EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0535
Judgment of the Court (First Chamber) of 28 May 2020.#IL and Others v Land Nordrhein-Westfalen.#Request for a preliminary ruling from the Bundesverwaltungsgericht.#Reference for a preliminary ruling – Environment – Aarhus Convention – Directive 2011/92/EU – Assessment of the effects of certain projects on the environment – Public participation in the decision-making process – Irregularities vitiating the procedure for approval of a project – Access to justice – Limitations laid down by national law – Directive 2000/60/EC – EU action in the field of water policy – Deterioration of a body of groundwater – Arrangements for assessment – Right of individuals to take measures in order to prevent pollution – Standing to bring proceedings before the national courts.#Case C-535/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-28 ta’ Mejju 2020.
IL et vs Land Nordrhein-Westfalen.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali – Irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett – Aċċess għall-ġustizzja – Limiti previsti mid-dritt nazzjonali – Direttiva 2000/60/KE – Politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ilma – Deterjorament ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art – Modalitajiet ta’ evalwazzjoni – Dritt tal-individwi li jadottaw miżuri għall-prevenzjoni tat-tniġġis – Locus standi quddiem il-qrati nazzjonali.
Kawża C-535/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-28 ta’ Mejju 2020.
IL et vs Land Nordrhein-Westfalen.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali – Irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett – Aċċess għall-ġustizzja – Limiti previsti mid-dritt nazzjonali – Direttiva 2000/60/KE – Politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ilma – Deterjorament ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art – Modalitajiet ta’ evalwazzjoni – Dritt tal-individwi li jadottaw miżuri għall-prevenzjoni tat-tniġġis – Locus standi quddiem il-qrati nazzjonali.
Kawża C-535/18.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:391
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
28 ta’ Mejju 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali – Irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett – Aċċess għall-ġustizzja – Limiti previsti mid-dritt nazzjonali – Direttiva 2000/60/KE – Politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ilma – Deterjorament ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art – Modalitajiet ta’ evalwazzjoni – Dritt tal-individwi li jadottaw miżuri għall-prevenzjoni tat-tniġġis – Locus standi quddiem il-qrati nazzjonali”
Fil-Kawża C‑535/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Awwissu 2018, fil-proċedura
IL,
JK,
KJ,
LI,
NG,
MH,
OF,
PE,
RC u SB, bħala eredi ta’ QD,
TA,
UZ,
VY,
WX
vs
Land Nordrhein-Westfalen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot (Relatur), President ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Safjan, L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Hogan,
Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Settembru 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal IL, JK, KJ, LI, NG, MH, OF, PE, RC u SB, TA, UZ, VY, WX, minn R. Nebelsieck, J. Mittelstein u K. Fock, Rechtsanwälte, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn M. B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Novembru 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012 L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), u tal-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) u (b)(i) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn diversi individwi (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) u Land Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja), dwar deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Bezirksregierung Detmold (il-Gvern Distrettwali ta’ Detmold, il-Ġermanja), tas-27 ta’ Settembru 2016, li tapprova l-pjan għall-kostruzzjoni ta’ parti mill-awtostrada ta’ madwar 3.7 kilometri. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 |
Il-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005, L 124, p. 1 iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), tipprovdi fl-Artikolu 9(3) tagħha: “[…] kull Parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwalment previsti mid-dritt intern tagħha jkunu jistgħu jiftħu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2011/92
4 |
Skont il-premessi 7, 19 u 21 tad-Direttiva 2011/92:
[…]
|
5 |
L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva huwa b’hekk ifformulat kif ġej: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istima tal-effetti ambjentali ta’ dawk il-proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent. 2. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
|
6 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “L-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi mal-Artikoli 4 sa 12, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:
|
7 |
L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprovdi: “1. Fil-każ ta’ proġetti li, skont l-Artikolu 4, iridu jiġu soġġetti għal stima dwar l-impatt fuq l-ambjent b’mod konformi ma’ dan l-Artikolu u l-Artikoli 6 sa 10, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-iżviluppatur iforni f’għamla xierqa t-tagħrif speċifikat fl-Anness IV sa fejn:
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li, jekk l-iżviluppatur hekk jitlob qabel jissottometti applikazzjoni għall-kunsens għall-iżvilupp, l-awtorità kompetenti għandha tagħti parir dwar it-tagħrif li għandu jiġi fornit mill-iżviluppatur b’mod konformi mal-paragrafu 1. L-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta mal-iżviluppatur u mal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) qabel ma tagħti l-opinjoni tagħha. Il-fatt li l-awtorità tkun tat opinjoni skont dan il-paragrafu ma jipprekludihiex milli sussegwentement teħtieġ li l-iżviluppatur jissottometti aktar tagħrif. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-awtoritajiet kompetenti jagħtuhom tali opinjoni, irrispettivament minn jekk l-iżviluppatur jitlobx dan. 3. It-tagħrif li għandu jiġi pprovvdut mill-iżviluppatur b’mod konformi mal-paragrafu 1 għandu mill-inqas jinkludi:
4. L-Istati Membri għandhom, jekk ikun meħtieġ, jiżguraw li kull awtorità li jkollha f’idejha t-tagħrif rilevanti b’referenza partikolari għall-Artikolu 3, tagħmel dan it-tagħrif disponibbli lill-iżviluppatur.” |
8 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/92 huwa fformulat kif ġej: “[…] 2. Il-pubbliku għandu jiġi mgħarraf, jew b’avviżi pubbliċi jew b’mezzi oħra approprjati bħalma hija l-medja elettronika meta disponibbli, dwar il-materji li ġejjin kmieni fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) u, l-iktar tard, hekk kif it-tagħrif ikun jista’ jiġi pprovdut b’mod raġonevoli:
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’termini ta’ żmien raġonevoli, dan li ġej jitpoġġa għad-disponibilità tal-pubbliku kkonċernat:
4. Il-pubbliku kkonċernat għandu jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) u għandu, għal dan il-għan, ikun intitolat li jesprimi kummenti u opinjonijiet meta l-għażliet kollha jkunu miftuħa lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp. 5. L-arranġamenti dettaljati sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf (pereżempju bit-twaħħil tal-kartelluni f’ċertu raġġ jew bil-pubblikazzjoni fil-gazzetti lokali) u sabiex il-pubbliku kkonċernat jiġi kkonsultat (pereżempju b’sottomissjonijiet bil-miktub jew permezz ta’ inkjesta pubblika) għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. 6. Għandhom jiġu pprovduti termini ta’ żmien raġonevoli għall-fażijiet differenti, billi jiġi permess żmien biżżejjed sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf u sabiex il-pubbliku kkonċernat iħejji ruħu u jipparteċipa b’mod effettiv fit-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.” |
9 |
L-Artikolu 11(1) sa (3) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:
ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. 2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet. 3. Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u l-ksur ta’ dritt għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-objettiv li jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja lill-pubbliku kkonċernat. Għal dak il-fini, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jitqies suffiċjenti għall-għan tal-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Tali organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li jistgħu jinkisru għall-għan tal-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.” |
10 |
