EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31989L0107

Id-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrigwardaw l-addittivi ma’ l-ikel awtorizzati għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem

ĠU L 40, 11.2.1989, p. 27–33 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/01/2010; Imħassar b' 32008R1333

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1989/107/oj

31989L0107



Official Journal L 040 , 11/02/1989 P. 0027 - 0033
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 17 P. 0200
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 17 P. 0200


Id-Direttiva tal-Kunsill

tal-21 ta’ Diċembru 1988

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrigwardaw l-addittivi ma’ l-ikel awtorizzati għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem

(89/107/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod speċjali l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni;

B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku [2];

Billi d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar l-addittivi ma’ l-ikel u l-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom ifixklu l-moviment liberu ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel; billi dawn jistgħu joħolqu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni inġusta li taffettwa direttament il-mod kif jiġi stabbilit jew il-mod kif jiffunzjona s-suq komuni;

Billi l-approssimazzjoni ta’ dawn il-liġijiet hija għalhekk meħtieġa;

Billi dawn il-ħtiġiet għandhom jiġu inklużi f’direttiva komprensiva, meta meħtieġa mfassla fi stadji;

Billi t-tfassil tal-listi tal-kategoriji ta’ l-addittivi ma’ l-ikel li għandhom jiġu koperti b’direttiva huwa materja li għandha tiġi deċiża mill-Kunsill huwa u jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 100a tat-Trattat;

Billi l-użu ta’ l-addittivi ma’ l-ikel li jappartjienu għal dawn il-kategoriji għandhom jiġu awtorizzati biss fuq il-bażi tal-kriterji xjentifiċi u teknoloġiċi miftiehma stabbiliti mill-Kunsill;

Billi fit-tfassil tal-listi ta’ l-addittivi u tal-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 74/234/KEE [3], għandu jiġi kkonsultat qabel ma jiġu adottati d-dispożizzjonijiet li x’aktarx jaffettwaw is-saħħa pubblika;

Billi għandu jkun possibbli li tiġi adottata l-lista ta’ l-addittivi awtorizzati skond l-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi; billi f’dan il-każ, jista’ jkun approprjat ukoll li jkun hemm, b’żieda mar-regoli tal-proċedura stabbiliti bit-Trattat, sistema li tippermetti lill-Istati Membri li jikkontribwixxu, permezz ta’ l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali temporanji, li jfittxu soluzzjoni Komunitarja;

Billi l-mod kif jiġu stabbiliti l-kriterji tal-purità għal dawn l-addittivi ma’ l-ikel u t-tfassil tal-metodi ta’ l-analiżi u ta’ kif jittieħdu l-kampjuni huma materji tekniċi li għandhom jiġu fdati f’idejn il-Kummissjoni;

Billi d-dispożizzjonijiet eżistenti Komunitarji dwar il-kuluranti, il-preservattivi, l-antiossidanti u l-emulsifikaturi, l-istabbilizzaturi, l-oġġetti li jgħaqqdu u l-aġenti li jagħtu l-ġel se jeħtieġu emendi fuq il-bażi ta’ din id-Direttiva;

Billi, fil-każijiet kollha fejn il-Kunsill jagħti l-poter lill-Kummissjoni sabiex timplimenta r-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ l-oġġetti ta’ l-ikel, għandha ssir dispożizzjoni għal proċedura li tistitjonalizza l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti dwar l-Oġġetti ta’ l-Ikel stabbilit bid-Deċiżjoni 69/414/KEE [4];

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-addittivi ma’ l-ikel li l-kategoriji varji tagħhom huma mogħtija fl-Anness I u li jintużaw jew maħsuba sabiex jintużaw bħala ingredjenti waqt il-fabbrikazzjoni jew it-tħejjija ta’ l-oġġett ta’ l-ikel u li jkunu għadhom preżenti fil-prodott finali, saħansitra jekk f’għamla mibdula, minn issa ‘l quddiem imsejħa "addittivi ma’ l-ikel".

