EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0818

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 818/2013 tat- 28 ta’ Awwissu 2013 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-esteri tas-Sukrożju tal-aċidi grassi (E 473) fl-aromatizzanti għax-xarbiet ċari bit-togħma abbażi tal-ilma Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 230, 29.8.2013, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/818/oj

29.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 230/12


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 818/2013

tat-28 ta’ Awwissu 2013

li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-esteri tas-Sukrożju tal-aċidi grassi (E 473) fl-aromatizzanti għax-xarbiet ċari bit-togħma abbażi tal-ilma

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u partikolarment l-Artikolu 10(3), u l-Artikolu 30(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista ta’ addittivi tal-ikel tal-Unjoni approvati għall-użu tal-aromatizzanti tal-ikel, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista' tiġi emendata bil-proċedura komuni msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2).

(3)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel tista’ tiġi aġġornata jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(4)

Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-esteri tas-Surkożju tal-aċidi grassi (E 473) bħala emulsjonanti fl-aromatizzanti ġiet sottomessa fl-20 ta' Awwissu 2008 u tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

(5)

L-emulsjonanti huma meħtieġa sabiex jistabbilizzaw l-amoratizzanti żejtnija meta dawn huma miżjuda fix-xorb abbażi tal-ilma. Mingħajr iż-żjieda tal-emulsjonant, iż-żejt aromatizzanti ma jkunx solubbli u jidher fuq il-wiċċ tax-xorb bħala ċirku żejtni. Dan jevita t-tixrid tal-aromatizzanti fix-xarba u jżid l-esponiment tagħha għall-ossiġnu, li jwassal għal tnaqqis fl-aċċettabilità organolettika. Dan jagħmel ukoll l-iżvilupp tax-xarbiet ċari estremament diffiċli. Dawn il-kwistjonijiet jistgħu jingħelbu sa ċertu punt bl-użu taż-żjut maħsulin, madankollu dawk inaqqsu l-aċċettabilità organolettika. L-użu tal-esteri tas-Sukrożju tal-aċidi grassi jippermetti xarbiet ċari, b’funzjonalità mtejba tal-aromatizzanti miżjudin.

(6)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha tfittex l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel imniżżla fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(7)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ħarġet l-opinjoni tagħha dwar l-esteri tas-Sukrożju tal-aċidi grassi (E 473) u stabbiliet id-Doża Aċċettabbli ta' Kuljum ta’ 40 mg/kg bw/jum (3). L-esponiment għall-esteri tas-Sukrożju tal-aċidi grassi li jirriżulta mill-użu addizzjonali propost għall-użu fix-xarbiet ċari mhux alkoħoliċi aromatizzanti jirrappreżenta inqas minn 0.1 % tad-DAK (4). Meta wieħed iqis li l-esponiment, minħabba l-użu addizzjonali ta’ dan l-addittiv, huwa negliġibbli meta mqabbel mad-DAK, dan l-użu addizzjonali tal-esteri tas-Sukrożju tal-aċidi grassi (E 473) x’aktarx ma jħallix effett fuq is-saħħa tal-bniedem.

(8)

Huwa għalhekk xieraq li jkun awtorizzat l-użu tal-esteri tas-Sukrożju tal-aċidi grassi (E 473) bħala addittiv fl-ikel fl-aromizzanti għax-xarbiet ċari bit-togħma u abbażi tal-ilma.

(9)

Għaldaqstant, l-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Il-Ġurnal tal-EFSA (2004) 106, 1-24.

(4)  The EFSA Journal 2012; 10(5):2658.


ANNESS

Fil-Parti 4 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-annotazzjoni li ġejja qed tiddaħħal wara l-annotazzjoni għall-addittiv tal-ikel E 459:

"E 473

Esteri tas-Sukrożju tal-aċidi grassi

L-aromatizzanti għax-xarbiet ċari bit-togħma abbażi tal-ilma li jappartjenu lill-kategorija 14.1.4

15 000  mg/kg fl-aromatizzanti, 30 mg/l fl-ikel finali"


Top