EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004L0107

Id-Direttiva 2004/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja ambjentali

ĠU L 23, 26.1.2005, p. 3–16 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 18/09/2015

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/107/oj

26.1.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

L 23/3


ID-DIRETTIVA 2004/107/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Diċembru 2004

dwar l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja ambjentali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 175(3) tat-Trattat, is-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni fil-Qasam ta’ l-Ambjent, adottat bid-Deċiżjoni Nru. 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jistabbilixxi r-rekwiżit li t-tniġġis jitnaqqas għal livell li jimminimizza l-effetti dannużi fuq saħħet il-bniedem, waqt li tingħata attenzjoni partikolari lil kategoriji vulnerabbli tal-popolazzjoni, u lill-ambjent in ġenerali, li jittejjeb il-monitoraġġ u l-istima tal-kwalità ta’ l-arja inkluż d-depożizzjoni ta’ sustanzi li jniġġsu u li l-pubbliku jingħatalu l-informazzjoni.

(2)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE tas-27 ta’ Settembru 1996 dwar l-istima u l-immaniġġar tal-kwalità ta’ l-arja ambjentali (4) jitlob mill-Kummissjoni li tissottometti proposti għar-regolament tas-sustanzi li jniġġsu elenkati fl-Anness I għal dik id-Direttiva waqt li tieħu kont tad-dispożizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dak l-Artikolu.

(3)

Evidenza xjentifika turi li l-arseniku, il-kadmju, in-nikil u ċerti idrokarboni aromatiċi poliċikliċi huma karċinoġeni ġenotossiċi għall-bniedem u li ma hemm l-ebda limitu identifikabbli li taħtu dawn is-sustanzi ma joħolqux riskju għas-saħħa tal-bniedem. L-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent iseħħ permezz ta’ konċentrazzjonijiet fl-arja ambjentali u permezz ta’ depożizzjoni. Għal finijiet ta’ effettività F’paragun man-nefqa, mhuwiex possibli li F’żoni speċifiċi jiġi żgurat li l-konċentrazzjonijiet fl-arja ambjentali ta’ arseniku, kadmju, nikil u idrokarboni aromatiċi poliċikliċi ma joħolqux riskju sinifikattiv għas-saħħa tal-bniedem.

(4)

Bil-għan li jiġu minimizzati l-effetti dannużi fuq is-saħħa tal-bniedem, waqt li jittieħed kont partikolari tal-kategoriji vulnerabbli tal-popolazzjoni, u l-ambjent in ġenerali, ta’ l-arseniku, il-kadmju u n-nikil u idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja, għandhom jiġu stabbiliti valuri ta’ mira, li għandhom jintlaħqu kemm jista’ jkun. Il-benzo(a)pirene għandu jintuża bħala indikatur tar-riskju karċinoġenu ta’ l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja ambjentali.

(5)

Il-valuri ta’ mira għall-benzo(a)pirene ma jirrikjedux miżuri li jwasslu għal spejjeż eċċessivi. Fir-rigward ta’ installazzjonijiet industrijali ma jinvolvux xi miżura ‘l barra mill-limitu ta’ applikazzjoni ta’ l-aqwa tekniki disponibbli (BAT) kif meħtieġ mid-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta’ l-24 ta’ Settembru 1996 dwar il-kontroll u l-prevenzjoni integrat tat-tniġġis (5) u b’mod partikolari ma jwasslux għall-għeluq ta’ installazzjonijiet. Madankollu, jkunu jeħtieġu li l-Istati Membri jieħdu kull miżura ta’ tnaqqis li tkun effettiva F’paragun man-nefqa fis-setturi rilevanti.

(6)

Il-valuri ta’ mira ta’ din id-Direttiva ma għandhomx ikunu kkunsidrati bħala standards ta’ kwalità ambjentali kif definiti fl-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 96/61/KE u li, skond l-Artikolu 10 ta’ dik id-Direttiva, jeħtieġu kondizzjonijiet aktar stretti minn dawk li jistgħu jintlaħqu bl-użu ta’ BAT.

(7)

Skond l-Artikolu 176 tat-Trattat, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu miżuri protettivi iktar stretti li jirrigwardaw l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi bil-kondizzjoni li huma kumpatibbli mat-Trattat u li jkunu notifikati lill-Kummissjoni.

(8)

Fejn il-konċentrazzjonijiet jaqbżu ċerti limiti ta’ stima, l-monitoraġġ ta’ l-arseniku, tal-kadmju, tan-nikil u tal-benzo(a)pirene għandu jkun obbligatorju. Mezzi supplimentari ta’ stima jistgħu jnaqqsu n-numru ta’ postijiet meħtieġa fejn jinġabru l-kampjuni għal kejl fiss. Hu previst aktar monitoraġġ tal-konċentrazzjonijiet ta’ arja ambjentali ta’ sfond u ta’ depożizzjoni.

(9)

Il-merkurju hu sustanza perikoluża ħafna għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Hu preżenti kullimkien fl-ambjent, fil-forma ta’ metilmerkurju, u għandu l-kapaċità li jakkumula F’organiżmi, partikolarment li jikkonċentra ruħu F’organiżmi aktar ‘il fuq fil-katina tal-ikel. Merkurju rilaxxat fl-atmosfera huwa kapaċi li jiġi trasportat fuq distanzi twal.

(10)

Fl-2005 l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tressaq strateġija koerenti li jkun fiha miżuri sabiex ikunu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent mir-rilaxx tal-merkurju, ibbażata fuq approċċ ta’ ċiklu tal-ħajja, u li jieħu kont tal-produzzjoni, l-użu, t-trattament ta’ l-iskart u l-emissjonijiet. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-miżuri kollha xierqa bil-ħsieb li titnaqqas il-kwantità tal-merkurju fl-ekosistemi terrestri u akwatiċi, u b’hekk l-inġestjoni tal-merkurju mill-ikel, u sabiex jiġi evitat il-merkurju f’ċerti prodotti.

(11)

L-effetti ta’ l-arseniku, tal-kadmju, tal-merkurju, tan-nikil u ta’ l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fuq is-saħħa tal-bniedem, inkluż permezz tal-katina ta’ l-ikel, u l-ambjent in ġenerali, iseħħu permezz tal-konċentrazzjonijiet fl-arja ambjentali u permezz ta’ depożizzjoni; irid jittieħed kont ta’ l-akkumulazzjoni ta’ dawn is-sustanzi fil-ħamrija u l-protezzjoni ta’ l-ilma sotterran. Sabiex ir-reviżjoni ta’ din id-Direttiva fl-2010 tkun iffaċilitata, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-promozzjoni ta’ riċerka dwar l-effetti ta’ l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikel u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fuq il-ħajja tal-bniedem u l-ambjent, partikolarment permezz ta’ depożizzjoni.

