EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0279

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/279 tas-27 ta’ Frar 2020 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-emiċelluloża tas-sojja (E 426) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/1064

ĠU L 59, 28.2.2020, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/279/oj

28.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 59/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/279

tas-27 ta’ Frar 2020

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-emiċelluloża tas-sojja (E 426)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista’ tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(3)

Skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-emiċelluloża tas-sojja (E426) attwalment hija awtorizzata biex tintuża bħala addittiva tal-ikel f’diversità kbira ta’ oġġetti tal-ikel b’livelli massimi li jvarjaw bejn 1 500 u 30 000 mg/kg.

(4)

Fis-16 ta’ Awwissu 2017, tressqet applikazzjoni biex l-użu tal-emiċelluloża tas-sojja (E426) jiġi estiż biex tkun tista’ tintuża bħala stabbilizzatur fil-prodotti tal-ħalib iffermentat aromatizzati u fix-xarbiet aromatizzati. Wara dan, l-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(5)

Meta tintuża bħala stabbilizzatur fil-prodotti tal-ħalib iffermentat aromatizzati u fix-xarbiet aromatizzati, l-emiċelluloża tas-sojja (E 426) tipprevjeni l-agglomerazzjoni u l-preċipitazzjoni tal-proteini u s-separazzjoni tal-fażijiet f’kundizzjonijiet aċidużi.

(6)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni trid titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) biex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx mistenni jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem.

(7)

Fl-14 ta’ Marzu 2017, l-Awtorità ppubblikat Opinjoni Xjentifika li reġgħet evalwat is-sikurezza tal-emiċelluloża tas-sojja (E 426), bħala addittiv tal-ikel (3). L-Awtorità kkonkludiet li jkun improbabbli ħafna li jkun hemm tħassib dwar l-użu attwali tal-emiċelluloża tas-sojja (E 426) bħala addittiv tal-ikel fir-rigward tas-saħħa, u li mhuwiex meħtieġ konsum aċċettabbli ta’ kuljum numeriku. Din il-konklużjoni tintuża għal sustanzi li jkunu ta’ tħassib żgħir ħafna rigward is-sikurezza u biss jekk tkun teżisti informazzjoni affidabbli kemm dwar l-esponiment kif ukoll dwar it-tossiċità, u l-probabbiltà li jkun hemm effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bnedmin f’dożi li ma jwasslux għal żbilanċ nutrittiv fl-annimali tkun żgħira (4).

(8)

Il-Parti C tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tiddefixxi l-gruppi kollha tal-addittivi. B’mod ġenerali, fil-Grupp I tal-Parti C hemm elenkati l-addittivi tal-ikel għajr il-kuluri u s-sustanzi li jagħtu l-ħlewwa, li ma hemmx bżonn ta’ konsum aċċettabbli ta’ kuljum numeriku għalihom, u li huma awtorizzati biex jintużaw f’għadd kbir ta’ oġġetti tal-ikel konformi mal-prinċipju ta’ quantum satis iddefinit fl-Artikolu 3(2)(h) ta’ dak ir-Regolament.

(9)

Ir-riżultat tal-valutazzjoni tas-sigurtà tal-emiċelluloża tas-sojja(E 426) jippermetti li dan jiddaħħal fil-Grupp I tal-Parti C tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Billi, skont il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-użu tal-addittivi fil-Grupp I huwa diġà permess fil-prodotti tal-ħalib iffermentat u fix-xarbiet aromatizzati, jekk tiddaħħal l-emiċelluloża tas-sojja (E426) fil-Grupp I, dan ikun jindirizza l-estenzjoni tal-użu mitluba. Jekk l-emiċelluloża tas-sojja (E426) tiddaħħal fil-Grupp I, dan ikun ukoll qed jirrendi l-entrati eżistenti dwar l-emiċelluloża tas-sojja (E 426) fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 żejda, billi l-użu tal-addittivi tal-Grupp I huwa permess fil-kategoriji tal-ikel kollha kkonċernati, u għaldaqstant jenħtieġ li dawn l-entrati jitħassru. Bl-istess mod, jenħtieġ li r-referenza li hemm għal-livell massimu tal-emiċelluloża tas-sojja (E 426) fil-parti introduttorja dwar il-kategorija 17 tal-ikel (Supplimenti tal-ikel kif iddefiniti fid-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5)) fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 titħassar, billi fil-Grupp I, l-emiċelluloża tas-sojja (E 426) se tkun awtorizzata skont il-prinċipju quantum satis.

(10)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Frar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  EFSA Journal 2017; 15(3):4721.

(4)  EFSA Journal 2014;12(6):3697, Statement on a conceptual framework for the risk assessment of certain food additives re-evaluated under Commission Regulation (EU) No 257/2010.

(5)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).


ANNESS

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Grupp I tal-Parti C, l-entrata li ġejja għall-E 426 tiddaħħal wara l-entrata għall-E 425:

“E 426

Emiċelluloża tas-sojja

quantum satis”

(2)

il-Parti E hija emendata kif ġej:

(a)

Tħassru l-entrati għall-E 426 (l-Emiċelluloża tas-sojja) fil-kategoriji 04.2.6 (Prodotti tal-patata pproċessati), 05.2 (Ħlewwiet oħra inkluż ħelu żgħir li jiffriska n-nifs), 05.4 (Tiżjin, kisi u mili, ħlief mili abbażi tal-frott kopert mill-kategorija 4.2.4), 06.5 (Noodles), 06.7 (Ċereali msajra minn qabel jew ipproċessati), 07.2 (Prodotti fini tal-forn), 10.2 (Bajd u prodotti tal-bajd ipproċessati), 12.6 (Zlazi), 14.1.4 (Xarbiet bit-togħma), 17.1 (Supplimenti tal-ikel ipprovduti f’forma solida, minbarra s-supplimenti tal-ikel għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar) u 17.2 (Supplimenti tal-ikel ipprovduti f’forma likwida, minbarra s-supplimenti tal-ikel għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar).

(b)

Il-parti introduttorja tal-entrata tal-kategorija tal-ikel 17. “Supplimenti tal-ikel kif iddefiniti fid-Direttiva 2002/46/KE tiġi sostitwita b’dan li ġej:

17.

Is-supplimenti tal-ikel kif iddefiniti fid-Direttiva 2002/46/KE

 

IL-PARTI INTRODUTTORJA, TAPPLIKA GĦAS-SUBKATEGORIJI KOLLHA

 

Il-livelli massimi tal-użu indikati għall-kuluri, għall-polijoli, għas-sustanzi li jagħtu l-ħlewwa, u għal E 200-213, E 338-452, E 405, E 416, E 432-436, E 459, E 468, E 473-475, E 491-495, E 551-553, E 901-904, E 961, E 1201-1204, E 1505 u E 1521 jirreferu għas-supplimenti tal-ikel lesti għall-konsum ippreparati skont l-istruzzjonijiet għall-użu mogħtija mill-manifattur.

Il-fattur tad-dilwizzjoni għal dawk is-supplimenti tal-ikel li jridu jiġu dilwiti jew maħlula jrid jingħata flimkien mal-istruzzjonijiet tal-użu.”


Top