għal dawk ir-rekwiżiti jew it-testijiet; u

(c)

mill-inqas waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin tkun ġiet issodisfata:

(i)

it-talba tal-Kummissjoni ma tkun ġiet aċċettata minn ebda waħda mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni,

(ii)

il-Kummissjoni tosserva dewmien żejjed fl-adozzjoni tal-istandards armonizzati mitluba, jew

(iii)

organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni pproduċiet standard li ma jikkorrispondix għalkollox għat-talba tal-Kummissjoni.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(3).

Meta tħejji l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet komuni, il-Kummissjoni għandha tqis il-fehmiet tal-korpi rilevanti jew tal-grupp ta’ esperti u għandha tikkonsulta kif xieraq lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

2.   Il-batteriji li jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet komuni jew partijiet minnhom għandhom ikunu preżunti li huma konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 9, 10, 12, 13, 14 u 78 sakemm dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti minn tali speċifikazzjonijiet komuni jew partijiet minnhom u, jekk applikabbli, sakemm jintlaħqu l-valuri minimi stipulati għal dawk ir-rekwiżiti skont l-Artikoli 9 u 10.

3.   Meta jiġi adottat standard armonizzat minn organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni u jiġi propost lill-Kummissjoni għall-fini tal-pubblikazzjoni tar-referenza tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-istandard armonizzat f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. Meta r-referenza ta’ standard armonizzat tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tħassar l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, jew partijiet minnhom li jkopru l-istess rekwiżiti jew testijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 17

Proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità

1.   Il-valutazzjoni tal-konformità tal-batteriji mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 6, 9, 10, 12, 13 u 14 għandha titwettaq f’konformità ma’ waħda mill-proċeduri li ġejjin:

(a)

għal batteriji manifatturati f’serje:

(i)

“Modulu A - Kontroll intern tal-produzzjoni”, stipulat fil-Parti A tal-Anness VIII, jew

(ii)

“Modulu D1 - Assigurazzjoni tal-kwalità tal-proċess tal-produzzjoni”, stipulat fil-Parti B tal-Anness VIII;

(b)

għal batteriji mhux manifatturati f’serje:

(i)

“Modulu A - Kontroll intern tal-produzzjoni”, stipulat fil-Parti A tal-Anness VIII, jew

(ii)

“Modulu G - Konformità bbażata fuq il-verifika tal-unità”, stipulat fil-Parti C tal-Anness VIII.

2.   Il-valutazzjoni tal-konformità tal-batteriji mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 7 u 8 għandha titwettaq f’konformità ma’ waħda mill-proċeduri li ġejjin:

(a)

“Modulu D1 - Assigurazzjoni tal-kwalità tal-proċess tal-produzzjoni” stipulat fil-Parti B tal-Anness VIII għall-batteriji manifatturati f’serje; jew

(b)

“Modulu G - Konformità bbażata fuq il-verifika tal-unità” stipulat fil-Parti C tal-Anness VIII għall-batteriji mhux manifatturati f’serje.

3.   Valutazzjoni tal-konformità addizzjonali tal-batteriji li jkunu ġew soġġetti għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, għall-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti jew l-adattament għal skop differenti, jew għall-manifattura mill-ġdid, għandha titwettaq f’konformità mal-proċedura “Modulu A - Kontroll intern tal-produzzjoni”, stipulat fil-Parti A tal-Anness VIII, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 6, 9, 10, 12, 13 u 14.

4.   Ir-rekords u l-korrispondenza relatati mal-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità tal-batteriji għandhom jitfasslu bil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-korp innotifikat li jwettaq il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità, jew b’waħda jew aktar mil-lingwi aċċettati minn dak il-korp.

Artikolu 18

Dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE

1.   Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tindika l-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14 intwera.

2.   Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandu jkollha l-istruttura tal-mudell stipulata fl-Anness IX, għandu jkollha l-elementi speċifikati fil-moduli rilevanti stipulata fl-Anness VIII, u għandha tinżamm aġġornata, jekk ikun meħtieġ. Hija għandha tiġi tradotta għal-lingwa jew il-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru li fih il-batterija titqiegħed jew titqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq jew titqiegħed fis-servizz. Għandha titfassal f’format elettroniku u, fejn mitlub, tiġi pprovduta f’format stampat.

3.   Meta batterija tkun soġġetta għal aktar minn att wieħed tal-Unjoni li jirrikjedi dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, għandha titfassal dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE unika fir-rigward ta’ dawk l-atti kollha tal-Unjoni. Dik id-dikjarazzjoni għandha tindika l-atti tal-Unjoni kkonċernati u r-referenzi tal-pubblikazzjoni tagħhom.

4.   Meta jfassal id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, il-manifattur għandu jassumi responsabbiltà għall-konformità tal-batterija mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE unika tista’ tkun magħmula minn dikjarazzjoni tal-konformità individwali waħda jew aktar tal-UE diġà mfassla f’konformità ma’ att jew atti differenti tal-Unjoni, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-operaturi ekonomiċi.

Artikolu 19

Prinċipji ġenerali tal-markatura CE

Il-markatura CE għandha tkun soġġetta għall-prinċipji ġenerali stipulati fl-Artiklu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

Artikolu 20

Ir-regoli u l-kondizzjonijiet għat-twaħħil tal-markatura CE

1.   Il-markatura CE għandha titwaħħal mal-batterija b’mod li tkun viżibbli, tista’ tinqara u ma titħassarx. Meta dan ma jkunx possibbli jew ma jkunx iġġustifikat minħabba n-natura tal-batterija, hija għandha titwaħħal mal-imballaġġ u mad-dokumenti li jakkumpanjaw il-batterija.

2.   Il-markatura CE għandha titwaħħal qabel ma l-batterija titqiegħed fis-suq jew titqiegħed fis-servizz.

3.   Il-markatura CE għandha tkun segwita min-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp innotifikat fejn meħtieġ skont l-Anness VIII. Dak in-numru ta’ identifikazzjoni għandu jitwaħħal mill-korp innotifikat innifsu jew, fuq struzzjonijiet tiegħu, mill-manifattur jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.

4.   Il-markatura CE u n-numru ta’ identifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 jistgħu jkunu segwiti, jekk ikun applikabbli, minn kwalunkwe pittogramma jew marka oħra li tindika riskju, użu jew kwalunkwe periklu speċjali marbut mal-użu, il-ħżin, it-trattament jew it-trasport tal-batterija.

5.   L-Istati Membri għandhom jibnu fuq il-mekkaniżmi eżistenti biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tar-reġim li jirregola l-markatura CE u għandhom jieħdu azzjoni xierqa fil-każ ta’ użu mhux xieraq ta’ dik il-markatura.

KAPITOLU V

Notifika ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità

Artikolu 21

Notifika

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn dwar il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità awtorizzati biex iwettqu kompiti tal-valutazzjoni tal-konformità f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 22

Awtoritajiet tan-notifika

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità ta’ notifika li għandha tkun responsabbli biex tistabbilixxi u tesegwixxi l-proċeduri meħtieġa għall-valutazzjoni u n-notifika tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ tal-korpi nnotifikati, inkluż il-konformità mal-Artikolu 27.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-valutazzjoni u l-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu minn korp nazzjonali ta’ akkreditament kif definit fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.

3.   Fejn l-awtorità tan-notifika tiddelega jew b’xi mod ieħor tafda l-valutazzjoni, in-notifika jew il-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu lil korp, li ma jkunx entità governattiva, dak il-korp għandu jkun entità ġuridika, jikkonforma mutatis mutandis mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 23 u jkollu arranġamenti biex jagħmel tajjeb għar-responsabbiltajiet derivati mill-attivitajiet tiegħu.

4.   L-awtorità tan-notifika għandha terfa’ r-responsabbiltà sħiħa għall-kompiti mwettqa mill-korp imsemmi fil-paragrafu 3.

Artikolu 23

Rekwiżiti relatati mal-awtoritajiet tan-notifika

1.   Awtorità tan-notifika għandha tiġi stabbilita b’tali mod li ma jinħolqux kunflitti ta’ interess ma’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità.

2.   Awtorità tan-notifika għandha tkun organizzata u mħaddma b’tali mod li l-oġġettività u l-imparzjalità tal-attivitajiet tagħha jiġu mħarsin.

3.   Awtorità tan-notifika għandha tkun organizzata b’tali mod li kull deċiżjoni relatata man-notifika ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità tittieħed minn persuni kompetenti differenti minn dawk li jkunu wettqu l-valutazzjoni tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li japplikaw għan-notifika f’konformità mal-Artikolu 28.

4.   Awtorità tan-notifika ma għandhiex toffri jew tipprovdi attivitajiet li jitwettqu minn korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u ma għandhiex tipprovdi servizzi ta’ konsulenza fuq bażi kummerċjali jew kompetittiva.

5.   Awtorità tan-notifika għandha tissalvagwardja l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tikseb. Madankollu, hija għandha tiskambja informazzjoni dwar il-korpi nnotifikati mal-Kummissjoni, kif ukoll mal-awtoritajiet tan-notifika ta’ Stati Membri oħrajn u ma’ awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħrajn.

6.   Awtorità tan-notifika għandu jkollha għadd suffiċjenti ta’ membri tal-persunal kompetenti u biżżejjed finanzjament għad-dispożizzjoni tagħha għall-eżekuzzjoni xierqa tal-kompiti tagħha.

Artikolu 24

Obbligu ta’ informazzjoni dwar l-awtoritajiet tan-notifika

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-proċeduri tagħhom għall-valutazzjoni u n-notifika tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ tal-korpi nnotifikati, u dwar kwalunkwe bidla fihom.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 25

Rekwiżiti marbuta mal-korpi nnotifikati

1.   Għall-finijiet ta’ notifika, korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi minn 2 sa 11.

2.   Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun stabbilit skont il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru u għandu jkollu personalità ġuridika.

3.   Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun korp terz indipendenti minn negozju u fir-rigward tal-batteriji li jivvaluta, b’mod partikolari mill-manifatturi tal-batteriji, is-sħab kummerċjali tal-manifatturi tal-batteriji, l-investituri azzjonarji fl-impjanti tal-manifatturi tal-batteriji u minn korpi nnotifikati oħrajn, kif ukoll mill-assoċjazzjonijiet kummerċjali tal-korpi nnotifikati, l-impriżi omm jew is-sussidjarji.

4.   Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment superjuri tiegħu u l-persunal responsabbli mit-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu d-disinjatur, il-manifattur, il-fornitur, l-importatur, id-distributur, l-installatur, l-akkwirent, is-sid, l-utent jew il-persuna responsabbli mill-manutenzjoni tal-batteriji li huma jivvalutaw, u lanqas ir-rappreżentant ta’ xi waħda minn dawk il-partijiet. Dik il-projbizzjoni ma għandhiex tipprekludi l-użu ta’ batteriji vvalutati li huma meħtieġa għall-operazzjonijiet tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jew l-użu ta’ dawn il-batteriji għal finijiet personali.

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment superjuri tiegħu u l-persunal responsabbli mit-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu involuti direttament fid-disinn, il-manifattura, il-kummerċjalizzazzjoni, l-importazzjoni, id-distribuzzjoni, l-installazzjoni, l-użu jew il-manutenzjoni ta’ dawk il-batteriji, jew jirrappreżentaw lill-partijiet li jkunu involuti f’dawk l-attivitajiet. Huma ma għandhom jinvolvu ruħhom fl-ebda attività li tista’ tkun f’kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b’rabta mal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità li għalihom ikunu nnotifikati. Dan għandu japplika, b’mod partikolari, għas-servizzi ta’ konsulenza.

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jiżgura li l-attivitajiet tal-kumpaniji omm jew oħt tiegħu, tas-sussidjarji jew tas-sottokuntratturi ma jaffettwawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività jew l-imparzjalità tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità tiegħu.

5.   Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-persunal tiegħu għandhom iwettqu l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità bl-ogħla grad ta’ integrità professjonali u bil-kompetenza teknika meħtieġa fil-qasam speċifiku u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u tħajjir, partikolarment finanzjarji, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità tagħhom, speċjalment fir-rigward ta’ persuni jew gruppi ta’ persuni b’interess fir-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet.

6.   Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun kapaċi jwettaq il-kompiti kollha ta’ valutazzjoni tal-konformità assenjati lilu fl-Anness VIII, awditi perjodiċi f’konformità mal-Artikolu 48(2) u verifika minn parti terza f’konformità mal-Artikolu 51 li b’rabta magħhom ikun ġie nnotifikat, kemm jekk dawk il-kompiti jitwettqu mill-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità nnifsu kif ukoll jekk jitwettqu f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

F’kull mument, u għal kull proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità stipulata fl-Anness VIII, għall-awditi perjodiċi f’konformità mal-Artikolu 48(2) u verifika minn parti terza f’konformità mal-Artikolu 51, u għal kull kategorija ta’ batteriji li b’rabta magħhom ikun ġie nnotifikat, korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu:

(a)

il-persunal meħtieġ b’għarfien tekniku u esperjenza suffiċjenti u xierqa biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità;

(b)

id-deskrizzjonijiet tal-proċeduri meħtieġa li f’konformità magħhom titwettaq il-valutazzjoni tal-konformità, filwaqt li jiġu żgurati t-trasparenza u ta’ dawk il-proċeduri u l-kapaċità tagħhom li jiġu riprodotti;

(c)

politiki u proċeduri xierqa li jiddistingwu bejn l-attivitajiet li jwettaq bħala korp innotifikat u kompiti oħrajn;

(d)

il-proċeduri meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità, li jieħdu kont dovut tad-daqs ta’ impriża, is-settur li fih topera, l-istruttura tagħha, il-grad ta’ kumplessità tat-teknoloġija tal-batterija inkwistjoni u l-massa jew in-natura tas-serje tal-proċess ta’ produzzjoni.

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu l-mezzi meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tekniċi u amministrattivi marbuta mal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità tiegħu b’mod xieraq u għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni, it-tagħmir jew il-faċilitajiet kollha tal-ittestjar meħtieġa. Dan għandu jinkludi l-istabbiliment u s-superviżjoni ta’ proċeduri interni, politiki ġenerali, kodiċijiet ta’ kondotta jew regoli interni oħrajn, l-assenjazzjoni ta’ persunal għal kompiti speċifiċi u d-deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni tal-konformità, mingħajr ma jiġu ddelegati lil sottokuntrattur jew sussidjarju.

7.   Il-membri tal-persunal responsabbli mit-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollhom dawn li ġejjin:

(a)

taħriġ tekniku u vokazzjonali tajjeb li jkopri l-attivitajiet kollha tal-valutazzjoni tal-konformità li b’rabta magħhom ikun ġie nnotifikat il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità;

(b)

għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-valutazzjonijiet li jwettqu u awtorità adegwata biex iwettqu dawk il-valutazzjonijiet;

(c)

għarfien u fehim xierqa tar-rekwiżiti u l-obbligi stipulati fl-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14 u fl-Artikoli 48 sa 52, tal-istandards armonizzati applikabbli msemmija fl-Artikolu 15 u tal-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 16, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni u tal-liġi nazzjonali;

(d)

il-kapaċità li jfasslu ċertifikati, rekords u rapporti li juru li jkunu twettqu l-valutazzjonijiet tal-konformità.

8.   Għandha tiġi garantita l-imparzjalità ta’ korp tal-valutazzjoni tal-konformità, tal-maniġment superjuri tiegħu u tal-membri tal-persunal responsabbli biex iwettqu l-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità.

Ir-remunerazzjoni tal-maniġment superjuri u tal-membri tal-persunal responsabbli biex iwettqu l-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità ma għandhiex tiddependi mill-għadd ta’ valutazzjonijiet tal-konformità mwettqa jew mir-riżultati ta’ dawk il-valutazzjonijiet.

9.   Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu joħroġ polza tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà, sakemm ir-responsabbiltà ma tkunx assunta mill-Istat f’konformità mal-liġi nazzjonali fl-Istat Membru notifikanti jew l-Istat Membru nnifsu ma jkunx direttament responsabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

10.   Il-persunal ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu josserva s-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha miksuba fit-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità skont l-Anness VIII, awditi perjodiċi skont l-Artikolu 48(2), jew verifika minn parti terza skont l-Artikolu 51, ħlief fir-rigward tal-awtorità notifikanti u l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn l-attivitajiet tiegħu jkunu qed jitwettqu. Id-drittijiet ta’ proprjetà għandhom ikunu protetti.

11.   Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jipparteċipa fi, jew jiżgura li l-membri tal-persunal tiegħu responsabbli mit-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità jkunu informati dwar l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni rilevanti u l-attivitajiet tal-grupp ta’ koordinazzjoni settorjali tal-korpi nnotifikati stabbilit skont l-Artikolu 37 u għandu japplika, bħala gwida ġenerali, id-deċiżjonijiet amministrattivi u d-dokumenti prodotti minn dak il-grupp.

Artikolu 26

Preżunzjoni ta’ konformità tal-korpi nnotifikati

Meta korp ta’ valutazzjoni tal-konformità juri l-konformità tiegħu mal-kriterji stipulati fl-istandards armonizzati rilevanti jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, huwa għandu jkun preżunt li huwa konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 25 sa fejn l-istandards armonizzati applikabbli jkopru dawk ir-rekwiżiti.

Artikolu 27

Sussidjarji ta’ korpi nnotifikati u sottokuntrattar minnhom

1.   Meta korp innotifikat jissottokuntratta kompiti speċifiċi marbuta mal-valutazzjoni tal-konformità jew jirrikorri għal sussidjarja, huwa għandu jiżgura li s-sottokuntrattur jew is-sussidjarja tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 25 u għandu jinforma b’dan lill-awtorità tan-notifika.

2.   Korp innotifikat għandu jerfa’ r-responsabbiltà sħiħa għall-kompiti mwettqa mis-sottokuntratturi jew mis-sussidjarji kull fejn dawn ikunu stabbiliti.

3.   Korp innotifikat jista’ jissottokuntratta attivitajiet jew jara li jitwettqu attivitajiet minn sussidjarju biss bi ftehim mal-klijent.

4.   Korp innotifikat għandu jżomm għad-dispożizzjoni tal-awtorità tan-notifika d-dokumenti rilevanti dwar il-valutazzjoni tal-kwalifiki tas-sottokuntrattur jew tas-sussidjarja u dwar ix-xogħol imwettaq minnhom skont l-Artikolu 48(2) u l-Artikolu 51 u skont l-Anness VIII.

Artikolu 28

Applikazzjoni għal notifika

1.   Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jissottometti applikazzjoni għal notifika lill-awtorità tan-notifika tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit.

2.   L-applikazzjoni għal notifika għandha tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità, tal-modulu jew il-moduli tal-valutazzjoni tal-konformità stipulati fl-Anness VIII jew il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 48(2) u l-Artikolu 51, u tal-batteriji li għalihom il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jiddikjara li huwa kompetenti, kif ukoll minn ċertifikat ta’ akkreditament, fejn applikabbli, maħruġ minn korp nazzjonali ta’ akkreditament li jafferma li l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 25.

3.   Meta l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità kkonċernat ma jkunx jista’ jipprovdi ċertifikat ta’ akkreditazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, huwa għandu jipprovdi lill-awtorità tan-notifika bl-evidenza dokumentarja kollha meħtieġa għall-verifika, ir-rikonoxximent u l-monitoraġġ regolari tal-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 25, inkluż dokumentazzjoni xierqa li turi li l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jkun indipendenti skont it-tifsira tal-Artikolu 25(3).

Artikolu 29

Proċedura ta’ notifika

1.   Awtorità tan-notifika għandha tinnotifika biss lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 25.

2.   L-awtorità tan-notifika għandha tibgħat notifika lill-Kummissjoni u l-awtoritajiet tan-notifika tal-Istati Membri l-oħrajn dwar kull korp ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmi fil-paragrafu 1 bl-użu tal-għodda ta’ notifika elettronika żviluppata u ġestita mill-Kummissjoni.

3.   In-notifika għandha tinkludi d-dettalji kollha tal-valutazzjoni tal-konformità, tal-modulu jew moduli tal-valutazzjoni tal-konformità jew tal-proċeduri stipulati fl-Artikolu 48(2) u l-Artikolu 51, u tal-kategoriji tal-batteriji kkonċernati u l-attestazzjoni tal-kompetenza rilevanti.

4.   Meta notifika ma tkunx ibbażata fuq ċertifikat ta’ akkreditament kif imsemmi fl-Artikolu 28(2), l-awtorità tan-notifika għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn b’evidenza dokumentarja li tiċċertifika l-kompetenza tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-arranġamenti fis-seħħ biex ikun żgurat li dak il-korp ser jiġi ssorveljat regolarment u ser ikompli jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 25.

5.   Il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità kkonċernat għandu jwettaq l-attivitajiet ta’ korp innotifikat biss meta ma titqajjem l-ebda oġġezzjoni mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri l-oħrajn fi żmien ġimagħtejn min-notifika meta din tinkludi ċertifikat ta’ akkreditament imsemmi fl-Artikolu 28(2) jew fi żmien xahrejn min-notifika meta din tinkludi evidenza dokumentarja msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Tali korp ta’ valutazzjoni tal-konformità biss għandu jitqies li huwa korp innotifikat għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

6.   L-awtorità tan-notifika għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bi kwalunkwe bidla sussegwenti fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 30

Numri ta’ identifikazzjoni u listi ta’ korpi nnotifikati

1.   Il-Kummissjoni għandha tassenja numru ta’ identifikazzjoni lil kull korp innotifikat. Hija għandha tassenja numru uniku, anki meta l-korp ikun innotifikat skont diversi atti tal-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku u żżomm aġġornata lista tal-korpi nnotifikati skont dan ir-Regolament, inkluż in-numri ta’ identifikazzjoni li jkunu ġew assenjati lilhom u l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità li għalihom ikunu ġew innotifikati.

Artikoli 31

Tibdil fin-notifiki

1.   Meta awtorità tan-notifika tkun aċċertat ruħha jew tkun ġiet informata li korp innotifikat ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 25 jew li qed jonqos milli jaqdi l-obbligi tiegħu, l-awtorità tan-notifika għandha tirrestrinġi, tissospendi jew tirtira n-notifika, kif xieraq, skont kemm ikun serju n-nuqqas li jintlaħqu dawk ir-rekwiżiti jew li jiġu ssodisfati dawk l-obbligi. Hija għandha tinforma b’dan minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn.

2.   Fil-każ ta’ restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar ta’ notifika skont il-paragrafu 1, jew meta korp innotifikat ikun waqqaf l-attività tiegħu, l-awtorità tan-notifika għandha tieħu passi xierqa biex tiżgura li l-fajls ta’ dak il-korp jew jiġu pproċessati minn korp innotifikat ieħor jew inkella jinżammu disponibbli għall-awtoritajiet tan-notifika u dawk tas-sorveljanza tas-suq responsabbli fuq it-talba tagħhom.

Artikolu 32

Kontestazzjoni għall-kompetenza ta’ korpi nnotifikati

1.   Il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-każijiet kollha fejn ikollha dubju, jew fejn jinġieb dubju għall-attenzjoni tagħha, b’mod partikolari mill-operaturi ekonomiċi u minn partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, rigward il-kompetenza ta’ korp innotifikat jew l-issodisfar kontinwu minn korp innotifikat tar-rekwiżiti u tar-responsabbiltajiet li għalihom huwa jkun soġġett.

2.   L-awtorità tan-notifika għandha tipprovdi lill-Kummissjoni, fuq talba, l-informazzjoni kollha relatata mal-bażi għan-notifika jew iż-żamma tal-kompetenza tal-korp innotifikat ikkonċernat.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni sensittiva kollha miksuba matul l-investigazzjonijiet tagħha tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali.

4.   Meta l-Kummissjoni taċċerta ruħha li korp innotifikat ma jissodisfax, jew ma jkunx għadu jissodisfa, ir-rekwiżiti għan-notifika tiegħu, hija għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jirrikjedi lill-Istat Membru tan-notifika jieħu l-azzjoni korrettiva meħtieġa, inkluż l-irtirar tan-notifika, jekk ikun meħtieġ. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 74(2).

Artikolu 33

Obbligi operazzjonali tal-korpi nnotifikati

1.   Korp innotifikat għandu jwettaq il-valutazzjonijiet tal-konformità skont il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità stipulati fl-Artikolu 48(2), l-Artikolu 51 jew l-Anness VIII, kif determinat mill-kamp ta’ applikazzjoni tan-notifika magħmula skont l-Artikolu 29.

2.   Korp innotifikat għandu jwettaq valutazzjonijiet tal-konformità b’mod proporzjonat, billi jevita l-ħolqien ta’ piż bla bżonn għall-operaturi ekonomiċi, u b’kont meħud tad-daqs ta’ impriża, is-settur li fih topera l-impriża, l-istruttura tal-impriża, il-grad ta’ kumplessità tal-batterija li għandha tiġi vvalutata u n-natura ta’ massa jew ta’ serje tal-proċess tal-produzzjoni. Madankollu, il-korp innotifikat għandu jirrispetta l-grad ta’ rigorożità u l-livell ta’ protezzjoni meħtieġ għall-konformità tal-batterija u tal-operaturi ekonomiċi ma’ dan ir-Regolament.

3.   Fejn korp innotifikat isib li r-rekwiżiti applikabbli stipulati fl-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13, 14, 49 u 50, fl-istandards armonizzati korrispondenti msemmija fl-Artikolu 15, l-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 16 jew speċifikazzjonijiet tekniċi oħrajn ma jkunux ġew issodisfati, huwa għandu jeżiġi li l-manifattur jew operatur ekonomiku rilevanti ieħor, jieħu azzjoni korrettiva xierqa b’antiċipazzjoni tat-tieni u l-aħħar valutazzjoni tal-konformità, sakemm in-nuqqasijiet ma jkunux jistgħu jiġu rimedjati. Fejn in-nuqqasijiet ma jkunux jistgħu jiġu rimedjati, il-korp innotifikat ma għandux joħroġ iċ-ċertifikat ta’ konformità jew id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni.

4.   Meta, matul il-monitoraġġ tal-konformità wara l-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni, korp innotifikat isib li ma għadx hemm konformità, huwa għandu jirrikjedi li l-manifattur jew l-operatur ekonomiku msemmi fl-Artikolu 48(1), kif applikabbli, jieħu azzjoni korrettiva xierqa u għandu jissospendi jew jirtira id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, jekk ikun meħtieġ.

5.   Meta ma tittieħed l-ebda azzjoni korrettiva msemmija fil-paragrafu 4 jew meta tali azzjoni ma jkollhiex l-effett meħtieġ, il-korp innotifikat għandu jirrestrinġi, jissospendi jew jirtira d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, kif ikun xieraq.

Artikolu 34

Appell kontra deċiżjonijiet tal-korpi nnotifikati

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm disponibbli proċedura ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet tal-korpi nnotifikati.

Artikolu 35

Obbligu ta’ informazzjoni dwar korpi nnotifikati

1.   Korp innotifikat għandu jinforma lill-awtorità tan-notifika dwar dawn li ġejjin:

(a)

kwalunkwe rifjut, restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar ta’ ċertifikat ta’ konformità jew deċiżjoni ta’ approvazzjoni;

(b)

kwalunkwe ċirkostanza li taffettwa l-kamp ta’ applikazzjoni tan-notifika jew il-kondizzjonijiet għaliha;

(c)

kwalunkwe talba għal informazzjoni li jkun irċieva mingħand l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq rigward l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità tiegħu;

(d)

fuq talba, kwalunkwe attività ta’ valutazzjoni tal-konformità li ssir fil-kamp ta’ applikazzjoni tan-notifika u kwalunkwe attività oħra mwettqa, inkluż attivitajiet transkonfinali u sottokuntrattar.

2.   Korp innotifikat għandu jipprovdi lil korpi nnotifikati oħrajn li jwettqu attivitajiet simili ta’ valutazzjoni tal-konformità li jkopru l-istess kategoriji ta’ batteriji bl-informazzjoni rilevanti dwar kwistjonijiet relatati ma’:

(a)

riżultati negattivi u, fuq talba, pożittivi ta’ valutazzjoni tal-konformità; u

(b)

kwalunkwe restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni.

Artikolu 36

Skambju ta’ esperjenza u prattika tajba

Il-Kummissjoni għandha tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ skambju ta’ esperjenza u prattika tajba bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-politika ta’ notifika.

Artikolu 37

Koordinazzjoni ta’ korpi nnotifikati

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu stabbiliti koordinazzjoni u kooperazzjoni xierqa bejn il-korpi nnotifikati u li dawn jitħaddmu kif xieraq fil-forma ta’ grupp ta’ koordinazzjoni settorjali tal-korpi nnotifikati.

Korpi nnotifikati għandhom jipparteċipaw fil-ħidma ta’ dak il-grupp ta’ koordinazzjoni settorjali, direttament jew permezz ta’ rappreżentanti maħtura.

KAPITOLU VI

Obbligi tal-operaturi ekonomiċi minbarra l-obbligi fil-Kapitoli VII u VIII

Artikolu 38

Obbligi tal-manifatturi

1.   Meta jqiegħdu batterija fis-suq jew iqiegħduha fis-servizz, inkluż għall-iskopijiet tal-manifatturi stess, il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-batterija:

(a)

tkun ġiet iddisinjata u mmanifatturata f’konformità mal-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikolu 12 u 14, u tkun akkumpanjata minn struzzjonijiet ċari, li jinftiehmu u li jinqraw u informazzjoni dwar is-sikurezza b’lingwa jew lingwi li jistgħu jinftiehmu faċilment mill-utenti finali, kif determinat mill-Istat Membru li fih il-batterija tkun ser titqiegħed fis-suq jew titqiegħed fis-servizz; u

(b)

tkun immarkata jew ittikkettjata f’konformità mal-Artikolu 13;

2.   Qabel ma jqiegħdu batterija fis-suq jew fis-servizz, il-manifatturi għandhom ifasslu d-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness VIII u jwettqu l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità rilevanti, imsemmija, fl-Artikolu 17, jew jaraw li titwettaq.

3.   Fejn il-konformità ta’ batterija mar-rekwiżiti applikabbli tkun intweriet permezz tal-proċedura rilevanti ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 17, il-manifatturi għandhom ifasslu dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE f’konformità mal-Artikolu 18 u jwaħħlu l-markatura CE f’konformità mal-Artikoli 19 u 20.

4.   Il-manifatturi għandhom iżommu d-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness IX u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal 10 snin wara li l-batterija tkun tqiegħdet fis-suq jew fis-servizz.

5.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li jkun hemm proċeduri fis-seħħ sabiex batterija li tkun parti minn produzzjoni ta’ serje tibqa’ konformi ma’ dan ir-Regolament. Meta jagħmel dan, il-manifatturi għandhom iqisu b’mod adegwat il-bidliet fil-proċess tal-produzzjoni jew fid-disinn jew il-karatteristiċi tal-batterija u bidliet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 15, l-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 16 jew speċifikazzjonijiet tekniċi oħrajn li b’referenza għalihom tiġi ddikjarata l-konformità tal-batterija jew li bl-applikazzjoni tagħhom tiġi vverifikata l-konformità tagħha.

6.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-batteriji li jqiegħdu fis-suq ikollhom numru ta’ identifikazzjoni tal-mudell u numru tal-lott jew tas-serje, jew numru tal-prodott jew element ieħor li jippermetti l-identifikazzjoni tagħhom. Meta d-daqs jew in-natura tal-batterija ma tippermettix dan, l-informazzjoni meħtieġa għandha tiġi pprovduta fuq l-imballaġġ jew f’dokument li jakkumpanja l-batterija.

7.   Il-manifatturi għandhom jindikaw fuq il-batterija isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tagħhom, l-indirizz postali tagħhom, filwaqt li jindikaw punt ta’ kuntatt uniku, u, jekk disponibbli, l-indirizz tas-sit web u l-indirizz tal-posta elettronika, fejn ikun jeżisti wieħed. Meta dan ma jkunx possibbli, l-informazzjoni meħtieġa għandha tiġi pprovduta fuq l-imballaġġ jew f’dokument li jakkumpanja l-batterija. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom ikunu indikati b’lingwa jew lingwi, li jkunu jistgħu jinftiehmu faċilment mill-utenti finali u mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq, kif determinat mill-Istat Membru li fih il-batterija tkun ser titqiegħed fis-suq jew titqiegħed fis-servizz, u għandhom ikunu ċari, jinftiehmu u leġġibbli.

8.   Il-manifatturi għandhom jipprovdu aċċess għad-data tal-parametri stabbiliti fl-Anness VII fis-sistema ta’ ġestjoni tal-batterija msemmija fl-Artikolu 14(1), f’konformità mar-rekwiżiti stipulati f’dak l-Artikolu.

9.   Il-manifatturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li batterija li jkunu qiegħdu fis-suq jew fis-servizz ma tkunx konformi ma’ wieħed jew aktar mir-rekwiżiti applikabbli stipulati fl-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14 għandhom minnufih jieħdu l-azzjoni korrettiva meħtieġa biex dik il-batterija ssir konformi, tiġi rtirata jew tissejjaħ lura mis-suq, kif xieraq. Barra minn hekk, meta l-batterija tippreżenta riskju, il-manifatturi għandhom jinformaw minnufih lill-awtorità tas-sorveljanza tas-suq tal-Istat Membru li fih ikunu qiegħdu disponibbli l-batterija fis-suq, billi jagħtu dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nuqqas ta’ konformità u dwar kwalunkwe azzjoni korrettiva meħuda.

10.   Il-manifatturi għandhom, wara talba motivata minn awtorità nazzjonali, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex juru l-konformità tal-batterija mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14, b’lingwa jew lingwi, li jistgħu jinftiehmu faċilment minn dik l-awtorità nazzjonali. Dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni għandhom jiġu pprovduti f’format elettroniku u, fuq talba, f’format stampat. Il-manifatturi għandhom jikkooperaw mal-awtorità nazzjonali, fuq talba tagħha, dwar kwalunkwe azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati minn batterija li jkunu qiegħdu fis-suq jew fis-servizz.

11.   L-operaturi ekonomiċi li jwettqu preparazzjoni għal użu mill-ġdid, preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti jew l-adattament għal skop differenti, jew manifattura mill-ġdid, u jqiegħdu fis-suq jew fis-servizz batterija li tkun għaddiet minn xi waħda minn dawk l-operazzjonijiet, għandhom jitqiesu li huma manifatturi għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 39

Obbligi tal-fornituri ta’ ċelluli tal-batteriji u moduli ta’ batteriji

Il-fornituri ta’ ċelluli tal-batteriji u ta’ moduli tal-batteriji għandhom jipprovdu l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni meħtieġa għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament meta jfornu ċelluli jew moduli tal-batteriji lil manifattur. Dik l-informazzjoni għandha tingħata mingħajr ħlas.

Artikolu 40

Obbligi tar-rappreżentanti awtorizzati

1.   Manifattur jista’, permezz ta’ mandat bil-miktub, jaħtar rappreżentant awtorizzat.

Il-mandat tar-rappreżentant awtorizzat għandu jkun validu biss meta jiġi aċċettat bil-miktub mir-rappreżentant awtorizzat.