2. Għall-għanijet ta’ din id-Direttiva "addittiv ma’ l-ikel" ifisser kull sustanza li normalment ma tkunx ikkunsmata bħala ikel fih nnifsu u ma tkunx normalment użata bħala ingredjent karatteristiku ta’ l-ikel sewwa jekk ikollha valur nutrijent u sewwa jekk le, li ż-żieda maħsuba tagħha ma’ l-ikel għal skop teknoloġiku fil-fabbrikazzjoni, tal-proċessar, tat-tħejjija, tat-trattament, tal-imballaġġ, tat-trasport jew tal-ħażna ta’ dan l-ikel jirriżulta, jew ikun mistenni b’mod raġjonevoli li jirriżulta, li hija huwa jew il-prodotti sekondarji tagħha jsiru direttament jew indirettament komponent ta’ dan l-ikel.

3. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal

(a) il-għajnuniet għall-ipproċessar [5]:

(b) is-sustanzi wżati għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-prodotti mill-pjanti skond ir-regoli Komunitarji li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa tal-pjanti;

(ċ) it-taħwir għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel, li jidħlu fil-għan tad-Direttiva tal-Kunsill 88/388/KEE [6]:

(d) is-sustanzi miżjuda ma’ l-oġġetti ta’ l-ikel bħala nutrijenti (per eżempju l-minerali, it-traċċi ta’ l-elementi jew il-vitamini).

Artikolu 2

1. Rigward kull kategorija ta’ addittiv ma’ l-ikel elenkata fl-Anness I li għaliha tfasslu listi skond l-Artikolu 3(8), dawk l-addittivi ma’ l-ikel inklużi f’dawn il-listi biss jistgħu jintużaw fil-fabbrikazzjoni jew fit-tħejjija ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel u skond il-kondizzjonijiet ta’ l-użu speċifikat fihom.

2. L-inklużjoni ta’ l-addittivi ma’ l-ikel f’waħda mill-kategoriji fl-Anness I għandha tkun fuq il-bażi tal-funzjoni prinċipali normalment assoċjata ma’ l-addittiv fil-kwistjoni fl-ikel imsemmi. Madankollu, l-allokazzjoni ta’ l-addittiv lil kategorija partikolari ma teskludix il-possibiltà illi l-addittiv jiġi awtorizzat għal funzjonijiet diversi

3. L-addittivi ma’ l-ikel għandhom jiġu inklużi f’lista fuq il-bażi tal-kriterji ġenerali deskritti fl-Anness II.

Artikolu 3

1. Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet partikolari rigward l-addittivi fil-kategoriji mogħtija fl-Anness I f’direttiva komprensiva, inklużi d-direttivi speċifiċi eżistenti dwar il-kategoriji partikolari ta’ addittivi. Din id-Direttiva tista’, madankollu, titfassal fi stadji.

2. Il-Kunsill għandu jadotta, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 100a tat-Trattat:

(a) lista ta’ l-addittivi li l-użu tagħhom huwa awtorizzat bl-esklużjoni ta’ l-oħrajn kollha;

(b) il-lista ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel li magħhom jistgħu jiġu miżjuda dawn l-addittivi, u, fejn approprjat, limitu fuq il-għan teknoloġiku dwar l-użu tagħhom;

(ċ) ir-regoli dwar l-addittivi wżati bħala sustanzi u solventi ġarrara, inklużi fejn meħtieġa l-kriterji tal-purità tagħhom.

3. Dawn li ġejjin għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11:

(a) il-kriterji tal-purità għall-addittivi fil-kwistjoni;

(b) fejn meħtieġa, il-metodi ta’ l-analiżi meħtieġa sabiex jivverifikaw illi jiġu sodisfatti l-kriterji tal-purità riferiti fil-(a);

(ċ) fejn meħtieġa, il-proċedura sabiex jittieħdu l-kampjuni u l-metodi għall-analiżi kwalitattiva u kwantitattiva ta’ l-addittivi ma’ l-ikel ġewwa u fuq jew l-oġġetti ta’ l-ikel;

(d) ir-regoli l-oħra meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2.

