EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0165

2010/165/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 18 ta’ Marzu 2010 biex tirtira r-referenza għall-istandard EN ISO 4869-4: 2000 – L-Akustika – Il-Protetturi tas-smigħ – Parti 4: Kejl ta’ livelli ta’ pressjoni ta’ ħoss għal kuffji tal-widnejn li jibbilanċjaw il-ħsejjes skont il-livell (ISO/TR 4869-4: 1998) skont id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (notifikata bid-dokument numru C(2010) 1599) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 69, 19.3.2010, p. 20–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/165/oj

19.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 69/20


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta’ Marzu 2010

biex tirtira r-referenza għall-istandard EN ISO 4869-4: 2000 – “L-Akustika – Il-Protetturi tas-smigħ – Parti 4: Kejl ta’ livelli ta’ pressjoni ta’ ħoss għal kuffji tal-widnejn li jibbilanċjaw il-ħsejjes skont il-livell (ISO/TR 4869-4: 1998)” skont id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 1599)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/165/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti mwaqqaf mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (2),

Billi:

(1)

L-istandard Ewropew EN ISO 4869-4: 2000 – “L-Akustika – Il-Protetturi tas-smigħ – Parti 4: Kejl ta’ livelli ta’ pressjoni ta’ ħsejjes għall-kuffji tal-widnejn li jibbilanċjaw il-ħoss skont il-livell (ISO/TR 4869-4: 1998)”, ġie adottat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) f’April 2000. Ir-referenza għall-istandard ġie ppubblikat għall-ewwel darba f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ Ottubru 2005 (3).

(2)

Il-Ġermanja ressqet oġġezzjoni formali fir-rigward tal-istandard EN ISO 4869-4: 2000.

(3)

L-oġġezzjoni formali tal-Ġermanja tressqet fuq il-bażi li l-istandard EN ISO 4869-4: 2000 jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness II tad-Direttiva 89/686/KEE, billi l-metodu tat-test għall-kuffji li jibbilanċjaw il-ħoss skont il-livell speċifikat minn dak l-istandard għandu tendenza li jagħti stima għolja iktar milli mistħoqq tal-effikaċja tal-protettur tas-smigħ li jiġi ttestjat, u r-riżultati la ma jkunu rappreżentattivi tal-esponiment tal-utent u lanqas riproduċibbli.

(4)

Wara li ġie eżaminat l-istandard Ewropew EN ISO 4869-4: 2000 il-Kummissjoni stabbiliet li l-istandard ma jissodifax bis-sħiħ ir-rekwiżiti bażiċi tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fit-taqsimiet 1.1.2.1 u 3.5 tal-Anness II għad-Direttiva 89/686/KEE.

(5)

Ir-referenza għall-istandard EN ISO 4869-4: 2000 għalhekk għandha tiġi rtirata mil-lista tal-istandards armonizzati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bir-riżultat li l-konformità mal-istandards nazzjonali rilevanti li jittrasponu l-istandard armonizzat EN ISO 4869-4: 2000 m’għadux jikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 89/686/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenza għall-istandard EN ISO 4869-4: 2000 – “L-Akustika – Il-Protetturi tas-smigħ – Parti 4: Kejl ta’ livelli ta’ pressjoni ta’ ħsejjes għal kuffji tal-widnejn li jibbilanċjaw il-ħsejjes skont il-livell (ISO/TR 4869-4: 1998)” hija rtirata mil-lista tal-istandards armonizzati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi-President


(1)  ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18.

(2)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

(3)  ĠU C 247, 6.10.2005, p. 2.


Top