EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0581

2010/581/UE: Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill tas- 27 ta’ Settembru 2010 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 256, 30.9.2010, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2010/581/oj

30.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 256/24


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Settembru 2010

li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(2010/581/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 291(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

B’ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fis-16 ta’ Novembru 2009, il-Polonja talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw id-dritt tat-tnaqqis tat-taxxa fuq ix-xiri (“il-miżura speċjali”).

(2)

B’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba magħmula mill-Polonja permezz ta’ ittra datata l-14 ta’ Diċembru 2009. Permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li hi kellha l-informazzjoni kollha li kienet tikkunsidra meħtieġa sabiex tqis it-talba.

(3)

Il-Polonja tapplika limitazzjoni tat-tnaqqis tal-VAT għall-karrozzi tal-passiġġieri. Madankollu, xi vetturi bil-mutur apparti l-karrozzi tal-passiġġieri huma, minħabba n-natura tad-disinn tagħhom, ugwalment tajbin kemm għall-użu privat kif ukoll għal skopijiet ta’ negozju.

(4)

Bħalissa, fejn persuna taxxabbli jkollha l-intenzjoni li tuża għal skopijiet privati vettura diversa minn karrozza tal-passiġġieri li fuqha hija tkun naqqset it-taxxa fuq ix-xiri kollha jew parzjalment max-xiri, l-akkwist intra-komunitarju, l-importazzjoni, il-kiri jew lease, hija obbligata tagħti rendikont għat-taxxa fuq il-bejgħ għal dak l-użu. Madankollu, huwa diffiċli għal persuna taxxabbli li tistabbilixxi, bi kwalunkwe grad ta’ eżattezza, l-użu privat u huwa diffiċli għall-awtoritajiet tat-taxxa li jagħmlu moniteraġġ tiegħu.

(5)

Sabiex tkun issimplifikata l-proċedura għall-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u sabiex ikunu prevenuti l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, il-Polonja qed titlob deroga sabiex tirrestrinġi d-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur apparti l-karrozzi tal-passiġġieri li jistgħu jintużaw kemm għan-negozju kif ukoll għal skopijiet personali għal 60 % tal-VAT imposta fuq ix-xiri, l-akkwist intra-komunitarju, l-importazzjoni, il-kiri jew lease tagħhom, sa ammont massimu ta’ PLN 6 000, limitu intiż biex jipprevjeni t-tnaqqis eċċessiv tal-VAT fir-rigward ta’ karozzi ta’ lussu, li għandhom aktar probabbiltà li jintużaw għal skopijiet privati. Il-persuna taxxabbli ma tkunx sussegwentement iktar meħtieġa tagħti rendikont għat-taxxa fuq il-bejgħ fir-rigward tal-użu privat tal-karozza.

(6)

Il-miżura speċjali għandha tapplika biss għal ċerti vetturi bil-mutur apparti l-karrozzi tal-passiġġieri b’kapaċità ta’ tagħbija massima ta’ aktar minn 500 kg u ta’ piż massimu ta’ 3,5 tunnellata. Il-vetturi intiżi biex iwettqu funzjoni speċifika bħal vetturi għall-assistenza fuq it-triq, karozzi tal-mejtin u vetturi għat-tagħbija, u vetturi biex jerġgħu jinbiegħu jew jinkrew ma għandhomx jaqgħu taħt id-deroga.

(7)

L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida għal perjodu limitat u għalhekk għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2013. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba sa dakinhar tista’ issir valutazzjoni jekk id-deroga tibqax ġustifikata.

(8)

Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika tal-Polonja hija b’dan awtorizzata tirrestrinġi għal 60 % id-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT fuq xiri, akkwist intra-komunitarju, importazzjoni, kiri jew lease ta’ vetturi bil-mutur apparti l-karrozzi tal-passiġġieri, sa massimu ta’ PLN 6 000.

Din ir-restrizzjoni għandha tapplika biss għal vetturi bil-mutur apparti l-karrozzi tal-passiġġieri b’kapaċità massima awtorizzata ta’ tagħbija ta’ aktar minn 500 kg u ta’ piż massimu ta’ 3,5 tunnellata.

Artikolu 2

L-Artikolu 1 ma għandux japplika għall-kategoriji ta’ vetturi li ġejjin:

(a)

vetturi mixtrija biex jerġgħu jinbiegħu, biex jinkrew jew jingħataw taħt lease;

(b)

vetturi, li skont kriterji stabbiliti f’dispożizzjonijiet fiskali jistgħu jkunu kunsidrati bħala vetturi intiżi essenzjalment għat-trasport tal-merkanzija;

(c)

vetturi intiżi biex jaqdu funzjoni speċifika;

(d)

vetturi mfassla għall-ġarr ta’ mill-anqas 10 persuni, inkluż is-sewwieq.

Artikolu 3

B’deroga mill-Artikolu 26(1)(a) tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika tal-Polonja hija awtorizzata li ma tittrattax bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas l-użu privat, minn persuna taxxabbli jew mill-persunal tagħha, jew, b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet apparti dawk tan-negozju tagħha, ta’ vettura li għaliha tapplika r-restrizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

Hija għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

K. PEETERS


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.


Top