EUR-Lex Der Zugang zum EU-Recht

Zurück zur EUR-Lex-Startseite

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument 32020R1056

Regolament (UE) 2020/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/27/2020/INIT

ĠU L 249, 31.7.2020, S. 33–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Rechtlicher Status des Dokuments In Kraft

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1056/oj

31.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 249/33


REGOLAMENT (UE) 2020/1056 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Lulju 2020

dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 u l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-effiċjenza tat-trasport tal-merkanzija u tal-loġistika hija vitali għat-tkabbir u għall-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni, għall-funzjonament tas-suq intern u għall-koeżjoni soċjali u ekonomika tar-reġjuni kollha tal-Unjoni.

(2)

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jħeġġeġ id-diġitalizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija u tal-loġistika biex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi, jitjiebu l-kapaċitajiet ta’ infurzar tal-awtoritajiet kompetenti, u jitjiebu l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tat-trasport.

(3)

Il-moviment tal-merkanzija, inkluż l-iskart, huwa akkumpanjat minn ammont kbir ta’ informazzjoni li għadha tiġi skambjata f’format kartaċju, fost in-negozji, u bejn in-negozji u l-awtoritajiet kompetenti. L-użu ta’ dokumenti kartaċji jirrappreżenta piż amministrattiv sinifikanti għall-operaturi tal-loġistika u spiża addizzjonali għall-operaturi tal-loġistika u l-industriji relatati (bħall-kummerċ u l-manifattura), b’mod partikolari għall-SMEs, u għandu impatt negattiv fuq l-ambjent.

(4)

In-nuqqas ta’ qafas legali uniformi fil-livell tal-Unjoni li jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jaċċettaw informazzjoni rilevanti dwar it-trasport tal-merkanzija, meħtieġa mil-leġislazzjoni, f’forma elettronika, huwa meqjus ir-raġuni ewlenija għan-nuqqas ta’ progress lejn is-simplifikazzjoni u lejn iż-żieda fl-effiċjenza tal-iskambju ta’ informazzjoni magħmul possibbli permezz tal-mezzi elettroniċi disponibbli. L-aċċettazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-informazzjoni f’forma elettronika bi speċifikazzjonijiet komuni mhux biss tiffaċilita l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi iżda, indirettament, tħaffef ukoll l-iżvilupp ta’ komunikazzjoni elettronika uniformi u simplifikata bejn negozju u ieħor fl-Unjoni kollha. Dan għandu jwassal ukoll għal iffrankar ta’ spejjeż amministrattivi sinifikanti għall-operaturi ekonomiċi, u b’mod partikolari għall-SMEs, li jikkostitwixxu maġġoranza kbira tal-kumpanniji tat-trasport u tal-loġistika fi ħdan l-Unjoni.

(5)

Xi oqsma tal-liġi tat-trasport tal-Unjoni jirrikjedu li l-awtoritajiet kompetenti jaċċettaw informazzjoni diġitalizzata, iżda dan żgur ma jirrigwardax l-atti legali rilevanti kollha tal-Unjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli li jintużaw mezzi elettroniċi biex l-informazzjoni regolatorja dwar it-trasport tal-merkanzija ssir disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fit-territorju kollu tal-Unjoni fir-rigward tal-fażijiet rilevanti kollha tal-operazzjonijiet tat-trasport imwettqa fl-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li dik il-possibbiltà tapplika għall-informazzjoni regolatorja kollha u għall-mezzi kollha tat-trasport.

(6)

L-awtoritajiet kompetenti għalhekk jenħtieġ li jkunu obbligati jaċċettaw l-informazzjoni disponibbli b’mod elettroniku kull meta l-operaturi ekonomiċi jkunu obbligati jagħmlu l-informazzjoni disponibbli bħala prova tal-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-atti legali tal-Unjoni koperti minn dan ir-Regolament. Dan ir-rekwiżit jenħtieġ li jkopri wkoll l-informazzjoni mitluba mill-awtoritajiet bħala informazzjoni addizzjonali f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dawk l-atti legali tal-Unjoni, pereżempju, meta xi informazzjoni tkun nieqsa. L-istess jenħtieġ li japplika fejn il-liġi nazzjonali teħtieġ l-għoti ta’ informazzjoni regolatorja li hija kompletament jew parzjalment identika għall-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont l-atti legali tal-Unjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-awtoritajiet jenħtieġ li jagħmlu ħilithom ukoll biex jikkomunikaw b’mod elettroniku mal-operaturi ekonomiċi kkonċernati b’rabta ma’ dik l-informazzjoni. Tali komunikazzjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet rilevanti ta’ atti legali tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali, relatati ma’ miżuri ta’ segwitu matul jew wara l-kontrolli ta’ informazzjoni regolatorji. L-obbligu li awtoritajiet kompetenti jaċċettaw l-informazzjoni li tkun saret disponibbli b’mod elettroniku mill-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li japplika wkoll kull meta d-dispożizzjonijiet ta’ atti legali tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikunu jeħtieġu informazzjoni li tkun ukoll imsemmija fil-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti bħall-konvenzjonijiet li jirregolaw il-kuntratti tat-trasport internazzjonali fil-modi tat-trasport differenti, pereżempju l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kuntratt ta’ Trasport Internazzjonali tal-Merkanzija bit-Triq (CMR), il-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF), ir-Riżoluzzjoni 672 tal-IATA dwar il-Polza tal-vjeġġ bl-ajru elettroniku, il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli tat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (il-Konvenzjoni ta’ Montreal), u l-Konvenzjoni ta’ Budapest dwar il-Kuntratt tat-Trasport ta’ Merkanzija permezz ta’ Passaġġi tal-Ilma Interni (CMNI).

(7)

Peress li dan ir-Regolament huwa maħsub biss biex jiffaċilita u jħeġġeġ l-għoti tal-informazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet kompetenti b’mezzi elettroniċi, jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-atti legali tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali li jiddeterminaw il-kontenut tal-informazzjoni regolatorja u, b’mod partikolari, jenħtieġ li ma jimponu l-ebda rekwiżiti għal informazzjoni regolatorja jew rekwiżiti lingwistiċi addizzjonali. Filwaqt li dan ir-Regolament huwa maħsub biex jippermetti l-konformità mar-rekwiżiti għal informazzjoni regolatorja b’mezzi elettroniċi iktar milli permezz ta’ dokumenti kartaċji, huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jippreżentaw dik l-informazzjoni f’format kartaċju, kif previst fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti legali tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali, u u jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni li jirrigwardaw id-dokumenti li għandhom jintużaw għall-preżentazzjoni strutturata tal-informazzjoni inkwistjoni. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar rekwiżiti proċedurali għal vjeġġi ta’ skart u għad-dispożizzjonijiet li jirreferu għal kontrolli mill-uffiċċji doganali. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun ukoll mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ rappurtar, inkluż dak li jirrigwarda l-kompetenza tal-uffiċċji doganali jew il-kompetenza ta’ awtoritajiet oħra, stipulat fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jew f’atti ta’ implimentazzjoni jew delegati adottati skontu jew fir-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(8)