2.   L-obbligi stipulati fl-Artikolu 38(1) u fl-Artikoli 48 sa 52 u l-obbligu li titfassal dokumentazzjoni teknika ma għandhomx jifformaw parti mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat.

3.   Rappreżentant awtorizzat għandu jwettaq il-kompiti speċifikati fil-mandat li jkun irċieva mingħand il-manifattur. Ir-rappreżentant awtorizzat għandu jkollu l-mezzi xierqa biex iwettaq il-kompiti speċifikati fil-mandat. Ir-rappreżentant awtorizzat għandu jipprovdi kopja tal-mandat lill-awtorità tas-sorveljanza tas-suq, fuq talba, b’lingwa tal-Unjoni ddeterminata mill-awtorità kompetenti. Il-mandat għandu jinkludi tal-inqas l-kompiti li ġejjin:

(a)

iżomm id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, id-dokumentazzjoni teknika, ir-rapport ta’ verifika u d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 4a tal-Artikolu 51(2) u r-rapporti tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 48(2) għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal 10 snin wara li l-batterija tkun tqiegħdet fis-suq jew fis-servizz;

(b)

wara talba motivata minn awtorità nazzjonali, jipprovdiha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tintwera l-konformità tal-batterija. Dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni għandhom jiġu pprovduti f’format elettroniku u, fuq talba, f’format stampat;

(c)

jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali, fuq talba tagħhom, fuq kwalunkwe azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji maħluqa mill-batteriji koperti mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat.

4.   Meta l-batterija tippreżenta riskju, ir-rappreżentanti awtorizzati għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar dan.

Artikolu 41

Obbligi tal-importaturi

1.   L-importaturi għandhom iqiegħdu biss fis-suq batterija li tkun konformi mal-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14.

2.   Qabel ma jqiegħdu batterija fis-suq, l-importaturi għandhom jivverifikaw li:

(a)

id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE u d-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness VIII tfasslu u li l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità rilevanti msemmija fl-Artikolu 17 twettqet mill-manifattur;

(b)

il-batterija jkollha l-markatura CE, imsemmija fl-Artikolu 19 u tkun immarkata f’konformità mal-Artikolu 13;

(c)

il-batterija tkun akkumpanjata mid-dokumenti meħtieġa skont l-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14 u minn struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza b’lingwa jew lingwi, li jistgħu jinftiehmu faċilment mill-utenti finali, kif determinat mill-Istat Membru li fih il-batterija għandha ssir disponibbli fis-suq; u

(d)

il-manifattur ikun ikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 38(6) u (7).

Meta importatur iqis jew ikollu raġuni biex jemmen li batterija mhijiex konformi mal-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14, l-importatur ma għandux iqiegħed dik il-batterija fis-suq sakemm din issir konformi. Barra minn hekk, meta l-batterija tippreżenta riskju, l-importatur għandu jinforma lill-manifattur u lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq billi jagħti d-dettalji tan-nuqqas ta’ konformità u dwar kwalunkwe azzjoni korrettiva meħuda.

3.   L-importaturi għandhom jindikaw fuq il-batterija isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tagħhom, l-indirizz postali tagħhom, filwaqt li jindikaw punt ta’ kuntatt uniku, u l-indirizz tas-sit web u l-indirizz tal-posta elettronika, fejn ikun jeżisti wieħed. Meta dan ma jkunx possibbli, l-informazzjoni meħtieġa għandha tiġi pprovduta fuq l-imballaġġ jew f’dokument li jakkumpanja l-batterija. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom ikunu b’lingwa jew lingwi, li jistgħu jinftiehmu faċilment mill-utenti finali, kif determinat mill-Istat Membru li fih il-batterija tkun ser issir disponibbli fis-suq, u għandhom ikunu ċari, jinftiehmu u leġġibbli.

4.   L-importaturi għandhom jiżguraw li, waqt li batterija tkun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kondizzjonijiet tal-ħżin jew tat-trasport ma jipperikolawx il-konformità tagħha mal-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14.

5.   Meta jkun meqjus xieraq fir-rigward tar-riskji ppreżentati minn batterija, l-importaturi għandhom, biex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u s-sikurezza tal-konsumaturi, iwettqu ttestjar tal-kampjuni tal-batteriji mqiegħda fis-suq, jinvestigaw u, jekk ikun meħtieġ, iżommu reġistru ta’ lmenti, tal-batteriji mhux konformi u s-sejħiet lura tal-batteriji, u għandhom iżommu lid-distributuri informati b’tali monitoraġġ.

6.   L-importaturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li batterija li huma jkunu qiegħdu fis-suq mhijiex konformi mal-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14, għandhom minnufih jieħdu l-azzjoni korrettiva meħtieġa biex dik il-batterija ssir konformi, tiġi rtirata jew tissejjaħ lura mis-suq, kif xieraq. Barra minn hekk, meta l-batterija tippreżenta riskju, l-importaturi għandhom jinformaw minnufih lill-awtorità tas-sorveljanza tas-suq tal-Istat Membru li fih ikunu qiegħdu disponibbli l-batterija fis-suq, billi jagħtu dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nuqqas ta’ konformità u dwar kwalunkwe azzjoni korrettiva meħuda.

7.   L-importaturi għandhom, għal 10 snin wara li l-batterija tkun tqiegħdet fis-suq, iżommu kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali u jiżguraw li d-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness VIII issir disponibbli għal dawk l-awtoritajiet, jekk jitolbuha.

8.   L-importaturi għandhom, wara talba motivata minn awtorità nazzjonali, jipprovdu lil dik l-awtorità l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex juru l-konformità ta’ batterija mal-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14, b’lingwa jew lingwi li jistgħu jinftiehmu faċilment minn dik l-awtorità. Dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni għandhom jiġu pprovduti f’format elettroniku u, fuq talba, f’format stampat. L-importaturi għandhom jikkooperaw mal-awtorità nazzjonali, fuq talba tagħha, dwar kwalunkwe azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mill-batteriji, li huma jkunu qiegħdu fis-suq.

Artikolu 42

Obbligi tad-distributuri

1.   Meta jqiegħdu batterija fis-suq, id-distributuri għandhom jaġixxu bl-attenzjoni meħtieġa b’rabta mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

2.   Qabel ma jqiegħdu batterija fis-suq, id-distributuri għandhom jivverifikaw li:

(a)

il-produttur huwa rreġistrat fir-reġistru tal-produtturi msemmi fl-Artikolu 55;

(b)

il-batterija jkollha l-markatura CE, imsemmija fl-Artikolu 19 u tkun immarkata u ttikkettjata f’konformità mal-Artikolu 13;

(c)

il-batterija tkun akkumpanjata mid-dokumenti meħtieġa skont l-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14 u minn struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza b’lingwa jew lingwi li jistgħu jinftiehmu faċilment mill-utenti finali, kif determinat mill-Istat Membru li fih il-batterija għandha ssir disponibbli fis-suq jew titqiegħed fis-servizz; u

(d)

il-manifattur u l-importatur ikunu kkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 38(6) u (7) u fl-Artikolu 41(3) rispettivament.

3.   Meta distributur iqis jew ikollu raġuni biex jemmen li batterija mhijiex konformi mal-Artikoli 6 sa 10 jew l-Artikolu 12, 13 jew 14, id-distributur ma għandux jagħmel il-batterija disponibbli fis-suq sakemm din issir konformi. Barra minn hekk, meta l-batterija tippreżenta riskju, id-distributur għandu jinforma lill-manifattur jew lill-importatur, kif ukoll lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

4.   Id-distributuri għandhom jiżguraw li, waqt li batterija tkun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kondizzjonijiet tal-ħżin jew tat-trasport ma jipperikolawx il-konformità tagħha mal-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14.

5.   Id-distributuri li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li batterija li huma jkunu qiegħdu fis-suq mhijiex konformi mal-Artikoli 6 sa 10 jew l-Artikolu 12, 13 jew 14 għandhom jiżguraw li tittieħed l-azzjoni korrettiva meħtieġa biex dik il-batterija ssir konformi, tiġi rtirata jew tissejjaħ lura mis-suq, kif xieraq. Barra minn hekk, meta l-batterija tippreżenta riskju, id-distributuri għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri li fihom ikunu qiegħdu l-batterija fis-suq, billi jagħtu dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nuqqas ta’ konformità u dwar kwalunkwe azzjoni korrettiva meħuda.

6.   Id-distributuri għandhom, wara talba motivata minn awtorità nazzjonali, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex juru l-konformità ta’ batterija mal-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14 b’lingwa jew lingwi li jistgħu jinftiehmu faċilment minn dik l-awtorità nazzjonali. Dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni għandhom jiġu pprovduti f’format elettroniku u, fuq talba, f’format stampat. Id-distributuri għandhom jikkooperaw mal-awtorità nazzjonali, fuq talba tagħha, fuq kwalunkwe azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mill-batteriji li huma jkunu qiegħdu fis-suq.

Artikolu 43

Obbligi tal-fornituri tas-servizzi ta’ ġestjoni

Il-fornituri tas-servizzi ta’ ġestjoni għandhom jiżguraw li, għall-batteriji li jimmaniġġaw, il-kondizzjonijiet waqt il-ħażna, l-imballaġġ, l-indirizzar jew id-dispaċċ ma jipperikolawx il-konformità mal-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14.

Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-operaturi ekonomiċi rilevanti stipulati f’dan il-Kapitolu, il-fornituri tas-servizzi ta’ ġestjoni għandhom, minbarra r-rekwiżit imsemmi fl-ewwel paragrafu, iwettqu l-kompiti stipulati fl-Artikolu 40(3), il-punt (c), u l-Artikolu 40(4).

Artikolu 44

Każ fejn l-obbligi tal-manifatturi japplikaw għall-importaturi u d-distributuri

Importatur jew distributur għandu jitqies bħala manifattur għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u għandu jkun soġġett għall-obbligi ta’ manifattur skont l-Artikolu 38, meta tkun tapplika kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

batterija titqiegħed fis-suq jew titqiegħed fis-servizz taħt l-isem jew it-trademark tal-importatur jew tad-distributur stess;

(b)

batterija li tkun diġà tqiegħdet fis-suq jew fis-servizz tiġi mmodifikata minn dak l-importatur jew id-distributur b’tali mod li tkun tista’ tiġi affettwata l-konformità mar-rekwiżiti rilevanti ta’ dan ir-Regolament; jew

(c)

l-iskop ta’ batterija diġà mqiegħda fis-suq jew fis-servizz jiġi mmodifikat minn dak l-importatur jew id-distributur.

Artikolu 45

Obbligi tal-operaturi ekonomiċi li jqiegħdu fis-suq jew li jqiegħdu fis-servizz batteriji li kienu soġġetti għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, adattament għal skop differenti jew manifattura mill-ġdid

1.   L-operaturi ekonomiċi li jqiegħdu fis-suq jew fis-servizz batteriji li kienu soġġetti għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, għall-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, l-adattament għal skop differenti, jew għall-manifattura mill-ġdid għandhom jiżguraw li l-eżami, l-ittestjar tal-prestazzjoni, l-imballaġġ u l-vjeġġ ta’ dawk il-batteriji, u tal-komponenti ta’ tali batteriji soġġetti għal kwalunkwe waħda minn dawk l-operazzjonijiet, jitwettqu skont kontroll tal-kwalità adegwat u struzzjonijiet tas-sikurezza.

2.   L-operaturi ekonomiċi li jqiegħdu fis-suq jew fis-servizz batteriji li jkunu ġew soġġetti għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, għall-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, l-adattament għal skop differenti, għall-manifattura mill-ġdid, għandhom jiżguraw li l-batterija tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, ma’ kwalunkwe rekwiżit rilevanti tal-prodott, tal-ambjent, tas-saħħa tal-bniedem u tas-sikurezza tat-trasport f’liġi oħra tal-Unjoni, b’kont meħud tal-fatt li, b’riżultat ta’ dawk l-operazzjonijiet, il-batterija tista’ taqa’ taħt kategorija differenti ta’ batteriji. Għall-operazzjonijiet ta’ manifattura mill-ġdid, tali operaturi ekonomiċi għandhom jipprovdu, fuq talba, lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq bid-dokumentazzjoni meħtieġa biex juru li l-batterija kienet soġġetta għall-manifattura mill-ġdid f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 46

Identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi

1.   Fuq talba ta’ awtorità nazzjonali, l-operaturi ekonomiċi għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq:

(a)

l-identità ta’ kwalunkwe operatur ekonomiku li jkun fornielhom batterija;

(b)

l-identità ta’ kwalunkwe operatur ekonomiku li jkunu fornewlu batterija, kif ukoll il-kwantità u l-mudelli preċiżi.

2.   L-operaturi ekonomiċi għandhom jiżguraw li huma kapaċi jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għal 10 snin wara li jkunu ġew fornuti bil-batterija u għal 10 snin wara li jkunu fornew il-batterija.

KAPITOLU VII

Obbligi tal-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-politiki ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji

Artikolu 47

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu

Dan il-Kapitolu ma japplikax għall-operaturi ekonomiċi li kellhom fatturat nett ta’ inqas minn EUR 40 miljun fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja, u li mhumiex parti minn grupp, li jikkonsisti f’impriżi prinċipali u sussidjarji, li, fuq bażi konsolidata, jaqbeż il-limitu ta’ EUR 40 miljun.

Dan il-Kapitolu ma japplikax għall-operaturi ekonomiċi b’rabta mat-tqegħid fis-suq jew fis-servizz batteriji li kienu soġġetti għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, għall-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti jew l-adattament għal skop differenti, jew għall-manifattura mill-ġdid, jekk tali batteriji kienu diġà tqiegħdu fis-suq jew tqiegħdu fis-servizz qabel ma għaddew minn dawn l-operazzjonijiet.

Dan il-Kapitolu japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stipulati fil-liġi tal-Unjoni dwar l-obbligi ta’ diliġenza dovuta fir-rigward ta’ minerali u metalli li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta’ riskju għoli.

Artikolu 48

Politiki ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji

1.   Mit-18 ta’ Awwissu 2025, l-operaturi ekonomiċi li jqiegħdu batteriji fis-suq jew fis-servizz, għandhom jissodisfaw l-obbligi ta’ diliġenza dovuta stipulati fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, u fl-Artikoli 49, 50 u 52 u għandhom, għal dak l-għan, jistabbilixxu u jimplimentaw politiki ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji.

2.   L-operaturi ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkollhom il-politiki ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji tagħhom ivverifikati minn korp innotifikat f’konformità mal-Artikolu 51 (“verifika minn parti terza”) u awditjati perjodikament minn dak il-korp innotifikat biex jiġi żgurat li l-politiki ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji jinżammu u jiġu applikati f’konformità mal-Artikoli 49, 50 u 52. Il-korp innotifikat għandu jipprovdi rapport tal-awditjar lill-operatur ekonomiku awditjat.

3.   L-operaturi ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom iżommu dokumentazzjoni li turi t-twettiq tagħhom tal-obbligi stipulati fl-Artikoli 49, 50 u 52, inkluż ir-rapport ta’ verifika u d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni msemmija fl-Artikolu 51 u r-rapporti tal-awditjar imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, għal 10 snin wara li l-aħħar batterija manifatturata skont il-politika tad-diliġenza dovuta għall-batteriji rilevanti tkun tqiegħdet fis-suq.

4.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà individwali tal-operaturi ekonomiċi għall-politika tad-diliġenza dovuta tal-batteriji tagħhom, l-operaturi ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu, għall-finijiet ta’ konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 48, 49, 50 u 52, jikkollaboraw ma’ atturi oħra, inkluż permezz ta’ skemi ta’ diliġenza dovuta rikonoxxuti skont dan ir-Regolament.

5.   Sat-18 ta’ Frar 2025, il-Kummissjoni għandha tippubblika linji gwida fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta stipulati fl-Artikoli 49 u 50, fir-rigward tar-riskji msemmija fil-punt 2 tal-Anness X, u b’mod partikolari, f’konformità mal-istrumenti internazzjonali msemmija fil-punti 3 u 4 tal-Anness X.

6.   L-Istati Membri jistgħu, sabiex jipprovdu informazzjoni u appoġġ lill-operaturi ekonomiċi fit-twettiq tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta skont dan ir-Regolament, jistabbilixxu u joperaw siti web, pjattaformi jew portali ddedikati b’mod individwali jew konġunt.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tikkomplementa l-miżuri ta’ appoġġ ta’ Stat Membru msemmija fil-paragrafu 6, billi tibni fuq azzjoni eżistenti tal-Unjoni sabiex tappoġġa d-diliġenza dovuta fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi u tista’ tfassal miżuri ġodda sabiex tgħin lill-operaturi ekonomiċi jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament.

8.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta regolarment il-ħtieġa li taġġorna l-lista ta’ materja prima u kategoriji ta’ riskju stipulati fl-Anness X.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 biex:

(a)

temenda l-lista ta’ materja prima fil-punt 1 tal-Anness X u l-kategoriji ta’ riskju fil-punt 2 tal-Anness X fid-dawl tal-progress xjentifiku u teknoloġiku fil-manifattura tal-batteriji u fil-kimika u l-emendi għar-Regolament (UE) 2017/821;

(b)

temenda l-lista ta’ strumenti internazzjonali fil-punt 3 tal-Anness X, f’konformità mal-iżviluppi fil-fora internazzjonali rilevanti dwar l-istandards relatati mal-politiki tad-diliġenza dovuta u mal-protezzjoni tal-ambjent u tad-drittijiet soċjali;

(c)

temenda l-obbligi fuq l-operaturi ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li huma stipulati fl-Artikoli 49 u 50 fid-dawl tal-emendi tar-Regolament (UE) 2017/821, u temenda l-lista ta’ strumenti tad-diliġenza dovuta rikonoxxuti internazzjonalment stipulati fil-punt 4 tal-Anness X.

Artikolu 49

Sistema ta’ ġestjoni tal-operatur ekonomiku

1.   Kull operatur ekonomiku msemmi fl-Artikolu 48(1) għandu:

(a)

jadotta, u jikkomunika b’mod ċar lill-fornituri u lill-pubbliku, politika ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji tal-kumpanija, fir-rigward tal-materja prima elenkata fil-punt 1 tal-Anness X, u l-kategoriji ta’ riskju soċjali u ambjentali assoċjati elenkati fil-punt 2 tal-Anness X;

(b)

jinkorpora fil-politika tad-diliġenza dovuta tal-batteriji tiegħu standards li huma konsistenti mal-istandards stipulati fl-istrumenti ta’ diliġenza dovuta rikonoxxuti internazzjonalment elenkati fil-punt 4 tal-Anness X;

(c)

jistruttura s-sistema ta’ ġestjoni interna tiegħu biex jappoġġa l-politika ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji tiegħu billi jassenja r-responsabbiltà lill-ogħla livell maniġerjali tiegħu biex jissorvelja l-politika ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji tiegħu kif ukoll iżomm rekords ta’ dik is-sistema għal minimu ta’ 10 snin;

(d)

jistabbilixxi u jħaddem sistema ta’ kontrolli u trasparenza fir-rigward tal-katina tal-provvista, inkluż katina ta’ kustodja jew sistema ta’ traċċabbiltà li tidentifika atturi upstream fil-katina tal-provvista;

(e)

jinkorpora l-politika tad-diliġenza dovuta tal-batteriji tiegħu, inklużi miżuri tal-ġestjoni tar-riskju, f’kuntratti u ftehimiet mal-fornituri; u

(f)

jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ lmentar, inkluż sistema ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji ta’ twissija bikrija u mekkaniżmu ta’ rimedju, jew jipprovdi għal tali mekkaniżmi permezz ta’ ftehimiet kollaborattivi ma’ operaturi jew organizzazzjonijiet ekonomiċi oħra jew billi jiffaċilita r-rikors għal espert jew korp estern, bħal ombudsman; tali mekkaniżmi għandhom ikunu bbażati fuq il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem.

2.   Is-sistema msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (d), għandha tkun appoġġata b’dokumentazzjoni li tipprovdi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni tal-materja prima, inkluż l-isem kummerċjali u t-tip tagħha;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-fornitur li fornixxa l-materja prima preżenti fil-batteriji lill-operatur ekonomiku li jqiegħed fis-suq il-batteriji li jkun fihom il-materja prima inkwistjoni;

(c)

il-pajjiż tal-oriġini tal-materja prima u t-tranżazzjonijiet tas-suq mill-estrazzjoni tal-materja prima għall-fornitur immedjat għall-operatur ekonomiku li jqiegħed il-batterija fis-suq;

(d)

il-kwantitajiet tal-materja prima preżenti fil-batterija mqiegħda fis-suq, espressi f’perċentwal jew f’piż;

(e)

ir-rapporti ta’ verifika minn parti terza maħruġa minn korp innotifikat u fir-rigward tal-fornituri kif imsemmi fl-Artikolu 50(3);

(f)

jekk ir-rapporti msemmija fil-punt (e) ma jkunux disponibbli u meta l-materja prima toriġina minn żona affettwata minn kunflitti u ta’ riskju għoli, informazzjoni addizzjonali f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-operaturi ekonomiċi upstream, kif stipulat fil-Gwida tal-OECD dwar id-diliġenza dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli ta’ Minerali minn Żoni Affettwati minn Kunflitti u ta’ Riskju Għoli, fejn rilevanti, bħall-minjiera tal-oriġini, il-postijiet fejn il-materja prima tiġi kkonsolidata, innegozjata u pproċessata, u t-taxxi, it-tariffi u r-royalties huma mħallsa.

Ir-rapporti ta’ verifika minn partijiet terzi msemmija fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu disponibbli minn fornituri kif imsemmi fl-Artikolu 50(3) għall-operaturi downstream tal-katina tal-provvista.

Artikolu 50

Obbligi tal-ġestjoni f’każ ta’ riskju

1.   L-operatur ekonomiku msemmi fl-Artikolu 48(1) għandu:

(a)

jidentifika u jivvaluta r-riskju ta’ impatti negattivi fil-katina tal-provvista tiegħu, assoċjat mal-kategoriji ta’ riskju elenkati fil-punt 2 tal-Anness X bħala parti mill-pjan ta’ ġestjoni tiegħu, inkluż abbażi tal-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 49 kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li tkun disponibbli għall-pubbliku jew ipprovduta mill-partijiet ikkonċernati, b’referenza għall-politika ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji tagħha;

(b)

ifassal u jimplimenta strateġija biex jirrispondi għar-riskji identifikati biex tipprevjeni, ittaffi jew inkella tindirizza l-impatti negattivi billi:

(i)

jirrapporta s-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju tiegħu lill-ogħla livell ta’ ġestjoni tiegħu assenjat f’konformità mal-Artikolu 49(1), il-punt (c);

(ii)

jadotta miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji li huma konsistenti mal-istandards ta’ diliġenza dovuta rikonoxxuti internazzjonalment elenkati fil-punt 4 tal-Anness X, billi titqies il-kapaċità tiegħu li jinfluwenza u, fejn meħtieġ, jieħu passi biex jeżerċita pressjoni fuq il-fornituri inklużi s-sussidjarji u s-sottokuntratturi tagħhom, li jistgħu jipprevjenu jew itaffu r-riskju identifikat bl-aktar mod effettiv;

(iii)

it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ġestjoni tar-riskju, il-monitoraġġ u t-traċċar tal-prestazzjoni tal-isforzi ta’ mitigazzjoni tar-riskju, ir-rapportar lura lill-ogħla livell ta’ ġestjoni tiegħu assenjat f’konformità mal-Artikolu 49(1), il-punt (c), u l-kunsiderazzjoni tas-sospensjoni jew tat-twaqqif tal-involviment ma’ fornitur jew is-sussidjarju jew is-sottokuntrattur tiegħu wara tentattivi falluti ta’ mitigazzjoni, abbażi tal-kuntratti u l-ftehimiet rilevanti msemmija fl-Artikolu 49(1), il-punt (e);

(iv)

it-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-fatti u tar-riskji addizzjonali għal riskji li jeħtieġu mitigazzjoni, jew wara bidla fiċ-ċirkostanzi.

2.   Jekk l-operatur ekonomiku msemmi fl-Artikolu 48(1) jagħmel sforzi ta’ mitigazzjoni tar-riskju filwaqt li jkompli l-kummerċ jew jissospendi l-kummerċ b’mod temporanju, dan għandu jikkonsulta mal-fornituri u mal-partijiet ikkonċernati, inkluż l-awtoritajiet tal-gvern lokali u nazzjonali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali jew tas-soċjetà ċivili u l-partijiet terzi affettwati, bħall-komunitajiet lokali qabel ma jistabbilixxi strateġija li tista’ titkejjel għall-mitigazzjoni tar-riskju fil-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b)(iii), ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-operatur ekonomiku msemmi fl-Artikolu 48(1) għandu jidentifika u jivvaluta l-probabbiltà tal-impatti negattivi fil-kategoriji tar-riskju elenkati fil-punt 2 tal-Anness X, fil-katina tal-valur tiegħu. Dak l-operatur ekonomiku għandu jidentifika u jivvaluta r-riskji fil-katina tal-provvista tiegħu bħala parti mis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju tiegħu stess. L-operatur ekonomiku għandu jwettaq verifiki minn partijiet terzi tal-ktajjen tad-diliġenza dovuta tiegħu stess permezz ta’ korp innotifikat f’konformità mal-Artikolu 51. L-operatur ekonomiku jista’ juża r-rapporti ta’ verifika minn parti terza maħruġa skont l-Artikolu 51(2) minn tali korp innotifikat dwar il-politiki ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji implimentati minn fornituri f’dik il-katina f’konformità ma’ dan il-Kapitolu.. L-operatur ekonomiku jista’ juża wkoll dawk ir-rapporti ta’ verifika minn parti terza sabiex javvaluta, kif xieraq, il-prattiki ta’ diliġenza ta’ dawk il-fornituri.

4.   L-operatur ekonomiku msemmi fl-Artikolu 48(1) għandu jirrapporta s-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu lill-maniġment superjuri tiegħu li lilu ġiet assenjata r-responsabbiltà f’konformità mal-Artikolu 49(1), il-punt (c), u għandu jimplimenta l-istrateġija msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 51

Verifika minn parti terza ta’ politiki ta’ diliġenza dovuta għall-batteriji

1.   Il-korp innotifikat għandu jwettaq verifika minn parti terza. Tali verifiki minn parti terza għandhom:

(a)

ikopru l-attivitajiet, il-proċessi u s-sistemi kollha użati mill-operaturi ekonomiċi biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom tad-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikoli 49, 50 u 52;

(b)

ikollhom bħala l-objettiv tagħhom id-determinazzjoni tal-konformità tal-prattiki ta’ diliġenza dovuta tal-operaturi ekonomiċi li jqiegħdu batteriji fis-suq f’konformità mal-Artikoli 49, 50 u 52;

(c)

fejn rilevanti, tinkludi kontrolli fuq l-impriżi u tiġbor informazzjoni mill-partijiet ikkonċernati;

(d)

jidentifikaw għall-operaturi ekonomiċi li jqiegħdu batteriji fis-suq, oqsma għat-titjib potenzjali b’rabta mal-prattiki tagħhom ta’ diliġenza dovuta;

(e)

tirrispetta l-prinċipji tal-awditjar tal-indipendenza, il-kompetenza u l-obbligu ta’ rendikont, kif stabbilit fil-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli ta’ Minerali minn Żoni Affettwati minn Kunflitti u ta’ Riskju Għoli.

2.   Il-korp innotifikat għandu joħroġ rapport ta’ verifika li jirreġistra l-attivitajiet imwettqa skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-eżiti tagħhom. Fejn il-politiki tad-diliġenza dovuta tal-batteriji msemmija fl-Artikolu 48 iwettqu l-obbligi stipulati fl-Artikoli 49, 50 u 52, il-korp innotifikat għandu joħroġ deċiżjoni ta’ approvazzjoni.

Artikolu 52

Divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar politiki ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji

1.   L-operatur ekonomiku msemmi fl-Artikolu 48(1) għandu jagħmel disponibbli fuq talba lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jew lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri r-rapport ta’ verifika u d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni maħruġa f’konformità mal-Artikolu 51, ir-rapporti tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 48(2) u l-evidenza disponibbli ta’ konformità ma’ skema ta’ diliġenza dovuta rikonoxxuta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 53.

2.   L-operatur ekonomiku msemmi fl-Artikolu 48(1) għandu jagħmel disponibbli għax-xerrejja downstream diretti tiegħu l-informazzjoni rilevanti kollha miksuba u miżmuma skont il-politika tad-diliġenza dovuta tal-batteriji tiegħu, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-kunfidenzjalità tan-negozju u għal tħassib ieħor dwar il-kompetizzjoni.

3.   L-operatur ekonomiku msemmi fl-Artikolu 48(1) għandu fuq bażi annwali jirrieżamina u jagħmel disponibbli pubblikament, inkluż fuq l-Internet, rapport dwar il-politika tad-diliġenza dovuta tal-batteriji tiegħu. Dak ir-rapport għandu jkun fih, b’mod li jinftiehem faċilment mill-utenti finali u li jidentifika l-batteriji kkonċernati b’mod ċar, id-data u l-informazzjoni dwar il-passi meħuda minn dak l-operatur ekonomiku biex jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 49 u 50, inkluż is-sejbiet ta’ impatti negattivi sinifikanti fil-kategoriji ta’ riskju elenkati fil-punt 2 tal-Anness X, u kif dawn ġew indirizzati, kif ukoll rapport sommarju tal-verifiki minn partijiet terzi mwettqa f’konformità mal-Artikolu 51, inkluż l-isem tal-korp innotifikat, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-kunfidenzjalità tan-negozju u għal tħassib ieħor dwar il-kompetizzjoni. Dak ir-rapport għandu jkopri wkoll, fejn rilevanti, l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fir-rigward tal-akkwist, l-ipproċessar u l-kummerċ tal-materja prima preżenti fil-batteriji.

4.   Fejn l-operatur ekonomiku msemmi fl-Artikolu 48(1) jista’ juri li l-materja prima elenkata fil-punt 1 tal-Anness X, li hija preżenti fil-batterija ġiet derivata minn sorsi riċiklati, huwa għandu jiżvela l-konklużjonijiet tiegħu pubblikament f’dettall raġonevoli, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-kunfidenzjalità tan-negozju u għal tħassib ieħor dwar il-kompetittività.

Artikolu 53

Rikonoxximent ta’ skemi ta’ diliġenza dovuta

1.   Il-gvernijiet, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija u l-gruppi ta’ organizzazzjonijiet interessati li jkunu żviluppaw u jissorveljaw skemi ta’ diliġenza dovuta (is-“sidien ta’ skemi”) jistgħu japplikaw biex l-iskemi ta’ diliġenza dovuta tagħhom jiġu rikonoxxuti mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti ta’ informazzjoni li l-applikazzjoni għar-rikonoxximent għandu jkun fiha. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(3).

2.   Fejn, abbażi tal-evidenza u l-informazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tiddetermina li l-iskema ta’ diliġenza dovuta msemmija f’dak il-paragrafu, tippermetti lill-operaturi ekonomiċi jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 48, 49, 50 u 52 ta’ dan ir-Regolament, hija għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jagħti lil dik l-iskema rikonoxximent ta’ ekwivalenza mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament. Iċ-Ċentru tal-OECD għal Imġiba Responsabbli fin-Negozju għandu jiġi kkonsultat qabel l-adozzjoni ta’ dak l-att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(3).

Meta tiġi biex tiddetermina r-rikonoxximent ta’ skema ta’ diliġenza dovuta, il-Kummissjoni għandha tqis il-prattiki diversi tal-industrija koperti minn dik l-iskema u għandha tqis ukoll l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju u l-metodu użat minn dik l-iskema biex jiġu identifikati r-riskji.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 li jistabbilixxu l-kriterji u l-metodoloġija li skonthom il-Kummissjoni għandha tiddetermina, f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jekk l-iskemi ta’ diliġenza dovuta jippermettux lill-operaturi ekonomiċi jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 48, 49, 50 u 52. Il-Kummissjoni għandha tivverifika wkoll, kif xieraq u perjodikament, li l-iskemi rikonoxxuti ta’ diliġenza dovuta jibqgħu jissodisfaw il-kriterji li jkunu wasslu għal deċiżjoni biex jingħata rikonoxximent ta’ ekwivalenza skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Is-sid ta’ skema ta’ diliġenza dovuta li għaliha ngħata rikonoxximent tal-ekwivalenza f’konformità mal-paragrafu 2 għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe bidla jew aġġornament li jsiru f’dik l-iskema. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk it-tali bidliet jew aġġornamenti jaffettwawx ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza ta’ dik l-iskema u tieħu azzjoni xierqa.

5.   Jekk ikun hemm evidenza ta’ każijiet ripetuti jew sinifikanti fejn l-operaturi ekonomiċi li qed jimplimentaw skema rikonoxxuta f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jkunu naqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 48, 49, 50 u 52, il-Kummissjoni għandha teżamina, f’konsultazzjoni mas-sid tal-iskema rikonoxxuta ta’ diliġenza dovuta, jekk dawk il-każijiet jindikawx defiċjenzi fl-iskema.

6.   Fejn il-Kummissjoni tidentifika nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 48, 49, 50 u 52 jew defiċjenzi fi skema rikonoxxuta ta’ diliġenza dovuta, hija tista’ tagħti lis-sid tal-iskema perjodu xieraq biex jieħu azzjoni ta’ rimedju.

7.   Fejn is-sid tal-iskema jonqos jew jirrifjuta li jieħu l-azzjoni ta’ rimedju neċessarja, u fejn il-Kummissjoni tkun iddeterminat li n-nuqqas jew id-defiċjenzi msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu jikkompromettu l-kapaċità tal-operatur ekonomiku msemmi fl-Artikolu 48(1) li jimplimenta l-iskema li tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 48, 49, 50 u 52 jew fejn il-każijiet ripetuti jew sinifikanti ta’ nuqqas ta’ konformità mill-operaturi ekonomiċi li jimplimentaw skema jkunu dovuti għal defiċjenzi fl-iskema, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jirtira r-rikonoxximent tal-ekwivalenza tal-iskema. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(3).

8.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornat reġistru ta’ skemi rikonoxxuti ta’ diliġenza dovuta. Dak ir-reġistru għandu jkun disponibbli għall-pubbliku fuq l-Internet.

KAPITOLU VIII

Immaniġġar tal-iskart ta’ batteriji

Artikolu 54

Awtorità kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għall-obbligi skont dan il-Kapitolu, b’mod partikolari għall-monitoraġġ u l-verifika tat-twettiq tal-produtturi u organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi tal-obbligi tagħhom skont dan il-Kapitolu.

2.   Kull Stat Membru jista’ jaħtar ukoll punt ta’ kuntatt wieħed minn fost l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1, għall-fini ta’ komunikazzjoni mal-Kummissjoni skont il-paragrafu 4.

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-dettalji tal-organizzazzjoni u l-operat tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti, inkluż ir-regoli amministrattivi u proċedurali għal:

(a)

ir-reġistrazzjoni tal-produtturi f’konformità mal-Artikolu 55;

(b)

l-awtorizzazzjoni tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi f’konformità mal-Artikolu 58;

(c)

is-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-obbligi tar-responsabbiltà estiża tal-produtturi f’konformità mal-Artikolu 57;

(d)

il-ġbir tad-data dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji f’konformità mal-Artikolu 75;

(e)

id-disponibbiltà tal-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 76.

