EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0294

2013/294/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Diċembru 2012 dwar għajnuna mill-istat SA 26374 (C 49/08) (ex N 402/08) implimentatat mill-Polonja għal PZL Dębica S.A. (notifikata bid-dokument C(2012) 9464) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 167, 19.6.2013, p. 41–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/294/oj

19.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 167/41


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Diċembru 2012

dwar għajnuna mill-istat SA 26374 (C 49/08) (ex N 402/08) implimentatat mill-Polonja għal PZL Dębica S.A.

(notifikata bid-dokument C(2012) 9464)

(Il-verżjoni bil-Pollakk biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/294/UE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunisdrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b’mod partikulari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmijin hawn fuq (1),

Billi:

I.   IL-PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra ddatata t-13 ta’ Awwissu 2008, il-Polonja infurmat lill-Kummissjoni b’miżuri li ppjanat biex tagħti appoġġ għar-ristrutturar ta’ PZL Dębica S.A. (‘PZL Dębica’ jew ‘il-kumpanija’). Permezz ta’ ittra ddatata t-3 ta’ Ottubru 2008 il-Kummissjoni talbet lill-Polonja biex tissottometti ċerti dokumenti li kienu neqsin. Dawn ġew provduti fl-20 ta’ Ottubru 2008.

(2)

Permezz ta’ ittra ddatata d-19 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni għarrfet lill-Polonja li kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem "it-TFUE") fil-konfront tal-miżuri msemmija (‘id-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura’).

(3)

Id-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżura. Ebda parti interessata ma kkummentat dwar id-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura.

(4)

L-awtoritajiet Pollakki issottomettew informazzjoni addizzjonali bi tweġiba għad-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura fit-12 ta’ Frar 2009, fid-9 ta’ lulju 2010, fis-16 ta’ Mejju 2011, fis-7 ta’ Ġunju 2011 u fit-8 ta’ Ġunju 2011.

(5)

Fit-18 ta’ Awwissu 2011 il-Polonja talbet lill-Kummissjoni biex ma tkomplix tevalwa l-għajnuna notifikata sal-31 ta’ Ottubru 2011. Fl-10 ta’ Ottubru 2011 il-Polonja irtirat uħud mill-miżuri notifikati jiġifieri injezzjoni ta’ kapital u self preferenzjali li t-tnejn kellhom suppost jingħataw mill-Aġenzija għall-Iżvilupp Industrijali li hija tal-Istat.

(6)

Fit-2 ta’ Novembru 2011 il-Polonja ssottomettiet rapport bil-għan li tistabbilixxi li l-kumplament tan-notifika, jiġifieri d-differiment tad-dejn tas-sigurtà soċjali, kien jissodisfa l-kriterju ta’ kreditur privat u għaldaqstant ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(7)

Permezz ta’ ittra ddatata s-26 ta’ Lulju 2012 il-Kummissjoni talbet lill-Polonja tipprovdi spjegazzjonijiet addizzjonali dwar għadd ta’ punti. Il-Polonja wieġbet permezz ta’ ittra ddatata l-31 ta’ Awwissu 2012, li fiha infurmat lill-Kummissjoni li fl-1 ta’ Marzu 2012 kien intlaħaq ftehim dwar id-differiment tad-dejn tas-sigurtà soċjali u li d-dejn pendenti dovut lill-Uffiċċju lokali tal-Marixxall kien tħallas lura fl-14 ta’ Awwissu 2012.

(8)

L-aħħar informazzjoni li pprovdew l-awtoritajiet Pollakki kienet fis-6 ta’ Diċembru 2012.

II.   IL-BENEFIĊJARJU U L-PJANI TA’ RISTRUTTURAR

1.   Il-Benefiċjarju

(9)

PZL Dębica għandha 212-il impjegat. Hija kumpanija ta’ daqs medju attiva l-aktar fil-produzzjoni ta’ apparat tat-tkessiħ bħal kompressuri, unitajiet għas-silġ u refriġeraturi, apparat li jkessaħ l-arja u l-likwidi, kondensaturi f’forma ta’ sprej u evaporattivi, kondensaturi shell-and-tube vertikali u orizzontali, tagħmir għat-tankijiet: separaturi tal-likwidu, tankijiet orizzontali, tagħmir ta’ tkessiħ bejn stadju u ieħor, separaturi taż-żejt u valvoli refriġeranti.

(10)

Il-kumpanija tinsab fil-Provinċja ta’ Podkarpackie, reġjun kopert mill-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat. Twaqqfet fl-1938 u ilha kumpanija azzjonarja sa mill-1995. Fl-1999 l-ishma tal-kumpanija kienu tat-Teżor (25.08 %) u tal-impjegati (74.92 %). Fl-2006 il-kumpanija ġie kompletament privatizzata: l-ishma tagħha kienu fil-biċċa l-kbira f’idejn l-impjegati attwali u preċedenti u l-eredi tagħhom. Fl-2010 investitur privat, Eurotech, akkwista sehem ta’ 16.7 % f’PZL Dębica.

(11)

Is-sehem tal-kumpanija mis-suq Pollakk tal-apparat tat-tkessiħ huwa żgħir (inqas minn 1 % fl-2006). Fl-2006 l-esportazzjonijiet kienu jammontaw għal 15.6 % tal-bejgħ globali, li minnhom 6.8 % marru barra mill-Unjoni Ewropea. Fis-suq Pollakk, il-kumpanija tiffaċċja kompetizzjoni qawwija minn għadd ta’ kumpaniji, pereżempju York International, GEA GRASSO Refrigeration Division, Mycom International Refrigeration (Ltd), MOSTOSTAL Wrocław S.A., Aerzen Maschinenfabrik GmbH u Zakład Metalowy PILZNO.

2.   L-ewwel pjan ta’ ristrutturar

(12)

Skont l-awtoritajiet Pollakki, id-diffikultajiet finanzjarji tal-kumpanija jmorru lura sal-2002. F’dak iż-żmien ġie adottat pjan ta’ ristrutturar għall-2002-07. Il-pjan ġie aġġornat f’Ottubru 2003 u kien jinkludi l-miżuri li ġejjin:

a)

it-tħassir ta’ PLN 2 358 689,41 mill-Fond tal-Istat għar-Riabilitazzjoni ta’ Persuni b’Diżabbiltà;

b)

it-tħassir ta’ PLN 1 063 790,45 mill-Kunsill Muniċipali ta’ Dębica;

c)

self preferenzjali ta’ PLN 3 890 000 mill-Fond għar-Ristrutturar tal-Impriżi għall-ħlas lura ta’ parti mid-dejn tas-sigurtà soċjali dovut lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali;

d)

differiment mill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali ta’ dejn bil-valur nominali ta’ PLN 1 364 600;

e)

it-tħassir ta’ PLN 914 522,15 mill-Eżattorija ta’ Dębica;

f)

erba’ miżuri identifikati bħala għajnuna de minimis bil-valur totali ta’ PLN 17 055,81.

(13)

Minħabba limiti baġitarji, il-Fond għar-Ristrutturar tal-Impriżi ma setax jagħti lil PZL Dębica is-self miftiehem (premessa (12)c)). Għaldaqstant, l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali ddeċieda li jiddefferixxi l-kumplament tas-self li kien dovut lilu (ara l-premessa (12)d)). Bħala riżultat ta’ dan, PZL Dębica ma wettqitx ir-ristrutturar finanzjarju li kien fil-qalba tal-pjan.

(14)

Minkejja dan, il-kumpanija rnexxielha timplimenta l-elementi l-oħrajn tal-pjan ta’ ristrutturar, bir-riżultat li sa mill-2006 kienet għamlet profitt modest. Ir-riżultati finanzjarji tal-kumpanija bejn l-2002 u l-2011 huma miġbura fil-qosor fit-Tabella 1 hawn taħt.

Tabella 1

Ir-riżultati finanzjari ta’ PZL Dębica 2002-11 (f’miljuni ta’ PLN)

 

2002

2003

2004

2005

2006

2007

2008

2009

2010

2011

2012 (3)

Bejgħ nett

11,5

13,1

15

11,6

15,9

14

15

15,2

14

15,9

21,5

EBIT

–0,7

0,3

–0,2

–2

1,6

2

1,3

1,9

1,1

1,5

3,5

Profitt nett

–2,1

–0,9

–1,2

–3

0,5

1

0,01

0,5

0,01

0,2

2,7

EUR 1 = madwar PLN 4

3.   It-tieni pjan ta’ ristrutturar

(15)

Wara li ma ġiex implimentat ir-ristrutturar finanzjarju tal-ewwel pjan ta’ ristrutturar, il-Kummissjoni ġiet notifikata bit-tieni pjan ta’ ristrutturar f’Awwissu 2008. Fil-biċċa l-kbira tiegħu, dan it-tieni pjan kien imfassal biex jimplimenta r-ristrutturar finanzjarju tal-kumpanija. Dan kien jipprevedi l-miżuri li ġejjin:

a)

injezzjoni ta’ kapital ta’ PLN 4 965 800 mill-Aġenzija għall-Iżvilupp Industrijali;

b)

is-self preferenzjali ta’ PLN 5 534 200 mill-Aġenzija għall-Iżvilupp Industrijali għall-ħlas lura ta’ parti mid-dejn dovut lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali;

c)

id-differiment ta’ dejn ulterjuri tas-sigurtà soċjali dovut lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali għall-valur nominali ta’ PLN 3 miljuni;

d)

it-tħassir ta’ PLN 101 600 mill-Uffiċċju lokali tal-Marixxall.

III.   ID-DEĊIŻJONI LI JINGĦATA BIDU GĦALL-PROĊEDURA

(16)

Id-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri li ġejjin, li kienu jiffurmaw parti mill-ewwel pjan ta’ ristrutturar, mas-suq intern:

a)

id-differiment mill-Kunsill Muniċipali ta’ Dębica ta’ dejn b’valur nominali ta’ PLN 1 164 900;

b)

it-tħassir ta’ PLN 914 522,15 mill-Eżattorija ta’ Dębica;

c)

id-differiment mill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali ta’ dejn b’valur nominali ta’ PLN 1 364 600.

Il-Kummissjoni kellha dubji wkoll dwar il-klassifikazzjoni tal-miżuri elenkati fit-Tabella ta’ hawn taħt bħala għajnuna de minimis.

(17)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-pjan ta’ ristrutturar kienx jinkludi l-elementi kollha meħtieġa biex PZL Dębica terġa’ tikseb il-vjabbiltà u jekk perjodu ta’ 12-il sena għar-ristrutturar kienx twil iżżejjed fid-dawl tal-punt 35 tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikutà (4) (‘Il-Linji Gwida R&R’).

(18)

Minħabba l-għajnuna mogħtija diġà taħt l-ewwel pjan (premessi (12)a) u (12)b)), il-Kummissjoni qajmet dubju wkoll dwar l-eliġibbiltà tal-kumpanija għal għajnuna ġdida ta’ ristrutturar (ara l-premessa (15)) fid-dawl tal-prinċipju tal-ewwel darba għall-aħħar darba (stipulat fit-Taqsima 3.3 tal-Linji Gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar).

