EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31997R0258

Ir-Regolament (Ke) Nru. 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ta’ l-ikel il-ġdid

ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1–6 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2017; Imħassar b' 32015R2283

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/258/oj

31997R0258



Official Journal L 043 , 14/02/1997 P. 0001 - 0006


Ir-Regolament (Ke) Nru. 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-27 ta’ Jannar 1997

dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ta’ l-ikel il-ġdid

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura indikata fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3] fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat tal-Konċiljazzjoni fid-9 ta’ Diċembru 1996,

(1) Billi d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ikel il-ġdid jew l-ingredjenti ta’ l-ikel il-ġdid jistgħu jfixklu l-moviment ħieles ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel; billi dawn jistgħu joħolqu l-kondizzjonijiet għall-kompetizzjoni inġusta, u b’hekk jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern;

(2) Billi, sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika, huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ta’ l-ikel il-ġdid ikunu soġġetti għal valutazzjoni waħda dwar is-sigurtà permezz ta’ proċedura Komunitarja qabel ma jitqiegħdu fis-suq fil-Komunità; billi fil-każ ta’ l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ta’ l-ikel il-ġdid li huma sostanzjalment ekwivalenti għall-ikel jew l-ingredjenti ta’ l-ikel eżistenti għandha tiġi pprovduta proċedura simplifikata;

(3) Billi l-addittivi ta’ l-ikel, il-ħwawar għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel u s-solventi ta’ l-estrazzjoni huma koperti b’leġislazzjoni Komunitarja oħra u għalhekk għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(4) Billi għandhom isiru arranġamenti xierqa dwar it-tqegħid fis-suq ta’ ikel ġdid u ingredjenti ta’ ikel ġodda derivati minn varjetajiet ta’ pjanti soġġetti għad-Direttiva tal-Kunsill 70/457/KEE tad-29 ta’ Settembru 1970 dwar il-katalgu komuni tal-varjetajiet ta’ l-ispeċi tal-pjanti agrikoli [4] u d-Direttiva tal-Kunsill 70/458/KEE tad-29 ta’ Settembru 1970 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ħxejjex. [5]

(5) Billi r-riskji għall-ambjent jistgħu ikunu assoċjati ma’ l-ikel il-ġdid jew l-ingredjenti ta’ l-ikel il-ġdid li jkun fihom jew ikunu jikkonsistu f’organiżmi ġenetikament modifikati; billi d-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE tat-23 ta’ April 1990 dwar ir-rilaxx deliberat fl-ambjent ta’ organiżmi ġenetikament modifikati [6] tistabbilixxi illi, għal dawn il-prodotti, dejjem għandha issir stima tar-riskju ambjentali sabiex tiżgura s-sigurtà ambjentali; billi sabiex tiġi stabbilita sistema unifikata Komunitarja għal dawn il-prodotti, għandha issir dispożizzjoni skond dan ir-Regolament għal stima speċifika tar-riskju ambjentali, li skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 10 ta’Direttiva 90/220/KEE għandha tkun simili għal dik stabbilita b’din id-Direttiva, imma għandha ukoll tinkludi stima ta’ kemm ikun xieraq il-prodott li jrid ikun użat bħala ikel jew ingredjent ta’ l-ikel;

(6) Billi l-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel stabbilit bid-Deċiżjoni 74/234/KEE [7] għandu jkun ikkonsultat dwar kull kwistjoni u li għandha x’taqsam ma’ dan ir-Regolament u li jista’ jkollha effett fuq is-saħħa pubblika;

(7) Billi d-Direttiva tal-Kunsill 89/397/KEE ta’ fl-14 ta’ Ġunju 1989 dwar il-kontroll uffiċjali ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel [8] u d-Direttiva tal-Kunsill 92/99/KEE tad-29 ta’ Ottubru 1993 dwar is-suġġett tal-miżuri addizzjonali li jirrigwardaw il-kontroll uffiċjali ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel [9] tapplika għall-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ta’ l-ikel il-ġdid.