L-Anness IV tal-imsemmija direttiva, intitolat “It-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 5(1)”, jipprovdi fil-punt 4 tiegħu: “Id-deskrizzjoni tal-effetti x’aktarx sinifikanti tal-proġett propost fuq l-ambjent li jirriżultaw minn:
|
11 |
F’nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża taħt dan il-punt 4, huwa ppreċiżat li “[d]in id-deskrizzjoni għandha tkopri l-effetti diretti u kull effett indirett, sekondarju, kumulattiv, għal żmien qasir, medju jew twil, permanenti u temporanju, pożittiv u negattiv tal-proġett”. |
Id-Direttiva 2006/118/KE
12 |
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġiż u d-deterjorament (ĠU 2006, L 372, p. 19), jipprovdi: “Għall-finijiet tal-valutazzjoni ta’ l-istat kimiku ta’ massa ta’ l-ilma ta’ taħt l-art jew grupp ta’ mases ta’ l-ilma ta’ taħt l-art skond is-Sezzjoni 2.3 ta’ l-Anness V tad-Direttiva [2000/60], l-Istati Membri għandhom jużaw il-kriterji li ġejjin:
Il-valuri ta’ limitu għall-ilma ta’ taħt l-art applikabbli għal status kimiku tajjeb għandu jkun ibbażat fuq il-protezzjoni tal-ġabra ta’ ilma ta’ taħt l-art skond il-Parti A, punti 1, 2 u 3 ta’ l-Anness II, b’konsiderazzjoni partikolari għall-impatt tiegħu fuq, u l-interrelazzjoni ma’, l-ilmijiet tal-wiċċ assoċjati u l-ekosistemi terrestri u l-artijiet mistagħdra li huma direttament dipendenti fuqhom u għandhom fost l-oħrajn jieħdu kont ta’ l-għarfien dwar it-tossikoloġija umana u l-ekotossikoloġija.” |
13 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jużaw il-proċedura deskritta fil-paragrafu 2 biex jivvalutaw l-istat kimiku ta’ massa ta’ l-ilma ta’ taħt l-art. Fejn xieraq, meta jwettqu din il-proċedura l-Istati Membri jistgħu jgħaqqdu fi gruppi mases ta’ l-ilma ta’ taħt l-art skond l-Anness V għad-Direttiva [2000/60]. 2. Massa jew grupp ta’ mases ta’ l-ilma ta’ taħt l-art għandu jkun ikkunsidrat li jkun fi stat kimiku tajjeb meta:
3. L-għażla ta’ siti ta’ monitoraġġ ta’ l-ilma ta’ taħt l-art għandha tissodisfa l-ħtiġiet tal-Parti 2.4 ta’ l-Anness V tad-Direttiva [2000/60] biex ikunu mfassla sabiex jipprovdu ħarsa ġenerali komprensiva u koerenti ta’ l-istatus kimiku ta’ l-ilma ta’ l-art u biex tiġi pprovduta data ta’ monitoraġġ rappreżentattiva. 4. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw sintesi tal-valutazzjoni ta’ l-istat kimiku ta’ l-ilma ta’ taħt l-art fil-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva [2000/60]. Din is-sintesi, stabbilita fil-livell tad-distrett tal-baċir tax-xmara jew il-parti tad-distrett tal-baċir internazzjonali tax-xmara li jaqa’ fit-territorju ta’ Stat Membru, għandha tinkludi wkoll spjegazzjoni ta’ kif ġie meħud kont ta’ qbiż ta’ l-istandards tal-kwalità ta’ l-ilma ta’ taħt l-art jew valuri ta’ limitu f’punti ta’ monitoraġġ individwali fil-valutazzjoni finali. 5. Jekk massa ta’ l-ilma ta’ taħt l-art huwa klassifikat li qiegħed fi stat kimiku tajjeb skond il-paragrafu 2(ċ), l-Istati Membri għandhom jieħdu tali miżuri kif ikun meħtieġ, skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva [2000/60], biex jiġu protetti l-ekosistemi akkwatiċi, ekosistemi terrestri u l-użu mill-bniedem ta’ l-ilma ta’ taħt l-art dipendenti fuq il-parti tal-massa rrappreżentata mill-punt jew punti ta’ monitoraġġ li fih il-valur ta’ l-istandard tal-kwalità ta’ l-ilma ta’ taħt l-art jew valur ta’ limitu ġie maqbuż.” |
Id-Direttiva 2000/60
14 |
Skont il-premessi 23 sa 26 u 37 tad-Direttiva 2000/60:
[…]
|
15 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-għan ta’ din tal-aħħar kif ġej: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art li:
[…]
[…] u b’hekk jikkontribwixxi:
|
16 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin fil-punti 2, 12, 19, 20, 25, 28, 31 u 33:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
17 |
L-Artikolu 4(1)(a) u (b) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. Meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali:
Miżuri biex tiġi mibdula trend iridu jkun implimentati skond paragrafi 2, 4 u 5 ta’ l-Artikolu 17, b’konsiderazzjoni ta’ l-istandards applikabbli stabbiliti bil-leġislazzjoni Komunitarja relevanti, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 6 u 7 u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8”. |
18 |
L-Artikolu 4(4)(ċ) tad-Direttiva 2000/60 jipprovdi: “4. It-termini taż-żmien stabbiliti bil-paragrafu 1 jistgħu jiġu estiżi għall-iskopijiet li jinkisbu f’fażijiet l-għanijiet għal korpi ta’ l-ilma, sakemm aktar deterjorazzjoni ma’ titfaċċax fl-istat tal-korp ta’ l-ilma affetwat meta l-kundizzjonijiet kollha li jmiss jintlaħqu: […]
|
19 |
L-Artikolu 4(7)(a) sa (d) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “7. L-Istati Membri ma’ jkunux qed jiksru din id-Direttiva meta:
u l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu milħuqa:
|
20 |
L-Artikolu 13(7) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin ta’ l-ilma jridu jiġu riveduti u aġġornati mhux aktar tard minn 15 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u kull sitt xhur [sitt snin] wara.” |
21 |
L-Artikolu 17 tal-istess direttiva, intitolat “Strateġiji għal prevenzjoni u kontroll ta’ tniġġiż ta’ l-ilma ta’ taħt l-art”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iridu jadottaw miżuri speċifiċi biex jipprevjenu u jikkontrollaw t-tniġġiż ta’ l-ilma ta’ taħt l-art. Dawn il-miżuri jridu jkunu mmirati lejn il-kisba ta’ l-għanijiet ta’ stat kimiku tajjeb ta’ l-ilma ta’ taħt l-art skond l-Artikolu 4(1)(b) u jrid jiġi adottat, b’azzjoni fuq il-proposta preżentata fi żmien sentejn minn wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, mill-Kummissjoni bi qbil mal-proċeduri imniżżla fit-Trattat. 2. Waqt li tipproponi miżuri, il-Kummissjoni trid tieħu in kunsiderazzjoni l-analiżi li saru skond l-Artikolu 5 u l-Anness II. Dawn il-miżuri jridu jiġu proposti aktar kmieni jew id-data ikunu disponibbli u jridu jinkludu:
[…]” |
22 |
Il-punt 2.3 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-istat kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art. Il-punt 2.3.1 ta’ dan l-anness isemmi l-“konduttività” u l-“konċentrazzjonijiet ta’ kontaminanti” bħala l-“[p]arametri għad-determinazzjoni ta’ stat kimiku” tal-ilma ta’ taħt l-art. |
23 |
Il-punt 2.3.2 tal-Anness V ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-“[i]stat kimiku tajjeb” tal-ilma ta’ taħt l-art kif ġej: “Definizjoni ta’ stat kimiku tajjeb ta’ l-ilma ta’ taħt l-art
|
24 |
Il-punt 2.4 tal-Anness V tal-imsemmija direttiva jirrigwarda l-monitoraġġ tal-istat kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art u jipprovdi, b’mod partikolari, fil-punt 2.4.1 tiegħu, li “[i]n-networks ta’ monitoraġġ ta’ l-ilma ta’ taħt l-art iridu jitwaqqfu bi qbil mal-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 7 u 8. In-networks ta’ monitoraġġ iridu jkunu disinjati sabiex jipprovdu diskrezzjoni koerenti u komprensiva tal-istat kimiku ta’ l-ilma ta’ taħt l-art fi ħdan kull baċin tax-xmara u biex jikxfu l-preżenza ta’ direzzjonijiet il-fuq antropoġenikali imdaħħla għal żmien twil f’kontaminati”. |
25 |
Il-punt 2.4.5 tal-Anness V tal-istess direttiva jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-preżentazzjoni tal-istat kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art. Huwa fformulat kif ġej: “Fl-istima tal-istat, ir-riżultati ta’ punti individwali ta’ monitoraġġ fi ħdan korp ta’ l-ilma ta’ taħt l-art iridu jiġu miġbura għall-korp b’mod sħiħ. Mingħajr preġudizzju għad-Direttivi konċernati, għal stat tajjeb biex jiġi miksub għal korp ta’ l-ilma, għal dawk il-parametri kimiċi li għalihom standards ta’ kwalità ġew stabbiliti fil-leġiżlazjoni Komunitarja:
Suġġett għal punt 2.5, l-Istati Membri jridu jipprovdu mappa tal-istat kimiku ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, bil-kodiċi-kulurit kif indikat hawn taħt: Tajjeb: aħdar Fqir: aħmar […] Dawn il-mapep iridu jiġu inklużi fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara.” |
Id-dritt Ġermaniż
26 |
L-Artikolu 46 tal-Verwaltungsverfahrensgesetz (il-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva), tat-23 ta’ Jannar 2003 (BGBl. 2003 I, p. 102), dwar l-effetti tad-difetti proċedurali u formali, jipprovdi: “L-annullament ta’ att amministrattiv li ma huwiex ivvizzjat b’nullità skont l-Artikolu 44 ma jistax jintalab għas-sempliċi raġuni li ġie adottat bi ksur tar-regoli proċedurali jew tal-formalitajiet jew ta’ kompetenza territorjali meta jkun manifest li dan il-ksur ma kellu ebda effett fuq il-mertu tad-deċiżjoni.” |
27 |
L-Artikolu 4 tal-Umweltrechtsbehelfsgesetz (il-Liġi dwar l-Appelli Ambjentali), tas-7 ta’ Diċembru 2006 (BGBl. 2006 I, p. 2816), fil-verżjoni ppubblikata fit-23 ta’ Awwissu 2017 (BGBl. 2017 I, p. 3290), huwa fformulat kif ġej: “(1) L-annullament ta’ deċiżjoni dwar l-approvazzjoni ta’ proġett skont il-punti 1 sa 2b tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) jista’ jintalab meta:
