IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.5.2018
COM(2018) 270 final
2018/0126(NLE)
Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ diplomi tal-edukazzjoni ogħla u tal-edukazzjoni sekondarja għolja u l-eżiti tal-perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż
{SWD(2018) 170 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
L-għan tar-Rakkomandazzjoni proposta tal-Kunsill huwa li jiġi żgurat li kull student, apprendist jew alliev li għandu esperjenza ta’ tagħlim barra mill-pajjiż, kemm għal kwalifika kif ukoll għal mobilità ta’ tagħlim, ikollu dik l-esperjenza rikonoxxuta awtomatikament għall-finijiet ta’ studju ulterjuri. Dan m’għandux jippreġudika d-dritt ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni u taħriġ biex tieħu deċiżjonijiet dwar l-ammissjoni.
Dan l-għan huwa element ċentrali tal-ambizzjoni li taħdem lejn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025, li ssejjaħ għal “Ewropa li fiha t-tagħlim, l-istudju u r-riċerka ma jkunux ostakolati mill-fruntieri. Kontinent, fejn li tqatta’ żmien fi Stat Membru ieħor - biex tistudja, biex titgħallem, jew biex taħdem - sar l-istandard u fejn, flimkien mal-lingwa materna tiegħek, li titkellem żewġ lingwi oħra sar in-norma; kontinent li fih in-nies għandhom sens qawwi tal-identità tagħhom bħala Ewropej, tal-wirt kulturali tal-Ewropa u tad-diversità tagħha." L-ambizzjoni tagħna hija li l-Istati Membri jkunu jistgħu jintensifikaw u jaċċelleraw il-koperazzjoni tagħhom f’dawn id-diversi oqsma, u b’hekk ukoll jipprovdu ispirazzjoni lil pajjiżi oħra li mhumiex fl-UE biex isegwu. Barra minn hekk, iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni se tkun ibbażata fuq approċċ ta’ tagħlim tul il-ħajja, li jkopri l-etajiet kollha, il-forom kollha ta’ tagħlim u s-setturi kollha fl-edukazzjoni u t-taħriġ.
Bl-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, l-Istati Membri l-ewwel se jiġu mistiedna biex jagħmlu impenn politiku għar-rikonoxximent awtomatiku. Imbagħad huma se jiġu mistiedna jimplimentaw approċċ tekniku pass pass biex jibnu l-fiduċja fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ xulxin. Dan iqis is-sitwazzjoni f’setturi differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ, billi l-proċeduri u l-għodod għar-rikonoxximent huma aktar żviluppati fl-edukazzjoni għolja milli fl-edukazzjoni sekondarja. Il-proposta tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti biex ir-rikonoxximent awtomatiku jsir realtà, kif ukoll l-għodod tal-UE li jistgħu jappoġġaw lill-Istati Membri, u l-istituzzjonijiet edukattivi u ta’ taħriġ tagħhom, fit-twettiq ta’ dan l-għan.
Il-mobilità fit-tagħlim trawwem il-kompetenzi u l-esperjenzi li huma kruċjali għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol. Tista’ wkoll trawwem il-mobilità tax-xogħol u b’hekk tikkontribwixxi għal standards ta’ għajxien aħjar, kif ukoll reżiljenza individwali u ekonomika. L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu reċenti tal-programm Erasmus+ irrapporta dwar l-impatt pożittiv tal-mobilità fuq il-fiduċja, l-indipendenza, il-kapital soċjali u t-tranżizzjoni għall-impjieg tal-istudenti. Fil-kuntest ta’ ambjent globalizzat tal-edukazzjoni u l-impjieg, huwa imperattiv li dawk li jitgħallmu jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-opportunitajiet kollha ta’ tagħlim madwar l-UE. Madankollu, in-nuqqas ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki u l-eżiti tal-perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż qed ixekkel din il-mobilità.
