EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02001D0497-20050401

Consolidated text: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2001 dwar klawżoli standard kontrattwali għat-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi, skond id-Direttiva 95/46/KE (innotifikata taħt id-dokument numru K(2001) 1539) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (2001/497/KE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2001/497/2005-04-01

2001D0497 — MT — 01.04.2005 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta' Ġunju 2001

dwar klawżoli standard kontrattwali għat-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi, skond id-Direttiva 95/46/KE

(innotifikata taħt id-dokument numru K(2001) 1539)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2001/497/KE)

(ĠU L 181, 4.7.2001, p.19)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tas-27 ta’ Diċembru 2004

  L 385

74

29.12.2004




▼B

ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta' Ġunju 2001

dwar klawżoli standard kontrattwali għat-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi, skond id-Direttiva 95/46/KE

(innotifikata taħt id-dokument numru K(2001) 1539)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2001/497/KE)



IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' din id-data ( 1 ), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(4) tagħha,

Billi:

(1)

Skond id-Direttiva 95/46/KE, l-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu li trasferiment ta' data personali lejn pajjiż terz jista’ jsir biss jekk il-pajjiż terz in kwistjoni jassigura li livell adegwat ta' protezzjoni ta' data u l-liġijiet ta' l-Istati Membri, li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva, huma rispettati qabel it-trasferiment.

(2)

Madankollu, l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE jipprovdi li Stati Membri jistgħu jawtorizzaw, sakemm hemm ċerti salvagwardji, trasferiment jew sett ta' trasferimenti ta' data personali lil pajjiżi terzi li ma jassigurawx livell adegwat ta' protezzjoni. Dawn is-salvagwardji jistgħu b'mod partikolari jirriżultaw minn klawżoli kontrattwali approprjati.

(3)

Skond id-Direttiva 95/46/KE, il-livell ta' protezzjoni tad-data għandu jiġi stmat fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha madwar l-operazzjoni tat-trasferiment tad-data jew sett ta' operazzjonijiet ta' trasferiment ta' data. Il-Kumitat tax-Xogħol dwar il-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali stabbilit taħt id-Direttiva ( 2 ) ħareġ linji gwida biex jgħin bl-istima ( 3 ).

(4)

l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE, li jipprovdi flessibiltà għal organizzazzjoni li tixtieq titrasferixxi data lil pajjiżi terzi, u l-Artikolu 26(4), li jipprovdi għal klawżoli kontrattwali standard, huma essenzjali biex jinżamm il-fluss neċessarju ta' data personali bejn il-Komunità u pajjiż terzi mingħajr piżijiet mhux neċessarji għal operaturi ekonomiċi. Dawk l-Artikoli huma partikolarment importanti in vista tal-fatt li l-Kummissjoni mhix probabbli li tadotta riżultati adegwati taħt l-Artikolu 25(6) għal iktar minn numru limitat ta' pajjiżi għal terminu qasir jew anke medju.

(5)

Il-klawżoli kontrattwali standard huma biss wieħed mid-diversi possibiltajiet taħt id-Direttiva 95/46/KE, flimkien ma’ l-Artikolu 25 u l-Artikolu 26(1) u (2), għat-trasferiment legali ta' data personali lejn pajjiż terz. Ikun iktar faċli għal organizzazzjonijiet li jittrasferixxu data personali lejn pajjiżi terzi billi jinkorporaw il-klawżoli kontrattwali standard f'kuntratt. Il-klawżoli kontrattwali standard jirrelataw biss għal protezzjoni tad-data. L-esportatur tad-data u l-importatur tad-data huma liberi li jinkludu kwalunkwe klawżoli oħra dwar kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, bħal klawżoli dwar l-assistenza reċiproka f'każijiet ta' tilwim ma suġġett tad-data jew awtorità ta' sorveljanza, li huma jikkunsidraw bħala pertinenti għall-kuntratt sakemm ma jikkontradixxux il-klawżoli kontrattwali standard.

(6)

Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-awtorizzazzjonijiet nazzjonali l-Istati Membri jistgħu jagħtu skond id-disposizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE. Iċ-ċirkostanzi ta' trasferimenti speċifiċi jistgħu jeħtieġu li kontrolluri tad-data jipprovdu salvagwardji differenti fis-sens ta' l-Artikolu 26(2). Fi kwalunkwe każ, din id-Deċiżjoni għandha biss l-effett li teħtieġ l-Istati Membri ma jirrifjutawx li jirrikonoxxu bħala li jipprovdu salvagwardji adegwati l-klawżoli kontrattwali deskritti fiha u għalhekk ma għandha ebda effett fuq klawżoli kontrattwali oħra.

(7)

Il-qasam ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni huwa limitat biex jiġi stabbilit li l-klawżoli fl-Anness jistgħu jintużaw minn kontrollur stabbilit fil-Komunità sabiex jiġu prodotti salvagwardji suffiċjenti fis-sens ta' l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE. It-trasferiment ta' data personali lejn pajjiżi terzi huwa operazzjoni ta' pproċessar fi Stat Membru, li l-legalità tiegħu hija soġġetta għal liġi nazzjonali. L-awtoritajiet ta' sorveljanza ta' protezzjoni tad-data ta' l-Istati Membri, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet u l-poteri tagħhom taħt l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE, għandhom jibqgħu kompetenti sabiex jistmgħu jekk l-esportatur tad-data ikunx ikkonforma mal-leġislazzjoni nazzjonali li timplimenta d-disposizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE u, b'mod partikolari, kwalunkwe regoli speċifiċi fir-rigward ta' l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni taħt dik id-Direttiva.

(8)

Din id-Deċiżjoni ma tkoprix it-trasferiment ta' data personali minn kontrolluri stabbiliti fil-Komunità lil reċipjenti stabbiliti barra t-territorju tal-Komunità li jaġixxu biss bħala proċessuri. Dawk it-trasferimenti ma jeħtieġux l-istess salvagwardji minħabba li l-proċessur jaġixxi esklużivament għan-nom tal-kontrollur. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tindirizza dak it-tip ta' trasferiment f'deċiżjoni sussegwenti.

(9)

Huwa floku li tiġi stabbilita l-informazzjoni minima li l-partijiet għandhom jispeċifikaw fil-kuntratt li jittratta t-trasferiment. L-Istati Membri għandhom iżommu s-setgħa li jiddettaljaw l-informazzjoni li l-partijiet huma meħtieġa li jipprovdu. L-operazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta fid-dawl tal-esperjenza.

(10)

Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll fil-futur jekk klawżoli kontrattwali standard sottomessi minn organizzazzjonijiet kummerċjali jew partijiet oħra interessati joffrux salvagwardji adegwati skond id-Direttiva 95/46/KE.

(11)

Waqt li l-partijiet għandhom ikunu liberi li jiftiehmu dwar ir-regoli sostantivi ta' protezzjoni tad-data li għandu jikkonforma magħhom l-importatur tad-data, hemm ċerti prinċipji ta' protezzjoni tad-data li għandhom japplikaw fi kwalunkwe każ.

(12)

Id-Data għandha tiġi pproċessata u sussegwentement użata jew ikkomunikata b'mod ulterjuri għal skopijiet speċifiċi u m'għandhiex tinżamm iktar milli neċessarju.

(13)

Skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46/KE, is-suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt ta' aċċess għad-data kollha li tirrelata għalih u kif approprjata għal rettifika, tħassir jew imblukkar ta' ċerta data.

(14)

Trasferimenti ulterjuri ta' data personali lil kontrollur ieħor stabbilit f'pajjiż terz għandhom jitħallew biss soġġett għal ċerti kondizzjonijiet, b'mod partikolari sabiex jiġi assigurat li suġġetti tad-data jingħataw informazzjoni siewja u għandhom l-opportunità li joġġezzjonaw, jew f'ċerti każijiet li jżommu l-kunsens tagħhom.

