EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0335

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-31 ta’ Mejju 2018.
Neli Valcheva vs Georgios Babanarakis.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (Bulgarie).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘dritt ta’ aċċess’ – Artikolu 1(2)(a) u punti (7) u (10) tal-Artikolu 2 – Dritt ta’ aċċess tan-nanniet.
Kawża C-335/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:359

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

31 ta’ Mejju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ’dritt ta’ aċċess‘ – Artikolu 1(2)(a) u punti (7) u (10) tal-Artikolu 2 – Dritt ta’ aċċess tan-nanniet”

Fil-Kawża C-335/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura

Neli Valcheva

vs

Georgios Babanarakis,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund (Relatur), J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, kif ukoll minn A. Kasalická, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn Y. G. Marinova u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Neli Valcheva, residenti fil-Bulgarija, lil bina tar-rispett, Georgios Babanarakis residenti fil-Greċja, dwar is-suġġett tad-dritt ta’ aċċess ta’ Valcheva fir-rigward in-neputi tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2, 5 u 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdu:

“(2)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Tampere ndorsja l-principju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji bħala bażi għall-ħolqien ta’ żona ġuridika ġenwina, u identifikat id-dritt taż-żjara bħala prijorità.

[…]

(5)

Sabiex l-ugwaljanza għal minuri kollha tkun assigurata, dan ir-Regolament ikopri d-deċizjonijiet kollha dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, inkluzi l-miżuri ta’ protezzjoni għall-minuri, indipendentement minn xi konnessjoni ma’ xi proċedura matrimonjali.

[…]

(12)

Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni” jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

а)

id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ;

b)

l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

2.   Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:

а)

drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess;

[…]”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi fil-punti (1) u (7) sa (10):

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)

Il-kelma ’qorti‘ għandha tkopri l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt u li huma nkluzi fil-kompetenza ta’ dan ir-Regolament skond l-Artikolu 1;

[…]

7)

il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

8)

il-kliem ‘min għandu r-responsabilità ta’ l-ġenituri’ se tfisser kwalunkwe persuna li għandha r-responsabilità ta’ l-ġenituri fuq il-minuri;

9)

il-kliem ‘drittijiet ta’ kustodja’ għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;

10)

il-kliem ‘drittijiet ta’ aċċess’ għandhom jinkludu partikolarment id-dritt li tieħu l-minuri f’post ‘l barra minn dak li huwa l-post residenzali proprju, għal perjodu ta’ żmien limitat”.

6

L-Artikolu 8 tal-istess regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.”

Id-dritt Bulgaru

7

L-Artikolu 128 Semeen kodeks (il-Kodiċi tal-Familja), fil-verżjoni tiegħu ppubblikata fid-Darzhaven vestnik Nru 74, tal-20 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Familja”), jipprevedi, f’dak li jikkonċerna d-“[d]ritt ta’ aċċess tal-membri tal-familja”:

“(1)   In-nannu u n-nanna jistgħu jippreżentaw talba quddiem ir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali) tad-domiċilju attwali tat-tfal, biex tagħti provvedimenti li jikkonċernaw id-dritt ta’ aċċess tagħhom, meta dan ikun fl-interess tat-tfal. It-tifel għandu l-istess dritt.

(2)   Il-qorti għandha tapplika konsegwentement l-Artikolu 59(8) u (9).

(3)   Jekk il-ġenitur li lilu l-qorti tkun tat id-dritt ta’ aċċess ikun temporanjament inkapaċi li jeżerċitah minħabba assenza jew mard, dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat min-nanna u n-nannu tat-tifel.”

8

L-Artikolu 59 ta’ dan il-Kodiċi tal-Familja jipprevedi:

“(1)   F’każ ta’ divorzju, il-konjuġi għandhom jiddeċiedu bi qbil komuni bejniethom dwar kwistjonijiet dwar il-kustodja u l-edukazzjoni tat-tfal minorenni tagħhom taż-żwieġ, fl-interess ta’ dawn tal-aħħar. It-Tribunal validu tal-Ftehim skont l-Artikolu 49(5).

(2)   Fin-nuqqas ta’ ftehim imsemmi fil-paragrafu 1, il-qorti tiddeċiedi ex officio ma’ liema ġenitur se jgħixu t-tfal u liema ġenitur jingħata d-dritt ta’ kustodja, u hija għandha tistabbilixxi l-miżuri dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt kif ukoll il-modalitajiet tad-dritt ta’ aċċess tal-ġenituri u l-obbligi tal-manteniment.