L-użu ta’ mezzi elettroniċi għall-iskambju ta’ informazzjoni regolatorja jista’ jnaqqas l-ispejjeż amministrattivi għall-operaturi ekonomiċi u jista’ jtejjeb l-effiċjenza tal-awtoritajiet kompetenti. Kemm l-operaturi ekonomiċi kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti jkollhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex ikunu possibbli l-iskambji elettroniċi ta’ informazzjoni regolatorja dwar it-trasport tal-merkanzija (eFTI) f’format li jista’ jinqara minn pjattaformi bbażati fuq it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (pjattaformi tal-eFTI), inkluż l-akkwist tat-tagħmir neċessarju. Madankollu, l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jenħtieġ li jibqgħu responsabbli li jipprovdu informazzjoni f’format li jista’ jinqara mill-bniedem kull meta speċifikament mitluba mill-awtoritajiet kompetenti biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu dmirijiethom f’sitwazzjonijiet meta l-aċċess għall-pjattaforma tal-eFTI ma jkunx disponibbli.

(9)

Sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jipprovdu informazzjoni rilevanti f’forma elettronika bl-istess mod fl-Istati Membri kollha, jenħtieġ li dawn ikunu jistgħu joqogħdu fuq speċifikazzjonijiet komuni li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta’ atti delegati u ta’ atti ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan ir-Regolament.

(10)

L-ispeċifikazzjonijiet komuni dwar id-definizzjoni u l-karatteristiċi tekniċi tal-elementi tad-data jenħtieġ li jiżguraw l-interoperabbiltà tad-data billi jistabbilixxu sett uniku komprensiv ta’ data li għandu jintuża għall-komunikazzjoni elettronika tal-informazzjoni. Dan is-sett ta’ data komprensiv jenħtieġ li jkun fih l-elementi kollha tad-data li jikkorrispondu għar-rekwiżiti għal informazzjoni li jinsabu fid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ atti legali tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali, fejn kull element tad-data li huwa komuni għal sottosett wieħed jew aktar jiġi inkluż darba biss.

(11)

Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet komuni jistabbilixxu wkoll proċeduri komuni u regoli dettaljati għall-aċċess u l-ipproċessar ta’ dik l-informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, inkluż kwalunkwe komunikazzjoni relatata bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi kkonċernati, bħal talbiet għal informazzjoni addizzjonali, neċessarji għall-awtoritajiet kompetenti biex jeżerċitaw il-kompetenzi regolatorji rispettivi tagħhom fil-qasam tal-infurzar f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ atti legali tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali

(12)

Meta jiġu stabbiliti dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni, jenħtieġ li jitqiesu b’mod xieraq l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti tal-iskambju tad-data stabbiliti fl-atti legali rilevanti tal-Unjoni u li jinsabu fl-istandards Ewropej u internazzjonali rilevanti għall-iskambju tad-data, inkluż standards multimodali, u ta’ prinċipji u rakkomandazzjonijiet stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2017 intitolata “Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà – Strateġija ta’ Implimentazzjoni, li tipprovdi approċċ għat-twassil ta’ servizzi pubbliċi diġitali Ewropej miftiehma b’mod komuni mill-Istati Membri. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni xierqa wkoll biex dawk l-ispeċifikazzjonijiet jibqgħu teknoloġikament newtrali u miftuħa għal teknoloġiji innovattivi.

(13)

Bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż kemm għall-awtoritajiet kompetenti kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi, jista’ jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta’ punti ta’ aċċess għall-awtoritajiet kompetenti. Dawk il-punti ta’ aċċess jaġixxu biss bħala intermedjarji bejn il-pjattaformi tal-eFTI u l-awtoritajiet kompetenti, u għalhekk jenħtieġ li la jaħżnu u lanqas jipproċessaw id-data tal-eFTI li għaliha jagħtu aċċess, ħlief għall-metadata marbuta mal-ipproċessar tad-data tal-eFTI, bħar-reġistri tal-operazzjoni neċessarji għall-finijiet ta’ monitoraġġ jew ta’ statistika. L-Istati Membri jistgħu jaqblu wkoll li jistabbilixxu punti ta’ aċċess konġunti għall-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom.

(14)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi r-rekwiżiti funzjonali applikabbli għal pjattaformi tal-eFTI li jenħtieġ li jintużaw mill-operaturi ekonomiċi biex jagħmlu l-informazzjoni regolatorja dwar it-trasport tal-merkanzija disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti f’forma elettronika sabiex jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni obbligatorja ta’ din l-informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, kif stipulat f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll rekwiżiti għal fornituri terzi ta’ servizzi tal-pjattaformi tal-eFTI (fornituri ta’ servizzi tal-eFTI). Dawk ir-rekwiżiti għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, li d-data tal-eFTI kollha tista’ tiġi pproċessata biss f’konformità ma’ sistema komprensiva ta’ kontroll tal-aċċess ibbażata fuq id-drittijiet li tipprovdi funzjonalitajiet assenjati, li l-awtoritajiet kompetenti kollha jista’ jkollhom aċċess immedjat għal dik id-data skont il-kompetenzi regolatorji rispettivi tagħhom fil-qasam tal-infurzar, li l-ipproċessar b’mezzi elettroniċi ta’ data personali jista’ jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u li l-ipproċessar ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva jista’ ssir b’mod li jirrispetta l-kunfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni.

(15)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta speċifikazzjonijiet rigward ir-rekwiżiti funzjonali għall-pjattaformi tal-eFTI. Meta jiġu adottati dawk l-ispeċifikazzjonijiet, il-Kummissjoni jenħtieġ li tfittex li tiżgura l-interoperabbiltà tal-pjattaformi tal-eFTI sabiex tiffaċilita l-iskambju ta’ data bejn tali pjattaformi u tippermetti lill-operaturi ekonomiċi jużaw il-pjattaforma eFTI tal-għażla tagħhom. Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni u jiġu minimizzati l-ispejjeż, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis ukoll is-soluzzjonijiet u l-istandards tekniċi rilevanti użati mis-sistemi eżistenti tal-ICT. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li dawk l-ispeċifikazzjonijiet jibqgħu teknoloġikament newtrali kemm jista’ jkun possibbli, sabiex titħeġġeġ l-innovazzjoni kontinwa u jiġi evitat lock-in teknoloġiku.