[…] (1a) L-Artikolu 46 tal-Att dwar il-Proċedura Amministrattiva […] għandu japplika għal żbalji proċedurali li ma humiex koperti mill-paragrafu (1). Jekk il-qorti ma tkunx tista’ tistabbilixxi jekk żball proċedurali skont l-ewwel sentenza jkunx influwenza d-deċiżjoni dwar il-kwistjoni, għandu jiġi preżunt li dak ikun il-każ. […] (3) Il-paragrafi (1) sa (2) għandhom japplikaw għal rimedji legali minn
Il-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu għandu japplika għal rimedji legali ppreżentati minn persuni u assoċjazzjonijiet skont il-punt 1 tal-ewwel sentenza, bil-kundizzjoni li l-annullament ta’ deċiżjoni jista’ jintalab biss jekk l-iżball proċedurali jkun ċaħħad lill-parti kkonċernata mill-opportunità li tipparteċipa fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kif previst mil-liġi. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
28 |
B’deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”), id-distrett ta’ Detmold (iktar ’il quddiem l-“Awtorità Regolatorja”) approvat, fuq talba tal-Amministrazzjoni tal-Kostruzzjoni Stradali tal-Land Nordrhein-Westfalen, il-pjan ta’ kostruzzjoni ta’ parti mill-awtostrada A 33/strada federali B 61 li tinkludi erba’ korsiji fuq distanza ta’ madwar 3.7 kilometri. |
29 |
Din id-deċiżjoni kienet tawtorizza lill-kuntrattur jevakwa l-ilma tax-xita li kien jgħaddi minn fuq is-superfiċji stradali fi tliet korpi ta’ ilma tal-wiċċ jew fl-ilma ta’ taħt l-art. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kienet tinkludi, kemm għar-rimi ta’ ilma tax-xita fl-ilma tal-wiċċ kif ukoll għall-infiltrazzjoni tiegħu fl-ilma taħt l-art, diversi dispożizzjonijiet annessi intiżi li jiggarantixxu l-protezzjoni tal-ilma. |
30 |
Id-dokumenti relatati mal-proġett inkwistjoni tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku matul il-perijodu bejn it-30 ta’ Awwissu u d-29 ta’ Settembru 2010. Għalkemm id-dokumenti dwar iċ-ċirkulazzjoni, il-protezzjoni tal-ispeċi u l-fawna kienu msemmija fin-notifika ta’ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni, dan ma kienx il-każ fir-rigward tad-dokumenti relatati mal-protezzjoni kontra l-ħoss u mad-dranaġġ tal-ilma, u dan qajjem ċerti oġġezzjonijiet min-naħa tal-pubbliku. |
31 |
Fid-dawl tal-proċedura ta’ konsultazzjoni, il-kuntrattur issokta b’diversi emendi għall-pjan, b’mod partikolari fir-rigward tad-dranaġġ tal-ilma tax-xita. Barra minn hekk, huwa stabbilixxa “paġna ta’ kopertura” li telenka d-dokumenti mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Waqt il-konsultazzjoni l-ġdida organizzata matul il-perijodu bejn id-19 ta’ Mejju u t-18 ta’ Ġunju 2014 saru oġġezzjonijiet ġodda mill-pubbliku. |
32 |
Wara l-awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huma s-suġġett ta’ esproprjazzjoni jew li għandhom bir domestiku għall-provvista individwali tagħhom ta’ ilma tax-xorb, li jaqa’ fl-ambitu tal-proġett, adixxew il-qorti tar-rinviju, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) b’rikors kontra d-deċiżjoni inkwistjoni. F’dan il-kuntest, din il-qorti hija obbligata twettaq eżami komplet tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni. |
33 |
F’dan ir-rigward, il-Bundesverwaltungsgericht tirrileva li, qabel l-awtorizzazzjoni tal-pjan ta’ kostruzzjoni, il-korpi tal-ilma ma kienu suġġetti għal ebda kontroll dokumentat dwar il-protezzjoni tal-korpi tal-ilma kkonċernati. |
34 |
Huwa minnu li l-Awtorità Regolatorja ddikjarat li, matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, kien twettaq kontroll tal-korpi tal-ilma kkonċernati. Madankollu, kien biss matul il-proċedura kontenzjuża li din l-awtorità pprovdiet studju tekniku dwar id-dranaġġ tal-ilma, ta’ 48 paġna, li jiddeskrivi l-korpi tal-ilma kkonċernati u l-effetti tal-proġett inkwistjoni fuq l-elementi kwalitattivi tagħhom (iktar ’il quddiem l-“istudju tekniku dwar id-dranaġġ tal-ilma”). Huwa għalhekk li l-qorti tar-rinviju tqis li l-pubbliku ma ġiex suffiċjentement informat bl-effetti ambjentali tal-proġett matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, li hija, għaldaqstant, ivvizzjata b’difett proċedurali. |
35 |
Madankollu, f’dan il-każ, skont il-Bundesverwaltungsgericht, dan id-difett proċedurali ma huwiex ta’ natura li jimplika l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni, peress li ma kienx hemm effett fuq is-sinjifikat ta’ din id-deċiżjoni. F’dan il-każ, skont id-dritt Ġermaniż applikabbli, tali difett proċedurali jista’ jiġi invokat minn rikorrent individwali u jkun ta’ natura li jimplika l-annullament tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-pjan biss jekk dan ir-rikorrent ikun effettivament ġie mċaħħad mill-possibbiltà li jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali. |
36 |
Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk huwiex eskluż li l-kontroll dwar il-projbizzjoni tad-deterjorament tal-korpi tal-ilma kkonċernati minn proġett jista’ jseħħ biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. Hija tqis li d-Direttiva 2000/60 tista’ teżiġi li dan il-kontroll jitwettaq qabel dan il-mument fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva trasparenti. Dan jimplika li ma humiex il-qrati, fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjuża, iżda l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti li għandhom jieħdu l-passi neċessarji u li għandhom jistabbilixxu d-dokumentazzjoni meħtieġa. |
37 |
Jekk tiġi ammessa din l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/60, il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha tiddeċiedi jekk, fil-kawża prinċipali, il-proċedura amministrattiva kellhiex tinfetaħ mill-ġdid sabiex issir konsultazzjoni pubblika ġdida. |
38 |
F’dan il-kuntest, huwa neċessarju li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk id-dokumenti mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/92 għandhomx sistematikament jinkludu rapport dwar l-osservanza tal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-ilma. Il-Bundesverwaltungsgericht tqis li, meta kuntrattur iwettaq kontroll tal-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2000/60, ir-rapport li huwa jippreżenta lill-Awtorità Regolatorja għandu jitqies bħala wieħed mir-“rapporti prinċipali”, fis-sens tal-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 2011/92, u għandu, għaldaqstant, ikun aċċessibbli matul il-fażi ta’ konsultazzjoni pubblika. |
39 |
Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht, parteċipazzjoni ġdida tal-pubbliku mhux dejjem hija neċessarja. Fil-fatt, fil-każ ineżami, l-istudju tekniku dwar id-dranaġġ tal-ilma ġie redatt biss wara l-għoti tas-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433) u, għaldaqstant, wara l-fażi ta’ konsultazzjoni pubblika. F’dan il-każ speċifiku ħafna, parteċipazzjoni ġdida tal-pubbliku tista’ tiġi eskluża sa fejn id-diversi dokumenti aċċessibbli għall-pubbliku qabel l-awtorizzazzjoni tal-proġett jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, dawn id-dokumenti għandhom, essenzjalment, jinkludu l-istess informazzjoni bħal rapport li jeżamina, fid-dawl tal-kriterji previsti mid-Direttiva 2000/60, l-effetti tal-proġett fuq l-ilma. Min-naħa l-oħra, id-dokumenti disponibbli kif ukoll l-imsemmi rapport għandhom iwasslu għall-istess konklużjonijiet. |
40 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-obbligu li jiġi prekluż id-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma jikkonċerna kemm l-ilma tal-wiċċ kif ukoll l-ilma ta’ taħt l-art u li l-kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw mis-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433) fir-rigward tal-ilma tal-wiċċ huma trasponibbli ħafna għall-ilma ta’ taħt l-art. Madankollu, sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx deterjorament tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art, id-Direttiva 2000/60 tiddistingwi sempliċement l-“istat tajjeb” mill-“istat medjokri”. Barra minn hekk, konformement mal-punt 2.4.5 tal-Anness V ta’ din id-direttiva, deterjorament ikkonstatat lokalment jista’ biss jittieħed inkunsiderazzjoni jekk jaffettwa l-korp tal-ilma kkonċernat fl-intier tiegħu. |
41 |
Fid-dawl tas-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433), il-qorti tar-rinviju tqis li jkun hemm deterjorament tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma taħt il-baħar f’żewġ każijiet: minn naħa, meta minn tal-inqas wieħed mill-elementi tal-kwalità, imsemmi fl-Anness V tad-Direttiva 2000/60 ikun jikser, minħabba l-proġett, wieħed mill-parametri applikabbli u, min-naħa l-oħra, meta konċentrazzjoni ta’ inkwinanti li tkun diġà teċċedi valur limitu fis-seħħ tkompli tiżdied. |
42 |
Fir-rigward tal-valuri limitu fis-seħħ, il-Bundesverwaltungsgericht tqis li għandu jsir riferiment għad-Direttiva 2006/118, iżda li, fil-każ ineżami, ebda deterjorament tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art ma jista’ jiġi kkonstatat. |