[…]

(7)   Eċċezzjonalment, jekk ikun fl-aħjar interess tat-tfal, il-qorti tista’ tordna li dawn jgħixu għand nannu jew nanna jew għand il-familja jew membri tal-familja jew persuni oħra, bil-kunsens tagħhom. Jekk dan ma jkunx possibbli, il-wild jitqiegħed ma’ familja tar-rispett jew istituzzjoni speċjalizzata, li jinħatru mid-Direttorat tal-Għajnuna Soċjali, jew f’servizz soċjali tat-tip residenzjali. Fil-każijiet kollha, il-qorti tistabbilixxi s-sistema adattata għad-dritt ta’ aċċess tal-ġenituri fir-rigward tal-wild.

(8)   F’każ ta’ neċessità, il-qorti tista’ tordna miżuri ta’ protezzjoni xierqa sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni skont il-paragrafi 2 u 7, sabiex:

1.

l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess fil-preżenza ta’ persuna ddeterminata;

2.

l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess f’post iddeterminat;

3.

il-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tat-tfal u, jekk neċessarju, kif ukoll tal-persuna li takkumpanjah.

(9)   F’każ ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi, il-qorti, fuq talba ta’ wieħed mill-ġenituri, tad-Direttorat ta’ Għajnuna Soċjali, jew ex officio, tista’ tbiddel il-miżuri ordnati preċedentement jew tordna miżuri ġodda.”

9

L-Artikolu 4 taż-Zakon za litsata i semeystvoto (il-Liġi dwar il-Persuni u l-Familja), fil-verżjoni tiegħu ppubblikata fil-Darzhaven vestnik 120, tal-29 ta’ Diċembru 2002, jistabbilixxi:

“Il-persuni ta’ iktar minn 14-il sena u ta’ inqas minn 18-il sena huma adoloxxenti minuri.

Dawn jistgħu jwettqu atti ġuridiċi bil-kunsens tal-ġenituri tagħhom jew tat-tuturi tagħhom, iżda jistgħu jwettqu huma stess tranżazzjonijiet żgħar biex jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom stess u jiddisponu minn dak li huma akkwistaw bix-xogħol tagħhom.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

N. Valcheva hija n-nanna ta’ Christos Babanarakis, imwieled fit-8 ta’ April 2002 miż-żwieġ bejn Mariana Koleva, bint N. Valcheva, ma’ Georgios Babanarakis. Dan iż-żwieġ ġie maħlul minn qorti Griega li fdat il-kustodja ta’ Christos Babanarakis lil missieru. Il-qorti Griega stabbilixxiet il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess tal-omm fir-rigward tat-tifel, li jinkludu kuntatti permezz tal-internet u bit-telefon, kif ukoll laqgħat personali, fil-Greċja, għal ftit sigħat, darba fix-xahar.

11

Wara li sostniet li kien impossibbli għaliha li żżomm kuntatt ta’ kwalità man-neputi tagħha u li hija kienet talbet inutilment l-appoġġ tal-awtoritajiet Griegi, N. Valcheva talbet lir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali), abbażi tal-Artikolu 128 tal-Kodiċi tal-Familja, sabiex tistabbilixxi l-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess bejnha u n-neputi minuri tagħha. Hija talbet sabiex tingħata d-dritt li tara lil dan tal-aħħar regolarment, f’ċerti ġranet fi tmiem-il ġimgħa kull xahar, kif ukoll iżżommu għandha ġimagħtejn jew tlieta matul il-vaganzi tiegħu, darbtejn fis-sena.

12

L-imsemmija qorti tal-ewwel istanza qieset li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina t-talba ta’ N. Valcheva. Il-Qorti tal-Appell adita minn din tal-aħħar ikkonfermat id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza, billi bbażat ruħha fuq ir-Regolament Nru 2201/2003. Hija ddeċidiet li dan ir-regolament kien japplika għal kawżi ta’ aċċess fir-rigward tal-wild, f’ċirku familjari usa’ li jinkludi n-nanniet tiegħu, u li, skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, l-imsemmija talba kienet taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument meta l-qorti ġiet adita, jiġifieri l-qrati Griegi.