4.   Sat-18 ta’ Novembru 2025, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed bi kwalunkwe bidla fl-ismijiet jew fl-indirizzi ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 55

Reġistru tal-produtturi

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu reġistru tal-produtturi li għandu jservi biex jissorvelja l-konformità tal-produtturi mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu.

2.   Il-produtturi għandhom jirreġistraw fir-reġistru msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak l-għan għandhom jippreżentaw applikazzjoni għal reġistrazzjoni f’kull Stat Membru fejn iqiegħdu fis-suq batterija għall-ewwel darba.

Il-produtturi għandhom jippreżentaw l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni permezz ta’ sistema elettronika tal-ipproċessar tad-data kif imsemmi fil-paragrafu 9, il-punt (a).

Il-produtturi għandhom iqiegħdu biss għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ Stat Membru batteriji, inkluż dawk inkorporati f’apparati, mezzi tat-trasport ħfief jew vetturi oħra, jekk huma jew, fil-każ ta’ awtorizzazzjoni, ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom għar-responsabbiltà estiża tal-produttur, huma rreġistrati f’dak l-Istat Membru.

3.   L-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem, u l-ismijiet tad-ditta jekk disponibbli, li bihom il-produttur jopera fl-Istat Membru u l-indirizz tal-produttur inkluż il-kodiċi postali u l-post, it-triq u n-numru, il-pajjiż, in-numru tat-telefon, jekk ikun hemm, l-indirizz tas-sit web u l-indirizz tal-posta elettronika, li jindikaw punt ta’ kuntatt uniku;

(b)

il-kodiċi ta’ identifikazzjoni nazzjonali tal-produttur, inkluż in-numru tar-reġistru kummerċjali tiegħu jew numru tar-reġistrazzjoni uffiċjali ekwivalenti u n-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa nazzjonali jew Ewropew;

(c)

il-kategorija jew kategoriji, ta’ batteriji li l-produttur ikollu l-ħsieb li jqiegħed fis-suq għall-ewwel darba fit-territorju ta’ Stat Membru, jiġifieri batteriji portabbli, batteriji industrijali, batteriji LMT, batteriji tal-vetturi elettriċi, jew batteriji SLI, u l-kimika tagħhom;

(d)

l-informazzjoni dwar kif il-produttur jissodisfa r-responsabbiltajiet tiegħu stipulati fl-Artikolu 56 u r-rekwiżiti skont l-Artikoli 59, 60 u 61, rispettivament:

(i)

għall-batteriji portabbli jew batteriji LMT, ir-rekwiżiti tal-punt (d) għandhom jiġu ssodisfati billi jiġu pprovduti:

informazzjoni bil-miktub dwar il-miżuri stabbiliti mill-produttur biex jissodisfa l-obbligi ta’ responsabbiltà tal-produtturi stipulati fl-Artikolu 56, il-miżuri stabbiliti biex jiġu ssodisfati l-obbligi tal-ġbir separat stipulati fl-Artikolu 59(1) jew l-Artikolu 60(1) fir-rigward tal-ammont ta’ batteriji li l-produttur jagħmel disponibbli fis-suq fl-Istat Membru, u dwar s-sistema maħsuba biex tiżgura li d-data rrapportata lill-awtoritajiet kompetenti tkun affidabbli;

fejn applikabbli, l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt, inkluż il-kodiċi postali u l-post, it-triq u n-numru, il-pajjiż, in-numru tat-telefon, l-indirizz tas-sit web u l-indirizz tal-posta elettronika u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni nazzjonali tal-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi maħtura mill-produttur biex tissodisfa l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi f’konformità mal-Artikolu 57(1) u (2), inkluż in-numru tar-reġistru kummerċjali jew numru tar-reġistrazzjoni uffiċjali ekwivalenti u n-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa nazzjonali jew Ewropew tal-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, u l-mandat tal-produttur irrappreżentat;

(ii)

għall-batteriji SLI, batteriji industrijali u batteriji tal-vetturi elettriċi, ir-rekwiżiti tal-punt (d) għandhom jiġu ssodisfati billi jiġu pprovduti:

informazzjoni bil-miktub dwar il-miżuri stabbiliti mill-produttur biex jissodisfa l-obbligi ta’ responsabbiltà tal-produtturi stipulati fl-Artikolu 56, il-miżuri stabbiliti biex jiġu ssodisfati l-obbligi tal-ġbir stipulati fl-Artikolu 61(1) fir-rigward tal-ammont ta’ batteriji li l-produttur jagħmel disponibbli fis-suq fl-Istat Membru u dwar is-sistema maħsuba biex tiżgura li d-data rrapportata lill-awtoritajiet kompetenti tkun affidabbli;

fejn applikabbli, l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt, inkluż il-kodiċi postali u l-post, it-triq u n-numru, il-pajjiż, in-numru tat-telefon, l-indirizz tas-sit web u l-indirizz tal-posta elettronika u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni nazzjonali tal-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi maħtura mill-produttur biex tissodisfa l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi f’konformità mal-Artikolu 57(1) u (2), inkluż in-numru tar-reġistru kummerċjali jew numru tar-reġistrazzjoni uffiċjali ekwivalenti u n-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa nazzjonali jew Ewropew tal-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, u l-mandat tal-produttur irrappreżentat.

(e)

dikjarazzjoni mill-produttur jew, fejn applikabbli, mir-rappreżentant awtorizzat tal-produttur għar-responsabbiltà estiża tal-produttur jew mill-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), li tiddikjara li l-informazzjoni pprovduta hija vera.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-informazzjoni stipulata fil-punt (d) ta’ dak il-paragrafu għandha tiġi pprovduta jew fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 58. Tali applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għandha tinkludi mill-inqas informazzjoni dwar it-twettiq individwali jew kollettiv tal-obbligi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur.

5.   L-Istati Membri jistgħu jitlobu informazzjoni jew dokumenti addizzjonali, kif meħtieġ, biex jużawi r-reġistru tal-produtturi b’mod effiċjenti.

6.   Meta produttur ikun ħatar organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-obbligi skont dan l-Artikolu għandhom jiġu ssodisfati minn dik l-organizzazzjoni mutatis mutandis, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-Istat Membru.

7.   L-obbligi skont dan l-Artikolu jistgħu jiġu ssodisfati f’isem il-produttur minn rappreżentant awtorizzat għar-responsabbiltà estiża tal-produttur.

Fejn l-obbligi skont dan l-Artikolu jiġu ssodisfati f’isem il-produttur minn rappreżentant awtorizzat għar-responsabbiltà estiża tal-produttur li jirrappreżenta aktar minn produttur wieħed, minbarra l-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 3, dak ir-rappreżentant awtorizzat għandu jipprovdi l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt għal kull wieħed mill-produtturi rrappreżentati separatament.

8.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-proċedura ta’ reġistrazzjoni skont dan l-Artikolu u l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 58 jikkostitwixxu proċedura unika, sakemm l-applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi (3) sa (7) ta’ dan l-Artikolu.

9.   L-awtorità kompetenti għandha:

(a)

tagħmel disponibbli fuq is-sit web tagħha informazzjoni dwar il-proċess ta’ applikazzjoni permezz ta’ sistema elettronika għall-ipproċessar tad-data;

(b)

tagħti reġistrazzjonijiet u tipprovdi numru tar-reġistrazzjoni f’perjodu massimu ta’ 12-il ġimgħa mill-mument li tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha meħtieġa skont il-paragrafi 2 u 3.

10.   L-awtorità kompetenti tista’:

(a)

tistabbilixxi modalitajiet fir-rigward tar-rekwiżiti u l-proċess tar-reġistrazzjoni mingħajr ma żżid rekwiżiti sostantivi ma’ dawk stipulati fil-paragrafi 2 u 3;

(b)

titlob ħlasijiet proporzjonati u bbażati fuq il-kostijiet lill-produtturi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2.

11.   L-awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta li tirreġistra produttur jew tirtira r-reġistrazzjoni tal-produttur meta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 u l-evidenza dokumentarja relatata ma tiġix ipprovduta jew ma tkunx biżżejjed, jew meta l-produttur ma jibqax jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 3, il-punt (d).

L-awtorità kompetenti għandha tirtira r-reġistrazzjoni tal-produttur jekk din ma tkunx għadha teżisti.

12.   Il-produttur, jew, fejn applikabbli, ir-rappreżentant awtorizzat għar-responsabbiltà estiża tal-produttur jew l-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi maħtura f’isem il-produtturi li tirrappreżenta għandha tinnotifika mingħajr dewmien żejjed lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni li tinsab fir-reġistrazzjoni u bi kwalunkwe waqfien permanenti fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq fit-territorju tal-Istat Membru tal-batteriji msemmija fir-reġistrazzjoni.

13.   Meta l-informazzjoni fir-reġistru tal-produtturi ma tkunx aċċessibbli għall-pubbliku, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tal-pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-produtturi jingħataw aċċess, mingħajr ħlas, għall-informazzjoni fir-reġistru.

Artikolu 56

Responsabbiltà Estiża tal-Produttur

1.   Il-produtturi għandu jkollhom responsabbiltà estiża tal-produttur għall-batteriji li jqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fit-territorju ta’ Stat Membru. Tali batteriji għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-Artikoli 8 u 8a tad-Direttiva 2008/98/KE u ta’ dan il-Kapitolu.

2.   Operatur ekonomiku li jqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq għall-ewwel darba fit-territorju ta’ Stat Membru batterija li tirriżulta mill-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, il-preparazzjoni għal skop differenti, l-operazzjonijiet ta’ adattament għal skop differenti jew ta’ manifattura mill-ġdid għandu jitqies li huwa l-produttur ta’ tali batterija għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u għandu jkollu responsabbiltà estiża tal-produttur.

3.   Produttur kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (47)(d), għandu jaħtar rappreżentant awtorizzat għar-responsabbiltà estiża tal-produttur f’kull Stat Membru li fih ibigħ il-batteriji. Tali ħatra għandha ssir permezz ta’ mandat bil-miktub.

4.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li għandhom jitħallsu mill-produttur għandhom ikopru l-ispejjeż li ġejjin għall-prodotti li l-produttur jagħmel disponibbli fis-suq fl-Istat Membru kkonċernat:

(a)

l-ispejjeż ta’ ġbir separat tal-iskart ta’ batteriji u t-trasport u t-trattament sussegwenti tagħhom, b’kont meħud ta’ kwalunkwe dħul miksub mill-preparazzjoni għal użu mill-ġdid jew il-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti jew mill-valur ta’ materja prima sekondarja rkuprata minn skart riċiklat ta’ batteriji;

(b)

l-ispejjeż tat-twettiq ta’ stħarriġ dwar il-kompożizzjoni tal-iskart muniċipali mħallat miġbur f’konformità mal-Artikoli 69(5);

(c)

l-ispejjeż tal-għoti ta’ informazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-iskart ta’ batteriji f’konformità mal-Artikolu 74;

(d)

l-ispejjeż tal-ġbir tad-data u r-rappurtar lill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-Artikolu 75.

5.   Fil-każ ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ batteriji li kienu soġġetti għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, għall-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti għall-adattament għal skop differenti jew għall-manifattura mill-ġdid, kemm il-produtturi tal-batteriji oriġinali kif ukoll il-produtturi tal-batteriji li jitqiegħdu fis-suq b’riżultat ta’ dawk l-operazzjonijiet, jistgħu jistabbilixxu u jaġġustaw mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni ta’ kostijiet, ibbażat fuq l-attribuzzjoni reali tal-kostijiet bejn il-produtturi differenti, għall-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a), (c) u (d).

Meta batterija msemmija fil-paragrafu 2 tkun soġġetta għal aktar minn responsabbiltà estiża waħda tal-produttur, l-ewwel produttur li jagħmel dik il-batterija disponibbli fis-suq ma għandux iġarrab kostijiet addizzjonali bħala riżultat tal-mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni tal-kostijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu.

Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri rigward tali mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż.

Artikolu 57

Organizzazzjoni b’Kompetenza fil-Qasam tar-Responsabbiltà tal-Produtturi

1.   Il-produtturi jistgħu jaħtru organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi awtorizzata f’konformità mal-Artikolu 58 biex tissodisfa l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi f’isimhom. L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri biex il-ħatra ta’ organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi ssir obbligatorja. Tali miżuri għandhom jiġu ġġustifikati abbażi tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ kategorija partikolari ta’ batteriji mqiegħda fis-suq u karatteristiċi tal-immaniġġar tal-iskart relatati.

2.   Fil-każ ta’ ssodisfar kollettiv ta’ obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi, l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandhom jiżguraw it-trattament ugwali tal-produtturi, irrispettivament mill-oriġini jew mid-daqs tagħhom, mingħajr ma jqiegħdu piż sproporzjonat fuq il-produtturi ta’ kwantitajiet żgħar ta’ batteriji, inkluż intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Dawn għandhom jiżguraw ukoll li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mħallsa lilhom mill-produtturi:

(a)

ikunu modulati f’konformità mal-Artikolu 8a(4), il-punt (b), tad-Direttiva 2008/98/KE u bħala minimu skont il-kategorija ta’ batterija u l-kimika tal-batterija, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-kapaċità ta’ ċċarġjar mill-ġdid, il-livell ta’ kontenut riċiklat fil-manifattura tal-batteriji u jekk il-batteriji kienux soġġetti għal preparazzjoni għal użu mill-ġdid, għall-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, għall-adattament għal skop differenti jew għall-manifattura mill-ġdid, u l-impronta tal-karbonju tagħhom; u

(b)

jiġu aġġustati biex jitqies kwalunkwe dħul miksub mill-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi mill-preparazzjoni għal użu mill-ġdid jew mill-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti jew mill-valur ta’ materja prima sekondarja rkuprata minn skart riċiklat ta’ batteriji.

3.   Meta, fi Stat Membru, diversi organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jkunu awtorizzati biex jissodisfaw l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi f’isem il-produtturi, huma għandhom jiżguraw kopertura fit-territorju kollu tal-Istat Membru tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 59(1), l-Artikolu 60(1) u l-Artikolu 61(1). L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtorità kompetenti jew jaħtru parti terza indipendenti biex tiżgura li l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jissodisfaw l-obbligi tagħhom b’mod koordinat.

4.   L-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-data fil-pussess tagħhom fir-rigward ta’ informazzjoni proprjetarja jew informazzjoni direttament attribwibbli lil produtturi individwali jew lir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom għar-responsabbiltà estiża tal-produtturi.

5.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8a(3), il-punt (e), tad-Direttiva 2008/98/KE, l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandhom jippubblikaw fuq is-sit web tagħhom, mill-anqas kull sena, soġġett għall-kunfidenzjalità kummerċjali u industrijali, l-informazzjoni dwar ir-rata ta’ ġbir separat tal-iskart ta’ batteriji, l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ u l-livelli ta’ rkupru ta’ materjali miksuba mill-produtturi li ħatru lill-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi.

6.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandhom jagħmlu disponibbli pubblikament l-informazzjoni dwar il-proċedura ta’ għażla għall-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart magħżula f’konformità mal-paragrafu 8.

7.   Fejn meħtieġ biex tiġi evitata d-distorsjoni tas-suq intern, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-kriterji għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni ma għandux jikkonċerna d-determinazzjoni preċiża tal-livell tal-kontribuzzjonijiet u għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(3).

8.   L-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart għandhom ikunu soġġetti għal proċedura ta’ għażla nondiskriminatorja, ibbażata fuq kriterji għall-aġġudikazzjoni trasparenti, imwettqa minn produtturi jew minn organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, u li ma tpoġġix piż sproporzjonat fuq intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

Artikolu 58

Awtorizzazzjoni dwar l-issodisfar ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi

1.   Produttur, fil-każ ta’ ssodisfar individwali tal-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi, u l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi maħtura fil-każ ta’ ssodisfar kollettiv tal-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi, għandhom japplikaw għal awtorizzazzjoni dwar l-issodisfar ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi mill-awtorità kompetenti.

2.   L-awtorizzazzjoni għandha tingħata biss fejn jintwera:

(a)

li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 8a(3), il-punti (a) sa (d), tad-Direttiva 2008/98/KE jkunu ġew issodisfati u l-miżuri stabbiliti mill-produttur jew mill-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jkunu biżżejjed biex jissodisfaw l-obbligi stabbiliti f’dan il-Kapitolu fir-rigward tal-ammont ta’ batteriji li jitqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fit-territorju ta’ Stat Membru mill-produttur jew il-produtturi li tkun qed taġixxi f’isimhom l-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi; u

(b)

billi tiġi pprovduta evidenza dokumentarja, li r-rekwiżiti tal-Artikolu 59(1) u (2) jew ir-rekwiżiti tal-Artikolu 60(1), (2) u (4), ikunu ġew issodisfati u li l-arranġamenti kollha jkunu fis-seħħ biex tagħmilha possibli li tintlaħaq u tinżamm b’mod durabbli tal-anqas il-mira tal-ġbir imsemmija fl-Artikolu 59(3) u l-Artikolu 60(3), rispettivament.

3.   L-Istati Membri għandhom, fil-miżuri tagħhom li jistabbilixxu r-regoli amministrattivi u proċedurali msemmija fl-Artikolu 54(3), il-punt (b), jinkludu d-dettalji tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, li tista’ tvarja skont jekk tirrelatax mal-issodisfar individwali jew kollettiv tal-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, u l-modalitajiet għall-verifika tal-konformità tal-produtturi jew ta’ organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, inkluż l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-produtturi jew mill-organizzazzjonijiet b’responsabbiltà tal-produtturi għal dak il-għan. Il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għandha tinkludi rekwiżiti dwar il-verifika tal-arranġamenti stabbiliti biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 59(1) u (2) u fl-Artikolu 60(1), (2) u (4), u l-perjodi ta’ żmien għall-verifika, li ma għandhomx jaqbżu t-12-il ġimgħa mill-preżentazzjoni ta’ dossier komplut tal-applikazzjoni. Il-verifika tista’ titwettaq minn espert indipendenti li għandu joħroġ rapport ta’ verifika dwar ir-riżultat tal-verifika.

4.   Il-produttur jew l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien bla bżonn dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni li tinsab fl-awtorizzazzjoni, dwar kwalunkwe bidla li tikkonċerna t-termini tal-awtorizzazzjoni jew dwar il-waqfien permanenti tal-operazzjonijiet.

5.   Il-mekkaniżmu ta’ awtokontroll previst fl-Artikolu 8a(3), il-punt (d), tad-Direttiva 2008/98/KE għandu jitwettaq regolarment, u mill-inqas kull tliet snin, u fuq talba mill-awtorità kompetenti, sabiex jiġi vverifikat li d-dispożizzjonijiet f’dak il-punt huma ssodisfati u li l-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jibqgħu jiġu ssodisfati. Il-produttur jew l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandhom jippreżentaw, fuq talba, rapport ta’ awtokontroll u, fejn meħtieġ, l-abbozz tal-pjan ta’ azzjoni korrettiva lill-awtorità kompetenti. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tista’ tagħmel osservazzjonijiet dwar ir-rapport ta’ awtokontroll u dwar l-abbozz tal-pjan ta’ azzjoni korrettiva, u għandha tikkomunika kwalunkwe tali osservazzjoni lill-produttur jew lill-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi. Il-produttur jew l-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandhom ifasslu u jimplimentaw il-pjan ta’ azzjoni korrettiva abbażi ta’ dawk l-osservazzjonijiet.

6.   L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tirrevoka l-awtorizzazzjoni jekk il-miri tal-ġbir stipulati fl-Artikolu 59(3) jew l-Artikolu 60(3) ma jiġux issodisfati jew il-produttur jew l-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi ma jibqgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ġbir u t-trattament tal-iskart ta’ batteriji jew jonqsu milli jirrapportaw lill-awtorità kompetenti jew jonqos milli tinnotifikaha dwar kwalunkwe bidla li tikkonċerna t-termini tal-awtorizzazzjoni, jew ikunu waqqfu l-operazzjonijiet.

7.   Produttur, fil-każ ta’ ssodisfar individwali tal-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, u l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi maħtura fil-każ ta’ ssodisfar kollettiv tar-responsabbiltà estiża tal-produttur, għandhom jipprovdu garanzija maħsuba biex tkopri l-kostijiet relatati mal-operazzjonijiet tal-immaniġġar tal-iskart dovuti mill-produttur, jew mill-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, inkluż fil-każ ta’ waqfien permanenti tal-operazzjonijiet jew insolvenza tagħhom. Stat Membru jista’ jispeċifika rekwiżiti addizzjonali dwar tali garanzija. Fil-każ ta’ organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi mmexxija mill-istat, tali garanzija tista tiġi pprovduta b’mod ieħor milli mill-organizzazzjoni nnifisha u tista’ tieħu l-forma ta’ fond pubbliku li hu ffinanzjat mit-tariffi tal-produtturi u li għalih l-Istat Membru li jmexxi l-organizzazzjoni huwa responsabbli b’mod konġunt u in solidum.

Artikolu 59

Ġbir tal-iskart ta’ batteriji portabbli

1.   Il-produtturi ta’ batteriji portabbli jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, għandhom jiżguraw li l-iskart kollu ta’ batteriji portabbli, irrispettivament min-natura, il-kompożizzjoni kimika, il-kondizzjoni, id-ditta jew l-oriġini tagħhom jinġabar separatament, fit-territorju ta’ Stat Membru fejn huma jqiegħdu l-batteriji portabbli għad-dispożizzjoni fis-suq għall-ewwel darba. Għal dak l-iskop, huma għandhom:

(a)

jistabbilixxu sistema ta’ teħid lura u ġbir tal-iskart ta’ batteriji portabbli;

(b)

joffru l-ġbir tal-iskart ta’ batteriji portabbli, mingħajr ħlas, lill-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), u jipprevedu l-ġbir tal-iskart ta’ batteriji portabbli mill-entitajiet kollha li jkunu għamlu użu minn dik l-offerta (“punti ta’ ġbir konnessi għall-iskart ta’ batteriji portabbli”);

(c)

jipprevedu l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-ġbir u t-trasport ‘tal-iskart ta’ batteriji portabbli, inkluż il-forniment, mingħajr ħlas, ta’ kontenituri xierqa għall-ġbir u t-trasport li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (46), għall-punti ta’ ġbir konnessi għall-iskart ta’ batteriji portabbli;

(d)

jiġbru, mingħajr ħlas, l-iskart ta’ batteriji portabbli miġbur mill-punti tal-ġbir konnessi, bi frekwenza li tkun proporzjonata għaż-żona koperta u l-volum u n-natura perikoluża tal-iskart ta’ batteriji portabbli ġeneralment miġbur mill-punti ta’ ġbir konnessi għall-iskart ta’ batteriji portabbli;

(e)

jiġbru, mingħajr ħlas, l-iskart ta’ batteriji portabbli mneħħi mill-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, bi frekwenza li tkun proporzjonata għall-volum u n-natura perikoluża tal-iskart ta’ batteriji portabbli;

(f)

jiżguraw li l-iskart ta’ batteriji portabbli miġbur mill-punti ta’ ġbir konnessi għall-iskart ta’ batteriji portabbli u mneħħi mill-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku sussegwentement ikun soġġett għal trattament f’faċilità permessa minn operatur tal-immaniġġar tal-iskart f’konformità mal-Artikolu 70.

2.   Il-produtturi ta’ batteriji portabbli jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, għandhom jiżguraw li s-sistema ta’ teħid lura u ta’ ġbir tal-iskart ta’ batteriji portabbli:

(a)

tikkonsisti f’punti ta’ ġbir stabbiliti minnhom f’kooperazzjoni ma’ wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(i)

distributuri f’konformità mal-Artikolu 62;

(ii)

faċilitajiet għat-trattament tal-vetturi li ma għadhomx jintużaw soġġetti għad-Direttiva 2000/53/KE;

(iii)

l-awtoritajiet pubbliċi, jew il-partijiet terzi li jwettqu l-immaniġġar tal-iskart f’isimhom, f’konformità mal-Artikolu 66;

(iv)

il-punti ta’ ġbir volontarji f’konformità mal-Artikolu 67;

(v)

faċilitajiet għat-trattament tal-iskart tat-tagħmir elettriku u elettroniku soġġetti għad-Direttiva 2012/19/KE; u

(b)

tkopri t-territorju kollu tal-Istat Membru b’kont meħud tad-daqs u d-densità tal-popolazzjoni, il-volum mistenni tal-iskart ta’ batteriji portabbli, l-aċċessibbiltà għal u l-prossimità għall-utenti finali, li ma jkunx limitat għal żoni fejn il-ġbir u l-immaniġġar sussegwenti tal-iskart ta’ batteriji portabbli huma profittabbli.

3.   Il-produtturi ta’ batteriji portabbli jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, għandhom jilħqu b’mod durabbli, mill-inqas il-miri tal-ġbir li ġejjin għall-iskart ta’ batteriji portabbli:

(a)

45 % sal-31 ta’ Diċembru 2023;

(b)

63 % sal-31 ta’ Diċembru 2027;

(c)

73 % sal-31 ta’ Diċembru 2030.

Il-produtturi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, għandhom jikkalkolaw ir-rata tal-ġbir imsemmija f’dan il-paragrafu f’konformità mal-Anness XI.

4.   L-utenti finali għandhom ikunu jistgħu jarmu l-iskart ta’ batteriji portabbli fil-punti ta’ ġbir imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), u ma għandhomx jintalbu jħallsu jew ikunu obbligati jixtru batterija ġdida u lanqas li jkunu xtraw il-batterija portabbli mill-produtturi li jkunu stabbilew il-punti ta’ ġbir.

5.   Il-punti ta’ ġbir stabbiliti f’konformità mal-paragrafu 2, il-punti (a)(i), (iii) u (iv), ma għandhomx ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni jew permessi tad-Direttiva 2008/98/KE.

6.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri li jirrikjedu li l-punti ta’ ġbir imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġbru skart ta’ batteriji portabbli biss jekk ikunu kkonkludew kuntratt mal-produtturi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi.

7.   Fid-dawl tal-iżvilupp mistenni tas-suq u ż-żieda tat-tul tal-ħajja mistennija tal-batteriji portabbli rikarikabbli, u sabiex jiġi aċċertat aħjar il-volum reali tal-iskart ta’ batteriji portabbli disponibbli għall-ġbir, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta, sat-18 ta’ Awwissu 2027 atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 biex temenda l-metodoloġija għall-kalkolu tar-rata ta’ ġbir ta’ batteriji portabbli stabbilita fl-Anness XI u biex temenda l-mira ta’ ġbir stipulata fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu biex tadatta dik l-mira ta’ ġbir għall-metodoloġija l-ġdida filwaqt li twettaq ambizzjoni u skedi ta’ żmien ekwivalenti.

Artikolu 60

Ġbir tal-iskart ta’ batteriji LMT

1.   Il-produtturi ta’ batteriji LMT jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, għandhom jiżguraw li l-iskart kollu ta’ batteriji LMT, irrispettivament min-natura, il-kompożizzjoni kimika, il-kondizzjoni, id-ditta jew l-oriġini tagħhom, jinġabar separatament fit-territorju ta’ Stat Membru fejn huma jqiegħdu l-batteriji fis-suq għall-ewwel darba. Għal dak l-iskop, huma għandhom:

(a)

jistabbilixxu sistema ta’ teħid lura u ġbir tal-iskart ta’ batteriji LMT;

(b)

joffru l-ġbir tal-iskart ta’ batteriji LMT, mingħajr ħlas, lill-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), u jipprevedu l-ġbir tal-iskart ta’ batteriji LMT mill-entitajiet kollha li jkunu għamlu użu minn dik l-offerta (“punti ta’ ġbir konnessi għall-batteriji LMT”);

(c)

jipprevedu l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-ġbir u t-trasport tal-iskart ta’ batteriji LMT, inkluż il-forniment, mingħajr ħlas, ta’ kontenituri xierqa għall-ġbir u t-trasport li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/68/KE, għall-punti ta’ ġbir konnessi għall-batteriji LMT;

(d)

jiġbru, mingħajr ħlas, l-iskart ta’ batteriji LMT miġbur mill-punti tal-ġbir konnessi għall-batteriji LMT, bi frekwenza li tkun proporzjonata għaż-żona koperta u l-volum u n-natura perikoluża tal-iskart ta’ batteriji LMT ġeneralment miġbur minn dawk il-punti ta’ ġbir;

(e)

jiġbru, mingħajr ħlas, l-iskart ta’ batteriji LMT imneħħi mill-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, bi frekwenza li tkun proporzjonata għall-volum u n-natura perikoluża tal-iskart ta’ batteriji LMT;

(f)

jiżguraw li l-iskart ta’ batteriji LMT miġbur minn punti ta’ ġbir konnessi għall-batteriji LMT u mneħħi mill-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku sussegwentement ikun soġġett għal trattament f’faċilità permessa minn operatur tal-immaniġġar tal-iskart f’konformità mal-Artikolu 70.

2.   Produtturi għall-batteriji LMT jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, għandhom jiżguraw li s-sistema ta’ teħid lura u ta’ ġbir tal-iskart ta’ batteriji LMT:

(a)

tikkonsisti f’punti ta’ ġbir stabbiliti minnhom f’kooperazzjoni ma’ wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(i)

distributuri f’konformità mal-Artikolu 62;

(ii)

faċilitajiet għat-trattament tal-vetturi li ma għadhomx jintużaw skont id-Direttiva 2000/53/KE;

(iii)

l-awtoritajiet pubbliċi, jew il-partijiet terzi li jwettqu l-immaniġġar tal-iskart f’isimhom, f’konformità mal-Artikolu 66;

(iv)

il-punti ta’ ġbir volontarji f’konformità mal-Artikolu 67;

(v)

faċilitajiet għat-trattament tal-iskart tat-tagħmir elettriku u elettroniku soġġetti għad-Direttiva 2012/19/UE; u

(b)

tkopri t-territorju kollu tal-Istat Membru b’kont meħud tad-daqs u d-densità tal-popolazzjoni, il-volum mistenni tal-iskart ta’ batteriji LMT, l-aċċessibbiltà għal u l-prossimità għall-utenti finali, li ma jkunx limitat għal żoni fejn il-ġbir u l-immaniġġar sussegwenti tal-iskart ta’ batteriji LMT huma profittabbli.

3.   Il-produtturi ta’ batteriji LMT jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, għandhom jilħqu, u jżommu b’mod durabbli, mill-inqas il-miri tal-ġbir li ġejjin ‘tal-iskart ta’ batteriji LMT:

(a)

51 % sal-31 ta’ Diċembru 2028;

(b)

61 % sal-31 ta’ Diċembru 2031.

Il-produtturi ta’ batteriji LMT jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, għandhom jikkalkolaw ir-rata tal-ġbir imsemmija f’dan il-paragrafu f’konformità mal-Anness XI.

4.   Il-produtturi ta’ batteriji LMT jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, għandhom:

(a)

jistabbilixxu l-punti ta’ ġbir imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), b’infrastruttura tal-ġbir adegwata għall-ġbir separat tal-iskart ta’ batteriji LMT li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ sikurezza applikabbli u jkopru l-kostijiet meħtieġa mġarrba minn dawk il-punti ta’ ġbir b’rabta mal-attivitajiet ta’ teħid lura; il-kontenituri għall-ġbir u l-ħżin temporanju ta’ tali skart ta’ batteriji fil-punt tal-ġbir għandhom ikunu adegwati fid-dawl tal-volum u n-natura perikoluża tal-iskart ta’ batteriji LMT li x’aktarx jinġabru minn dawk il-punti ta’ ġbir;

(b)

jiġbru l-iskart ta’ batteriji LMT mill-punti ta’ ġbir imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), bi frekwenza li tkun proporzjonata għall-kapaċità tal-ħżin tal-infrastruttura tal-ġbir separat u l-volum u n-natura perikoluża tal-iskart ta’ batteriji li ġeneralment jinġabar minn dawk il-punti ta’ ġbir; u

(c)

jipprevedu l-konsenja tal-iskart ta’ batteriji LMT miġbur mill-punti ta’ ġbir imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu lill-faċilitajiet permessi għat-trattament f’konformità mal-Artikoli 70 u 73.

5.   L-utenti finali għandhom ikunu jistgħu jarmu skart ta’ batteriji LMT fil-punti ta’ ġbir imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), u ma għandhomx jintalbu jħallsu jew ikunu obbligati jixtru batterija LMT ġdida u lanqas li jkunu xtraw il-batterija mill-produtturi li jkunu stabbilew il-punti ta’ ġbir.

6.   Il-punti ta’ ġbir stabbiliti f’konformità mal-paragrafu 2, il-punti (a)(i), (iii) u (iv), ma għandhomx ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni jew permessi tad-Direttiva 2008/98/KE.

7.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri li jirrikjedu li l-punti ta’ ġbir imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġbru skart ta’ batteriji LMT biss jekk ikunu kkonkludew kuntratt mal-produtturi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi.

8.   Fid-dawl tal-iżvilupp mistenni tas-suq u ż-żieda tat-tul tal-ħajja mistennija tal-batteriji LMT, u sabiex jiġi aċċertat aħjar il-volum reali tal-iskart ta’ batteriji LMT disponibbli għall-ġbir, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta, sat-18 ta’ Awwissu 2027 atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 biex temenda l-metodoloġija għall-kalkolu tar-rata ta’ ġbir tal-iskart ta’ batteriji LMT stabbilita fl-Anness XI u biex temenda l-mira ta’ ġbir stipulata fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu biex tadatta l-mira ta’ ġbir għall-metodoloġija l-ġdida filwaqt li twettaq ambizzjoni u skedi ta’ żmien ekwivalenti.

Artikolu 61

Ġbir tal-iskart ta’ batteriji SLI, l-iskart ta’ batteriji industrijali u l-iskart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi

1.   Il-produtturi tal-batteriji SLI, tal-batteriji industrijali u tal-batteriji tal-vetturi elettriċi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, għandhom jieħdu lura, mingħajr ħlas u mingħajr obbligu fuq l-utent finali li jixtri batterija ġdida, u lanqas li jkun xtara l-batterija mingħandhom, u għandhom jiżguraw li l-iskart kollu tal-batteriji SLI, l-iskart ta’ batteriji industrijali u l-iskart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi irrispettivament min-natura, il-kompożizzjoni kimika, il-kondizzjoni, id-ditta jew l-oriġini tal-kategorija rispettiva tagħhom li jkunu qiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru jinġabar separatament. Għal dak l-għan, huma għandhom jaċċettaw li jieħdu lura skart ta’ batteriji SLI, skart ta’ batteriji industrijali u skart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi mingħand l-utenti finali, jew minn sistemi ta’ teħid lura u ta’ ġbir li jinkludu punti ta’ ġbir stabbiliti minnhom f’kooperazzjoni ma’:

(a)

id-distributuri ta’ batteriji SLI, batteriji industrijali u batteriji tal-vetturi elettriċi f’konformità mal-Artikolu 62(1);

(b)

l-operaturi li jwettqu manifattura mill-ġdid jew adattament għal skop differenti ta’ batteriji SLI, batteriji industrijali u batteriji tal-vetturi elettriċi;

(c)

il-faċilitajiet għat-trattament tal-iskart tat-tagħmir elettriku u elettroniku u ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw imsemmija fl-Artikolu 65 għal skart ta’ batteriji SLI, skart ta’ batteriji industrijali u skart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi li jirriżulta mill-operazzjonijiet tagħhom;

(d)

l-awtoritajiet pubbliċi, jew il-partijiet terzi li jwettqu l-immaniġġar tal-iskart f’isimhom, f’konformità mal-Artikolu 66.