(15)

Barra minn stima ta' jekk it-trasferimenti lejn pajjżi terzi huma skond il-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet ta' sorveljanza għandhom jiżvolġu rwol ewlieni f'dan il-mekkaniżmu kontrattwali f'li jassiguraw li data personali hija protetta b'mod adegwat wara t-trasferiment. F'ċirkostanzi speċifiċi, l-awtoritajiet ta' sorveljanza ta' l-Istati Membri għandhom iżommu s-setgħa li jipprojbixxu jew jissospendu trasferiment tad-data jew sett ta' trasferimenti bbażati fuq il-klawżoli kontrattwali standard f’dawk il-każijiet eċċezzjonali meta huwa stabbilit li trasferiment fuq bażi kontrattwali x aktarx ikollu effett sostanzjali kuntrarju fuq il-garanziji li jipprovdu protezzjoni adegwata għas-suġġett tad-data.

(16)

Il-klawżoli kontrattwali standard m'għandhomx ikunu applikabbli biss mill-organizzazzjonijiet li huma partijiet għall-kuntratt, imma wkoll mis-suġġetti tad-data, b'mod partikolari, meta s-suġġetti tad-data jsofru dannu bħala konsegwenza ta' ksur tal-kuntratt.

(17)

Il-liġi applikabbli tal-kuntratt għandha tkun il-liġi ta' l-Istat Membru li fih l-esportatur tad-data huwa stabbilit, li tippermetti lil benefiċjarju ta' parti terza li japplika kuntratt. Suġġetti tad-data għandhom jitħallew ikunu rappreżentati minn assoċjazzjonijiet jew korpi oħra jekk jixtiequ u jekk awtorizzati bil-liġi nazzjonali.

(18)

Sabiex jitnaqqsu diffikultajiet prattiċi li suġġetti tad-data jistgħu jesperjenzaw meta jippruvaw japplikaw id-drittijiet tagħhom taħt il-klawżoli kontrattwali standard, l-esportatur tad-data u l-importatur tad-data għandhom ikunu responsabbli in solidum għal danni li jirriżultaw minn kwalunkwe vjolazzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet li huma koperti bil-klawżola benefiċjarja ta' parti terza.

(19)

Is-Suġġett tad-Data huwa intitolat jieħu azzjoni u jirċievi kumpens mill-Esportatur tad-Data, l-Importatur tad-Data jew mit-tnejn għal kwalunkwe dannu li jirriżulta minn kwalunkwe att inkompatibbli ma’ l-obbligi li joħorġu mill-klawżoli kontrattwali standard. Iż-żewġ partijiet jistgħu ikunu eżentati minn dik ir-responsabbiltà jekk jippruvaw li ebda wieħed minnhom ma kien responsabbli.

(20)

Responsabbiltà in solidum ma testendix għal dawk id-dispożizzjonijiet mhux koperti mill-klawżola benefiċjarja ta' parti terza u ma teħtieġx li tħalli lil parti waħda tħallas għad-dannu li jirriżulta mill-ipproċessar illegali tal-parti l-oħra. Għalkemm obbligazzjoni reċiproka bejn il-partijiet mhijiex ħtieġa għall-adegwatezza tal-protezzjoni għas-suġġetti tad-data u tista’ għalhekk titħassar, hija inkluża fil-klawżoli kontrattwali standard għaċ-ċarezza u sabiex tiġi evitata l-ħtieġa li l-partijiet jinnegozjaw klawżoli ta' indennita individwalment.

(21)

Fil-każ ta' tilwim bejn il-partijiet u s-suġġett tad-data li ma jkunux riżolti amikevolment u meta s-suġġett tad-data jinvoka l-klawżola benefiċjarja ta' parti terza, il-partijiet jiftiehmu li jipprovdu s-suġġett tad-data bl-għażla bejn medjazzjoni, arbitraġġ jew litigazzjoni. Il-limitu li għalih is-suġġett tad-data ikollu għażla effettiva jiddependi fuq id-disponibiltà ta' sistemi li wieħed jista’ jorbot fuqhom u rikonoxxuti ta' medjazzjoni u arbitraġġ. Il-Medjazzjoni mill-awtoritajiet ta' sorveljanza ta' Stat Membru għanda tkun għażla meta jipprovdu dan is-servizz.

(22)

Il-Kumitat tax-Xogħol dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali stabbilita taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE ta opinjoni fuq il-livell ta' protezzjoni provdut taħt il-klawżoli kontrattwali standard annessi ma’ din id-Deċiżjoni, li ġew ikkunsidrati fil-preparazzjoni ta' din id-Deċiżjoni ( 4 ).

(23)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

Il-klawżoli kontrattwali standard stabbiliti fl-Anness huma kkunsidrati bħala li joffru salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fondamentali ta' individwi u fir-rigward ta' l-eżerċizzju tad-drittijiet korrispondenti kif meħtieġ bl-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 9/46/KE.

▼M1

Il-kontrolluri tad-data jistgħu jagħżlu wieħed mis-settijiet I jew II fl-Anness. Madankollu, ma jistgħux jemendaw il-klawżoli jew igħaqqdu klawżoli individwali jew is-settijiet.

▼B

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna biss l-adegwatezza ta' protezzjoni provduta mill-klawżoli kontrattwali standard għat-trasferiment ta' data personali stabbilita fl-Anness. Ma taffettwax l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali oħra li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE li jappartjenu għall-ipproċessar ta' data personali fl-Istati Membri.

Din id-Deċiżjoni m'għandhiex tapplika għat-trasferiment ta' data personali minn kontrolluri stabbiliti fil-Komunità lil reċipjenti stabbiliti barra t-territorju tal-Komunità li jaġixxu biss bħala proċessuri.

Artikolu 3

Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni:

(a) id-definizzjonijiet fid-Direttiva 95/46/KE għandhom japplikaw;

(b) “kategoriji speċjali ta' data” tfisser id-data msemmija fl-Artikolu 8 ta' dik id-Direttiva;

(ċ) “awtorità ta' sorveljanza” tfisser l-awtorità msemmija fl-Artikolu 28 ta' dik id-Direttiva;

(d) “esportatur tad-data” tfisser il-kontrollur li jittrasferixxi d-data personali;

(e) “importatur tad-data” tfisser il-kontrollur li jiftiehem li jirċievi mill-esportatur tad-data, data personali għall-ipproċessar ulterjuri skond il-kondizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.  Bla preġudizzju għas-setgħat tagħhom li jieħdu azzjoni sabiex jassiguraw konformità mad-disposizzjonjiet nazzjonali adottati skond il-kapitoli II, III, V u VI tad-Direttiva 95/46/KE, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw is-setgħat eżistenti tagħhom sabiex jipprojbixxu jew jissospendu flussi ta' data lejn pajjiżi terzi sabiex jipproteġu individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar tad-data personali tagħhom f'każijiet fejn:

(a) huwa stabbilit li l-liġi li għaliha huwa soġġett l-importatur tad-data timponi fuqu ħtiġiet għal deroga mir-regoli rilevanti ta' protezzjoni ta' data li jmorru lil hinn mir-restrizzjonijiet neċessarji f’soċjetà demokratika kif previst fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE meta dawk il-ħtiġiet x aktarx ikollhom effett kuntrarju fuq il-garanziji provduti mill-klawżoli kontrattwali standard; jew

(b) awtorità kompetenti tkun stabbiliet li l-importatur tad-data ma jkunx irrispetta l-klawżoli kontrattwali; jew

(ċ) hemm probabbiltà sostanzjali li l-klawżoli kontrattwali standard fl-Anness mhumiex jew ma jkunx hemm konformità magħhom u l-kontinwazzjoni tat-trasferiment kienet toħloq riskju imminenti ta' dannu gravi lis-suġġetti tad-data.