(16)

Biex tinbena l-fiduċja kemm tal-awtoritajiet kompetenti kif ukoll tal-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-konformità mill-pjattaformi tal-eFTI u tal-fornituri tas-servizzi tal-eFTI ma’ dawk ir-rekwiżiti funzjonali, l-Istati Membri jenħtieġ li jdaħħlu fis-seħħ sistema ta’ ċertifikazzjoni msejsa fuq akkreditazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Biex jieħdu vantaġġ mill-benefiċċji taċ-ċertifikazzjoni, il-fornituri tas-sistemi tal-ICT li diġà qed jintużaw huma mħeġġa jiżguraw li dawk is-sistemi jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-pjattaformi tal-eFTI stabbiliti f’dan ir-Regolament, u li japplikaw għaċ-ċertifikazzjoni. Iċ-ċertifikazzjoni tas-sistemi tal-ICT jenħtieġ li jitwettaq mingħajr dewmien.

(17)

L-użu ta’ pjattaformi tal-eFTI jagħti lill-operaturi ekonomiċi garanziji li l-informazzjoni regolatorja tagħhom ser tiġi aċċettata u jagħti lill-awtoritajiet kompetenti aċċess affidabbli u sikur għal dik l-informazzjoni. Madankollu, u minkejja l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti kollha li jaċċettaw l-informazzjoni disponibbli permezz ta’ pjattaforma tal-eFTI ċċertifikata f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-użu ta’ sistemi ICT oħra jenħtieġ li jibqa’ possibbli jekk Stat Membru jagħżel dan. Fl-istess ħin, dan ir-Regolament ma għandux jipprevjeni l-użu bejn in-negozji ta’ pjattaformi ta’ eFTI, jew jipprevjeni l-użu ta’ funzjonalitajiet addizzjonali fuq pjattaformi tal-eFTI, dment li dan ma jaffettwax ħażin l-ipproċessar tal-informazzjoni regolatorja li taqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

(18)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-obbligu li tiġi aċċettata informazzjoni regolatorja disponibbli f’forma elettronika skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi proċeduri komuni u regoli dettaljati għall-awtoritajiet kompetenti għall-aċċess u għall-ipproċessar ta’ dik l-informazzjoni regolatorja fejn l-operaturi ekonomiċi inkwistjoni jagħmlu dik l-informazzjoni disponibbli b’mod elettroniku, inklużi regoli dettaljati u speċifikazzjonijiet tekniċi, biex tistabbilixxi speċifikazzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti għall-pjattaformi tal-eFTI u għall-fornituri tas-servizzi tal-eFTI. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(19)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa ta’dan ir-Regolament, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’: l-emendar tal-Parti A tal-Anness I sabiex tieħu kont ta’ kwalunkwe att delegat jew ta’ implimentazzjoni adottat mill-Kummissjoni li jistabbilixxi rekwiżiti ġodda għal informazzjoni regolatorja tal-Unjoni fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija; u l-emendar tal-Parti B tal-Anness I, sabiex tinkorpora l-listi ta’ rekwiżiti għal informazzjoni regolatorja fil-liġi nazzjonali li ġew innotifikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament, u sabiex tinkorpora kwalunkwe dispożizzjoni ġdida tal-liġi nazzjonali rilevanti li tintroduċi bidliet fir-rekwiżiti regolatorji nazzjonali ta’ informazzjoni, jew li tistabbilixxi rekwiżiti rilevanti ġodda ta’ informazzjoni regolatorja li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament li ġew innotifikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament; u fir-rigward tal-issupplimentar ta’ dan ir-Regolament billi tistabbilixxi u temenda s-sett u s-sottosettijiet ta’ data komuni fir-rigward tar-rekwiżiti rispettivi għal informazzjoni regolatorja koperti minn dan ir-Regolament; u sabiex tissupplimenta ċerti aspetti tekniċi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri fir-rigward tar-regoli dwar iċ-ċertifikazzjoni u l-użu tal-marka ta’ ċertifikazzjoni tal-pjattaformi tal-eFTI u r-regoli dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-fornituri tas-servizzi tal-eFTI. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (9).

B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. Barra minn hekk, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-fora xierqa, bħall-grupp ta’ esperti stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 2018 li tistabbilixxi l-“Forum tat-Trasport u l-Loġistika Diġitali”, huwa importanti fl-iżvilupp u t-tħejjija ta’ dawk l-atti.

(20)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-iżgurar ta’ approċċ uniformi għall-aċċettazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-informazzjoni dwar it-trasport tal-merkanzija disponibbli b’mod elettroniku, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli komuni, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta ċerti miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan.

(21)

L-ipproċessar b’mezzi elettroniċi tad-data personali meħtieġa bħala parti mill-informazzjoni regolatorja tat-trasport tal-merkanzija jenħtieġ li jitwettaq skont ir-Regolament (UE) 2016/679.

(22)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li tinġabar informazzjoni sabiex tinforma din l-evalwazzjoni, u sabiex tiġi evalwata l-prestazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-isfond tal-objettivi tiegħu.

(23)

L-infurzar effettiv u effiċjenti jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti kollha jkollhom aċċess dirett u f’ħin reali għal informazzjoni regolatorja rilevanti f’forma elettronika. Għal dak il-għan, u f’konformità mal-prinċipju “diġitali b’mod awtomatiku”, imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ April 2016 bit-titlu “Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern Elettroniku għall-2016-2020 – Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika”, l-użu ta’ mezzi elettroniċi jenħtieġ li jsir il-mod predominanti għall-iskambju ta’ informazzjoni regolatorja bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet kompetenti. Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta inizjattivi possibbli bil-ħsieb li tistabbilixxi obbligu għall-operaturi ekonomiċi li jużaw mezzi elettroniċi biex jagħmlu l-informazzjoni regolatorja disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tipproponi, fejn xieraq, inizjattivi korrispondenti, inkluż emendi possibbli għal dan ir-Regolament u għal atti legali rilevanti oħra tal-Unjoni. Bil-ħsieb li jitjiebu l-kapaċitajiet tal-infurzar tal-awtoritajiet kompetenti u jiġu minimizzati l-ispejjeż kemm għall-awtoritajiet kompetenti kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis ukoll aktar miżuri bħall-interoperabbiltà msaħħa tas-sistemi u l-pjattaformi tal-ICT użati għar-reġistrazzjoni u l-ipproċessar ta’ informazzjoni regolatorja u punt ta’ aċċess komuni għal dawn is-sistemi u l-pjattaformi tal-ICT, kif previst f’liġi oħra tal-Unjoni dwar it-trasport.

(24)

Dan ir-Regolament ma jistax jiġi applikat b’mod effettiv qabel ma jidħlu fis-seħħ l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni previsti. Għal dik ir-raġuni, il-Kummissjoni għandha obbligu legali li tadotta dawk l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni u jenħtieġ li tibda taħdem fuqhom minnufih sabiex tiżgura l-adozzjoni f’waqtha tal-ispeċifikazzjonijiet rilevanti, fejn possibbli qabel l-iskadenzi rispettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament. L-adozzjoni f’waqtha ta’ dawk l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni hija essenzjali sabiex l-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi jkollhom biżżejjed żmien biex jieħdu l-miżuri neċessarji f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Għalhekk jenħtieġ li perijodi ta’ applikazzjoni differenti f’dan ir-Regolament jiġu stabbiliti skont dan.

