EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0801

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/801 tas-17 ta' Mejju 2019 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi xaħmin (E 471) fuq ċertu frott frisk (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/3654

ĠU L 132, 20.5.2019, p. 18–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/801/oj

20.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/18


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/801

tas-17 ta' Mejju 2019

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi xaħmin (E 471) fuq ċertu frott frisk

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista'tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(3)

Il-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi xaħmin (E 471) huma addittivi tal-ikel awtorizzati f'varjetà ta' ikel f'konformità mal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(4)

Fis-17 ta' Frar 2017, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi xaħmin (E 471) fil-frott u fil-ħxejjex friski kollha. Imbagħad, l-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(5)

Il-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi xaħmin (E 471), meta jintużaw bħala aġent tal-igglejżjar għat-trattament tal-wiċċ tal-frott u tal-ħaxix frisk, jiffurmaw saff ostaklu fiżiku irqiq u inert kontra t-telf tal-indewwa u l-ossidazzjoni biex tiġi protetta l-kwalità nutrittiva u tiġi estiża l-ħajja fuq l-ixkaffa. Skont l-applikant, l-użu propost se jindirizza domanda dejjem tikber għal disponibbiltà ta' prodotti friski matul is-sena kollha, inaqqas il-ħela tal-ikel u jtejjeb l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi naturali fil-produzzjoni agrikola permezz ta' tnaqqis fit-telf u l-użu ta' metodi tat-trasport b'emissjonijiet aktar baxxi tad-diossidu tal-karbonju.

(6)

L-applikazzjoni ġiet diskussa mill-Grupp ta' Ħidma tal-Esperti Governattivi dwar l-Addittivi. Il-Grupp ta' Ħidma nnota li hemm bżonn teknoloġiku b'mod partikolari għat-trattament estern ta' ċertu frott li huwa prinċipalment importat minn pajjiżi bi klima tropikali u li jeħtieġ li jkun protett matul vjaġġi twal. Il-qxur ta' dak il-frott normalment ma jiġux ikkunsmati.

(7)

Fl-10 ta' Novembru 2017, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ippubblikat opinjoni xjentifika li tevalwa mill-ġdid is-sikurezza tal-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi xaħmin (E 471) bħala addittivi tal-ikel (3). L-Awtorità kkonkludiet li ma kienx hemm bżonn ta' kwantitattiv numeriku għad-doża aċċettabbli ta' kuljum u li l-addittivi tal-ikel “il-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi xaħmin (E 471)” ma jagħtu l-ebda tħassib dwar is-sikurezza fl-użi u fil-livelli tal-użu rrappurtati. Din il-konklużjoni tintuża għal sustanzi ta' tħassib ta' sikurezza baxx ħafna u biss jekk ikun hemm informazzjoni affidabbli kemm dwar l-esponiment kif ukoll dwar it-tossiċità u jkun hemm probabbiltà baxxa ta' effetti negattivi fuq is-saħħa fil-bnedmin f'dożi li ma jwasslux għal żbilanċ nutrittiv fl-annimali (4). Madankollu, l-Awtorità rrakkomandat xi modifiki tal-ispeċifikazzjonijiet tal-UE għall-addittivi tal-ikel “il-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi xaħmin (E 471)”. Il-Kummissjoni se teżamina dawn ir-rakkomandazzjonijiet separatament filwaqt li ssegwi l-approċċ ġenerali li ntuża fir-rigward tal-opinjonijiet tal-Awtorità li fihom ġie identifikat xi tħassib (5).

(8)

Barra minn hekk, il-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi xaħmin (E 471) huma maħsuba biex jintużaw għat-trattament estern u mhumiex mistennija li jemigraw lejn il-parti interna li tittiekel tal-frott. It-trattament fuq frott li l-qxur tiegħu ma jittikilx mhux mistenni li jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Huwa għalhekk xieraq li jkun permess l-użu tal-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi xaħmin (E 471) fuq ċertu frott li huwa prinċipalment importat minn pajjiżi bi klima tropikali/subtropikali u li normalment il-qxur tagħhom ma jiġux ikkunsmati, jiġifieri il-frott taċ-ċitru, il-bettieħ, l-ananas, il-banana, il-papaja, il-mango, l-avokado u r-rummien.

(9)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni trid tfittex li tikseb l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx mistenni li jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Billi l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-mono- u d-digliċeridi tal-aċidi xaħmin (E 471) fuq il-frott taċ-ċitru, il-bettieħ, l-ananas, il-banana, il-papaja, il-mango, l-avokado u r-rummien tikkostitwixxi aġġornament ta' dik il-lista li mhux mistenni jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem, m'hemmx bżonn tintalab l-opinjoni tal-Awtorità.

(10)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  EFSA Journal 2017;15(11):5045

(4)  EFSA Journal 2014;12(6):3697, Statement on a conceptual framework for the risk assessment of certain food additives re-evaluated under Commission Regulation (EU) No 257/2010. (Dikjarazzjoni dwar qafas kunċettwali għall-valutazzjoni tar-riskju ta' ċerti addittivi tal-ikel ivvalutati mill-ġdid skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010).

(5)  https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/safety/docs/fs-improv-approach.pdf


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, fil-kategorija tal-ikel 04.1.1 “Frott u ħxejjex friski, sħaħ”, tiddaħħal l-entrata l-ġdida li ġejja wara l-entrata għall-E 464:

 

“E 471

Mono- u digliċeridi tal-aċidi xaħmin

quantum satis

 

Għat-trattament tal-wiċċ tal-frott taċ-ċitru, tal-bettieħ, tal-ananas, tal-banana, tal-papaja, tal-mango, tal-avokado u tar-rummien biss”


Top