▼M1

2.  Għall-finijiet ta’ paragrafu 1, fejn il-kontrollur tad-data jressaq salvagwardji adegwati fuq il-bażi tal-klawżoli standard kontrattwali inklużi fis-set II fl-Anness, l-awtoritajiet kompetenti tal-protezzjoni tad-data huma intitolati li jeżerċitaw il-poteri eżistenti tagħhom sabiex jipprojbixxu jew jissospendu flussi ta’ data f’waħda mill-każijiet li ġejjin:

(a) ir-rifjut min-naħa ta’ l-importatur tad-data li jikkoopera f’bona fede ma’ l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, jew li jikkonforma ma’ l-obbligi ċari tagħhom skond il-kuntratt;

(b) ir-rifjut min-naħa ta’ l-esportatur tad-data li jieħu l-passi xierqa li jinforza l-kuntratt kontra l-importatur tad-data fil-perjodu normali ta’ xahar wara avviż mill-awtorità kompetenti tal-protezzjoni tad-data lill-esportatur tad-data.

Għall-finijiet ta’ l-ewwel sottoparagrafu r-rifjut in male fede jew ir-rifjut min-naħa ta’ l-importatur tad-data li jinforza l-kuntratt m’għandux jinkludi każijiet li fihom il-kooperazzjoni jew l-infurzar ikunu f’kunflitt ma’ rekwiżiti mandatorji tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-Importatur tad-Data li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ f’soċjetà demokratika fuq il-bażi ta’ wieħed mill-interessi elenkati fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE, b’mod partikolari sanzjonijiet kif stabbiliti fl-għodod internazzjonali u/jew nazzjonali, ir-rekwiżiti tar-rappurtar tat-taxxa jew ir-rekwiżiti tar-rappurtar kontra l-ħasil tal-flus.

Għall-finijiet tal-punt (a) ta’ l-ewwel sottoparagrafu il-kooperazzjoni tista’ tinkludi, b’mod partikolari, is-sottomissjoni tal-faċilitajiet ta’ l-ipproċessar tad-data ta’ l-importatur tad-data għall-verifika jew l-obbligu li josserva l-parir ta’ l-awtorità ta’ sorveljanza tal-protezzjoni tad-data fil-Komunità.

3.  Il-projbizzjoni jew is-sospensjoni skond il-paragrafi 1 u 2 għandhom jitneħħew malli r-raġunijiet għall-projbizzjoni jew is-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu aktar.

4.  Meta l-Istati Membri jadotta miżuri skond il-paragrafi 1, 2 u 3, huma għandhom, mingħajr dewmien, jgħarrfu lill-Kummissjoni li għandha tgħaddi l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

▼B

Artikolu 5

►M1  Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-mod kif taħdem din id-Deċiżjoni fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli tlett snin wara n-notifika tagħha u n-notifika ta’ kwalunkwe emenda għaliha lill-Istati Membri. ◄ Għandha tissottometti rapport dwar il-konklużjonijiet lill-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE. Għandha tinkludi kwalunkwe prova li tista’ teffettwa l-valutazzjoni li tikkonċerna l-adegwatezza tal-klawżoli kontrattwali standard fl-Anness u kwalunkwe prova li din id-Deċiżjoni qiegħda tiġi applikata b'mod diskriminatorju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mit-3 ta' Settembru 2001.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS

▼M1

SETT I

▼B

image

image

image

image




Appendiċi 1

Għall-klawżoli kuntrattwali standard

image

image




Appendiċi 2

Għall-klawżoli kontrattwali standard

Prinċipji obbligatorji ta' protezzjoni tad-data msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Klawżola 5(b)

Dawn il-prinċipji ta' protezzjoni tad-data għandhom jinqraw u jiġu interpretati fid-dawl tad-disposizzjonijiet (prinċipji u eċċezzjonijiet rilevanti) tad-Direttiva 95/46/KE.

Għandhom japplikaw suġġetti għall-ħtiġiet obbligatorji tal-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli għall-importatur tad-data li ma jmorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju f'soċjetà demokratika abbażi ta' wieħed mill-interessi elenkati fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE, jiġifieri, jekk jikkostitwixxu miżura neċessarja għas-salvagwardja tas-sigurtà, d-difiża, s-sigurtà pubblika, l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-intraċċar u l-prosekuzzjoni nazzjonali ta' offiżi kriminali jew ta' ksur ta' l-etika għall-professjonijiet regolati, interess ekonomiku jew finanzjarju importanti ta' l-Istat jew il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

1.  Limitazzjoni ta' l-iskop: id-data għandha tiġi pproċessata u sussegwentement użata jew ikkomunikata biss b'mod ulterjuri għall-għanijiet speċifiċi fl-Appendiċi I għall-Klawżoli. Id-Data m'għandhiex tinżamm għal iktar milli neċessarju għall-għanijiet li għalihom hija trasferita.

2.  Il-Kwalità u l-proporzjonalità tad-data: Id-Data għandha tkun eżatta u, meta neċessarju, aġġornata. Id-data għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva fir-rigward ta' l-għanijiet li għalihom hija trasferita u pproċessata b'mod ulterjuri.

3.  Trasparenza: is-suġġetti tad-data għandhom jiġu pprovduti bl-informazzjoni dwar l-għanijiet ta' l-ipproċessar u l-identità tal-kontrollur tad-data fil-pajjiż terz, u informazzjoni oħra sa fejn dan huwa neċessarju sabiex jiġi assigurat l-ipproċessar ġust, sakemm din l-informazzjoni tkun diġà ingħatat mill-esportatur tad-data.

4.  Is-Sigurtà u l-kunfidenzjalità: għandhom jittieħdu miżuri tekniċi u organizzazzjonali ta' sigurtà mill-kontrollur tad-data li huma approprjati għar-riskji, bħal aċċess mhux awtorizzat, ippreżentat mill-ipproċessar. Kwalunkwe persuna li taġixxi taħt l-awtorità tal-kontrollur tad-data, inkluż dak li jipproċessa, m'għandux jipproċessa d-data ħlief taħt struzzjonijiet mill-kontrollur.

5.  Id-drittijiet ta' aċċess, rettifika, tħassir u mblukkar ta' data: kif previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46/KE, is-suġġett tad-data għandu jkollu dritt ta' aċċess għad-data kollha li tirrelata għalih li hija pproċessata u, kif approprjat, id-dritt għar-rettifika, tħassir jew imblukkar ta' data li l-ipproċessar tagħha ma tikkonformax mal-prinċipji stabbiliti f'din l-Appendiċi, b'mod partikolari minħabba li d-data hija inkompleta jew ineżatta. Għandu jkun jista' joġġezzjona għall-ipproċessar tad-data li tirrelata għalih fuq bażijiet leġittimi obbligatorji li jirrelataw għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu.

6.  Restrizzjonijiet dwar trasferimenti onwards: trasferimenti ulterjuri ta' data personali mill-importatur tad-data lil kontrollur ieħor stabbilit f'pajjiż terz li ma jipprovdix protezzjoni adegwata jew mhux koperti b'deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE (trasferiment onward) jistgħu iseħħu biss jekk:

(a) suġġetti tad-data , fil-każ ta' kategoriji speċjali tad-data, jkunu taw il-kunsens mhux ambigwu tagħhom għat-trasferiment onward jew, f'każijiet oħra, jkunu ngħataw l-opportunità li joġġezzjonaw.

L-informazzjoni minima li għandha tiġi provduta lil suġġetti tad-data għandu jkun fiha, f'lingwa li tinftiehem minnhom:

 l-għanijiet tat-trasferiment onward,

 l-identifikazzjoni ta' l-esportatur tad-data stabbilit fil-Komunità,

 il-kategoriji ta' riċevitur ulterjuri tad-data u l-pajjiżi ta' destinazzjoni, u

 spjegazzjoni li, wara t-trasferiment onward, id-data tista' tiġi pproċessata minn kontrollur stabbilit f'pajjiż fejn ma hemmx livell adegwat ta' protezzjoni tal-privatezza ta' individwi; jew

(b) l-esportatur tad-data u l-importatur tad-data jiftiehmu li jaderixxu għall-Klawżoli ta' kontrollur ieħor li mbagħad isir parti għall-Klawżoli u jassumi l-istess obbligi bħall-importatur tad-data.