Sal-lum, l-uniku test legali f’dan il-qasam huwa l-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki dwar l-Edukazzjoni Għolja fir-Reġjun Ewropew (il-Konvenzjoni ta’ Lisbona dwar ir-Rikonoxximent), żviluppata mill-Kunsill tal-Ewropa u l-UNESCO u adottata fl-1997. Minn dakinhar ġiet irratifikata minn 53 pajjiż. Tkopri kemm it-tluq mill-iskola kif ukoll il-kwalifiki tal-edukazzjoni għolja. Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki tal-edukazzjoni għolja fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja huwa wkoll wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-Proċess ta’ Bologna, li ġie stabbilit fl-1998 u huwa magħmul minn 48 pajjiż, inklużi l-Istati Membri kollha. Fil-Komunikat ta’ Bucharest tal-2012, il-Ministri impenjaw ruħhom għall-għan fit-tul tar-rikonoxximent awtomatiku. Madankollu, minkejja r-riaffermazzjoni ta’ dan l-impenn fil-komunikat ta’ Yerevan tal-2015, fejn il-Ministri impenjaw ruħhom li jiżguraw li “l-kwalifiki [...] huma rikonoxxuti awtomatikament fl-istess livell bħall-kwalifiki domestiċi rilevanti”, il-progress tanġibbli jibqa’ bil-mod jew ineżistenti.
Għad hemm ħafna każijiet fl-edukazzjoni għolja fejn proċeduri ta’ rikonoxximent kumplikati, għaljin u li jieħdu ħafna ħin ifixklu l-moviment ħieles tal-istudenti. F’xi każijiet, dawn il-proċeduri jistgħu jieħdu diversi xhur u jiswew ħafna, b’inkonsistenza u nuqqas ta’ trasparenza li jżidu mad-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-istudenti. Waħda mir-raġunijiet għal dan hija li d-deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent spiss jitħallew għad-diskrezzjoni tal-istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja li min jitgħallem qed japplika għaliha, bi prattiki istituzzjonali differenti u nuqqas ta’ uniformità fil-kriterji.
Fl-edukazzjoni sekondarja għolja ġenerali, proċessi ta’ rikonoxximent reċiproku, kemm ta’ kwalifiki sekondarji għolja kif ukoll tal-eżiti ta’ perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż, huma sottożviluppati. Id-detenturi ta’ kwalifiki li jagħtu aċċess għall-edukazzjoni għolja fi Stat Membru wieħed ħafna drabi ma jkollhomx ċertezza dwar l-aċċess għall-edukazzjoni għolja fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, filwaqt li perjodi ta’ tagħlim iqsar barra mill-pajjiż joħolqu problemi ta’ rikonoxximent, l-inċertezza tibqa’ sfida importanti għal perjodi bejn tliet xhur u sena. Dan qed ikollu impatt negattiv fuq il-mobilità tat-tagħlim ta’ nies li jidħlu fl-edukazzjoni għolja, u wkoll fil-livell ta’ edukazzjoni sekondarja. Barra minn hekk, fid-dawl tal-espansjoni tal-mobilità tal-istudenti f’livell sekondarju fil-ġenerazzjoni futura tal-programm Erasmus+, il-kwistjonijiet ta’ rikonoxximent f’dan il-livell se jsiru aktar importanti.
Ir-rikonoxximent tal-mobilità individwali fl-edukazzjoni sekondarja u taħriġ vokazzjonali għolja huwa aktar żviluppat. Studenti bħal dawn jistgħu jużaw għodda biex l-eżiti tat-tagħlim tagħhom jiġu rikonoxxuti mill-istituzzjoni ta’ oriġini tagħhom. Min-naħa l-oħra, gradwati tal-edukazzjoni sekondarja u taħriġ vokazzjonali superjuri li għandhom aċċess għall-edukazzjoni għolja f’pajjiżhom m’għandhomx ċertezza li huma jkollhom l-istess aċċess fi Stati Membri oħra, għaliex il-prattiki nazzjonali jvarjaw. Din l-inċertezza dwar l-aċċess b’mod ċar għandha impatt negattiv fuq il-mobilità tat-tagħlim.
Madankollu, sar progress konsiderevoli bejn gruppi ta’ Stati Membri li ngħaqdu flimkien biex jagħmlu ftehimiet dwar rikonoxximent awtomatiku. Wieħed mill-eżempji huwa l-Benelux Deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent awtomatiku ffirmata fil-25 ta’ Jannar 2018, li fiha huma inklużi l-kwalifiki tal-edukazzjoni għolja kollha - minn programmi ta’ ċiklu qasir sa dottorati. Arranġamenti simili japplikaw fost il-pajjiżi Nordiċi, u huwa mistenni li jiġi ffirmat ftehim ulterjuri mill-istati Baltiċi fl-2018. Dawn it-tnejn jinkludu l-kwalifiki sekondarji għolja li jagħtu aċċess għall-edukazzjoni għolja. Barra minn hekk, xi Stati Membri, bħall-Awstrija u l-Italja, jirrikonoxxu awtomatikament l-eżiti tal-perjodi ta’ tagħlim li jitqattgħu f’xi pajjiż matul l-edukazzjoni u t-taħriġ sekondarju.