(25)

Bl-istess mod, l-obbligu ta’ notifika tal-Istati Membri skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jitwettaq fi żmien sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tadotta f’waqtu l-ewwel att delegat skont dan ir-Regolament.

(26)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas legali għall-komunikazzjoni elettronika ta’ informazzjoni regolatorja bejn l-operaturi ekonomiċi kkonċernati u l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija fit-territorju tal-Unjoni.

Għal dak il-għan, dan ir-Regolament:

(a)

jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-awtoritajiet kompetenti jkunu meħtieġa jaċċettaw informazzjoni regolatorja meta dik l-informazzjoni ssir disponibbli b’mod elettroniku mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati;

(b)

jistabbilixxi regoli dwar il-forniment ta’ servizzi relatati mad-disponibbiltà elettronika ta’ informazzjoni regolatorja mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati lill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika:

(a)

għar-rekwiżiti għal informazzjoni regolatorja stipulati:

(i)

fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill KEE Nru 11 (11);

(ii)

fl-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE (12);

(iii)

fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);

(iv)

fil-punt (c) tal-Artikolu 16 u fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006; dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal kontrolli mill-uffiċċji doganali previsti fid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ atti legali tal-Unjoni;

(v)

fil-Kapitolu 5.4 tal-Parti 5 tal-Anness A għall-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR), konkluż f’Ġeneva fit-30 ta’ Settembru 1957, kif imsemmi fit-Taqsima I.1 tal-Anness I għad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14); fil-Kapitolu 5.4. tal-Parti 5 tar-Regolamenti li jikkonċernaw Regolamenti dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID), li jidher bħala Appendiċi C għall-COTIF konkluż f’Vilnius fit-3 ta’ Ġunju 1999, kif imsemmi fit-Taqsima II.1 tal-Anness II għal dik id-Direttiva; u l-Kapitolu 5.4 tal-Parti 5 tar-Regolamenti annessi għall-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN), konkluż f’Ġeneva fis-26 ta’ Mejju 2000, kif imsemmi fit-Taqsima III.1 tal-Anness III għal dik id-Direttiva;

(b)

ir-rekwiżiti għal informazzjoni regolatorja stipulati f’atti delegati jew ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni skont att legali tal-Unjoni msemmi fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu jew skont id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) jew ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). Dawk l-atti delegati jew ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu elenkati fil-Parti A għall-Anness I għal dan ir-Regolament;

(c)

ir-rekwiżiti għal informazzjoni regolatorja stipulati fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali elenkati fil-Parti B tal-Anness I għal dan ir-Regolament.

2.   Sal-21 ta’ Awwissu 2021, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali u r-rekwiżiti għal informazzjoni regolatorja korrispondenti li jirrikjedu l-għoti ta’ informazzjoni identika, kollha jew parti minnha, għall-informazzjoni li għandha tingħata skont ir-rekwiżiti għal informazzjoni regolatorja msemmija fil-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 1.

Wara dik in-notifika, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li:

(a)

tintroduċi bidliet għar-rekwiżiti għal informazzjoni regolatorja stipulati fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali elenkati fil-Parti B tal-Anness I; jew

(b)

tistipula rekwiżiti rilevanti ġodda għal informazzjoni regolatorja li jirrikjedu l-għoti ta’ informazzjoni identika, kollha jew parti minnha, għall-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont ir-rekwiżiti għal informazzjoni regolatorja msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu dawn in-notifiki fi żmien xahar mill-adozzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14, u temenda:

(a)

il-Parti A tal-Anness I sabiex tinkorpora referenzi għal kwalunkwe rekwiżit għal informazzjoni regolatorja msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

il-Parti B tal-Anness I sabiex tinkorpora jew tħassar ir-referenzi għal-liġi nazzjonali u għar-rekwiżiti għal informazzjoni regolatorja f’konformità man-notifiki magħmula skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“informazzjoni regolatorja” tfisser informazzjoni, kemm jekk ippreżentata fil-forma ta’ dokument u kemm jekk le, li hija relatata mat-trasport tal-merkanzija fit-territorju tal-Unjoni, inkluż ta’ merkanzija fi tranżitu, li għandha ssir disponibbli minn operatur ekonomiku kkonċernat skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) sabiex tingħata prova tal-konformità mar-rekwiżiti rilevanti tal-atti li jistabbilixxu dawk id-dispożizzjonijiet;

(2)

“rekwiżit għal informazzjoni regolatorja” tfisser rekwiżit biex tiġi pprovduta informazzjoni regolatorja;

(3)

“awtorità kompetenti” tfisser awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li għandu l-kompetenza li jwettaq kompiti skont l-atti legali msemmija fl-Artikolu 2(1) u li għalih l-aċċess għal informazzjoni regolatorja huwa meħtieġ, bħall-iċċekkjar, l-infurzar, il-validazzjoni jew il-monitoraġġ tal-konformità fit-territorju ta’ Stat Membru;

(4)

“informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija” jew “eFTI” tfisser sett ta’ elementi ta’ data li huma pproċessati b’mezzi elettroniċi għall-finijiet ta’ skambju ta’ informazzjoni regolatorja fost l-operaturi ekonomiċi kkonċernati u bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet kompetenti;

(5)

“sottosett ta’ data tal-eFTI” tfisser sett ta’ elementi tad-data strutturati li jikkorrispondu għall-informazzjoni regolatorja meħtieġa skont att legali speċifiku tal-Unjoni jew liġi nazzjonali msemmi fl-Artikolu 2(1);

(6)

“sett ta’ data komuni tal-eFTI” tfisser sett komprensiv ta’ elementi tad-data strutturati li jikkorrispondu għas-sottosettijiet tad-data tal-eFTI kollha, fejn l-elementi tad-data komuni għas-sottogruppi differenti tad-data tal-eFTI jkunu inklużi darba biss;

(7)

“element ta’ data” tfisser l-iċken unità ta’ informazzjoni li għandha definizzjoni unika u karatteristiċi tekniċi preċiżi, bħall-format, it-tul u t-tip ta’ karattru;

(8)

“ipproċessar” tfisser operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jitwettqu fuq eFTI, kemm jekk b’mezzi awtomatizzati u kemm jekk mingħajrhom, bħall-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-eFTI b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

(9)

“reġistru ta’ operazzjoni” tfisser rekord awtomatizzat tal-ipproċessar elettroniku tal-eFTI.