7.  Kategoriji speċjali ta' data: meta data li tikxef oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku jew sħubija ma' trade unions u data li tikkonċerna l-ħajja tas-saħħa jew sesswali u data li tirrelata għal offiżi, arresti kriminali jew miżuri ta' sigurtà hija pproċessata, salvagwardji addizzjonali għandhom jitqiegħdu fis-sens tad-Direttiva 95/46/KE, b'mod partikolari, miżuri approprjati ta' sigurtà bħal encryption bis-saħħa għat-trasmissjoni jew bħal reġistrazzjoni ta' aċċess għal data sensittiva.

8.  Marketing: meta data hija pproċessata għall-għanijiet ta' marketing, proċeduri effettivi għandhom ikunu eżistenti sabiex jippermettu lis-suġġett tad-data fi kwalunkwe ħin li jagħżel li jibqa' barra milli d-data tiegħu tintuża' għal dawn l-iskopijiet.

9.  Deċiżjonijiet individwali awtomati: suġġetti tad-data huma intitolati li ma jkunux soġġetti għal deċiżjoni li hija bbażata biss fuq ipproċessar awtomat tad-data, sakemm ma jittieħdux miżuri oħra għal salvagwardja ta' l-interessi leġittimi ta' l-individwu kif previst fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 95/46/KE. Meta l-għan tat-trasferiment huwa li tittieħed deċiżjoni awtomata kif imsemmi fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 95/46/KE, li tipproduċi effetti legali li jikkonċernaw l-individwu jew li teffettwah b'mod sinifikanti u li hija bbażata biss fuq l-ipproċessar awtomat ta' data maħsuba għall-valutazzjoni ta' ċerti aspetti personali li jirrelataw għalih, bħall-atteġġament tiegħu fuq ix-xogħol, il-kreditu, id-dipendibiltà, il-kondotta eċċ., l-individwu għandu jkollu dritt li jkun jaf ir-raġuni għal din id-deċiżjoni.




Appendiċi 3

Għall-klawżoli standard kontrattwali

Prinċipji obbligatorji ta' protezzjoni tad-data msemmija fit-tieni paragrafu tal-Klawżola 5(b)

1.  Limitazzjoni ta' l-għan: id-data għandha tigi pproċessata u sussegwentement użata jew ikkomunikata b'mod ulterjuri biss għall-għanijiet speċifiċi fl-Appendiċi I mal-Klawżoli. Id-Data m'għandhiex tinżamm għal iktar milli meħtieġ għall-għanijiet li għalihom hija trasferita.

2.  Drittijiet ta' aċċess, rettifika, tħassir u mblukkar ta' data: kif previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46/KE, is-suġġett tad-data għandu jkollu dritt ta' aċċess għad-data kollha li tirrelata għalih li hija pproċessata u, kif approprjat, id-dritt għar-rettifika, it-tħassir jew l-imblukkar ta' data li l-ipproċessar tagħha ma tikkonformax mal-prinċipji stabbiliti f'din l-Appendiċi, b’mod partikolari minħabba li d-data hija inkompleta jew ineżatta. Għandu wkoll ikun jista’ joġġezzjona għall-ipproċessar tad-data li tirrelata għalih fuq bażijiet leġittimi obbligatorji li jirrelataw għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu.

3.  Restrizzjonijiet dwar trasferimenti onward: trasferimenti ulterjuri ta' data personali mill-importatur tad-data lil kontrollur ieħor stabbilit f'pajjiż terz li ma jipprovdix protezzjoni adegwata jew mhux kopert minn deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE (trasferiment onward) jistgħu iseħħu biss jekk jew:

(a) suġġetti tad-data, fil-każ ta' kategoriji speċjali ta' data, taw il-kunsens mhux ambigwu tagħhom għat-trasferiment onward, jew, f'każijiet oħra, ingħataw l-opportunità li joġġezzjonaw.

L-informazzjoni minima li għandha tiġi pprovduta lil suġġetti tad-data għandu jkun fiha, f'lingwa li tinftiehem minnhom:

 l-għanijiet tat-trasferiment onward

 l-identifikazzjoni ta' l-esportatur tad-data stabbilit fil-Komunità,

 il-kategoriji ta' reċipjenti ulterjuri tad-data u l-pajjiżi ta' destinazzjoni, u

 spjegazzjoni li, wara t-trasferiment onward, id-data tista’ tiġi pproċessata minn kontrollur stabbilit f'pajjiż fejn ma hemmx livell adegwat ta' protezzjoni tal-privatezza ta' individwi; jew

(b) l-esportatur tad-data u l-importatur tad-data jiftiehmu li jaderixxu għall-Klawżoli ta' kontrollur ieħor li mbagħad isir parti għall-Klawżoli u jassumi l-istess obbligi bħall-importatur tad-data.

▼M1




SETT II

Klawżoli Standard Kontrattwali għat-Trasferiment tad-Data Personali mill-Komunità lill-Pajjiżi Terzi (trasferimenti minn kontrollur għal kontrollur)

Il-Ftehim tat-Trasferiment tad-Data

Bejn

_ (l-isem)

_ (l-indiriżż u l-pajjiż ta’ stabbiliment)

Minn hawn ‘il quddiem “L-Esportatur tad-Data”

u

_ (l-isem)

_ (l-indiriżż u l-pajjiż ta’ stabbiliment)

Minn hawn ‘il quddiem “L-Importatur tad-Data”

kull wieħed “Parti”, flimkien “il-Partijiet”

Id-definizzjonijiet

Għall-finijiet tal-Klawżoli:

(a) “id-data personali”, “il-kategoriji speċjali ta’ data/data sensittiva”, “il-proċess/l-ipproċessar”, “il-kontrollur”, “il-proċessur”, “is-Suġġett tad-Data”, u “l-Awtorità ta’ Sorveljanza/l-Awtorità” għandhom l-istess tifsira bħal fid-Direttiva 95/46/KE ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 (fejn “l-Awtorità” għandha tfisser l-awtorità kompetenti tal-protezzjoni tad-data fit-territorju fejn huwa stabbilit l-esportatur tad-data);

(b) “l-Esportatur tad-Data” għandu jfisser il-kontrollur li jittrasferixxi d-Data Personali;

(c) “l-Importatur tad-Data” għandu jfisser il-Kontrollur li jaqbel li jirċievi, mill-Esportatur tad-Data, data personali li hija maħsuba għal aktar ipproċessar skond it-termini ta’ dawn il-Klawżoli u li m'huwiex soġġett għal sistema ta' pajjiż terz li tiżgura protezzjoni adegwata;

(d) “Klawżoli” għandhom ifissru dawn il-Klawżoli Kontrattwali, li huma dokument indipendenti li ma jinkorporax termini ta’ negozju kummerċjali stabbiliti mill-Partijiet taħt arranġamenti kummerċjali separati.

Id-dettalji tat-trasferiment (kif ukoll id-data personali koperta) huma speċifikati fl-Anness B, li jifforma parti integrali tal-Klawżoli.