(8) Billi, mingħajr preġudizzju għal ħtiġiet l-oħra tal-leġislazzjoni Komunitarja li għandhom x’jaqsmu mat-tikkettjar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel, għandhom jiġu stabbiliti l-ħtiġiet addizzjonali speċifiċi dwar it-tikkettjar; billi dawn il-ħtiġiet għandhom ikunu soġġetti għal dispożizzjonijiet preċiżi sabiex jiżguraw illi t-tagħrif meħtieġ ikun disponibbli għall-konsumatur; billi gruppi definiti fost il-popolazzjoni assoċjati ma’ prattiki stabbiliti sewwa dwar l-ikel, għandhom ikunu mgħarrfa meta l-preżenza fl-ikel il-ġdid ta’ materjal li ma jkunx preżenti fl-ikel ekwivalenti eżistenti joħloq tħassib etiku rigward dawk il-gruppi; billi l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jkun fihom organiżmi ġenetikament modifikati u li jitqiegħdu fis-suq jeħtieġ li ma jkunux ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem; billi din l-assigurazzjoni hija pprovduta permezz tal-konformità mal-proċedura ta’ l-awtorizzazzjoni li tinsab fid-Direttiva 90/220/KEE u/jew mal-proċedura ta’ stima waħda stabbilita f’dan ir-Regolament; billi safejn organiżmu huwa definit bil-liġi tal-Komunità fejn għandu x’jaqsam it-tikkettjar, it-tagħrif lill-konsumatur dwar il-preżenza ta’ xi organiżmu li jkun ġie ġenetikanent modifikat jikkostitwixxi ħtieġa addizzjonali li japplika għall-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel riferiti f’dan ir-Regolament;

(9) Billi, rigward l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li huma maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq sabiex ikunu forniti lill-konsumatur finali, u li jista’ jkun fihom prodott kemm ġentikament modifikat u kemm konvenzjonali, u mingħajr preġudizzju għal ħtiġiet oħra tat-tikkettjar skond dan ir-Regolament, it-tagħrif lill-konsumatur dwar il-possibbiltà li organiżmi ġenetikament modifikati jistgħu jkunu preżenti fl-oġġetti ta’ l-ikel u fl-ingredjenti ta’ l-ikel konċernati jitqies - bħala eċċezzjoni, b’mod partikolari rigward il-kunsinji bl-ingrossa - li jissodisfa l-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 8;

(10) Billi xejn ma għandu jwaqqaf fornitur milli jgħarraf lill-konsumatur fuq it-tikketti ta’ ikel jew ingredjent ta’ l-ikel illi l-prodott fil-kwistjoni mhuwiex ikel ġdid fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament jew illi t-teknika użata sabiex jinkiseb l-ikel il-ġdid indikat fl-Artikolu 1(2) ma kenux ġew użati fil-produzzjoni ta’ dan l-ikel jew dan l-ingredjent ta’ l-ikel;

(11) Billi, skond dan ir-Regolament, għandha ssir dispożizzjoni għal proċedura li tistitwixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti dwar l-Oġġetti ta’ l-Ikel stabbilit bid-Deċiżjoni 69/414/KEE [10];

(12) Billi, fl-20 ta’ Diċembru 1994 kien konkluż modusvivendi bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni li jirrigwarda l-miżuri sabiex jiġu implimentati għall-atti adottati skond il-proċedura stabilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [11],

ADOTTAW DAN IR- REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament jirrigwarda t-tqegħid fis-suq fil-Komunità ta’ ikel ġdid jew l-ingredjenti ta’ ikel ġdid.

2. Dan ir-Regolament għandu japplika għat-tqegħid fis-suq fil-Komunità ta’ ikel jew ingredjenti ta’ l-ikel li s’issa ma ġewx użati għall-konsum mill-bniedem fi grad sinifikanti ġewwa l-Komunità u li jaqgħu taħt il-kategoriji li ġejjin:

(a) l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jkun fihom jew jikkonsistu f’organiżmi ġenetikament modifikati fit-tifsira tad-Direttiva 90/220/KEE;

(b) l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel prodotti minn, imma li ma fihomx, organiżmi ġenetikament modifikati;

(ċ) l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel bi struttura primarja molekulari ġdida jew modifikata intenzjonalment;

(d) l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jikkonsistu fi, jew iżolati mill-mikro-organiżmi, il-fungi jew l-alka;

(e) l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jikkonsistu fi, jew iżolati minn pjanti u ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem, għajr l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel miksuba mill-propagazzjoni jew il-prattiki tat-tgħammir tradizzjonali u li għandhom storja ta’ użu ta’ ikel fis-sigurtà;

(f) l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li lilhom ġie applikat proċess tal-produzzjoni mhux użat korrentement fejn dan il-proċess joħloq bidliet sinifikanti fil-kompożizzjoni jew l-istruttura ta’ l-ikel jew l-ingredjenti ta’ l-ikel li jaffettwaw il-valur nutrizzjonali, il-metaboliżmu jew il-livell tas-sustanzi mhux mixtieqa.