(12)

Tekniċi standardizzati ta’ kejl preċiż u kriterji komuni għall-ippostjar ta’ stazzjonijiet ta’ kejl huma elementi importanti fl-istima tal-kwalità ta’ l-arja ambjentali sabiex l-informazzjoni miksuba tkun komparabbli fil-Komunità kollha. Il-provvediment ta’ metodi ta’ kejl ta’ referenza hu rikonoxxut bħala kwestjoni importanti. Il-Kummissjoni diġà ordnat sabiex isir xogħol għat-tħejjija ta’ l-istandards tas-CEN għall-kejl ta’ dawk il-kostitwenti fl-arja ambjentali fejn il-valuri ta’ mira huma definiti (l-arseniku, il-kadmju, in-nikil u l-benzo(a)pirene) kif ukoll għad-depożizzjoni ta’ metalli tqal bil-għan li jiġu żviluppati u adottati malajr. Fejn m’ hemmx metodi standard tas-CEN, l-użu ta’ metodi ta’ kejl ta’ referenza standard internazzjonali jew nazzjonali għandhom ikunu permessi.

(13)

Informazzjoni dwar il-konċentrazzjonijiet u d-depożizzjoni tas-sustanzi li jniġġsu li huma regolati għandha tingħadda lill-Kummissjoni biex isservi ta’ bażi għal rapporti regolari.

(14)

Informazzjoni aġġornata dwar il-konċentrazzjonijiet u d-depożizzjoni ta’ sustanzi li jniġġsu li huma regolati għandha tkun faċilment disponibbli għall-pubbliku.

(15)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u jiżguraw li jiġu implimentati. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.

(16)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (6).

(17)

L-emendi meħtieġa għall-addattament ta’ din id-Direttiva għall-progress xjentifiku u tekniku għandhom jirrelataw biss għall-kriterji u t-tekniki għall-stima ta’ konċentrazzjonijiet u depożizzjoni ta’ sustanzi li jniġġsu li huma regolati jew arranġamenti dettaljati sabiex tingħata l-informazzjoni lill-Kummissjoni. M’għandhomx ikollhom l-effett li jiġu mmodifikati l-valuri ta’ mira sew direttament jew indirettament,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-miri

L-għanijiet ta’ din id-Direttiva huma li:

(a)

tistabbilixxi valur ta’ mira għall-konċentrazzjoni ta’ l-arseniku, il-kadmju, in-nikil u l-benzo(a)pirene fl-arja ambjentali sabiex jiġu evitati, impeduti jew imnaqqsa l-effetti ta’ ħsara ta’ l-arseniku, il-kadmju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent in ġenerali;

(b)

tiżgura, fir-rigward ta’ l-arseniku, il-kadmju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi, li l-kwalità ta’ l-arja ambjentali tinżamm fejn tkun tajba u tittejjeb F’każijiet oħra;

(ċ)

tiddetermina metodi u kriterji komuni għall-stima ta’ konċentrazzjonijiet ta’ l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliikliċi fl-arja ambjentali kif ukoll għad-depożizzjoni ta’ arseniku, kadmju, merkurju, nikil u idrokarboni aromatiċi poliċikliċi;

(d)

tiżgura li tinkiseb informazzjoni xierqa dwar il-konċentrazzjonijiet ta’ l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja ambjentali kif ukoll dwar id-depożizzjoni ta’ arseniku, kadmju, merkurju, nikil u idrokarboni aromatiċi poliċikliċi u tiżgura li tkun aċċessibbli għall-pubbliku.

Artikolu 2

Id-definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/62/KE, bl-eċċezzjoni tad-definzzjoni “valur ta’ mira”, għandhom japplikaw.

Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(a)

    “valur ta’ mira” tfisser konċentrazzjoni fl-arja ambjentali ffissata bil-għan li jiġu evitati, impeduti jew imnaqqsa l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent in ġenerali, li għandu jintlaħaq fejn possibbli matul perjodu speċifikat;

(b)

    “depożizzjoni totali jew komplessiva” tfisser il-massa totali ta’ sustanzi li jniġġsu li tiġi trasferita mill-atmosfera għal fuq l-uċuħ (eż. ta’ ħamrija, veġetazzjoni, ilma, bini, eċċ.) F’żona speċifikata fi żmien speċifikat;

(ċ)

    “il-limitu ta’ stima superjuri” tfisser livell speċifikat fl-Anness II li taħtu taħlita ta’ kejl u tekniki ta’ mudellar jistgħu jintużaw sabiex tiġi stmata l-kwalità ta’ l-arja ambjentali, skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 96/62/KE;

(d)

    “il-limitu ta’ stima inferjuri” tfisser livell speċifikat fl-Anness II li taħtu l-użu biss ta’ tekniki ta’ mudellar jew ta’ stima objettiva għandha tkun possibbli sabiex tiġi stmata l-kwalità ta’ l-arja ambjentali, skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 96/62/KE;

(e)

    “kejl fiss” tfisser kejl li jkun sar f’siti fissi kemm b’mod kontinwu jew permezz ta’ kampjuni każwali, skond l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 96/62/KE;

(f)

    “arseniku”, “kadmju”, “nikil” u “benzo(a)pirene” tfisser il-kontenut sħiħ ta’ dawn l-elementi u komposti fil-frazzjoni PM10;

(g)

    “PM10 tfisser materja ta’ partikolati, li tgħaddi minn daħla li tagħżel id-daqs kif definit fil-EN 12341 b’cut-off ta’ effiċjenza ta’ 50 % iffissat F’dijametru ajrudinamiku ta’ 10 μm;

(h)

    “idrokarboni aromatiċi poliċikliċi” tfisser dawk il-komposti organiċi, magħmulin minn ta’ l-inqas żewg anelli aromatiċi maqgħudin fis-sħiħ mill-karbonju u l-idroġenu;

(i)

    “merkurju fi stat gassuż totali” jfisser fwar ta’ merkurju elementali (Hg0) u merkurju gassuż reattiv, i.e. speċi ta’ merkurju li jista’ jdub fl-ilma bi pressjoni ta’ fwar għolja biżżejjed biex jeżisti fil-fażi ta’ gass.

Artikolu 3

Il-valuri ta’ mira

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, li ma jkunux jinvolvu spejjeż eċċessivi biex jiżguraw li mill-31 ta’ Diċembru 2012, il-konċentrazzjonijiet ta’ arseniku, kadmju, nikil, u benzo(a)pirene, użati bħala indikaturi għar-riskju karċinoġenu ta’ idrokarboni aromatiċi poliċikliċi, fl-arja ambjentali, kif stmat skond l-Artikolu 4, ma jaqbżux il-valuri ta’ mira stabbiliti fl-Anness I.