L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri li jirrikjedu li l-entitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a) sa (d), jistgħu jiġbru skart ta’ batteriji SLI, skart ta’ batteriji industrijali u skart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi biss jekk ikunu kkonkludew kuntratt mal-produtturi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi.

Meta l-iskart ta’ batteriji industrijali jkun jirrikjedi ż-żarmar minn qabel fil-bini tal-utenti privati u mhux kummerċjali, l-obbligu tal-produttur li jieħu lura dak l-iskart ta’ batteriji ma għandu jirriżulta fl-ebda spiża marbuta maż-żarmar u l-ġbir ta’ dak tal-iskart ta’ batteriji li tiġġarrab minn dawk l-utenti.

2.   L-arranġamenti ta’ teħid lura stabbiliti f’konformità mal-paragrafu 1 għandhom ikopru t-territorju kollu ta’ Stat Membru b’kont meħud tad-daqs u d-densità tal-popolazzjoni, il-volum mistenni tal-iskart ta’ batteriji SLI, l-iskart ta’ batteriji industrijali u l-iskart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi, l-aċċessibbiltà għal u l-prossimità għall-utenti finali, li ma jkunx limitat għal żoni fejn il-ġbir u l-immaniġġar sussegwenti tal-iskart ta’ batteriji SLI, l-iskart ta’ batteriji industrijali u l-iskart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi huma profittabbli.

3.   Il-produtturi tal-batteriji SLI, tal-batteriji industrijali u tal-batteriji tal-vetturi elettriċi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, għandhom:

(a)

jipprovdu lis-sistemi ta’ teħid lura u ta’ ġbir imsemmija fil-paragrafu 1 b’infrastruttura tal-ġbir adegwata għall-ġbir separat tal-iskart ta’ batteriji SLI, l-iskart ta’ batteriji industrijali u l-iskart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ sikurezza applikabbli, u jkopru l-kostijiet meħtieġa mġarrba minn dawk is-sistemi ta’ teħid lura u ta’ ġbir b’rabta mal-attivitajiet ta’ teħid lura; il-kontenituri għall-ġbir u l-ħżin temporanju ta’ tali skart ta’ batteriji fis-sistemi ta’ teħid lura u ta’ ġbir għandhom ikunu adegwati fid-dawl tal-volum u n-natura perikoluża tal-iskart ta’ batteriji SLI, l-iskart ta’ batteriji industrijali u l-iskart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi li x’aktarx jinġabru minn dawk il-punti ta’ ġbir;

(b)

jiġbru l-iskart ta’ batteriji SLI, l-iskart ta’ batteriji industrijali u l-iskart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi mis-sistemi ta’ teħid lura u ta’ ġbir imsemmija fil-paragrafu 1 bi frekwenza li tkun proporzjonata għall-kapaċità tal-ħżin tal-infrastruttura tal-ġbir separat u l-volum u n-natura perikoluża tal-iskart ta’ batteriji li ġeneralment jinġabar permezz ta’ dawk is-sistemi ta’ teħid lura u ta’ ġbir; u

(c)

jipprevedu l-konsenja tal-iskart ta’ batteriji SLI, l-iskart ta’ batteriji industrijali u l-iskart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi miġbur mill-utenti finali u mis-sistemi ta’ teħid lura u ta’ ġbir imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu sal-faċilitajiet permessi għat-trattament f’konformità mal-Artikoli 70 u 73.

4.   L-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) sa (d), ta’ dan l-Artikolu jistgħu jgħaddu l-iskart ta’ batteriji SLI, l-iskart ta’ batteriji industrijali u l-iskart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi miġbur lill-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart magħżula f’konformità mal-Artikolu 57(8) bil-ħsieb tat-trattament tiegħu f’konformità mal-Artikolu 70. F’tali każijiet, l-obbligu tal-produtturi skont il-paragrafu 3, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu għandu jitqies li jkun ġie ssodisfat.

Artikolu 62

Obbligi tad-distributuri

1.   Id-distributuri għandhom jieħdu lura l-iskart ta’ batteriji mingħand l-utent finali mingħajr ħlas u mingħajr ma jimponu obbligu fuq l-utent finali li jixtri jew li kellu jixtri batterija ġdida, irrispettivament mill-kompożizzjoni kimika, id-ditta jew l-oriġini tagħhom kif ġej:

(a)

għall-iskart ta’ batteriji portabbli, fl-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut tad-distributur jew fil-viċinanza immedjata tiegħu;

(b)

għall-iskart ta’ batteriji LMT, l-iskart ta’ batteriji SLI, l-iskart ta’ batteriji industrijali u l-iskart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi, fl-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut tad-distributur jew fil-viċinanzi tiegħu.

2.   L-obbligu ta’ teħid lura stipulat fil-paragrafu 1:

(a)

ma għandux japplika għal skart ta’ prodotti li fihom il-batteriji;

(b)

għandu jkun limitat għall-kategoriji tal-iskart ta’ batteriji li d-distributur għandu jew kellu bħala batteriji fl-offerta tiegħu u, għall-iskart ta’ batteriji portabbli, għall-kwantità li normalment jarmu l-utenti finali mhux professjonali.

3.   Id-distributuri għandhom jgħaddu l-iskart ta’ batteriji li jkunu ħadu lura lill-produtturi jew lill-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li huma responsabbli għall ġbir ta’ dak l-iskart ta’ batteriji f’konformità mal-Artikoli 59, 60 u 61 rispettivament, jew lil operatur tal-immaniġġar tal-iskart magħżul f’konformità mal-Artikolu 57(8) bil-ħsieb tat-trattament tagħhom f’konformità mal-Artikolu 70.

4.   L-obbligi skont dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis għad-distributuri li jfornu l-batteriji permezz ta’ kuntratti mill-bogħod lill-utenti finali. Dawk id-distributuri għandhom jipprevedu għadd suffiċjenti ta’ punti ta’ ġbir li jkopru t-territorju kollu ta’ Stat Membru u b’kont meħud tad-daqs u d-densità tal-popolazzjoni, il-volum mistenni tal-iskart ta’ batteriji portabbli, skart ta’ batteriji LMT, skart ta’ batteriji SLI, skart ta’ batteriji industrijali u skart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi rispettivament, u l-aċċessibbiltà għal u l-prossimità għall-utenti finali, li jippermettu lill-utenti finali jirritornaw il-batteriji.

5.   Fil-każ ta’ bejgħ b’konsenja, id-distributuri għandhom joffru li jieħdu lura skart ta’ batteriji portabbli, skart ta’ batteriji LMT, skart ta’ batteriji industrijali, skart ta’ batteriji SLI u skart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi mingħajr ħlas fil-punt tal-konsenja lill-utent finali jew f’punt ta’ ġbir lokali. L-utent finali għandu jiġi infurmat meta jordna batterija bl-arranġamenti ta’ teħid lura għal skart ta’ batterija.

6.   Għall-finijiet tal-konformità mal-Artikolu 30(1), il-punti (d) u (e), tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-fornituri tal-pjattaformi online, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu III ta’ dak ir-Regolament, li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-produtturi għandhom jiksbu l-informazzjoni li ġejja mingħand il-produtturi li joffru l-batteriji, inklużi l-batteriji inkorporati f’apparati, mezzi tat-trasport ħfief jew vetturi oħra, lill-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni:

(a)

dettalji li jikkonċernaw ir-reġistru tal-produtturi msemmi fl-Artikolu 55 u n-numru jew in-numri ta’ reġistrazzjoni tal-produtturi f’dak ir-reġistru;

(b)

awtoċertifikazzjoni mill-produttur li jimpenja ruħu li joffri biss batteriji, inkluż dawk inkorporati f’apparati, mezzi ta’ trasport ħfief jew vetturi oħra, li fir-rigward tagħhom ikun hemm konformità mar-rekwiżiti ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur imsemmija fl-Artikolu 56(1), (2), (3) u (4), fl-Artikolu 57(1) u fl-Artikolu 58(1), (2) u (7).

Artikolu 63

Sistemi ta’ depożitu għar-ritorn ta’ batteriji

Sal-31 ta’ Diċembru 2027, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-fattibbiltà u l-benefiċċji potenzjali tal-istabbiliment ta’ sistemi ta’ depożitu għar-ritorn ta’ batteriji, b’mod partikolari għall-batteriji portabbli ta’ użu ġenerali. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandha tikkunsidra li tieħu l-miżuri xierqa, inkluż l-adozzjoni ta’ proposti leġiżlattivi.

Artikolu 64

Obbligi tal-utenti finali

1.   L-utenti finali għandhom jarmu l-iskart ta’ batteriji separatament minn flussi tal-iskart oħrajn, inkluż minn skart muniċipali mħallat.

2.   L-utenti finali għandhom jarmu l-iskart ta’ batteriji f’punti ta’ ġbir separat magħżula stabbiliti minn, jew f’konformità mal-arranġamenti speċifiċi konklużi mal-produttur, jew ma’ organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, f’konformità mal-Artikoli 59, 60 u 61.

Artikolu 65

Obbligi tal-operaturi ta’ faċilitajiet ta’ trattament

1.   L-operaturi ta’ faċilitajiet ta’ trattament soġġetti għad-Direttivi 2000/53/KE jew 2012/19/UE għandhom jgħaddu l-iskart ta’ batteriji li jirriżulta mit-trattament ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw jew skart ta’ tagħmir elettriku jew elettroniku lil produtturi tal-kategoriji rilevanti ta’ batteriji jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), lill-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, jew lill-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart magħżula f’konformità mal-Artikolu 57(8) bil-ħsieb tat-trattament tiegħu f’konformità mal-Artikolu 70.

2.   L-operaturi tal-faċilitajiet tat-trattament imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom iżommu rekords ta’ dawk it-tranżazzjonijiet.

Artikolu 66

Parteċipazzjoni tal-awtoritajiet tal-immaniġġar tal-iskart pubbliku

1.   L-iskart ta’ batteriji li joriġina minn utenti finali, privati u mhux kummerċjali jista’ jintrema f’punti tal-ġbir separat stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi tal-immaniġġar tal-iskart.

2.   L-awtoritajiet pubbliċi tal-immaniġġar tal-iskart għandhom jiżguraw li l-iskart ta’ batteriji miġbur jiġi ttrattat f’konformità mal-Artikolu 70, billi:

(a)

jgħadduh lill-produtturi tal-kategorija rilevanti ta’ batteriji jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), lill-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, jew lill-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart magħżula f’konformità mal-Artikolu 57(8); jew

(b)

iwettqu t-trattament tal-iskart ta’ batteriji miġbur huma stess f’konformità mal-Artikolu 68(2).

Artikolu 67

Parteċipazzjoni tal-punti tal-ġbir volontarji

1.   Il-punti tal-ġbir volontarji għall-iskart ta’ batteriji portabbli għandhom jgħaddu l-iskart miġbur ta’ batteriji portabbli lill-produtturi tal-batteriji portabbli jew lil partijiet terzi li jaġixxu f’isimhom, inkluż organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, jew lill-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart magħżula f’konformità mal-Artikolu 57(8) bil-ħsieb tat-trattament tagħhom f’konformità mal-Artikolu 70.

2.   Il-punti tal-ġbir volontarji għall-iskart ta’ batteriji LMT għandhom jgħaddu l-iskart miġbur ta’ batteriji LMT lill-produtturi tal-batteriji LMT jew lil partijiet terzi li jaġixxu f’isimhom, inkluż organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, jew lill-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart magħżula f’konformità mal-Artikolu 57(8) bil-ħsieb tat-trattament tagħhom f’konformità mal-Artikolu 70.

Artikolu 68

Restrizzjonijiet dwar it-trasferiment tal-iskart ta’ batteriji portabbli u skart ta’ batteriji LMT

1.   L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-kapaċità tad-distributuri, l-operaturi tal-faċilitajiet tat-trattament tal-iskart imsemmija fl-Artikolu 65, l-awtoritajiet pubbliċi tal-immaniġġar tal-iskart imsemmija fl-Artikolu 66 u l-punti ta’ ġbir volontarji msemmija fl-Artikolu 67 li jgħaddu l-iskart ta’ batteriji portabbli u l-iskart ta’ batteriji LMT miġbura jew lill-produtturi jew lill-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, jew lil operatur tal-immaniġġar tal-iskart biex iwettqu t-trattament f’konformità mal-Artikolu 70. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali restrizzjonijiet ma jkollhomx impatt negattiv fuq is-sistemi ta’ ġbir u ta’ riċiklaġġ.

2.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jadottaw miżuri biex jippermettu lill-awtoritajiet pubbliċi tal-immaniġġar tal-iskart imsemmija fl-Artikolu 66 iwettqu t-trattament f’konformità mal-Artikolu 70 huma stess.

Artikolu 69

Obbligi għall-Istati Membri rigward il-miri ta’ ġbir għall-iskart ta’ batteriji portabbli u l-iskart ta’ batteriji LMT

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa għall-kisba mill-produtturi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, tal-miri tal-ġbir stipulati fl-Artikolu 59(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (b) u (c), fir-rigward tal-iskart ta’ batteriji portabbli, u stipulati fl-Artikolu 60(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), fir-rigward tal-iskart ta’ batteriji LMT.

2.   B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom regolarment, mill-anqas darba fis-sena, jimmonitorjaw ir-rati ta’ ġbir tal-produtturi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), tal-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, biex jivverifikaw li huma jkunu ħadu miżuri adegwati biex jinkisbu l-miri tal-ġbir stipulati fl-Artikolu 59(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (b) u (c), fir-rigward tal-iskart ta’ batteriji portabbli, u stipulati fl-Artikolu 60(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), fir-rigward tal-iskart ta’ batteriji LMT. Tali monitoraġġ għandu jkun ibbażat b’mod partikolari fuq l-informazzjoni rrapportata lill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-Artikolu 75 u għandu jinkludi l-verifika ta’ dik l-informazzjoni, u ta’ jekk il-produttur ikunx ikkonforma mal-metodoloġija tal-kalkolu stabbilita fl-Anness XI u r-riżultati tal-istħarriġ dwar il-kompożizzjoni msemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli lill-Istat Membru.

3.   Meta, abbażi tal-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, Stat Membru jsib li produttur jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, ma jkunx ħa miżuri konsistenti mal-kisba tal-miri tal-ġbir stipulati fl-Artikolu 59(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (b) u (c) fir-rigward tal-iskart ta’ batteriji portabbli, jew stipulati fl-Artikolu 60(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b) fir-rigward tal-iskart ta’ batteriji LMT, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha titlob lil dak il-produttur jew l-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi biex tieħu azzjoni korrettiva xierqa biex tiżgura li tkun tista’ tilħaq il-miri tal-ġbir stipulati f’wieħed minn dawk l-Artikoli, kif applikabbli.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmu ta’ awtokontroll imsemmi fl-Artikolu 58(5), il-produttur jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, għandha tippreżenta abbozz ta’ pjan ta’ azzjoni korrettiva lill-awtorità kompetenti fi żmien tliet xhur mit-talba mill-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Dik l-awtorità kompetenti tista’ tagħmel osservazzjonijiet dwar l-abbozz tal-pjan, u għandha tikkomunika kwalunkwe tali osservazzjoni lill-produttur jew lill-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi fi żmien xahar minn meta tirċievi l-abbozz tal-pjan ta’ azzjoni korrettiva.

Meta l-awtorità kompetenti tikkomunika l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz tal-pjan ta’ azzjoni korrettiva, il-produttur jew l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandhom, fi żmien xahar minn meta jirċievu dawk l-osservazzjonijiet, ifasslu l-pjan ta’ azzjoni korrettiva, filwaqt li jqisu dawk l-osservazzjonijiet, u għandhom jimplimentawh skont dan.

Il-kontenut tal-pjan ta’ azzjoni korrettiva u l-konformità miegħu mill-produttur jew mill-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandhom jitqiesu meta jiġi evalwat jekk il-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni stipulata fl-Artikolu 55 u, fejn applikabbli, l-awtorizzazzjoni stipulata fl-Artikolu 58 għadhomx jiġu ssodisfati.

5.   Sal-1 ta’ Jannar 2026 u kull ħames snin minn hemm ’il quddiem, l-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ dwar il-kompożizzjoni tal-flussi tal-iskart muniċipali mħallat u l-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku miġbur għas-sena kalendarja preċedenti biex jiġi ddeterminat is-sehem tal-iskart ta’ batteriji portabbli u l-iskart ta’ batteriji LMT fihom. Abbażi ta’ dak l-istħarriġ, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu li l-produtturi ta’ batteriji portabbli, il-produtturi ta’ batteriji LMT jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi rispettivi jieħdu azzjoni korrettiva biex ikabbru n-network tagħhom ta’ punti ta’ ġbir konnessi u jwettqu kampanji ta’ informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 74(1).

Artikolu 70

Trattament

1.   L-iskart ta’ batteriji miġbur ma għandux jintrema jew ikun soġġett għal operazzjoni ta’ rkupru tal-enerġija.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2010/75/UE, il-faċilitajiet permessi għandhom jiżguraw li t-trattament għall-iskart ta’ batteriji jkun konformi, bħala minimu, mal-Parti A tal-Anness XII għal dan ir-Regolament u mal-aħjar tekniki disponibbli definiti fl-Artikolu 3, il-punt (10), tad-Direttiva 2010/75/UE.

3.   Fil-każ li l-batteriji jinġabru meta jkunu għadhom inkorporati fi skart ta’ apparat, fi skart ta’ mezz ħafif ta’ trasport jew vettura li ma għadhiex tintuża, dawn għandhom jitneħħew mill-iskart ta’ apparat, l-iskart ta’ mezz tat-trasport ħafif jew skart ta’ vettura li ma għadhiex tintuża, f’konformità, fejn applikabbli, mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttivi 2000/53/KE jew 2012/19/UE.

4.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 biex temenda r-rekwiżiti tat-trattament għall-iskart ta’ batteriji stabbiliti fil-Parti A tal-Anness XII fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku u t-teknoloġiji ġodda emerġenti fl-immaniġġar tal-iskart.

5.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu skemi ta’ inċentivi għall-operaturi ekonomiċi li jiksbu rati ogħla mill-miri stabbiliti fil-Partijiet B u C tal-Anness XII għal effiċjenza tar-riċiklaġġ u l-irkupru ta’ materjali rispettivament.

Artikolu 71

Miri għall-effiċjenza tar-riċiklaġġ u l-irkupru ta’ materjali

1.   Kull faċilità permessa għandha tiżgura li l-iskart kollu ta’ batteriji li jsir disponibbli lil dik il-faċilità jiġi aċċettat u jgħaddi minn preparazzjoni għal użu mill-ġdid, preparazzjoni għal adattament għal skop differenti jew riċiklaġġ.

2.   Ir-riċiklaturi għandhom jiżguraw li r-riċiklaġġ jikseb il-miri għall-effiċjenza tar-riċiklaġġ u l-miri għall-irkupru ta’ materjali stabbiliti fil-Partijiet B u C tal-Anness XII rispettivament.

3.   Ir-rati tal-effiċjenza tar-riċiklaġġ u l-irkupru ta’ materjali għandhom jiġu kkalkolati f’konformità mar-regoli stipulati f’att delegat adottat skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-Kummissjoni għandha, sat-18 ta’ Frar 2025, tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 89 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu u l-verifika tar-rati tal-effiċjenza tar-riċiklaġġ u tal-irkupru ta’ materjali, f’konformità mal-Parti A tal-Anness XII, u l-format għad-dokumentazzjoni.

5.   Sat-18 ta’ Awwissu 2026 u mill-inqas kull ħames snin minn dakinhar ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk, minħabba żviluppi fis-suq, b’mod partikolari dwar it-teknoloġiji tal-batteriji li jħallu impatt fuq it-tip ta’ materjali rkuprati u d-disponibbiltà eżistenti u mbassra tal-kobalt, tar-ram, taċ-ċomb, tal-litju jew tan-nikil jew in-nuqqas tagħhom, u fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku, huwiex xieraq li jiġu riveduti l-miri għall-effiċjenza tar-riċiklaġġ u għall-irkupru ta’ materjali stabbiliti fil-Partijiet B u C tal-Anness XII. Fejn ġustifikat u xieraq abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 89 biex temenda l-miri għall-effiċjenza tar-riċiklaġġ u għall-irkupru ta’ materjali stabbiliti fil-Partijiet B u C tal-Anness XII.

6.   Fejn xieraq minħabba żviluppi tas-suq li jħallu impatt fuq it-tip ta’ materjali li jistgħu jiġu rkuprati u fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku, inkluż teknoloġiji ġodda emerġenti fl-immaniġġar tal-iskart, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89, biex temenda l-Parti C tal-Anness XII, billi żżid aktar materjali b’miri speċifiċi għall-irkupru ta’ materjali għal kull materjal speċifiku, u l-Parti B tal-Anness XII, billi żżid aktar kimiki tal-batteriji b’miri speċifiċi għall-effiċjenza tar-riċiklaġġ.

Artikolu 72

Vjeġġi tal-iskart ta’ batteriji

1.   It-trattament jista’ jitwettaq barra l-Istat Membru kkonċernat jew barra l-Unjoni, dment li l-vjeġġ tal-iskart ta’ batteriji, jew frazzjonijiet minnu, ikun konformi mar-Regolamenti (KE) Nru 1013/2006 u (KE) Nru 1418/2007.

2.   Sabiex issir distinzjoni bejn batteriji użati u skart ta’ batteriji, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jispezzjonaw il-vjeġġi ta’ batteriji użati suspettati li huma skart ta’ batteriji għall-konformità mar-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Anness XIV u jimmonitorjaw tali vjeġġi kif xieraq.

Fejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru jistabbilixxu li vjeġġ maħsub ta’ batteriji użati jikkonsisti fi skart ta’ batteriji, il-kostijiet ta’ analiżijiet, spezzjonijiet u ħżin xierqa tal-batteriji użati suspettati li huma skart jistgħu jiġu imposti fuq il-produtturi tal-kategorija rilevanti ta’ batteriji, fuq partijiet terzi li jaġixxu f’isimhom jew fuq persuni oħra li jorganizzaw il-vjeġġ. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89, li jissupplimentaw ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Anness XIV, b’mod partikolari dwar l-istat tas-saħħa, biex issir distinzjoni bejn il-vjeġġ ta’ batteriji użati u l-iskart ta’ batteriji.

3.   L-iskart ta’ batteriji jew ta’ frazzjonijiet minnu esportat mill-Unjoni f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jgħodd biss lejn l-issodisfar tal-obbligi, tal-effiċjenzi u tal-miri stipulati fl-Artikoli 70 u 71 jekk l-esportatur tal-iskart ta’ batteriji jew frazzjonijiet minnu jipprovdi evidenza dokumentarja approvata mill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni li t-trattament seħħ f’kondizzjonijiet li huma ekwivalenti għal dawk meħtieġa minn dan ir-Regolament u f’konformità mad-dritt l-ieħor tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-bniedem u l-protezzjoni ambjentali.

4.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat, f’konformità mal-Artikolu 89, li jistabbilixxi regoli dettaljati li jissupplimentaw dawk fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, billi jistabbilixxu l-kriterji għall-valutazzjoni ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti.

Artikolu 73

Preparazzjoni għal użu mill-ġdid jew preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti tal-iskart ta’ batteriji LMT, skart ta’ batteriji industrijali u skart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi

1.   Sabiex jiddokumenta li l-iskart ta’ batterija LMT, l-iskart ta’ batterija industrijali u l-iskart ta’ batterija tal-vetturi elettriċi soġġett għal preparazzjoni għal użu mill-ġdid, jew għal preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, ma għadux aktar skart, id-detentur tal-batterija għandu, fuq talba ta’ awtorità kompetenti, juri dan li ġej:

(a)

evidenza tal-evalwazzjoni jew tal-ittestjar tal-istat tas-saħħa mwettqa fi Stat Membru fil-forma ta’ kopja tar-rekord li tikkonferma l-kapaċità tal-batterija li tagħti l-prestazzjoni rilevanti għall-użu tagħha wara preparazzjoni għal użu mill-ġdid, jew preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti;

(b)

użu ulterjuri tal-batterija li kienet soġġetta għal preparazzjoni għal użu mill-ġdid, jew għal preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, jiġi dokumentat permezz ta’ fattura jew ta’ kuntratt għall-bejgħ jew għat-trasferiment tas-sjieda tal-batterija;

(c)

evidenza ta’ protezzjoni xierqa kontra ħsara waqt it-trasport, it-tagħbija u l-ħatt, inkluż permezz ta’ imballaġġ suffiċjenti u stivar xieraq tat-tagħbija.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti finali u ta’ partijiet terzi li jaġixxu f’isimhom, b’termini u kondizzjonijiet ugwali, bħala parti mid-dokumentazzjoni li takkumpanja l-batterija msemmija fil-paragrafu 1 meta titqiegħed fis-suq jew fis-servizz.

3.   L-għoti ta’ informazzjoni f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ preżervazzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali rilevanti.

4.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u ta’ verifika dettaljati li l-iskart ta’ batteriji LMT, l-iskart ta’ batteriji industrijali jew l-iskart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi għandhom jissodisfaw biex ma jibqgħux ikunu skart. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(3).

Artikolu 74

Informazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġar tal-iskart ta’ batteriji

1.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8a(2) tad-Direttiva 2008/98/KE, il-produtturi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produttur għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti finali u tad-distributuri l-informazzjoni li ġejja dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġar tal-iskart ta’ batteriji fir-rigward tal-kategoriji ta’ batteriji li huma jfornu fit-territorju ta’ Stat Membru:

(a)

ir-rwol tal-utenti finali fil-kontribut għall-prevenzjoni tal-iskart, inkluż permezz ta’ informazzjoni dwar prattiki tajbin u rakkomandazzjonijiet rigward l-użu tal-batteriji bl-għan li jiġu estiżi l-fażi tal-użu tagħhom u l-possibbiltajiet ta’ użu mill-ġdid, preparazzjoni għal użu mill-ġdid, preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, adattament għal skop differenti u manifattura mill-ġdid;

(b)

ir-rwol tal-utenti finali fil-kontribut għall-ġbir separat tal-iskart ta’ batteriji f’konformità mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 64 sabiex jippermettu t-trattament tagħhom;

(c)

il-ġbir separat, il-punti ta’ teħid lura u ġbir, il-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, il-preparazzjoni għal adattament għal skop differenti, u t-trattament disponibbli għall-iskart ta’ batteriji;

(d)

l-istruzzjonijiet ta’ sikurezza meħtieġa għall-immaniġġar tal-iskart ta’ batteriji, inkluż b’rabta mar-riskji assoċjati ma’ batteriji li fihom il-litju u l-immaniġġar tagħhom;

(e)

it-tifsira tat-tikketti u s-simboli fuq il-batteriji f’konformità mal-Artikolu 13 jew stampati fuq l-imballaġġ tagħhom jew fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-batteriji; u

(f)

l-impatt tas-sustanzi, b’mod partikolari sustanzi perikolużi, preżenti fil-batteriji fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem jew is-sikurezza tan-nies, inkluż l-impatt minħabba r-rimi mhux xieraq tal-iskart ta’ batteriji, bħal rimi tal-iskart jew rimi bħala skart muniċipali mhux isseparat.

Dik l-informazzjoni għandha tkun disponibbli:

(a)

f’intervalli ta’ żmien regolari għal kull mudell ta’ batterija mill-mument li l-mudell tal-batterija kkonċernat jitqiegħed fis-suq għall-ewwel darba fi Stat Membru bħala minimu fil-punt tal-bejgħ b’mod viżibbli u permezz ta’ pjattaformi online;

(b)

b’lingwa jew lingwi li jistgħu faċilment jinftiehmu mill-utenti finali, kif determinat mill-Istat Membru fejn il-batterija tkun ser titqiegħed fis-suq.

2.   Il-produtturi għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tad-distributuri u tal-operaturi msemmija fl-Artikoli 62, 65 u 66 u ta’ operaturi oħra tal-immaniġġar tal-iskart li jkunu qed iwettqu preparazzjoni għal użu mill-ġdid, preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, jew trattament, informazzjoni rigward il-miżuri protettivi u ta’ sikurezza, inkluż dwar is-sikurezza okkupazzjonali, applikabbli għall-ħżin u l-ġbir tal-iskart ta’ batteriji.

3.   Mill-mument li batterija tiġi fornuta fit-territorju ta’ Stat Membru, il-produtturi għandhom jagħmlu disponibbli elettronikament, bla ħlas u fuq talba, lill-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart li jkunu qed iwettqu preparazzjoni għal użu mill-ġdid, preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti jew trattament, sa fejn dan ikun meħtieġ minn dawk l-operaturi biex iwettqu dawk l-attivitajiet, l-informazzjoni speċifika li ġejja dwar il-mudell tal-batterija fir-rigward tat-trattament tajjeb u li jirrispetta l-ambjent tal-iskart ta’ batteriji:

(a)

il-proċessi għaż-żarmar ta’ mezzi tat-trasport ħfief, vetturi u apparati jsir b’mod li jippermetti t-tneħħija tal-batteriji inkorporati;

(b)

il-miżuri protettivi u tas-sikurezza, inkluż fir-rigward ta’ sikurezza okkupazzjonali u l-protezzjoni min-nirien, applikabbli għall-ħażna, għat-trasport u għall-proċessi tat-trattament għall-iskart ta’ batteriji.

L-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tidentifika l-komponenti u l-materjali u l-pożizzjoni tas-sustanzi perikolużi kollha f’batterija, sa fejn dan ikun meħtieġ mill-operaturi li jwettqu preparazzjoni għal użu mill-ġdid, preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti jew trattament, sabiex ikunu jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli b’lingwa jew b’lingwi, li jistgħu jinftiehmu faċilment mill-operaturi msemmija fl-ewwel subparagrafu, kif determinat mill-Istat Membru li fis-suq tiegħu ser titqiegħed il-batterija.

4.   Id-distributuri li jfornu l-batteriji lill-utenti finali għandhom jipprovdu b’mod permanenti fil-ħwienet tal-imnut tagħhom b’mod faċilment aċċessibbli u b’mod viżibbilment ċar għall-utenti finali tal-batteriji, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, u informazzjoni dwar kif l-utenti finali jistgħu jirritornaw l-iskart ta’ batteriji mingħajr ħlas lejn il-punti ta’ ġbir rispettivi stabbiliti fil-ħwienet tal-imnut jew f’isem pjattaforma online. Dak l-obbligu għandu jkun limitat għall-kategoriji ta’ batteriji li d-distributur jew il-bejjiegħ bl-imnut għandu, jew kellu, bħala batteriji ġodda fl-offerta tiegħu.

Id-distributuri għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 anki meta jbigħu l-prodotti tagħhom permezz ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti.

5.   Il-kostijiet koperti mill-produttur skont l-Artikolu 56(4), il-punti (a) sa (d), għandhom jintwerew separatament lill-utent finali fil-punt tal-bejgħ ta’ batterija ġdida.

6.   Il-produtturi tal-kategoriji rilevanti ta’ batteriji jew l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandhom iwettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u joffru inċentivi biex iħeġġu lill-utenti finali jarmu l-iskart ta’ batteriji b’mod li jkun konformi mal-informazzjoni li ssir disponibbli lill-utenti finali rigward il-prevenzjoni u l-immaniġġar tal-iskart ta’ batteriji f’konformità mal-paragrafu 1.

7.   Meta l-informazzjoni tiġi pprovduta pubblikament lill-utenti finali skont dan l-Artikolu, għandha tiġi ppreżervata l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva f’konformità mal-liġi nazzjonali u l-liġi tal-Unjoni rilevanti.

Artikolu 75

Rekwiżiti minimi għar-rapportar lill-awtoritajiet kompetenti

1.   Il-produtturi ta’ batteriji portabbli u l-produtturi ta’ batteriji LMT jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandhom jirrapportaw lill-awtorità kompetenti, għal kull sena kalendarja, tal-anqas l-informazzjoni li ġejja skont il-kimika u l-kategorija ta’ batteriji u tal-iskart ta’ batteriji:

(a)

l-ammont ta’ batteriji portabbli u batteriji LMT li tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fit-territorju ta’ Stat Membru, minbarra batteriji li jkunu telqu mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru f’dik is-sena, qabel ma jinbiegħu lill-utenti finali;

(b)

l-ammont ta’ batteriji portabbli ta’ użu ġenerali li jkunu tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fit-territorju ta’ Stat Membru, minbarra batteriji portabbli ta’ użu ġenerali li jkunu telqu mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru f’dik is-sena, qabel ma jkunu nbiegħu lill-utenti finali;

(c)

l-ammont tal-iskart ta’ batteriji portabbli u skart ta’ batteriji LMT miġbur f’konformità mal-Artikoli 59 u 60, rispettivament;

(d)

ir-rata tal-ġbir milħuqa mill-produttur jew mill-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produttur għall-iskart ta’ batteriji portabbli u għall-iskart ta’ batteriji LMT;

(e)

l-ammont tal-iskart ta’ batteriji portabbli u tal-iskart ta’ batteriji LMT miġbur u kkonsenjat lil faċilitajiet permessi għat-trattament;

(f)

l-ammont tal-iskart ta’ batteriji portabbli u tal-iskart ta’ batteriji LMT miġbur u esportat lejn pajjiżi terzi għat-trattament, għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid jew għall-preparazzjoni għal adattament għal skop differenti;

(g)

l-ammont tal-iskart ta’ batteriji portabbli u tal-iskart ta’ batteriji LMT miġbur u kkonsenjat lill-faċilitajiet permessi għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid jew għall-preparazzjoni għal adattament għal skop differenti.

Meta l-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart minbarra produtturi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produttur, jiġbru skart ta’ batteriji portabbli jew skart ta’ batteriji LMT minn distributuri jew punti ta’ ġbir oħrajn għall-iskart ta’ batteriji portabbli jew għall-iskart ta’ batteriji LMT, huma għandhom jirrapportaw lill-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja l-ammont tal-iskart ta’ batteriji portabbli jew tal-iskart ta’ batteriji LMT miġbur skont il-kimika tagħhom.

2.   Il-produtturi ta’ batteriji SLI, batteriji industrijali u batteriji tal-vetturi elettriċi jew fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1) l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, għandhom jirrapportaw lill-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja l-informazzjoni li ġejja, skont il-kimiki u l-kategoriji tal-iskart ta’ batteriji:

(a)

l-ammont ta’ batteriji SLI, batteriji industrijali u batteriji tal-vetturi elettriċi li tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fi Stat Membru, minbarra batteriji li jkunu telqu mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru f’dik is-sena, qabel ma jinbiegħu lill-utenti finali;

(b)

l-ammont tal-iskart ta’ batteriji SLI, skart ta’ batteriji industrijali u skart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi miġbur u kkonsenjat lill-faċilitajiet permessi għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid jew għall-preparazzjoni għal adattament għal skop differenti;

(c)

l-ammont tal-iskart ta’ batteriji SLI, skart ta’ batteriji industrijali u skart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi miġbur u kkonsenjat lill-faċilitajiet permessi għat-trattament;

(d)

l-ammont tal-iskart ta’ batteriji SLI, skart ta’ batteriji industrijali skart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi miġbur u esportat lejn pajjiżi terzi, għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, għall-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti jew għat-trattament.

