EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0441

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/441 tat-23 ta' Marzu 2016 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-glikosidi tal-istevjol (E 960) bħala ħlewwa fil-mustarda (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/1712

ĠU L 78, 24.3.2016, p. 47–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/441/oj

24.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 78/47


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/441

tat-23 ta' Marzu 2016

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-glikosidi tal-istevjol (E 960) bħala ħlewwa fil-mustarda

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel approvati biex jintużaw fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Dik il-lista tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew inkella wara applikazzjoni.

(3)

Fit-23 ta' Jannar 2015 ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-glikosidi tal-istevjol (E 960) bħala ħlewwa fil-mustarda. Sussegwentement l-awtorizzazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(4)

Il-glikosidi tal-istevjol huma kostitwenti b'togħma ħelwa mingħajr kaloriji li jistgħu jintużaw biex jissostitwixxu s-sukrożju fil-produzzjoni tal-mustarda u b'hekk jiġi estiż il-perjodu ta' konservazzjoni tiegħhu u tiżdied l-istabbiltà mikrobijoloġika tiegħhu (it-tnaqqis tal-kontenut taz-zokkor jostakola l-proċess ta' fermentazzjoni li għalih iz-zokkor huwa substrat) filwaqt li jinżammu l-proprjetajiet organolettiċi mitluba tal-prodott. Bis-saħħa tal-glikosidi tal-istevjol fil-mustarda se jkun possibbli li titwessa' l-medda ta' dan il-prodott permezz ta' prodott li fih ħlewwa differenti minn dawk li ġew applikati s'issa u li għandu proprjetajiet ta' togħma kemxejn differenti.

(5)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) evalwat is-sigurtà tal-glikosidi tal-istevjol estratti mill-weraq tal-pjanta Stevia rebaudiana Bertoni bħala ħlewwa u esprimiet il-fehma tagħha dwarhom fl-14 ta' April 2010 (3). L-Awtorità stabbilixxiet Doża Aċċettabbli ta' Kuljum (ADI) għall-glikosidi tal-istevjol, espressa bħala ekwivalenti tal-istevjol, ta' 4 mg/kg tal-piż tal-ġisem/jum.

(6)

L-awtorizzazzjoni ta' din il-ħlewwa f'ammont ta' 120 mg/kg (ta' ekwivalenti tal-istevjol) fil-mustarda twassal għal żieda fil-konsum tal-E960 fil-limiti li ġejjin: bejn 0 u 0,133 % tal-ADI fil-każ ta' konsum medju u bejn 0 u 1,143 % tal-ADI fil-każ ta' livell għoli ta' konsum. Dan huwa kkunsidrat bħala esponiment negliġibbli addizzjonali għall-konsumatur u għalhekk mhuwiex ta' tħassib għas-sikurezza.

(7)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità biex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta dak l-aġġornament mhux mistenni jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Billi l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-glikosidi tal-istevjol (E 960) bħala ħlewwa fil-mustarda tikkostitwixxi aġġornament ta' dik il-lista li x'aktarx ma jkollux effett fuq is-saħħa tal-bniedem, mhux meħtieġ li titfittex l-opinjoni tal-Awtorità.

(8)

Għalhekk, huwa xieraq li jkun awtorizzat l-użu tal-glikosidi tal-istevjol (E 960) bħala ħlewwa miżjuda fil-mustarda (is-sottokategorija tal-ikel 12.4) f'livell massimu ta' 120 mg/kg.

(9)

Għalhekk, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  EFSA Journal 2010; 8(4):1537.


ANNESS

Il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 hija emendata kif ġej:

(1)

fis-sottokategorija tal-ikel 12.4 Mustarda, l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata għall-E 959:

 

“E 960

Il-glikosidi tal-istevjol

120

(60)”

 

(2)

Tiżdied in-nota f'qiegħ il-paġna li ġejja:

“(60):

Espressi bħala ekwivalenti tal-istevjol”.


Top