(19)

Fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura l-Kummissjoni stqarret li l-Polonja ma kienet ippreżentatilha ebda dokument li huwa legalment vinkolanti għall-miżuri li dan il-pajjiż kien ikklassifika bħala miżuri ta’ qabel l-adeżjoni (premessi (16)a u (16)c)) li abbażi tiegħu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu ntrabtu li jagħtu l-għajnuna.

(20)

Fir-rigward tal-ammont proprju tal-għajnuna diġà mogħtija lill-kumpanija, il-Kummissjoni esprimiet ukoll id-dubji tagħha dwar jekk l-għajnuna de minimis mogħtija fl-2006 setgħetx tiġi kkunsidrata bħala tali, minħabba li din ingħatat lil kumpanija f’diffikultà, li skont l-Artikolu 1(1)(h) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għal għajnuna de minimis  (5), ma kinitx tikkwalifika għal tali għajnuna.

(21)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ddubitat jekk il-miżuri proposti ta’ kumpens setgħux jiġu aċċettati minħabba li dawn kienu assoċjati mar-restawr tal-vjabbiltà fit-terminu twil tal-kumpanija u bħala tali ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala miżuri ta’ kumpens. Il-Kummissjoni stqarret ukoll li l-Polonja ma kinitx uriet bil-prova li l-attivitajiet li ġew abbandunati ma kinux qed jagħmlu telf.

IV.   IL-KUMMENTI TAL-ISTAT MEMBRU

(22)

Dan il-kapitolu jinkludi biss il-kummenti tal-awtoritajiet Pollakki rigward il-miżuri li ma ġewx irtirati fl-andament tal-investigazzjoni.

1.   It-tul tal-istrutturar

(23)

Rigward it-tul tal-proċess tar-ristrutturar, l-awtoritajiet Pollakki ddikjaraw li ż-żewġ pjani ta’ ristrutturar għandhom jiġu ttrattati bħala pjan wieħed minħabba li l-falliment tal-ewwel pjan ma kienx dovut għall-kumpanija u t-tieni pjan ta’ ristrutturar essenzjalment kompla r-ristrutturar finanzjarju inkomplet tal-ewwel pjan.

2.   Il-priċipju tal-ewwel darba għall-aħħar darba

(24)

Il-Polonja rtirat il-miżuri ta’ għajnuna elenkati taħt il-premessi (15)a) u (15)b) minħabba li, skont id-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura, l-għoti ta’ dawn il-miżuri seta’ potenzjalment ikun inkompatibbli mal-prinċipju tal-ewwel darba għall-aħħar darba. L-awtoritajiet Pollakki spjegaw li l-irtirar kien konsegwenza tal-fatt li PZL Dębica kienet tilfet l-istatus ta’ kumpanija kbira. Bħala kumpanija b’inqas minn 250 impjegat, PZL Dębica ma baqgħetx tikkwalifika għal finanzjament mill-Aġenzija għall-Iżvilupp Industrijali, li tipprovdi finanzjament għal kumpaniji kbar biss. Madankollu, id-differiment tad-dejn dovut lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali u t-tħassir tad-dejn lill-Uffiċċju tal-Marixxall ma ġewx irtirati. L-argumenti tal-Polonja rigward dawn il-miżuri huma spjegati hawn taħt.

3.   Għajnuna mwegħda qabel l-adeżjoni

(25)

Rigward it-tliet miżuri kklassifikati fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura bħala għajnuna mwegħda qabel l-adeżjoni mal-UE (il-premessi (16)a) sa (16)c) ta’ din id-Deċiżjoni), il-Polonja pprovdiet evidenza dokumentata biex tissostanzja dak li kienet qed issostni li l-għajnuna kienet ingħatat qabel l-adeżjoni u għaldaqstant ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna ġdida.

Dejn dovut lill-Kunsill Muniċipali ta’Dębica

(26)

Rigward id-dejn dovut lill-Kunsill Muniċipali ta’ Dębica, il-Polonja ssottomettiet att notarili li jikkonferma li d-dejn kien tħallas fil-31 ta’ Mejju 2004 permezz ta’ trasferiment ta’ proprjetà lill-Kunsill Muniċipali ta’ Dębica. L-att notarili kien jirreferi għall-ħlas tas-somma ewlenija ta’ PLN 1 116 788,60 u mgħax li jammonta għal PLN 592 669,80 (6).

(27)

Il-Polonja spjegat ukoll li din il-miżura ma kinitx ġiet inkluża fl-ewwel pjan ta’ ristrutturar għaliex l-applikazzjoni għall-għajnuna li ssottomettiet PZL Dębica lill-Kunsill Muniċipali ta’ Dębica kienet ġiet miċħuda.

Id-dejn dovut lill-Eżattorija

(28)

Rigward id-dejn ta’ PLN 914 552,15 dovut lill-Eżattorija, il-Polonja ppreżentat deċiżjoni ddatata l-20 ta’ Ottubru 2003 dwar il-kundizzjonijiet ta’ ristrutturar iffirmati mill-Kap tal-Eżattorija lokali. Skont dik id-deċiżjoni is-somma ta’ PLN 636 729,85, flimkien ma’ imgħax li jammonta għal PLN 277 822,30, kellhom jitħassru.

(29)

Il-Polonja spjegat li l-istqarrija fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura li din l-għajnuna kienet ġiet imwegħda qabel l-adeżjoni iżda ma ngħatatx ma kinitx korretta għal diversi raġunijiet.

(30)

L-ewwel nett, il-Polonja spjegat il-mekkaniżmu għall-għoti ta’ għajnuna kif previst fl-Att dwar ir-Ristrutturar tad-Dejn Pubbliku tal-Impriżi tat-30 ta’ Awwissu 2002 (7) (‘l-Att tal-2002’). Skont dak l-Att, wara applikazzjoni ta’ impriża f’diffikultà, awtorità tal-għoti tista’ tagħti deċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ ristrutturar (‘deċiżjoni dwar ir-ristrutturar’). Din id-deċiżjoni tagħti lill-benefiċjarju id-dritt li jirċievi għajnuna. Effettivament il-ħlas jew it-tħassir tad-dejn (jiddependi mill-miżura) iseħħ abbażi ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni fejn l-awtorità tal-għoti tirrikonoxxi li r-ristrutturar kien ġie finalizzat (‘deċiżjoni ta’ implimentazzjoni’). Skont l-awtoritajiet Pollakki, din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni sservi biex tikkonferma li l-benefiċjarju (i) issottometta programm aġġornat ta’ ristrutturar flimkien ma’ informazzjoni dwar il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija, (ii) ħallas miżata ta’ ristrutturar u (iii) ma akkumulax dejn ġdid vis-à-vis l-awtorità tal-għoti. Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni mhix ħlief dokument amministrattiv li jikkonferma li l-kundizzjonijiet tad-deċiżjoni tar-ristrutturar kienu ġew osservati. Skont l-Att tal-2002, l-awtorità tal-għoti tikkontrolla l-konformità mal-kundizzjonijiet tar-ristrutturar mhux iktar kmieni minn 15-il xahar wara li tkun ingħatat id-deċiżjoni tar-ristrutturar.

(31)

It-tieni, il-Polonja infurmat lill-Kummissjoni li l-Eżattorija ma kinitx ħarġet deċiżjoni ta’ implimentazzjoni għal PZL Dębica. Skont il-Polonja, dan kien minħabba l-inċertezza min-naħa ta’ xi awtoritajiet pubbliċi dwar kif għandhom jiġu interpretati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat mill-1 ta’ Mejju 2004 ’l quddiem. Għaldaqstant, xi awtoritajiet kienu ddeċidew li jistennew sakemm il-Kummissjoni tkun ħadet pożizzjoni dwar dawn il-miżuri. Il-Polonja ssottomettiet dikjarazzjoni mill-Kap tal-Eżattorija fil-kwistjoni li tikkonferma li dak kien il-każ għal PZL Dębica.

(32)

It-tielet, il-Polonja indikat li d-deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2003 mill-Eżattorija kienet tat id-dritt li d-dejn ta’ PZL Dębica jitħassar. Il-Polonja rreferiet għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Novembru 2008 rigward it-tarzna ta’ Gdynia (8) bħala sostenn għad-dikjarazzjoni tagħha li jrid jiġi applikat l-ordinament ġuridiku domestiku sabiex ikun determinat jekk id-dokument inkwistjoni kkonferiex id-dritt għall-għajnuna. Il-Polonja rreferiet ukoll għall-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji tal-għajnuna u indikat li jekk l-awtorità tal-għoti kellha tonqos milli toħroġ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni dan seta’ jiġi kkontestat fil-qorti minn PZL Dębica. F’dan ir-rigward, il-Polonja rreferiet għas-sentenzi tal-Qorti Suprema u tal-Qorti Amministrattiva Suprema li kkonfermaw li d-deċiżjonijiet ta’ ristrutturar kienu jgħabbu lill-Istat bl-obbligu u li d-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni ma setgħux ikollhom impatt fuq dak l-obbligu minħabba li kienu mandatarji, jiġifieri mhux suġġetti għal diskrezzjoni amministrattiva (9).

(33)

Barra minn hekk, il-Polonja ssottomettiet dikjarazzjoni mill-Kap tal-Eżattorija lokali li PZL Dębica ssodifat l-obbligi legali neċessarji sabiex tkun tista’ toħroġ id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni (imsemmija fil-premessa (30)), iżda li kienet tiddikjara li l-Eżattorija kienet qed tistenna l-eżitu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

(34)

Il-miżura msemmija fil-premessa (16)c) hija ttrattata fit-Titolu 5 hawn taħt – Differiment tad-dejn dovut lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali.

4.   De minimis

(35)

L-awtoritajiet Pollakki infurmaw lill-Kummissjoni li l-miżuri kollha de minimis kienu ngħataw lill-kumpanija fl-2006 meta r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għal għajnuna de minimis kien fis-seħħ (10) (ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006 ma daħalx fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2007); skont ir-Regolament (KE) Nru 69/2001 ma kienx projbit li tingħata għajnuna de minimis lil kumpaniji f’diffikultà finanzjarja.

(36)

B’referenza għad-dubji li qajmet il-Kummissjoni rigward il-mekkaniżmu tal-kalkolu, l-awtoritajiet Pollakki spjegaw il-formula li ntużat biex jiġu kkalkulati l-elementi tal-għajnuna indikati fir-Regolament Pollakk tat-11 ta’ Awwissu 2004 (11). Din il-formula tikkunsidra d-differenza bejn ir-rata ta’ referenza u r-rata użata biex tiġi kkalkulata l-imposta għal ħlas tard. Ġie pprovdut kalkolu aġġornat tal-element tal-għajnuna de minimis (ara Tabella 2).