2.   L-Istati Membri għandhom iħejju lista ta’ żoni u agglomerazzjonijiet fejn il-livelli ta’ arseniku, kadmju, nikil, u benzo(a)pirene huma taħt il-valuri ta’ mira rispettivi. L-Istati Membri għandhom iżommu l-livelli ta’ dawn is-sustanzi li jniġġsu f’dawn iż-żoni u l-agglomerazzjonijiet taħt il-valuri ta’ mira rispettivi u għandhom jagħmlu kull sforz biex jippreservaw l-aqwa kwalità ta’ arja ambjentali, kompatibbli ma’ l-iżvilupp sostenibbli.

3.   L-Istati Membri għandhom ifasslu lista taż-żoni u l-agglomerazzjonijiet fejn ikunu nqabżu l-valuri ta’ mira stabbiliti fl-Anness I.

Għal tali żoni u agglomerazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw iż-żoni fejn ikunu nqabżu u s-sorsi li jikkontribwixxu għal dan il-qbiż. Fl-oqsma kkonċernati, l-Istati Membri għandhom l-applikazzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa li ma jinvolvux spejjeż eċċessivi, diretti b’mod partikolari għas-sorsi predominanti ta’ emissjonijiet, sabiex jintlaħqu l-valuri ta’ mira. Fil-każ ta’ istallazzjonijiet koperti mid-Direttiva 96/61/KE dan ifisser l-applikazzjoni tal-BAT kif definit bl-Artikolu 2(11) ta’ dik id-Direttiva.

Artikolu 4

L-istima ta’ konċentrazzjonijiet fl-arja ambjentali ta’ rati u d-depożizzjoni

1.   Il-kwalità ta’ l-arja ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-arseniku, il-kadmju, in-nikil u l-benzo(a)pirene għandha tiġi stmata fit-territorju kollu ta’ l-Istati Membri.

2.   Skond il-kriterji msemmija fil-paragrafu 7, il-kejl hu obbligatorju fiż-żoni li ġejjin:

(a)

iż-żoni u l-agglomerazzjonijiet fejn il-livelli huma bejn il-limitu ta’ stima superjuri u dak inferjuri, u

(b)

ż-żoni u agglomerazzjonijiet oħra fejn il-livelli jaqbżu l-livell ta’ stima superjuri.

Il-kejl previst jista’ jiġi ssupplimentat b’tekniki ta’ mudellar sabiex jiġi provdut livell xieraq ta’ informazzjoni dwar il-kwalità ta’ l-arja ambjentali.

3.   Tista’ tintuża kombinazzjoni ta’ kejl, inkluż il-kejl indikattiv, kif imsemmija fis-Sezzjoni I ta’ l-Anness IV, u tekniki ta’ mudellar sabiex tiġi stmata l-kwalità ta’ l-arja ambjentali fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet fejn il-livelli tul perjodu rappreżentattiv huma bejn il-limiti ta’ stima superjuri u inferjuri, skond is-Sezzjoni II ta’ l-Anness II.

4.   Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet fejn il-livelli huma taħt il-limiti ta’ stima inferjuri, li jiġi stabbilit skond is-Sezzjoni II ta’ l-Anness II, l-użu waħdieni ta’ tekniki ta’ mudellar jew ta’ stima objettiva għal-livelli ta’ stimi għandu jkun possibbli.

5.   Fejn għandhom jitkejjlu s-sustanzi li jniġġsu, l-kejl għandu jsir f’siti fissi sew kontinwament jew permezz ta’ kampjuni każwali. In-numru ta’ kejl għandu jkun suffiċjenti għad-determinazzjoni tal-livelli.

6.   Il-livelli ta’ stima superjuri u inferjuri għall-arseniku, il-kadmju, in-nikil u l-benzo(a)pirene fl-arja ambjentali għandhom ikunu dawk stabbiliti fis-Sezzjoni I ta’ l-Anness II. Il-klassifikazzjoni ta’ kull żona jew agglomerazzjoni għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi riveduta mill-anqas kull ħames snin skond il-proċedura stabbilita fis-Sezzjoni II ta’ l-Anness II ta’ din id-Direttiva. Il-klassifikazzjoni għandha tiġi riveduta qabel f’każ ta’ bidla sinifikanti fl-attivitajiet rilevanti għall-konċentrazzjonijiet ta’ arseniku, kadmju, nikil u benzo(a)pirene fl-arja ambjentali.

7.   Il-kriterji sabiex jiġu ddeterminati l-postijiet fejn jinġabru l-kampjuni għall-kejl ta’ l-arseniku, il-kadmju, in-nikil, u il-benzo(a)pirene fl-arja ambjentali biex tkun stmata l-konformità mal-valuri ta’ mira għandhom ikunu dawk elenkati fis-Sezzjonijiet I u II ta’ l-Anness III. In-numru minimu ta’ postijiet fejn jinġabru l-kampjuni għal kejl fiss ta’ konċentrazzjoni ta’ kull sustanza li tniġġes għandu jkun kif stabbilit fis-Sezzjoni IV ta’ l-Anness III, u għandhom jiġu nstallati f’kull żona jew agglomerazzjoni li fiha hu meħtieġ li jsir kejl jekk il-kejl fiss ikun l-uniku mezz ta’ data dwar il-konċentrazzjonijiet hemmhekk.

8.   Sabiex tiġi stmata l-kontribuzzjoni tal-benzo(a)pirene fl-arja ambjentali, kull Stat Membru għandu jagħmel monitoraġġ ta’ idrokarboni aromatiċi poliċikliċi rilevanti oħra f’numru limitat ta’ siti ta’ kejl. Dawn il-komposti għandhom jinkludu mill-inqas: benzo(a)antraċene, benzo(b)fluworantene, benzo(j)fluworantene, benzo(k)fluworantene, indeno(1,2,3-ċd)pirene, u dibenz(a,h) antraċene. Siti ta’ monitoraġġ għal dawn l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi għandhom jiġu ppostjati mas-siti fejn jittieħdu l-kampjuni ta’ l-benzo(a)pirene u għandhom jintgħażlu b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu identifikati l-varjazzjoni ġeografika u t-tendenzifuq perijodu fit-tul. Għandhom japplikaw is-Sezzjonijiet I, II, u III ta’ l-Anness III.