43 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li l-obbligi ta’ prevenzjoni tad-deterjorament u ta’ titjib tal-istat tal-korpi tal-ilma msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60 ma jimplikawx li l-membri kollha tal-pubbliku kkonċernat minn proġett u li jinvokaw ksur tad-drittijiet tagħhom jistgħu jikkontestaw deċiżjoni li tikser dawn l-obbligi. Fil-fatt, skont id-dritt Ġermaniż applikabbli, rikors ta’ rikorrent individwali jkun ammissibbli biss jekk dan ir-rikorrent jinvoka l-ksur tad-dispożizzjonijiet li huma intiżi tal-inqas parzjalment sabiex jipproteġu d-drittijiet tiegħu stess. |
44 |
Kemm l-obbligu li jiġi evitat id-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma kif ukoll dak li jittejbu dawn tal-aħħar għandhom jiġu osservati mill-awtoritajiet pubbliċi. Madankollu, fid-dritt Ġermaniż, dawn l-obbligi ma jagħtu ebda dritt suġġettiv lill-individwi eventwalment ikkonċernati mill-impatt ta’ proġett li jikkonċerna l-ilma. Huma jistabbilixxu għanijiet ta’ ġestjoni tal-ilma u jservu esklużivament l-interess pubbliku. |
45 |
F’dan ir-rigward, mis-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑137/14, EU:C:2015:683), tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838), u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987), jirriżulta li huwa suffiċjenti li assoċjazzjonijiet tal-protezzjoni tal-ambjent ikollhom il-possibbiltà li jivverifikaw l-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent li sservi l-interess pubbliku. Dan il-kunċett tad-dritt għal azzjoni legali jikkorrispondi għal dak tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92 u tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. |
46 |
Madankollu, mill-premessi 24 u 37 kif ukoll mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/60 jirriżulta li din tipproteġi l-ilma mhux biss bħala komponent tal-ekosistema, iżda wkoll għall-finijiet tal-provvista għall-popolazzjoni tal-ilma tax-xorb. Għaldaqstant, għandu jitqies li l-obbligi li hija tistabbilixxi jikkontribwixxu għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Janecek, C‑237/07, EU:C:2008:447, tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur‑, Arten‑ und Landschaftsschutz Umweltorganisation, C‑664/15, EU:C:2017:987), il-persuni li s-saħħa tagħhom hija mhedda mill-ksur tad-dispożizzjonijiet imperattivi ta’ direttiva għandhom ikunu jistgħu jinvokawhom quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti. |
47 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma huwiex eskluż li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali li għandhom bir domestiku li jaqa’ fl-ambitu tal-proġett inkwistjoni jistgħu jinvokaw ksur tal-projbizzjoni tad-deterjorament u tal-obbligu ta’ titjib tal-istat tal-korpi tal-ilma previsti mid-Direttiva 2000/60 meta s-saħħa tagħhom tista’ tiġi mhedda minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija obbligi. |
48 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
49 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2011/92 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu li talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett minħabba difett proċedurali tkun ammissibbli biss jekk l-irregolarità inkwistjoni tkun ċaħħdet lir-rikorrent mid-dritt tiegħu ta’ parteċipazzjoni fil-proċess deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent iggarantit mill-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. |
50 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-proġett inkwistjoni, jiġifieri l-kostruzzjoni ta’ parti minn awtostrada, ġie suġġett, qabel l-awtorizzazzjoni tiegħu, għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent. B’mod partikolari, huwa seta’ jkollu impatt fuq l-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art li jaqgħu fl-ambitu tal-proġett, b’mod partikolari minħabba d-dranaġġ tal-ilma tax-xita. Madankollu, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, ebda dokumentazzjoni dwar l-effetti tal-proġett fuq l-ilma u l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 ma saret aċċessibbli għall-pubbliku. Skont il-qorti tar-rinviju, l-awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni hija, konsegwentement, ivvizzjata b’difett proċedurali. |
51 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni, twettaq kontroll tal-korpi tal-ilma kkonċernati, mingħajr ma ġie ddokumentat. L-istudju tekniku dwar id-dranaġġ tal-ilma, li jinkludi indikazzjonijiet dwar l-eżami tal-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60, ġie stabbilit biss wara l-awtorizzazzjoni tal-proġett. |
52 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-proġett inkwistjoni josserva l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma, previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60. Fid-dawl taż-żieda minima tar-rata ta’ klorur, li ser tibqa’ inqas mill-valuri limitu applikabbli, dan il-proġett aktarx mhux ser jimplika deterjorament tal-kwalità tal-ilma. Konsegwentement, huwa manifest li d-difett proċedurali indikat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kellux effett fuq is-sinjifikat tad-deċiżjoni inkwistjoni. |
53 |
Huwa fuq il-bażi ta’ din l-aħħar premessa li għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
54 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, konformement mal-qafas legali tagħhom fil-qasam, li l-membri tal-“pubbliku kkonċernat” li jkollhom interess ġuridiku suffiċjenti jew li jinvokaw ksur ta’ dritt, meta d-dritt amministrattiv proċedurali ta’ Stat Membru jkun jimponi tali kundizzjoni, ikunu jistgħu jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet koperti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92 sabiex jikkontestaw il-legalità sostanzjali u proċedurali tagħhom. |
55 |
Għaldaqstant, l-ammissibbiltà ta’ rikors tista’ tkun suġġetta għall-eżistenza ta’ “interess ġuridiku suffiċjenti” jew ta’ “ksur ta’ dritt”, skont liema waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija adottata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber, C‑570/13, EU:C:2015:231, punt 33). |
56 |
L-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2011/92 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw dak li jikkostitwixxi interess ġuridiku suffiċjenti jew ksur ta’ dritt, konformement mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja. |
57 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa possibbli għal-leġiżlatur nazzjonali li jillimita d-drittijiet li l-ksur tagħhom jista’ jiġi invokat minn individwu fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra wieħed jew waħda mill-atti, deċiżjonijiet jew ommissjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10a tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), li sar l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, għad-drittijiet suġġettivi biss, jiġifieri d-drittijiet individwali li jistgħu, skont id-dritt nazzjonali, jiġu kklassifikati bħala drittijiet suġġettivi pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein‑Westfalen, C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 45, tas-16 ta’ April 2015, Gruber, C‑570/13, EU:C:2015:231, punt 40 u tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑137/14, EU:C:2015:683, punt 33). |
58 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, meta difett proċedurali ma jkollux konsegwenzi li jistgħu jaffettwaw is-sinjifikat tad-deċiżjoni kkontestata, dan ma jistax jitqies li jippreġudika d-drittijiet tal-persuna li tinvokah (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et, C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 49). |
59 |
Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 iħalli lill-Istati Membri marġni ta’ manuvra kunsiderevoli sabiex jiddeterminaw dak li jikkostitwixxi ksur ta’ dritt fis-sens ta’ dan l-Artikolu 11(1)(b), id-dritt nazzjonali jista’ ma jirrikonoxxix tali ksur, jekk jiġi stabbilit li huwa possibbli, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tkun differenti mingħajr id-difett proċedurali invokat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et, C‑72/12, EU:C:2013:712, punti 50 u 51). |
60 |
Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali, li tissuġġetta l-ammissibbiltà tar-rikorsi tal-individwi għall-kundizzjoni li jinvokaw ksur ta’ dritt u li, fl-istess ħin, tippermetti lill-individwi jinvokaw difett proċedurali li jaffettwa l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali, anki jekk dan id-difett ma kellux impatt fuq is-sinjifikat tad-deċiżjoni inkwistjoni, tagħti lok għal rimedju anki f’każijiet fejn l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2011/92 ma jeżiġix dan. |
61 |