I.   L-obbligi ta’ l-Esportatur tad-Data

L-Esportatur tad-Data jiggarantixxi u jobbliga ruħu li:

a) Id-Data Personali tkun inġabret, ġiet ipproċessata, u trasferita skond il-liġijiet applikabbli għall-Esportatur tad-Data.

b) Uża sforzi raġonevoli sabiex jiddetermina li l-Importatur tad-Data jkun jista’ jissodisfa l-obbligi legali tiegħu taħt dawn il-Klawżoli.

c) Se jipprovdi lill-Importatur tad-Data, meta dan jitlobhom, bil-kopji ta’ liġijiet rilevanti tal-protezzjoni tad-data jew referenzi għalihom (fejn rilevanti, u mingħajr ma jiġi inkuż il-parir legali) tal-pajjiż li fih l-Esportatur tad-Data jiġi stabbilit.

d) Iwieġeb għall-mistoqsijiet minn Suġġetti tad-Data u l-Awtorità dwar l-ipproċessar tad-Data Personali mill-Importatur tad-Data, sakemm il-Partijiet ikunu ftehmu li l-Importatur tad-Data se jwieġeb b’dan il-mod, f’liema każ l-Esportatur tad-Data xorta jwieġeb safejn raġonevolment possibbli u bl-informazzjoni raġonevolment disponibbli lilu jekk l-Importatur tad-Data ma jkunx lest jew ma jkunx jista’ jwieġeb. It-tweġibiet isiru fi żmien raġonevoli.

e) Jagħmel disponibbli, fuq talba, kopja tal-Klawżoli lis-Suġġetti tad-Data li huma parti terza benefiċjarji taħt il-Klawżola III, sakemm il-Klawżoli jinkludu informazzjoni kunfidenzjali, f’liema każ jista’ jneħħi din l-informazzjoni. Fejn titneħħa l-informazzjoni, l-Esportatur tad-Data għandu jgħarraf lis-Suġġetti tad-Data bil-miktub ir-raġuni għat-tneħħija ta’ din l-informazzjoni u tad-dritt tagħhom li jiġbdu l-attenzjoni ta’ l-Awtorità dwar dan. Madankollu, l-Esportatur tad-Data għandu josserva d-deċiżjoni ta’ l-Awtorità fir-rigward ta’ aċċess għat-test sħiħ tal-Klawżoli mis-Suġġetti tad-Data, sakemm is-Suġġetti tad-Data jkunu ftehmu li jirrispettaw il-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni kunfidenzjali li tkun tneħħiet. L-Esportatur tad-Data għandu jipprovdi wkoll kopja tal-Klawżoli lill-Awtorità fejn ikun meħtieġ.

II.   L-obbligi ta’ l-Importatur tad-Data

L-Importatur tad-Data jiggarantixxi u jobbliga ruħu li:

a) Ikollu fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jipproteġu d-Data Personali kontra il-qerda aċċidentali jew kontra l-liġi jew it-telfien, it-tibdil, l-iżvelar mhux awtorizzat jew l-aċċess aċċidentali, u li jipprovdu livell xieraq ta’ sigurtà għar-riskju rappreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data li trid tiġi protetta.

b) Ikollu fis-seħħ proċeduri sabiex kwalunkwe parti terza li huwa jawtorizza sabiex ikollha aċċess għad-Data Personali, inkluż proċessuri, jirrispettaw u jżommu l-kunfidenzjalità u s-sigurtà tad-Data Personali. Kwalunkwe persuna li taġixxi taħt l-awtorità ta’ l-Importatur tad-Data, inkluż proċessur tad-data, għandha tkun obbligata li tipproċessa d-Data Personali fuq struzzjonijiet mill-Importatur tad-Data biss. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal persuni awtorizzati jew meħtieġa bil-liġi jew b’xi regolament li jkollhom aċċess għad-Data Personali.

c) M’għandu l-ebda raġuni li jemmen, fil-mument li daħlu fis-seħħ dawn il-Klawżoli, fl-eżistenza ta’ kwalunkwe liġi lokali li jista’ jkollha effett sostanzjalment ħażin fuq il-garanziji provduti skond dawn il-Klawżoli, u li se jgħarraf lill-Esportatur tad-Data (li imbagħad jgħaddi din in-notifika lill-Awtorità fejn ikun meħtieġ) jekk isir konxju ta’ xi liġijiet bħal dawn.

d) Se jipproċessa d-Data Personali għall-finijiet deskritti fl-Anness B, u għandu l-Awtorità legali li jagħti l-garanziji u jissodisfa l-impenji stipulati f’dawn il-Klawżoli.

e) Se jidentifika lill-Esportatur tad-Data punt ta’ kuntatt fi ħdan l-organizzazzjoni tiegħu awtorizzat biex iwieġeb għal mistoqsijiet dwar l-ipproċessar tad-Data Personali, u se jikkoopera f’bona fede ma’ l-Esportatur tad-Data, is-Suġġett tad-Data u l-Awtorità dwar dawn il-mistoqsijiet kollha fi żmien raġonevoli. Fil-każ tax-xoljiment legali ta’ l-Esportatur tad-Data, jew jekk il-Partijiet jaqblu fuq dan, l-Importatur tad-Data jassumi r-responsabbiltà għall-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Klawżola I (e).

f) Fuq it-talba ta’ l-Esportatur tad-Data, se jipprovdi lill-Esportatur tad-Data bix-xhieda ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti sabiex jissodisfa r-responsabbiltajiet tiegħu taħt il-Klawżola III. (li jistgħu jinkludu l-kopertura ta’ l-assigurazzjoni).

g) Mat-talba raġonevoli ta’ l-Esportatur tad-Data, se jissottometti l-faċilitajiet ta’ l-ipproċessar tad-data tiegħu, il-fajls tad-data u d-dokumentazzjoni meħtieġa għall-ipproċessar biex jiġu riveduti, ivverifikati u/jew iċċertifikati mill-Esportatur tad-Data (jew kwalunkwe aġenti ta’ spezzjoni jew awdituri indipendenti jew imparzjali, li jintgħażlu mill-Esportatur tad-Data u li ma kienx hemm oġġezzjoni għalihom mill-Importatur tad-Data) biex tiġi żgurata konformità mal-garanziji u l-impenji f’dawn il-Klawżoli, b’avviż raġonevoli u matul ħinijiet regolari tan-negozju. It-talba se tkun suġġetta għal kull kunsens jew approvazzjoni neċessarja minn awtorità regolatorja jew ta’ sorveljanza fil-pajjiż ta’ l-Importatur tad-Data, fejn l-Importatur tad-Data se jipprova jikseb dan il-kunsens jew din l-approvazzjoni f’ħin f’waqtu.

h) Se jipproċessa d-Data Personali, fuq l-għażla tiegħu, skond:

(i) il-liġijiet tal-protezzjoni tad-data tal-pajjiż li fih huwa stabbilit l-Esportatur tad-Data; jew

(ii) id-Dispożizzjonijiet Rilevanti ( 5 ) ta’ kwalunkwe Deċiżjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE, fejn l-Importatur tad-Data jikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din l-awtorizzazzjoni jew Deċiżjoni u huwa bbażat f’pajjiż li għalih tappartjeni din l-awtorizzazzjoni jew id-Deċiżjoni, imma mhuwiex kopert minn din l-awtorizzazzjoni jew din id-Deċiżjoni għall-finijiet tat-trasferiment (i) tad-Data Personali ( 6 ); jew

(iii) il-prinċipji ta’ l-ipproċessar tad-data kif ġie stabbilit fl-Anness A.