9.   Irrispettivament mil-livelli ta’ konċentrazzjoni għandu jiġi nstallat post fejn jinġabru l-kampjuni ta’ sfond kull 100,000 km2 għall-kejl indikattiv fl-arja ambjentali ta’ l-arseniku, l-kadmju, n-nikil, il-merkurju gassuż totali, l-benzo(a)pirene u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi l-oħra msemmija fil-paragrafu 8 u tad-depożizzjoni totali ta’ arseniku, kadmju, merkurju, nikil, benzo(a)pirene u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi l-oħra msemmija fil-paragrafu 8. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi mill-inqas stazzjon ta’ kejl wieħed; madankollu, bi ftehim u skond linji gwida li jridu jiġu mfassla taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu stazzjon jew diversi stazzjonijiet komuni ta’ kejl li jkopru ż-żoni ġirien fl-Istati Membri kontigwi, sabiex tintlaħaq riżoluzzjoni ta’ l-ispazju meħtieġa. Il-kejl ta’ merkurju bivalenti gassuż u ta’ partikulati ta’ merkurju hu wkoll rakkomandat. Fejn xieraq, il-monitoraġġ għandu jkun ikkoordinat ma’ l-istrateġija ta’ monitoraġġ u l-programm ta’ kejl tal-Monitoraġġ u l-Istima ta’ Sustanzi li Jniġġsu (EMEP). Is-siti ta’ fejn jinġabru l-kampjuni ta’ dawn is-sustanzi li jniġġsu għandhom jintgħażlu b’tali mod li l-varjazzjoni ġeografika u t-tendenzi għal żmien twil jistgħu jiġu identifikati. Għandhom japplikaw is-Sezzjonijiet I, II, u III ta’ l-Anness III.

10.   L-użu ta’ bio-indikaturi jista’ jkun ikkunsidrat fejn ser jiġu stmati x-xejriet reġjonali ta’ l-impatt fuq eko-sistemi.

11.   Għal żoni u agglomerazzjonijiet li fihom l-informazzjoni minn stazzjonijiet fissi ta’ kejl tiġi supplimentata b’informazzjoni minn sorsi oħrajn, bħal inventarji ta’ emissjoni, metodi ta’ kejl indikattiv u mudellar tal-kwalità ta’ l-arja, n-numru ta’ stazzjonijiet fissi ta’ kejl li jridu jiġu nstallati u r-riżoluzzjoni ta’ l-ispazju ta’ tekniki oħrajn għandhom ikunu biżżejjed sabiex jiġu stabbiliti l-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu fl-arja skond is-Sezzjoni I ta’ l-Anness III u s-Sezzjoni I ta’ l-Anness IV.

12.   L-għanijiet tal-kwalità tad-data huma stabbiliti fis-Sezzjoni I ta’ l-Anness IV. Fejn għall-istima jintużaw mudelli tal-kwalità ta’ l-arja, għandha tapplika s-Sezzjoni II ta’ l-Anness IV.

13.   Il-metodi ta’ referenza għat-teħid ta’ kampjuni u l-analiżi ta’ l-arseniku, l-kadmju, l-merkurju, n-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja ambjentali għandhom ikunu kif stabbilit fis-Sezzjonijiet I, II u III ta’ l-Anness V. Is-sezzjoni IV ta’ l-Anness V għandha tistabbilixxi tekniki ta’ referenza għall-kejl tat-depożizzjoni totali ta’ l-arseniku, il-kadmju, merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi u s-Sezzjoni V ta’ l-Anness V tirreferi għal tekniki ta’ mudellar tal-kwalità ta’ l-arja meta tali tekniki jkunu disponibbli.

14.   Id-data sa meta l-Istati Membri għandhom jinfurmaw il-Kummissjoni dwar il-metodi użati għall-istima preliminari tal-kwalità ta’ l-arja taħt il-punt (d) ta’ l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 96/62/KE għandha tkun id-data stabbilita fl-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva.

15.   Kwalunkwe emenda meħtieġa sabiex jiġu adattati d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu u tas-Sezzjoni II ta’ l-Anness II u ta’ l-Annessi III sa V għall-progress xjentifiku u tekniku għandha tiġi adottata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6 iżda ma tistax tirriżulta F’xi tibdil dirett jew indirett fil-valuri ta’ mira.

Artikolu 5

It-Trasmissjoni ta’ informazzjoni u r-rappurtar

1.   Fir-rigward taż-żoni u l-agglomerazzjonijiet fejn jinqabeż xi wieħed mill-valuri ta’ mira stabbiliti fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jgħaddu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

il-listi taż-żoni u l-agglomerazzjonijiet ikkonċernati,

(b)

iż-żoni tal-qbiż,

(ċ)

il-valuri ta’ konċentrazzjoni stmati,

(d)

ir-raġunijiet għall-qbiż, u b’mod partikolari kwalunkwe sorsi li jikkontribwixxu għal dan l-qbiż,

(e)

il-popolazzjoni esposta għal tali qbiż.

L-Istati Membri għandhom ukoll jirrapportaw dwar id-data kollha li tkun ġiet stmata skond l-Artikolu 4, sakemm ma tkunx diġà ġiet irrapportata taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/101/KE tas-27 ta’ Jannar 1997 li tistabbilixxi skambju ta’ informazzjoni u data reċiproka min-networks u stazzjonijiet individwali li jkejlu t-tniġġiż ta’ l-arja ta’ l-ambjent fl-Istati Membri (7).

L-informazzjoni għandha tiġi trasmessa għal kull sena kalendarja, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara, u għall-ewwel darba għas-sena kalendarja ta’ wara 15 ta’ Frar 1997.

2.   B’żieda mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom ukoll jirrapportaw dwar kwalunkwe miżura li tittieħed skond l-Artikolu 3.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni kollha sottomessa skond il-paragrafu 1 tkun disponibbli fil-pront lill-pubbliku bil-mezzi xierqa, bħall-Internet, l-istampa u media oħra faċilment aċċessibbli.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6, kwalunkwe arranġament dettaljat biex tingħadda l-informazzjoni li hija mitluba taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Il-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna mill-kumitat stabbilit mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 96/62/KE.

2.   Fejn hemm referenza għal dan l-Artikolu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw b’qies għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

Artikolu 7

L-informazzjoni pubblika

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni ċara u komprensibbli tkun aċċessibbli u titqiegħed regolarment għad-disposizzjoni tal-pubbliku kif ukoll ta’ organizzazzjonijiet approprjati, bħal organizzazzjonijiet ambjentali, organizzazzjonijiet tal-konsumatur, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi ta’ kategoriji vulnerabbli tal-popolazzjoni u korpi oħra rilevanti għall-kura tas-saħħa, dwar il-konċentrazzjoni fl-arja ambjentali ta’ arseniku, kadmju, merkurju, nikil u benzo(a)pirene u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi kif ukoll dwar ir-rati ta’ depożizzjoni ta’ l-arseniku, il-merkurju, in-nikil u l-benzo(a)pirene u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi l-oħra msemmija fl-Artikolu 4(8).