Għaldaqstant, huwa possibbli għal-leġiżlatur nazzjonali li jissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett minħabba difett proċedurali, meta dan tal-aħħar ma jkunx ta’ natura li jibdel is-sinjifikat ta’ din id-deċiżjoni, bil-kundizzjoni li huwa jkun effettivament ċaħħad lir-rikorrenti mid-dritt tagħhom li jipparteċipaw fil-proċess deċiżjonali. |
62 |
Għal finijiet utli, għandu jiġi indikat ukoll li, kif enfasizzat fit-tieni inċiż tal-punt 90 ta’ din is-sentenza, fin-nuqqas, fil-fajl imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, tad-data neċessarja sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ proġett fuq l-ilma, il-pubbliku ma jitqiegħedx f’pożizzjoni li jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess deċiżjonali. |
63 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu li, meta difett proċedurali li jivvizzja d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett ma jkunx ta’ natura li jibdel is-sinjifikat tagħha, it-talba għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tkun ammissibbli biss jekk l-irregolarità inkwistjoni tkun ċaħħdet lir-rikorrent mid-dritt tiegħu li jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent, iggarantit mill-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. |
Fuq it-tieni domanda
64 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-kontroll tal-osservanza tal-obbligi li huwa jipprevedi jista’ jsir biss wara li l-proġett ikun ġie awtorizzat. |
65 |
Skont il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/92 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett għandhiex dejjem tinkludi dokumenti li jinkludu eżami ta’ dan il-proġett fid-dawl tal-obbligi stabbiliti mid-Direttiva 2000/60. |
66 |
Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni domanda, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li d-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw mhux biss l-obbligi previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60, għall-ilma tal-wiċċ, iżda wkoll dawk previsti fl-Artikolu 4(1)(b) ta’ din id-direttiva, għall-ilma ta’ taħt l-art. |
67 |
Skont l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2000/60, din għandha bħala skop li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ilma tal-wiċċ intern, ilma temporanju, ilma tal-kosta u ta’ ilma ta’ taħt li tipprevjeni kwalunkwe deterjorament addizzjonali u tippreżerva u ttejjeb l-istat tal-ekosistemi akwatiċi u tal-ekosistemi terrestri li jiddependu direttament fuq ekosistemi akwatiċi. |
68 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60 jimponi żewġ għanijiet distinti, għalkemm intrinsikament relatati. Minn naħa, konformement mal-Artikolu 4(1)(a)(i), l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjenu d-deterjorament tal-istat tal-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ (obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament). Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4(1)(a)(ii) u (iii), l-Istati Membri għandhom jipproteġu, itejbu u jirrestawraw il-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ sabiex jilħqu “stat tajjeb” mhux iktar tard mill-aħħar tas-sena 2015 (obbligu ta’ titjib) (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 39). |
69 |
L-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60 jistabbilixxi, għall-ilma ta’ taħt l-art, obbligi fil-parti l-kbira identiċi għal dawk previsti għall-ilma tal-wiċċ. Minn naħa, konformement mal-Artikolu 4(1)(b)(i), l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjenu d-deterjorament tal-istat ta’ kull korp tal-ilma tal-wiċċ (obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament). Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4(1)(b)(ii), l-Istati Membri għandhom jipproteġu, itejbu u jirrestawraw il-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ sabiex jilħqu “stat tajjeb” mhux iktar tard mit-tmiem tas-sena 2015 (obbligu ta’ titjib). |
70 |
Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għanijiet tad-Direttiva 2000/60 għall-ilma tal-wiċċ u għall-ilma ta’ taħt l-art huma simili. |
71 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 2000/60 jikkonsisti fil-fatt li, permezz ta’ azzjoni kkoordinata, jintlaħaq l-“istat tajjeb” tal-ilma kollu tal-wiċċ u ta’ taħt l-art tal-Unjoni Ewropea sas-sena 2015. Kemm l-obbligu ta’ titjib kif ukoll l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-korp tal-ilma huma intiżi li jwettqu dan l-għan kwalitattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punti 37, 38 u 41). |
72 |
Barra minn hekk, mill-formulazzjoni, mill-istruttura u mill-għan tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 jirriżulta li, bħall-obbligi previsti fl-Artikolu 4(1)(a), għall-ilma tal-wiċċ, li, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 43), għandhom natura vinkolanti, dawk previsti fl-Artikolu 4(1)(b) għall-ilma ta’ taħt l-art għandhom ukoll tali natura. |
73 |
Isegwi li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60 ma jistabbilixxix biss, skont formulazzjoni programmatika, sempliċi għanijiet ta’ ppjanar ta’ ġestjoni, iżda għandu effetti vinkolanti, ladarba jiġi ddeterminat l-istat ekoloġiku tal-korp tal-ilma kkonċernat, f’kull stadju tal-proċedura prevista f’din id-direttiva. |
74 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 ma jinkludix biss obbligi ta’ ppjanar fit-tul previsti mill-pjanijiet ta’ ġestjoni u programmi ta’ miżuri, iżda jikkonċerna wkoll proġetti partikolari li għalihom tapplika wkoll il-projbizzjoni ta’ deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma. Konsegwentement, Stat Membru huwa marbut jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ proġett meta dan tal-aħħar ikun ta’ natura li jiddeterjora l-istat tal-korp tal-ilma kkonċernat jew li jikkomprometti l-kisba ta’ “stat tajjeb” tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ jew ta’ taħt l-art, bla ħsara għal derogi previsti wkoll f’dan l-artikolu 4 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punti 47, 48 u 50). |
75 |
B’mod iktar preċiż, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, meta proġett jista’ jimplika effetti negattivi għall-ilma, dan jista’ jiġi awtorizzat biss jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) ta’ din id-direttiva jkunu ssodisfatti. Huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom il-kompetenza jawtorizzaw proġett li għandhom jevalwaw jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti qabel ma tingħata tali awtorizzazzjoni, bla ħsara għall-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2017, Folk, C‑529/15, EU:C:2017:419, punti 36 u 39). |
76 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett, u għalhekk qabel ma tittieħed id-deċiżjoni, l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, jivverifikaw jekk dan il-proġett jistax jimplika effetti negattivi fuq l-ilma li jkunu kuntrarji għall-obbligi ta’ prevenzjoni tad-deterjorament u ta’ titjib tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tipprekludi li tali verifika sseħħ biss wara dan il-mument. |
77 |
Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni domanda, dwar l-informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku qabel l-awtorizzazzjoni ta’ proġett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92 jeżiġi li l-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, imsemmija fl-Artikolu 4 tagħha, moqri flimkien mal-Annessi I jew II tagħha, għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni (sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Comune di Castelbellino, C‑117/17, EU:C:2018:129, punt 24). |
78 |
In-natura preliminari ta’ tali evalwazzjoni hija ġġustifikata mill-bżonn li, fil-proċess deċiżjonali, l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni, kemm jista’ jkun fil-fażi l-iktar bikrija, l-effetti fuq l-ambjent tal-proċessi tekniċi kollha ta’ ppjanar u ta’ deċiżjoni sabiex jiġi evitat, mill-bidu, il-ħolqien ta’ tniġġis jew ta’ inkonvenjenzi pjuttost milli sabiex sussegwentement jiġu miġġielda l-effetti tagħhom (sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Comune di Castelbellino, C‑117/17, EU:C:2018:129, punt 25). |
79 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/92 jelenka l-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent. Skont l-Artikolu 3(b), huwa meħtieġ li jiġu identifikati, deskritti u evalwati b’mod xieraq l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq l-art, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ. |
80 |
Fost l-informazzjoni li l-kuntrattur, fi kwalunkwe każ, għandu jipprovdi lill-awtorità deċiżjonali hemm, skont l-Artikolu 5(3)(b) u (c) tad-Direttiva 2011/92, deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex jiġu evitati u mnaqqsa effetti negattivi sinjifikattivi u, jekk possibbli, sabiex dawn jiġu rrimedjati kif ukoll id-data neċessarja sabiex jiġu identifikati u evalwati l-effetti prinċipali li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent. |