Tabella 2

Għajnuna de minimis – skont il-Polonja

Awtorità tal-għoti

Tip ta’ miżura u data tad-deċiżjoni

 

Tul ta’ żmien

 

Is-Sindku ta’ Dębica

Deċiżjoni ta’ differiment tas-7.4.2006

PLN 264 186

84 jum

PLN 35,00

Is-Sindku ta’ Dębica

Deċiżjoni ta’ differiment tas-7.4.2006

14-il jum

PLN 52,84

Il-Kap tal-Eżattorija ta’ Dębica

Deċiżjoni ta’ differiment tat-8.9.2006

PLN 614 520

7 ijiem

PLN 6,06

Is-Sindku ta’ Dębica

Deċiżjoni ta’ tħassir tal-5.10.2006

PLN 20 772

PLN 20 772

Is-Sindku ta’ Dębica

Deċiżjoni ta’ differiment tal-5.10.2006

PLN 83 704

72 jum

PLN 7,75

TOTAL:

20 873,65

(37)

Il-Polonja infurmat lill-Kummissjoni li l-Eżattorija biss kienet ipprovdiet garanzija għall-għanijiet tad-differiment. Din kienet tkopri 100 % tal-valur nominali tad-differiment. Il-Polonja indikat ukoll li anke jekk 600 punt bażi kellhom jingħaddu mar-rata, skont l-avviż tal-Kummissjoni dwar il-metodu biex jiġu stabbiliti r-rati ta’ referenza u skont għall-1997 (12), il-valur tal-għajnuna de minimis kien jibqa’ ħafna iktar baxx mil-livell limitu ta’ EUR 100 000.

5.   Id-differiment tad-dejn dovut lill-Uffiċċju tas-Siġurtà Soċjali

(38)

Rigward id-differiment tad-dejn fil-forma ta’ obbligi ta’ sigurtà soċjali, li żdiedu fiż-żewġ pjani ta’ ristrutturar, l-awtoritajiet Pollakki fakkru l-ewwel li dan id-dejn żdied bħala konsegwenza tal-falliment tar-ristrutturar finanzjarju previst fl-ewwel pjan ta’ ristrutturar. Skont dak il-pjan id-dejn dovut lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali kellu jitħallas fil-forma ta’: (i) ħlas lura ta’ PLN 3 890 000 bl-użu tas-self mill-Fond għar-Ristrutturar tal-Impriżi u (ii) differiment ta’ PLN 1 364 600 oħra. Kif iddikjarat hawn fuq (ara l-premessa (13)) ir-ristrutturar finanzjarju ta’ dan id-dejn falla.

(39)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Pollakki nnutaw li l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali kien iddeċieda li jipparteċipa fit-tieni pjan ta’ ristrutturar, li kien jipprovdi għal (i) il-ħlas lura ta’ PLN 5.5 miljuni minn self li kellu jingħata mill-Aġenzija għall-Iżvilupp Industrijali u (ii) id-differiment ta’ PLN 3 miljuni oħra. Kif indikat hawn fuq (ara l-premessa (5)) PZL Dębica ma rċevietx is-self imwiegħed u l-Polonja irtirat il-parti korrispondenti tan-notifika.

(40)

Il-Polonja infurmat lill-Kummissjoni li d-dejn ta’ PZL Dębica dovut lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali, bħall-fondi kollha dovuti lil awtoritajiet pubbliċi, kien iġġenera mgħax kkalkulat mill-formula deskritta fl-Artikolu 56 tal-Kodiċi Fiskali Polakka tad-29 ta’ Awwissu 1997 (13). Ir-rata ta’ mgħax hija ekwivalenti għal 200 % tar-rata bażi ppubblikata mill-Bank Nazzjonali tal-Polonja, flimkien ma’ 2 % (200 punt bażi)(ara t-Tabella 3 hawn taħt). Ir-rata ma tistax tkun inqas minn 8 %; f’dan il-każ kienet bejn l-10 % u s-46 %.

Tabella 3

It-tibdiliet fir-rati ta’ mgħax mill-2000 sal-2012

Rata ta’ mgħax

Perjodu ta’ applikazzjoni

Rata ta’ mgħax

Perjodu ta’ applikazzjoni

Rata ta’ mgħax

Perjodu ta’ applikazzjoni

Rata ta’ mgħax

Perjodu ta’ applikazzjoni

41  %

mit-18.11.1999 sat-23.02.2000

20  %

mis-26.09.2002 sat-23.10.2002

13  %

mit-30.06.2005 sas-27.07.2005

13  %

mill-24.12.2008 sat-28.01.2009

43  %

mill-24.02.2000 sat-30.08.2000

18  %

mill-24.10.2002 sas-27.11.2002

12,5  %

mit-28.07.2005 sal-31.08.2005

11,5  %

mit-28.01.2009 sas- 26.02.2009

46  %

mill-31.08.2000 sat-28.02.2001

17,5  %

mit-28.11.2002 sad-29.01.2003

12  %

mill-01.09.2005 sal-31.01.2006

11  %

mis-26.02.2009 sas-26.03.2009

44  %

mill-01.03.2001 sat-28.03.2001

17  %

mit-30.01.2003 sas-26.02.2003

11,5  %

mill-01.02.2006 sat-28.02.2006

10,5  %

mis-26.03.2009 sal-25.06.2009

42  %

mid-29.03.2001 sas-27.06.2001

16  %

mis-27.02.2003 sas-26.03.2003

11  %

mill-01.03.2006 sal-25.04.2007

10  %

mill-25.06.2009 sad-09.11.2010

39  %

mit-28.06.2001 sat-22.08.2001

15,5  %

mis-27.03.2003 sal-24.04.2003

11,5  %

mis-27.04.2007 sas-26.06.2007

12  %

mid-09.11.2010 sal-20.01.2011

37  %

mit-23.08.2001 sal-25.10.2001

14,5  %

mill-25.04.2003 sat-28.05.2003

12  %

mit-28.06.2007 sad-29.08.2007

12,5  %

mill-20.01.2011 sas-06.04.2011

34  %

mis-26.10.2001 sat-28.11.2001

14  %

mid-29.05.2003 sal-25.06.2003

12,5  %

mit-30.08.2007 sat-28.11.2007

13  %

mis-06.04.2011 sat-12.05.2011

31  %

mid-29.11.2001 sat30.01.2002

13,5  %

mis-26.06.2003 sat-30.06.2004

13  %

mid-29.01.2007 sal-31.01.2008

13,5  %

mit-12.05.2011 sad-09.06.2011

27  %

mil-31.01.2002 sal-25.04.2002

14,5  %

mill-01.07.2004 sat-28.07.2004

13,5  %

mill-31.01.2008 sat-28.02.2008

14  %

mid-09.06.2011 sal-10.05.2012

25  %

mis-26.04.2002 sad-29.05.2002

15  %

mid-29.07.2004 sal-25.08.2004

14  %

mit-28.02.2008 sas-27.03.2008

14,5  %

mill-10.05.2012

24  %

mit-30.05.2002 sas-26.06.2002

16  %

mis-26.08.2004 sat-30.03.2005

14,5  %

mis-27.03.2008 sas-26.06.2008

 

 

23  %

mis-27.06.2002 sat-28.08.2002

15  %

mill-31.03.2005 sas-27.04.2005

15  %

mis-26.06.2008 sas-27.11.2008

 

 

21  %

mid-29.08.2002 sal-25.09.2002

14  %

mit-28.04.2005 sad-29.06.2005

14,5  %

mis-27.11.2008 sal-24.12.2008

 

 

(41)

Il-Polonja ssottomettiet tabelli dettaljati li jispjegaw it-tibdil fid-dejn dovut lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali. Sommarju tat-tibdil sal-31 ta’ Awwissu 2012 jinsab fit-Tabella 4. Il-Polonja indikat li minkejja d-dejn, li kien fil-parti l-kbira akkumulat fl-2000-05, il-kumpanija għamlet pagamenti kurrenti sinifikanti lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali, jiġifieri iktar minn PLN 16-il miljun bejn l-2000 u Awwissu 2012.

Tabella 4

It-tibdiliet fid-dejn dovut lill-Uffiċċju tas-Siġurtà Soċjali

L-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali

Is-sena li fiha sar id-dejn

L-ammont tad- dejn

L-imgħax dovut fuq l-ammont sad-differiment

Id-dejn imħallas

(bejgħ ta’ assi, sekwestru, ieħor)

Pagamenti kurrenti

2000

858 316,96

1 620 527

 

716 640,45

2001

316 419

459 493

 

1 488 486,33

2002

865 163

1 047 139

 

660 324,32

2003

895 884

934 062

85 778,2

605 518,54

2004

901 451

811 765

1 693 035,91

746 285,3

2005

864 702,91

649 609

359 747,06

434 477,93

2006

 

 

 

1 296 650,17

2007

52 576,90

28 202

2 143 961,82

1 537 920,23

2008

733,03

262

860 347,5

2 173 711,58

2009

605,51

159

61 677,5

1 709 954,28

2010

585,2

104

1 943 231,85

1 933 300,65

2011

 

 

1 281 171,85

1 998 651,89

2012

 

 

996 249,84

1 229 480,82

Totali fil-15.8.2012

4 756 437,51

5 551 322

9 425 201,53

16 531 402,49

(42)

L-awtoritajiet Pollakki pprovdew ukoll informazzjoni fuq il-miżuri l-oħra li ħa l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali biex jiggarantixxi u jirkupra d-dejn.

a)

L-ewwel nett, fl-2001-07 l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali kellu ipoteka li kienet tkopri 100 % tal-valur tad-dejn. Hekk kif l-ammont kiber, żdiedu assi ġodda mal-ipoteka sabiex ikopru d-dejn il-ġdid.

b)

It-tieni, sa mill-2003 l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali ħa azzjoni għall-irkupru tad-dejn, billi kiseb kważi PLN 9 miljuni mill-bejgħ taħt kontroll tal-assi tal-kumpanija u mis-sekwestru tal-kontijiet ta’ PZL Dębica. Il-Polonja pprovdiet informazzjoni dettaljata mill-bejgħ tal-assi ta’ PZL Dębica li permezz tiegħu bejn l-2004 u l-2008 il-kumpanija rnexxielha tnaqqas id-dejn tagħha mal-Uffiċċju ts-Sigurtà Soċjali b’madwar PLN 7 miljuni (ara Tabella 5). Il-Polonja spjegat li PZL Dębica kellha l-ħsieb li tkompli tbiegħ l-assi tagħha; madankollu, mill-2009 ’l hawn, bħala riżultat tal-kriżi ekonomika, ma rnexxilhiex issib xerrej li lest joffri l-prezz tas-suq.

c)

It-tielet, il-Polonja ssottomettiet evidenza minn dak iż-żmien li tindika li fl-2006 l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali kien ikkunsidra japplika għall-falliment ta’ PZL Dębica. Il-Polonja pprovdiet ittra ddatata l-20 ta’ Novembru 2006 li permezz tagħha l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali informa lill-kumpanija bl-intenzjoni tiegħu li japplika għall-falliment ta’ PZL Dębica. Bi tweġiba, fit-12 ta’ Diċembru 2006, PZL Dębica pprovdiet lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali d-dettalji tal-ewwel pjan ta’ ristrutturar, il-qagħda finanzjarja tagħha u l-prospetti għall-futur, filwaqt li fost l-oħrajn indikat li fl-2006 il-kumpanija kellha tirreġistra profitt għall-ewwel darba. PZL Dębica talbet lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali biex ma japplikax għall-falliment u ma jissekwestrax iktar mill-assi tagħha, li, skont hi, kien ixekkel il-proċess ta’ ristrutturar li kien għaddej. Fit-tweġiba tiegħu tas-16 ta’ Jannar 2007 l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali informa lil PZL Dębica li kien iddeċieda li ma japplikax għall-falliment iżda kien se jkompli bis-sekwestru u l-bejgħ tal-assi tal-kumpanija.

d)

Fl-aħħar nett, il-Polonja spjegat li d-PLN 9 miljuni irkuprati mill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali fl-2003-12 kienu jinkludu pagamenti lura fuq bażi volontarja mill-kumpanija, li setgħu isiru mill-profitti ġġenerati mill-2006 ’l hawn u mill-injezzjoni ta’ kapital li għamel investitur privat fl-2010.