2.   L-informazzjoni għandha tindika wkoll kwalunkwe qbiż tal-valuri ta’ mira għall-arseniku, l-kadmju, n-nikil u l-benzo(a)pirene stabbiliti fl-Anness I. L-informazzjoni għandha tagħti r-raġunijiet għal dan il-qbiż u tindika ż-żoni li għalihom tapplika. Għandha tipprovdi wkoll stima qasira fir-rigward tal-valur ta’ mira u informazzjoni xierqa dwar l-effetti fuq is-saħħa u l-impatt fuq l-ambjent.

Informazzjoni dwar kwalunkwe miżura meħuda skond l-Artikolu 3 għandha titqiegħed għad-disposizzjoni ta’ l-organizzazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-informazzjoni għandha tingħata permezz, per eżempju, ta’ l-Internet, tal-istampa, u media oħra faċilment aċċessibbli.

Artikolu 8

Ir-rapportar u r-reviżjoni

1.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010 l-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ibbażat fuq:

(a)

l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva,

(b)

partikolarment, ir-riżultati tar-riċerka xjentifika l-aktar reċenti dwar l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem, waqt li jittieħed kont partikolari tal-kategoriji vulnerabbli tal-popolazzjoni u ta’ l-ambjent in ġenerali, ta’ l-esposizzjoni għall-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi, u

(ċ)

l-iżviluppi teknoloġiċi nkluż il-progress li sar fil-metodi ta’ kejl u li jistma l-konċentrazzjonijiet fl-arja ambjentali ta’ dawn is-sustanzi li jniġġsu kif ukoll tad-depożizzjoni tagħhom.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jieħu kont ta’:

(a)

l-kwalità attwali ta’ l-arja, t-tendenzi u l-previżjonijiet sa l-2015 u lil hinn;

(b)

il-possibbiltà li jsir iżjed tnaqqis ta’ emissjonijiet li jniġġsu mis-sorsi kollha rilevanti, u possibilment il-mertu li jiġu introdotti valuri ta’ limitu mmirati għat-tnaqqis tar-riskju għas-saħħa tal-bniedem, għas-sustanzi li jniġġsu elenkati fl-Anness I, waqt li titqies il-fattibbiltà teknika u l-effiċjenza fl-infiq, u kwalunkwe protezzjoni addizzjonali sinifikanti li dan jipprovdi għas-saħħa u għall-ambjent;

(ċ)

ir-relazzjonijiet bejn is-sustanzi li jniġġsu u l-opportunitajiet għal strateġiji konġunti għat-titjib tal-kwalità ta’ l-arja fil-Komunità u għanijiet relatati;

(d)

l-ħtiġiet attwali u futuri sabiex il-pubbliku jiġi nfurmat u sabiex isir l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni;

(e)

l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri, u b’mod partikolari tal-kondizzjonijiet li taħthom il-kejl ġie effettwat kif stipulat fl-Anness III;

(f)

il-benefiċċji ekonomiċi sekondarji għall-ambjent u s-saħħa fit-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi safejn dawn jistgħu jiġu stmati;

(g)

l-adekwatezza tal-frazzjoni tad-daqs tal-partiċelli użati biex jittieħdu kampjuni minħabba r-rekwiżiti ġenerali tal-kejl ta’ materja fil-forma ta’ partikolati;

(h)

l-adekwatezza tal-benzo(a)pirene bħala indikatur ta’ l-attività karċinoġenika totali ta’ l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi, waqt li jittieħed kont tal-forom li huma l-biċċa l-kbira gassużi ta’ l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi bħall-fluworantene.

Fid-dawl ta’ l-aħħar żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi l-Kummissjoni għandha wkoll teżamina l-effett ta’ l-arseniku, il-kadmju u n-nikil fuq is-saħħa tal-bniedem bil-ħsieb li tiġi kkwantifikata l-karċinoġeniċità ġenotossika tag'hom. Waqt li jittieħed kont tal-miżuri adottati skond l-istrateġija dwar il-merkurju, il-Kummissjoni għandha wkoll tikkunsidra jekk huwiex utli li tittieħed iktar azzjoni fir-rigward tal-merkurju, waqt li jittieħed kont tal-fattibilità teknika u tal-effettività fl-infiq u u ta’ kwalunkwe protezzjoni addizzjonali sinifikanti li dan jipprovdi għas-saħħa u għall-ambjent.

3.   Bl-iskop li jintlaħqu livelli ta’ konċentrazzjonijiet ambjentali li jnaqqsu aktar l-effetti dannużi fuq is-saħħa tal-bniedem u li jwasslu għal protezzjoni għolja ta’ l-ambjent in ġenerali, b’kont meħud tal-fattibbiltà teknika u l-effettività fl-infiq għal iktar azzjoni, ir-rapport msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jkun akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposti għal emendi ta’ din id-Direttiva, waqt li jittieħed kont partikolarment tar-riżultati miksuba skond il-paragrafu 2. Barra minn hekk il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tirregola d-depożizzjoni ta’ arseniku, kadmju, merkurju, nikil u idrokarboni aromatiċi poliċikliċi speċifiċi.

Artikolu 9

Il-pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li huma implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 10

L-implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn 15 ta’ Frar 1997. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, huma għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jkunu pubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif tali referenza għandha ssir.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali, li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 11

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tkun ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

Id-destinatarji

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, tal-15 ta’ Diċembru 2004.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. P. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

A. NICOLAÏ


(1)  ĠU C 110, tat-30.4.2004, p. 16.

(2)  L-opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-20 ta’ April, 2004 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2004.

(3)  ĠU L 242, ta’ l-10.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 296, tal-21.11.1996, p. 55. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru. 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(5)  ĠU L 257, ta’ l-10.10.1996, p. 26. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru. 1882/2003.

(6)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

(7)  ĠU L 35, tal-5.2.1997, p. 14. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kumissjoni 2001/752/KE (ĠU L 282, tas-26.10.2001, p. 69).


ANNESS I

Valuri ta’ mira għall-arseniku, in-nikil u l-benzo(a)pirene

Sustanzi li jniġġsu

Valur ta’ mira (1)

Arseniku

6 ng/m3

Kadmju

5 ng/m3

Nikil

20 ng/m3

Benzo(a)pirene

1 ng/m3


(1)  Għall-kontenut totali fil-frazzjoni PM10 b’medja meħuda matul sena kalendarja.