(10)

“pjattaforma tal-eFTI” tfisser soluzzjoni bbażata fuq it-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), bħal sistema operattiva, ambjent operattiv jew bażi tad-data, maħsuba biex tintuża għall-ipproċessar tal-eFTI;

(11)

“żviluppatur ta’ pjattaforma tal-eFTI” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li żviluppat jew akkwistat pjattaforma tal-eFTI għall-fini tal-ipproċessar ta’ informazzjoni regolatorja relatata mal-attività ekonomika tagħha stess, jew biex tqiegħed dik il-pjattaforma fis-suq;

(12)

“servizz tal-eFTI” tfisser servizz li jikkonsisti fl-ipproċessar tal-eFTI permezz ta’ pjattaforma tal-eFTI, waħedha jew flimkien ma’ soluzzjonijiet oħra tal-ICT, inklużi pjattaformi oħra tal-eFTI;

(13)

“fornitur ta’ servizz tal-eFTI” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizz tal-eFTI lil operaturi ekonomiċi kkonċernati abbażi ta’ kuntratt;

(14)

“operatur ekonomiku kkonċernat” tfisser operatur tat-trasport jew operatur tal-loġistika, jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra, li tkun responsabbli biex tagħmel disponibbli informazzjoni regolatorja lill-awtoritajiet kompetenti skont ir-rekwiżiti rilevanti għal informazzjoni regolatorja;

(15)

“format li jista’ jinqara mill-bniedem” tfisser mezz kif id-data tiġi ppreżentata f’forma elettronika li jista’ jintuża bħala informazzjoni minn persuna fiżika mingħajr ma teħtieġ aktar ipproċessar;

(16)

“format li jista’ jinqara mill-magni” tfisser mezz kif id-data tiġi rappreżentata f’forma elettronika li jista’ jintuża għall-ipproċessar awtomatiku permezz ta’ magna;

(17)

“korp ta’ valutazzjoni tal-konformità” tfisser korp ta’ valutazzjoni tal-konformità skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, li huwa akkreditat skont dak ir-Regolament biex iwettaq valutazzjoni tal-konformità ta’ pjattaformi tal-eFTI jew ta’ fornituri ta’ servizz tal-eFTI;

(18)

“vjeġġ” tfisser it-trasport ta’ sett determinat ta’ oġġetti, inkluż l-iskart, bejn l-ewwel post ta’ ġbir u l-post finali tal-konsenja skont it-termini ta’ kuntratt ta’ trasport uniku jew ta’ kuntratti tat-trasport konsekuttivi multipli, inkluż, fejn applikabbli, it-trasferiment bejn il-modi differenti ta’ trasport, irrispettivament mill-kwantità jew l-għadd ta’ kontenituri, pakketti jew biċċiet trasportati.

KAPITOLU II

INFORMAZZJONI REGOLATORJA MAGĦMULA DISPONIBBLI B’MOD ELETTRONIKU

Artikolu 4

Rekwiżiti għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 5(1), (2) u (3), l-operaturi ekonomiċi kkonċernati għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Fejn l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jagħmlu disponibbli informazzjoni regolatorja b’mod elettroniku lil awtorità kompetenti, għandhom jagħmlu dan abbażi ta’ data pproċessata fuq pjattaforma ċertifikata tal-eFTI u, jekk applikabbli, minn fornitur tas-servizzi tal-eFTI ċċertifikat. Dik l-informazzjoni regolatorja għandha ssir disponibbli mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati f’format li jista’ jinqara mill-magni u, fuq talba tal-awtorità kompetenti, f’format li jista’ jinqara mill-bniedem.

3.   L-informazzjoni f’format li jista’ jinqara mill-magni għandha ssir disponibbli permezz ta’ konnessjoni awtentikata u sigura mas-sors tad-data ta’ pjattaforma tal-eFTI. L-operaturi ekonomiċi kkonċernati għandhom jikkomunikaw il-link ta’ identifikazzjoni elettronika unika msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 9(1) li jippermetti lill-awtorità kompetenti biex tidentifika b’mod uniku l-informazzjoni regolatorja relatata mal-vjeġġ.

4.   L-informazzjoni f’format li jista’ jinqara mill-bniedem mitluba mill-awtoritajiet kompetenti għandha ssir disponibbli fuq il-post, fuq l-iskrin ta’ apparat elettroniku li jkun proprjetà tal-operatur ekonomiku kkonċernat.

Artikolu 5

Rekwiżiti għall-awtoritajiet kompetenti

1.   Minn 30 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-ewwel mill-atti delegati u ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 7 u 8, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaċċettaw informazzjoni regolatorja magħmula disponibbli b’mod elettroniku mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati skont l-Artikolu 4, inkluż fejn tali informazzjoni regolatorja tkun mitluba mill-awtoritajiet kompetenti bħala informazzjoni addizzjonali.

2.   Meta l-operatur ekonomiku kkonċernat ikun għamel disponibbli b’mod elettroniku, skont l-Artikolu 4, l-informazzjoni regolatorja meħtieġa skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom ukoll jaċċettaw din l-informazzjoni regolatorja mingħajr il-ftehim imsemmi fl-Artikolu 26(3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

3.   Meta l-informazzjoni regolatorja meħtieġa skont att legali speċifiku tal-Unjoni jew liġi nazzjonali msemmi fl-Artikolu 2(1) tkun tinkludi validazzjoni uffiċjali, bħal timbri jew ċertifikati, l-awtorità rispettiva għandha tipprovdi dik il-validazzjoni b’mod elettroniku, skont ir-rekwiżiti stabbiliti mill-atti delegati jew ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 7 u 8.

4.   Sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom kollha jaċċessaw u jipproċessaw l-informazzjoni regolatorja pprovduta mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati skont l-Artikolu 4. Dawk il-miżuri għandhom jikkonformaw ma’ atti delegat jew ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 7 u 8.

Artikolu 6

Informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali

L-awtoritajiet kompetenti, il-fornituri tas-servizzi tal-eFTI u l-operaturi ekonomiċi inkwistjoni għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali li hija pproċessata u skambjata f’konformità ma’ dan ir-Regolament u jiżguraw li l-informazzjoni tista’ tiġi aċċessata u proċessata f’każijiet awtorizzati biss.

Artikolu 7

Sett ta’ data komuni tal-eFTI u s-sottosettijiet ta’ data tal-eFTI

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi u temenda s-sett ta’ data komuni tal-eFTI u s-sottosettijiet ta’ data tal-eFTI fir-rigward tar-rekwiżiti rispettivi għal informazzjoni regolatorjaimsemmija fl-Artikolu 2(1), inkluż speċifikazzjonijiet korrispondenti dwar id-definizzjoni u l-karatteristiċi tekniċi għal kull element ta’ data inkluż fis-sett ta’ data komuni tal-eFTI u s-sottosettijiet ta’ data tal-eFTI.