Eżempju pożittiv ta’ koperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki sekondarji għolja li jagħtu aċċess għall-edukazzjoni għolja huwa l-Baċellerat Ewropew, id-diploma mogħtija mill-Iskejjel Ewropej. Id-detenturi Ewropej ta’ diploma ta’ Baċellerat igawdu l-istess drittijiet u benefiċċji bħad-detenturi l-oħra ta’ ċertifikati fit-tmiem tal-iskola sekondarja f’pajjiżhom, inkluż l-istess dritt bħaċ-ċittadini bi kwalifiki ekwivalenti li jfittxu li jidħlu fi kwalunkwe istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja fi kwalunkwe Stat Membru.
Il-valur miżjud ta’ din il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill huwa li tibni fuq dawn l-eżempji biex jinfirex ir-rikonoxximent awtomatiku lill-Istati Membri kollha. Se tappoġġa lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ tagħhom fl-implimentazzjoni filwaqt li tirrispetta li huma responsabbli għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom. Dan l-istadju importanti lejn il-ħolqien ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni jista’ jservi ta’ ispirazzjoni biex isir progress f’fora oħra, pereżempju, fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja ġeografikament usa’.
Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, ir-rikonoxximent awtomatiku ta’ kwalifika jinftiehem bħala d-dritt għal detenturi ta’ kwalifika maħruġa minn Stat Membru wieħed biex jiġu kkunsidrati għall-aċċess għal programm għall-edukazzjoni jew taħriġ fi kwalunkwe Stat Membru ieħor, mingħajr ma jkollu jgħaddi minn proċedura ta’ rikonoxximent separata. Rikonoxximent awtomatiku tal-eżiti ta’ tagħlim f’pajjiż barrani huwa mifhum bħala d-dritt li l-eżiti ta’ perjodu ta’ tagħlim fi Stat Membru jkunu rikonoxxuti fi kwalunkwe Stat Membru ieħor meta l-eżiti tat-tagħlim ikunu ġew dokumentati b’mod xieraq. Glossarju ta’ termini użati f’dan id-dokument huwa pprovdut fl-anness.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika
Il-proposta ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent awtomatiku reċiproku ta’ diplomi tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni sekondarja għolja u perjodi ta’ studju barra mill-pajjiż kienet waħda mill-elementi ewlenin fil-kontribut tal-Kummissjoni Ewropea fil-laqgħa tal-Mexxejja f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017: il-Komunikazzjoni dwar it-Tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura. Hija marbuta bis-sħiħ mal-ambizzjoni li sal-2025 tinħoloq Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, u ġiet approvata permezz tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2017, li sejħet biex il-ħidma titressaq ’il quddiem fil-“promozzjoni tal-koperazzjoni tal-Istati Membri dwar ir-rikonoxximent reċiproku fl-edukazzjoni għolja u f’diplomi tat-tluq mill-iskola fil-livell tal-edukazzjoni sekondarja fil-qafas adegwat”.
Il-ħidma fuq ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tressaq ukoll ’il quddiem il-ħidma taħt il-qasam ta’ prijorità dwar “trasparenza u rikonoxximent tal-ħiliet u tal-kwalifiki biex jiġu ffaċilitati l-mobilità għat-tagħlim u l-mobilità tal-forza tax-xogħol”, kif identifikat fir-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għall-koperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ.