ANNESS II

Determinazzjoni tar-rekwiżiti għall-istima tal-konċentrazzjonijiet ta’ l-arseniku, il-kadmju, in-nikil u l-benzo(a)pirene fl-arja ambjentali ġewwa żona jew agglomerazzjoni

I.   Il-limiti ta’ stima superjuri u inferjuri

Għandhom japplikaw il-limiti ta’ stima superjuri u inferjuri li ġejjin:

 

Arseniku

Kadmju

Nikil

B(a)P

Limitu ta’ stima superjuri bħala perċentaġġ tal-valur ta’ mira

60 %

(3,6 ng/m3)

60 %

(3 ng/m3)

70 %

(14 ng/m3)

60 %

(0,6 ng/m3)

Limitu ta’ stima inferjuri bħala perċentaġġ tal-valur ta’ mira

40 %

(2,4 ng/m3)

40 %

(2 ng/m3)

50 %

(10 ng/m3)

40 %

(0,4 ng/m3)

II.   Id-determinazzjoni tal-qbiż tal-limiti ta’ stima superjuri u inferjuri

Il-qbiż tal-limiti ta’ stima għandu jiġi determinat abbażi tal-konċentrazzjonijiet ta’ matul il-ħames snin preċedenti meta data suffiċjenti tkun disponibbli. Limitu ta’ stima jiġi meqjus li jkun inqabeż jekk ġie maqbuż ta’ l-anqas matul tliet snin tal-kalendarju minn dawk il-ħames snin ta’ qabel.

Fejn hija disponibbli inqas minn ħames snin ta’ data, l-Istati Membri jistgħu jikkombinaw kampanji ta’ kejl ta’ żmien qasir matul il-perjodu tas-sena u f’postijiet li jkunu x’aktarx tipiċi ta’ l-ogħla livelli ta’ tniġġis b’riżultati miksuba minn informazzjoni minn inventarji dwar l-emissjonijiet u mudellar sabiex jiġi determinat il-qbiż tal-limiti ta’ stima.


ANNESS III

Is-siti u n-numru minimu ta’ postijiet fejn jinġabru l-kampjuni għall-kejl ta’ konċentrazzjonijiet fl-arja ambjentali u ta’ rati ta’ depożizzjoni

I.   Ippostjar fuq skala makro

Is-siti tal-postijiet fejn jittieħdu l-kampjuni għandhom jintgħażlu b’mod li:

jipprovdu data dwar it-terren fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet fejn il-popolazzjoni x’aktarx tkun esposta direttament jew indirettament għall-ogħla konċentrazzjonijiet b’medja meħuda matul sena kalendarja;

jipprovdu data dwar livelli F’terreni oħrajn fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet li tkun rappreżentattiva ta’ l-esposizzjoni tal-popolazzjoni ġenerali;

jipprovdu data dwar ir-rati ta’ depożizzjoni li tirrappreżenta l-esposizzjoni indiretta tal-popolazzjoni permezz tal-katina tal-ikel.

Ġeneralment il-postijiet fejn jittieħdu l-kampjuni għandhom ikunu sitwati b’tali mod sabiex ikun evitat il-kejl ta’ ambjenti micro żgħar ħafna fil-viċinanza immedjata tagħhom. Bħala linja gwida, post fejn jinġabru l-kampjuni għandu jkun rappreżentattiv tal-kwalità ta’ l-arja F’żoni traffikużi ta’ l-inħawi ta’ mhux anqas minn 200 m2, mill-inqas 250 m × 250 m F’żoni industrijali, fejn possibbli, u diversi kilometri kwadri F’siti bi sfond urbanistiku.

Fejn l-għan ikun li jiġu stmati l-livelli ta’ l-isfond, il-post fejn jinġabru l-kampjuni ma għandux ikun influwenzat minn agglomerazzjonijiet jew siti industrijali fil-viċinanzi tiegħu, jiġifieri siti eqreb minn ftit kilometri.

Fejn se jiġu stmati kontribuzzjonijiet minn sorsi industrijali, mill-inqas post wieħed fejn jinġabru l-kampjuni għandu jiġi nstallat fl-eqreb żona residenzjali fuq in-naħa tas-sorsi minn fejn ikun qed jonfoħ ir-riħ. Fejn ma tkunx magħrufa l-konċentrazzjoni ta’ l-isfond, għandu jiġi ppustjat post addizzjonali minn fejn jinġabru l-kampjuni fid-direzzjoni prinċipali tar-riħ. B’mod partikolari fejn ikun japplika l-Artikolu 3(3), il-postijiet fejn jinġabru l-kampjuni għandhom jiġu ppustjati b’mod li l-BAT tkun tista’ tiġi monitorjata.

Fejn hu possibbli, il-postijiet fejn jinġabru l-kampjuni għandhom ikunu rappreżentattivi ta’ siti simili mhux fil-viċinanza immedjata tagħhom. Fejn xieraq għandhom jikkoinċidu mal-postijiet fejn jinġabru l-kampjuni għall-PM10.

II.   Ippostjar fuq skala mikro

Il-linji gwida li ġejjin għandhom jiġu segwiti safejn ikun prattiku:

il-fluss madwar id-daħla tas-sonda li tieħu l-kampjun m’għandux ikun ristrett, m’għandu jkun hemm ebda ostruzzjoni li tolqot il-passaġġ ta’ l-arja fil-viċinanzi tat-tagħmir li jieħu l-kampjun (normalment ftit metri l-bogħod mill-bini, gallariji, siġar u ostakoli oħra u mill-inqas 0.5 m mill-bini l-iżjed viċin fil-każ tal-postijiet ta’ fejn jinġabru l-kampjuni li jirrappreżentaw il-kwalità ta’ l-arja mal-linja tal-bini);

b’mod ġenerali, il-punt tad-daħla li minnha jittieħed il-kampjun għandu jkun bejn 1.5 m (iż-żona li fiha jittieħed in-nifs) u 4 m ’l fuq mill-art. F’ċerti ċirkostanzi jistgħu jkunu neċessarji posizzjonijiet ogħla (sa 8 m). Lokalizzazzjoni ogħla tista’ wkoll tkun approprjata jekk l-istazzjon huwa rappreżentativ ta’ żona kbira;

id-daħla tas-sonda ma għandhiex tkun imqiegħda fil-viċinanzi immedjati ta’ sorsi sabiex jiġi evitat it-teħid dirett ta’ emissjonijiet mhux imħalltin ma’ l-arja ambjentali;

il-fokka ta’ exhaust tat-tagħmir li jieħu l-kampjuni għandha titqiegħed b’mod li tiġi evitata r-riċirkolazzjoni ta’ l-arja ta’ l-exhaust lejn id-daħla tat-tagħmir;

il-punti sitwati fit-traffiku li minnhom jittieħdu kampjuni għandhom ikunu ta’ l-inqas 25 metru mit-tarf ta’ junction prinċipali, u ta’ l-inqas 4 metri ‘l bogħod miċ-ċentru ta’ l-eqreb korsija tat-traffiku; punti ta’ dħul għandhom ikunu rappreżentattivi tal-kwalità ta’ l-arja ħdejn il-linja tal-bini;

għall-kejl ta’ depożizzjoni f’żoni ta’ sfond rurali, il-linji gwida u kriterji ta’ l-EMEP għandhom jiġu applikati sa fejn hu prattikabbli u fejn ma jkunx hemm provvediment għalihom f’dawn l-Annessi.