2.   Meta tadotta l-atti delegati msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tqis il-konvenzjonijiet internazzjonali u l-liġi tal-Unjoni rilevanti; u

(b)

tfittex li tiżgura l-interoperabbiltà tas-sett ta’ data komuni tal-eFTI u s-sottosettijiet tad-data tal-eFTI b’mudelli ta’ data rilevanti li huma aċċettati internazzjonalment jew fil-livell tal-Unjoni, inklużi mudelli ta’ data multimodali.

3.   L-ewwel tali att delegat għandu jkopri l-elementi kollha msemmija fil-paragrafu 1 u għandu jiġi adottat mhux aktar tard mill-21 ta’ Frar 2023.

Artikolu 8

Proċeduri u regoli komuni għall-aċċess

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu proċeduri komuni u regoli dettaljati, inklużi speċifikazzjonijiet tekniċi komuni, għall-aċċess mill-awtoritajiet kompetenti għall-pjattaformi tal-eFTI, inklużi proċeduri għall-ipproċessar tal-informazzjoni regolatorja u għall-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi kkonċernati fir-rigward ta’ dik l-informazzjoni.

2.   Meta tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tfittex li ttejjeb l-effiċjenza tal-proċeduri amministrattivi u timminimizza l-ispejjeż tal-konformità kemm għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati kif ukoll għall-awtoritajiet kompetenti.

3.   Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2). L-ewwel tali att ta’ implimentazzjoni għandu jkopri l-elementi kollha msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandu jiġi adottat mhux aktar tard mill-21 ta’ Frar 2023.

KAPITOLU III

PJATTAFORMI TAL-eFTI U FORNITURI TA’ SERVIZZI TAL-eFTI

TAQSIMA 1

Rekwiżiti għall-pjattaformi u għal fornituri tas-servizz tal-eFTI

Artikolu 9

Rekwiżiti funzjonali għall-pjattaformi tal-eFTI

1.   Il-pjattaformi tal-eFTI użati għall-ipproċessar tal-informazzjoni regolatorja għandhom jipprovdu funzjonalitajiet li jiżguraw li:

(a)

id-data personali tkun tista’ tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679;

(b)

id-data kummerċjali tkun tista’ tiġi pproċessata f’konformità mal-Artikolu 6;

(c)

l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaċċessaw u jipproċessaw id-data f’konformità mal- ispeċifikazzjonijiet adottati permezz ta’ atti delegati jew ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 7 u 8;

(d)

l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jistgħu jagħmlu l-informazzjoni disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-Artikolu 4;

(e)

tista’ tiġi stabbilita rabta ta’ identifikazzjoni elettronika unika bejn vjeġġ u l-elementi tad-data relatati, inkluż referenza strutturata għall-pjattaforma tal-eFTI fejn id-data tkun disponibbli, bħal identifikatur uniku ta’ referenza;

(f)

id-data tkun tista’ tiġi pproċessata biss abbażi ta’ aċċess awtorizzat u awtentikat;

(g)

l-ipproċessar kollu ta’ data jiġi rreġistrat kif xieraq f’reġistri tal-operazzjonijiet sabiex jippermetti, bħala minimu, l-identifikazzjoni ta’ kull operazzjoni distinta ta’ pproċessar, il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun wettqet l-operazzjoni u s-sekwenzjar tal-operazzjonijiet fuq kull element individwali tad-data; jekk operazzjoni tkun tinvolvi l-modifika jew it-tħassir ta’ element ta’ data eżistenti, l-element tad-data oriġinali għandu jiġi ppreservat;

(h)

id-data tista’ tiġi arkivjata u tibqa’ aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti skont l-atti legali rilevanti tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali li jistabbilixxu r-rekwiżiti rispettivi għal informazzjoni regolatorja;

(i)

ir-reġistri tal-operazzjonijiet imsemmija fil-punt (g) ta’ dan il-paragrafu jiġu arkivjati u jibqgħu aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti għal finijiet ta’ awditjar għall-perijodu ta’ żmien speċifikat fl-atti legali tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali rilevanti li jistabbilixxu r-rekwiżiti rispettivi għal informazzjoni regolatorja u, għal finijiet ta’ monitoraġġ, għall-perijodi ta’ żmien imsemmija fl-Artikolu 17;

(j)

id-data tkun protetta kontra l-korruzzjoni u s-serq;

(k)

l-elementi tad-data pproċessati jikkorrispondu għas-sett ta’ data komuni tal-eFTI u għas-sottosettijiet ta’ data tal-eFTI kif stabbilit mill-atti delegati msemmija fl-Artikolu 7, u jistgħu jiġu pproċessati bi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni kif previst mill-atti legali tal-Unjoni u mil-liġi nazzjonali rilevanti li jistabbilixxu r-rekwiżiti rispettivi għal informazzjoni regolatorja.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet dettaljati fir-rigward tar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2). Meta tadotta dawk l-ispeċifikazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tfittex li tiżgura l-interoperabbiltà tal-pjattaformi tal-eFTI;

(b)

tqis soluzzjonijiet u standards tekniċi eżistenti rilevanti;

(c)

tiżgura li dawk l-ispeċifikazzjonijiet jibqgħu, sa fejn l-aktar possibbli, teknoloġikament newtrali.

L-ewwel tali att ta’ implimentazzjoni għandu jkopri l-elementi kollha msemmija fil- paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandu jiġi adottat mhux aktar tard mill-21 ta’ Awwissu 2023.

Artikolu 10

Rekwiżiti għall-fornituri tas-servizzi tal-eFTI

1.   Il-fornituri ta’ servizzi tal-eFTI għandhom jiżguraw li:

(a)

id-data tiġi pproċessata biss minn utenti awtorizzati u skont drittijiet tal-ipproċessar iddefiniti u assenjati b’mod ċar fi ħdan il-pjattaforma tal-eFTI, f’konformità mar-rekwiżiti rilevanti tal-informazzjoni regolatorja;

(b)

id-data tkun maħżuna u aċċessibbli skont l-atti legali tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali li jistabbilixxu r-rekwiżiti rispettivi għal informazzjoni regolatorja;

(c)

l-awtoritajiet kompetenti għandhom aċċess immedjat għal informazzjoni regolatorja dwar operazzjoni tat-trasport tal-merkanzija pproċessata permezz tal-pjattaformi tal-eFTI tagħhom, mingħajr ħlas jew tariffi;

(d)

id-data tkun żgurata b’mod xieraq, inkluż kontra pproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra telf aċċidentali, qerda jew ħsara.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2). L-ewwel tali att ta’ implimentazzjoni li jkopri l-elementi kollha msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi adottat mhux aktar tard mill-21 ta’ Awwissu 2023.

