EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0683

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/683 tat-2 ta' Mejju 2016 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-Aċidu propjoniku — propjonati (E 280 — 283) fit-tortillas (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/2548

ĠU L 117, 3.5.2016, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/683/oj

3.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 117/28


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/683

tat-2 ta' Mejju 2016

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-Aċidu propjoniku — propjonati (E 280 — 283) fit-tortillas

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3),

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Il-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(3)

Fl-14 ta' Lulju 2015 ġiet ippreżentata applikazzjoni biex jiġi estiż l-użu tal-propjonat tal-kalċju (E282) bħala preżervattiv għall-estensjoni taż-żmien tal-ħżin tat-tortillas. Dik l-applikazzjoni kienet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(4)

L-użu tal-Aċidu propjoniku — propjonati huwa meħtieġ biex jestendi ż-żmien tal-ħżin tat-tortillas peress li l-prodott jeħżien malajr minħabba l-kontenut għoli ta' umdità u l-kompożizzjoni li hija suxxettibbli għat-tkabbir mikrobiku.

(5)

L-Aċidu propjoniku — propjonati jintuża ħafna biex jipprevjeni li tikber il-moffa fil-prodotti moħmija bil-ħmira minħabba l-effett minimu tiegħu fuq il-ħmira u fuq ir-riħa jew fuq it-togħma tal-prodott finali.

(6)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) fl-opinjoni tagħha dwar l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-aċidu propjoniku (E 280), tal-propjonati tas-sodju (E 281), tal-propjonati tal-kalċju (E 282) u tal-propjonati tal-potassju (E 283) bħala addittivi tal-ikel (3), ikkonkludiet li mhux se jkun hemm tħassib dwar is-sikurezza mill-konċentrazzjonijiet massimi ta' dawk is-sustanzi dwar l-użi awtorizzati u l-livelli ta' użu attwali bħala addittivi tal-ikel. L-awtorizzazzjoni għall-użu tal-propjonati fit-tortillas hija estensjoni li mhux se twassal għal tħassib addizzjonali peress li l-valutazzjoni ta' esponiment magħmula mill-Awtorità kienet tkopri l-kategorija tal-ikel 07.1 Ħobż u bziezen.

(7)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità biex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni mhux mistenni li jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Peress li l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-Aċidu propjoniku — propjonati (E280 — 283) bħala preżervattiv fit-tortillas jikkostitwixxi aġġornament ta' dik il-lista li mhux mistenni jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem, m'hemmx bżonn tintalab l-opinjoni tal-Awtorità.

(8)

Għaldaqstant, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f' dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  EFSA Journal 2014;12(7):3779.


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 fil-kategorija tal-ikel 07.1 “Ħobż u bziezen”, l-entrati għall-Aċidu propjoniku — propjonati jinbidlu b'dan li ġej:

 

“E 280-283

Aċidu propjoniku — propjonati

3 000

(1) (6)

ħobż imqatta' ppakkjat minn qabel u ħobż tas-segala biss

E 280-283

Aċidu propjoniku — propjonati

2 000

(1) (6)

ħobż b'enerġija mnaqqsa; ħobż ippakkjat minn qabel parzjalment moħmi; bziezen, tortillas u pitta ppakkjati minn qabel biss; pølsebrød, boller u dansk flutes ippakkjati minn qabel

E 280-283

Aċidu propjoniku — propjonati

1 000

(1) (6)

ħobż ippakkjat minn qabel biss”


Top