Il-fatturi li ġejjin jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll:

is-sorsi li jiddisturbaw;

is-sigurtà;

l-aċċess;

id-disponibbiltà ta’ elettriku u komunikazzjonijiet telefoniċi;

il-viżibbiltà tas-sit fir-rigward ta’ l-inħawi tiegħu;

is-sigurtà tal-pubbliku u ta’ l-operaturi;

l-interess li l-postijiet fejn jinġabru kampjuni ta’ sustanzi li jniġġsu differenti jikkoinċidu;

il-ħtiġijiet ta’ ippjanar.

III.   Dokumentazzjoni u R-Reviżjoni ta’ l-Għażla tas-siti

Il-proċeduri għall-għażla tas-sit għandhom jiġu dokumentati bis-sħiħ fil-fażi ta’ klassifikazzjoni b’mezzi bħal ritratti taż-żona ċirkostanti bil-punti tal-kumpass indikati fuqhom u mappa dettaljata. Is-siti għandhom jiġu riveduti f’intervalli regolari b’dokumentazzjoni ripetuta biex jiġi żgurat li l-kriteri ta’ għażla jibqgħu validi maż-żmien.

IV.   Il-kriterji sabiex jiġi ddeterminat in-numru ta’ postijiet ta’ fejn jinġabru l-kampjuni għall-kejl fiss ta’ konċentrazzjonijiet ta’ l-arseniku, il-kadmju, in-nikil u l-benzo(a)pirene fl-arja ambjentali

In-numru minimu ta’ postijiet fejn jinġabru l-kampjuni għall-kejl fiss sabiex tiġi stmata l-konformità mal-valuri ta’ mira għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem f’żoni u agglomerazzjonijiet fejn il-kejl fiss huwa s-sors ta’ informazzjoni waħdieni.

(a)   Sorsi diffużi

Popolazzjoni ta’ l-agglomerazzjoni jew żoni

(eluf)

Jekk il-konċentrazzjonijiet massimi jaqbżu l-limitu ta’ stima superjuri (1)

Jekk il-konċentrazzjonijiet massimi jinsabu bejn il-limiti ta’ stima superjuri u inferjuri

As, Cd, Ni

B(a)P

As, Cd, Ni

B(a)P

0–749

1

1

1

1

750–1 999

2

2

1

1

2 000 –3 749

2

3

1

1

3 750 –4 749

3

4

2

2

4 750 –5 999

4

5

2

2

≥ 6 000

5

5

2

2

(b)   Siti ta’ emissjoni

Għall-istima tat-tniġġis qrib sorsi ta’ emissjoni, l-għadd ta’ postijiet fejn jinġabru l-kampjuni għall-kejl fiss għandu jiġi ddeterminat billi jittieħed kont tad-densitajiet ta’ l-emissjonijiet, tax-xejriet probabbli tad-distribuzzjoni tat-tniġġis ta’ l-arja ambjentali u ta’ l-esposizzjoni potenzjali tal-popolazzjoni.

Il-postijiet fejn jinġabru l-kampjuni għandhom ikunu sitwati b’tali mod li l-applikazzjoni tal-BAT kif definita bl-Artikolu 2(11) tad-Direttiva 96/61/KE tkun tista’ tiġi monitorjata.


(1)  Għandu jinkludi mill-anqas stazzjon wieħed bi sfond urbanistiku u għall-benzo(a)pirene wkoll stazzjon wieħed traffikuż, sakemm dan ma jżidx man-numru ta’ postijiet fejn jinġabru l-kampjuni.


ANNESS IV

Għanijiet ta’ kwalità tad-data u ħtiġijiet għall-mudelli tal-kwalità ta’ l-arja

I.   Għanijiet ta’ kwalità tad-data

L-għanijiet ta’ kwalità tad-data li ġejjin huma provduti bħala gwida sabiex tiġi żgurata l-kwalità.

 

Benzo(a)pirene

Arseniku, kadmju u nikil

Idrokarboni aromatiċi poliċikliċi barra mill-benzo(a)pirene, merkurju gassuż totali, u depożizzjoni totali

Depożizzjoni totali

— Grad ta’ inċertezza

 

 

 

 

Kejl fiss u indikattiv

50 %

40 %

50 %

70 %

Mudellar

60 %

60 %

60 %

60 %

— Ġabra minima ta’ data

90 %

90 %

90 %

90 %

— Ħin minimu kopert:

 

 

 

 

Kejl fiss

33 %

50 %

 

 

Kejl indikattiv (*)

14 %

14 %

14 %

33 %

L-inċertezza tal-metodi wżati għall-stima tal-konċentrazzjonijiet ta’ l-arja ambjentali (espressi F’livell ta’ kunfidenza ta’ 95 %) għandha tiġi stmata skond il-prinċipji tal-Gwida tas-CEN għall-Espressjoni ta’ Inċertezza fil-kejl (ENV 13005-1999), il-metodoloġija tal-ISO 5725:1994, u l-gwida provduta fir-Rapport tas-CEN dwar il-Kwalità ta’ l-Arja – Approċċ għall-inċertezza fil-stima tal-metodi ta’ kejl tar-referenza ta’ l-arja ambjentali (CR 14377:2002E). Il-perentaġġi ta’ l-inċertezza jingħataw għal kejl individwali, li tiegħu tittieħed medja tal-ħinijiet tipiċi ta’ meta jinġabru l-kampjuni, għal intervall ta’ kunfidenza ta’ 95 %. L-inċertezza tal-kejl għandha tiġi interpretata bħala applikabbli fir-reġjun tal-valur ta’ mira xieraq. Kejl fiss u indikattiv għandu jinqasam b’mod uniformi matul is-sena kollha sabiex ikun evitat li r-riżultat li jiġi distort.

Ir-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni tad-data minima u tal-ħin kopert ma jinkludux it-telf ta’ data minħabba l-ikkalibrar regolari jew il-manutenzjoni ta’ l-istrumentazzjoni. Il-ġbir ta’ kampjuni tul erbgħa u għoxrin siegħa hu meħtieġ għall-kejl ta’ benzo(a)pirene u idrokarboni aromatiċi poliċikliċi oħra. Kampjuni individwali li jkunu ttieħdu matul perjodu ta’ mhux aktar minn xahar jistgħu, bl-attenzjoni meħtieġa, jiġu abbinati u analizzati bħala kampjun kompost, sakemm il-metodu jkun jiżgura li l-kampjuni għal dak il-perjodu jkunu stabbli. Jista’ jkun diffiċli li tirriżolvi b’mod analitiku it-tliet komposti kimiċi benzo(b)fluworantene, benzo(j)fluworantene, benzo(k)fluworantene. F’każijiet bħal dawn jistgħu jiġu rrappurtati bħala total. Il-ġbir ta’ kampjuni tul erbgħa u għoxrin siegħa għall-kejl ta’ konċentrazzjonijiet ta’ arseniku, kadmju u nikil. Il-ġbir ta’ kampjuni għandu jinfirex b’mod uniformi matul il-ġranet tal-gimgħa u s-sena. Għall-kejl tar-rati ta’ depożizzjoni hu rakkomandat il-ġbir ta’ kampjuni kull xahar, jew kull ġimgħa matul is-sena kollha.