Tabella 5

Il-bejgħ tal-assi ta’ PZL Dębica

Nru tal-biċċa art

Tip ta’ assi

Data tal-bejgħ

Prezz tal-bejgħ (PLN)

430/51

430/52

430/14

linja tal-iggalvanizzar

17.02.2004

[…] (*)

430/144

biċċa art mhux żviluppata

19.10.2006

[…]

430/104

biċċa art mhux żviluppata

31.01.2007

[…]

430/141

binja tal-kompressuri

5.07.2007

[…]

430/44

biċċa art żviluppata

15.11.2007

[…]

430/10

binja industrijali

12.12.2007

[…]

430/113

biċċa art żviluppata

430/114

biċċa art żviluppata

430/115

biċċa art żviluppata

430/156

triq

430/49

430/140

430/155

430/157

430/159

biċċiet art żviluppati u mhux, triq

16.01.2008

[…]

430/162

maħżen

09.07.2008

[…]

430/164

430/166

biċċiet art mhux żviluppati

16.12.2008

[…]

Total:

7 171 500

(43)

F’Ottubru 2011, wara li ġew irtirati wħud mill-miżuri notifikati jiġifieri l-injezzjoni ta’ kapital u s-self preferenzjali, il-Polonja infurmat lill-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha li d-differiment tad-dejn rigward is-sigurtà soċjali (ara l-premessa (15)c) bħala parti mill-pjan ta’ ristrutturar notifikat) kien jissodisfa l-kriterju ta’ kreditur privat u għaldaqstant ma kienx jikkostitwixxi għajnina mill-Istat.

(44)

Għal dak il-għan, fl-2011 PZL Dębica ikkummissjonat studju minn ‘Consulting’, kumpanija indipendenti bbażata f’Katowice. Ir-rapport ippreżenta analiżi tal-kriterju ta’ kreditur privat ibbażat fuq it-tqabbil bejn dawn iż-żewġ xenarji:

a)

Alternattiva 1 – l-infurzar tal-pretensjonijiet finanzjarji kollha mill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali. Skont l-istudju dan kien jobbliga lil PZL Dębica biex tapplika għal falliment. F’dan ix-xenarju, l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali kien jirkupra bejn 60 % u 70 % f’minn tlieta sa erba’ snin.

b)

Alternattiva 2 – jitħallas id-dejn lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali billi jiġi differit l-ammont totali dovut. F’dak ix-xenarju, l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali jirċievi l-ammont kollu dovut flimkien ma’ tariffa ta’ PLN 1.6 miljun għad-differiment imħallsa f’96 rata. Barra minn hekk, l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali jirċievi PLN 2 miljuni fis-sena f’pagamenti kurrenti bis-saħħa tal-operat kontinwat tal-kumpanija.

(45)

F’Awwissu 2012 il-Polonja infurmat lill-Kummissjoni li fl-1 ta’ Marzu 2012 kien ġie konkluż ftehim bejn PZL Dębica u l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali dwar id-differiment tad-dejn ibbażat fuq il-kriterju tal-kreditur privat. Il-Polonja spjegat li l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali kien ikkunsidra l-vantaġġi ta’ kull alternattiva bil-għan li jimmassimizza l-irkupru tad-dejn. Il-ftehim ikopri l-ammont dovut dakinhar ta’ PLN [7 000 000 – 13 000 000], li jinkludi dejn ta’ PLN [3 500 000 – 6 500 000] u mgħax ta’ PLN [3 500 000 – 6 500 000]. Ma’ dak l-ammont ġiet miżjuda tariffa ta’ differiment ta’ PLN [1 000 000 – 1 700 000]. Id-differiment jipprovdi għall-ħlas lura f’96 rata mensili, li minnhom disgħa diġà tħallsu. Fl-2012 il-Polonja ssottomettiet it-tqabbil segwenti tal-alternattivi disponibbli lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali (Tabella 6).

Tabella 6

Tqabbil tal-alternattivi għall-irkupru tad-dejn ta’ PZL Dębica dovut lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali (f’PLN)

 

Alternattiva 1 - differiment

Alternattiva 2 -likwidazzjoni

Proporzjon imħallas tad-dejn

[7 000 000 – 13 000 000 ]

[4 000 000 – 8 000 000 ]

(somma ewlenija + imgħax)

100 %

bejn 60 % u 70 %

Ammonti addizzjonali

[1 000 000 – 1 700 000 ]

tariffa tad-differiment

Ebda mgħax minn dakinhar tal-likwidazzjoni

Pagamenti kurrenti sakemm id-dejn jiġi rkuprat kollu

15,2 miljuni

2,9 miljuni

Ammont totali riċevut

[23 200 000 – 29 000 000 ]

[6 900 000 – 10 900 000 ]

Data ta’ maturità

Sal-2020

Irkupru iktar kmieni possibbli jekk jinbiegħu assi ipotekati addizzjonali għall-prezz tas-suq qabel l-2020

wara l-2016

(46)

Il-Polonja rrimarkat li l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali għadu jżomm ipoteka fuq l-assi tal-kumpanija għall-valur totali ta’ PLN 6 243 002,55. Skont il-ftehim, kwalunkwe bejgħ ta’ assi awtomatikament inaqqas l-ammont differit, u b’hekk il-ħlas lura jkun jista’ jsir iktar iktar kmieni mis-96 xahar previsti.

6.   Dejn dovut lill-Uffiċċju tal-Marixxall

(47)

Il-Polonja kkonfermat li d-dejn dovut lill-Uffiċċju lokali tal-Marixxall imsemmi fit-tieni pjan ta’ ristrutturar kien tħallas fl-14 ta’ Awwissu 2012. Dan kien jikkonsisti f’dejn ta’ PLN 61 104,97 li sar bejn l-1999 u l-2001 u mgħax ta’ PLN 103 566,29 li kien akkumula sa dakinhar.

V.   EVALWAZZJONI

(48)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, għajnuna mill-Istat hija mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi fi kwalunkwe forma li toħloq distorsjoni jew thedded il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti b’tali mod li jkollha impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(49)

Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 197(1) tat-Trattat huma kumulattivi u għalhekk sabiex miżura tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat il-kundizzjonijiet kollha jridu jitwettqu.

(50)

Abbażi tad-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura, il-Kummissjoni se tevalwa l-miżuri li ġejjin:

a)

il-miżuri li ġew irtirati;

b)

il-miżuri ta’ qabel l-adeżjoni;

c)

id-dejn imħallas minn PZL Dębica;

d)

il-miżuri mogħtija wara l-adeżjoni tal-Polonja fl-UE:

(i)

l-għajnuna de minimis;

(ii)

id-differiment tad-dejn dovut lill-Uffiċċju tas-Siġurtà Soċjali.

1.   Il-miżuri li ġew irtirati

(51)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (14), Stat Membru jista’ jirtira n-notifika wara li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali f'ħin tajjeb qabel ma l-Kummisjsoni tkun ħadet deċiżjoni dwar il-karattru tal-għajnuna tal-miżura notifikata u għalhekk tingħalaq il-proċedura.

(52)

L-awtoritajiet Pollakki rtiraw tnejn mill-miżuri li jridu jiġu implimentati skont it-tieni pjan ta’ ristrutturar, jiġifieri injezzjoni ta’ kapital u self preferenzjali li jammontaw għal PLN 10.5 miljuni (ara l-premessi (15)a) u (15)b)). Għaldaqstant, b’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni f’dawn il-miżuri trid tingħalaq.

2.   Il-miżuri ta’ qabel l-adeżjoni

(53)

Il-miżuri ta’ għajnuna li ngħataw qabel u li mhumiex applikabbli wara l-adeżjoni tal-Polonja fl-UE ma jistgħux jiġu eżaminati mill-Kummissjoni, la taħt il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 108 tat-Trattat u lanqas taħt il-mekkaniżmu interim. Dak il-mekkaniżmu la jeħtieġ u lanqas jawtorizza lill-Kummissjoni li tanalizza l-miżuri ta’ għajnuna li ma jibqgħux applikabbli wara l-adeżjoni.

(54)

Għajnuna mogħtija mill-Polonja hija kkunsidrata li ngħatat qabel l-adeżjoni jekk l-awtorità kompetenti tkun adottat ftehim legalment vinkolanti qabel l-1 ta’ Mejju 2004 li permezz tiegħu intrabtet li tagħti l-għajnuna. Għajnuna individwali mhijiex applikabbli wara l-adeżjoni jekk l-iskopertura ekonomika preċiża tal-Istat kienet magħrufa qabel ingħatat l-għajnuna.

(55)

Jekk, min-naħa l-oħra, il-miżuri ngħataw wara l-adeżjoni, dawn jikkostitwixxu għajnuna ġdida u l-kompatibbiltà tagħhom tiġi evalwata mill-Kummissjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108 tat-Trattat.

(56)

Barra miż-żewġ miżuri imsemmijin fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura bħala miżuri ta’ qabel l-adeżjoni (ara l-premessi (12)a) u (12)b)) il-Polonja ssostni li d-deċiżjoni ta’ tħassir li ħarġet l-Eżattorija lokali fl-2003 li tkopri l-ammont ta’ PLN 914 522,15 għandha tiġi ttrattata bħala għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni wkoll.

It-tħassir tad-dejn mill-Eżattorja ta’ Dębica

(57)

Bi tweġiba għat-tħassib tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura b’konnessjoni mal-fatt li ebda dokument tal-għotja ma ġie pprovdut, il-Polonja pprovdiet dokument dwar l-għoti tal-għajnuna ddatat l-20 ta’ Ottubru 2003 u ċċarat il-mekkaniżmu għall-għoti tal-għajnuna skont l-Att tal-2002 (ara l-premessa (30)).

(58)

L-awtoritajiet Pollakki pprovdew lill-Kummissjoni b’analiżi tal-liġi Pollakka filwaqt li indikaw li d-deċiżjoni tal-2003 dwar ir-ristrutturar tikkostitwixxi dokument legalment vinkolanti li abbażi tiegħu l-Eżattorija għandha l-obbligu li tħassar l-arretrati tat-taxxi. Mad-deċiżjoni dwar ir-ristrutturar ġew marbuta għadd ta’ kundizzjonijiet oġġettivament verifikabbli (ara l-premessa (28)). L-awtoritajiet Pollakki kkonfermaw li PZL Dębica tosserva dawk il-kundizzjonijiet. Fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni għall-kuntrarju, il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li t-tħassir tad-dejn ingħata qabel l-adeżjoni tal-Polonja mal-UE.

