EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017L1009

Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/1009 tat-13 ta' Marzu 2017 li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għall-kadmju u għaċ-ċomb fil-ħġieġ li jiffiltra u fil-ħġieġ użat għall-istandards tar-riflettanza (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/1518

ĠU L 153, 16.6.2017, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2017/1009/oj

16.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/21


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1009

tat-13 ta' Marzu 2017

li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għall-kadmju u għaċ-ċomb fil-ħġieġ li jiffiltra u fil-ħġieġ użat għall-istandards tar-riflettanza

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tipprojbixxi l-użu taċ-ċomb u tal-kadmju fit-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq.

(2)

Il-ħġieġ ottiku li jiffiltra li jkun fih il-kadmju jew iċ-ċomb jintuża f'varjetà wiesgħa ta' applikazzjonijiet ottiċi għal bosta tipi ta' tagħmir elettriku u elettroniku. Kemm il-kadmju kif ukoll iċ-ċomb jintużaw minħabba l-proprjetajiet ottiċi uniċi li l-użu tagħhom jiffaċilita, bħal-“linja ta' qtugħ definita” fl-ispettru viżibbli li ma jiġix affettwat mill-angolu ta' viżjoni.

(3)

Għalkemm jeżistu diversi modalitajiet ta' sostituzzjoni, is-sostituti ma jipprovdux prestazzjoni suffiċjenti tal-linja ta' qtugħ għall-applikazzjonijiet kollha. Fil-ftit każijiet fejn ikun hemm alternattivi li jipprovdu prestazzjoni suffiċjenti f'dan ir-rigward, il-materjali użati huma sensittivi wisq għall-kundizzjonijiet ambjentali tal-operat u għalhekk mhumiex affidabbli biżżejjed.

(4)

F'dan ir-rigward, l-alternattivi għadhom mhumiex adattati għal ħafna applikazzjonijiet, u s-sejba ta' alternattivi għalihom hija kkumplikata u tirrikjedi ż-żmien, għalhekk ħames snin għall-kategoriji 1 sa 7 u 10 jitqies bħala tul iġġustifikat.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li ċertu ħġieġ ottiku li jiffiltra li fih il-kadmju u/jew iċ-ċomb jiġi eżentat sal-21 ta' Lulju 2021 għall-kategoriji 1 sa 7 u 10. Fir-rigward taċ-ċikli ta' innovazzjoni għat-tagħmir elettriku u elettroniku affettwat, it-tul ta' din l-eżenzjoni mhuwiex mistenni li jkollu impatt negattiv fuq l-innovazzjoni.

(6)

Id-Direttiva 2011/65/UE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mis-6 ta' Lulju 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mis-6 ta' Lulju 2018.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta jiġu ppubblikati b'mod uffiċjali. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.


ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, il-punt 13(b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“13(b)

Il-kadmju u ċ-ċomb fil-ħġieġ li jiffiltra u fil-ħġieġ użat għall-istandards tar-riflettanza

Tapplika għall-kategoriji 8, 9 u 11; tiskadi:

fil-21 ta' Lulju 2023 għall-kategorija 8 apparat mediku dijanjostiku in vitro;

fil-21 ta' Lulju 2024 għall-kategorija 9 strumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali u għall-kategorija 11;

fil-21 ta' Lulju 2021 għal subkategoriji oħra tal-kategoriji 8 u 9

13(b)-(I)

Iċ-ċomb f'tipi ta' ħġieġ li jiffiltra ottiku, ikkulurit u joniku

Tapplika għall-kategoriji 1, 7 u 10; tiskadi fil-21 ta' Lulju 2021 għall-kategoriji 1 sa 7 u 10”

13(b)-(II)

Il-kadmju f'tipi ta' ħġieġ li jiffiltra ottiku b'sospensjoni kollojdali; esklużi l-applikazzjonijiet li jaqgħu taħt l-eżenzjoni 39 ta' dan l-Anness

13(b)-(III)

Il-kadmju u ċ-ċomb fil-ħġieġ użat għall-istandards tar-riflettanza


Top