13

N. Valcheva ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar tindika li taqbel essenzjalment mal-pożizzjoni tal-qorti tal-appell, iżda żżid li, sabiex jiġi ddeterminat liema hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, huwa meħtieġ li jkun magħruf jekk ir-Regolament Nru 2201/2003 japplikax għad-dritt ta’ aċċess ta’ nanniet.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-kunċett ta’ drittijiet ta’ aċċess’ li jintuża fl-Artikolu 1(2)(a) u fil-punt (10) tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkonċernax biss l-aċċess bejn il-ġenituri u l-minuri iżda wkoll l-aċċess għal qraba oħra għajr il-ġenituri, b’mod partikolari għan-nanniet?”

Fuq id-domanda preliminari

15

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-dritt ta’ aċċess tan-nanniet ta’ wild fir-rigward ta’ dan tal-aħħar jaqax fl-ambitu tar-Regolament Nru 2201/2003, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-indikazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi talba dwar dan id-dritt ta’ aċċess, bħal dik magħmula minn N. Valcheva, għandu jsir fuq il-bażi ta’ dak ir-regolament jew abbażi tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat.

16

Fl-ewwel ipoteżi invokata, il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni huma, bħala regola ġenerali u skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003, dawk tal-Istat Membru li fih jirrisjedi normalment il-wild fil-mument meta l-qorti tiġi adita. F’dan il-każ, fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qrati Griegi għandhom ġurisdizzjoni.

17

Fit-tieni ipoteżi prevista, il-qrati nazzjonali, f’dan il-każ il-qrati Bulgari għandhom jivverifikaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fid-dawl tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat.

18

Ir-Regolament Nru 2201/2003 ma jippreċiżax jekk il-kunċett ta’ “drittijiet ta’ aċċess”, iddefinit fil-punt (10) tal-Artikolu 2 tiegħu, jinkludix id-dritt ta’ aċċess tan-nanniet.

19

Dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kliem, tal-istruttura u tal-għanijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, fid-dawl b’mod partikolari tax-xogħlijiet preparatorji ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll ta’ atti oħra tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt internazzjonali.

20

Fir-rigward tal-kliem tal-punt (10) tal-Artikolu 2, tar-Regolament Nru 2201/2003, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-dritt ta’ aċċess huwa ddefinit b’mod wiesa’, bħala li jinkludi b’mod partikolari d-dritt li l-wild jittieħed għal żmien limitat f’post differenti minn fejn huwa għandu r-residenza abitwali tiegħu.

21

Din id-definizzjoni ma tistabbilixxi l-ebda limitazzjoni fir-rigward tal-persuni li jistgħu jibbenefikaw minn dan id-dritt ta’ aċċess.

22

Sabiex jiġi ddeterminat jekk in-nanniet humiex fost il-persuni msemmija minn din id-definizzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, hekk kif huwa ppreċiżat fl-Artikolu 1(1) (b) ta’ dan tal-aħħar, li bis-saħħa tiegħu, dan ir-regolament japplika għall-attribuzzjoni, għall-eżerċizzju, għad-delega, għall-irtirar totali jew parzjali tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

23

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ dritt ta’ aċċess, jissemma’, b’mod partikolari, fl-Artikolu 1(2) (a) kif ukoll l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 2201/2003.

24

L-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament jispeċifika li l-kwistjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jirrigwardaw b’mod partikolari d-dritt ta’ kustodja u d-dritt ta’ aċċess.

25

L-Artikolu 2(7) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ responsabbiltà tal-ġenituri bħala d-drittijiet u l-obbligi kollha mogħtija lil persuna fiżika jew lil persuna ġuridika abbażi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, ta’ attribuzzjoni ipso jure jew ta’ ftehim fis-seħħ, fir-rigward tal-persuna jew tal-beni ta’ minuri, li jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kustodja u d-dritt ta’ aċċess.

26

Hemm lok li jiġi osservat, fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li r-Regolament Nru 2201/2003 ma jeskludix b’mod espliċitu li dritt ta’ aċċess mitlub minn tan-nanniet fir-rigward tan-neputijiet tagħhom jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

27

Huwa importanti wkoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan imfittex mir-Regolament Nru 2201/2003.

28

Kif jirriżulta mill-preambolu ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar huwa intiż li joħloq żona ġudizzjarja bbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji permezz tal-istabbiliment ta’ regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

29

Skont il-premessa 5 tal-imsemmi regolament, dan ikopri “kull” deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

30

Fost dawn u skont il-premessa 2 tal-istess regolament, id-dritt ta’ aċċess huwa meqjus bħala prijorità.