3.   Id-dejn imħallas minn PZL Dębica

(59)

Fl-andament tal-investigazzjoni l-Polonja infurmat lill-Kummissjoni li PZL Dębica kienet ħallset id-dejn segwenti:

a)

dejn lill-Kunsill Municipali ta’ Dębica għall-valur nominali ta’ PLN 1 116 788,60, flimkien ma' mgħax li jammonta għal PLN 592 669,80, imħallas fil-31 ta’ Mejju 2004;

b)

dejn lill-Uffiċċju tal-Marixxall għall-valur nominali ta’ PLN 61 104,97, flimkien ma' ,mgħax li jammonta għal PLN 103 566,29, imħallas fl-14 ta’ Awwissu 2012.

(60)

Il-Polonja pprovdiet konferma li dawn id-djun kienu ġew imħallsa.

Dejn lill-Kunsill Muniċipali ta’Dębica imħallas fil-31 ta’ Mejju 2004

(61)

Il-Polonja infurmat lill-Kummissjoni li bħala parti min-negozjati tar-ristrutturar mal-kredituri pubbliċi li wasslu biex l-ewwel pjan ta’ ristrutturar jiġi aġġornat f’Ottubru 2003, PZL Dębica kienet tablet lill-Kunsill Muniċipali ta’ Dębica biex jinkludi fil-pjan ta’ ristrutturar l-ammont ta’ PLN 1 116 788,60 li hija kellha tagħti lill-Kunsill. Il-Kunsill Muniċipali ta’ Dębica rrifjuta li jagħmel dan u l-kumpanija rnexxielha tħallas id-dejn fil-31 ta’ Mejju 2004, xahar wara li l-Polonja ssieħbet fl-Unjoni Ewropea.

(62)

Il-Kummissjoni tinnota li d-dejn kien suġġett għal imgħax kompost b’rata għolja minn 44 % sa 13.5 % (ara Tabella 3). L-imgħax akkumulat mħallas minn PZL Dębica fil-31 ta’ Marzu 2004 kien jammonta għal PLN 592 669,80.

(63)

Ir-rata ta’ rkupru li kienet tiġi applikata mill-Kummissjoni għal għajnuna li tkun ingħatat kontra l-liġi lil kumpanija fil-Polonja bejn l-1 u l-31 ta’ Mejju 2004 kienet tkun ta’ 7.62 % (15). Din hija rata ħafna iktar baxxa mir-rata tal-imgħax applikata għad-dejn mill-Polonja.

(64)

Fuq il-bażi li d-dejn tħallas kollu u li r-rata tal-imgħax ta’ 13.5 % applikata għad-dejn bejn l-1 u l-31 ta’ Mejju 2004 kienet ħafna ogħla mir-rata ta’ rkupru ta’ 7.62 % applikata mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-irkupru kien komplet skont l-Avviż mill-Kummissjoni ‘Lejn implimentazzjoni effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi’ (16) (‘l-avviż ta’ rkupru’). L-ammont tal-imgħax imħallas jaqbeż l-ammont tal-imgħax li kien ikollu bżonn jitħallas fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva, ikkalkulati skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 689/1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (17). Il-Kummissjoni għalhekk sempliċement tieħu nota tal-ħlas tad-dejn, mingħajr ħsara għall-klassifikazzjoni ta’ din il-miżura fil-futur għall-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ewwel darba għall-aħħar darba.

Dejn lill-Uffiċċju lokali tal-Marixxall imħallas fl-14 ta’ Awwissu 2012

(65)

Il-Kummissjoni tinnota li fl-2007 l-Uffiċċju lokali tal-Marixxall iddeċieda li jħassar id-dejn, li għaldaqstant ġie inkluż fit-tieni pjan ta’ ristrutturar. It-tieni pjan ta’ ristrutturar ġie nnotifikat lill-Kummissjoni.

(66)

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni tinnota li d-dejn kien suġġett għal imgħax kompost b’rata minn 46 % sa 10 % (ara Tabella 3). L-imgħax totali imħallas minn PZL Dębica fl-14 ta’ Awwissu 2012 kien jammonta għal PLN 103 566,29, kważi d-doppju tal-ammont tad-dejn oriġinali ta’ PLN 103 566,29.

(67)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li differiment de facto seħħ bejn l-1999 (meta saret l-ewwel parti tad-dejn) u l-2012 (meta d-dejn tħallas) u li b’hekk l-Uffiċċju lokali tal-Marixxall ikkonferixxa vantaġġ fuq il-kumpanija, li kienet diġà f’diffikultajiet serji, billi taffa l-piż assoċjat mal-attivitajiet normali tan-negozju, li jinkludi l-ħlas lura ta’ dejn lill-awtoritajiet pubbliċi.

(68)

Ir-rata ta’ rkupru li kienet tiġi applikata mill-Kummissjoni għal għajnuna li tkun ingħatat kontra l-liġi lil kumpanija fil-Polonja wara l-adeżjoni tal-Polonja fl-UE sa meta din tħallas id-dejn kienet tkun ta’ 5.26 % u 7.62 % (18). Din hija rata ħafna iktar baxxa mir-rata ta’ imgħax applikata għad-dejn mill-Polonja.

(69)

Abbażi tal-fatt li d-dejn tħallas kollu u r-rata tal-imgħax ta’ bejn l-10 % u s-16 % applikata għad-dejn ta’ PZL Dębica bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-14 ta’ Awwissu 2012 kienet ħafna ogħla mir-rata ta’ rkupru applikata mill-Kummissjoni ta’ bejn 5.26 % u 7.62 %, il-Kummissjoni tikkonkludi li, irrispettivament mill-legalità tal-għajnuna, l-irkupru ġie finalizzat b’konformità mal-avviż ta’ rkupru tal-Kummissjoni. L-ammont tal-imgħax li fil-fatt tħallas jaqbeż l-ammont ta’ imgħax li kien ikollu jitħallas skont ir-Regolament (KE) Nru 794/2004.

4.   Il-miżuri mogħtija wara l-adeżjoni tal-Polonja fl-UE:

4.1.   De minimis

(70)

Il-Polonja infurmat lill-Kummissjoni b’ħames miżuri għat-total ta’ PLN 20 873,65, li, skont hi, kellhom jiġu ttrattati bħala għajnuna de minimis (elenkati fit-Tabella 2). Dawn il-miżuri jaqgħu fl-ambitu tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 69/2001.

(71)

Il-Kummissjoni tagħraf li r-Regolament (KE) Nru 69/2001, li ppermetta li jingħataw sa EUR 100 000 (madwar PLN 400 000), ma kienx espliċitament jeskludi impriżi f’diffikultà. Madankollu, ir-Regoalment fil-fatt kien speċifikament jipprevedi li s-self, li jista’ jiġi mqabbel mad-differimenti, għandu jkun ‘kopert b'garanzija normali u […] ma jinvolvix riskju aktar minn dak li hu normali’ (premessa 6). F’dan il-każ, il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-differiment tal-Eżattorija tat-8 ta’ Settembru 2006 biss kien konformi ma’ dak ir-rekwiżit.

(72)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Polonja ma pprovdietx informazzjoni biżżejjed biex tippermetti l-verifika tal-mekkaniżmu tal-kalkolu tal-għajnuna de minimis u tal-ammont tal-għajnuna ppreżentat mill-Polonja bħala l-‘ammont tal-għajnuna’ fit-Tabella 2. B’mod partikolari, ma ġietx provduta informazzjoni dettaljata dwar l-applikazzjoni tar-rati ta’ referenza u tar-rati użati għall-kalkolu tal-imposta fuq il-pagament tard, li kienu jippermettu li jiġu kkontrollati l-kalkoli li saru skont il-formula applikata mill-Polonja (ara l-premessa (36)). Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra l-ammont nominali tat-tliet differimenti mogħtija mis-Sindku ta’ Dębica fis-7 ta’ April, fit-28 ta’ Lulju u fil-5 ta’ Ottubru 2006, li għalihom ma ngħatat ebda garanzija, bħala l-ammonti li jridu jiġu kkunsidrati għall-finijiet de minimis. L-ammont ta’ PLN 264 186 kien is-suġġett ta’ żewġ deċiżjonijiet ta’ differiment mis-Sindku ta’ Dębica. Peress li dawn id-deċiżjonijiet kienu jirrigwardaw l-istess suġġett, l-ammont se jiġi kkunsidrat darba biss.

(73)

Fil-każ tad-differiment ta’ sebat ijiem mogħti mill-Eżattorija fit- 8 ta’ Settembru 2006, li għalih ingħatat garanzija li tkopri 100 % tal-ammont differit ta’ PLN 614 550, il-Kummissjoni kkalkulat l-element ta’ għajnuna billi żiedet 400 punt bażi mar-rata ta’ referenza ta’ 5.56 %, kif previst fl-avviż tal-Kummissjoni tal-1997 dwar il-metodu biex jiġu stabbiliti r-rati ta’ referenza u ta’ skont (19). L-għajnuna f’dan il-każ tammonta għal PLN 1 126.

(74)

Għal dak li jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ tħassir maħruġa mis-Sindku ta’ Dębica fil-5 ta’ Ottubru 2006, dan jammonta għal għotja fi flus u għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat kollu kemm hu.

(75)

Fid-dawl ta’ dak ta’ hawn fuq, il-valur totali tal-għajnuna huwa ta’ PLN 369 788 (madwar EUR 93 437 (20)) (ara Tabella 7) Minħabba li t-total huwa inqas minn EUR 100 000, dawn il-miżuri huma koperti mir-Regolament (KE) Nru 69/2001. Il-Polonja kkonfermat li PZL Dębica ma kienet irċeviet ebda għajnuna de minimis.

Tabella 7

Għajnuna de minimis

Awtorità tal-għoti

Tip ta’ miżura u data tad-deċiżjoni

Ammont nominali

Tul ta’ żmien

Ammont tal-għajnuna

Is-Sindku ta’ Dębica

Deċiżjoni tad-differiment Datata 7.4.2006

PLN 264 186

EUR 66 604

84 jum

PLN 264 186

EUR 66 604

Is-Sindku ta’ Dębica

Deċiżjoni tad-differiment datata 7.4.2006

14-il jum

Il-Kap tal-Eżattorija ta’ Dębica

Deċiżjoni tad-differiment datata 8.9.2006

PLN 614 520

EUR 154 236

7 ijiem

PLN 1 126

EUR 282

Is-Sindku ta’ Dębica

Deċiżjoni ta’ tħassir datata 5.10.2006

PLN 20 772

EUR 5 279

PLN 20 772

EUR 5 279

Is-Sindku ta’ Dębica

Deċiżjoni tad-differiment datata 5.10.2006

PLN 83 704

EUR 21 272

72 jum

PLN 83 704

EUR 21 272

TOTAL:

PLN 369 788

EUR 93 437

4.2.   Id-differiment tad-dejn dovut lill-Uffiċċju tas-Siġurtà Soċjali

(76)

L-Artikolu 107(1) tat-Trattat ikopri interventi f’diversi modi li jnaqqsu l-kosti normali ta’ kumpanija u li, mingħajr ma jkunu sussidju fis-sens strett tal-kelma, huma simili fil-karattru u għandhom l-istess effett. Huwa stabbilit fil-każistika li l-komportament ta’ korp pubbliku b’responsabbiltà għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jittollera l-pagament tard ta’ dawk il-kontribuzzjonijiet jikkonferixxi fuq impriża li tkun f’diffikutà finanzjarja serja vantaġġ kummerċjali billi jtaffi l-piż assoċjat mal-applikazzjoni normali tas-sistema tas-sigurtà soċjali li ma jistax jitneħħa għal kollox permezz ta’ mgħax u imposti fuq l-inadempjenza applikati għall-pagament tard (21).