L-Istati Membri jistgħu jużaw is-sistema ta’ ġbir ta’ kampjuni umdi minflok dik tal-massa jekk jistgħu juru li d-differenza bejniethom hi anqas minn 10 %. Ir-rati ta’ depożizzjoni għandhom ġeneralment jingħataw bħala μg/m2 għal kull ġurnata.

L-Istati Membri jistgħu japplikaw reġistrazzjoni ta’ ħin minimu anqas milli indikat fit-tabella iżda mhux anqas minn 14 % għal kejl fiss u 6 % għal kejl indikattiv bil-kondizzjoni li jkunu jistgħu juru li tista’ tintlaħaq l-inċertezza estiża ta’ 95 % għall-medja annwali, ikkalkolata mill-għanijiet tal-kwalità ta’ data fit-tabella skond l-ISO 11222:2002 – “Id-determinazzjoni ta’ l-inċertezza tal-medja tal-ħin tal-kejl tal-kwalità ta’ l-arja”.

II.   Ħtiġijiet għall-mudelli tal-kwalità ta’ l-arja

Meta jintuża mudell tal-kwalità ta’ l-arja għal skop ta’ stima, għandhom jinġabru riferenzi għad-deskrizzjoni tal-mudell u għall-informazzjoni dwar l-inċertezza. L-inċertezza għall-mudellar tiġi definita bħala d-devjazzjoni massima tal-livelli ta’ konċentrazzjoni mkejlin u kkalkolati, tul sena sħiħa, mingħajr ma jittieħed kont tal-ħin ta’ meta dawn ġraw.

III.   Ir-rekwiżiti għal tekniki ta’ stima objettivi

Fejn jintużaw tekniki ta’ stima objettiva l-inċertezza ma għandhiex taqbeż il-100 %.

IV.   L-istandardizzazzjoni

Sabiex ikunu analizzati sustanzi fil-frazzjoni PM10 il-volum tal-ġbir ta’ kampjuni jirreferi għal kondizzjonijiet ambjentali.


(*)  Il-kejl indikattiv ifisser kejl li jsir b’regolarità mnaqqsa iżda li jissodisfa l-għanijiet l-oħra dwar il-kwalità tad-data.


ANNEX V

Il-metodi ta’ referenza għall-istima tal-konċentrazzjonijiet fl-arja ambjentali u r-rati ta’ depożizzjoni

I.   Il-metodu ta’ referenza għall-ġbir tal-kampjuni u l-analiżi ta’ l-arseniku, il-kadmju u n-nikil fl-arja ambjentali

Il-metodu ta’ referenza għall-kejl tal-konċentrazzjonijiet ta’ l-arseniku, il-kadmju u n-nikil fl-arja ambjentali huma attwalment standardizzati mis-CEN u għandhom ikunu bbażati fuq il-ġbir manwali tal-kampjuni PM10 ekwivalenti għal EN 12341, b’diġestjoni suċċessiva tal-kampjuni u analiżi bl-Ispettrometrija ta’ Assorbiment Atomiku jew l-Ispettronomija tal-Massa ICP. Fin-nuqqas ta’ metodu standardizzat tas-CEN, l-Istati Membri jistgħu jużaw metodi standard nazzjonali jew metodi standard ta’ l-ISO.

Stat Membru jista’ wkoll juża kwalunkwe metodu ieħor meta jista’ jipprova li jagħtu riżultati ekwivalenti għal dak ta’ hawn fuq.

II.   Il-metodi ta’ referenza għall-ġbir tal-kampjuni u l-analiżi ta’ l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja ambjentali

Il-metodu ta’ referenza għall-kejl ta’ konċentrazzjonijiet fl-arja ambjentali tal-benzo(a)pirene qed jiġi bħalissa standardizzat mis-CEN u għandu jkun ibbażat fuq il-ġbir manwali ta’ kampjuni PM10 ekwivalenti għall-EN 12341. Fin-nuqqas ta’ metodu standard tas-CEN għall-benzo(a)pirene jew l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi l-oħra msemmija fl-Artikolu 4(8), Stati Membri jistgħu jużaw metodi standard nazzjonali jew metodi ta’ l-ISO bħall-istandard ta’ l-ISO 12884.

Stat Membru jista’ wkoll juża kwalunkwe metodu ieħor meta jista’ jipprova li jagħtu riżultati ekwivalenti għal dak ta’ hawn fuq.

III.   Il-metodi ta’ referenza għall-ġbir tal-kampjuni u l-analiżi tal-merkurju fl-arja ambjentali

Il-metodu ta’ referenza għall-kejl ta’ konċentrazzjonijiet fl-arja ambjentali tal-merkurju fi stat gassuż totali għandu jkun metodu awtomatizzat ibbażat fuq l-Ispettrometrija ta’ Assorbiment Atomiku jew l-Ispettrometrija ta’ Fluworexxenza Atomika. Fin-nuqqas ta’ metodu standardizzat tas-CEN, l-Istati Membri jistgħu jużaw metodi standard nazzjonali jew metodi standard ta’ l-ISO.

Stat Membru jista’ wkoll juża kwalunkwe metodu ieħor meta jista’ jipprova li jagħtu riżultati ekwivalenti għal dak ta’ hawn fuq.

IV.   Il-metodu ta’ referenza għall-ġbir ta’ kampjuni u l-analiżi tad-depożizzjoni ta’ l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikilu l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi

Il-metodu ta’ referenza sabiex jittieħdu kampjuni ta’ depożizzjoni ta’ arseniku, kadmju, merkurju, nikil u idrokarboni aromatiċi poliċikliċi għandu jkun bbażat fuq l-esposizzjoni ta’ strumenti ta’ depożitati ċilindriċi ta’ depożizzjoni ta’ dimensjonijiet standardizzati. Fl-assenza ta’ metodu CEN standardizzat, l-Istati Membri jistgħu jużaw metodi standard nazzjonali.

V.   It-tekniċi ta’ referenza ta’ mudellar tal-kwalità ta’ l-arja

Fil-preżent it-tekniki ta’ referenza ta’ mudellar tal-kwalità ta’ l-arja ma jistgħux jiġu speċifikati. Kull emenda sabiex dan il-punt jiġi addattat għall-progress xjentifiku u tekniku għandu jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6.


Top