L-Importatur tad-Data jindika l-għażla tiegħu:

L-inizjali ta’ l-Importatur tad-Data: _

i) Mhuwiex se jiżvela jew jittrasferixxi d-Data Personali lil Kontrollur tad-Data ta’ parti terza li jinsab barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) ħlief jekk ikun innotifika lill-Esportatur tad-Data dwar it-trasferiment u

i) il-Kontrollur tad-Data tal-parti terza jipproċessa d-Data Personali skond deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddetermina illi pajjiż terz jipprovdi protezzjoni adegwata, jew

ii) il-Kontrollur tad-Data tal-parti terza jsir firmatarju għal dawn il-Klawżoli jew ftehim ieħor dwar it-trasferiment tad-data approvat minn awtorità kompetenti fl-UE, jew

iii) is-Suġġetti tad-Data jkunu ngħataw l-opportunità li joġġezzjonaw, wara li jkunu ġew infurmati dwar il-finijiet tat-trasferiment, il-kategoriji tar-reċipjenti u l-fatt li l-pajjiżi lejn liema hija esportata d-Data jista’ jkollu standards differenti tal-protezzjoni tad-data, jew

iv) fir-rigward tat-trasferimenti ulterjuri ta’ data sensittiva, is-Suġġetti tad-Data taw il-kunsens mhux ambigwu tagħhom lit-trasferiment ulterjuri.

III.   Ir-responsabbiltà u d-Drittijiet tal-Pajjiżi Terzi

a) Kull Parti għandha tkun responsabbli lejn il-Parti l-oħra għad-danni li tikkaġuna permezz ta’ kwalunkwe ksur ta’ dawn il-Klawżoli. Ir-responsabbiltà bejn il-Partijiet hija llimitata għad-danni attwali soffruti. Danni punittivi (jiġifieri danni maħsuba sabiex parti tiġi kkastigata għall-kondotta offensiva tagħha) huma esklużi speċifikament. Kull Parti għandha tkun responsabbli lejn is-Suġġetti tad-Data għad-danni li tikkaġuna permezz ta’ kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-partijiet terzi taħt dawn il-Klawżoli. Dan ma jaffettwax ir-responsabbiltà ta’ l-Esportatur tad-Data taħt il-liġi tal-protezzjoni tad-data tiegħu.

b) Il-Partijiet jaqblu li s-Suġġett tad-Data għandu jkollu d-dritt li jinforza bħala parti terza benefiċjarja din il-Klawżola u l-Klawżoli I.(b), I.(d), I.(e), II.(a), II.(c), II.(d), II.(e), II.(h), II.(i), III.(a), V., VI.(d), u VII. kontra l-Importatur tad-Data jew l-Esportatur tad-Data, għall-ksur rispettiv tagħhom ta’ l-obbligi kontrattwali, fir-rigward tad-Data Personali tiegħu, u jaċċetta l-ġuriżdizzjoni għal dan il-għan fil-pajjiż ta’ l-istabbiliment ta’ l-Esportatur tad-Data. F’każijiet li jinvolvu allegazzjonijiet ta’ ksur mill-Importatur tad-Data, is-Suġġett tad-Data jrid l-ewwel jitlob lill-Esportatur tad-Data sabiex jieħu azzjoni xierqa sabiex jinforza d-drittijiet tiegħu kontra l-Importatur tad-Data; jekk l-Esportatur tad-Data ma jieħux din l-azzjoni fi żmien raġonevoli (li taħt ċirkostanzi normali jkun xahar), is-Suġġett tad-Data jista’ imbagħad jinforza d-drittijiet tiegħu direttament kontra l-Importatur tad-Data. Suġġett tad-Data huwa intitolat li jipproċedi direttament kontra Esportatur tad-Data li jkun naqas milli juża’ sforzi raġonevoli sabiex jiddetermina li l-Importatur tad-Data jista’ jissodisfa l-obbligi legali tiegħu taħt dawn il-klawżoli (l-Esportatur tad-Data għandu jkollu l-piż li jipprova li jkun għamel sforzi raġonevoli).

IV.   Il-Liġi Applikabbli għall-Klawżoli

Dawn il-Klawżoli għandhom jiġu rregolati mill-liġi tal-pajjiż li fih huwa stabbilit l-Esportatur tad-Data, bl-eċċezzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ipproċessar tad-Data Personali mill-Importatur tad-Data taħt il-Klawżola II.(h), li għandha tapplika biss jekk tintgħażel mill-Importatur tad-Data taħt dik il-Klawżola.

V.   Ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim mas-Suġġetti tad-Data jew ma’ l-Awtorità

a) Fil-każ ta’ tilwima jew talba mresssqa minn Suġġett tad-Data jew l-Awtorità dwar l-ipproċessar tad-Data Personali kontra Parti waħda jew iż-żewġ Partijiet, il-Partijiet se jinfurmaw lil xulxin dwar xi tilwim jew talbiet bħal dawn, u se jikkooperaw bil-ħsieb li isolvuhom amikevolment f’ħin f’waqtu.

b) Il-Partijiet jaqblu li jwieġbu għal kwalunkwe proċedura ta’ medjazzjoni ġeneralment disponibbli li ma torbotx mibdija minn Suġġett tad-Data jew mill-Awtorità. Jekk fil-fatt jipparteċipaw fil-proċeduri, il-Partijiet jistgħu jagħżlu li jagħmlu dan b’mod remot (bħal permezz tat-telefon jew mezzi oħra elettroniċi). Il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkunsidraw li jipparteċipaw fi kwalunkwe arbitraġġ, medjazzjoni, jew proċeduri oħra ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim żviluppati għal tilwim dwar il-protezzjoni tad-data.

c) Kull Parti għandha tikkonforma ruħha ma’ deċiżjoni ta’ qorti kompetenti tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment ta’ l-Esportatur tad-Data jew ta’ l-Awtorità li hija finali u inappellabbli.

VI.   It-Terminazzjoni

a) Fil-każ li l-Importatur tad-Data jikser l-obbligi tiegħu taħt dawn il-Klawżoli, l-Esportatur tad-Data jista’ jissospendi temporanjament it-trasferiment tad-Data Personali lill-Importatur tad-Data sakemm il-ksur ikun ġie rimedjat jew il-kuntratt ikun intemm.

b) Fil-każ li:

i) it-trasferiment tad-Data Personali lill-Importatur tad-Data jkun ġie sospiż termporanjament mill-Esportatur tad-Data għal aktar minn xahar skond il-paragrafu a);

ii) jekk l-Importatur tad-Data jikkonforma ma’ dawn il-Klawżoli ikun qiegħed jikser l-obbligi legali jew regolatorji tiegħu fil-pajjiż ta’ l-importazzjoni;

iii) l-Importatur tad-Data ikun qiegħed jikser b’mod sostanzjali jew persistenti kwalunkwe garanzija jew impenn mogħti lilu taħt dawn il-Klawżoli;

iv) deċiżjoni finali u inappellabbli ta’ qorti kompetenti tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment ta’ l-Esportatur tad-Data jew ta’ l-Awtorità tiddeċiedi li kien hemm ksur tal-Klawżoli mill-Importatur tad-Data jew l-Esportatur tad-Data; jew

v) tiġi ppreżentata petizzjoni għall-amministrazzjoni jew ix-xoljiment ta’ l-Importatur tad-Data, kemm fil-kapaċità personali kif ukoll fil-kapaċità kummerċjali tiegħu, fejn din il-petizzjoni ma tiġix imwarrba fil-perjodu applikabbli għal din iċ-ċaħda skond il-liġi applikabbli; issir ordni ta’ xoljiment; jinħatar riċevitur fuq kwalukwe wieħed mill-assi tiegħu; jinħatar trustee f’falliment, jekk l-Imporatur tad-Data jkun individwu; jibda arranġament soċjetarju volontarju; jew iseħħ kwalunkwe każ ekwivalenti fi kwalunkwe ġuriżdizzjoni

imbagħad l-Esportatur tad-Data, bla preġudizzju għal kwalunkwe dritt ieħor li jista’ jkollu kontra l-Importatur tad-Data, għandu jiġi ntitolat li jtemm dawn il-Klawżoli, f’liema każ l-Awtorità għandha tiġi infurmata fejn ikun meħtieġ. F’każijiet koperti minn i), ii) jew iv) hawn fuq l-Importatur tad-Data jista’ wkoll itemm dawn il-Klawżoli.

c) Kull waħda minn dawn il-Partijiet tista’ ttemm dawn il-Klawżoli jekk (i) kwalunkwe deċiżjoni pożittiva ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE (jew kwalunkwe test li jista’ jissostitwixxiha) tinħareġ fir-rigward tal-pajjiż (jew settur tiegħu) li lilu se tiġi ttrasferita u pproċessata d-data mill-Importatur tad-Data, jew (ii) id-Direttiva 95/46/KE (jew kwalunkwe test li jista’ jissostitwixxiha) issir applikabbli direttament f’dan il-pajjiż.

d) Il-Partijiet jaqblu li t-terminazzjoni ta’ dawn il-Klawżoli fi kwalunkwe ħin, fi kwalunkwe ċirkostanza u għal kwalunkwe raġuni (minbarra għat-terminazzjoni taħt il-Klawżola VI.(c)) ma teżentahomx mill-obbligi u/jew il-kundizzjonijiet taħt il-Klawżoli fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-Data Personali ttrasferita.