3. Fejn ikun meħtieġ, jista’ jiġi stabbilit skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 jekk tip ta’ ikel jew ta’ ingredjent ta’ l-ikel jaqax jew le skond fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

L-Artikolu 2

1. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a) l-additivi ta’ l-ikel li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/107/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrigwardaw l-additivi ta’ l-ikel awtorizzati għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem [12];

(b) il-ħwawar sabiex jintużaw fl-oġġetti ta’ l-ikel li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 88/388/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-ħwawar għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel u fil-materji prima għall-produzzjoni tagħhom [13];

(ċ) is-solventi ta’ l-estrazzjoni użati fil-produzzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 88/344/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar is-solventi ta’ l-estrazzjoni użati fil-produzzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel u ta’ l-ingredjenti ta’ l-ikel [14].

2. L-esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament riferiti fl-inċiżi (a) sa (ċ) tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw biss sakemm il-livelli tas-sigurtà stabbiliti bid-Direttivi 80/107/KEE, 88/388/KEE u 88/344/KEE jikkorrispondu mal-livell ta’ sigurtà ta’ dan ir-Regolament.

3. Filwaqt li jingħata l-qies dovut lill-Artikolu 11 il-Kummissjoni għandha tiżgura illi l-livelli tas-sigurtà stabbiliti bid-Direttivi ta’ hawn fuq, kif ukoll fil-miżuri ta’ l-implimentazzjoni ta’ dawn id-Direttivi u għal dan ir-Regolament jikkorrispondu mal-livell tas-sigurtà ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 3

1. L-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx:

- ikunu ta’ perikolu għall-konsumatur,

- iqarrqu bil-konsumatur,

- ikunu differenti mill-ikel jew l-ingredjenti ta’ l-ikel li posthom huma maħsuba biex jieħdu safejn u sakemm il-konsum normali tagħhom ikun nutrizzjonalment ta’ żvantaġġ għall-konsumatur.

2. Bil-għan li l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jitqiegħdu fis-suq ġewwa l-Komunità, il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 4, 6, 7 u 8 għandhom japplikaw abbażi tal-kriterji definiti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-fatturi l-oħra rilevanti riferiti f’dawk l-Artikoli.

Madankollu, fil-każ ta’ ikel jew l-ingredjenti ta’ l-ikel riferiti f’dan ir-Regolament idderivati minn varjetajiet ta’ pjanti soġġetti għad-Direttivi 70/457/KEE u 70/458/KEE, id-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni riferita fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament għandha tittieħed skond il-proċeduri pprovduti f’dawk id-Direttivi, sakemm iqisu l-prinċipji ta’ l-istima stabbiliti f’dan ir-Regolament u l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tikkettjar ta’ dan l-ikel jew dawn l-ingredjenti ta’ l-ikel, li għandhom jiġu stabbiliti, skond l-Artikolu 8, skond il-proċedura stabilita fl-Artikolu 13

3. Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għall-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel riferiti fl-Artikolu 1(2)(b) fejn l-organiżmu ġenetikament modifikat użat fil-produzzjoni ta’ l-ikel jew ta’ l-ingredjent ta’ l-ikel ikun imqiegħed fis-suq skond dan ir-Regolament.

4. Bħala deroga mill-paragrafu 2, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5 għandha tapplika għall-ikel jew l-ingredjenti ta’ l-ikel riferiti fl-Artikolu 1(2)(b), (d) u (e) li, abbażi tax-xhieda xjentifika disponibbli u ġeneralment rikonoxxuta jew abbażi ta’ l-opinjoni mogħtija minn wieħed mill-korpijiet kompetenti riferiti fl-Artikolu 4(3), huma sostanzjalment ekwivalenti għall-ikel jew l-ingredjenti ta’ l-ikel eżistenti rigward il-kompożizzjoni, il-valur nutrizzjonali, il-metaboliżmu, u l-użu maħsub tagħhom u l-livell tas-sustanzi mhux mixtieqa li jkunu jinsabu fihom;

Fejn meħtieġ, jista’ jiġi stabilit skond il-proċedura stabilita fl-Artikolu 13 jekk tip ta’ ikel jew ingredjent ta’ l-ikel jidħlux jew le f’dan il-paragrafu.