Artikolu 4

1. Meta Stat Membru, b’riżultat tat-tagħrif il-ġdid jew ta’ l-evalwazzjoni mill-ġdid tat-tagħrif eżistenti magħmulha minn mindu ġew adottati din id-Direttiva, jew id-direttiva komprensiva riferita fl-Artikolu 3, ikollu raġunijiet iddettaljati sabiex jikkunsidra li l-użu ta’ l-addittivi ma’ l-ikel, minkejja li jikkonforma ma’ din id-Direttiva jew kull lista mfassla skond l-Artikolu 3, jipperikola s-saħħa tal-bniedem, dan l-Istat Membru jista’ jissospendi jew jirrestrinġi temporanjament l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-kwistjoni fit-territorju tiegħu. Għandu jgħarraf minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’dan u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2. Il-Kummissjoni għandha teżamina r-raġunijiet mogħtija mill-Istat Membru riferit fil-Paragrafu 1 malajr kemm jista’ jkun fil-Kumitat Permanenti dwar l-Oġġetti ta’ l-Ikel, u mbagħad għandha tagħti l-opinjoni tagħha u tieħu l-miżuri approprjati.

3. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra illi l-emendi għal din id-Direttiva jew għad-Direttiva komprensiva riferita fl-Artikolu 3 huma meħtieġa sabiex isolvu d-diffikultajiet riferiti fil-paragrafu 1 u sabiex jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, għandha tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11, bil-ħsieb li tadotta dawn l-emendi; l-Istat Membru li jkun adotta miżuri ta’ salvagward jista’ f’din l-okkażjoni jżommhom sakemm l-emendi jidħlu fis-seħħ.

Artikolu 5

1. Sabiex jitqiesu l-iżviluppi xjentifiċi jew tekniċi li jkunu ġraw minn mindu tkun ġiet adottata lista skond l-Artikolu 3, Stat Membru jista’ jawtorizza b’mod proviżorju t-tqegħid fis-suq u l-użu ġewwa t-territorju tiegħu ta’ kull addittiv minn waħda mill-kategoriji elenkati fl-Anness I u m‘humiex inklużi fil-lista rilevanti sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet:

(a) l-awtorizzazzjoni għandha tiġi limitata għal perjodu massimu taż-żmien ta’ sentejn;

(b) l-Istat Membru għandu jiżgura illi l-oġġetti ta’ ikel li jkun fihom addittiv li jkun awtorizza hu stess jiġu sorveljati uffiċjalment;

(ċ) fl-awtorizzazzjoni l-Istat Membru jista’ jeħtieġ illi l-oġġetti ta’ l-ikel iffabbrikati bl-addittiv fil-kwistjoni għandhom iġorru indikazzjoni speċjali.

2. L-Istat Membru għandu jikkomunika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bit-test ta’ kull deċiżjoni dwar awtorizzazzjoni adottata skond il-paragrafu 1, fi żmien xahrejn mid-data li fiha d-deċiżjoni tkun daħlet fis-seħħ.

3. Qabel ma jiskadi l-perjodu taż-żmien ta’ sentejn stabbilit fil-paragrafu 1(a) l-Istat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni li tinkludi fil-lista adottata skond l-Artikolu 3 l-addittiv li kien bla ħsara għall-awtorizzazzjoni nazzjonali skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Fl-istess waqt, l-Istat Membru għandu jipprovdi xhieda illi, fil-fehma tiegħu, tappoġġja din l-inklużjoni u għandu jindika kif għandu jintuża’ l-addittiv. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra illi din it-talba hija ġġustifikata, għandha tħaddem il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 100a tat-Trattat sabiex temenda l-lista adottata skond l-Artikolu 3. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq proposta mressqa mill-Kummissjoni, fi żmien 18-il xahar mid-data li fiha l-każ ikun ġie referit lilu.

4. Jekk, fil-perjodu taż-żmien ta’ sentejn stabbilit fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni ma tissottomettix proposta skond il-paragrafu 3, jew jekk il-Kunsill ma jaġixxix fil-perjodu taż-żmien ta’ 18-il xahar stabbilit fil-paragrafu 3, l-awtorizzazzjoni nazzjonali għandha tiġi mħassra. Fl-istess waqt, kull awtorizzazzjoni konċessa minn Stat Membru ieħor għall-istess addittiv għandha tiġi mħassra.

5. L-ebda awtorizzazzjoni ġdida għall-istess addittiv ma tista’ tiġi konċessa għajr jekk l-iżvilupp xjentifiku jew tekniku magħmul minn mindu jkun sar it-tħassir ipprovvdut fil-paragrafu 4 jiġġustifka dan.