81 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2011/92 kif ukoll fid-dawl tan-natura imperattiva tal-kontroll li għandu jitwettaq skont id-Direttiva 2000/60, imfakkra fil-punti 74 sa 76 ta’ din is-sentenza, u tal-importanza mogħtija minn din l-aħħar direttiva lill-protezzjoni tal-ilma, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(3)(b) u (c) tad-Direttiva 2011/92 għandha tinkludi d-data neċessarja sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ proġett fuq l-istat tal-korpi tal-ilma kkonċernati fid-dawl tal-kriterji u tal-obbligi previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60. |
82 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/92 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-kuntrattur jipprovdi f’forma xierqa, l-informazzjoni speċifikata fl-Anness IV ta’ din id-direttiva, sa fejn din l-informazzjoni tkun rilevanti għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett partikolari, u fil-limitu ta’ dak li jista’ jiġi raġonevolment rikjest minn operatur privat. Din l-informazzjoni tinkludi, konformement mal-punt 4 ta’ dan l-anness, deskrizzjoni tal-effetti diretti, indiretti, sekondarji, kumulattivi, fuq żmien qasir, fuq żmien medju u fuq żmien twil, permanenti u temporanji, pożittivi u negattivi tal-proġett li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-użu tar-riżorsi naturali u tal-emissjoni ta’ inkwinanti. |
83 |
L-informazzjoni kollha hekk miġbura għandha, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/92, titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kkonċernat f’termini raġonevoli. |
84 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, skont id-Direttiva 2011/92 u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 3, 5 u 6 tagħha, l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għal finijiet ta’ konsultazzjoni qabel l-awtorizzazzjoni ta’ proġett għandha tinkludi d-data neċessarja għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan tal-aħħar fuq l-ilma fid-dawl tal-kriterji u tal-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60. |
85 |
Barra minn hekk, għalkemm ma jistax jiġi dedott mill-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2011/92 li d-data li tippermetti li jiġu evalwati l-effetti ta’ proġett fuq l-ilma għandha neċessarjament tidher f’dokument wieħed, bħal rapport jew studju tekniku, il-pubbliku kkonċernat għandu, kif jeżiġi l-Artikolu 6(4) u (6) ta’ din id-direttiva, ikollu l-possibbiltà effettiva li jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali u li jipprepara ruħu debitament għal dan il-għan. |
86 |
Għaldaqstant, huwa rilevanti li l-informazzjoni fil-fajl imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tippermetti lil dan tal-aħħar jikseb stampa preċiża tal-impatt tal-proġett inkwistjoni fuq l-istat tal-korpi tal-ilma kkonċernati, sabiex ikun jista’ jivverifika l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60. B’mod partikolari, id-data pprovduta għandha tkun ta’ natura li tirrileva jekk, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti minn din id-direttiva, il-proġett inkwistjoni jistax iwassal għal deterjorament ta’ korp ta’ ilma. |
87 |
Fi kwalunkwe każ, fajl inkomplet jew data mqassma, mingħajr koerenza, f’għadd kbir ta’ dokumenti, ma humiex ta’ natura li jippermettu lill-pubbliku kkonċernat jipparteċipa b’mod utli fil-proċess deċiżjonali u, għaldaqstant, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/92. |
88 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(3)(e) ta’ din id-direttiva, huwa l-kuntrattur li għandu jistabbilixxi “sommarju mhux tekniku” tal-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (d) ta’ dan il-paragrafu 3, li jinkludi d-data neċessarja sabiex jiġu identifikati u evalwati l-effetti prinċipali li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent. Dan is-sommarju għandu, skont l-Artikolu 6(3)(a) tal-imsemmija direttiva, jitqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. |
89 |
Fil-każ ineżami, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-fajl li l-pubbliku kellu aċċess għalih qabel l-awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni jissodisfax ir-rekwiżiti kollha li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/92, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) u (3) ta’ din id-direttiva, kif ippreċiżati f’din is-sentenza. |
90 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li:
|
Fuq it-tielet domanda
91 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60 għandux jiġi interpretat fis-sens li għandu jitqies li huwa deterjorament tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art minħabba proġett, l-eċċess ta’ parametru ta’ mill-inqas wieħed mill-istandards ta’ kwalità ambjentali. Hija tistaqsi wkoll jekk għandhiex titqies li tikkostitwixxi tali deterjorament żieda prevedibbli fil-konċentrazzjoni ta’ inkwinant meta l-limitu stabbilit għal dan tal-aħħar ikun diġà nqabeż. |
92 |
Hemm lok li jitfakkar li, fis-sentenza tagħha tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 70), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “deterjorament tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, imsemmi fl-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm deterjorament hekk kif l-istat ta’ mill-inqas wieħed mill-elementi ta’ kwalità, imsemmija fl-Anness V ta’ din id-direttiva, ikun iddegradat bi klassi, anki jekk din id-degradazzjoni ma timplikax degradazzjoni ta’ klassifikazzjoni, fl-intier tagħha, tal-korp tal-ilma inkwistjoni. Madankollu, jekk l-element ta’ kwalità kkonċernat ikun diġà jinsab fil-klassi l-iktar baxxa, kull degradazzjoni ta’ dan l-element tkun tikkostitwixxi “deterjorament tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
93 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa minnu li, kuntrarjament għall-korpi tal-ilma tal-wiċċ — li għalihom id-Direttiva 2000/60 tipprovdi skala ta’ ħames klassijiet ta’ stat ekoloġiku –, din tiddistingwi biss bejn “stat tajjeb” u “stat medjokri” fir-rigward tal-istat kwantitattiv u kimiku tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art. Mill-Artikolu 2(25) u (28) tagħha jirriżulta li din il-klassifikazzjoni ssir bl-għajnuna tat-tabelli li jinsabu fil-punti 2.1.2 u 2.3.2 tal-Anness V. |
94 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, minkejja dawn id-differenzi fil-metodu ta’ determinazzjoni tal-istat tal-korpi tal-ilma, skont jekk ikunx ilma tal-wiċċ jew ilma ta’ taħt l-art, l-istess prinċipji jiddeterminaw il-portata tal-kunċett ta’ “deterjorament tal-istat” tal-ilma, irrispettivament mit-tip ta’ ilma kkonċernat. |
95 |
Fil-fatt, fil-punti 68 sa 72 ta’ din is-sentenza ġie espost li l-għanijiet tad-Direttiva 2000/60, kemm għall-ilma tal-wiċċ kif ukoll għall-ilma ta’ taħt l-art, kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva għal dawn it-tipi ta’ ilma, huma fil-parti l-kbira identiċi. |
96 |
B’mod partikolari, l-istess japplika għall-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat tal-ilma, previst fl-Artikolu 4(1)(a)(i) ta’ din id-direttiva, fir-rigward tal-ilma tal-wiċċ, u fl-Artikolu 4(1)(b)(i), fir-rigward tal-ilma ta’ taħt l-art. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jirreferux għall-klassifikazzjoni prevista għal dawn it-tipi ta’ ilma fl-Anness V tal-istess direttiva, b’mod li l-kunċett ta’ “deterjorament tal-istat” tal-ilma huwa kunċett ta’ portata globali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 61). |
97 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm il-klassijiet previsti fl-Anness V tad-Direttiva 2000/60 kienu determinanti sabiex jiġi vverifikat jekk hemmx degradazzjoni, wara l-klassifikazzjoni ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ fil-klassi tal-istat l-iktar baxxa, degradazzjoni ġdida tal-istat tiegħu ma tkunx iktar legalment possibbli. Madankollu, fid-dawl tal-finalità stess tad-Direttiva 2000/60, il-korpi tal-ilma li huma fi stat ħażin jimmeritaw attenzjoni partikolari fil-kuntest tal-ġestjoni tal-ilma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 63). |
98 |
Dan l-istess raġunament japplika mutatis mutandis għall-ilma ta’ taħt l-art. |
99 |
F’dan il-kuntest, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 4(5)(c) tad-Direttiva 2000/60, li jipprovdi espressament projbizzjoni ta’ kull degradazzjoni addizzjonali fir-rigward ta’ korpi tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art immodifikati ferm li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri jistgħu jimmiraw li jiksbu għanijiet ambjentali inqas stretti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 64). |