L-Artikolu 4

1. Il-persuna responsabbli milt-tqegħid fis-suq tal-Komunità (minn issa ’l quddiem imsejjaħ "l-applikant") għandha tissottometti talba lill-Istat Membru li fih il-prodott ikun sejjer jitqiegħed fis-suq għall-ewwel darba. Fl-istess ħin, din il-persuna għandha tibgħat kopja tat-talba lill-Kummissjoni.

2. Għandha tiġi mwettqa stima inizjali kif ipprovdut fl-Artikolu 6.

Wara l-proċedura riferita fl-Artikolu 6(4), l-Istat Membru riferit fil-paragrafu 1 għandu jgħarraf lill-applikant mingħajr dewmien:

- li jista’ jqiegħed l-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel fis-suq, fejn l-istima addizzjonali riferita fl-Artikolu 6(3) ma tkunx meħtieġa, u li ma tkun ġiet ippreżentata l-ebda oġġezzjoni raġunata skond l-Artikolu 6(4), jew

- li, skond l-Artikolu 7, tinħtieġ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

3. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-isem u l-indirizz ta’ l-korpijiet ta’ l-istima ta’ l-ikel responsabbli fit-territorju tiegħu għat-tħejjija tar-rapporti inizjali riferiti fl-Artikolu 6(2).

4. Qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippubblika r-rakkomandazzjonijiet li jirrigwardaw l-aspetti xjentifiċi ta’:

- it-tagħrif meħtieġ sabiex jappoġġja l-applikazzjoni u l-preżentazzjoni ta’ dan it-tagħrif,

- it-tħejjija tar-rapporti inizjali ta’ l-istima pprovduti fl-Artikolu 6.

5. Kull regola ddettaljata sabiex jiġi implimentat dan l-Artikolu għandha tiġi adottata skond il-proċedura stabilita fl-Artikolu 13.

L-Artikolu 5

Fil-każ ta’ l-ikel jew l-ingredjenti ta’ l-ikel riferiti fl-Artikolu 3(4), l-applikant għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar it-tqegħid gid fis-suq meta jagħmel dan. Din in-notifika għandha tkun akkumpanjata bid-dettalji rilevanti stipulati fl-Artikolu 3(4). Il-Kummissjoni għandha tagħddi lill-Istati Membri kopja ta’ dik in-notifika fi żmien 60 jum u, fuq it-talba ta’ Stat Membru, kopja tad-dettalji rilevanti msemmija. Il-Kummissjoni għandha tippublika kull sena sommarju ta’ dawn in-notifiki fis-serje "C' tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej".

Rigward it-tikkettjar, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8.

L-Artikolu 6

1. It-talba riferita fl-Artikolu 4(1) għandu jkun fiha t-tagħrif meħtieġ, inkluża kopja ta’ l-istudji li kienu ġew imwettqa u kull materjal ieħor li huwa disponibbli sabiex juri illi l-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1), kif ukoll proposta xierqa għall-preżentazzjoni u t-tikkettjar, skond il-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 8, ta’ l-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel. Minbarra dan, it-talba għandha tkun akkumpanjata minn sommarju tad-dossier.

2. Malli jirċievi t-talba, l-Istat Membru riferit fl-Artikolu 4(1) għandu jiżgura illi titwettaq l-istima inizjali. Għal dak l-iskop, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-isem tal-korp kompetenti għall-istima ta’ l-ikel li huwa responsabbli għat-tħejjija tar-rapport ta’ l-istima inizjali, jew isaqsi lill-Kummissjoni sabiex jiftiehem ma’ Stat Membru ieħor sabiex wieħed mill-korpijiet ta’ l-istima ta’ l-ikel riferit fl-Artikolu 4(3) iħejji dan ir-rapport.