Artikolu 6

Id-dispożizzjonijiet li jista’ jkollhom effett fuq is-saħħa pubblika għandhom jiġu adottati biss wara konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku ta’ l-Ikel.

Artikolu 7

1. L-addittivi ma’ l-ikel li ma jkunux għall-bejgħ lill-aħħar konsumatur jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk l-ippakkeġġjar jew il-kontenituri tagħhom iġorru t-tagħrif li ġej, li għandu ikun jidher sewwa, jinqara b’mod ċar u ma jitħassarx:

(a) - għall-addittivi ma’ l-ikel mibjugħa waħda waħda jew imħallta flimkien, għal kull addittiv, l-isem stabbilit minn kull dispożizzjoni Komunitarja li tapplika u n-numru tiegħu tal-KEE jew, fin-nuqqas ta’ dawn il-dispożizzjonijiet, id-deskrizzjoni ta’ l-addittiv li tkun preċiża biżżejjed sabiex tgħinu jingħaraf mill-addittivi li jista’ jiġi konfuż magħhom, fl-ordni dixxendenti skond il-proporzjon tal-piż fit-total,

- meta s-sustanzi jew il-materjali l-oħra jew l-ingredjenti ta’ l-ikel li jiffaċilitaw il-ħażna, il-bejgħ, l-istandardizzazzjoni, id-dilwit jew il-ħall f’addittiv ma’ l-ikel jew f’addittivi ma’ l-ikel jiġu inkorporati fl-addittivi, l-isem ta’ l-addittiv skond l-ewwel inċiż u indikazzjoni għal kull komponent fl-ordni dixxendenti skond il-proporzjon tal-piż fit-total;

(b) - jew id-dikjarazzjoni "għall-użu fl-ikel",

- jew id-dikjarazzjonii "użu ristrett fl-ikel",

- jew referenza aktar speċifika għall-użu maħsub tagħha fl-ikel;

(ċ) jekk meħtieġ, il-kundizzjonijiet speċjali tal-ħażna u ta’ l-użu;

(d) l-istruzzjonijiet dwar l-użu, jekk il-Kummissjoni teskludi l-użu xieraq ta’ l-addittiv;

(e) marka li tidentifika l-lott;

(f) l-isem jew l-isem tan-negozju u l-indirizz tal-fabbrikant jew tal-pakkjatur, jew ta’ bejjiegħ stabbilit fil-Komunità;

(g) indikazzjoni tal-perċentwal ta’ kull komponent li jkun bla ħsara għal-limitazzjoni kwantitattiva f’ikel jew tagħrif adegwat dwar il-kompożizzjoni sabiex jgħin lix-xerrej jikkonforma ma’ kull dispożizzjoni Komunitarja, jew fin-nuqqas tagħha d-dispożizzjonijiet nazzjonali, li japplikaw għall-ikel. Fejn l-istess limitazzjoni kwantitattiva tapplika għal grupp ta’ komponenti wżati bil-waħda jew f’taħlita, il-perċentwal ikkmbinat jista’ jingħata bħala ċifra waħda;

(h) il-kwantità netta;

(i) kull tagħrif ieħor ipprovvdut fid-Direttiva riferita fl-Artikolu 3.

2. Bħala deroga mill-paragrafu 1, it-tagħrif meħtieġ fit-tieni inċiż tal-punt (a), u l-punti (d) sa (g), jista’ tidher sempliċement fuq id-dokumenti li jkollhom x’jaqsmu mal-kunsinna li għandhom jiġu forniti jew mal-kunsinna jew qabilha, sakemm l-indikazzjoni "maħsub għall-fabbrikazzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel u mhux għall-bejgħ bl-imnut" tidher f’parti prominenti.