3.   Meta l-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart jiġbru l-iskart ta’ batteriji mingħand id-distributuri jew minn punti oħra tal-ġbir tal-iskart ta’ batteriji SLI, skart ta’ batteriji industrijali u skart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi jew mingħand l-utenti finali, huma għandhom jirrapportaw lill-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja l-informazzjoni li ġejja skont il-kimiki u l-kategoriji tal-iskart ta’ batteriji:

(a)

l-ammont tal-iskart ta’ batteriji SLI, skart ta’ batteriji industrijali u skart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi miġbur;

(b)

l-ammont tal-iskart ta’ batteriji SLI, skart ta’ batteriji industrijali u skart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi miġbur u kkonsenjat lill-faċilitajiet permessi għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid jew għall-preparazzjoni għal adattament għal skop differenti;

(c)

l-ammont tal-iskart ta’ batteriji SLI, skart ta’ batteriji industrijali u skart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi miġbur u kkonsenjat lill-faċilitajiet permessi għat-trattament;

(d)

l-ammont tal-iskart ta’ batteriji SLI, skart ta’ batteriji industrijali skart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi miġbur u esportat lejn pajjiżi terzi għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, għall-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti jew għat-trattament.

4.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) sa (g), ta’ dan l-Artikolu għandha tinkludi informazzjoni dwar il-batteriji inkorporati f’vetturi u apparati, u l-iskart ta’ batteriji mneħħi minn vetturi u apparati f’konformità mal-Artikolu 65.

5.   L-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart li jwettqu t-trattament u r-riċiklaturi għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn iseħħ it-trattament tal-iskart ta’ batteriji, għal kull sena kalendarja u mill-Istat Membru fejn ikun inġabar l-iskart ta’ batteriji, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-ammont tal-iskart ta’ batteriji riċevut għat-trattament;

(b)

l-ammont tal-iskart ta’ batteriji li bdew jgħaddu mill-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, il-preparazzjoni għal adattament għal skop differenti jew proċessi tar-riċiklaġġ;

(c)

data dwar l-effiċjenza tar-riċiklaġġ għall-iskart ta’ batteriji, l-irkupru ta’ materjali mill-iskart ta’ batteriji u d-destinazzjoni u r-rendiment tal-frazzjonijiet tal-output finali.

Ir-rapportar dwar l-effiċjenza tar-riċiklaġġ u l-irkupru ta’ materjali għandu jkopri l-passi individwali kollha tar-riċiklaġġ u l-frazzjonijiet tal-output korrispondenti kollha. Meta operazzjonijiet tar-riċiklaġġ jitwettqu f’aktar minn faċilità waħda, l-ewwel riċiklatur għandu jkun responsabbli biex jiġbor l-informazzjoni u jirrapporta dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn isir it-trattament tal-iskart ta’ batteriji, għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, fejn ikunu nġabru l-batteriji, jekk tkun differenti.

L-iskart ta’ batteriji mibgħut lil Stat Membru ieħor għat-trattament f’dak l-Istat Membru l-ieħor għandu jiġi inkluż fid-data dwar l-effiċjenza tar-riċiklaġġ u l-irkupru ta’ materjali u għandu jgħodd għall-kisba tal-miri stabbiliti fl-Anness XII mill-Istat Membru li fih ikun inġabar dak l-iskart.

6.   Meta d-detenturi tal-iskart minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 5 jesportaw il-batteriji għat-trattament, huma għandhom jirrapportaw id-data dwar l-ammont tal-iskart ta’ batteriji miġbur separatament esportat għat-trattament u d-data msemmija fil-paragrafu 5, il-punti (b) u (c) lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn ikunu jinsabu.

7.   Il-produtturi jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produttur, l-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart u d-detenturi tal-iskart imsemmija f’dan l-Artikolu għandhom jirrapportaw fi żmien sitt xhur minn tmiem is-sena ta’ rapportar li għaliha tkun inġabret id-data. L-ewwel perjodu ta’ rapportar għandu jikkonċerna l-ewwel sena kalendarja sħiħa wara d-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-format għar-rapportar lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 76(5).

8.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu sistemi elettroniċi li permezz tagħhom id-data għandha tiġi rrapportata lilhom u jispeċifikaw il-formati li għandhom jintużaw.

9.   L-Istat Membru jista’ jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jitolbu kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex tiġi żgurata li d-data rapportata tkun affidabbli.

Artikolu 76

Rapportar lill-Kummissjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku f’forma aggregata għal kull sena kalendarja u fil-format stabbilit mill-Kummissjoni fl-att ta’ implementazzjoni adottat skont il-paragrafu 5, id-data li ġejja dwar il-batteriji portabbli, il-batteriji LMT, il-batteriji SLI, il-batteriji industrijali u l-batteriji tal-vetturi elettriċi, skont il-kategoriji tal-batteriji u l-kimiki tagħhom:

(a)

l-ammont ta’ batteriji li jitqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fi Stat Membru, inklużi dawk inkorporati f’apparati, vetturi jew prodotti industrijali, bl-esklużjoni tal-batteriji li jkunu telqu mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru f’dik is-sena, qabel ma jinbiegħu lill-utenti finali;

(b)

l-ammont tal-iskart ta’ batteriji miġbur f’konformità mal-Artikoli 59, 60 u 61, u r-rati ta’ ġbir ikkalkolat abbażi tal-metodoloġija stabbilita fl-Anness XI;

(c)

l-ammont tal-iskart ta’ batteriji industrijali u l-ammont tal-iskart ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi miġbur u kkonsenjat lill-faċilitajiet permessi għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid jew għall-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti;

(d)

il-valuri għall-effiċjenzi tar-riċiklaġġ miksuba kif imsemmi fil-Parti B tal-Anness XII u l-valuri għall-irkupru ta’ materjali miksub kif imsemmi fil-Parti C tal-Anness XII, fir-rigward tal-batteriji miġbura f’dak l-Istat Membru.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik id-data disponibbli fi żmien 18-il xahar mit-tmiem is-sena tar-rapportar li għaliha tinġabar id-data. Huma għandhom jagħmlu pubblika dik id-data b’mod elettroniku fil-format stabbilit mill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 5, bl-użu ta’ servizzi tad-data faċilment aċċessibbli. Id-data għandha tkun tista’ tinqara minn magna, tiġi ssortjata u titfittex, u għandha tirrispetta l-istandards miftuħa għall-użu minn partijiet terzi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni meta d-data msemmija fl-ewwel subparagrafu ssir disponibbli.

L-ewwel perjodu ta’ rapportar għandu jikkonċerna l-ewwel sena kalendarja sħiħa wara d-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-format għar-rapportar lill-Kummissjoni, f’konformità mal-paragrafu 5.

Minbarra l-obbligi skont id-Direttivi 2000/53/KE u 2012/19/UE, id-data msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) sa (d), ta’ dan l-Artikolu għandha tinkludi l-batteriji inkorporati f’vetturi u f’apparati, u l-iskart ta’ batteriji mneħħi minn dawk il-vetturi u apparati f’konformità mal-Artikolu 65.

2.   Ir-rapportar dwar l-effiċjenza tar-riċiklaġġ u l-irkupru ta’ materjali msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (d), għandu jkopri l-passi individwali kollha tar-riċiklaġġ u l-frazzjonijiet tal-output korrispondenti kollha.

3.   Id-data magħmula disponibbli mill-Istati Membri f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tkun akkumpanjata minn rapport ta’ verifika tal-kwalità li għandu jiġi ppreżentat fil-format stabbilit mill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 5.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiġbor u tirrieżamina l-informazzjoni magħmula disponibbli f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport li jivvaluta l-organizzazzjoni tal-ġbir tad-data, is-sorsi tad-data u l-metodoloġija użata fl-Istati Membri, kif ukoll il-kompletezza, l-affidabbiltà, il-puntwalità u l-konsistenza ta’ dik id-data. Dik il-valutazzjoni tista’ tinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal titjib. Ir-rapport għandu jitfassal fi żmien sitt xhur mill-ewwel rapportar tad-data mill-Istati Membri u kull erba’ snin wara dan.

5.   Il-Kummissjoni għandha, sat-18 ta’ Awwissu 2025, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-format għad-data u l-informazzjoni li għandhom jiġu rapportati lill-Kummissjoni, kif ukoll il-metodi ta’ valutazzjoni u l-kondizzjonijiet operattivi marbuta mal-ġbir u t-trattament tal-iskart ta’ batteriji, għall-fini tal-paragrafi 1 u 4 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(3).

KAPITOLU IX

Passaport diġitali tal-batteriji

Artikolu 77

Passaport tal-batteriji

1.   Mit-18 ta’ Frar 2027 kull batterija LMT, kull batterija industrijali b’kapaċità akbar minn 2 kWh u kull batterija tal-vetturi elettriċi mqiegħda fis-suq jew fis-servizz għandu jkollha rekord elettroniku (“passaport tal-batteriji”).

2.   Il-passaport tal-batteriji għandu jkun fih informazzjoni relatata mal-mudell tal-batterija u informazzjoni speċifika għall-batterija individwali, inkluż informazzjoni li tirriżulta mill-użu ta’ dik il-batterija, kif stabbilit fl-Anness XIII.

L-informazzjoni fil-passaport tal-batteriji għandha tinkludi:

(a)

informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali f’konformità mal-punt 1 tal-Anness XIII;

(b)

informazzjoni aċċessibbli biss għall-korpi nnotifikati, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-Kummissjoni f’konformità mal-punti 2 u 3 tal-Anness XIII; u

(c)

informazzjoni aċċessibbli biss għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika b’interess leġittimu fl-aċċess u l-ipproċessar ta’ dik l-informazzjoni għall-finijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tat-tielet subparagrafu f’konformità mal-punti 2 u 4 tal-Anness XIII.

Il-finijiet għall-aċċess u l-ipproċessar tal-informazzjoni kif imsemmi fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu, għandhom:

(a)

jikkonċernaw iż-żarmar tal-batterija, inkluż il-miżuri ta’ sikurezza li għandhom jittieħdu matul iż-żarmar, u l-kompożizzjoni dettaljata tal-mudell tal-batterija u tkun essenzjali biex dawk li jsewwu, li jimmanifatturaw mill-ġdid, l-operaturi tat-tieni ħajja u r-riċiklaturi jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet ekonomiċi rispettivi tagħhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament; jew

(b)

fil-każ ta’ batteriji individwali, ikunu essenzjali għax-xerrej tal-batterija jew għall-partijiet li jaġixxu f’isem ix-xerrej, għall-fini li l-batterija individwali ssir disponibbli għall-aggregaturi tal-enerġija jew għall-parteċipanti fis-suq tal-enerġija indipendenti.

L-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu għandha tiġi inkluża fil-passaport tal-batteriji sa fejn applikabbli għall-kategorija jew is-subkategorija tal-batterija kkonċernata.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 biex temenda l-Anness XIII fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-passaport tal-batteriji fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku.

3.   Il-passaport tal-batteriji għandu jkun aċċessibbli permezz tal-kodiċi QR imsemmi fl-Artikolu 13(6) li jorbot ma’ identifikatur uniku li l-operatur ekonomiku li jqiegħed il-batterija fis-suq għandu jattribwixxi magħha.

Il-kodiċi QR u l-identifikatur uniku għandhom jikkonformaw mal-istandards ISO/IEC 15459-1:2014, 15459-2:2015, 15459-3:2014, 15459-4:2014, 15459-5:2014 u 15459-6:2014 jew l-ekwivalenti tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 biex temenda t-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku billi tissostitwixxi l-istandards imsemmija f’dak is-subparagrafu jew iżżid standards Ewropej jew internazzjonali oħra li magħhom għandhom jikkonformaw il-kodiċi QR u l-identifikatur uniku.

4.   L-operatur ekonomiku li jqiegħed il-batterija fis-suq għandu jiżgura li l-informazzjoni fil-passaport tal-batteriji tkun preċiża, kompluta u aġġornata. Huwa jista’ jagħti awtorizzazzjoni bil-miktub lil kwalunkwe operatur ieħor biex jaġixxi f’ismu.

5.   L-informazzjoni kollha inkluża fil-passaport tal-batteriji għandha tkun ibbażata fuq standards miftuħa u tkun f’format interoperabbli, trasferibbli permezz ta’ network miftuħ għall-iskambju tad-data interoperabbli mingħajr intrappolament tal-klijentela u tkun tista’ tinqara mill-magni, strutturata u li tista’ titfittex, f’konformità mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 78.

6.   L-aċċess għall-informazzjoni inkluża fil-passaport tal-batteriji għandu jiġi rregolat f’konformità mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 78.

7.   Għal batterija li kienet soġġetta għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, għall-preparazzjoni għall-adattament għal skop differenti, l-adattament għal skop differenti jew il-manifattura mill-ġdid, ir-responsabbiltà għall-issodisfar tal-obbligi skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi ttrasferita lill-operatur ekonomiku li jqiegħed dik il-batterija fis-suq jew fis-servizz. Tali batterija għandu jkollha passaport tal-batteriji ġdid marbut mal-passaport jew passaporti tal-batterija jew tal-batteriji oriġinali.

Fejn l-istatus ta’ batterija jinbidel għal dak ta’ skart ta’ batterija, ir-responsabbiltà għall-issodisfar tal-obbligi skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi ttrasferita jew lill-produttur jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), lill-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, jew lill-operatur tal-immaniġġar tal-iskart magħżul f’konformità mal-Artikolu 57(8).

8.   Passaport tal-batteriji ma għandux jibqa’ jeżisti wara li l-batterija tkun ġiet riċiklata.

9.   Sat-18 ta’ Awwissu 2026, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw liema persuni għandhom jitqiesu bħala persuni b’interess leġittimu kif imsemmi fil-punti 2 u 4 rispettivament tal-Anness XIII għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu u għal liema informazzjoni elenkata f’dawk il-punti għandu jkollhom aċċess, u sa liema punt jistgħu jniżżlu, jikkondividu, jippubblikaw u jużaw mill-ġdid dik l-informazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(3).

Il-kriterji biex jiġu speċifikati l-persuni msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (c), u biex jiġi ddeterminat sa liema punt jistgħu jniżżlu, jikkondividu, jippubblikaw u jużaw mill-ġdid l-informazzjoni msemmija fil-punti 2 u 4 tal-Anness XIII għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

il-ħtieġa li jkun hemm tali informazzjoni sabiex jiġu evalwati l-istatus u l-valur residwu tal-batterija u l-kapaċità tagħha għal użu ulterjuri;

(b)

il-ħtieġa li jkun hemm tali informazzjoni għall-fini ta’ preparazzjoni għal użu mill-ġdid, preparazzjoni għal adattament għal skop differenti, adattament għal skop differenti, manifattura mill-ġdid jew riċiklaġġ tal-batterija, jew għall-għażla bejn dawk l-operazzjonijiet;

(c)

il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-aċċess u l-ipproċessar tal-informazzjoni fil-passaport tal-batteriji li tkun kummerċjalment sensittiva jkunu limitati għall-minimu neċessarju f’konformità mad-dritt applikabbli tal-Unjoni.

Artikolu 78

Disinn tekniku u t-tħaddim tal-passaport tal-batteriji

Id-disinn tekniku u t-tħaddim tal-passaport tal-batteriji għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali li ġejjin:

(a)

il-passaport tal-batteriji għandu jkunu kompletament interoperabbli ma’ passaporti ta’ prodotti diġitali oħra meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni dwar id-disinn ekoloġiku, fir-rigward tal-aspetti tekniċi, semantiċi u organizzattivi tal-komunikazzjoni minn tarf sa tarf u tat-trasferiment tad-data;

(b)

il-konsumaturi, l-operaturi ekonomiċi u atturi rilevanti oħra għandu jkollhom aċċess għall-passaport tal-batteriji mingħajr ħlas u abbażi tad-drittijiet ta’ aċċess rispettivi tagħhom stabbiliti fl-Anness XIII u l-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 77(9);

(c)

id-data inkluża fil-passaport tal-batteriji għandha tinħażen mill-operatur ekonomiku responsabbli għall-issodisfar tal-obbligi skont l-Artikolu 77(4) jew (7), jew mill-operaturi awtorizzati li jaġixxu f’isimhom;

(d)

jekk id-data inkluża fil-passaport tal-batteriji tinħażen jew tiġi pproċessata b’xi mod ieħor minn operaturi awtorizzati li jaġixxu f’isem l-operatur ekonomiku responsabbli għall-issodisfar tal-obbligi skont l-Artikolu 77(4) jew (7), dawk l-operaturi ma għandhomx jitħallew ibigħu, jużaw mill-ġdid jew jipproċessaw tali data, kompletament jew parzjalment, lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-forniment tas-servizzi rilevanti ta’ ħżin jew ipproċessar;

(e)

il-passaport tal-batteriji għandu jibqa’ disponibbli wara li l-operatur ekonomiku responsabbli għall-issodisfar tal-obbligi skont l-Artikolu 77(4) jew (7) ma jibqax jeżisti jew iwaqqaf l-attività tiegħu fl-Unjoni;

(f)

id-drittijiet għall-aċċess, għall-introduzzjoni, il-modifika jew l-aġġornament tal-informazzjoni fil-passaport tal-batteriji għandhom ikunu ristretti abbażi tad-drittijiet ta’ aċċess speċifikati fl-Anness XIII u l-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 77(9);

(g)

għandhom ikunu żgurati l-awtentikazzjoni, l-affidabbiltà u l-integrità tad-data;

(h)

il-passaporti tal-batteriji għandhom ikunu tali li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà u ta’ privatezza u jevitaw il-frodi.

KAPITOLU X

Sorveljanza tas-suq tal-Unjoni u proċeduri ta’ salvagwardja tal-Unjoni

Artikolu 79

Proċedura fil-livell nazzjonali għat-trattament tal-batteriji li jippreżentaw riskju

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2019/1020, meta l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru wieħed ikollhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li batterija koperta minn dan ir-Regolament tippreżenta riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għas-sikurezza tal-persuni, għall-proprjetà jew għall-ambjent, huma għandhom iwettqu evalwazzjoni b’rabta mal-batterija kkonċernata li tkun tkopri r-rekwiżiti rilevanti kollha stipulati f’dan ir-Regolament.

Meta, matul l-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq isibu li l-batterija ma tikkonformax mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament (“batterija mhux konformi”), huma għandhom mingħajr dewmien jirrikjedu li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-azzjoni korrettiva xierqa kollha, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli preskritt mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq u proporzjonat man-natura tar-riskju, biex il-batterija ssir konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti, biex jirtiraha mis-suq, jew biex isejħilha lura.

L-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għandhom jinformaw lill-korp innotifikat rilevanti kif xieraq.

2.   L-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bir-riżultati tal-evalwazzjoni u bl-azzjonijiet li jkunu talbu lill-operatur ekonomiku jieħu.

3.   L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li jittieħdu l-azzjonijiet korrettivi kollha xierqa fir-rigward tal-batteriji mhux konformi kollha li l-operatur ekonomiku jkun qiegħed fis-suq fl-Unjoni kollha.

4.   Meta l-operatur ekonomiku rilevanti ma jiħux azzjoni korrettiva xierqa fil-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għandhom jieħdu l-miżuri proviżorji kollha xierqa biex jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-tqegħid tal-batteriji mhux konformi fis-suq nazzjonali tagħhom, biex jirtiraw dawk il-batteriji minn dak is-suq jew biex issejħuhom lura mis-suq.

L-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn, mingħajr dewmien, dwar dawk il-miżuri.

5.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu, għandha tinkludi d-dettalji kollha disponibbli, b’mod partikolari d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-batterija mhux konformi, l-oriġini ta’ dik il-batterija, in-natura tal-allegat nuqqas ta’ konformità u r-riskju involut, in-natura u d-durata tal-miżuri nazzjonali meħuda u l-argumenti mressqa mill-operatur ekonomiku rilevanti. B’mod partikolari, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għandhom jindikaw jekk in-nuqqas ta’ konformità huwiex dovut għal xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

in-nuqqas tal-batterija li tikkonforma mal-Artikoli 6 sa 10 jew l-Artikolu 12, 13 jew 14;

(b)

nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 15;

(c)

nuqqasijiet fl-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 16.

6.   L-Istati Membri minbarra l-Istat Membru li jibda l-proċedura skont dan l-Artikolu għandhom, mingħajr dewmien, jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bi kwalunkwe miżura adottata u bi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali għad-dispożizzjoni tagħhom dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-batterija kkonċernata u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil mal-miżura nazzjonali adottata, bl-oġġezzjonijiet tagħhom.

7.   Meta, fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu, ma tkun tqajmet l-ebda oġġezzjoni minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ miżura proviżorja meħuda minn awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq, dik il-miżura għandha titqies ġustifikata.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri restrittivi xierqa, bħall-irtirar tal-batterija mhux konformi mis-suq, fir-rigward tal-batterija mhux konformi mingħajr dewmien.

Artikolu 80

Proċedura ta’ salvagwardja tal-Unjoni

1.   Meta, ladarba titlesta l-proċedura stipulata fl-Artikolu 79(4), (6) u (7), jitqajmu oġġezzjonijiet kontra miżura meħuda minn awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq, jew meta l-Kummissjoni tqis li miżura nazzjonali tmur kontra l-liġi tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tidħol f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-operatur ekonomiku jew l-operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tevalwa l-miżura nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tisħaq biex tikkonkludi dik l-evalwazzjoni fi żmien xahar.

Abbażi tar-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jiddetermina jekk il-miżura nazzjonali hijiex ġustifikata jew le. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(3).

2.   Il-Kummissjoni għandha tindirizza l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, lill-Istati Membri kollha u għandha immedjatament tikkomunikah lilhom u lill-operatur ekonomiku jew l-operaturi ekonomiċi rilevanti.

Jekk il-miżura nazzjonali titqies ġustifikata, l-Istati Membri kollha għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-batterija mhux konformi tiġi rtirata mis-suq tagħhom, u għandhom jinformaw b’dan lill-Kummissjoni.

Jekk il-miżura nazzjonali titqies mhux ġustifikata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirtira dik il-miżura.

3.   Meta l-miżura nazzjonali titqies ġustifikata u n-nuqqas ta’ konformità tal-batterija jiġi attribwit għal nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

4.   Fejn il-miżura nazzjonali titqies li hija ġustifikata u n-nuqqas ta’ konformità tal-batterija jiġi attribwit għal nuqqasijiet fl-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 16, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tadotta att ta’ implimentazzjoni li jemenda jew iħassar l-ispeċifikazzjonijiet komuni kkonċernati. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(3).

Artikolu 81

Batteriji konformi li jippreżentaw riskju

1.   Meta, wara li jkun wettaq evalwazzjoni skont l-Artikolu 79(1), Stat Membru jsib li għalkemm batterija tkun konformi mal-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14, din tkun tippreżenta riskju għas-saħħa tal-bniedem jew is-sikurezza tal-persuni, għall-protezzjoni tal-proprjetà jew għall-ambjent (“batterija konformi li tippreżenta riskju”), huwa għandu mingħajr dewmien jirrikjedi li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-miżuri xierqa kollha, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli preskritt mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq u li jkun proporzjonat man-natura tar-riskju, biex jiżgura li l-batterija konformi li tippreżenta riskju, meta ssir disponibbli fis-suq, ma tibqax tippreżenta dak ir-riskju, jirtira dik il-batterija mis-suq jew isejjaħha lura.

2.   L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li tittieħed azzjoni korrettiva fir-rigward tal-batteriji kollha konformi li jippreżentaw riskju li l-operatur ekonomiku jkun qiegħed fis-suq fl-Unjoni kollha.

3.   L-Istat Membru għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra meta sseħħ is-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi d-dettalji kollha disponibbli, b’mod partikolari d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-batteriji konformi li jippreżentaw riskju, l-oriġini u l-katina tal-provvista ta’ tali batteriji, in-natura tar-riskju involut u n-natura u d-durata tal-miżuri nazzjonali meħuda.

4.   Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tidħol f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-operatur ekonomiku jew l-operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tevalwa l-miżuri nazzjonali meħuda. Abbażi tar-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jiddetermina jekk il-miżura nazzjonali hijiex ġustifikata jew le u, fejn ikun meħtieġ, tipproponi miżuri xierqa. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(3).

5.   Għal raġunijiet imperattivi debitament ġustifikati ta’ urġenza relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tas-sikurezza tal-persuni, u mal-protezzjoni tal-proprjetà jew tal-ambjent, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(4).

6.   Il-Kummissjoni għandha tindirizza l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafi 4 u 5 lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikah minnufih lilhom u lill-operatur ekonomiku jew l-operaturi ekonomiċi rilevanti.

Artikolu 82

Azzjonijiet konġunti

L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jistgħu jwettqu attivitajiet konġunti ma’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-operaturi ekonomiċi jew lill-utenti finali. Tali attivitajiet konġunti jistgħu jinkludu l-istabbiliment mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ta’ ċentri ta’ kompetenza tal-batteriji, bil-ħsieb li jippromwovu l-konformità, jidentifikaw in-nuqqas ta’ konformità, iqajmu sensibilizzazzjoni u jipprovdu gwida fir-rigward tar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/1020.

Artikolu 83

Nuqqas ta’ konformità formali

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 79, fejn Stat Membru jasal għal waħda mis-sejbiet li ġejjin, huwa għandu jirrikjedi li l-operatur ekonomiku rilevanti jtemm in-nuqqas ta’ konformità kkonċernat:

(a)

il-markatura CE tkun twaħħlet bi ksur tal-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

il-markatura CE ma tkunx twaħħlet;

(c)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp innotifikat, fejn meħtieġ skont l-Anness VIII, ikun twaħħal bi ksur tal-Artikolu 20 jew ma jkunx twaħħal;

(d)

id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE ma tkunx tfasslet jew ma tkunx tfasslet b’mod korrett;

(e)

id-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness VIII jew ma tkunx disponibbli, jew inkella ma tkunx kompluta;

(f)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(7) jew fl-Artikolu 41(3) tkun nieqsa, falza jew mhux kompluta;

(g)

kwalunkwe rekwiżit amministrattiv ieħor previst fl-Artikolu 38 jew 41 ma ġiex issodisfat;

2.   Meta n-nuqqas ta’ konformità msemmi fil-paragrafu 1 jippersisti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jirrestrinġi jew jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-batterija jew jiżgura li din tiġi rtirata mis-suq jew tissejjaħ lura.

Artikolu 84

Nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tad-diliġenza dovuta

1.   Meta Stat Membru jsib li operatur ekonomiku ma jwettaqx l-obbligi tad-diliġenza dovuta tiegħu stipulati fl-Artikoli 48, 49 u 50, huwa għandu jirrikjedi li l-operatur ekonomiku rilevanti jtemm in-nuqqas ta’ konformità kkonċernat.

2.   Meta n-nuqqas ta’ konformità msemmi fil-paragrafu 1 jippersisti u meta ma hemm l-ebda mezz effettiv ieħor disponibbli biex tintemm in-nuqqas ta’ konformità, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jirrestrinġi jew jipprojbixxi l-batteriji li tqiegħdu fis-suq mill-operatur ekonomiku msemmi fil-paragrafu 1 milli jitqiegħdu fis-suq u, jekk in-nuqqas ta’ konformità jkun serju, jiżgura li dawn jiġu rtirati mis-suq jew jissejħu lura.

KAPITOLU XI

Akkwist pubbliku ekoloġiku u proċedura biex jiġu emendati r-restrizzjonijiet fuq sustanzi

Artikolu 85

Akkwist pubbliku ekoloġiku

1.   L-awtoritajiet kontraenti, kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva 2014/24/UE jew fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, jew l-entitajiet kontraenti, kif definiti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, meta jakkwistaw batteriji jew prodotti li fihom il-batteriji f’sitwazzjonijiet koperti minn dawk id-Direttivi, għandhom iqisu l-impatti ambjentali ta’ dawk il-batteriji matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom bil-ħsieb li jiġi żgurat li tali impatti jinżammu għal minimu.

2.   Minn 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-ewwel att delegat imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, li jistabbilixxi l-kriterji għall-aġġudikazzjoni għall-proċeduri ta’ akkwist, l-obbligu stipulat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi ssodisfat permezz tal-applikazzjoni ta’ dawk il-kriterji ta’ għotja. Kwalunkwe proċedura ta’ akkwist imwettqa mill-awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti għax-xiri ta’ batteriji, jew prodotti li fihom il-batteriji, li taqgħa fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 7 sa 10 għandha tagħmel referenza fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħha u l-kriterji ta’ għotja għal dak l-ewwel att delegat sabiex jiġi żgurat li dawk il-batteriji, jew prodotti li fihom il-batteriji, jiġu akkwistati b’impatti ambjentali ferm aktar baxxi tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

3.   Il-Kummissjoni għandha, 12-il xahar wara l-adozzjoni tal-aħħar atti delegati msemmija fl-Artikolu 7(2), ir-raba’ subparagrafu, il-punt (a), l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 10(5), tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu kriterji għall-aġġudikazzjoni għall-proċeduri ta’ akkwist għall-batteriji, jew ta’ prodotti li fihom il-batteriji, abbażi tar-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà stipulati fl-Artikoli 7 sa 10.

Artikolu 86

Proċedura ta’ restrizzjoni għas-sustanzi

1.   Jekk il-Kummissjoni tqis li l-użu ta’ sustanza fil-manifattura tal-batteriji, jew il-preżenza ta’ sustanza fil-batteriji meta jitqiegħdu fis-suq, jew matul l-istadji taċ-ċiklu tal-ħajja sussegwenti tagħhom, inkluż matul l-adattament għal skop differenti jew matul it-trattament ‘tal-iskart ta’ batteriji, jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li ma jkunx ikkontrollat b’mod adegwat u li jeħtieġ li jiġi indirizzat madwar l-Unjoni kollha, hija għandha titlob lill-Aġenzija tħejji dossier ta’ restrizzjonijiet li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Anness XV għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Id-dossier ta’ restrizzjonijiet għandu jinkludi valutazzjoni soċjoekonomika, inkluż analiżi tal-alternattivi.

2.   Fi żmien 12-il xahar minn meta tirċievi t-talba mill-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u jekk id-dossier ta’ restrizzjonijiet imħejji mill-Aġenzija skont dak il-paragrafu juri li hija meħtieġa azzjoni madwar l-Unjoni kollha, minbarra kwalunkwe miżura diġà fis-seħħ, l-Aġenzija għandha tissuġġerixxi restrizzjonijiet sabiex jinbeda l-proċess deskritt fil-paragrafi 4 sa 9 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikoli 87 u 88.

3.   Jekk Stat Membru jqis li l-użu ta’ sustanza fil-manifattura tal-batteriji, jew il-preżenza ta’ sustanza fil-batteriji meta jitqiegħdu fis-suq, jew matul l-istadji taċ-ċiklu tal-ħajja sussegwenti tagħhom, inkluż matul l-adattament għal skop differenti jew it-trattament tal-iskart ta’ batteriji jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li ma jkunx ikkontrollat b’mod adegwat u li jeħtieġ li jiġi indirizzat madwar l-Unjoni kollha, huwa għandu jinnotifika lill-Aġenzija li huwa jipproponi li jitħejja dossier ta’ restrizzjonijiet. L-Istat Membru għandu jħejji dossier ta’ restrizzjonijiet. Id-dossier ta’ restrizzjonijiet għandu jinkludi valutazzjoni soċjoekonomika, inkluż analiżi tal-alternattivi.

Jekk id-dossier ta’ restrizzjonijiet juri li tkun meħtieġa azzjoni madwar l-Unjoni kollha, minbarra kwalunkwe miżura diġà fis-seħħ, l-Istat Membru għandu jippreżentah lill-Aġenzija fil-format stipulat fl-Anness XV għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, sabiex jinbeda l-proċess deskritt fil-paragrafi 4 sa 9 ta’ dan l-Artikolu, u l-Artikolu 87 u 88.

4.   Għall-finijiet tad-dossier ta’ restrizzjonijiet u l-proċess ta’ restrizzjonijiet, l-Aġenzija jew l-Istati Membri għandhom iqisu kwalunkwe dossier, rapport dwar is-sigurtà kimika jew valutazzjoni tar-riskju ppreżentati lill-Aġenzija jew lil Stat Membru skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006. L-Aġenzija jew l-Istati Membri għandhom iqisu wkoll kwalunkwe informazzjoni disponibbli u jirreferu għal kwalunkwe valutazzjoni tar-riskju rilevanti ppreżentata għall-finijiet ta’ liġi tal-Unjoni oħra li tkopri ċ-ċiklu tal-ħajja tas-sustanza użata fil-batterija, inkluż il-fażi tal-iskart. Għal dan il-għan, korpi oħrajn stabbiliti skont il-liġi tal-Unjoni u li jwettqu xogħol simili għandhom, fuq talba, jipprovdu informazzjoni lill-Aġenzija jew lill-Istat Membru kkonċernat.

5.   L-aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-Aġenzija fit-twettiq tal-kompiti definiti fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament u f’dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għall-Artikolu 118 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

6.   L-Aġenzija għandha żżomm lista ta’ sustanzi li fir-rigward tagħhom huwa ppjanat jew jinsab għaddej dossier ta’ restrizzjonijiet skont dan l-Artikolu fl-Aġenzija jew f’Stat Membru.

7.   Il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji, stabbilit skont l-Artikolu 76(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika, stabbilit skont l-Artikolu 76(1)(d) ta’ dak ir-Regolament, għandhom jivverifikaw jekk id-dossier ta’ restrizzjonijiet ippreżentat jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Anness XV għal dak ir-Regolament. Fi żmien 30 jum mill-wasla tad-dossier, il-Kumitat rispettiv għandu jinforma lill-Aġenzija jew lill-Istat Membru u jissuġġerixxi restrizzjonijiet, dwar jekk id-dossier jikkonformax jew le. Jekk id-dossier ma jikkonformax, ir-raġunijiet għandhom jingħataw lill-Aġenzija jew lill-Istat Membru bil-miktub fi żmien 45 jum mill-wasla tiegħu. L-Aġenzija jew l-Istat Membru għandu jġib id-dossier konformi fi żmien 60 jum mid-data tal-wasla tar-raġunijiet mill-Kumitat rispettiv, inkella għandha tiġi terminata l-proċedura taħt dan l-Artikolu.

8.   L-Aġenzija għandha tippubblika mingħajr dewmien l-intenzjoni tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru li jibdew il-proċess ta’ restrizzjoni għal sustanza, skont dan l-Artikolu, u għandha tinforma lill-partijiet ikkonċernati.