Fil-qafas tal-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Unjoni Ewropea, il-ħidma fuq rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ kwalifiki u l-eżiti tal-perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż jista’ jiddependi fuq għadd ta’ strutturi, inkluż:
(a)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2017 dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-Tagħlim tul il-Ħajja, li għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza, il-komparabbiltà u l-portabbiltà tal-kwalifiki tan-nies. Din ħolqot qafas ta’ referenza komuni ta’ tmien livelli ta’ kwalifiki, espressi bħala l-eżiti tat-tagħlim b’livelli dejjem akbar ta’ profiċjenza. Huma jservu bħala mezz ta’ traduzzjoni bejn sistemi ta’ kwalifiki differenti u l-livelli tagħhom. L-Istati Membri żviluppaw, jew qed jiżviluppaw, oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki bbażati fuq l-eżiti tat-tagħlim u qed jirrelatawhom mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;
(b)Id-Deċiżjoni Europass dwar qafas komuni għall-għoti ta’ servizzi aħjar għal ħiliet u kwalifiki, li għandhom jistabbilixxu qafas komprensiv u interoperabbli ta’ għodda u informazzjoni, b’mod partikolari għal skopijiet ta’ mobilità ta’ impjiegi u tagħlim transnazzjonali;
(c)Il-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja tas-17 ta’ Jannar 2018, li taġġorna r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja ta’ Diċembru 2006. Hija tirrakkomanda l-appoġġ u l-iżvilupp ulterjuri tal-valutazzjoni u l-validazzjoni ta’ kompetenzi ewlenin li jippermettu lill-individwi li jkollhom il-kompetenzi tagħhom rikonoxxuti u jiksbu kwalifiki sħaħ, jew fejn applikabbli, parzjali;
(d)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali ta’ Diċembru 2012, li stiednet lill-Istati Membri biex jistabbilixxu arranġamenti għall-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali sal-2018;
(e)Proċessi tal-assigurazzjoni tal-kwalità, li jippermettu lis-sistemi tal-edukazzjoni għolja tal-Istati Membri juru l-kwalità u jżidu t-trasparenza, u b’hekk jgħinu biex tinbena fiduċja reċiproka u rikonoxximent aħjar tal-kwalifiki, programmi u dispożizzjonijiet oħra tagħhom. B’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar iktar koperazzjoni fl-assigurazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni għolja, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jappoġġaw il-koperazzjoni bejn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità u l-akkreditazzjoni, awtoritajiet kompetenti u korpi oħra attivi f’dan il-qasam. Il-bażijiet għall-fiduċja u r-rikonoxximent huma sett komuni ta’ Standards u Linji gwida għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja li ġew żviluppati mill-Proċess ta’ Bologna u r-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja, li jipprovdi informazzjoni affidabbli dwar l-aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità li wrew il-konformità sostanzjali tagħhom ma’ dawn l-istandards u l-linji gwida;
(f)Il-Qafas Ewropew ta’ Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, adottat fl-2009, li jappoġġa t-titjib tal-arranġamenti tal-assigurazzjoni tal-kwalità fi programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali. Dan jgħin biex tiżdied it-trasparenza u b’hekk ikun hemm fiduċja fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tal-Istati Membri;
(g)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, li tiffaċilita r-rikonoxximent tal-eżiti tat-tagħlim skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż permezz ta’ għodod bħal ftehimiet ta’ tagħlim u memoranda ta’ fehim.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Billi tappoġġa t-titjib tar-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-eżiti ta’ perjodi ta’ tagħlim mwettqa madwar l-Unjoni Ewropea, u b’hekk jiżdied l-aċċess għal opportunitajiet għal mobilità fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg, din il-proposta se tikkontribwixxi għat-twettiq tal-prijorità tal-Kummissjoni li tagħti spinta lill-impjiegi u t-tkabbir.
Il-proposta hija wkoll konformi mad-Dikjarazzjoni ta’ Ruma, li titlob għal “Unjoni fejn iż-żgħażagħ jirċievu l-aħjar edukazzjoni u taħriġ u jistgħu jistudjaw u jsibu impjieg madwar il-kontinent”.
Se tikkontribwixxi wkoll għall-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jiddikjara li “[k]ulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, għal taħriġ u għal tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklussivi sabiex iżomm u jakkwista ħiliet li jippermettu parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u mmaniġġjar b’suċċess ta’ tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol”.
Il-proposta hija konsistenti wkoll mal-Linja Gwida 7 tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi tal-2018, li jgħid: “[I] l-mobbiltà tal-istudenti u l-ħaddiema jeħtieġ li tiġi promossa bl-għan li jittejbu l-ħiliet tal-impjegabbiltà u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew. Jeħtieġ li jitneħħew l-ostakli għall-mobilità fl-edukazzjoni u t-taħriġ […] u fir-rikonoxximent tal-kwalifiki”.
Hjia konsistenti mal-Aġenda tal-Ħiliet Ġodda tal-Kummissjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li jirrikonoxxu l-ħtieġa għal miżuri ulterjuri biex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki, kif ukoll il-mobilità fit-tagħlim, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu fl-UE. Hija konsistenti wkoll mar-Riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istudenti u r-Riċerkaturi, li l-għan tagħha huwa li tiffaċilita l-mobilità fl-UE għal riċerkaturi u studenti minn pajjiżi terzi.