(77)

F’dan il-każ l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali ppermetta lil PZL Dębica takkumula ammont sinifikanti ta’ dejn fl-2000-05. It-tibdil fid-dejn totali, inkluż l-imgħax, huma spjegati fit-Tabella 4.

(78)

Bħala rimarka preliminari il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għajnuna mill-Istat lil PZL Dębica setgħet ingħatat bis-saħħa tan-nuqqas li jiġi infurzat bis-sħiħ id-dejn pubbliku ta’ PZL Dębica dovut lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali (22).

(79)

Il-Polonja ssostni li d-differiment tad-dejn mill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali ma jinvolvix għajnuna mill-Istat minħabba li l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali aġixxa bħala kreditur privat meta f’Mazu 2012 qabel mad-differiment tal-ammont totali li kien dovut, li kellu jitħallas b’konformità ma’ skeda ta’ pagamenti f’96 rata. Il-Polonja ssottomettiet analiżi tal-kriterju ta’ kreditur privat, imwettqa f’Ottubru 2011 u li tikkonferma, fl-opinjoni tagħha, li l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali imur aħjar jekk jiddefferixxi l-pretensjonijiet tiegħu fuq PZL Dębica milli jekk jinfurzahom. Il-Polonja ssostni wkoll li l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali, li pparteċipa fiż-żewġ pjani ta’ ristrutturar, dejjem kellu biżżejjed informazzjoni dwar il-qagħda finanzjarja u l-prospetti ta’ PZL Dębica’ u dejjem aġixxa f’għarfien sħiħ tal-pożizzjoni tal-kumpanija. Fl-aħħar nett, il-Polonja rreferiet għal għadd ta’ azzjonijiet li ħa l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali biex jiggarantixxi u jinforza d-dejn. Skont il-Polonja, dan jikkonferma li l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali aġixxa bħal kreditur privat u fittex li jirkupra l-pretensjoni tiegħu.

(80)

Skont każistika stabbilita, il-kundizzjonijiet li miżura trid tissodisfa sabiex tiġi trattata bħala ‘għajnuna’ għall-finijiet tal-Artikolu 107 tat-Trattat ma jiġux soddisfati jekk l-impriża pubblika benefiċjarja tista’, f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li huwa għad-dispożizzjoni tagħha permezz ta’ riżorsi statali. Fil-każ ta’ impriżi pubbliċi, dik l-evalwazzjoni ssir billi jiġi applikat fil-prinċipju, il-kriterju ta’ investitur privat (f’dan il-każ, il-kriterju ta’ kreditur privat (23)). Jekk Stat Membru jibbaża ruħu fuq dak il-kriterju matul proċedura amministrattiva, irid, jekk ikun hemm dubju, jistabbilixxi b’mod l-aktar ċar u fuq il-bażi ta’ evidenza oġġettiva u verifikabbli li l-miżura fil-fatt tissodisfa dak il-kriterju (24). Bil-għan li tistabbilixxi jekk ingħatax vantaġġ li seta’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-Polonja trid għaldaqstant tipprovdi evidenza li turi li l-awtoritajiet pubbliċi aġixxew bl-istess mod bħala kreditur privat ipotetiku, li ma kienx jittollera n-nuqqas ta’ pagament u li kien jieħu azzjoni effettiva biex jinforza d-dejn anke jekk dan kien jirriżulta fi proċedimenti ta’ insolvenza.

(81)

Il-kreditur privat ipotetiku kien jikkontrolla mill-qrib il-qagħda ekonomika tad-debitur; in-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturar u l-prospetti fqar ta' ritorn għall-vjabbiltà kienu jħaffu l-irkupru tad-dejn.

(82)

Isegwi għalhekk li sabiex jiġi determinat jekk ingħatatx għajnuna mill-Istat minn awtoritajiet pubbliċi, irid jiġi stabbilit li f’dan il-każ l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali fittex li jirkupra l-flejjes kollha dovuti lilu mingħajr ma jagħmel telf finanzjarju u li billi ddeċieda li ma japplikax għall-falliment tal-kumpanija l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali kellu l-intenzjoni li jimmassimizza l-irkupru għall-ammonti dovuti lilu bħal ma kien jagħmel il-kreditur privat ipotetiku (25).

(83)

Il-Kummissjoni se tanalizza r-rapport li ssottomettiet il-Polonja dwar id-deċiżjoni li ttieħdet fl-2012 biex jiġi ffirmat il-ftehim tad-differiment. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali kien ħalla d-dejn jakkumula għal għadd ta’ snin. Tabilħaqq, l-informazjoni li pprovdiet il-Polonja tirrigwarda l-perjodu sħiħ mit-tmiem tal-ewwel perjodu ta’ ristrutturar (u anke qabel) sal-ikkummissjonar tal-istudju f’Ottubru 2011 bil-ħsieb li jiġi konklu ftehim dwar id-differiment. Fid-dawl tan-notifika tal-2008 rigward it-tieni pjan ta’ ristrutturar, il-kumpanija ma fittxitx attivament li tagħmel ftehim mal-kredituri. Il-Kummissjoni trid għalhekk tivverifika wkoll li l-komportament tal-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali bejn it-tmien tal-ewwel perjodu ta’ ristrutturar u meta ġie ffirmat il-ftehim tad-differiment jgħaddi mill-kriterju tal-kreditur privat.

(84)

Fil-premessi segwenti l-Kummissjoni se tirreferi għal (i) l-involviment tal-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali fl-ewwel pjan ta’ ristrutturar, (ii) l-infurzar parzjali tad-dejn mill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali bejn l-2007 u l-2012 wara li falla l-ewwel pjan ta’ ristrutturar, u (iii) il-ftehim ta’ differiment tal-1 ta’ Marzu 2012. L-ewwel pjan ta’ ristrutturar ġie approvat mill-awtorità nazzjonali kompetenti qabel ma l-Polonja daħlet fl-Unjoni Ewropea u jkopri l-aktar il-perjodu tal-pre-adeżjoni. L-evalwazzjoni ta’ punti (ii) u (iii) hija deċiżiva għall-konklużjoni li tikkonċerna l-komportament tal-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni madankollu se tiffoka mill-ġdid fuq it-tibdil fil-qagħda ta’ PZL Dębica taħt l-ewwel pjan ta’ ristrutturar, minħabba li huwa vitali li hi tifhem kif evolviet din is-sitwazzjoni.

L-involviment tal-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali fl-ewwel pjan ta’ ristrutturar

(85)

Kif issemma qabel, l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali ddeċieda li jipparteċipa fl-ewwel pjan ta’ ristrutturar imħejji u approvat fl-2002, jiġifieri qabel il-Polonja daħlet fl-UE. Il-pjan kien jinkludi r-ristrutturar tad-dejn finanzjarju dovut lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali. Abbażi ta’ dak il-pjan ta’ ristrutturar, l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali qabel li jiddifferixxi dejn ta’ PLN 1 364 600, filwaqt li ammont akbar PLN 3 890 000 kellu jitħallas permezz ta’ self mill-Fond għar-Ristrutturar tal-Impriżi. Kif spjegat hawn fuq (ara l-premessa (13)) PZL Dębica ma rċevitx finanzjament mill-Fond. Bħala riżultat l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali ddeċieda li ma jiddifferixxix il-parti li kien fadal tad-dejn u fl-2006 hedded li jibda proċedimenti biex il-kumpanija tiġi ddikjarata falluta.

(86)

Il-Kummissjoni tinnota li minkejja l-falliment tar-ristrutturar finanzjarju u tal-arretrati finanzjarji fi tmiem l-ewwel pjan ta’ ristrutturar, fl-2006 PZL Dębica irnexxielha tirreġistra profitt modest (ara Tabella 1). Dan jikkonferma li l-isforzi tal-kumpanija fir-ristrutturar organizzattiv u teknoloġiku taw il-frott.

(87)

Barra minn hekk, mill-2001 ‘l hinn l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali stabbilixxa garanzija fuq għadd ta’ assi ta’ PZL Dębica li kienu jkopru d-dejn li kien qiegħed jiżdied. Il-valur tal-ipoteka laħaq il-PLN 11.6-il-miljun fl-2007, li jkopru 100 % tad-dejn.

(88)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li sa mill-2003 l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali beda jinforza d-dejn permezz tal-bejgħ tal-assi ta’ PZL Dębica (kif turi t-Tabella 5). L-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali ddeċieda, madankollu, li ma jipproċedix b’bejgħ bl-għaġla, li ħafna drabi jiġġenera ammonti iktar baxxi milli normalment ikun il-każ. Tabilħaqq, fil-kuntest tat-tnaqqis fid-domanda għall-assi finanzjarji bħala riżultat tal-klima ekonomika attwali, dan il-fenomenu seta’ biss jikkarga. Minflok, l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali qabel li jsir bejgħ ikkontrollat organizzat mill-kumpanija. L-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali kellu jaqbel mal-bejgħ fuq il-bażi ta’ offerta minn parti terza u l-profitt nett mill-bejgħ imbagħad ġie trasferit lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali. L-evidenza li pprovdiet il-Polonja twassal għall-konklużjoni li minkejja li l-bejgħ immexxi minn PZL Dębica ġġenera valuri tas-suq, il-proċess tal-bejgħ kien iktar kajman minn bejgħ bl-għaġġla. Bejn l-2004 u l-2006 l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali rkupra iktar minn PLN 1.6 miljun permezz tal-bejgħ ikkontrollat tal-assi ta’ PZL Dębica.

L-infurzar tad-dejn mill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali bejn l-2007 u l-2012

(89)

Il-falliment tar-ristrutturar finanzjarju fl-ewwel pjan ta’ ristrutturar u d-dejn dejjem jiżdied ta’ PZL Dębica wassal lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali biex jikkunsidra serjament ix-xenarju ta’ falliment fl-aħħar tal-2006. Kif spjegat hawn fuq (ara l-premessa (42)c)) fl-20 ta’ Novembru 2006 l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali informa lill-kumpanija bl-intenzjoni tiegħu li japplika għall-falliment ta’ PZL Dębica. Wara li fit-12 ta’ Diċembru 2006 PZL Dębica ippreżentat informazzjoni lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali, dik it-theddida ma twettqitx. Il-Kummissjoni evalwat jekk l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali aġixxiex bħal kreditur privat ipotetiku bejn l-2007 (meta ntemm l-ewwel perjodu ta’ ristrutturar) u l-2012 (meta l-ftehim ta’ differiment ġie konkluż).