Il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Istati Membri mingħajr dewmien kopja tas-sommarju pprovdut mill-applikant u l-isem tal-korp kompetenti responsabbli mit-twettiq ta’ l-istima inizjali.

3. Ir-rapport ta’ l-istima inizjali għandu jkun imfassal f’perjodu ta’ tliet xhur mill-irċevuta tat-talba li għandha tilħaq il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, skond ir-rakkomandazzjonijiet riferiti fl-Artikolu 4(4), u għandu jiddeċiedi jekk l-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel jirrikjedux stima addizzjonali skond l-Artikolu 7 jew le.

4. L-Istat Membru konċernat għandu mingħajr dewmien jibgħat ir-rapport tal-korp kompetenti ta’ stima ta’ l-ikel lill-Kummissjoni, li għandha tgħaddih lill-Istati Membri l-oħra. F’perjodu taż-żmien ta’ 60 jum mid-data taċ-ċirkolazzjoni tar-rapport mill-Kummissjoni, Stat Membru jew il-Kummissjoni jistgħu jagħmlu l-kummenti tagħhom jew jippreżentaw oġġezzjoni raġunata għall-marketing ta’ l-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel konċernat. Il-kummenti jew oġġezzjonijiet jistgħu jikkonċernaw ukoll il-preżentazzjoni jew it-tikkettjar ta’ l-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel

Il-kummenti jew l-oġġezzjonijiet għandhom jiġu mgħoddija lill-Kummissjoni, li għandha tiċċirkolahom lill-Istati Membri fil-perjodu taż-żmien ta’ 60 jum rferit fl-ewwel sotto-paragrafu.

L-applikant għandu, fejn Stat Membru hekk jitlob, jipprovdi kopja ta’ kull tagħrif pertinenti li tidher fit-talba.

L-Artikolu 7

1. Fejn tinħtieġ stima addizzjonali skond l-Artikolu 6(3) jew titqajjem oġġezzjoni skond l-Artikolu 6(4), għandha tittieħed deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13.

2. Id-deċiżjoni għandha tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-awtorizzazzjoni u għandha tistabbilixxi, fejn xieraq:

- il-kondizzjonijiet dwar l-użu ta’ l-ikel jew ta’ l-ingredjent ta’ l-ikel,

- l-isem mogħti lill-ikel jew lill-ingredjent ta’ l-ikel u l-ispeċifikazzjoni tagħhom.

- il-ħtiġiet speċifiċi tat-tikkettjar kif riferit fl-Artikolu 8.

3. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf mingħajr dewmien lill-applikant bid-deċiżjoni meħuda. Id-deċiżjonijiet għandhom jiġu ppublikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 8

1. Mingħajr preġudizzju għall-ħtiġiet l-oħra tal-liġi Komunitarja li tirrigwardja it-tikkettjar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel, il-ħtiġiet addizzjonali speċifiċi tat-tikkettjar li ġejjin għandhom japplikaw għall-oġġetti ta’ l-ikel sabiex jiżguraw illi l-konsumatur ta’ l-aħħar jiġi mgħarraf bi:

(a) kull karatteristika jew proprjeta’ ta’ l-ikel bħal:

- il-komposizzjoni,

- il-valur nutrizzjonali jew l-effetti nutrizzjonali,

- l-użu maħsub ta’ l-ikel,

li jwassal sabiex ikel ġdid jew ingredjent ta’ ikel ġdid ma jibqgħux aktar ekwivalenti għall-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel eżistenti.

Ikel ġdid jew ingredjent ta’ l-ikel ġdid għandhom jitqiesu bħala mhux aktar ekwivalenti għall-iskop ta’ dan l-Artikolu jekk stima xjentifika, ibbażata fuq analiżi xierqa ta’ l-informazzjoni eżistenti, tista’ turi illi l-karatteristiċi stmati huma differenti meta mqabbla ma’ ikel konvenzjonali jew ingredjent konvenzjonali ta’ l-ikel, filwaqt li jitqiesu l-limiti aċċettati tal-varjazzjonijiet naturali dwar dawn il-karatterisitiċi.