100 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-kunċett ta’ “deterjorament tal-istat” tal-ilma għandu jiġi interpretat b’riferiment kemm għal element ta’ kwalità kif ukoll għal sustanza. Għalhekk, l-obbligu ta’ projbizzjoni ta’ deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma jikkonserva l-effett utli kollu tiegħu, bil-kundizzjoni li jkun jinkludi kull bidla li tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-għan prinċipali tad-Direttiva 2000/60 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 66). |
101 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-kriterji li jippermettu li jiġi konkluż li hemm deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma, għandu jitfakkar li mill-iskema tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, u b’mod partikolari mill-paragrafi 6 u 7 tiegħu, jirriżulta li d-deterjoramenti tal-istat ta’ korp tal-ilma, anki jekk tranżitorji, huma awtorizzati biss f’kundizzjonijiet stretti. Isegwi li l-limitu li lil hinn minnu jiġi kkonstatat ksur tal-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma għandu wkoll ikun kemm jista’ jkun baxx (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 67). |
102 |
Fir-rigward speċifikament tal-eżami tal-istat kimiku tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art, mill-punt 2.3.1 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 jirriżulta li l-konduttività tal-ilma u l-konċentrazzjoni ta’ inkwinanti jikkostitwixxu l-parametri rilevanti. It-tabella li tinsab fil-punt 2.3.2 ta’ dan l-anness tistabbilixxi għal kull wieħed minn dawn il-parametri l-elementi ta’ kwalità li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-istat kimiku ta’ korp tal-ilma huwiex “tajjeb” jew “medjokri”. |
103 |
Minn naħa, fir-rigward tal-konċentrazzjoni ta’ inkwinanti, dan l-eżami huwa bbażat fuq tliet elementi ta’ kwalità. Fl-ewwel lok, il-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu ma jurux effetti ta’ invażjoni ta’ salinità jew intrużjoni oħra. Fit-tieni lok, dawn il-konċentrazzjonijiet ma jeċċedux l-istandards ta’ kwalità applikabbli skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti konformement mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/60. Fit-tielet u fl-aħħar lok, il-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fl-ilma ta’ taħt l-art ma jipprekludux li jintlaħqu l-għanijiet ambjentali, speċifikati fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva għall-ilma tal-wiċċ anċillari, ma jimplikawx tnaqqis importanti tal-kwalità ekoloġika jew kimika ta’ dawn il-korpi u ma jikkawżawx dannu kbir lill-ekosistemi terrestri li jiddependu direttament mill-korp tal-ilma ta’ taħt l-art. |
104 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-konduttività, huwa rilevanti biss li l-bidliet tagħha ma jindikawx invażjoni ta’ salinità jew intrużjoni oħra fil-korp tal-ilma ta’ taħt l-art. |
105 |
Sa fejn il-punt 2.3.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 jirreferi għall-istandards ta’ kwalità applikabbli skont dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti oħra konformement mal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi rrilevat li din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi l-adozzjoni, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ta’ miżuri speċifiċi intiżi għall-prevenzjoni u għall-kontroll tat-tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art li jinkludu, b’mod partikolari, kriterji ta’ evalwazzjoni tal-istat kimiku tajjeb ta’ dan l-ilma, konformement mal-punt 2.2 tal-Anness II kif ukoll mal-punti 2.3.2 u 2.4.5 tal-Anness V ta’ din l-istess direttiva. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta d-Direttiva 2006/118. |
106 |
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/118 jipprovdi li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art, l-Istati Membri għandhom jużaw, minn naħa, l-istandards ta’ kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art li jinsabu fil-lista tal-Anness I ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, il-valuri limitu li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, konformement mal-Anness II ta’ din l-istess direttiva, b’mod partikolari għall-inkwinanti li, fit-territorju ta’ Stat Membru, ġew identifikati bħala li jikkontribwixxu sabiex l-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art jiġu kkaratterizzati bħala li qegħdin f’riskju. |
107 |
Konsegwentement, dawn l-istandards ta’ kwalità u valuri limitu jikkostitwixxu element ta’ kwalità, fis-sens tal-punt 2.3.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 li jippermetti li jiġi evalwat wieħed mill-parametri determinanti għall-klassifikazzjoni tal-istat ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art, jiġifieri l-konċentrazzjoni ta’ inkwinanti. |
108 |
Peress li, kif tfakkar fil-punt 100 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “deterjorament tal-istat” tal-ilma għandu jiġi interpretat b’riferiment għal element ta’ kwalità jew għal sustanza u li, hekk kif jirriżulta mill-punt 101 ta’ din is-sentenza, il-limitu li lil hinn minnu huwa kkonstatat ksur tal-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma għandu jkun kemm jista’ jkun baxx, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ wieħed mill-elementi ta’ kwalità msemmija fil-punt 2.3.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 jikkostitwixxi deterjorament tal-istat kimiku tal-korp tal-ilma ta’ taħt l-art ikkonċernat. |
109 |
B’mod partikolari, l-eċċess, f’korp tal-ilma ta’ taħt l-art, ta’ wieħed biss mill-istandards ta’ kwalità jew tal-valuri limitu, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/118, għandu jiġi kklassifikat bħala ksur tal-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art. |
110 |
Barra minn hekk, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 108 ta’ din is-sentenza u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punt 97 tagħha, kull żieda sussegwenti fil-konċentrazzjoni ta’ inkwinant li, fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/118, diġà teċċedi standard ta’ kwalità ambjentali jew valur limitu stabbilit mill-Istat Membru tikkostitwixxi wkoll deterjorament. |
111 |
Barra minn hekk, sabiex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-bidliet fil-konċentrazzjoni ta’ inkwinanti kkonstatati lokalment sabiex jiġi vverifikat jekk hemmx deterjorament tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma, għandu jiġi rrilevat li l-punt 2.4 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 jistabbilixxi l-kriterji prinċipali għall-monitoraġġ tal-istat kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art. Fil-punt 2.4.5 ta’ dan l-anness, imsemmi espressament mill-qorti tar-rinviju, hemm rekwiżiti ta’ interpretazzjoni u ta’ preżentazzjoni. |
112 |
Għalkemm din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi, ċertament, li l-klassifikazzjoni tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art bħala “tajjeb” jew “medjokri” għandha ssir billi jinġabru r-riżultati tal-punti differenti ta’ monitoraġġ ta’ korp tal-ilma, minn dan ma jirriżultax li, sabiex jiġi kkonstatat deterjorament ta’ dan l-istat, għandu jiġi affettwat il-korp kollu tal-ilma ta’ taħt l-art. |
113 |
B’mod partikolari, mir-rwol u mill-importanza ta’ kull sit ta’ kontroll fis-sistema ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art stabbilita mid-Direttiva 2000/60, b’mod partikolari fil-punt 2.4 tal-Anness V, jirriżulta li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ element ta’ kwalità f’punt wieħed ta’ monitoraġġ huwa biżżejjed sabiex ikun hemm lok li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art, fis-sens tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. |
114 |
Fil-fatt, konformement mal-punt 2.4 tal-Anness V tal-imsemmija direttiva, il-post tal-punti ta’ monitoraġġ għandu jipprovdi stampa koerenti u globali tal-istat kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art ta’ kull distrett tal-baċin tax-xmara. Għal dan il-għan, f’din id-dispożizzjoni huma previsti kriterji differenti għall-għażla tas-siti ta’ kontroll li, kif jikkonferma l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2006/118, għandhom jipprovdu data ta’ kontroll rappreżentattiva. |
115 |
Għalhekk, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ element ta’ kwalità f’punt wieħed ta’ monitoraġġ jindika l-eżistenza, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60, ta’ deterjorament tal-istat kimiku ta’ mill-inqas parti sinjifikattiva ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art. |
116 |
Barra minn hekk, ċertament ma huwiex eskluż li, minkejja li jinqabeż standard ta’ kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art jew ta’ valur limitu f’punt wieħed jew f’numru ta’ punti ta’ monitoraġġ, korp tal-ilma ta’ taħt l-art jitqies li għandu stat kimiku tajjeb skont l-Artikolu 4(2)(c) tad-Direttiva 2006/118. Madankollu, f’dan il-każ, l-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva jeżiġi li l-Istati Membri għandhom, konformement mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipproteġu, għall-parti tal-korp tal-ilma ta’ taħt l-art ikkonċernata mill-eċċess, l-ekosistemi akwatiċi, l-ekosistemi terrestri u l-użu mill-bniedem tal-ilma ta’ taħt l-art. |