Artikolu 8

L-addittivi ma’ l-ikel mhumiex maħsuba għall-bejgħ lill-aħħar konsumatur jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk l-imballaġġ jew il-kontenituri tagħhom iġorru t-tagħrif li ġej, li għandu ikun prominenti, jinqara b’mod ċar u ma jitħassarx:

(a) l-isem li bih jinbigħ il-prodott. Dan l-isem għandu jkun ikkostitwit mill-isem stabbilit b’kull dispożizzjoni Komunitarja li tapplika għall-prodott fil-kwistjoni flimkien man-numru tiegħu tal-KEE jew, fin-nuqqas ta’ dawk il-dispożizzjonijiet, b’deskrizzjoni tal-prodott li hija preċiża biżżejjed sabiex ikun jista’ jingħaraf mill-prodotti li jista’ jiġi konfuż magħhom:

(b) it-tagħrif meħtieġ skond l-Artikolu 7(1)(a) sa (f), u (h):

(ċ) id-data ta’ kemm l-inqas iservi fit-tifsira ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE [7];

(d) kull tagħrif ieħor ipprovvdut fid-direttiva komprensiva riferita fl-Artikolu 3.

Artikolu 9

L-Artikoli 7 u 8 m’għandhomx jaffettwaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi iktar iddettaljati jew iżjed estensivi rigward il-piż u l-kejl, jew li japplikaw għall-preżentazzjoni, il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar tas-sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi jew it-trasport ta’ dawn is-sustanzi

Artikolu 10

L-Istati Membri għandhom iżommu lura milli jistabbilixxu ħtiġiet iktar iddettaljati minn dawk li jinsabu fl-Artikoli 7 u 8 li jirrigwardaw il-mod li bih għandhom jiġu murija d-dettalji mogħtija fiha.

Il-partikolaritajiet ipprovvduti fl-Artikoli 7 u 8 għandhom jidhru f’ilsien li jinftiehem bla xkiel mix-xerrejja għajr jekk ikunu ġew mittieħda miżuri oħra sabiex jiżguraw illi x-xerrej ikun imgħarraf. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tipprevjeni milli dawn il-partikolaritajiet jiġu indikati f’ilsna varji.

Artikolu 11

1. Meta għandha tiġi segwita l-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu, il-President għandu jirreferi l-materja lill-Kumitat Permanenti dwar l-Oġġetti ta’ l-Ikel jew fuq inizjattiva tiegħu nnifsu jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f’limitu taż-żmien li l-President jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza kwalifikata stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-President ma għandux jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba meta dawn ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat;

(b) meta l-miżuri maħsuba ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, jew fin-nuqqas ta’ opinjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti minnufih lill-Kunsill proposta li jkollha x’taqsam mal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata.

Jekk, wara li jiskadu tliet xhur mid-data li fiha l-materja tkun ġiet referita lilu, il-Kunsill ma jkunx ħa l-ebda miżura, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti.

Artikolu 12

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-addittivi ma’ l-ikel li jappartjienu għall-kategoriji ddefiniti fl-Anness I jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk jikkonformaw mad-definizzjonijiet u r-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva u fl-Annessi ta’ magħha.

2. L-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jostakolaw it-tqegħid fis-suq ta’ l-addittivi ma’ l-ikel, l-ikel jew l-ingredjenti ta’ l-ikel għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-addittivi ma’ l-ikel, jekk dawn jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, id-direttivi speċifiċi eżistenti u d-direttiva kompensiva riferita fl-Artikolu 3

3. Il-paragrafu 2 m‘għandux jaffettwa d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jgħoddu fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet korrispondenti fid-direttiva komprensiva riferita fl-Artikolu 3.

Artikolu 13

Għandhom jiġu adottati miżuri sabiex iġibu d-direttivi Komunitarji eżistenti f’linja ma’ din id-Direttiva skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11.

Artikolu 14

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien 18-il xahar min-notifika tagħha. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih. Il-miżuri meħuda għandhom:

- jawtorizzaw, wara sentejn min-notifika ta’ din id-Direttiva t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ l-addittivi ma’ l-ikel li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva;

- jipprojbixxu, mhux aktar tard minn tliet snin wara n-notifika [8] ta’ din id-Direttiva, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ l-addittivi ma’ l-ikel li ma jaqblux ma’ din id-Direttiva.