31

Issa, jirriżulta mid-dokument tax-xogħol tal-Kummissjoni dwar ir-Rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, (COM(2001) 166 finali), tas-27 ta’ Marzu 2001, li l-leġiżlatur tal-Unjoni qajjem il-kwistjoni dwar liema huma l-persuni li jistgħu jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew jibbenefikaw mid-dritt ta’ aċċess. Dan ippreveda diversi għażliet, b’mod partikolari l-limitazzjoni tal-persuni kkonċernati f’wieħed mill-ġenituri tal-wild u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ kwalunkwe limitazzjoni għal persuni speċifikati. Dan id-dokument isemmi b’mod partikolari in-nanniet, b’referenza għall-abbozz tal-Kunsill tal-Ewropa fuq ir-relazzjonijiet personali li jikkonċernaw lill-minuri, li tirrikonoxxi d-dritt tat-tfal li jżommu relazzjonijiet personali mhux biss mal-ġenituri tagħhom, iżda wkoll ma’ persuni b’rabtiet familjari magħhom, bħalma huma n-nanniet tagħhom. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq l-għażla skont liema l-ebda dispożizzjoni ma għandha tirrestrinġi n-numru ta’ persuni li jistgħu jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew ta’ dritt ta’ aċċess.

32

Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm lok li jitqies, fid-dawl tax-xogħlijiet preparatorji relatati mar-Regolament Nru 2201/2003, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jwessa l-ambitu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 1, p. 209), li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li kien limitat għal tilwim li jirrigwarda l-ġenituri u li huwa ppreveda d-deċiżjonijiet kollha dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u, għalhekk, id-dritt ta’ aċċess, indipendentement mill-kwalità tal-persuni li jistgħu jeżerċitaw dak id-dritt u mingħajr ma jiġu esklużi nanniet.

33

Minn din l-analiżi jirriżulta li l-kunċett ta’ drittijiet ta’ aċċess, imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a) u l-punti (7) u (10) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda mhux biss id-drittijiet ta’ aċċess tal-ġenituri fil-konfront ta’ wliedhom, iżda wkoll dak ta’ persuni oħra li huwa importanti li dan il-wild iżomm relazzjonijiet personali, inkluż man-nanniet tiegħu, indipendentement minn jekk ikunx detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

34

Minn dan isegwi li talba tan-nanniet li hija intiża li jingħataw id-dritt ta’ aċċess fir-rigward tan-neputijiet tagħhom taqa’ taħt l-Artikolu 1(1) (b), tar-Regolament Nru 2201/2003 u, konsegwentement, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

35

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li jekk id-dritt ta’ aċċess ma kienx ikopri dawk il-persuni, id-domandi dwar dan id-dritt tista’ tiġi ddeterminata mhux biss mill-qorti magħżula skont ir-Regolament Nru 2201/2003, iżda wkoll minn qrati oħra, li jikkunsidraw lilhom infushom li għandhom ġurisdizzjoni abbażi tad-dritt internazzjonali privat. Jeżisti riskju li deċiżjonijiet konfliġġenti, jew saħansitra irrikonċiljabbli jiġu adottati, peress li d-dritt ta’ aċċess mogħti lil xi qarib tal-wild jista’ jippreġudika dak mogħti lil benefiċjarju tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

36

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għoti ta’ dritt ta’ aċċess lil persuna li ma hijiex il-ġenituri jista’ jkollu effett fuq id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawn tal-aħħar, jiġifieri, f’dan il-każ, dwar id-dritt ta’ kustodja tal-missier u dwar id-dritt ta’ aċċess tal-omm. Għalhekk huwa importanti, sabiex jiġi evitat li jittieħdu miżuri kunfliġġenti u fl-aħjar interess tat-tfal, li l-istess qorti, fil-prinċipju, dik tar-residenza abitwali tal-wild, għandha tiddeċiedi dwar id-drittijiet ta’ aċċess.

37

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-kunċett ta’ “dritt ta’ aċċess”, msemmija fl-Artikolu 1(2)(a), kif ukoll l-punti (7) u (10) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi d-dritt ta’ aċċess tan-nanniet fir-rigward tan-neputijiet tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-kunċett ta’ “dritt ta’ aċċess”, ikkontemplat fl-Artikolu 1(2)(a) u fil-punti (7) u (10) tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li jestendi għad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet fil-konfront tan-neputijiet tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top