9.   L-Aġenzija għandha tagħmel id-dossier ta’ restrizzjonijiet disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tagħha, inkluż ir-restrizzjonijiet issuġġeriti skont il-paragrafi 2 u 3, mingħajr dewmien, filwaqt li tindika b’mod ċar id-data tal-pubblikazzjoni tiegħu. L-Aġenzija għandha tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha sabiex jippreżentaw individwalment jew konġuntament fi żmien erba’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni:

(a)

kummenti dwar id-dossier ta’ restrizzjonijiet u r-restrizzjonijiet issuġġeriti;

(b)

analiżi soċjoekonomika tar-restrizzjonijiet issuġġeriti, li tinkludi analiżi tal-alternattivi, jew informazzjoni li tista’ tikkontribwixxi għal tali analiżi, b’eżami tal-vantaġġi u tal-iżvantaġġi tar-restrizzjonijiet issuġġeriti. Tali analiżi għandha tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Anness XVI għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

10.   L-atti delegati msemmija fl-Artikolu 6(2) għandhom jiġu adottati fi żmien disa’ xhur wara li tasal l-opinjoni tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika tal-Aġenzija msemmi fl-Artikolu 87(2). Jekk il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika ma jadottax opinjoni sal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 87(2) jew (5), kif applikabbli, il-Kummissjoni għandha tqis l-impatt soċjoekonomiku tar-restrizzjoni, inkluż id-disponibbiltà ta’ alternattivi għas-sustanza u għandha tadotta att delegat sal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 87(2).

11.   Meta l-abbozz tal-emenda għall-Anness I jitbiegħed mill-proposta oriġinali tad-dossier ta’ restrizzjoni, imħejji skont il-proċedura stipulata f’dan l-Artikolu u fl-Artikoli 87 u 88, jew jekk ma jqisx l-opinjonijiet mill-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha tehmeż spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għad-differenzi.

Artikolu 87

Opinjoni tal-Kumitati tal-Aġenzija

1.   Fi żmien 12-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 86(9), il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji għandu jadotta opinjoni dwar jekk ir-restrizzjonijiet issuġġeriti humiex xierqa biex jitnaqqas ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, abbażi tal-kunsiderazzjoni tagħha tal-partijiet rilevanti tad-dossier ta’ restrizzjonijiet. Din l-opinjoni għandha tqis id-dossier ta’ restrizzjonijiet imħejji mill-Aġenzija, fuq it-talba tal-Kummissjoni jew mill-Istat Membru, u l-fehmiet tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 86(9), il-punt (a).

2.   Fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 86(9), il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika għandu jadotta opinjoni dwar ir-restrizzjonijiet issuġġeriti, abbażi tal-kunsiderazzjoni tiegħu mill-partijiet rilevanti tad-dossier ta’ restrizzjonijiet u l-impatt soċjoekonomiku. Qabel dan, huwa għandu jħejji abbozz ta’ opinjoni dwar ir-restrizzjonijiet issuġġeriti u dwar l-impatt soċjoekonomiku relatat, filwaqt li jqis l-analiżijiet jew l-informazzjoni skont l-Artikolu 86(9), il-punt (b), jekk ikun hemm.

3.   L-Aġenzija għandha tippubblika l-abbozz ta’ opinjoni tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika fuq is-sit web tagħha mingħajr dewmien u tistieden lill-partijiet interessati jipprovdu l-kummenti tagħhom dwar l-abbozz ta’ opinjoni mhux aktar tard minn 60 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dak l-abbozz ta’ opinjoni.

4.   Il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika għandu, mingħajr dewmien, jadotta l-opinjoni tiegħu, filwaqt li jqis, fejn xieraq, aktar kummenti li jaslu sal-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Dik l-opinjoni għandha tqis il-kummenti tal-partijiet interessati ppreżentati taħt l-Artikolu 86(9), il-punt (b), u l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

5.   Meta l-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tvarja b’mod sinifikanti mir-restrizzjonijiet issuġġeriti fid-dossier ta’ restrizzjonijiet, l-Aġenzija għandha tipposponi l-iskadenza għall-opinjoni tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika b’massimu ta’ 90 jum.

6.   Fejn il-Kumitati għall-Istima tar-Riskji u għall-Analiżi Soċjoekonomika jipprovdu opinjoni skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, huma għandhom jagħmlu użu mir-rapporteurs skont l-Artikolu 87 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u f’konformità mal-kondizzjonijiet previsti fih.

Artikolu 88

Preżentazzjoni ta’ opinjoni lill-Kummissjoni

1.   L-Aġenzija għandha tippreżenta lill-Kummissjoni mingħajr dewmien l-opinjonijiet tal-Kumitati għall-Istima tar-Riskji u għall-Analiżi Soċjoekonomika dwar ir-restrizzjonijiet issuġġeriti skont l-Artikolu 86. Fejn l-opinjonijiet tal-Kumitati għall-Istima tar-Riskji u għall-Analiżi Soċjoekonomika jiddevjaw b’mod sinifikanti mir-restrizzjonijiet issuġġeriti, l-Aġenzija għandha tippreżenta nota ta’ spjegazzjoni lill-Kummissjoni li tipprovdi spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għal tali differenzi. Jekk wieħed mill-Kumitati jew it-tnejn li huma ma jadottawx opinjoni sal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 87(1) u (2), rispettivament, l-Aġenzija għandha tinforma b’dan lill-Kummissjoni, filwaqt li tagħti r-raġunijiet.

2.   L-Aġenzija għandha tippubblika l-opinjonijiet taż-żewġ Kumitati fuq is-sit web tagħha mingħajr dewmien.

3.   L-Aġenzija għandha tipprovdi lill-Kummissjoni jew lil Stat Membru, fuq talba, id-dokumenti u l-evidenza kollha li jkunu ġew ippreżentati lilha jew ikkunsidrati minnha.

KAPITOLU XII

Setgħat delegati u proċedura tal-kumitat

Artikolu 89

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 6(2), l-Artikolu 7(1), (2) u (3), l-Artikolu 8(1) u (5), l-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10(5) u (6), l-Artikolu 11(4), l-Artikolu 12(3), l-Artikolu 13(8), l-Artikolu 14(4), l-Artikolu 48(8), l-Artikolu 53(3), l-Artikolu 59(7), l-Artikolu 60(8), l-Artikolu 70(4), l-Artikolu 71(4), (5) u (6), l-Artikolu 72(4), l-Artikolu 77(2) u (3), u l-Artikolu 85(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mis-17 ta’ Awwissu 2023. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 6(2), l-Artikolu 7(1), (2) u (3), l-Artikolu 8(1) u (5), l-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10(5) u (6), l-Artikolu 11(4), l-Artikolu 12(3), l-Artikolu 13(8), l-Artikolu 14(4), l-Artikolu 48(8), l-Artikolu 53(3), l-Artikolu 59(7), l-Artikolu 60(8), l-Artikolu 70(4), l-Artikolu 71(4), (5) u (6), l-Artikolu 72(4), l-Artikolu 77(2) u (3), u l-Artikolu 85(3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 6(2), l-Artikolu 7(1), (2) u (3), l-Artikolu 8(1) u (5), l-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10(5) u (6), l-Artikolu 11(4), l-Artikolu 12(3), l-Artikolu 13(8), l-Artikolu 14(4), l-Artikolu 48(8), l-Artikolu 53(3), l-Artikolu 59(7), l-Artikolu 60(8), l-Artikolu 70(4), l-Artikolu 71(4), (5) u (6), l-Artikolu 72(4), l-Artikolu 77(2) u (3), jew l-Artikolu 85(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew il-Kunsill fi żmien perjodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 90

Proċedura tal-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-kumitat stabbilit mill-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

KAPITOLU XIII

Emendi

Artikolu 91

Emendi għar-Regolament (UE) 2019/1020

Ir-Regolament (UE) 2019/1020 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 4(5), it-test “(UE) 2016/425(35) u (UE) 2016/426(36)” huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(UE) 2016/425 (*1), (UE) 2016/426 (*2) u (UE) 2023/1542 (*3)

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir ta’ protezzjoni personali u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 51)."

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir li jaħraq karburanti gassużi u li jħassar id-Direttiva 2009/142/KE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 99)."

(*3)  Ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jemenda d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE (ĠU L 191, 28.7.2023, p. 1);”"

(2)

fl-Anness I, il-punt 21 tal-lista tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni huwa sostitwit b’dan li ġej:

“21.

Ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jemenda d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE (ĠU L 191, 28.7.2023, p. 1) ;”.

Artikolu 92

Emenda għad-Direttiva 2008/98/KE

Fl-Artikolu 8a(7) tad-Direttiva 2008/98/KE, jinżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-batteriji, kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4), l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur li ġew stabbiliti qabel l-4 ta’ Lulju 2018, jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu sat-18 ta’ Awwissu 2025.

KAPITOLU XIV

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 93

Penali

Sat-18 ta’ Awwissu 2025 l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 94

Rieżami

1.   Sat-30 ta’ Ġunju 2031, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami u tħejji rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-impatt tiegħu fuq l-ambjent, fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq il-funzjonament tas-suq intern u tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.   B’kont meħud tal-progress tekniku u l-esperjenza prattika miksuba fl-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tinkludi, fir-rapport tagħha, evalwazzjoni dwar l-aspetti li ġejjin ta’ dan ir-Regolament:

(a)

il-lista ta’ formati komuni li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ batteriji portabbli ta’ użu ġenerali;

(b)

ir-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà u sikurezza stipulati fil-Kapitolu II, inkluż il-ħtieġa possibbli li tiġi introdotta projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ batteriji li mhumiex konformi mar-restrizzjonijiet stipulati fl-Anness I;

(c)

ir-rekwiżiti ta’ tikkettar u informazzjoni stipulati fil-Kapitolu III;

(d)

ir-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta għall-batteriji stipulati fl-Artikoli 48 sa 53;

(e)

il-miżuri dwar l-immaniġġar tal-iskart ta’ batteriji stipulati fil-Kapitolu VIII, inkluż il-possibbiltà li jiġu introdotti żewġ sottokategoriji ta’ batteriji portabbli jiġifieri batteriji portabbli rikarikabbli u mhux rikarikabbli, b’miri ta’ ġbir separat, u li tiġi introdotta mira ta’ ġbir separat għall-batteriji portabbli ta’ użu ġenerali;

(f)

il-miżuri rigward il-passaport tal-batteriji stabbiliti fil-Kapitolu IX;

(g)

il-ksur u l-effettività, il-proporzjonalità u d-dissważività tal-penali kif stabbiliti fl-Artikolu 93;

(h)

analiżi tal-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq il-kompetittività u fuq l-investimenti fis-settur tal-batteriji, kif ukoll tal-piż amministrattiv li jirriżulta minn dan ir-Regolament.

Fejn ikun xieraq, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva għall-emendar tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.

3.   Filwaqt li tqis ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, fir-rapport tagħha l-Kummissjoni għandha tinkludi evalwazzjoni speċifika tal-ħtieġa għal proposta leġiżlattiva biex jiġu emendati l-Artikoli 6, 86, 87 u 88 ta’ dan ir-Regolament.

4.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk hijiex meħtieġa xi emenda għall-Kapitolu VII fid-dawl tal-adozzjoni, jekk ikun hemm, ta’ atti leġiżlattivi tal-Unjoni li jistabbilixxu regoli dwar il-governanza korporattiva sostenibbli u d-diliġenza dovuta, inkluż obbligi għall-kumpaniji rigward l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-impatti ambjentali negattivi fir-rigward tal-operazzjonijiet tagħhom stess, l-operazzjonijiet tas-sussidjarji u l-fergħat tagħhom, u l-operazzjonijiet tal-katina tal-valur tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport li jkun fih ir-riżultati ta’ tali valutazzjoni sa 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ kwalunkwe wieħed mill-atti leġiżlattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu, jew sat-30 ta’ Ġunju 2031, skont liema jiġi l-ewwel. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha takkumpanja r-rapport tagħha bi proposta leġiżlattiva li temenda l-Kapitolu VII.

5.   Sat-30 ta’ Ġunju 2031, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-fattibbiltà u l-konsegwenzi tekniċi tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ “batterija LMT” fl-Artikolu 3, il-punt (11), b’mod partikolari billi jiġu inklużi batteriji li jħaddmu vetturi mhux bir-roti. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposta leġiżlattiva.

6.   Sal-1 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni għandha tivvaluta kif l-aħjar tintroduċi standards armonizzati għal ċarġer komuni għal, rispettivament, batteriji rikarikabbli ddisinjati għal mezzi ta’ trasport ħfief, kif ukoll għal batteriji rikarikabbli inkorporati f’kategoriji speċifiċi ta’ tagħmir elettriku u elettroniku koperti mid-Direttiva 2012/19/UE. L-apparati tal-iċċarġjar għall-kategoriji u l-klassijiet ta’ tagħmir tar-radju skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2014/53/UE għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik il-valutazzjoni.

Artikolu 95

Tħassir u regoli tranżizzjonali

Id-Direttiva 2006/66/KE hija mħassra b’effett mit-18 ta’ Awwissu 2025.

Madankollu, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom ikomplu japplikaw kif stabbilit hawn taħt:

(a)

l-Artikolu 11 sat-18 ta’ Frar 2027;

(b)

l-Artikolu 12(4) u (5) sal-31 ta’ Diċembru 2025, ħlief fir-rigward tad-dispożizzjoni li jikkonċerna t-trażmissjoni tad-data lill-Kummissjoni li għandha tkompli tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2027;

(c)

l-Artikolu 21(2) sat-18 ta’ Awwissu 2026.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 96

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika mit-18 ta’ Frar 2024, ħlief kif stabbilit fit-tieni subparagrafu u f’dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament.

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw kif ġej:

(a)

l-Artikolu 11 għandu japplika mit-18 ta’ Frar 2027;

(b)

l-Artikolu 17 u l-Kapitolu VI għandhom japplikaw mit-18 ta’ Awwissu 2024, ħlief għall-Artikolu 17(2) li għandu japplika minn 12-il xahar wara d-data tal-ewwel pubblikazzjoni tal-lista msemmija fl-Artikolu 30(2);

(c)

il-Kapitolu VIII għandu japplika mit-18 ta’ Awwissu 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Lulju 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  ĠU C 220, 9.6.2021, p. 128.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Ġunju 2023 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2023.

(3)  Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jirrigwardaw il-kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw (ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 617/2013 tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti għall-ekodisinn għall-kompjuters u s-servers informatiċi (ĠU L 175, 27.6.2013, p. 13).

(11)  Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi dijanjostiċi in vitro u li jħassar id-Direttiva 98/79/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/227/UE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 176).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi, fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u l-utenti vulnerabbli tat-triq, li jemenda r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 78/2009, (KE) Nru 79/2009 u (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 631/2009, (UE) Nru 406/2010, (UE) Nru 672/2010, (UE) Nru 1003/2010, (UE) Nru 1005/2010, (UE) Nru 1008/2010, (UE) Nru 1009/2010, (UE) Nru 19/2011, (UE) Nru 109/2011, (UE) Nru 458/2011, (UE) Nru 65/2012, (UE) Nru 130/2012, (UE) Nru 347/2012, (UE) Nru 351/2012, (UE) Nru 1230/2012 u (UE) 2015/166 (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 1).

(15)  Id-Direttiva Nru 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4).

(16)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).

(17)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

(18)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

(19)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(20)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(21)  Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1).

(23)  Ir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta’ landa, tantalju u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta’ riskju għoli (ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1).

(24)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(25)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(26)  Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).

(27)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(28)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).

(29)  Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1).

(30)  Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April tal-1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1).

(31)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(32)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 493/2012 tal-11 ta’ Ġunju 2012 li jistipula, skont id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, regoli dettaljati dwar il-kalkolu tal-effiċjenzi tar-riċiklaġġ tal-proċessi ta’ riċiklaġġ tal-iskart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi (ĠU L 151, 12.6.2012, p. 9).

(33)  Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1).

(34)  Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).

(35)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1418/2007 tad-29 ta’ Novembru 2007 li jikkonċerna l-esportazzjoni tal-irkupru ta’ ċerti tipi ta’ skart imniżżla fl-Anness III jew IIIA tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill lejn pajjiżi fejn id-Deċiżjoni tal-OECD dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali tal-iskart ma tapplikax (ĠU L 316, 4.12.2007, p. 6).

(36)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE tat-3 ta’ Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż (ĠU L 226, 6.9.2000, p. 3).

(37)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1267 tal-20 ta’ Lulju 2022 li jispeċifika l-proċeduri għad-deżinjazzjoni tal-faċilitajiet tal-ittestjar tal-Unjoni għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq u tal-verifika tal-konformità tal-prodotti skont ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 192, 21.7.2022, p. 21).

(38)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(39)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(40)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(41)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(42)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari (ĠU L 172, 2.7.2009, p. 18).

(43)  Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 52).

(44)  Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).

(45)  Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54).

(46)  Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).


ANNESS I

RESTRIZZJONI FUQ SUSTANZI

Kolonna 1

Deżinjazzjoni tas-sustanza jew tal-grupp ta’ sustanzi

Kolonna 2

Kondizzjonijiet tar-restrizzjoni

1.

Merkurju

CAS Nru 7439-97-6

KE Nru 231-106-7 u l-komposti tiegħu

Il-batteriji, kemm jekk inkorporati f’apparati, mezzi tat-trasport ħfief jew vetturi oħra kif ukoll jekk le, ma għandux ikun fihom aktar minn 0,0005 % merkurju (espress bħala metall tal-merkurju) skont il-piż.

2.

Kadmju

CAS Nru 7440-43-9

KE Nru 231-152-8 u l-komposti tiegħu

Il-batteriji portabbli, kemm jekk inkorporati f’apparati, mezzi tat-trasport ħfief jew vetturi oħra, kif ukoll jekk le, ma għandux ikun fihom aktar minn 0,002 % kadmju (espress bħala metall tal-kadmju) skont il-piż.

3.

Ċomb

CAS Nru 7439-92-1

KE Nru 231-100-4 u l-komposti tiegħu

1.

Mit-18 ta’ Awwissu 2024, il-batteriji portabbli, kemm jekk inkorporati f’apparati kif ukoll jekk le, ma għandux ikun fihom aktar minn 0,01 % ċomb (espress bħala metall taċ-ċomb) skont il-piż.

2.

Ir-restrizzjoni stabbilita fil-punt 1 ma għandhiex tapplika għal ċelluli buttuna taż-żingu-arja portabbli sat-18 ta’ Awwissu 2028.


ANNESS II

IMPRONTA TAL-KARBONJU

1.   Kamp ta’ applikazzjoni

Dan l-Anness jipprovdi elementi essenzjali dwar kif tiġi kkalkulata l-impronta tal-karbonju.

Il-metodoloġija għall-kalkolu u l-verifika tal-impronta tal-karbonju li għandha tiġi pprovduta permezz tal-att delegat adottat skont l-Artikolu 7 għandha tibni fuq l-elementi essenzjali inklużi f’dan l-Anness, tkun konformi mal-aħħar verżjoni tal-metodu tal-Kummissjoni dwar l-Impronta Ambjentali tal-Prodotti (il-PEF) u mar-Regoli tal-Kategorija rilevanti marbutin mal-Impronta Ambjentali tal-Prodott (PEFCRs) u tirrifletti l-ftehimiet internazzjonali u l-progress tekniku/xjentifiku fil-qasam tal-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja.

Il-kalkolu tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja għandu jkun ibbażat fuq il-lista ta’ materjali, l-enerġija u l-materjali awżiljarji użati f’impjant tal-manifattura speċifiku għall-produzzjoni ta’ mudell speċifiku ta’ batterija. B’mod partikolari, il-komponenti elettroniċi, pereżempju l-unitajiet tal-ġestjoni tal-batteriji u l-unitajiet tas-sikurezza, u l-materjali tal-katodu għandhom jiġu identifikati b’mod preċiż, peress li jistgħu jsiru l-kontributur ewlieni għall-impronta tal-karbonju tal-batteriji.

2.   Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“data dwar l-attivitajiet” tfisser l-informazzjoni assoċjata mal-proċessi waqt il-ħolqien ta’ mudelli tal-Inventarji taċ-Ċiklu tal-Ħajja (LCI), fejn kull wieħed mir-riżultati aggregati tal-LCI tal-katini tal-proċessi li jirrappreżentaw l-attivitajiet ta’ proċess jiġi mmultiplikat bid-data dwar l-attivitajiet korrispondenti u mbagħad ikkombinat sabiex tinkiseb l-impronta tal-karbonju assoċjata ma’ dak il-proċess;

(b)

“lista ta’ materjali” tfisser lista tal-materja prima, is-subassemblaġġi, l-assemblaġġi intermedji, is-subkomponenti u l-partijiet, u l-kwantitajiet ta’ kull wieħed meħtieġa għall-manifattura tal-batterija;

(c)

“data speċifika għall-kumpanija” tfisser data li hija mkejla jew miġbura direttament minn faċilità waħda jew aktar (data speċifika għas-sit) li hija rappreżentattiva tal-attivitajiet tal-kumpanija, tali data hija magħrufa wkoll bħala “data primarja”;

(d)

“unità funzjonali” tfisser l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-funzjonijiet, is-servizzi, jew it-tnejn, ipprovduti mill-batterija;

(e)

“ċiklu tal-ħajja” tfisser l-istadji konsekuttivi u interkonnessi ta’ sistema ta’ prodotti, mill-akkwist tal-materja prima jew il-ġenerazzjoni minn riżorsi naturali sar-rimi finali (ISO 14040:2006 jew standard ekwivalenti);

(f)

“inventarju taċ-ċiklu tal-ħajja (LCI)” tfisser is-sett ikkombinat ta’ skambji ta’ flussi elementari, tal-iskart u ta’ prodotti f’sett ta’ data tal-LCI;

(g)

“sett ta’ data tal-inventarju taċ-ċiklu tal-ħajja (LCI)” tfisser dokument jew fajl b’informazzjoni dwar iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott speċifikat jew referenza oħra, bħas-sit jew il-proċess, li jkopri metadata deskrittiva u inventarju kwantitattiv taċ-ċiklu tal-ħajja, li jista’ jinkludi sett ta’ data ta’ proċess tal-unità, sett ta’ data parzjalment aggregat jew aggregat;

(h)

“fluss ta’ referenza” tfisser il-kejl tal-outputs minn proċessi f’sistema partikolari tal-prodotti li jkunu meħtieġa biex tiġi ssodisfata l-funzjoni espressa mill-unità funzjonali (abbażi tal-ISO 14040:2006 jew standard ekwivalenti);

(i)

“data sekondarja” tfisser data li ma hijiex miġbura jew mitkejla direttament minn proċess speċifiku fil-katina tal-provvista tal-kumpanija jew stmata minn dik il-kumpanija jew stmata direttament minn dik il-kumpanija, iżda li tinkiseb minn bażi tad-data tal-LCI ta’ parti terza jew minn sorsi oħra; tali data tinkludi data medja tal-industrija, pereżempju minn data ppubblikata dwar il-produzzjoni, statistika tal-gvern, u assoċjazzjonijiet tal-industrija, kif ukoll studji tal-letteratura, studji tal-inġinerija u privattivi, u li tista’ tkun ibbażata wkoll fuq data finanzjarja, u tinkludi data proxy u data ġenerika oħra; u tinkludi wkoll data primarja li tgħaddi minn pass orizzontali ta’ aggregazzjoni;

(j)

“limitu tas-sistema” tfisser l-aspetti inklużi jew esklużi mill-istadji taċ-ċiklu tal-ħajja.

Barra minn hekk, ir-regoli armonizzati għall-kalkolu tal-impronta tal-karbonju tal-batteriji għandhom jinkludu kwalunkwe definizzjoni ulterjuri meħtieġa għall-interpretazzjoni tagħhom.

3.   Unità funzjonali u fluss ta’ referenza

L-unità funzjonali hija ddefinita bħala kWh (kilowatt-siegħa) waħda tal-enerġija totali pprovduta mis-sistema tal-batterija matul il-ħajja operattiva tal-batterija, imkejla f’kWh. L-enerġija totali tinkiseb min-numru ta’ ċikli mmultiplikat bl-ammont ta’ enerġija fornuta matul kull ċiklu.

Il-fluss ta’ referenza huwa l-piż ta’ batterija meħtieġ biex tiġi ssodisfata funzjoni speċifika u għandu jitkejjel f’kg ta’ batterija għal kull kWh tal-enerġija totali mwassla mill-batterija matul il-ħajja operattiva tagħha. Id-data kwantitattiva kollha dwar l-input u l-output miġbura mill-manifattur biex tiġi kwantifikata l-impronta tal-karbonju għandha tiġi kkalkulata b’rabta mal-fluss ta’ referenza.

B’eċċezzjoni għall-ewwel paragrafu, għal batteriji ta’ riżerva li għandhom bħala l-funzjoni primarja tagħhom li jiżguraw il-kontinwità ta’ sors ta’ enerġija, l-unità funzjonali hija definita bħala l-kapaċità li jiġi pprovdut kWmin (kilowatt-minuti) wieħed ta’ kapaċità ta’ potenza ta’ riżerva fi kwalunkwe mument matul il-ħajja tal-batterija. Għaldaqstant, il-fluss ta’ referenza għall-batteriji ta’ riżerva huwa l-piż ta’ batterija meħtieġ biex tiġi ssodisfata l-funzjoni definita u għandu jitkejjel f’kg ta’ batterija għal kull kWmin ta’ kapaċità ta’ potenza ta’ riżerva diviża bil-ħajja operattiva tal-batterija fi snin. Id-data kwantitattiva kollha dwar l-input u l-output miġbura minn manifatturi ta’ batteriji ta’ riżerva biex tiġi kwantifikata l-impronta tal-karbonju għandha tiġi kkalkulata b’rabta ma’ dak il-fluss ta’ referenza.

F’każijiet eċċezzjonali, bħal fil-każ ta’ batteriji għal vetturi ibridi mhux plug-in, il-metodoloġija tista’ tiddefinixxi unità funzjonali differenti.

4.   Limitu tas-sistema

L-istadji li ġejjin taċ-ċiklu tal-ħajja u l-proċessi involuti fihom għandhom jiġu inklużi fil-limitu tas-sistema:

Stadju taċ-ċiklu tal-ħajja

Proċessi involuti

L-akkwist u l-ipproċessar minn qabel tal-materja prima

Jinkludi l-estrazzjoni u akkwist ieħor rilevanti, l-ipproċessar minn qabel u t-trasport ta’ materjali attivi, sal-manifattura ta’ ċelluli u komponenti ta’ batterija (materjali attivi, separatur, elettrolit, kejsings, komponenti attivi u passivi tal-batteriji), u komponenti elettriċi jew elettroniċi.

Il-produzzjoni tal-prodott ewlieni

Assemblaġġ ta’ ċelluli tal-batteriji u assemblaġġ ta’ batteriji biċ-ċelluli tal-batteriji u l-komponenti elettriċi jew elettroniċi

Id-distribuzzjoni

Trasport lejn il-post tal-bejgħ

Tmiem il-ħajja u r-riċiklaġġ

Il-ġbir, iż-żarmar u r-riċiklaġġ

Il-proċessi li ġejjin involuti fl-istadji taċ-ċiklu tal-ħajja għandhom jiġu esklużi mil-limitu tas-sistema:

il-manifattura tat-tagħmir għall-assemblaġġ u r-riċiklaġġ tal-batteriji, billi l-impatti tal-impronta tal-karbonju ġew ikkalkulati bħala negliġibbli fil-PEFCRs għall-batteriji rikarikabbli ta’ enerġija speċifika għolja għall-applikazzjonijiet mobbli;

il-proċess tal-assemblaġġ tal-batterija bl-użu tal-komponenti tas-sistema tal-fabbrikant tat-tagħmir oriġinali (OEM); dan il-proċess jikkorrispondi fil-parti l-kbira għall-assemblaġġ mekkaniku u huwa inkluż ġewwa t-tagħmir OEM jew il-linja tal-assemblaġġ tal-vettura; il-konsum tal-enerġija u tal-materjal għal dan il-proċess speċifiku huwa negliġibbli meta mqabbel mal-proċess tal-manifattura tal-komponenti OEM.

Il-fażi tal-użu għandha tiġi eskluża mill-kalkoli tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja, minħabba li ma hijiex taħt l-influwenza diretta tal-manifatturi, ħlief fejn jintwera li l-għażliet li jsiru mill-manifatturi tal-batteriji fl-istadju tad-disinn jistgħu jagħtu kontribut mhux negliġibbli għal dak l-impatt.

5.   L-użu ta’ settijiet ta’ data speċifiċi u sekondarji għall-kumpaniji

Minħabba l-għadd kbir ta’ komponenti tal-batterija u l-kumplessità ta’ proċessi tal-manifattura, l-operatur ekonomiku għandu jillimita, fejn ġustifikat, l-użu ta’ data speċifika għall-kumpanija għall-ipproċessar u l-analiżi tal-komponenti tal-partijiet speċifiċi għall-batterija.

B’mod partikolari, id-data kollha dwar l-attivitajiet relatata mal-anodu, il-katodu, l-elettrolit, is-separatur u l-kejsing taċ-ċelluli tal-batterija għandha tirreferi għal mudell speċifiku ta’ batterija prodott f’impjant speċifiku tal-produzzjoni. Għaldaqstant, ma għandha tintuża l-ebda data awtomatika dwar l-attività. Id-data tal-attività speċifika għall-batterija għandha tintuża flimkien mas-settijiet ta’ data sekondarji rilevanti konformi mal-PEF.

Billi d-dikjarazzjoni dwar l-impronta tal-karbonju hija speċifika għal mudell ta’ batterija prodott f’sit ta’ produzzjoni definit, it-teħid ta’ kampjuni tad-data miġbura minn impjanti differenti li jipproduċu l-istess mudell ta’ batterija ma għandux ikun permess.

Fejn hemm bidla fil-lista ta’ materjali jew fit-taħlita tal-enerġija użati biex tiġi prodotta mudell ta’ batterija, l-impronta tal-karbonju għal dak il-mudell tal-batterija għandha tiġi kkalkulata mill-ġdid.

Ir-regoli armonizzati li għandhom jiġu pprovduti permezz ta’ att delegat kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) għandhom jinkludu mmudellar dettaljat tal-istadji taċ-ċiklu tal-ħajja li ġejjin:

l-akkwist u l-ipproċessar minn qabel tal-materja prima,

il-produzzjoni,

id-distribuzzjoni,

il-produzzjoni proprja tal-elettriku,

tmiem il-ħajja.

6.   Valutazzjoni tal-impatt tal-impronta tal-karbonju

L-impronta tal-karbonju tal-batterija għandha tiġi kkalkulata billi jintuża l-metodu tal-valutazzjoni tal-impatt taċ-ċiklu tal-ħajja tat-“tibdil fil-klima” rrakkomandat fir-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-2019 intitolat “Suġġerimenti għall-aġġornament tal-metodu tal-Impronta Ambjentali tal-Prodott (PEF)”.

Ir-riżultati għandhom jingħataw bħala riżultati kkaratterizzati mingħajr normalizzazzjoni u ponderazzjoni. Il-lista tal-fatturi ta’ karatterizzazzjoni li għandhom jintużaw tinsab fuq il-Pjattaforma Ewropea dwar il-Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja (LCA).

7.   Kumpens

Il-kumpens jiġi kkalkulat skont xenarju ta’ referenza li jirrappreżenta xenarju ipotetiku ta’ x’emissjonijiet kien ikun hemm fin-nuqqas tal-proġett ta’ mitigazzjoni li jiġġenera l-kumpens.

Il-kumpens ma għandux jiġi inkluż fid-dikjarazzjoni dwar l-impronta tal-karbonju, iżda jista’ jiġi rrappurtat b’mod separat bħala tagħrif ambjentali addizzjonali u jintuża għal skopijiet ta’ komunikazzjoni.

8.   Klassijiet ta’ prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju

Skont id-distribuzzjoni tal-valuri fid-dikjarazzjonijiet tal-impronta tal-karbonju ta’batteriji mqiegħda fis-suq, għandhom jiġu identifikati għadd sinifikanti ta’ klassijiet tal-prestazzjoni, bil-kategorija A li hija l-aħjar klassi bl-inqas impatt tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja, sabiex ikun hemm lok għal differenzjazzjoni fis-suq tal-kategoriji ta’ batteriji msemmija fl-Artikolu 7(1).

L-istabbiliment tal-limitu għal kull klassi tal-prestazzjoni, kif ukoll il-wisa’ ta’ dik il-klassi, għandhom ikunu bbażati fuq id-distribuzzjoni tal-prestazzjonijiet tal-kategoriji ta’ batteriji msemmija fl-Artikolu 7(1) imqiegħda fis-suq fit-tliet snin preċedenti, it-titjib teknoloġiku mistenni, u fatturi tekniċi oħra.

9.   Limiti massimi tal-karbonju

Abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz tad-dikjarazzjonijiet dwar l-impronta tal-karbonju u d-distribuzzjoni relattiva tal-klassijiet tal-prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju tal-mudelli tal-batteriji mqiegħda fis-suq, u filwaqt li jitqies il-progress xjentifiku u tekniku f’dan il-qasam, il-Kummissjoni għandha tidentifika l-limiti massimi tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja għall-kategoriji ta’ batteriji msemmija fl-Artikolu 7(1), wara li tkun wettqet valutazzjoni tal-impatt dedikata li tiddetermina il-valuri għal-limiti massimi.

Meta tistabbilixxi l-limiti massimi tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tqis id-distribuzzjoni relattiva tal-valuri tal-impronta tal-karbonju għal batteriji fis-suq, l-ammont ta’ progress fit-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju tal-batteriji mqiegħda fis-suq u l-kontribut attwali u potenzjali ta’ dawk il-limiti massimi tal-impronta tal-karbonarju taċ-ċiklu tal-ħajja għall-objettivi tal-Unjoni dwar il-mobbiltà sostenibbli u n-newtralità klimatika sal-2050.


ANNESS III

PARAMETRI TAL-PRESTAZZJONI ELETTROKIMIKA U TAD-DURABBILTÀ GĦAL BATTERIJI PORTABBLI TA’ UŻU ĠENERALI

Parti A

Parametri għal batteriji mhux rikarikabbli

1.

Id-durata medja minima: il-ħin minimu medju li ntlaħaq minn kampjun ta’ batteriji mal-iskarika meta jintużaw taħt kondizzjonijiet speċifiċi, bħat-temperatura u l-umdità relattiva.

2.

Prestazzjoni ta’ skarika mdewma:, it-tnaqqis relattiv tad-durata medja minima, bid-durata medja minima mkejla fil-bidu bħala l-punt ta’ referenza, wara perjodu definit u taħt kondizzjonijiet speċifiċi, bħat-temperatura u l-umdità relattiva.

3.

Ir-reżistenza għat-tnixxija: ir-reżistenza għall-ħruġ mhux ippjanat ta’ elettroliti, gass jew materjal ieħor.

Parti B

Parametri għal batteriji rikarikabbli

1.

Il-kapaċità attribwita: il-valur tal-kapaċità ta’ batterija, taħt kundizzjonijiet speċifiċi, bħat-temperatura u l-umdità relattiva, u ddikjarat mill-manifattur.

2.

Iż-żamma (kapaċità) (1) taċ-ċarġ: il-kapaċità li batterija tista’ taħdem wara l-ħżin, taħt kundizzjonijiet speċifiċi, bħat-temperatura u l-umdità relattiva, għal żmien speċifiku, mingħajr iċċarġjar mill-ġdid sussegwenti u espressa bħala perċentwal tal-kapaċità attribwita.