117 |
Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60 jinkludu t-tfassil ta’ programmi sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. |
118 |
Għaldaqstant, meta element ta’ kwalità ma jkunx osservat f’punt wieħed ta’ monitoraġġ ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art, għandu jiġi kkonstatat deterjorament tal-istat kimiku tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60. |
119 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jitqies bħala deterjorament tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art minħabba proġett, minn naħa, l-eċċess ta’ mill-inqas wieħed mill-istandards ta’ kwalità jew mill-valuri limitu, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/118, u, min-naħa l-oħra, żieda prevedibbli tal-konċentrazzjoni ta’ inkwinant meta l-limitu stabbilit għal dan ikun diġà nqabeż. Il-valuri mkejla f’kull punt ta’ sorveljanza għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni individwalment. |
Fuq ir-raba’ domanda
120 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60, moqri fid-dawl tal-Artikolu 19 TUE u tal-Artikolu 288 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-membri tal-pubbliku kkonċernat minn proġett għandhom ikunu jistgħu, quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti, jinvokaw il-ksur tal-obbligi ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-korpi tal-ilma u ta’ titjib tal-istat tagħhom. |
121 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun inkompatibbli man-natura vinkolanti li l-Artikolu 288 TFUE jirrikonoxxi li direttiva teskludi fil-prinċipju l-fatt li l-obbligi li hija timponi jistgħu jiġu invokati mill-persuni kkonċernati (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et, C‑197/18, EU:C:2019:824, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
122 |
B’mod partikolari, fil-każijiet li fihom il-leġiżlatur tal-Unjoni jobbliga lill-Istati Membri, permezz ta’ direttiva, jadottaw aġir partikolari, l-effett utli ta’ tali aġir jiddgħajjef li kieku l-individwi jiġu preklużi milli jinvokawh quddiem qorti nazzjonali u li kieku l-qrati nazzjonali jiġu preklużi milli jeħduh inkunsiderazzjoni bħala element tad-dritt tal-Unjoni sabiex jivverifikaw jekk, fil-limiti tal-possibbiltà li hija rriżervata lilu fir-rigward tal-forma u tal-metodi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-att, il-leġiżlatur nazzjonali eċċediex b’hekk il-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ dan tal-aħħar (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et, C‑197/18, EU:C:2019:824, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
123 |
Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li minn tal-inqas il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma direttament ikkonċernati minn ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva fil-qasam tal-ambjent għandhom ikunu jistgħu jeżiġu li l-awtoritajiet kompetenti, possibbilment permezz ta’ azzjoni legali, josservaw l-obbligi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et, C‑197/18, EU:C:2019:824, punt 32). |
124 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kuntest tar-rikors tagħhom, ċerti rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li l-proġett inkwistjoni jista’ jiddeterjora l-istat tal-korp tal-ilma ta’ taħt l-art li jalimenta l-bwar domestiċi tagħhom li huma jużaw għall-ilma tax-xorb. Min-naħa l-oħra, la l-informazzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas l-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettu li tiġi stabbilita r-rilevanza, għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ li jistgħu wkoll jiġu affettwati mill-proġett inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħu jkunu kkonċernati minn ksur eventwali tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60, b’tali mod li l-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja ser jirrigwarda biss l-Artikolu 4(1)(b) dwar l-ilma ta’ taħt l-art. |
125 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuni, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, humiex direttament ikkonċernati minn ksur tal-obbligi previsti fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ din tal-aħħar kif ukoll il-kontenut tad-dispożizzjoni msemmija li l-applikazzjoni tajba tagħha hija invokata quddiem il-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et, C‑197/18, EU:C:2019:824, punt 35). |
126 |
F’dan ir-rigward, mill-punt 71 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-għan tad-Direttiva 2000/60 jikkonsisti fil-fatt li jintlaħaq, permezz ta’ azzjoni kkoordinata, l-“istat tajjeb” tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art kollu tal-Unjoni sas-sena 2015. Kemm l-obbligu ta’ titjib kif ukoll l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma huma intiżi sabiex jintlaħaq dan l-għan kwalitattiv. |
127 |
Kif jirriżulta mill-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/60, dan l-għan jikkontribwixxi, fir-rigward speċifikament tal-ilma ta’ taħt l-art, sabiex tiġi żgurata provvista suffiċjenti ta’ ilma ta’ taħt l-art ta’ kwalità tajba għall-bżonnijiet ta’ użu sostenibbli, ibbilanċjat u ekwu tal-ilma. |
128 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2000/60, permezz tal-għan tagħha u tal-obbligi previsti fl-Artikolu 4(1)(b) tagħha, sabiex tilħaq dan l-għan, tfittex ukoll l-għan speċifiku ta’ protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art bħala riżors għall-użu mill-bniedem. |
129 |
Din l-interpretazzjoni tal-għanijiet tad-Direttiva 2000/60 hija kkonfermata mill-punt (d) tal-ewwel paragrafu u mit-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tagħha, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2(33) tagħha. |
130 |
Mill-punt (d) tal-ewwel paragrafu u mit-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 jirriżulta li l-qafas regolatorju stabbilit minn din id-direttiva huwa intiż sabiex jintlaħaq progressivament tnaqqis sinjifikattiv tat-tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art u sabiex tiġi prekluża l-aggravazzjoni tiegħu. Skont l-Artikolu 2(33), it-tniġġis tal-ilma jirriżulta minħabba kwalunkwe introduzzjoni ta’ sustanzi fih, li jistgħu jaffettwaw is-saħħa tal-bniedem jew il-kwalità tal-ekosistemi akwatiċi, b’tali mod li l-approvazzjoni tal-ambjent u, b’mod iktar speċifiku, tal-ilma jew l-użu leġittimu tagħhom jiġu ostakolati. |
131 |
Għaldaqstant, mill-punt (d) tal-ewwel paragrafu u mit-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/60, moqri flimkien mal-Artikolu 2(33) tagħha, jirriżulta li t-tnaqqis u l-prevenzjoni ta’ tniġġis huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jippermettu l-użu leġittimu tal-ilma ta’ taħt l-art. |
132 |
Persuna li għandha d-dritt li tiġbor u li tuża ilma ta’ taħt l-art twettaq tali użu leġittimu. Għaldaqstant, hija direttament ikkonċernata mill-ksur tal-obbligu ta’ titjib u ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art li jalimentaw is-sors tagħha, liema ksur jista’ jostakola l-użu tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et, C‑197/18, EU:C:2019:824, punti 40 u 42). |
133 |
Fir-rigward tad-diversità tal-użi tal-ilma ta’ taħt l-art imsemmija fl-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 kif ukoll fl-Artikolu 2(33) tad-Direttiva 2000/60, il-fatt li l-eċċess ta’ wieħed mill-istandards ta’ kwalità jew mill-valuri limitu, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/118, ma jimplikax, bħala tali, it-tqegħid fil-perikolu tas-saħħa ta’ persuni li jixtiequ jippreżentaw rikors, ma jistax jikkonfuta din il-konklużjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et, C‑197/18, EU:C:2019:824, punt 41). |
134 |
Għaldaqstant, sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jużaw legalment l-ilma ta’ taħt l-art inkwistjoni, huma direttament ikkonċernati mill-ksur ta’ dawn l-obbligi. |
135 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda għandha tkun li l-punt (b) tal-ewwel paragrafu u l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 kif ukoll l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 19 TUE u tal-Artikolu 288 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-membri tal-pubbliku kkonċernat minn proġett għandhom ikunu jistgħu jinvokaw, quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti, il-ksur tal-obbligi ta’ prevenzjoni ta’ deterjorament tal-korpi tal-ilma u ta’ titjib tal-istat tagħhom, jekk dan il-ksur ikun jikkonċernahom direttament. |
Fuq l-ispejjeż
136 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.