F’dan il-każ, it-tikkettjar għandu jindika l-karatteristiċi jew il-proprjetajiet modifikati flimkien mal-metodu li bihom ġiet miksuba din il-karatterisitika jew proprjetà;

(b) il-preżenza fl-ikel il-ġdid jew fl-ingredjent ta’ l-ikel il-ġdid ta’ materjal li ma jkunx preżenti f’oġġett ta’ l-ikel ekwivalenti eżistenti u li jista’ jkollha implikazzjonijiet għas-saħħa ta’ ċertu sezzjonijiet tal-popolazzjoni;

(ċ) il-preżenza fl-ikel il-ġdid jew fl-ingredjent ta’ l-ikel il-ġdid ta’ materjal li mhux preżenti f’oġġett ta’ ikel ekwivalenti eżistenti u li jqajjem tħassib etiku;

(d) il-preżenza ta’ organiżmu ġenetikament modifikat b’t-teknika tal-modifikazzjoni ġenetika, li l-lista mhux eżawrjenti tiegħu hija stabilita fil-Parti I ta’ l-Anness I A, għad-Direttiva 90/220/KEE.

2. Fin-nuqqas ta’ ikel ekwivalenti eżistenti jew ta’ ingredjent ta’ l-ikel ekwivalenti eżistenti, għandhom jiġu adottati d-dispożizzjonijiet xierqa fejn meħtieġ sabiex jiżguraw illi konsumaturi jiġu mgħarrfa adegwatament dwar in-natura ta’ l-ikel jew ta’ l-ingredjent ta’ l-ikel.

3. Kull regola ddettaljata sabiex jiġi implimentat dan l-Artikolu għandha tiġi adottata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13.

L-Artikolu 9

1. Fejn ikel jew ingredjent ta’ l-ikel li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikun fihom jew huma organiżmu ġenetikament modifikat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 90/220KEE, it-tagħrif meħtieġ fit-talba għat tqegħid fis-suq riferita fl-Artikolu 6(1) għandu ikun akkumpanjat minn:

- kopja tal-kunsens bil-miktub, jekk ikun hemm, mill-awtorità kompetenti, għar-rilaxx deliberat ta’ l-organiżmi ġenetikament modifikati għall-iskopijiet tar-riċerka u ta’ l-iżvilupp ipprovduti fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 90/220/KEE, flimkien mar-riżultati tar-rilaxx(i) fir-rigward ta’ kull riskju għas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent;

- id-dossier tekniku komplet li jforni t-tagħrif rilevanti mitlub fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 90/220/KEE u l-istima tar-riskju fuq l-ambjent ibbażata fuq dan it-tagħrif, ir-riżultati ta’ kull studju mwettaq għall-iskopijiet tar-riċerka u ta’ l-iżvilupp jew, fejn xieraq, id-deċiżjoni li tawtoriżża t-tqegħid fis-suq ipprovdut fil-Parti Ċ tad-Direttiva 90/220/KEE.

L-Artikoli 11 sa 18 tad-Direttiva 90/220/KEE ma għandhomx japplikaw għall-prodotti jew l-ingredjenti ta’ l-ikel li jkun fihom jew jikkonsistu f’organiżmi ġenetikament modifikati.

2. Fil-każ ta’ l-ikel jew l-ingredjenti ta’ l-ikel li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jkun ikun fihom jew li jikkonsistu f’organiżmi ġenetikament modifkati, id-deċiżjoni riferita fl-Artikolu 7 għandha tirrispetta l-ħtiġiet tas-sigurtà ambjentali stabbiliti bid-Direttiva 90/220/KEE sabiex jiġi żgurat illi jittieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiġu evitati l-effetti kuntrarji fuq is-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent li jistgħu jirriżultaw mir-rilaxx deliberat ta’ organiżmi ġenetikament modifikati. Matul l-evalwazzjoni tat-talbiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti li jkun fihom jew li jikkonsistu f’organiżmi ġenetikament modifikati, għandhom isiru l-konsultazzjonijiet meħtieġa mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri mal-korpi mwaqqfa mill-Komunità jew mill-Istati Membri skond id-Direttiva 90/220/KEE.

L-Artikolu 10

Għandhom jiġu adottati regoli ddettaljati għall-protezzjoni tat-tagħrif ipprovdut mill-applikant skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13.

L-Artikolu 11

Il-Kumitat Xjentifiku ta’ l-Ikel għandu jiġi kkonsultat fuq kull materja li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li x’aktarx ikollha effett fuq is-saħħa pubblika.