2. Il-paragrafu 1 m‘għandux jaffetwa d-dispożizzjonijiet Komunitarji jew dawk nazzjonali li, fin-nuqqas tad-direttivi komprensivi riferiti fl-Artikolu 3, japplikaw għal ċerti gruppi ta’ addittivi ma’ l-ikel jew jispeċifikaw l-oġġetti ta’ l-ikel li ġewwa fihom jew fuqhom jistgħu jintużaw l-addittivi ma’ l-ikel li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 15

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-21 ta’ Diċembru 1988.

Għall-Kunsill

Il-President

V. Papandreou

[1] ĠU C 99, tat-13.4.1987, p. 65, u ĠU C 12, tas-16.1.1989.

[2] ĠU C 328, tat-22.12.1986, p. 5.

[3] ĠU L 136, tal-20.5.1974, p. 1.

[4] ĠU L 291, tad-19.11.1969, p. 9.

[5] Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-"għajnuna għall-proċessar" tfisser kull sustanza mhux ikkunsmata bħala ingredjent ta’ l-ikel għalih innifsu, użata apposta fil-proċessar tal-materji prima, l-ikel jew l-ingredjenti tagħhom, biex twettaq ċertu għan teknoloġiku matul it-trattament jew il-proċessar u li tista’ tirriżulta fil-preżenza mhux intenzjonata iżda li teknikament ma tistax tiġi evitata tal-fdalijiet tas-sustanzi jew tad-derivati tagħha fil-prodott finali, sakemm dawn il-fdalijiet ma jippreżentaw l-ebda riskju għas-saħħa u ma jkollhom l-ebda effett teknoloġiku fuq il-prodott imlesti.

[6] ĠU L 184, tal-15.7.1988, p.61.

[7] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 1

[8] Din id-Direttiva ġiet innotifikata lill-Istati Membri fit-28 ta’ Diċembru 1988.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Il-Kategoriji ta’ addittivi ma’ l-ikel

Kulur

Priservattiv

Anti-ossidant

Emulsifikatur

Melħ li jemulsifika

Għaqqad

Aġent tal-ġel

Stabbilizzatur [1]

Sustanza li ttejjeb it-togħma

Aċidu

Regolatur ta’ l-aċidità [2]

Aġent ta’ kontra t-tgħaqqid

Lamtu mmodifikat

Sustanza li tagħti l-ħlewwa

Aġent li jgħolli

Aġent kontra r-ragħwa

Aġent li jiżmalta [3]

Aġent tat-trattament tad-dqiq

Aġent li jissoda

Umettant

Sekwestrant [4]

Enzima [5] [6]

Aġent li jagħti l-massa

Il-gass propellanti u l-gass għall-imballaġġ

[1] Din il-kategorija fiha wkoll l-istabbilizzaturi tar-ragħwa.

[2] Dawn jistgħu jaġixxu bħala regolaturi miż-żewġ naħat ta’ l-aċidu.

[3] Dawn is-sustanzi jinkludu l-lubrikanti.

[4] L-inklużjoni ta’ dawn it-termini f’din il-lista hija mingħajr preġudizzju għal kull deċiżjoni jew semmija fil-futur fit-tikkettjar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għall-aħħar konsumatur.

[5] L-inklużjoni ta’ dawn it-termini f’din il-lista hija mingħajr preġudizzju għal kull deċiżjoni jew semmija fil-futur fit-tikkettjar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għall-aħħar konsumatur.

[6] Dawk li huma wżati biss bħala addittivi

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Il-kriterji ġenerali dwar l-użu ta’ l-addittivi ma’ l-ikel

1. L-addittivi ma’ l-ikel jistgħu jiġu approvati biss jekk:

- jistgħu jintwerew bħala ħtieġa teknoloġika raġjonevoli u li l-għan ma jistax jikiseb b’mezzi oħra li huma prattikabbli ekonomikament u teknoloġikament,

- ma jippreżentaw l-ebda riskju għas-saħħa tal-konsumatur fil-livell ta’ l-użu propost, safejn u sakemm jistgħu jiġu ġġudikati fuq ix-xhieda xjentifika disponibbli,

- ma jingannawx lill-konsumatur.