VII.   Il-Varjazzjoni ta’ dawn il-Klawżoli

Il-Partijiet ma jistgħux jimmodifikaw dawn il-Klawżoli ħlief biex jaġġornaw kwalunkwe informazzjoni fl-Anness B, f’liema każ jinfurmaw lill-Awtorità fejn ikun meħtieġ. Dan ma jwaqqafx lill-partijiet milli jżidu klawżoli kummerċjali addizzjonali fejn ikun meħtieġ.

VIII.   Id-Deskrizzjoni tat-Trasferiment

Id-dettalji tat-trasferiment u tad-Data Personali huma speċifikati fl-Anness B. Il-Partijiet jaqblu li l-Anness B jista’ jinkludi informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali li mhumiex se jiżvelaw lil partijiet terzi, minbarra kif meħtieġ bil-liġi jew bi tweġiba għal aġenzija kompetenti regolatorja jew tal-gvern, jew kif meħtieġ taħt il-Klawżola I (e). Il-Partijiet jistgħu jesegwixxu Annessi addizzjonali biex ikopru trasferimenti addizzjonali, li se jiġu sottomessi lill-Awtorità fejn ikun meħtieġ. L-Anness B jista’, alternattivament, jiġi mfassal sabiex ikopri trasferimenti moltipliċi.

Data: _

_

_

għall-IMPORTATUR TAD-DATA

għall-ESPORTATUR TAD-DATA




ANNESS A

IL-PRINĊIPJI TA’ L-IPPROĊESSAR TAD-DATA

1. Il-limitazzjoni ta’ l-iskop — Id-Data Personali għandha tiġi pproċessata u sussegwentement użata jew ikkomunikata biss b'mod ulterjuri għal skopijiet deskritti fl-Anness B jew sussegwentement awtorizzata mis-Suġġett tad-Data.

2. Il-Kwalità u l-proporzjonalità tad-data — Id-Data Personali għandha tkun eżatta u, meta neċessarju, tinżamm aġġornata. Id-Data Personali għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva fir-rigward ta' l-iskopijiet li għalihom hija trasferita u pproċessata b'mod ulterjuri.

3. It-trasparenza — Is-suġġetti tad-Data għandhom jiġu pprovduti bl-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-ipproċessar ġust (bħall-informazzjoni dwar l-iskopijiet ta’ l-ipproċessar u dwar it-trasferiment), sakemm din l-informazzjoni tkun diġà ingħatat mill-Esportatur tad-Data.

4. Is-Sigurtà u l-kunfidenzjalità — Għandhom jittieħdu miżuri tekniċi u organizzattivi ta' sigurtà mill-Kontrollur tad-Data li huma xierqa għar-riskji, bħal kontra l-qerda aċċidentali jew kontra l-liġi jew it-telfien, it-tibdil, l-iżvelar mhux awtorizzat jew l-aċċess aċċidentali, ippreżentat mill-Ipproċessar. Kwalunkwe persuna li taġixxi taħt l-awtorità tal-Kontrollur tad-Data, inkluż dak li jipproċessa, m'għandhiex tipproċessa d-data ħlief taħt struzzjonijiet mill-Kontrollur tad-Data.

5. Id-drittijiedt ta' aċċess, ir-rettifika, it-tħassir u l-oġġezzjoni — Kif provdut fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46/KE, is-Suġġetti tad-Data għandhom, jew direttament jew permezz ta’ parti terza, jiġu provduti b-informazzjoni personali dwarhom li jkollha organizzazzjoni, ħlief għal talbiet abużivi ferm ibbażati fuq intervalli mhux raġonevoli jew in-numru tagħhom jew in-natura ripetittiva jew sistematika tagħhom, jew għal liema ma jinħtieġx li jingħata aċċess skond il-liġi tal-pajjiż ta’ l-Esportatur tad-Data. Sakemm l-Awtorità tkun tat l-approvazzjoni minn qabel tagħha, l-aċċess jista’ ma jingħatax ukoll meta dan x’aktarx jikkaġuna ħsara serja lill-interessi ta’ l-Importatur tad-Data jew ta’ organizzazzjonijiet oħra li qed jittrattaw ma’ l-Importatur tad-Data u dawn l-interessi mhumiex megħluba mill-interessi għad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali tas-Suġġett tad-Data. Ma jinħtieġx li s-sorsi tad-data personali jiġu identifikati meta dan ma jkunx possibbli permezz ta’ sforzi raġonevoli, jew fejn ikun hemm xi vjolazzjoni tad-drittijiet ta’ persuni oħra għajr l-individwu. Għandu jkun possibbli li s-Suġġetti tad-Data ikollhom l-informazzjoni personali li tirrelata għalihom rettifikata, emendata, jew imħassra fejn ma tkunx eżatta jew ipproċessata kontra dawn il-Prinċipji. Jekk ikun hemm raġunijiet serji sabiex ikun hemm dubju dwar il-leġittimità tat-talba, l-organizzazzjoni tista’ teħtieġ aktar ġustifikazzjonijiet qabel ma tipproċedi għar-rettifika, l-emenda jew it-tħassir. In-notifika ta’ kwalunkwe rettifika, emenda jew tħassir lill-partijiet terzi li lilhom ġiet żvelata d-data mhijiex meħtieġa meta din tinvolvi sforz sproporzjonat. Is-Suġġetti tad-Data għandhom ikunu jistgħu joġġezzjonaw għall-Ipproċessar tad-Data Personali relatata għalihom jekk ikun hemm raġunijiet leġittimi obbligatorji li jirrelataw għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom. Il-piż tal-prova għal kwalunkwe rifjut tistrieħ fuq l-Importatur tad-Data, u s-Suġġett tad-Data dejjem jista’ jisfida rifjut quddiem l-Awtorità.

6. Id-Data Sensittiva — L-Importatur tad-Data għandu jieħu dawk il-miżuri addizzjonali (per eżempju, dawk relatati mas-sigurtà) li huma meħtieġa sabiex tiġi protetta din id-Data Sensittiva skond l-obbligi tiegħu taħt il-Klawżola II.

7. Id-Data użata għall-Iskopijiet ta’ Marketing — Fejn id-data hija pproċessata għall-iskopijiet ta’ marketing dirett, proċeduri effettivi għandhom ikunu eżistenti sabiex jippermettu lis-suġġett tad-data fi kwalunkwe ħin li jagħżel li jibqa' barra milli d-data tiegħu tintuża’ għal dawn l-iskopijiet.