TAQSIMA 2

Ċertifikazzjoni

Artikolu 11

Korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità

1.   Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom ikunu akkreditati skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 għall-finijiet tat-twettiq taċ-ċertifikazzjoni tal-pjattaformi tal-eFTI u tal-fornituri tas-servizzi tal-eFTI kif stabbilit fl-Artikoli 12 u 13 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Għall-finijiet tal-akkreditazzjoni, il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II. Il-korpi nazzjonali tal-akkreditazzjoni għandhom jikkomunikaw lill-awtorità nazzjonali nominata skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu l-indirizz tas-sit web fejn jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni dwar il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità akkreditati, inkluż lista aġġornata ta’ dawn il-korpi.

3.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità li għandha żżomm lista aġġornata tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità akkreditati, tal-pjattaformi tal-eFTI u tal-fornituri tas-servizzi tal-eFTI li jkollhom ċertifikazzjoni valida abbażi tal-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu u skont l-Artikoli 12(2) u l-Artikolu 13(2). Dawk l-awtoritajiet nazzjonali nominati għandhom jagħmlu dik il-lista disponibbli għall-pubbliku fuq sit web uffiċjali tal-gvern.

4.   Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, dawk l-awtoritajiet nazzjonali nominati għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-lista msemmija fil-paragrafu 3 flimkien mal-indirizz tas-sit web fejn dik il-lista hija disponibbli pubblikament. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk l-indirizzi tas-siti web fuq is-sit web uffiċjali tagħha.

Artikolu 12

Ċertifikazzjoni tal-pjattaformi tal-eFTI

1.   Fuq applikazzjoni minn żviluppatur ta’ pjattaforma tal-eFTI, korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jivvaluta l-konformità tal-pjattaforma tal-eFTI tiegħu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9(1). Fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva, il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu joħroġ ċertifikat ta’ konformità għal dik il-pjattaforma tal-eFTI. Fil-każ ta’ valutazzjoni negattiva, il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jipprovdi r-raġunijiet għall-valutazzjoni negattiva lill-applikant.

2.   Kull korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jżomm lista aġġornata tal-pjattaformi tal-eFTI li huwa jkun iċċertifika u li għalihom ikun irtira jew issospenda ċ-ċertifikazzjoni. Huwa għandu jagħmel din il-lista disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tiegħu u għandu jikkomunika l-indirizz ta’ dak is-sit web lill-awtorità nazzjonali nominata msemmija fl-Artikolu 11(3).

3.   L-informazzjoni li ssir disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti permezz ta’ pjattaforma tal-eFTI ċċertifikata għandha tkun akkumpanjata minn marka ta’ ċertifikazzjoni.

4.   L-iżviluppatur tal-pjattaforma tal-eFTI għandu japplika għal valutazzjoni mill-ġdid taċ-ċertifikazzjoni tiegħu jekk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2) jiġu riveduti.

5.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi regoli dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ pjattaformi tal-eFTI, u dwar l-użu tal-marka ta’ ċertifikazzjoni, inklużi regoli dwar it-tiġdid, is-sospensjoni u l-irtirar taċ-ċertifikazzjoni.

Artikolu 13

Ċertifikazzjoni tal-fornituri tas-servizzi tal-eFTI

1.   Fuq applikazzjoni minn fornitur ta’ servizz tal-eFTI, korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jivvaluta l-konformità tal-fornitur tas-servizz tal-eFTI mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10(1). Fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva, il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu joħroġ ċertifikat ta’ konformità. Fil-każ ta’ valutazzjoni negattiva, il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jipprovdi r-raġunijiet għall-valutazzjoni negattiva lill-applikant.

2.   Kull korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jżomm lista aġġornata tal-fornituri tas-servizzi tal-eFTI li jkun iċċertifika u li għalihom ikun irtira jew issospenda ċ-ċertifikazzjoni. Huwa għandu jagħmel din il-lista disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tiegħu u għandu jikkomunika l-indirizz ta’ dak is-sit web lill-awtorità nazzjonali nominata msemmija fl-Artikolu 11(3).

3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi regoli dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-fornituri tas-servizzi tal-eFTI, inklużi regoli dwar it-tiġdid, is-sospensjoni u l-irtirar taċ-ċertifikazzjoni.

KAPITOLU IV

DELEGA TAS-SETGĦA U DISPOŻIZZJONIJIET TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 14

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 2(3), fl-Artikolu 7, fl-Artikolu 12(5) u fl-Artikolu 13(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mill-20 ta’ Awwissu 2020. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 2(3), fl-Artikolu 7, fl-Artikolu 12(5) u fl-Artikolu 13(3) tista’ tiġi revokata f’kull ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità l-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwaru.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 2(3), l-Artikolu 7, l-Artikolu 12(5) u l-Artikolu 13(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 15

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 16

Rieżami

1.   Mhux iktar tard mill-21 ta’ Frar 2029, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet prinċipali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Il-Kummissjoni għandha wkoll tivvaluta inizjattivi possibbli bil-ħsieb b’mod partikolari li:

(a)

tistabbilixxi l-obbligu għall-operaturi ekonomiċi li jagħmlu disponibbli b’mod elettroniku informazzjoni regolatorja għall-awtoritajiet kompetenti, f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(b)

tistabbilixxi aktar interoperabbiltà u interkonnettività bejn l-ambjent tal-eFTI u s-sistemi u l-pjattaformi differenti tal-ICT użati għar-reġistrazzjoni u l-ipproċessar ta’ informazzjoni regolatorja kif previst f’liġi oħra tal-Unjoni dwar it-trasport.

Dawn il-valutazzjonijiet għandhom b’mod partikolari jkopru l-emendar ta’ dan ir-Regolament u ta’ atti legali rilevanti oħra tal-Unjoni u għandha tkun akkumpanjata, fejn xieraq, minn proposta leġislattiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa stabbilita fl-Artikolu 17 għat-tħejjija tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 17

Monitoraġġ

Sal-21 ta’ Awwissu 2027, u kull ħames snin wara dan, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, abbażi tar-reġistri tal-operazzjonijiet imsemmija fil-punti (g) u (i) tal-Artikolu 9(1), l-għadd ta’ drabi li l-awtoritajiet kompetenti jkunu aċċessaw u pproċessaw l-informazzjoni regolatorja li saret disponibbli b’mod elettroniku mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati skont l-Artikolu 4.

Dik l-informazzjoni għandha tingħata fir-rigward ta’ kull sena koperta mill-perijodu tar-rapportar.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Huwa għandu japplika mill-21 ta’ Awwissu 2024.

3.   Madankollu, l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 5(4), l-Artikolu 7, l-Artikolu 8, l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 10(2) għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D.M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

J. KLOECKNER


(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 265.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-7 ta’ April 2020. (ĠU C 157 8.5.2020, p. 1). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2020 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).

(4)  Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(5)  Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea u li jħassar id-Direttiva 2010/65/UE (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 64).