L-Artikolu 12

1. Fejn Stat Membru, bħala riżultat ta’ tagħrif ġdid jew ta’ stima mill-ġdid tat-tagħrif li diġà jeżisti, ikollu raġunijiet iddettaljati sabiex iqis illi l-użu ta’ ikel jew ta’ ingredjent ta’ l-ikel li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament jipperikola s-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, dak l-Istat Membru jista’ jew jirrestrinġi temporanjament jew jissospendi l-kummerċ fl-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel fil-kwistjoni u l-użu tagħhom fit-territorju tiegħu. Għandu jgħarraf minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2. Il-Kummissjoni għandha teżamina r-raġunijiet referiti fil-paragrafu 1 mill-aktar fis possibli fil-Kumitat Permanenti ta’ l-Oġġetti ta’ l-Ikel; għandha tieħu l-miżuri xierqa skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13. L-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni riferita fil-paragrafu 1 jista’ jmantniha sakemm il-miżuri jkunu daħlu fis-seħħ.

L-Artikolu 13

1. Fejn il-proċedura definita f’dan l-Artikolu għandha tiġi implimentata, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti ta’ l-Oġġetti ta’ l-Ikel, minn issa ’l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat".

2. Kwistjonijiet għandhom jiġu riferiti lill-Kumitat mill-President jew fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta’ xi Stat Membru.

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f’limitu taż-żmien li jista’ jistabilixxi l-President skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tiġi mogħtija bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet illi l-Kunsill ikun meħtieġ illi jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom jiġu peżati bil-mod stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

4. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jekk dawn ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

(b) Jekk il-miżuri previsti ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tiġi mogħtija, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta li għandha x’taqsam mal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata.

Jekk, mat-temma tal-perjodu taż-żmien ta’ tliet xhur mid-data tar-riferiment lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 14

1. Mhux aktar tard minn ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimetazzjoni ta’ dan ir-Regolament akkumpanjat, fejn xieraq, b’kull proposta xierqa.

2. Minkejja l-eżami mill-ġdid stipulat fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-impatt tiegħu fuq is-saħħa, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-tagħrif lill-konsumatur u l-funzjonament tas-suq intern u, jekk meħtieġ, għandha tressaq proposti fl-iktar data kmieni possibbli.

L-Artikolu 15

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ 90 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-27 ta’ Jannar 1997.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. M. Gil-Robles

Għall-Kunsill

Il-President

G. Zalm

[1] ĠU C 190, tad-29.7.1992, p. 3 u ĠU C 16, tad-19.1.1994, p. 10

[2] ĠU C 108, tad-19.4.1993, p. 8.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Ottubru 1993 (ĠU C 315, tat-22.11.1993, p. 139). Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 1995 (ĠU C 320, tat-30.11.1995 p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 1996 (ĠU C 96, ta’ l-1.4.1996, p. 26). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Jannar 1997.

[4] ĠU L 225, tat-12.10.1970, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/654/KEE (ĠU L 353, tas-17.12.1990, p. 48.

[5] ĠU L 225, tat-12.10.1970, p. 7. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/654/KEE (ĠU L 353, tas-17.12.1990, p. 48.

[6] ĠU L 117, tat-8.5.1990, p. 15. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 94/15/KE (ĠU L 103, tat-22.4.1994, p. 20).

[7] ĠU L 136, ta’ l-20.5.1974, p. 1.

[8] ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 23. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 93/99/KEE (ĠU L 290, ta’ l-24.11.1993, p. 14).

[9] ĠU L 290, ta’ l-24.11.1993, p. 14.

[10] ĠU L 291, tad-19.11.1969, p. 9.

[11] ĠU C 102, ta’ l-4.4.1996, p. 1.

[12] ĠU L 40, tal-11.2.1989, p. 27. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 94/34/KE (ĠU L 237, ta’ l-10.9.1994, p. 1.

[13] ĠU L 184, tal-15.7.1988, p. 61. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/71/KEE (ĠU L 42, tal-15.2.1991, p. 25.

[14] ĠU L 157, ta’ l-24.6.1988, p. 28. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/115/KEE (ĠU L 409, tal-31.12.1992, p. 31.

--------------------------------------------------

Top