8. Deċiżjonijiet Awtomati — Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni “Deċiżjoni Awtomata” għandha tfisser deċiżjoni mill-Esportatur tad-Data jew l-Importatur tad-Data li tipproduċi effetti legali li jikkonċernaw Suġġett tad-Data jew jaffettwawh b’mod sinifikanti u li hija bbażata biss fuq l-Ipproċessar awtomat ta’ Data Personali maħsuba għall-valutazzjoni ta' ċerti aspetti personali li jirrelataw għalih, bħall-atteġġament tiegħu fuq ix-xogħol, il-kreditu, id-dipendibbiltà, il-kondotta eċċ. L-Importatur tad-Data m’għandu jieħu l-ebda Deċiżjoni Awtomata li tikkonċerna s-Suġġetti tad-Data, ħlief meta:

(a) 

i) dawn id-deċiżjonijiet isiru mill-Importatur tad-Data meta jidħol f’kuntratt jew jwettaq kuntratt mas-Suġġett tad-Data, u

ii) is-Suġġett tad-Data jingħata l-opportunità sabiex jiddiskuti r-riżultati ta’ Deċiżjoni Awtomata rilevanti ma’ rappreżentant tal-parti li qed tieħu din id-deċiżjoni jew inkella li jagħmel rappreżentazzjonijiet lil dik il-parti.

jew

(b) Fejn provdut mod ieħor mill-liġi ta’ l-Esportatur tad-Data.




ANNESS B

ID-DESKRIZZJONI TAT-TRASFERIMENT

[Trid timtela mill-Partijiet]

Is-Suġġetti tad-DataId-Data Personali trasferita tikkonċerna l-kategoriji tas-Suġġetti tad-Data li ġejjin:L-Iskopijiet tat-trasferiment[i]It-trasferiment isir għall-iskopijiet li ġejjin:Il-Kategoriji tad-dataId-Data Personali trasferita tikkonċerna l-kategoriji ta’ data li ġejjin:Ir-RiċevituriId-Data Personali trasferita tista’ tiġi żvelata biss lir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri li ġejjin:Id-Data Sensittiva (jekk ikun xieraq)Id-Data Personali trasferita tikkonċerna l-kategoriji ta’ Data Sensittiva li ġejjin:L-Informazzjoni tar-Reġistrazzjoni tal-Protezzjoni tad-Data ta’ l-Esportatur tad-Data (fejn ikun applikabbli)Informazzjoni Utli Addizzjonali (il-limiti ta’ ħażna u informazzjoni rilevanti oħra)Punti ta’ Kuntatt għal Mistoqsijiet dwar il-Protezzjoni tad-DataL-Importatur tad-DataL-Esportatur tad-Data

KLAWŻOLI KUMMERĊJALI ILLUSTRATTIVI (VOLONTARJA)

Indennità bejn l-Esportatur tad-Data u l-Importatur tad-Data:

“Il-Partijiet se jindennifikaw lil xulxin u iżommu lil xulxin mingħajr ħsara minn kwalunkwe spiża, imposta, danni, nefqa jew telf li jistgħu jikkaġunaw lil xulxin bħala riżultat tal-ksur tagħhom ta’ kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-Klawżoli. L-Indennità imsemmija hawn isfel hija kontinġenti fuq (a) il-Parti(jiet) li se jiġu indennifikati (il-‘Parti(jiet) Indennifikati’) li jinnotifikaw fil-pront lill-Parti(jiet) l-oħra (il- ‘Parti(jiet) Indennifikati’) b talba, (b) il-Parti(jiet) Indennifikati li għandhom il-kontroll waħdieni tad-difiża u r-riżoluzzjoni ta’ din it-talba, u (c) il-Parti(jiet) Indennifikati li jipprovdu kooperazzjoni raġonevoli u assistenza lill-Parti(jiet) Indennifikati fid-difiża ta’ din it-talba.”

Ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim bejn l-Esportatur tad-Data u l-Importatur tad-Data (il-Partijiet jistgħu jissostitwixxu kwalunkwe riżoluzzjoni alternattiva oħra ta’ tilwim jew klawżola ġuriżdizzjonali):

“Fil-każ ta’ tilwim bejn l-Importatur tad-Data u l-Esportatur tad-Data li jikkonċerna kwalunkwe ksur allegat ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dawn il-Klawżoli, dan it-tilwim se jiġi finalment solvut skond ir-Regoli ta’ l-Arbitraġġ tal-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali minn arbitru wieħed jew aktar maħtur(a) skond ir-regoli imsemmija. Il-post ta’ l-arbitraġġ għandu jkun [ ]. In-numru ta’ l-arbitri għandu jkun [ ].”

L-Allokazzjoni ta’ l-Ispejjeż:

“Kull Parti għandha twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn il-Klawżoli bl-ispejjeż għaliha.”

Il-Klawżola tat-Terminazzjoni Żejda

“Fil-każ tat-terminazzjoni ta’ dawn il-Klawżoli, l-Importatur tad-Data għandu jirritorna minnufih id-Data Personali kollha u l-kopji kollha tad-Data Personali suġġetta għal dawn il-Klawżoli lill-Esportatur tad-Data jew, fuq l-għażla ta’ l-Esportatur tad-Data, jeqred il-kopji kollha ta’ dawn u jiċċertifika lill-Esportatur tad-Data li jkun għamel dan, minbarra jekk l-Importatur tad-Data jiġi mwaqqaf mill-liġi nazzjonali jew ir-regolatur lokali tiegħu milli jeqred jew jirritorna d-data kollha jew parti minna, f’liema każ id-data tinżamm kunfidenzjali u ma tiġix ipproċessata b’mod attiv għall-ebda skop. L-Importatur tad-Data jaqbel li, jekk dan jintalab mill-Esportatur tad-Data, jagħti lill-Esporatur tad-Data jew lill-aġent ta’ spezzjoni magħżul mill-Esportatur tad-Data u li l-Importatur tad-Data ma joġġezzjonax b’mod raġonevoli għalih, aċċess għall-istabbiliment tiegħu biex jivverifika li dan ikun sar, b’avviż raġonevoli u matul il-ħinijiet tan-negozju.”



( 1 ) ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

( 2 ) L-indirizz ta' l-Internet tal-Kumitat tax-Xogħol huwa:

http://www.europa.eu.intlcomm/internal_market/en/medial/dataprot/wpdocs/index.htm.

( 3 ) WP 4 (5020/97) “First orientations on transfers of personal data to third countries working document - possible ways forward in assessing adequacy”, dokument ta' diskussjoni adottat mill-Kumitat tax-Xogħol fis-26 ta' Ġunju 1997.

WP 7 (5057/97) “Judging industry self regulation: when does it make a meaningful contribution to the level of data protection in a third country?”, dokument operattiv: adottat mill-Kumitat tax-Xogħol fl-14 ta' Jannar 1998.

WP 9 (3005/98) “Preliminary views on the use of contractual provisions in the context of transfers of personal data to third countries”, dokument operattiv: adottat mill-Kumitat tax-Xogħol fit-22 ta' April 1998.

WP 12: “Transfers of personal data to third countries: applying Articles 25 and 26 of the EU data protection directive”, dokument operattiv adottat mill-Kumitat tax-Xogħol fl-24 ta' Lulju 1998, disponibbli, fis-sit tad-dokumenti operattivi fuq il-web “europa.eu.int/comm/internal_markt/en/media.dataprot/wpdocs/wp12/en” ospitat mill-Kummissjoni Ewropea.

( 4 ) L-Opinjoni Nru 1/2001 adottata mill-Kumitat tax-Xogħol tas-26 ta' Jannar 2001 (DG MARKT 5102/00 WP 38), disponibbli fil-website “Europa” ospitat mill-Kummissjoni Ewropea.

( 5 ) “Id-Dispożizzjonijiet Rilevanti” ifissru dawk id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni jew Deċiżjoni minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ infurzar ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni jew Deċiżjoni (li għandha tiġi rregolata minn dawn il-Klawżoli).

( 6 ) Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness A.5 dwar id-drittijiet ta’ l-aċċess, ir-rettifika, it-tħassir u l-oġġezzjoni jridu jiġu applikati meta tintgħażel din l-għażla u jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe dispożizzjoni komparabbli tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tkun ingħażlet.

Top