(90)

Il-Kummissjoni l-ewwel evalwat l-informazzjoni li ppreżentat PZL Dębica lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali fit-12 ta’ Diċembru 2006. Il-kumpanija ppreżentat analiżi dettaljata tal-qagħda ekonomika u finanzjarja tagħha u dettalji tal-prospetti futuri tagħha. Il-Kummissjoni tinnota li l-punti segwenti ppreżentati mill-kumpanija lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali ikunu importanti biex kreditur privat ipotetiku jevalwa l-qagħda tad-debitur u jiddetermina x'azzjoni xierqa jista’ jieħu biex jimmassimizza l-irkupru tad-dejn, u għalhekk ikunu mmonitorjati mill-kreditur:

a)

iż-żieda fil-bejgħ u t-tnaqqis fil-kosti tal-produzzjoni tal-kumpanija, li nkisbu bħala riżultat tal-miżuri ta’ ristrutturar li ħadet PZL Dębica taħt l-ewwel pjan ta’ ristrutturar;

b)

il-profitti mbassra għall-2006 u l-ispjega li kien il-falliment li jinkisbu profitti qabel l-2006 li wassal għal żieda fid-dejn u l-inkapaċità ta’ PZL Dębica lil tħallas id-dejn qabel;

c)

ix-xejra għal dħul globali pożittiv imbassra għas-snin li ġejjin, li għandu jippermetti għal ħlas lura tad-dejn b’mod iktar regolari u jiggarantixxi li ma jiġi akkumulat ebda dejn ġdid;

d)

l-isforzi tal-kumpanija ta’ kummerċjalizzazzjoni u innovazzjoni u s-swieq il-ġodda fejn, bħala riżultat tal-istrateġija l-ġdida tagħha ta’ kummerċjalizzazzjoni, il-kumpanija bdiet tbiegħ il-prodotti tagħha (l-estrazzjoni minerarja tal-faħam u r-ram u kuntratti ġodda ma’ sħab fl-Ukraina u ċ-Ċina);

e)

in-nuqqas ta’ dejn ieħor sinifikanti dovut lil xi awtorità pubblika oħra jew kreditur privat;

f)

kwalunkwe impenn meħud mill-kumpanija biex tħallas pagamenti tas-sigurtà soċjali kurrenti fil-ħin.

(91)

Il-Kumissjoni tinnota li abbażi tal-informazzjoni dettaljata ppreżentata hawn fuq li tindika l-perkors tat-tkabbir għal PZL Dębica u d-dħul tanġibbli għall-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali, kien raġonevoli li wieħed jassumi li iktar kien se jiġi rkuprat billi l-kumpanija titħalla tkompli bl-operat tagħha milli tiġi mġiegħla tidħol f’likwidazzjoni. Minkejja dan, il-Kummissjoni tinnota li, bħala kwistjoni ta’ prudenza, l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali ma qabilx mas-sospensjoni tal-proċedimenti tal-infurzar, li skont PZL Dębica kienu qed joħonqu l-proċess ta’ ristrutturar. L-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali għalhekk aġixxa bħala kreditur privat, li kien jagħżel kors ta’ azzjoni li kien jippermettilu jimmassimizza l-irkupru tad-dejn.

(92)

Il-Kummissjoni tinnota li fl-2008 l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali żamm mat-tieni pjan ta’ ristrutturar u għalhekk iffirma favur id-differiment ta’ parti mid-dejn. Il-kumplament tad-dejn kellu jitħallas bħala riżultat ta’ injezzjoni ta’ fondi mill-Aġenzija għall-Iżvilupp Industrijali li hija tal-Istat. Madankollu, l-obbligu ta’ perjodu sospensiv ġie rispettat u l-miżuri ma ġewx implimentati. Il-Kummissjoni tinnota li l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali ma bbażax ruħu fuq l-implimentazzjoni tat-tieni pjan ta’ ristrutturar bħala soluzzjoni għad-dejn pendenti, iżda kompla bil-kors ta’ azzjoni li kien qabad fl-2007, kif deskritt hawn fuq.

(93)

Fl-2007 u 2008 grazzi għall-bejgħ taħt kontroll tal-assi ta’ PZL Dębica, flimkien mal-flejjes imsemmijin fil-premessa (88), l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali rkupra iktar minn PLN 5.4 miljuni (ara Tabella 5). Skont il-Polonja, in-nuqqas ta’ bejgħ tal-assi tal-kumpanija wara l-2008, minkejja l-fatt li l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali kellu ipoteka fuq tliet proprjetajiet immobbli li kienu jiswew iktar minn PLN 6 miljuni b’kollox, irid jitqies fil-kuntest ekonomiku li fih seħħ il-bejgħ tal-assi ta’ PZL Dębica. Il-Polonja sostniet li l-kriżi ekonomika u t-tnaqqis fl-iskala ta’ attività kummerċjali fir-reġjun taw kontribut għan-nuqqas ta’ interess fl-assi ta’ PZL Dębica u għamilha diffiċli li dawn jinbiegħu bi prezz ikkunsidrat aċċettabbli mill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali.

(94)

Min-naħa l-oħra, kif innutat hawn fuq, l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali żamm is-sekwestru tal-kont ta’ PZL Dębica, li bejn l-2007 u l-2010 ġieblu PLN 475 369 oħra.

(95)

Tabilħaqq, l-infurzar dejjem għaddej ġieb lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali iktar minn PLN 7 miljuni fil-perjodu li qed jiġi analizzat (ara l-premessa (96)b)); il-fatt li l-irkupru tad-dejn ħa iktar żmien kien indirizzat mir-rata tal-imgħax kompost applikata għad-dejn.

(96)

Il-Kummissjoni analizzat ukoll jekk bejn l-2007 u l-2012 PZL Dębica kinitx onorat l-impenji li ħadet meta f’Jannar 2007 l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali ddeċieda li ma jibdiex proċedimenti ta’ insolvenza kontra tagħha. Il-Kummissjoni tinnota li:

a)

PZL Dębica ilha tagħmel il-profitti mill-2006 u fl-2010 rnexxielha tattira investitur privat (ara l-premessa (10)); fl-istess ħin, ir-riżultati netti tagħha ġew imxekkla mill-ineliġibbiltà tagħha għal offerti pubbliċi u l-inabbiltà li takkwista kreditu fis-suq bħala riżultat tad-dejn pendenti tagħha;

b)

Mill-2006 ‘l hawn il-kumpanija rnexxielha tnaqqas id-dejn b’PLN 7 miljuni; apparti l-bejgħ tal-assi taħt kontroll u s-sekwestru imsemmi hawn fuq, il-kumpanija kull sena onorat l-impenn ta’ ħlas lura u użat il-profitti u injezzjoni ta’ kapital fl-2010 minn investitur privat biex tnaqqas id-dejn.

c)

Il-kumpanija kompliet għaddeja bil-pagamenti kurrenti lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali u lil awtoritajiet pubbliċi oħra mill-2006 ’l hawn u għalhekk, apparti dejn marġinali ta’ PLN 1 900, ebda dejn ġdid ma ġie akkumulat.

(97)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li r-ritorn ta’ PZL Dębica għall-profittabbiltà fl-2006, il-prospetti tajba għal vjabbiltà fit-terminu twil u t-twettiq kontinwu tal-obbligi finanzjarji kurrenti tagħha sa mill-2006, kif ukoll id-dħul ta’ investitur privat fl-2010, huma fatturi importanti li kreditur privat jikkunsidra biex jiddeċiedi jekk l-azzjoni adottata fl-2007 komplietx tkun l-aħjar triq biex jiġi massimizzat l-irkupru.

Il-ftehim ta’ differiment tal-1 ta’ Marzu 2012

(98)

Il-Polonja ssottomettiet analiżi tal-kriterju tal-kreditur privat immexxi minn konsulent estern f’Ottubru 2011, jiġifieri qabel it-transazzjoni ta’ differiment fl-1 ta’ Marzu 2012. Ir-rapport iqabbel żewġ alternattivi: (i) l-infurzar tal-pretensjonijiet finanzjarji kollha mill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali u (ii) jitħallas id-dejn lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali billi jiġi differit l-ammont totali dovut. It-test tal-kriterju jikkonkludi li l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali għandu jagħżel id-differiment, li jiggarantixxi l-irkupru tal-ammont kollu tad-dejn, filwaqt li x-xenarju ta’ likwidazzjoni jwassal għall-irkupru ta’ madwar 60 %-70 % tad-dejn.

(99)

Il-Kummissjoni analizzat b’mod kritiku dan ir-rapport u l-assunzjonijiet li fih.

(100)

L-ewwel, il-Kummissjoni tinnota li l-konklużjonijiet tat-test tal-kriterju huma bbażati fuq l-analiżi ta’ (i) il-qagħda ekonomika u finanzjarja attwali ta’ PZL Dębica, (ii) l-assi tal-kumpanija u l-obbligazzjonijiet tagħha kollha, (iii) il-pożizzjoni tal-kumpanija fis-suq, (iv) ir-riżultati tar-ristrutturar u (v) ir-regoli legali u l-prattika applikabbli għall-proċediment ta’ insolvenza fil-Polonja.

(101)

Fix-xenarju ta’ likwidazzjoni, l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali kien ikun jista’ jirkupra biss madwar 60 % sa 70 % tad-dejn fi 3 jew 4 snin (26). It-tnaqqis fl-ammont li huwa possibbli li jiġi rkuprat jirriżulta l-aktar mill-kosti għoljin tal-likwidazzjoni u l-valur ta’ likwidazzjoni baxx fuq l-assi tal-kumpanija. Rigward il-valur ta’ likwidazzjoni, il-Kummissjoni tinnota li fix-xenarju ta’ falliment il-valur ta’ dawn l-assi f’bejgħ b’għaġla jonqos b’madwar 50 % minħabba l-fatt li dawn jinbiegħu separatament u ma jintużawx bħala negozju avvjat. It-tnaqqis fid-domanda għal assi industrijali fil-kuntest ta’ kriżi fl-ekonomija reali għandu wkoll impatt fuq iċ-ċifra, iżda din xorta waħda tibqa’ ogħla mid-dħul medju għall-bejgħ tal-assi f’falliment fil-Polonja, li huwa ta’ 26.86 % tal-valur ġust tagħhom

(102)

Fix-xenarju tad-differiment deskritt fil-premessa (44), ir-rapport jikkunsidra l-elementi li ġejjin bħala importanti mill-perspettiva ta’ kreditur privat li qed iffitex li jimmassimizza l-irkupru tal-ammonti dovuti lilu:

ir-ritorn għall-profittabilità minn PZL Dębica fl-2006 bħala riżultat tar-ristrutturar;

il-portafoll ta’ ordnijiet kurrenti ma’ PZL Dębica u n-netwerk ta’ bejgħ li għandha fil-Polonja kif ukoll barra minnha;

id-dħul ta’ investitur privat – Eurotech – fl-2010, li akkwista 16.7 % tal-ishma ġodda ta’ PZL Dębica;

l-ittra ta’ intenzjoni tal-2011 mingħand Eurotech li tiddikjara li din xtaqet tagħmel injezzjoni ta’ kapital addizzjonali u takkwista 15 % oħra mill-ishma tal-kumpanija, soġġett għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni;

il-prospett ta’ riżultati finanzjarji ħafna aħjar meta l-kumpanija jerġa’ jkollha aċċess għall-offerti pubbliċi u finanzjament estern, li huwa soġġett għall-iffirmar tal-ftehim ta’ differiment;

il-fatt li bejn l-2006 u l-2011 PZL Dębica ħallset fil-ħin il-kontribuzzjonijiet kurrenti tagħha vis-à-vis il-korpi pubbliċi kollha (medja ta’ PLN 5 miljuni fis-sena) u

il-fatt li bis-saħħa tad-differiment l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali ser jirċievi PLN 18-il miljun addizzjonali f’kontribuzzjonijiet kurrenti fuq tmien snin li fihom jitħallas id-dejn.