Il-proposta hija wkoll konformi mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tat-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntiera tal-UE, li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu kunsiderazzjoni serja għal koordinazzjoni akbar, rikonoxximent reċiproku u allinjament aktar mill-qrib ma’ kull ġar.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-inizjattiva hija konformi mal-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 165 jiddikjara li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għal dak li hu l-kontenut u l-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni tagħhom. B’partikolari, l-Artikolu 165(2) issejjaħ b’mod espliċitu għall-azzjoni tal-Unjoni mmirata għall-“inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti u l-għalliema, inter alia billi tinkoraġġixxi r-rikonoxximent akkademiku ta’ diplomi u perjodi ta’ studju”.
L-Artikolu 166 jiddikjara li l-Unjoni għandha timplimenta politika ta’ formazzjoni vokazzjonali, li għandha tappoġġa u tissuplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tal-formazzjoni vokazzjonali.
L-inizjattiva ma tipproponi l-ebda estensjoni tal-poter regolatorju tal-UE jew l-impenji vinkolanti fuq l-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, kif jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)
L-għan tar-rakkomandazzjoni proposta huwa kwistjoni intrinsikament transnazzjonali. Dan jeħtieġ koperazzjoni ulterjuri bejn l-Istati Membri, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri waħedhom u għalhekk jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni.
Filwaqt li l-Konvenzjoni ta’ Lisbona dwar ir-Rikonoxximent u l-impenji magħmula taħt il-Proċess ta’ Bologna jipprovdu qafas għal rikonoxximent reċiproku awtomatiku, u hemm xi ftehimiet reġjonali fost gruppi iżgħar ta’ Stati Membri, l-ostakli jkomplu jfixklu r-rikonoxximent awtomatiku sħiħ madwar l-Unjoni.
•II-proporzjonalità
Il-proposta tipprevedi approċċ pass pass biex jinkiseb rikonoxximent reċiproku awtomatiku bejn l-Istati Membri. Ir-rakkomandazzjoni proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tagħha billi huwa strument mhux vinkolanti li jħalli lil kull Stat Membru inkarigat mill-approċċ biex jaħdem għal rikonoxximent reċiproku awtomatiku.
•L-għażla tal-istrument
Biex tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet imsemmija fl-Artikoli 165-166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, it-Trattat jippreskrivi li l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta r-rakkomandazzjonijiet.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux applikabbli.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Sabiex jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati l-aktar milquta mill-proposta setgħu jipprovdu l-kontribut u l-għarfien espert tagħhom, u biex iżidu mal-bażi ta’ evidenza tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni mmirata online ma’ Stati Membri u partijiet ikkonċernati. Waslu kważi 1,000 tweġiba minn individwi u organizzazzjonijiet li jaħdmu fl-oqsma tar-rikonoxximent, l-edukazzjoni u r-riċerka madwar l-Ewropa u lil hinn minnha.
Skont dawk li wieġbu, l-ostakoli ewlenin għall-kisba ta’ rikonoxximent reċiproku awtomatiku sħiħ huma: nuqqas ta’ trasparenza u regoli u proċeduri differenti; nuqqas ta’ paragonabbiltà ta’ tal-eżiti tat-tagħlim; proċeduri amministrattivi twal u kumplessi; u kwistjonijiet ta’ lingwa u traduzzjoni. Il-konsultazzjoni kkonfermat li jeżisti l-qafas meħtieġ u l-għodod tal-UE biex jiġi żgurat li jeżisti rikonoxximent, iżda huwa meħtieġ appoġġ ulterjuri għall-implimentazzjoni sħiħa tagħhom, bil-ħtieġa li tissawwar aktar fiduċja fiż-Żona tal-Edukazzjoni Ewropea. Kien hemm appoġġ qawwi għal azzjoni kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali. Barra minn hekk, il-konsultazzjoni wriet appoġġ ambizzjuż għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
