EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0076

Direttiva ta' Delega tal-Kummissjoni 2014/76/UE tat- 13 ta' Marzu 2014 li temenda, għal skopijiet ta' adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għall-Merkurju f'tubi bi skariku luminuż magħmula bl-idejn (HLDTs) użati għas-sinjali, kemm dawk dekorattivi kif ukoll dawk arkitettoniċi, għad-dawl speċjalizzat u għall-opri tal-arti bid-dawl Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 148, 20.5.2014, p. 86–87 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2014/76/oj

20.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/86


DIRETTIVA TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI 2014/76/UE

tat-13 ta' Marzu 2014

li temenda, għal skopijiet ta' adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għall-Merkurju f'tubi bi skariku luminuż magħmula bl-idejn (HLDTs) użati għas-sinjali, kemm dawk dekorattivi kif ukoll dawk arkitettoniċi, għad-dawl speċjalizzat u għall-opri tal-arti bid-dawl

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku, (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1(a) tagħha

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tipprojbixxi l-użu tal-merkurju fit-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq.

(2)

It-tubi bi skariku luminuż magħmula bl-idejn (HLDTs) huma bozoz magħmula bl-idejn li jintużaw għal skop speċjali u li jeżistu f'varjetà wiesgħa. Xi eżempji huma s-sinjali tan-neon, illuminazzjoni arkitettonika individwali u emittenti ta' dawl speċjali fir-riċerka analitika fil-kimika. Peress li l-HLDTs jintużaw għal applikazzjonijiet fuq ġewwa u fuq barra b'kompożizzjoni ta' spettru ta' kulur individwali, hemm bżonn li jaħdmu b'mod affidabbli f'kundizzjonijiet sensittivi u kesħin u hemm bżonn li jkollhom stennija ta' ħajja twila ħafna peress li ta' spiss l-aċċess għalihom huwa diffiċli. Sabiex ikunu jistgħu jaħdmu kif suppost f'dawn il-kundizzjonijiet, l-HLDTs jeħtieġu kwantità minima ta' merkurju.

(3)

L-eliminazzjoni jew is-sostituzzjoni tal-merkurju fl-HLDTs u s-sostituzzjoni kollha kemm hi tal-HLDTs b'teknoloġiji oħrajn bħal-LED mhijiex prattika la mil-lat xjentifiku u lanqas mil-lat tekniku. Għaldaqstant, l-użu tal-merkurju fl-HLDTs użati għas-sinjali, kemm dawk dekorattivi kif ukoll dawk arkitettoniċi, għad-dawl speċjalizzat u għall-opri tal-arti bid-dawl għandu jkun eżentat mill-projbizzjoni. Il-merkurju għandu jkun limitat u jintuża biss l-ammont minimu meħtieġ u l-perjodu ta' validità għandu jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2018, sabiex jiġu evitati impatti negattivi fuq l-innovazzjoni.

(4)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2011/65/UE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-aħħar jum tas-sitt xahar wara d-dħul fis-seħħ. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.


ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, jiddaħħal il-punt 4 (g) li ġej:

“4(g)

Il-merkurju f'tubi bi skariku luminuż magħmula bl-idejn użati għas-sinjali, kemm dawk dekorattivi kif ukoll dawk arkitettoniċi, għad-dawl speċjalizzat u għall-opri tal-arti bid-dawl, fejn il-kontenut tal-merkurju għandu jkun limitat kif ġej:

(a)

20 mg għal kull par elettrodu + 0,3 mg għat-tul ta' kull tubu f'cm, iżda mhux aktar minn 80 mg, għall-applikazzjonijiet fuq barra u għall-applikazzjonijiet fuq ġewwa esposti għal temperaturi taħt l-20 °C;

(b)

15 mg għal kull par elettrodu + 0,24 mg għat-tul ta' kull tubu f'cm, iżda mhux aktar minn 80 mg, għall-applikazzjonijiet fuq ġewwa l-oħra kollha.

Tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2018”


Top