2. L-użu ta’ l-addittivi ma’ l-ikel jista’ jitqies biss meta jkun hemm xhieda illi l-użu propost ta’ l-addittivi jista’ jkollu vantaġġi li jistgħu jintwerew ta’ benefiċċju għall-konsumatur, fi kliem ieħor jeħtieġ li jiġi stabbilit il-każ li għalih huwa b’mod komuni magħruf bħala "ħtieġa". L-użu ta’ l-addittivi ma’ l-ikel għandu jservi wieħed jew aktar mill-għanjiet iddikjarati fil-punti (a) sa (d) u biss fejn dawn il-għanijiet ma jistgħux jinkisbu b’mezzi oħra li huma ekonomikament u teknoloġikament prattikabbli u li ma jippreżentaw l-eda riskju għas-saħħa tal-konsumatur:

(a) biex tiġi ppriservata l-kwalità nutrijenti ta’ l-ikel: tnaqqis maħsub fil-kwalità nutrijenti ta’ l-ikel ikun iġġustifikat biss fejn l-ikel ma jikkostitwixxix parti sinifikanti mid-dieta normali jew fejn l-addittiv huwa meħtieġ għall-produzzjoni ta’ l-ikel għal gruppi ta’ konsumaturi li għandhom ħtiġiet speċjali tad-dieta;

(b) biex jipprovdi l-ingredjenti meħtieġa jew il-kostitwenti għall-ikel iffabbrikati għal gruppi ta’ konsumaturi li jkollhom ħtiġiet speċjali tad-dieta;

(ċ) sabiex itejjeb il-kwalità ta’ kemm iservi jew ta’ l-istabbiltà ta’ l-ikel jew biex itejbu l-proprjetajiet organolettiċi, sakemm dan ma jbiddilx b’daqshekk in-natura, is-sustanza jew il-kwalità ta’ l-ikel hekk li jqarraq lill-konsumatur;

(d) sabiex jipprovdi għajnuniet fil-fabbrikazzjoni, fil-proċessar, fit-tħejjija, fit-trattament, fil-imballaġġ, fit-trasport jew fil-ħażna ta’ l-ikel, sakemm l-addittiv ma jintużax sabiex jaħbi l-effetti ta’ l-użu tal-materji prima li jkollhom ħsara jew tal-prattiċi jew tat-tekniki mixtieqa (inklużi dawk mhux iġjeniċi) matul il-kors ta’ kull waħda minn dawn l-attivitajiet.

3. Sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ ħsara ta’ addittiv ma’ l-ikel jew tad-derivati tiegħu, għandu jiġi soġġett għat-testijiet u l-evalwazzjoni tossoloġiċi approprjati. L-evalwazzjoni għandha tqis ukoll, per eżempju, kull effett kumulattiv, sinerġistiku jew li tagħti l-potenzjal ta’ l-użu tiegħu u tal-fenomena ta’ l-intolleranza tal-bniedem għal sustanzi barranin għall-ġisem.

4. L-addittivi kollha ma’ l-ikel għandhom jinżammu taħt osservazzjoni kontinwa u għandhom jiġu evalwati mill-ġdid meta meħtieġ fid-dawl tal-kondizzjonijiet dejjem jinbidlu ta’ l-użu u tat-tagħrif xjentifiku ġdid.

5. L-addittivi ma’ l-ikel għandhom l-ħin kollu jikkonformaw mal-kriterji approvati tal-purità.

6. L-approvazzjoni għall-addittivi ma’ l-ikel għandha:

(a) tispeċifika l-oġġetti ta’ l-ikel li magħhom jistgħu jiżdiedu dawn l-addittivi u l-kundizzjonijiet li fuqhom jistgħu jiġu miżjuda;

(b) tkun limitata għall-inqas livell ta’ l-użu meħtieġ sabiex jinkiseb l-effett mixtieq;

(ċ) tqis kull teħid ta’ ikel aċċettat ta’ kuljum, jew l-evalwazzjoni ekwivalenti, stabbiliti għall-addittiv ma’ l-ikel u t-teħid probabbli ta’ l-ikel tiegħu ta’ kuljum mis-sorsi kollha. Fejn l-addittiv ma’ l-ikel għandu jintuża’ f’ikel li jittiekel minn gruppi speċjali ta’ konsumaturi, għandu jiġi meqjus l-ammont probabbli ta’ l-addittiv ma’ l-ikel li jittiekel kuljum mill-konsumaturi f’dawn il-gruppi.

--------------------------------------------------

Top