(6)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(7)  Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(8)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(9)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(10)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(11)  Kunsill KEE: Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 11 dwar it-tneħħija tad-diskriminazzjoni fir-rati u l-kundizzjonijiet tat-trasport, fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 79(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU P 52, 16.8.1960, p. 1121).

(12)  Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta’ Diċembru 1992 dwar il-ħolqien ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat tal-merkanzija bejn l-Istati Membri (ĠU L 368, 17.12.1992, p. 38).

(13)  Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72).

(14)  Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).

(15)  Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).

(16)  Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72).


ANNESS I

INFORMAZZJONI REGOLATORJA LI TAQA’ FIL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TA’ DAN IR-REGOLAMENT

PARTI A - Rekwiżiti għall-informazzjoni regolatorja msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1)

Lista ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1):

1.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 (1) li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni: Anness 6.3.2.6 (a), (b), (c), (d), (e), (f) u (g).

PARTI B - Liġi nazzjonali

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali li jirrikjedu l-għoti ta’ informazzjoni identika, kollha jew parti minnha, għall-informazzjoni speċifikata fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(1) huma elenkati hawn taħt.

[Stat Membru]

1.

Att legali: [dispożizzjoni]


(1)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 tal-5 ta’ Novembru 2015 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 299, 14.11.2015, p. 1).


ANNESS II

REKWIŻITI LI JIRRIGWARDAW IL-KORPI TA’ VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

1.   

Korp ta’ valutazzjoni ta’ konformità għandu jkun stabbilit skont il-liġi nazzjonali u għandu jkollu personalità ġuridika.

2.   

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun korp terz indipendenti mill-organizzazzjoni jew mill-pjattaforma tal-eFTI jew mill-fornitur tas-servizz tal-pjattaforma li huwa jevalwa.

Korp li jappartjeni għal assoċjazzjoni kummerċjali jew federazzjoni professjonali li tirrappreżenta impriżi involuti fid-disinn, il-manifattura, il-forniment, l-assemblaġġ, l-użu jew il-manutenzjoni tal-pjattaforma tal-eFTI jew tal-fornitur tas-servizz tal-pjattaforma li jivvaluta jista’, bil-kundizzjoni li juri l-indipendenza tiegħu u n-nuqqas ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess, jitqies li huwa korp bħal dan.

3.   

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment superjuri tiegħu u l-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu d-disinjaturi, il-manifatturi, il-fornituri, l-installaturi, ix-xerrejja, is-sidien, l-utenti jew dawk li jagħmlu l-manutenzjoni tal-pjattaforma tal-eFTI jew tal-fornitur tas-servizz tal-pjattaforma li huma jevalwaw, u lanqas ir-rappreżentant ta’ xi wieħed minn dawk il-partijiet.

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment superjuri tiegħu u l-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti tal-valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu direttament involuti fid-disinn, manifattura jew kostruzzjoni, kummerċjalizzazzjoni, installazzjoni, użu jew manutenzjoni ta’ dik il-pjattaforma tal-eFTI jew tal-fornitur tas-servizz tal-pjattaforma, jew jirrappreżentaw lill-partijiet involuti f’dawk l-attivitajiet. Dawn ma għandhom ikunu involuti fl-ebda attività li tista’ toħloq kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b’rabta mal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità li għalihom huma jkunu akkreditati. Dan għandu japplika, b’mod partikolari, għas-servizzi ta’ konsulenza.

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tas-sussidjarji jew is-subkuntratturi tagħhom ma jaffettwawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività jew l-imparzjalità tal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità tagħhom.

4.   

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-persunal tagħhom għandhom iwettqu l-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità bl-ogħla livell ta’ integrità professjonali u l-kompetenza teknika meħtieġa fil-qasam speċifiku, u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u persważjoni, b’mod partikolari finanzjarji, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità tagħhom, speċjalment fir-rigward ta’ persuni jew gruppi ta’ persuni b’interess fir-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet.

5.   

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun kapaċi jwettaq il-kompiti kollha ta’ valutazzjoni tal-konformità assenjati lilu permezz tal-Artikoli 12 u 13 ta’ dan ir-Regolament, kemm jekk dawk il-kompiti jsiru mill-korp stess tal-valutazzjoni tal-konformità kif ukoll jekk f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu dawn li ġejjin:

(a)

persunal b’għarfien tekniku u esperjenza biżżejjed u xierqa biex iwettaq il-kompiti tal-valutazzjoni tal-konformità;

(b)

deskrizzjonijiet ta’ proċeduri li f’konformità magħhom titwettaq il-valutazzjoni tal-konformità;

(c)

proċeduri għall-prestazzjoni ta’ attivitajiet li jqisu b’mod dovut id-daqs tal-impriża, is-settur li fih topera, l-istruttura tagħha u l-grad ta’ kumplessità tat-teknoloġija kkonċernata.

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu l-mezzi neċessarji biex jagħmel ix-xogħol tekniku u amministrattiv marbut mal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità b’mod xieraq.

6.   

Il-persunal responsabbli biex iwettaq kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu dawn li ġejjin:

(a)

taħriġ tekniku u vokazzjonali sod li jkopri l-attivitajiet kollha marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità;

(b)

għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-valutazzjonijiet li jsiru minnhom u awtorità adegwata biex jagħmlu dawk il-valutazzjonijiet;

(c)

għarfien u fehim xieraq tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 9 u 10 ta’ dan ir-Regolament;

(d)

il-kapaċità meħtieġa biex jifformula ċertifikati ta’ konformità, rekords u rapporti li juru li l-evalwazzjonijiet ikunu saru.

7.   

Għandha tkun garantita l-imparzjalità tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, tal-maniġment superjuri tagħhom, u tal-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità.

Ir-remunerazzjoni tal-maniġment superjuri u tal-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità ma għandhiex tiddependi min-numru ta’ valutazzjonijiet imwettqa, jew mir-riżultati ta’ dawk il-valutazzjonijiet.

8.   

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jipprovdu polza ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà, sakemm ir-responsabbiltà ma tkunx assunta mill-Istat skont il-liġi nazzjonali, jew sakemm l-Istat Membru nnifsu ma jkunx direttament responsabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

9.   

Il-persunal ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu josserva s-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha miksuba meta jwettaq il-kompiti tiegħu skont l-Artikoli 12 u 13 ta’ dan ir-Regolament jew kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li ddaħħalhom fis-seħħ, ħlief fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jitwettqu l-attivitajiet tiegħu. Id-drittijiet ta’ proprjetà għandhom ikunu protetti.

10.   

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jipparteċipaw fi, jew jiżguraw li l-persunal responsabbli tagħhom għat-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità jkun infurmat dwar, l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni rilevanti u l-attivitajiet regolatorji rilevanti.


nach oben