3.

L-irkupru (kapaċità) taċ-ċarġ: il-kapaċità li batterija tista’ taħdem b’iċċarġjar mill-ġdid sussegwenti wara l-ħżin, taħt kundizzjonijiet speċifiċi bħat-temperatura u l-umdità, għal żmien speċifiku u espressa bħala perċentwal tal-kapaċità attribwita.

4.

Reżistenza f’ċikli: l-għadd ta’ ċikli ta’ ċarġ u ta’ skarika li batterija tista’ twettaq taħt kundizzjonijiet speċifiċi, bħat-temperatura u l-umdità relattiva, qabel ma l-kapaċità taqa’ taħt frazzjoni speċifikata tal-kapaċità attribwita.

5.

Ir-reżistenza għat-tnixxija: ir-reżistenza għall-ħruġ mhux ippjanat ta’ elettroliti, gass jew materjal ieħor.

(1)  L-IEC issemmi ċ-ċarġ u l-kapaċità. It-tnejn li huma jirrappreżentaw l-istess kwantità fiżika (ċarġ); l-unika differenza hija li ċ-ċarġ hija espressa f’C = A*s filwaqt li l-kapaċità f’A*h. Fil-prattika l-kapaċità hija użata fil-parti l-kbira tal-każijiet.


ANNESS IV

REKWIŻITI TA’ PRESTAZZJONI ELETTROKIMIKA U TA’ DURABBILTÀ GĦAL BATTERIJI LMT, BATTERIJI INDUSTRIJALI B’KAPAĊITÀ AKBAR MINN 2 KWH U BATTERIJI TAL-VETTURI ELETTRIĊI

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Kapaċità attribwita” tfisser l-għadd totali ta’ sigħat ampere (Ah) li jistgħu jittieħdu minn batterija kompletament iċċarġjata taħt kundizzjonijiet ta’ referenza.

(2)

“Tbaxxija tal-kapaċità” tfisser it-tnaqqis matul iż-żmien u mal-użu tal-ammont ta’ ċarġ li batterija tista’ tforni bil-vultaġġ attribwit, fir-rigward tal-kapaċità attribwita oriġinali.

(3)

“Potenza” tfisser l-ammont ta’ enerġija li batterija hija kapaċi tipprovdi matul perjodu speċifikat taħt kundizzjonijiet ta’ referenza.

(4)

“Tbaxxija tal-potenza” tfisser it-tnaqqis tul iż-żmien u mal-użu fl-ammont ta’ potenza li batterija tista’ tforni bil-vultaġġ attribwit.

(5)

“Reżistenza interna” tfisser l-oppożizzjoni għall-fluss tal-kurrent ġewwa ċellula jew batterija taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġifieri, it-total tar-reżistenza elettronika u r-reżistenza jonika għall-kontribut għar-reżistenza effettiva totali inkluż il-proprjetajiet induttivi/kapaċitattivi.

(6)

“Effiċjenza enerġetika taċ-ċiklu sħiħ” tfisser il-proporzjon tal-enerġija netta fornuta minn batterija waqt test ta’ skarika mal-enerġija totali meħtieġa biex l-istat taċ-ċarġ inizjali jiġi rrestawrat permezz ta’ ċarġ standard.

Parti A

Parametri relatati mal-prestazzjoni elettrokimika u d-durabbiltà

1.

Il-kapaċità attribwita (f’Ah) u t-tbaxxija tal-kapaċità (f’%).

2.

Il-potenza (f’W) u t-tbaxxija tal-potenza (f’%).

3.

Ir-reżistenza interna (f’Ω) u ż-żieda fir-reżistenza interna (f’%).

4.

Fejn applikabbli, l-effiċjenza enerġetika taċ-ċiklu sħiħ u t-tbaxxija tagħha (f’%).

5.

It-tul tal-ħajja mistenni tal-batterija taħt il-kundizzjonijiet ta’ referenza li tkun ġiet iddisinjata għalihom f’termini ta’ ċikli, ħlief għal applikazzjonijiet mhux ċikliċi, u snin kalendarji.

Parti B

Elementi biex jiġi spjegat il-kejl għall-parametri elenkati fil-Parti A

1.

Ir-rata tal-iskarika u r-rata taċ-ċarġ applikati.

2.

Il-proporzjon bejn il-potenza nominali tal-batterija (W) u l-enerġija tal-batterija (Wh).

3.

Il-profondità tal-iskarika fit-test tal-ħajja taċ-ċiklu.

4.

Il-kapaċità f’termini ta’ potenza fi stat ta’ ċarġ ta’ 80 % u 20 %.

5.

Kwalunkwe kalkolu mwettaq bil-parametri mkejla, jekk applikabbli.

ANNESS V

PARAMETRI TAS-SIKUREZZA

1.   Xokk termali u ċiklar

Dan it-test għandu jitfassal biex jevalwa l-bidliet fl-integrità tal-batterija li jirriżultaw mill-espansjoni u mill-kontrazzjoni tal-komponenti taċ-ċelluli mal-espożizzjoni għal bidliet estremi u f’daqqa fit-temperatura, u l-konsegwenzi potenzjali ta’ tali bidliet. Waqt xokk termali, l-batterija għandha tiġi esposta għal żewġ limiti tat-temperatura u tinżamm f’kull limitu tat-temperatura għal perjodu speċifikat.

2.   Protezzjoni kontra xort fiċ-ċirkwit estern

Dan it-test għandu jevalwa l-prestazzjoni tas-sikurezza ta’ batterija meta jiġi applikat xort fiċ-ċirkwit estern. It-test jista’ jevalwa l-attivazzjoni tal-apparat tal-protezzjoni kontra l-kurrent żejjed jew il-kapaċità taċ-ċelluli li jifilħu l-kurrent mingħajr ma tintlaħaq sitwazzjoni perikoluża (eż. runaway termali, splużjoni, nar). Il-fatturi ta’ riskju ewlenin huma l-ġenerazzjoni tas-sħana fil-livell taċ-ċelluli u l-arki elettriċi, li jistgħu jagħmlu ħsara liċ-ċirkwiti jew iwasslu għal tnaqqis fir-reżistenza tal-iżolament.

3.   Protezzjoni minn ċarġ eċċessiv

Dan it-test għandu jevalwa l-prestazzjoni tas-sikurezza ta’ batterija f’sitwazzjonijiet ta’ ċarġ eċċessiv. Ir-riskji ta’ sikurezza ewlenin matul ċarġ eċċessiv huma d-dekompożizzjoni tal-elettrolit, tal-katodu u tal-anodu, id-dekompożizzjoni eżotermika tas-saff tal-interfażi ta’ elettrolit solidu (SEI), id-degradazzjoni tas-separatur, u l-ipplejtjar bil-litju, li jistgħu jwasslu biex il-batterija tisħon waħedha u għal runaway termali. Il-fatturi li jaffettwaw l-eżitu tat-test għandhom, bħala minimu, jinkludu, ir-rata tal-iċċarġjar u l-istat ta’ ċarġ li finalment jintlaħaq. Il-protezzjoni tista’ tiġi żgurata jew permezz tal-kontroll tal-vultaġġ (interruzzjoni wara li jintlaħaq il-limitu tal-vultaġġ tal-iċċarġjar) jew bil-kontroll tal-kurrent (interruzzjoni wara li jinqabeż il-kurrent massimu tal-iċċarġjar).

4.   Protezzjoni minn skarika eċċessiva

Dan it-test għandu jevalwa l-prestazzjoni tas-sikurezza ta’ batterija f’sitwazzjonijiet ta’ skarika eċċessiva. Ir-riskji tas-sikurezza matul skarika eċċessiva jinkludu t-treġġigħ lura tal-polarità li jwassal għall-ossidazzjoni tal-kollettur tal-kurrent anodiku (Ram) u għal ipplejtjar fuq in-naħa tal-katodu. Anki skarika eċċessiva minuri tista’ tikkawża l-formazzjoni ta’ dendrite u fl-aħħar mill-aħħar tikkawża xort fiċ-ċirkwit.

5.   Protezzjoni minn temperatura eċċessiva

Dan it-test għandu jevalwa l-effett tal-falliment tal-kontroll tat-temperatura jew il-falliment ta’ karatteristiċi oħra għal protezzjoni kontra s-sħana eċċessiva interna waqt it-tħaddim.

6.   Protezzjoni minn propagazzjoni termali

Dan it-test għandu jevalwa l-prestazzjoni tas-sikurezza ta’ batterija f’sitwazzjonijiet ta’ propagazzjoni termali. Runaway termali f’ċellula waħda tista’ tikkawża reazzjoni kaskata fil-batterija kollha li tista’ tkun magħmula minn bosta ċelluli. Dan jista’ jwassal għal konsegwenzi severi inkluż rilaxx sinifikanti ta’ gass. Dan it-test għandu jqis it-testijiet li qed jiġu żviluppati għall-applikazzjonijiet tat-trasport mill-ISO u r-Regolament Tekniku Globali tan-NU.

7.   Ħsara mekkanika minn forzi esterni

Dawn it-testijiet għandhom jissimulaw sitwazzjoni waħda jew aktar li fihom batterija tiġi esposta aċċidentalment għal stress mekkaniku u tibqa’ operattiva għall-iskop li għalih tkun ġiet iddisinjata. Il-kriterji għas-simulazzjoni ta’ dawn is-sitwazzjonijiet jenħtieġ li jirriflettu l-użi tal-ħajja reali.

8.   Xort fiċ-ċirkwit intern

Dan it-test għandu jevalwa l-prestazzjoni tas-sikurezza ta’ batterija f’sitwazzjonijiet ta’ xort fiċ-ċirkwit intern. L-okkorrenza ta’ xortijiet fiċ-ċirkwit intern, waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenin għall-manifatturi tal-batteriji, potenzjalment twassal għal ivventjar, runaway termali u sparking li jista’ jqabbad il-fwar tal-elettroliti li joħorġu miċ-ċellula. Il-ġenerazzjoni ta’ tali xort fiċ-ċirkwiti interni tista’ tiġi attivata mill-imperfezzjonijiet tal-manifattura, il-preżenza ta’ impuritajiet fiċ-ċelluli jew it-tkabbir dendritiku tal-litju, u hija l-kawża tal-parti l-kbira tal-inċidenti tas-sikurezza. Huma possibbli xenarji ta’ xortijiet interni fiċ-ċirkwit (eż. il-kuntatt elettriku tal-katodu/anodu, il-kollettur tal-kurrent tal-aluminju/il-kollettur tal-kurrent tar-ram, il-kollettur tal-kurrent tal-aluminju/anodu) kull wieħed b’reżistenza għall-kuntatt differenti.

9.   Abbuż termali

Matul dan it-test, il-batterija għandha tkun esposta għal temperaturi elevati (f’IEC 62619 it-temperatura hija 85 °C) li jistgħu jikkawżaw reazzjonijiet ta’ dekompożizzjoni eżotermika u jwasslu għal runaway termali fiċ-ċellula.

10.   Test tan-nar

Ir-riskju ta’ splużjoni għandu jiġi vvalutat billi l-batterija tiġi esposta għan-nar.

11.   Emissjonijiet ta’ gassijiet

Il-batteriji jista’ jkun fihom ammonti sinifikanti ta’ materjal potenzjalment perikoluż, pereżempju elettroliti li jieħdu n-nar malajr ħafna, komponenti korrużivi u tossiċi. Jekk tkun esposta għal ċerti kundizzjonijiet, l-integrità tal-batterija tista’ tiġi kompromessa li tirriżulta fir-rilaxx ta’ gassijiet perikolużi. Għalhekk, huwa importanti li jiġu identifikati l-emissjonijiet ta’ gassijiet minn sustanzi rilaxxati mill-batterija matul it-testijiet: ir-riskju ta’ gassijiet tossiċi emessi minn elettroliti mhux milwiema għandhom jitqiesu sew għall-parametri kollha tas-sikurezza elenkati fil-punti 1 sa 10.


ANNESS VI

REKWIŻITI TA’ TIKKETTAR, IMMARKAR U INFORMAZZJONI

Parti A: Informazzjoni ġenerali dwar il-batteriji

L-informazzjoni fuq it-tikketta ta’ batterija għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja rigward il-batterija:

1.

l-informazzjoni li tidentifika l-manifattur f’konformità mal-Artikolu 38(7);

2.

il-kategorija ta’ batterija u l-informazzjoni li tidentifika l-batterijaf’konformità mal-Artikolu 38(6);

3.

il-post tal-manifattura (il-pożizzjoni ġeografika tal-impjant tal-manifattura tal-batteriji);

4.

id-data tal-manifattura (ix-xahar u s-sena);

5.

il-piż;

6.

il-kapaċità;

7.

il-kimika;

8.

is-sustanzi perikolużi preżenti fil-batterija, għajr il-merkurju, il-kadmju jew iċ-ċomb;

9.

aġent tat-tifi tan-nar li jista’ jintuża;

10.

il-materja prima kritika preżenti fil-batterija f’konċentrazzjoni ta’ aktar minn 0,1 % piż skont il-piż.

Parti B: Simbolu għal ġbir separat ta’ batteriji

Image 1

Parti C: Kodiċi QR

Il-kodiċi QR għandu jkun f’kuntrast għoli mal-kulur tal-isfond u ta’ daqs li jista’ jinqara faċilment minn qarrej QR li jkun ġeneralment disponibbli, bħalma huma dawk integrati f’apparat ta’ komunikazzjoni li jinżamm fl-idejn.


ANNESS VII

PARAMETRI GĦAD-DETERMINAZZJONI TAL-ISTAT TAS-SAĦĦA U T-TUL TAL-ĦAJJA MISTENNI TAL-BATTERIJI

Parti A

Il-parametri għad-determinazzjoni tal-istat tas-saħħa ta’ batteriji ta’ vetturi elettriċi, sistemi tal-ħżin tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji u batteriji LMT:

Għall-batteriji tal-vetturi elettriċi:

l-istat tal-enerġija ċċertifikata (SOCE).

Għal sistemi tal-ħżin tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji u batteriji LMT:

1.

il-kapaċità li jifdal;

2.

fejn possibbli, il-kapaċità tal-potenza li jifdal;

3.

fejn possibbli, l-effiċjenza taċ-ċiklu sħiħ li jifdal;

4.

l-evoluzzjoni tar-rati ta’ awtoskarika;

5.

fejn possibbli, ir-reżistenza ohmika.

Parti B

Il-parametri għad-determinazzjoni tat-tul tal-ħajja mistenni tas-sistemi għall-ħżin tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji u batteriji LMT:

1.

id-data tal-manifattura tal-batterija u, fejn xieraq, id-data tat-tqegħid fis-servizz;

2.

it-throughput tal-enerġija;

3.

it-throughput tal-kapaċità;

4.

it-traċċar ta’ avvenimenti ta’ ħsara, bħall-għadd ta’ avvenimenti ta’ skarika profonda, il-ħin imqatta’ f’temperaturi estremi, il-ħin tal-iċċarġjar f’temperaturi estremi;

5.

l-għadd ta’ ċikli sħaħ ekwivalenti ta’ ċarġ u skarika.


ANNESS VIII

PROĊEDURI TA’ VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

Parti A

MODULU A – KONTROLL INTERN TAL-PRODUZZJONI

1.   Deskrizzjoni tal-modulu

Il-kontroll intern tal-produzzjoni huwa l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità, li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2, 3, u 4, u jiżgura u jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu li l-batteriji kkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 6, 9, 10, 12, 13 u 14 applikabbli għalihom.

2.   Dokumentazzjoni teknika

Il-manifattur għandu jfassal id-dokumentazzjoni teknika. Id-dokumentazzjoni għandha tippermetti l-valutazzjoni tal-konformità tal-batterija mar-rekwiżiti rilevanti msemmija fil-punt 1 u għandha tinkludi analiżi u valutazzjoni adegwati tar-riskji.

Id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika r-rekwiżiti applikabbli u tkopri, sa fejn ikun rilevanti għall-valutazzjoni, id-disinn, il-manifattura u t-tħaddim tal-batterija. Fejn applikabbli, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi tal-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni ġenerali tal-batterija u l-użu maħsub tagħha;

(b)

id-disinn kunċettwali u tpinġijiet tal-manifattura u skemi tal-komponenti, tas-subassemblaġġi u taċ-ċirkwiti;

(c)

id-deskrizzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet meħtieġa għall-fehim tat-tpinġijiet u l-iskemi msemmija fil-punt (b) u għat-tħaddim tal-batterija;

(d)

eżemplari tat-tikketta meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 13;

(e)

lista tal-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 15, applikati b’mod sħiħ jew parzjali, li tinkludi indikazzjoni ta’ liema partijiet ġew applikati, lista tal-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 16, applikati b’mod sħiħ jew parzjali, li tinkludi indikazzjoni ta’ liema partijiet ġew applikati, u lista tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi oħra rilevanti użati għal skopijiet ta’ kejl jew kalkolu;

(f)

fejn l-istandards armonizzati u l-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fil-punt (e) ma jkunux ġew applikati jew ma jkunux disponibbli, deskrizzjoni tas-soluzzjonijiet adottati biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fl-Artikoli 6, 9, 10, 12, 13 u 14 jew biex tiġi vverifikata l-konformità tal-batteriji ma’ dawk ir-rekwiżiti;

(g)

ir-riżultati tal-kalkoli tad-disinn magħmula u l-eżamijiet imwettqa, u l-evidenza teknika jew dokumentarja użata; u

(h)

ir-rapporti tat-testijiet.

3.   Il-manifattura

Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-proċess ta’ manifattura u l-monitoraġġ tiegħu jiżguraw li l-batteriji jikkonformaw mad-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 2 u mar-rekwiżiti applikabbli msemmija fil-punt 1.

4.   Il-markatura CE u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE

Il-manifattur għandu jwaħħal il-markatura CE ma’ kull batterija individwali li tissodisfa r-rekwiżiti applikabbli msemmija fil-punt 1, jew, fejn dak ma jkunx possibbli jew mhux ġustifikat minħabba n-natura tal-batterija, mal-imballaġġ u mad-dokumenti li jakkumpanjaw il-batterija.

Il-manifattur għandu jħejji dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għal kull mudell ta’ batterija f’konformità mal-Artikolu 18 u jżommha flimkien mad-dokumentazzjoni teknika, għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, għal perjodu ta’ 10 snin wara t-tqegħid fis-suq tal-aħħar batterija li tappartjeni għall-mudell tal-batterija rispettiv. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tidentifika l-mudell tal-batterija li għalih tkun tħejjiet.

Kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tingħata lill-awtoritajiet nazzjonali meta tintalab.

5.   Ir-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur

L-obbligi tal-manifattur stipulati fil-punti 4 jistgħu jiġu ssodisfati mir-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur, f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat.

Parti B

MODULU D1 - ASSIGURAZZJONI TAL-KWALITÀ TAL-PROĊESS TA’ PRODUZZJONI

1.   Deskrizzjoni tal-modulu

L-assigurazzjoni tal-kwalità tal-proċess ta’ produzzjoni hija l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2, 4 u 7, u jiżgura u jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ operaturi ekonomiċi oħra f’konformità ma’ dan ir-Regolament, li l-batteriji kkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli stipulati fl-Artikoli 7 u 8, jew, skont l-għażla tal-manifattur, ir-rekwiżiti applikabbli kollha stipulati fl-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14.

2.   Dokumentazzjoni teknika

Il-manifattur għandu jfassal id-dokumentazzjoni teknika. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tippermetti l-valutazzjoni tal-konformità tal-batterija mar-rekwiżiti rilevanti msemmija fil-punt 1, u għandha tinkludi analiżi u valutazzjoni adegwati tar-riskji.

Id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika r-rekwiżiti applikabbli u tkopri, sa fejn ikun rilevanti għall-valutazzjoni, id-disinn, il-manifattura u t-tħaddim tal-batterija. Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha, fejn applikabbli, mill-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni ġenerali tal-batterija u l-użu maħsub tagħha;

(b)

id-disinn kunċettwali u t-tpinġijiet tal-manifattura u l-iskemi tal-komponenti, tas-subassemblaġġi u taċ-ċirkwiti;

(c)

id-deskrizzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet meħtieġa għall-fehim tat-tpinġijiet u l-iskemi msemmija fil-punt (b) u għat-tħaddim tal-batterija;

(d)

eżemplari tat-tikketta meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 13;

(e)

lista tal-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 15, l-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 16, jew tat-tnejn li huma, li ġew applikati, u, fil-każ ta’ standards armonizzati, speċifikazzjonijiet komuni, jew it-tnejn li huma, applikati parzjalment, indikazzjoni ta’ liema partijiet ġew applikati;

(f)

lista ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti oħra użati għall-finijiet ta’ kejl jew ta’ kalkolu u deskrizzjonijiet tas-soluzzjonijiet adottati biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14 jew biex tiġi vverifikata l-konformità tal-batteriji ma’ dawk ir-rekwiżiti, meta l-istandards armonizzati, l-ispeċifikazzjonijiet komuni, jew it-tnejn li huma, ma jkunux ġew applikati jew ma jkunux disponibbli;

(g)

ir-riżultati tal-kalkoli tad-disinn magħmula, u l-eżamijiet imwettqa, u l-evidenza teknika jew dokumentarja użata;

(h)

studju li jappoġġa l-valuri tal-impronta tal-karbonju msemmija fl-Artikolu 7(1) u l-klassi tal-impronta tal-karbonju msemmija fl-Artikolu 7(2), li jkun fih il-kalkoli magħmula f’konformità mal-metodoloġija stipulata fl-att delegat adottat skont l-Artikolu 7(1), ir-raba’ subparagrafu, il-punt (a), u l-evidenza u l-informazzjoni li jiddeterminaw id-data tal-input għal dawk il-kalkoli;

(i)

studju li jappoġġa s-sehem tal-kontenut riċiklat imsemmi fl-Artikolu 8, li jkun fih il-kalkoli magħmula f’konformità mal-metodoloġija stipulata fl-att delegat adottat skont l-Artikolu 8(1), it-tieni subparagrafu, u l-evidenza u l-informazzjoni li jiddeterminaw id-data tal-input għal dawk il-kalkoli; u

(j)

ir-rapporti tat-testijiet.

3.   Disponibbiltà tad-dokumentazzjoni teknika

Il-manifattur għandu jżomm id-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal 10 snin wara t-tqegħid fis-suq tal-batterija.

4.   Il-manifattura

Il-manifattur għandu jopera sistema approvata tal-kwalità għall-produzzjoni, għall-ispezzjoni tal-prodott finali u għall-ittestjar tal-batteriji kkonċernati kif speċifikat fil-punt 5 u għandu jkun soġġett għal sorveljanza kif speċifikat fil-punt 6.

5.   Sistema tal-kwalità

1.

Il-manifattur għandu jiddepożita applikazzjoni għall-valutazzjoni tas-sistema tiegħu tal-kwalità mal-korp innotifikat tal-għażla tiegħu għall-batterji kkonċernati.

L-applikazzjoni għandha tinkludi:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-manifattur u, jekk l-applikazzjoni ssir mir-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur, l-isem u l-indirizz ta’ dan ukoll;

(b)

dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma tressqet għand ebda korp innotifikat ieħor;

(c)

l-informazzjoni kollha rilevanti għall-kategorija tal-batterija maħsuba;

(d)

id-dokumentazzjoni li tirrigwarda s-sistema tal-kwalità msemmija fil-punt 5.2;

(e)

id-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 2.

2.

Is-sistema tal-kwalità għandha tiżgura li l-batteriji jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli stipulati fl-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14.

L-elementi, ir-rekwiżiti u d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-manifattur għandhom jiġu dokumentati b’mod sistematiku u b’mod ordnat fl-għamla ta’ politiki, proċeduri u struzzjonijiet miktuba. Id-dokumentazzjoni tas-sistema tal-kwalità għandha tagħmilha possibbli li jkun hemm interpretazzjoni konsistenti tal-programmi, pjanijiet, manwali u reġistri tal-kwalità.

Id-dokumentazzjoni tas-sistema tal-kwalità għandha, b’mod partikolari, ikun fiha deskrizzjoni xierqa ta’ dawn li ġejjin:

(a)

l-għanijiet ta’ kwalità u l-istruttura, ir-responsabbiltajiet u l-poteri organizzattivi tal-ġestjoni f’dak li jkollu x’jaqsam mal-kwalità tal-prodott;

(b)

il-proċeduri għad-dokumentazzjoni u l-monitoraġġ tal-parametri u d-data meħtieġa għall-kalkolu u l-aġġornament tas-sehem tal-kontenut riċiklat imsemmi fl-Artikolu 8 u, fejn applikabbli, il-valuri u l-klassi tal-impronta tal-karbonju msemmija fl-Artikolu 7;

(c)

it-tekniki, il-proċessi u l-azzjonijiet sistematiċi korrispondenti tal-manifattura, tal-kontroll tal-kwalità u tal-assigurazzjoni tal-kwalità li ser jintużaw;

(d)

l-eżamijiet, il-kalkoli, il-kejl u t-testijiet li ser jitwettqu qabel, matul u wara l-manifattura, u l-frekwenza li biha ser isiru;

(e)

ir-reġistri tal-kwalità, bħalma huma rapporti ta’ spezzjonijiet, u data tal-kalkoli, il-kejl u t-testijiet, data dwar il-kalibrazzjoni, rapporti dwar il-kwalifiki dwar il-persunal ikkonċernat;

(f)

il-mezzi ta’ monitoraġġ tal-ksib tal-kwalità meħtieġa tal-prodott u tal-funzjonament effettiv tas-sistema tal-kwalità.

3.

Il-korp innotifikat għandu jivvaluta s-sistema tal-kwalità biex jiddetermina jekk tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 5.2.

Huwa għandu jassumi l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti fir-rigward tal-elementi tas-sistema tal-kwalità li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti tal-istandard armonizzat rilevanti.

Minbarra esperjenza fis-sistemi ta’ ġestjoni tal-kwalità, it-tim tal-awditjar għandu jkollu tal-anqas membru wieħed b’esperjenza ta’ evalwazzjoni fil-qasam tal-prodott rilevanti u t-teknoloġija tal-prodott ikkonċernat, u għarfien tar-rekwiżiti applikabbli stipulati fl-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14.

L-awditu għandu jinkludi żjara ta’ valutazzjoni fil-bini tal-manifattur.

It-tim tal-awditjar għandu jeżamina d-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 2 sabiex jivverifika l-abbiltà tal-manifattur li jidentifika r-rekwiżiti applikabbli stipulati fl-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14 u jwettaq l-eżamijiet, il-kalkoli, il-kejl u t-testijiet neċessarji bil-ħsieb li jiżgura l-konformità tal-batterija ma’ dawk ir-rekwiżiti. It-tim tal-awditjar għandu jivverifika l-affidabbiltà tad-data użata għall-kalkolu tas-sehem tal-kontenut riċiklat imsemmi fl-Artikolu 8 u, fejn applikabbli, il-valuri u l-klassi tal-impronta tal-karbonju msemmija fl-Artikolu 7 kif ukoll l-implimentazzjoni xierqa tal-metodoloġija rilevanti tal-kalkolu.

Wara li jkun ivvaluta s-sistema ta’ kwalità, il-korp innotifikat għandu jjinnotifikata d-deċiżjoni tiegħu lill-manifattur. In-notifika għandu jkun fiha l-konklużjonijiet tal-awditu u r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni.

4.

Il-manifattur għandu jimpenja ruħu li jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mis-sistema tal-kwalità kif approvata u li jżommha hekk sabiex tibqa’ adegwata u effiċjenti.

5.

Il-manifattur għandu jżomm informat lill-korp innotifikat li jkun approva s-sistema tal-kwalità dwar kull tibdil maħsub għas-sistema tal-kwalità.

Il-korp innotifikat għandu jevalwa kwalunkwe bidla proposta u jiddeċiedi jekk is-sistema tal-kwalità modifikata hix ser tkompli tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt 5.2 jew jekk hemmx bżonn ta’ valutazzjoni mill-ġdid.

Il-korp innotifikat għandu jinnotifika lill-manifattur bid-deċiżjoni tiegħu. In-notifika għandu jkun fiha l-konklużjonijiet tal-eżami u d-deċiżjoni motivata tal-valutazzjoni.

6.

Sorveljanza taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat

1.

L-għan tas-sorveljanza hu li jkun aċċertat li l-manifattur iwettaq kif dovut l-obbligi li jirriżultaw mis-sistema tal-kwalità approvata.

2.

Il-manifattur għandu, għal finijiet ta’ valutazzjoni, jagħti aċċess lill-korp innotifikat għas-siti tal-manifattura, tal-ispezzjoni, tal-ittestjar u tal-ħżin u għandu jagħtih l-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa, b’mod partikolari:

(a)

id-dokumentazzjoni tas-sistema tal-kwalità msemmija fil-punt 5.2;

(b)

id-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 2;

(c)

ir-reġistri tal-kwalità, bħalma huma rapporti ta’ spezzjonijiet, u data tal-kalkoli, il-kejl u t-testijiet, data dwar il-kalibrazzjoni u rapporti dwar il-kwalifiki dwar il-persunal ikkonċernat.

3.

Il-korp innotifikat għandu jwettaq awditi perjodiċi biex jiżgura li l-manifattur iżomm u japplika s-sistema tal-kwalità, u għandu jipprovdi lill-manifattur rapport tal-awditu. Matul tali awditi, il-korp innotifikat għandu jivverifika mill-inqas l-affidabbiltà tad-data użata għall-kalkolu tas-sehem tal-kontenut riċiklat imsemmi fl-Artikolu 8 u, fejn applikabbli, il-valuri u l-klassi tal-impronta tal-karbonju msemmija fl-Artikolu 7, kif ukoll l-implimentazzjoni xierqa tal-metodoloġija rilevanti tal-kalkolu.

4.

Barra minn hekk, il-korp innotifikat jista’ jagħmel żjarat mhux mistennija lill-manifattur. Waqt tali żjarat, il-korp innotifikat, jekk ikun neċessarju, jista’ jwettaq eżamijiet, kalkoli, kejl u testijiet, jew iqabbad lil min jagħmilhom, sabiex jivverifika li s-sistema tal-kwalità tkun qed taħdem sewwa. Il-korp innotifikat għandu jipprovdi lill-manifattur rapport taż-żjara u, jekk ikunu twettqu xi testijiet, rapport tat-testijiet.

7.

Il-markatura CE u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE

1.

Il-manifattur għandu jwaħħal il-markatura CE, u, taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat imsemmi fil-punt 5.1, in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma’ kull batterija individwali li tissodisfa r-rekwiżiti applikabbli msemmija fil-punt 1, jew, fejn dan ma jkunx possibbli jew mhux ġustifikat minħabba n-natura tal-batterija, mal-imballaġġ u mad-dokumenti li jakkumpanjaw il-batterija.

2.

Il-manifattur għandu jħejji dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għal kull mudell ta’ batterija f’konformità mal-Artikolu 18 u jżommha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal 10 snin wara t-tqegħid fis-suq tal-aħħar batterija li tappartjeni għall-mudell tal-batterija rispettiv. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tidentifika l-mudell tal-batterija li għalih tkun tħejjiet.

Kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tingħata lill-awtoritajiet nazzjonali meta tintalab.

8.

Disponibbiltà tad-dokumentazzjoni tas-sistema tal-kwalità

Il-manifattur għandu, għal perjodu ta’ 10 snin wara t-tqegħid fis-suq tal-batterija, iżomm għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali:

(a)

id-dokumentazzjoni tas-sistema tal-kwalità msemmija fil-punt 5.2;

(b)

il-bidla msemmija fil-punt 5.5, kif approvata;

(c)

id-deċiżjonijiet u r-rapporti mill-korp innotifikat imsemmija fil-punti 5.5, 6.3 u 6.4.

9.

Obbligi ta’ informazzjoni tal-korp innotifikat

Kull korp innotifikat għandu jinforma lill-awtorità tan-notifika tiegħu bl-approvazzjonijiet tas-sistema tal-kwalità maħruġa jew irtirati u għandu, perjodikament jew fuq talba, jagħmel disponibbli lill-awtorità tan-notifika l-lista tal-approvazzjonijiet tas-sistema tal-kwalità rifjutati, sospiżi jew inkella limitati.

Kull korp innotifikat għandu jinforma lill-korpi nnotifikati l-oħrajn bl-approvazzjonijiet tas-sistema tal-kwalità li rrifjuta, irtira, issospenda jew b’xi mod ieħor illimita, u, fuq talba, bl-approvazzjonijiet tas-sistema tal-kwalità maħruġa minnu.

10.

Ir-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur

L-obbligi tal-manifattur stipulati fil-punti 3, 5.1, 5.5, 7 u 8 jistgħu jiġu ssodisfati mir-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur, f’isem il-manifattur u taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur, dment li dawn ikunu speċifikati fil-mandat.

Parti C

MODULU G - KONFORMITÀ ABBAŻI TAL-VERIFIKA TAL-UNITÀ

1.   Deskrizzjoni tal-modulu

Il-konformità abbażi tal-verifika tal-unità hija l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2, 3 u 5, u jiżgura u jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ operaturi ekonomiċi oħra f’konformità ma’ dan ir-Regolament, li l-batterija kkonċernata, li tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-punt 4, tkun konformi mar-rekwiżiti applikabli stipulati fl-Artikoli 7 u 8, jew, skont l-għażla tal-manifattur, ir-rekwiżiti applikabbli kollha stipulati fl-Artikoli 6 sa 10 u l-Artikoli 12, 13 u 14.

2.   Dokumentazzjoni teknika

1.

Il-manifattur għandu jħejji d-dokumentazzjoni teknika u jqegħidha għad-dispożizzjoni tal-korp innotifikat imsemmi fil-punt 4. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tippermetti l-valutazzjoni tal-konformità tal-batterija mar-rekwiżiti rilevanti msemmija fil-punt 1 u għandha tinkludi analiżi u valutazzjoni adegwati tar-riskji.

Id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika r-rekwiżiti applikabbli u tkopri, sa fejn ikun rilevanti għall-valutazzjoni, id-disinn, il-manifattura u t-tħaddim tal-batterija.

Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha, fejn applikabbli, mill-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni ġenerali tal-batterija u l-użu maħsub tagħha;

(b)

id-disinn kunċettwali u tpinġijiet tal-manifattura u skemi tal-komponenti, tas-subassemblaġġi u taċ-ċirkwiti;

(c)

id-deskrizzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet meħtieġa għall-fehim tat-tpinġijiet u l-iskemi msemmija fil-punt (b) u għat-tħaddim tal-batterija;

(d)

eżemplari tat-tikketta meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 13;

(e)

lista tal-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 15, l-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 16, jew fit-tnejn li huma, li ġew applikati, u, fil-każ ta’ standards armonizzati, speċifikazzjonijiet komuni applikati parzjalment, jew fit-tnejn li huma, indikazzjoni ta’ liema partijiet ġew applikati;

(f)

lista ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti oħra użati għall-finijiet ta’ kejl jew ta’ kalkolu u deskrizzjonijiet tas-soluzzjonijiet adottati biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti applikabbli msemmija fil-punt 1 jew biex tiġi vverifikata l-konformità tal-batteriji ma’ dawk ir-rekwiżiti, meta l-istandards armonizzati, l-ispeċifikazzjonijiet komuni, jew it-tnejn li huma, ma jkunux ġew applikati jew ma jkunux disponibbli;

(g)

ir-riżultati tal-kalkoli tad-disinn magħmula u tal-eżamijiet imwettqa, u l-evidenza teknika jew dokumentarja użata;

(h)

studju li jappoġġa l-valuri u l-klassi tal-impronta tal-karbonju msemmija fl-Artikolu 7, li jkun fih il-kalkoli magħmula f’konformità mal-metodoloġija stipulata fl-att delegat adottat skont l-Artikolu 7(1), ir-raba’ subparagrafu, il-punt (a), u l-evidenza u l-informazzjoni li jiddeterminaw id-data tal-input għal dawk il-kalkoli;

(i)

studju li jappoġġa s-sehem tal-kontenut riċiklat imsemmi fl-Artikolu 8, li jkun fih il-kalkoli magħmula f’konformità mal-metodoloġija stipulata fl-att delegat adottat skont l-Artikolu 8(1), it-tieni subparagrafu, u l-evidenza u l-informazzjoni li jiddeterminaw id-data tal-input għal dawk il-kalkoli; u

(j)

ir-rapporti tat-testijiet.

2.

Il-manifattur għandu jżomm id-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal 10 snin wara t-tqegħid fis-suq tal-batterija.

3.

Il-manifattura

Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-proċess ta’ manifattura u l-monitoraġġ tiegħu jiżguraw li l-batterija manifatturata hija konformi mar-rekwiżiti applikabbli msemmija fil-punt 1.

4.

Verifika

1.

Korp innotifikat magħżul mill-manifattur għandu jwettaq eżamijiet, kalkoli, kejl u testijiet xierqa, kif stipulati fl-istandards armonizzati rilevanti msemmija fl-Artikolu 15, fl-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 16, jew it-tnejn li huma, jew testijiet ekwivalenti, biex jivverifika l-konformità tal-batterija mar-rekwiżiti applikabbli msemmija fil-punt 1, jew iqabbad lil min jagħmilhom. Fin-nuqqas ta’ tali standard armonizzat jew speċifikazzjoni komuni, il-korp innotifikat ikkonċernat għandu jiddeċiedi dwar l-eżamijiet, il-kalkoli, il-kejl u t-testijiet xierqa li għandhom jitwettqu.

Il-korp innotifikat għandu joħroġ ċertifikat ta’ konformità fir-rigward tal-eżamijiet, il-kalkoli, il-kejl u t-testijiet li jkunu twettqu u għandu jwaħħal in-numru ta’ identifikazzjoni tiegħu mal-batterija approvata, jew iqabbad lil min iwaħħlu taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

2.

Il-manifattur għandu jżomm iċ-ċertifikati ta’ konformità għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal 10 snin wara t-tqegħid fis-suq tal-batterija.

5.

Il-markatura CE u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE

Il-manifattur għandu jwaħħal il-markatura CE, u, taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat imsemmi fil-punt 4, in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma’ kull batterija li tissodisfa r-rekwiżiti applikabbli msemmija fil-punt 1, jew, fejn dan ma jkunx possibbli jew mhux ġustifikat minħabba n-natura tal-batterija, mal-imballaġġ u mad-dokumenti li jakkumpanjaw il-batterija.

Il-manifattur għandu jħejji dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE f’konformità mal-Artikolu 18 għal kull batterija u jżommha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal 10 snin wara t-tqegħid fis-suq tal-batterija. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tidentifika l-batterija li għaliha tkun tħejjiet.

Kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tingħata lill-awtoritajiet nazzjonali meta tintalab.

6.

Rappreżentant awtorizzat tal-manifattur

L-obbligi tal-manifattur stipulati fil-punti 2.2., 4.2. u 5 jistgħu jiġu ssodisfati mir-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur, f’isem il-manifattur u taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur, dment li dawn ikunu speċifikati fil-mandat.


ANNESS IX

DIKJARAZZJONI TA’ KONFORMITÀ TAL-UE Nru* …

* (numru ta’ identifikazzjoni tad-dikjarazzjoni)

1.

Il-mudell tal-batterija (prodott, kategorija, u lott jew numru tas-serje):

2.

L-isem u l-indirizz tal-manifattur u, fejn ikun applikabbli, tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu:

3.

Din id-dikjarazzjoni tal-konformità tinħareġ taħt ir-responsabbiltà unika tal-manifattur.

4.

L-għan tad-dikjarazzjoni (deskrizzjoni tal-batterija u identifikazzjoni li tippermetti t-traċċabbiltà, u li tista’, fejn xieraq, tinkludi stampa tal-batterija):

5.

L-għan tad-dikjarazzjoni deskritta fil-punt 4 huwa konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni: … (referenza għall-atti l-oħra tal-Unjoni applikati).

6.

Referenzi għall-istandards armonizzati rilevanti jew għall-ispeċifikazzjonijiet komuni użati jew referenzi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi l-oħrajn li fir-rigward tagħhom tiġi ddikjarata l-konformità:

7.

Il-korp innotifikat … (isem, indirizz, numru) … wettaq … (deskrizzjoni tal-intervent) … u ħareġ iċ-ċertifikat(i): … (dettalji, inkluż id-data tagħha, u, fejn xieraq, informazzjoni dwar it-tul ta’ u l-kondizzjonijiet għall-validità tagħha).

8.

Informazzjoni addizzjonali

Iffirmata għal u f’isem:

(post u data tal-ħruġ):

(isem, funzjoni) (firma)


ANNESS X

LISTA TAL-MATERJA PRIMA U L-KATEGORIJI TA’ RISKJU

1.

Materja prima:

(a)

kobalt;

(b)

grafit naturali;

(c)

litju;

(d)

nikil;

(e)

komposti kimiċi bbażati fuq il-materja prima elenkata fil-punti (a) sa (d), li huma meħtieġa għall-manifattura tal-materjali attivi tal-batteriji.

2.

Kategoriji ta’ riskju soċjali u ambjentali:

(a)

l-ambjent, il-klima u s-saħħa tal-bniedem, meta jitqiesu l-effetti diretti, indotti, indiretti u kumulattivi, inklużi:

(i)

l-arja, inkluż it-tniġġis tal-arja, bħall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra,

(ii)

l-ilma, inkluż qiegħ il-baħar u l-ambjent tal-baħar, u inkluż it-tniġġis tal-ilma, l-użu tal-ilma, il-kwantitajiet tal-ilma (għargħar jew pixkiet) u l-aċċess għall-ilma,

(iii)

il-ħamrija, inkluż it-tniġġis tal-ħamrija, l-erożjoni tal-ħamrija, l-użu tal-art u d-degradazzjoni tal-art,

(iv)

il-bijodiversità, inkluż il-ħsara lill-ħabitats, il-fawna selvaġġa, il-flora u l-ekosistemi, inkluż is-servizzi tal-ekosistema,

(v)

sustanzi perikolużi,

(vi)

ħsejjes u vibrazzjonijiet,

(vii)

is-sikurezza tal-pjanti,

(viii)

l-użu tal-enerġija,

(ix)

l-iskart u r-residwi;

(b)

id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-ħaddiema u r-relazzjonijiet industrijali, inklużi:

(i)

is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol,

(ii)

it-tħaddim tat-tfal,

(iii)

ix-xogħol furzat,

(iv)

id-diskriminazzjoni,

(v)

il-libertajiet tat-trade unions;

(c)

il-ħajja komunitarja, inkluża dik tal-popli indiġeni.

3.

L-istrumenti internazzjonali li jkopru r-riskji msemmija fil-punt 2 jinkludu:

(a)

l-Għaxar Prinċipji tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti;

(b)

il-Linji gwida tal-UNEP għall-Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja tal-Prodotti;

(c)

il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, b’mod partikolari d-Deċiżjoni COP VIII/28 - Linji gwida volontarji dwar l-inklużjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-Bijodiversità fil-valutazzjoni tal-impatt;

(d)

il-Ftehim ta’ Pariġi tan-NU;

(e)

it-tmien Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO kif definiti fid-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol;

(f)

kwalunkwe konvenzjoni ambjentali internazzjonali oħra li torbot lill-Unjoni jew lill-Istati Membri tagħha;

(g)

id-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol;

(h)

il-Karta Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali.

4.

L-istrumenti ta’ diliġenza dovuta rikonoxxuti internazzjonalment u applikabbli għar-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta stipulati fil-Kapitolu VII ta’ dan ir-Regolament:

(a)

il-Karta Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

(b)

il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

(c)

il-Linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali;

(d)

id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali;

(e)

il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Imġiba Responsabbli fin-Negozju;

(f)

il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u ta’ Riskju Għoli.


ANNESS XI

KALKOLU TAR-RATI TA’ ĠBIR GĦALL-ISKART TA’ BATTERIJI PORTABBLI U L-ISKART TA’ BATTERIJI LMT

1.

Il-produtturi tal-kategorija rilevanti ta’ batteriji jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, u l-Istati Membri għandhom jikkalkulaw ir-rata ta’ ġbir bħala l-perċentwal miksub bid-diviżjoni tal-piż tal-iskart tal-batteriji, miġbur f’konformità mal-Artikoli 59, 60 u 69, rispettivament, f’sena kalendarja partikolari fi Stat Membru bil-piż medju ta’ tali batteriji li l-produtturi jqiegħdu direttament fis-suq għad-dispożizzjoni tal-utenti finali jew inkella jikkonsenjaw lil partijiet terzi sabiex iqegħduhom fis-suq għad-dispożizzjoni tal-utenti finali f’dak l-Istat Membru matul it-tliet snin kalendarji preċedenti. Ir-rata ta’ ġbir għandha tiġi kkalkulata għall-batteriji portabbli f’konformità mal-Artikolu 59, u għall-batteriji LMT f’konformità mal-Artikolu 60 rispettivament.

Sena

Ġbir ta’ data

Kalkolu

Rekwiżit ta’ rapportar

Sena 1

Bejgħ fis-sena 1 (S1)

 

 

 

Sena 2

Bejgħ fis-sena 2 (S2)

 

 

 

Sena 3

Bejgħ fis-sena 3 (S3)

 

 

 

Sena 4

Bejgħ fis-sena 4 (S4)

Ġbir fis-sena 4 (C4)

Rata ta’ ġbir (CR4) = 3*C4/(S1+S2+S3)

CR4

Sena 5

Bejgħ fis-sena 5 (S5)

Ġbir fis-sena 5 (C5)

Rata ta’ ġbir (CR5) = 3*C5/(S2+S3+S4)

CR5

Eċċ.

Eċċ.

Eċċ.

Eċċ.

 

2.

Il-produtturi tal-kategorija rilevanti ta’ batteriji jew, fejn maħtura f’konformità mal-Artikolu 57(1), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, u l-Istati Membri għandhom jikkalkulaw il-bejgħ annwali tal-batteriji lil utenti finali f’sena partikolari, bħala l-piż ta’ tali batteriji mqiegħda fis-suq għall-ewwel darba fit-territorju tal-Istat Membru fis-sena kkonċernata, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe batterija li tkun telqet mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru f’dik is-sena, qabel ma nbiegħet lill-utenti finali. Dak il-bejgħ għandu jiġi kkalkulat separatament għall-batteriji portabbli u għall-batteriji LMT.

3.

Għal kull batterija, għandha tingħadd biss l-ewwel darba li din issir disponibbli fis-suq ta’ Stat Membru.

4.

Il-kalkolu previst fil-punti 1 u 2 għandu jkun ibbażat fuq data miġbura jew fuq stimi statistikament sinifikanti bbażati fuq data miġbura.

ANNESS XII

REKWIŻITI TA’ ĦŻIN U TA’ TRATTAMENT, INKLUŻ TAR-RIĊIKLAĠĠ

Parti A: Rekwiżiti ta’ ħżin u ta’ trattament

1.

It-trattament għandu, bħala minimu, jinkludi t-tneħħija tal-fluwidi u l-aċidi kollha.

2.

It-trattament u kwalunkwe ħżin, inkluż ħżin temporanju, f’faċilitajiet ta’ trattament, inkluż f’faċilitajiet ta’ riċiklaġġ, għandu jsir f’postijiet b’uċuħ impermeabbli u b’għata adatta kontra l-elementi tat-temp jew f’kontenituri xierqa.

3.

L-iskart ta’ batteriji f’faċilitajiet ta’ trattament, inkluż f’faċilitajiet ta’ riċiklaġġ, għandu jinħażen b’tali mod li dan ma jitħallatx ma’ skart minn materjal konduttiv jew kombustibbli.

4.

Għandhom ikunu fis-seħħ prekawzjonijiet speċjali u miżuri ta’ sikurezza għat-trattament tal-iskart ta’ batteriji abbażi tal-litju matul l-immaniġġar, is-separazzjoni u l-ħżin. Miżuri bħal dawn għandhom jinkludu protezzjoni mill-esponiment għal:

(a)

sħana eċċessiva, bħal temperaturi għoljin, nar jew dawl tax-xemx dirett;

(b)

ilma, bħal preċipitazzjoni u għargħar;

(c)

kwalunkwe tgħaffiġ jew ħsara fiżika.

Skart ta’ batteriji abbażi tal-litju għandhom jinħażnu fl-orjentazzjoni tagħhom normalment installata, jiġifieri qatt rashom ’l isfel, u f’żoni ventilati tajjeb u għandhom ikunu mgħottija b’iżolament tal-gomma kontra vultaġġ għoli. Il-faċilitajiet tal-ħżin tal-iskart għal batteriji abbażi tal-litju għandhom jiġu mmarkati b’sinjal ta’ twissija.

5.

Il-merkurju għandu jiġi sseparat waqt it-trattament fi fluss identifikabbli, li għandu jiġi immobilizzat u mormi b’mod sikur u ma jistax jikkawża effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent.

6.

Il-kadmju għandu jiġi sseparat waqt it-trattament fi fluss identifikabbli, li għandu jingħata destinazzjoni sikura u ma jistax jikkawża effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent.

Parti B: Miri għall-effiċjenzi ta’ riċiklaġġ

1.

Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025, ir-riċiklaġġ għandu jikseb mill-anqas il-miri li ġejjin għall-effiċjenzi ta’ riċiklaġġ:

(a)

riċiklaġġ ta’ 75 % skont il-piż medju ta’ batteriji taċ-ċomb u l-aċidu;

(b)

riċiklaġġ ta’ 65 % skont il-piż medju ta’ batteriji abbażi tal-litju;

(c)

riċiklaġġ ta’ 80 % skont il-piż medju ta’ batteriji tan-nikil u tal-kadmju;

(d)

riċiklaġġ ta’ 50 % skont il-piż medju tal-iskart ta’ batteriji oħrajn.

2.

Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2030, ir-riċiklaġġ għandu jikseb mill-anqas il-miri li ġejjin għall-effiċjenzi ta’ riċiklaġġ:

(a)

riċiklaġġ ta’ 80 % skont il-piż medju ta’ batteriji taċ-ċomb u l-aċidu;

(b)

riċiklaġġ ta’ 70 % skont il-piż medju ta’ batteriji abbażi tal-litju.

Parti C: Miri għall-irkupru ta’ materjali

1.

Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2027, ir-riċiklaġġ kollu għandu jikseb mill-anqas il-miri li ġejjin għall-irkupru ta’ materjali:

(a)

90 % għall-kobalt;

(b)

90 % għar-ram;

(c)

90 % għaċ-ċomb;

(d)

50 % għal-litju;

(e)

90 % għan-nikil.

2.

Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2031, ir-riċiklaġġ kollu għandu jikseb mill-anqas il-miri li ġejjin għall-irkupru ta’ materjali:

(a)

95 % għall-kobalt;

(b)

95 % għar-ram;

(c)

95 % għaċ-ċomb;

(d)

80 % għal-litju;

(e)

95 % għan-nikil.


ANNESS XIII

TAGĦRIF LI GĦANDU JIĠI INKLUŻ FIL-PASSAPORT TAL-BATTERIJI

1.   INFORMAZZJONI AĊĊESSIBBLI GĦALL-PUBBLIKU RELATATA MAL-MUDELL TAL-BATTERIJA

Passaport tal-batteriji għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja relatata mal-mudell tal-batterija li għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku:

(a)

l-informazzjoni speċifikata fil-Parti A tal-Anness VI;

(b)

il-kompożizzjoni tal-materjal tal-batterija, inkluż il-kimika tagħha, is-sustanzi perikolużi preżenti fil-batterija, għajr il-merkurju, il-kadmju jew iċ-ċomb, u l-materja prima kritika preżenti fil-batterija;

(c)

l-informazzjoni dwar l-impronta tal-karbonju msemmija fl-Artikolu 7(1) u (2);

(d)

informazzjoni dwar l-akkwist responsabbli kif indikat fir-rapport dwar il-politika tad-diliġenza dovuta tal-batteriji msemmija fl-Artikolu 52(3);

(e)

informazzjoni dwar il-kontenut irriċiklat kif jinsab fid-dokumentazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1);

(f)

is-sehem tal-kontenut rinnovabbli;

(g)

il-kapaċità attribwita (f’Ah);

(h)

il-vultaġġ minimu, nominali u massimu, bil-meded tat-temperatura meta jkunu rilevanti;

(i)

il-kapaċità f’termini ta’ potenza oriġinali (f’Watts) u l-limiti, b’medda ta’ temperaturi meta rilevanti;

(j)

it-tul tal-ħajja mistenni tal-batterija espress f’ċikli, u t-test ta’ referenza użat;

(k)

il-limitu tal-kapaċità għall-eżawriment (għall-batteriji tal-vetturi elettriċi biss);

(l)

il-medda tat-temperaturi li l-batterija tista’ tiflaħ meta ma tkunx qed tintuża (test ta’ referenza);

(m)

il-perjodu li għalih tapplika l-garanzija kummerċjali għall-ħajja kalendarja;

(n)

l-effiċjenza inizjali taċ-ċiklu sħiħ tal-enerġija u b’50 % tal-ħajja taċ-ċiklu;

(o)

ir-reżistenza interna taċ-ċellola u tal-pakkett tal-batterija;

(p)

ir-rata C tat-test rilevanti tal-ħajja taċ-ċiklu.

(q)

ir-rekwiżiti dwar l-immarkar stipulati fl-Artikolu 13(3) u (4);

(r)

id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE msemmija fl-Artikolu 18;

(s)

l-informazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġar tal-iskart ta’ batteriji stipulata fl-Artikolu 74(1), il-punti (a) sa (f).

2.   INFORMAZZJONI RELATATA MAL-MUDELL TAL-BATTERIJA AĊĊESSIBBLI BISS LIL PERSUNI B’INTERESS LEĠITTIMU U L-KUMMISSJONI

Passaport tal-batteriji għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja relatata mal-mudell tal-batterija, li għandha tkun aċċessibbli biss lil persuni b’interess leġittimu u l-Kummissjoni:

(a)

il-kompożizzjoni, inkluż il-materjali użati fil-katodu, l-anodu u l-elettrolit;

(b)

in-numri tal-partijiet għall-komponenti u d-dettalji ta’ kuntatt tas-sorsi għall-partijiet tal-bdil;

(c)

informazzjoni dwar iż-żarmar, inkluż mill-inqas:

dijagrammi li jagħtu dettalji tas-sistema/pakkett tal-batterija li juru fejn jinsabu ċ-ċelluli tal-batterija,

sekwenzi taż-żarmar,

it-tip u n-numru tat-tekniki ta’ twaħħil għall-ftuħ,

l-għodod meħtieġa għaż-żarmar,

twissijiet jekk jeżisti riskju ta’ ħsara lil partijiet,

l-ammont ta’ ċelluli użati u t-tqassim tagħhom;

(d)

il-miżuri tas-sikurezza.

3.   INFORMAZZJONI AĊĊESSIBBLI BISS LILL-KORPI NNOTIFIKATI, L-AWTORITAJIET TAS-SORVELJANZA TAS-SUQ U L-KUMMISSJONI

Passaport tal-batteriji għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja relatata mal-mudell tal-batterija, li għandha tkun aċċessibbli biss lill-korpi nnotifikati, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-Kummissjoni:

ir-riżultati tar-rapporti tat-testijiet li jagħtu prova tal-konformità mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament jew kwalunkwe att delegat jew ta’ implimentazzjoni adottat skont dan ir-Regolament.

4.   INFORMAZZJONI U DATA RELATATI MA’ BATTERIJA INDIVIDWALI AĊĊESSIBBLI BISS LIL PERSUNI B’INTERESS LEĠITTIMU

Passaport tal-batteriji għandu jinkludi l-informazzjoni u data speċifiċi li ġejjin relatata ma’ batterija individwali, li għandha tkun aċċessibbli biss lil persuni b’interess leġittimu:

(a)

il-valuri għall-parametri tal-prestazzjoni u tad-durabbiltà msemmija fl-Artikolu 10(1), meta l-batterija titqiegħed fis-suq u meta tkun soġġetta għal bidliet fl-istatus tagħha;

(b)

informazzjoni dwar l-istat tas-saħħa tal-batterija skont l-Artikolu 14;

(c)

informazzjoni dwar l-istatus tal-batterija, definita bħala “oriġinali”, “adattata għal skop differenti”, “użata mill-ġdid”, “manifatturata mill-ġdid” jew “skart”;

(d)

informazzjoni u data li jirriżultaw mill-użu tagħha, inkluż l-għadd ta’ ċikli tal-iċċarġjar u tal-iskarika u avvenimenti negattivi, bħal aċċidenti, kif ukoll informazzjoni rreġistrata perjodikament dwar il-kondizzjonijiet ambjentali tat-tħaddim, inkluż it-temperatura, u dwar l-istat ta’ ċarġ.


ANNESS XIV

REKWIŻITI MINIMI GĦAL VJEĠĠI TA’ BATTERIJI UŻATI

1.

Sabiex issir distinzjoni bejn il-batteriji użati u l-iskart ta’ batteriji, fejn id-detentur, jiġifieri l-persuna fiżika jew ġuridika fil-pussess tal-batteriji użati jew tal-iskart ta’ batteriji, jiddikjara li għandu l-intenzjoni li jittrasporta jew li qiegħed jittrasporta batteriji użati u mhux skart ta’ batteriji, dak id-detentur għandu jkun meħtieġ li jkollu disponibbli dan li ġej biex jissostanzja dik id-dikjarazzjoni:

(a)

kopja tal-fattura u tal-kuntratt relatati mal-bejgħ jew mat-trasferiment tas-sjieda tal-batteriji li jiddikjaraw li l-batteriji huma maħsuba għal użu mill-ġdid dirett u li huma kompletament funzjonali;

(b)

evidenza tal-evalwazzjoni jew l-ittestjar f’forma ta’ kopja tar-reġistri, bħaċ-ċertifikat tal-ittestjar, prova tal-funzjonalità għal kull batterija jew frazzjoni tagħha fil-konsenja, u l-protokoll li jkun fih l-informazzjoni kollu dwar ir-reġistri f’konformità mal-punt 3;

(c)

dikjarazzjoni li tkun saret mid-detentur li ebda materjal jew tagħmir fil-konsenja mhuwa skart kif definit bl-Artikolu 3, il-punt (1), tad-Direttiva 2008/98/KE; u

(d)

protezzjoni adatta kontra ħsara waqt it-trasportazzjoni, it-tagħbija u l-ħatt, b’mod partikolari permezz ta’ imballaġġ suffiċjenti u arranġament adatt tat-tagħbija.

2.

Il-punt 1(a) u (b) u l-punt 3 ma għandux japplika meta jintwera permezz ta’ provi dokumentati li l-vjeġġ ikun qiegħed isir fil-qafas ta’ ftehim ta’ trasferiment minn negozju għal ieħor u li:

(a)

il-batterija użata tintbagħat lura lill-produttur jew lil parti terza li taġixxi f’ismu għat-tiswija taħt garanzija bl-intenzjoni tal-użu mill-ġdid; jew

(b)

jekk il-batterija użata hija għal użu professjonali, tintbagħat lill-produttur jew lil parti terza li taġixxi f’ismu jew faċilità ta’ parti terza f’pajjiżi li għalihom tapplika d-Deċiżjoni C(2001)107/Final tal-Kunsill OECD dwar il-Kontroll ta’ Movimenti Transkonfinali tal-Iskart Destinat għal Operazzjonijiet ta’ Rkupru, għall-manutenzjoni jew it-tiswija skont kuntratt validu bl-intenzjoni tal-użu mill-ġdid; jew

(c)

jekk il-batterija użata hija għal użu professjonali u hija difettuża, tintbagħat lill-produttur jew lil parti terza li taġixxi f’ismu għall-analiżi tal-kawża prinċipali skont kuntratt validu, f’każijiet fejn tali analiżi tista’ titwettaq biss mill-produttur jew minn partijiet terzi li jaġixxu f’ismu.

3.

Sabiex jintwera li l-batteriji li jkunu qed jiġu ttrasportati jikkostitwixxu batteriji użati, u mhux skart ta’ batteriji, id-detentur tagħhom għandu jwettaq il-passi li jmiss għall-ittestjar u ż-żamma ta’ reġistri:

 

Pass 1: Ittestjar

(a)

il-batterija għandha tiġi ttestjata għall-istat tas-saħħa tagħha u l-preżenza ta’ sustanzi perikolużi għandha tiġi evalwata;

(b)

ir-riżultati tal-evalwazzjoni u l-ittestjar imsemmija fil-punt (a) għandhom jiġu rreġistrati.

 

Pass 2: Reġistru

(a)

ir-reġistru għandu jitwaħħal b’mod sigur iżda mhux permanenti fuq il-batterija użata stess, jekk il-batterija użata ma tkunx ġiet ippakkjata, jew inkella fuq l-imballaġġ, sabiex ikun jista’ jinqara mingħajr ma jitneħħa l-imballaġġ;

(b)

ir-reġistru għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

l-isem tal-batterija jew il-frazzjoni tagħha,

in-numru tal-identifikazzjoni tal-batterija jew il-frazzjoni tagħha, fejn applikabbli,

is-sena tal-produzzjoni, jekk disponibbli,

l-isem u l-indirizz tal-kumpanija responsabbli għall-ittestjar tal-istat tas-saħħa,

it-tipi ta’ testijiet imwettqa fl-istadju 1,

ir-riżultati tat-testijiet kif imwettqa għall-istadju 1, inkluż id-data tat-testijiet.

4.

Minbarra d-dokumentazzjoni meħtieġa fil-punti 1, 2 u 3, kull tagħbija (per eżempju kontejner tat-trasport jew trakk, ta’ batteriji użati għandha tkun akkumpanjata minn:

(a)

dokument tat-trasport rilevanti; u

(b)

dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà mill-persuna responsabbli għaliha.

5.

Fin-nuqqas ta’ prova li oġġett huwa batterija użata u mhux skart ta’ batterija, fil-forma tad-dokumentazzjoni xierqa meħtieġa skont il-punti 1, 2, 3 u 4, u fin-nuqqas ta’ protezzjoni xierqa kontra ħsara matul it-trasportazzjoni, it-tagħbija u l-ħatt, b’mod partikolari permezz tal-imballaġġ suffiċjenti u l-arranġament adatt tat-tagħbija, li huma l-obbligi tad-detentur li jorganizza t-trasport, l-oġġett għandu jitqies skart u għandu jkun preżunt li t-tagħbija hija konsenja illegali. F’tali każijiet, it-tagħbija għandha tiġi ttrattata f’konformità mal-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

ANNESS XV

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Direttiva 2006/66/KE

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, punt 1

Artikolu 1(1)

Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, punt 2

Artikolu 1(1)

Artikolu 1 it-tieni paragrafu

Artikolu 2

Artikolu 1(3), (4) u (5)

Artikolu 2(1)

Artikolu 1(3) u (4)

Artikolu 2(2)

Artikolu 1(5)

Artikolu 2(2), punt (a)

Artikolu 1(5), punt (a)

Artikolu 2(2), punt (b)

Artikolu 1(5), punt (a)

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 3, punt 1

Artikolu 3(1), punt 1

Artikolu 3, punt 2

Artikolu 3(1), punt 2

Artikolu 3, punt 3

Artikolu 3(1), punt 9

Artikolu 3, punt 4

Artikolu 3, punt 5

Artikolu 3(1), punt 12

Artikolu 3, punt 6

Artikolu 3(1), punt 13

Artikolu 3, punt 7

Artikolu 3(1), punt 50

Artikolu 3, punt 8

Artikolu 3(2), punt (a)

Artikolu 3, punt 9

Artikolu 3, punt 10

Artikolu 3(1), punt 53

Artikolu 3, punt 11

Artikolu 3(1), punt 26

Artikolu 3, punt 12

Artikolu 3(1), punt 47

Artikolu 3, punt 13

Artikolu 3(1), punt 65

Artikolu 3, punt 14

Artikolu 3(1), punt 16

Artikolu 3, punt 15

Artikolu 3(1), punt 22

Artikolu 3, punt 16

Artikolu 3, punt 17

Artikolu 4

Artikolu 6

Artikolu 4(1)

Anness I

Artikolu 4(1), punt (a)

Anness I, entrata 1

Artikolu 4(1), punt (b)

Anness I, entrata 2

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(3), punt (a)

Artikolu 4(3), punt (b)

Artikolu 4(3), punt (c)

Artikolu 4(4)

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 4

Artikolu 6(1)

Artikolu 4(1)

Artikolu 6(2)

Artikolu 7

Artikolu 2

Artikolu 8

Artikoli 59, 62 u 64 sa 67

Artikolu 8(1)

Artikolu 59

Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, punt (a)

Artikolu 59(1), punt (a) Artikolu 59(1), punt (b)

Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, punt (b)

Artikolu 62

Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, punt (c)

Artikolu 61(1) Artikolu 62(1)

Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, punt (d)

Artikolu 59(2), punt (a)(ii) Artikolu 60(1), punt (c)

Artikolu 8(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 59(5)

Artikolu 8(2)

Artikolu 59(1) u Artikolu 59(2)

Artikolu 8(2), punt (a)

Artikolu 59(1) u Artikolu 59(2)

Artikolu 8(2), punt (b)

Artikolu 59(2)

Artikolu 8(2), punt (c)

Artikolu 8(3)

Artikolu 61

Artikolu 8(4)

Artikolu 61

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikoli 59, 60 u 69

Artikolu 10(1)

Artikolu 10(1) it-tieni subparagrafu

Artikolu 75(4)

Artikolu 10(2)

Artikoli 59 u 60

Artikolu 10(2), punt (a)

Artikolu 10(2), punt (b)

Artikolu 59(3) u Artikolu 60(3)

Artikolu 10(3)

Artikolu 69(2) u Artikolu 76(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 10(4)

Artikolu 11

Artikolu 11

Artikolu 11, l-ewwel paragrafu

Artikolu 11(1)

Artikolu 11, it-tieni paragrafu

Artikolu 11(3)

Artikolu 12

Artikolu 70

Artikolu 12(1)

Artikolu 70(2)

Artikolu 12(1), l-ewwel subparagrafu, punt (a)

Artikolu 59(1), il-punt (f), Artikolu 60(1), punt (f), u Artikolu 60(3), punt (c)

Artikolu 12(1), l-ewwel subparagrafu, punt (b)

Artikolu 71(1)

Artikolu 12(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 12(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 12(2)

Artikolu 71(4)

Artikolu 12(3)

Artikolu 70(3)

Artikolu 12(4)

Artikolu 71(2) u (3)

Artikolu 12(5)

Artikolu 75(5), punt (c), u Artikolu 76(1), punt (d)

Artikolu 12(6)

Artikolu 71(4)

Artikolu 13

Artikolu 13(1)

Artikolu 13(2)

Artikolu 14

Artikolu 70(1)

Artikolu 15

Artikolu 72

Artikolu 15(1)

Artikolu 72(1)

Artikolu 15(2)

Artikolu 72(3)

Artikolu 15(3)

Artikolu 72(4)

Artikolu 16

Artikolu 56

Artikolu 16(1)

Artikolu 56(1) u (4)

Artikolu 16(1), punt (a)

Artikolu 56(4), punt (a)

Artikolu 16(1), punt (b)

Artikolu 56(4), punt (a)

Artikolu 16(2)

Artikolu 16(3)

Artikolu 56(1), punt (c)

Artikolu 16(4)

Artikolu 74(5)

Artikolu 16(5)

Artikolu 16(6)

Artikolu 17

Artikolu 55

Artikolu 18

Artikolu 57(2), punt (c)

Artikolu 18(1)

Artikolu 18(2)

Artikolu 18(3)

Artikolu 19

Artikolu 59(1), Artikolu 60(1), Artikolu 61(1), Artikolu 62 u Artikoli 64 sa 67

Artikolu 19(1)

Artikolu 59(2), Artikolu 60(2), Artikolu 61(1) u Artikoli 62, 65, 66 u 67

Artikolu 19(2)

Artikolu 57(2), punt (c)

Artikolu 20

Artikolu 74

Artikolu 20(1)

Artikolu 74(1)

Artikolu 20(1), punt (a)

Artikolu 74(1), punt (f)

Artikolu 20(1), punt (b)

Artikolu 74(1), punt (b)

Artikolu 20(1), punt (c)

Artikolu 74(1), punt (c)

Artikolu 20(1), punt (d)

Artikolu 74(1), punt (b)

Artikolu 20(1), punt (e)

Artikolu 74(1), punt (e)

Artikolu 20(2)

Artikolu 74

Artikolu 20(3)

Artikolu 74(4)

Artikolu 21

Artikolu 20 Artikolu 13, Anness VI, Parti A, B u C

Artikolu 21(1)

Artikolu 13(4)

Artikolu 21(2)

Artikolu 13(2)

Artikolu 21(3)

Artikolu 13(5)

Artikolu 21(4)

Artikolu 13(4)

Artikolu 21(5)

Artikolu 13(4)

Artikolu 21(6)

Artikolu 21(7)

Artikolu 22a

Artikolu 23

Artikolu 94

Artikolu 23(1)

Artikolu 94(1)

Artikolu 23(2)

Artikolu 94(2)

Artikolu 23(2), punt (a)

Artikolu 23(2), punt (b)

Artikolu 94(2), l-ewwel subparagrafu, punt (e)

Artikolu 23(2), punt (c)

Artikolu 71(5) u (6)

Artikolu 23(3)

Artikolu 94(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 23a

Artikolu 89

Artikolu 23a(1)

Artikolu 89(1)

Artikolu 23a(2)

Artikolu 89(2)

Artikolu 23a(3)

Artikolu 89(3)

Artikolu 23a(4)

Artikolu 89(5)

Artikolu 23a(5)

Artikolu 89(6)

Artikolu 24

Artikolu 90

Artikolu 24(1)

Artikolu 90(1)

Artikolu 24(2)

Artikolu 90(3)

Artikolu 24(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 90(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 25

Artikolu 93

Artikolu 26

Artikolu 27

Artikolu 28

Artikolu 95

Artikolu 29

Artikolu 96

Artikolu 30

Anness I

Anness XI

Anness II

Anness VI, Parti B

Anness III

Anness XII

Anness III, Parti A

Anness XII, Parti A

Anness III, Parti B

Anness XII, Parti B

Anness IV

Artikolu 55


Top