(103)

Il-Kummissjoni ma tistax taqbel li tikkunsidra l-aħħar element minħabba li pagamenti obbligatorji futuri ma jistgħux jitqabblu mad-dħul li kumpanija privata tista’ tistenna minn attività ekonomika. Tabilħaqq, il-ġbir ta’ pagamenti soċjali obbligatorji mhuwiex attività ekonomika.

(104)

Il-Kummissjoni tinnota li l-ftehim li ġie ffirmat jipprevedi għall-irkupru tal-ammont sħiħ li jimmatura fl-1 ta’ Marzu 2012 jiġifieri PLN [7 000 000 – 13 000 000], li jikkonsisti f’dejn ta’ PLN [3 500 000 – 6 500 000] u interessi ta’ PLN [3 500 000 – 6 500 000]. Fuq dak l-ammont ġiet miżjuda tariffa ta’ differiment ta’ PLN [1 000 000 – 1 700 000]. Id-dejn irid jitħallas f’96 rata mensili.

(105)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali żamm rahan fuq l-assi ta’ PZL Dębica għall-ammont ta’ PLN 6 243 002,55, li l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali għandu l-ħsieb ibiegħ permezz ta’ proċedura ta’ kontroll simili għall-każ tal-assi preċedenti. Kwalunkwe dħul mill-bejgħ ta’ dawn l-assi jintuża biex inaqqas id-dejn ta’ PZL Dębica dovut lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali.

(106)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li r-rapport ma jqabbilx il-valuri preżenti tal-flussi ta’ dħul bejn l-Alternattiva 1 u l-Alternattiva 2, li b’hekk il-kreditur privat ikun jista’ jiddetermina liema miż-żewġ alternattivi hija iktar ta’ benefiċċju. Il-Kummissjoni kkalkulat dawn il-valuri preżenti għal diversi rati ta’ skont, bl-użu ta’ suppożizzjonijiet konservattivi, jiġifieri tliet snin fil-każ tal-likwidazzjoni tal-kumpanija u tmien snin fil-każ ta’ differiment. Qligħ futur mill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali li joriġina minn pagamenti kurrenti ma ġiex inkluż fil-kalkolu tal-Kummissjoni. Għar-rati kollha ta’ skont sinifikattivi investitur privat imur aħjar bix-xenarju ta’ differiment milli fil-każ ta’ likwidazzjoni.

(107)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota wkoll li sa Novembru 2012 PZL Dębica kienet ħallset fil-ħin id-disa’ rati previsti mid-differiment.

(108)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni tikkunsidra li meta f’Marzu 2012 l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali qabel mad-differiment, huwa kien qed jaġixxi bħal kreditur privat li jfittex li jikseb il-ħlas ta’ somom ta’ flus dovuti lilu minn debitur f’diffikultajiet finanzjarji. Għalhekk, il-kreditur pubbliku ma kkonferixxiex vantaġġ lil PZL Dębica. Għaldaqstant, il-pagament tad-dejn pendenti fuq il-bażi tad-differiment stipulat fil-ftehim iffirmat bejn il-kumpanija u l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali f’Marzu 2012 ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

VI.   KONKLUŻJONI

(109)

Il-Kummissjoni tikkunsidra l-miżuri ta’ għajnuna msemmija fil-premessa (52) bħala li ġew irtirati. Għaldaqstant, b’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni f’dawn il-miżuri trid tingħalaq.

(110)

Il-Kummissjoni tikkunsidra l-miżuri ta’ għajnuna msemmija fil-premessa (56) bħala li ngħataw qabel ma l-Polonja daħlet fl-UE u mhux applikabbli wara dik id-data. Dawn jistgħu ma jiġux investigati mill-Kummissjoni taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108 tat-Trattat jew taħt il-mekkaniżmu interim.

(111)

Rigward il-miżuri msemmija fil-premessa (59), il-Kummissjoni tinnota li kwalunkwe għajnuna li saret disponibbli kontra l-liġi se tiġi kkunsidrata rkuprata skont l-avviż ta’ rkupru.

(112)

Il-miżuri ta’ għajnuna msemmija fil-Tabella 7 jaqgħu fl-ambitu tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 69/2001 u li ma jaqbżux il-limitu stipulat minn dak ir-Regolament.

(113)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura msemmija fil-premessi (76) sa (108) ma tikkostitwix għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat istitwita permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 C 49/08 (ex N 402/08) rigward għajnuna mill-Istat — L-għajnuna għar-ristrutturar mogħtija lil PZL Dębica hija kkunsidrata magħluqa rigward il-miżuri segwenti għal PZL Dębica:

a)

żewġ miżuri li jammontaw għal PLN 4 965 800 u PLN 5 534 200, li l-Polonja nnotifikat fit-13 ta’ Awwissu 2008 u rtirat fl-10 ta’ Ottubru 2011 b’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament Proċedurali;

b)

miżura li tammonta għal PLN 914 522,15 li fir-rigward tagħha l-Eżattorija ħarġet deċiżjoni fl-20 ta’ Ottubru 2003, abbażi tal-fatt li din ingħatat lill-Polonja qabel ma daħlet fl-UE u mhix applikabbli wara dik id-data;

c)

miżura b’valur nominali ta’ PLN 61 104,97, flimkien ma’ mgħax li jammonta għal PLN 103 566,29, imħallsa fl-14 ta’ Awwissu 2012, li tikkostitwixxi għajnuna kontra l-liġi skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. L-għajnuna ġiet irkuprata fl-14 ta’ Awwissu 2012 mill-Polonja b’konformità mal-avviż ta’ rkupru (27);

d)

il-ħames miżuri għal PZL Dębica elenkati fit-Tabella 7, għar-raġuni li dawn kienu għajnuna de minimis skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 69.2001;

e)

id-differiment ta’ PLN [7 000 000 – 13 000 000] mogħti lil PZL Dębica abbażi tal-ftehim tal-1 ta’ Marzu 2012 mal-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali dwar id-differiment, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, għar-raġuni li l-miżura ma tikkostitwix għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  ĠU C 53, 6.3.2009, p. 17.

(2)  ĠU C 53, 6.3.2009, p. 17.

(3)  Il-previżjoni ta’ Awwissu 2012 għas-sena 2012 globalment ibbażata fuq dejta għal Q1 u Q2 tal-2012.

(4)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(5)  ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5.

(6)  Għal dan id-dejn akkumulat fl-2001-2, l-imgħax kien ivarja bejn l-14 % u l-31 % fil-perjodu ta’ differiment 2001-4. Ara t-Tabella 3. Il-Polonja kkoreġiet l-ammont tad-dejn indikat fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura minn PLN 1 164 900 għal PLN 1 116 788,60.

(7)  Il-Ġurnal tal-Liġijiet Nru 155, punt 1287, kif emendat.

(8)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Novembru 2008 dwar l-għajnuna mill-Istat C 17/05 (ex N 194/05 and PL 34/04) mogħtija mill-Polonja lil Stocznia Gdynia (ĠU L 33, 4.2.2010, p. 1).

(9)  Sentenza tal-Qorti Amministrattiva Suprema tat-22 ta’ Frar 2005 fil-kawża I FSK 630/05 u s-sentenza tal-Qorti Suprema tat-12 ta’ Marzu 2007 fil-kawża I UK 288/06.

(10)  ĠU L 10, 28.12.2006, p. 30.

(11)  Regolament tal-Kabinett tal-11 ta’ Awwissu 2004 dwar il-metopdu speċifiku għall-kalkolu tal-valur tal-għajnuna mill-Istat mogħtija f’diversi formom (Ġurnal tal-Liġijiet Nru 194, punt 1983).

(12)  ĠU C 273, 9.9.1997, p. 3.

(13)  Il-Ġurnal tal-Liġijiet Nru 137, punt 926, kif emendat.

(*)  Informazzjoni kunfidenzjali

(14)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(15)  Għar-rata ta’ rkupru applikabbli ara: http://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/reference_rates.html

(16)  ĠU C 272, 15.11.2007, p. 4.

(17)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.; ara b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 11.

(18)  Ara n-nota 14 ta’ qiegħ il-paġna.

(19)  ĠU C 273, 9.9.1997, p. 3.

(20)  Għall-finijiet ta’ konverżjoni l-Kummissjoni użat ir-rati medji tal-kambju tal-Bank Nazzjonali tal-Polonja fid-data tad-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna. Ara http://www.nbp.pl/home.aspx?c=/ascx/archa.ascx

(21)  Kawża C¬256/97 DMT [1999] Ġabra I-3913, paragrafu 30; Kawża T-36/99 Lenzing v Commission [2004] Ġabra II-3597, paragrafu 137.

(22)  Cf. C-342/96 Tubacex [1999] Ġabra I-2459, paragrafu 46, C-256/97 DMT [1999] Ġabra I-3913, paragrafu 21, C-480/98 Magefesa [2000] Ġabra I-8717, T-152/99 HAMSA [2002] Ġabra II-3049, paragrafu 167.

(23)  Kawża C-124/10 Électricité de France v Commission, Sentenza tal-5.7.2012, għadha mhix pubblikata, paragrafu 78 li jiċċita (ara, għal dan, Kawża C-303/88 L-Italja v Il-Kummissjoni [1991] Ġabra I-1433, paragrafu 20; Kawża C-482/99 Franzae v Il-Kummissjoni [2002] Ġabra I-4397, paragrafi 68 to 70; u Comitato ‘Venezia vuole vivere’ u Oħrajn v Il-Kummissjoni, għadha mhix pubblikata, paragrafu 91 u l-każistika ċitata).

(24)  Kawża C-124/10 Électricité de France v Il-Kummissjoni, Sentenza tal-5.7.2012, għadha mhix pubblikata.

(25)  Kawża C-256/97 DM Transports [1999] Ġabra I-3913, paragrafu 30.

(26)  Abbażi tad-dejta fuq it-tul tal-proċediment tal-insolvenza pprovduta mill-Uffiċċju Suprem tal-Verifika.

(27)  ĠU C 272, 15.11.2007, p. 4.


Top