Dawn ir-riżultati ġew imsaħħa aktar waqt laqgħa ddedikata fejn il-partijiet ikkonċernati u r-rappreżentanti tal-Istati Membri tennew il-ħtieġa ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ambizzjuża u li tiġi stabbilita mira ċara biex jinkiseb rikonoxximent reċiproku awtomatiku. Huma rrakkomandaw ukoll l-inklużjoni ta’ referenzi għal mogħdijiet alternattivi, bħal rikonoxximent ta’ tagħlim minn qabel u esperjenza professjonali, u li jqisu l-arranġamenti ta’ aċċess biex jindirizzaw l-iżvantaġġ soċjoekonomiku. Il-potenzjal tas-soluzzjonijiet diġitali, bħal blockchains u l-intelliġenza artifiċjali għandhom jiġu esplorati.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet bosta fażijiet ta’ konsultazzjoni man-netwerk taċ-Ċentri Nazzjonali dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku, in-netwerk tal-awtoritajiet ta’ rikonoxximent fl-Istati Membri, iż-Żona Ekonomika Ewropea u t-Turkija, kif ukoll in-Netwerk Ewropew ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar ir-rikonoxximent akkademiku u l-mobilità, li tinkludi l-partijiet kollha għall-Konvenzjoni ta’ Lisbona dwar ir-Rikonoxximent. Huma indikaw appoġġ għal azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam; enfasizzaw l-importanza tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Lisbona dwar ir-Rikonoxximent, u l-adeżjoni mal-istrutturi tal-Proċess ta’ Bologna u saħqu fuq ir-rwol kruċjali tal-assigurazzjoni tal-kwalità fil-bini tal-fiduċja. Huma indikaw ukoll il-ħtieġa għal bażi tad-data affidabbli ta’ kwalifiki, speċjalment għall-edukazzjoni sekondarja għolja u l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ. Barra minn hekk, huma rrakkomandaw it-tisħiħ tal-kapaċità tal-awtoritajiet tar-rikonoxximent u l-kunsiderazzjoni ta’ espansjoni tar-rwol tagħhom biex jinkludu setturi oħra tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
Dawn il-konsultazzjonijiet ġew segwiti minn diskussjonijiet ulterjuri fil-laqgħat tad-Diretturi Ġenerali għall-edukazzjoni għolja u d-Diretturi Ġenerali għall-iskejjel. Id-Diretturi Ġenerali għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ġew ikkonsultati bil-miktub.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Diversi studji mħejjija fil-kuntest tal-Proċess ta’ Bologna u l-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent ta’ Liżbona enfasizzaw l-isfidi kontinwi u l-inkoerenzi fil-proċeduri ta’ rikonoxximent. Ir-rakkomandazzjonijiet inkludew it-titjib tal-proċeduri u tal-liġijiet nazzjonali fejn xieraq. Huma pproponew appoġġ għal evalwaturi kredenzjali sabiex inaqqsu l-ħin meħud fid-deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent u proċeduri ta’ appell. Ġie propost ukoll titjib fis-Suppliment tad-Diploma biex isaħħaħ ir-referenzi tiegħu għall-eżiti tat-tagħlim, u li jiġi mistħarreġ il-potenzjal għal rikonoxximent fuq livell ta’ sistema fuq bażi reġjonali. Il-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet identifikati fil-kuntest tal-Proċess ta’ Bologna ġew approvati mill-Konferenza Ministerjali ta’ Bologna fl-2015.
Il-ħidmiet preċedenti tal-Kummissjoni fil-qasam tar-rikonoxximent tal-kwalifiki, li jinvolvu l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, enfasizzaw livell baxx tal-għarfien tal-għodod ta’ rikonoxximent u l-ħtieġa għal “sistema ta’ rikonoxximent” għal kull tip ta’ edukazzjoni u taħriġ. Hija kkonkludiet li l-faċilità li biha dawk li jitgħallmu jista’ jkollhom il-kwalifiki tagħhom rikonoxxuti fi Stat Membru ieħor kienet għadha tikkawża tħassib.
Il-Federazzjoni Ewropea għall-Apprendiment Interkulturali ppreżentat fl-2018 ħarsa ġenerali tad-dispożizzjonijiet legali u nazzjonali oħrajn għar-rikonoxximent tal-eżiti tal-perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż. Din ikkonfermat id-diversità kbira tad-dispożizzjonijiet legali, fejn jeżistu, u l-prattiki differenti, li jirriżultaw f’opportunitajiet inugwali għall-mobilità ta’ studenti sekondarji fl-Istati Membri.
•Valutazzjoni tal-impatt
Ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt minħabba l-approċċ komplementari tal-attivitajiet għall-inizjattivi tal-Istati Membri, in-natura volontarja tal-attivitajiet proposti u l-ambitu tal-impatti mistennija. L-iżvilupp tal-proposta minflok ġie infurmat minn studji preċedenti, konsultazzjoni tal-awtoritajiet tar-rikonoxximent u konsultazzjoni mmirata tal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom biex jiżguraw li se jiżviluppaw inizjattivi li jirrispettaw l-Artikolu 8 tal-
Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
, li tiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tikkonċerna lilu jew lilha; Din id-data għandha tiġi ttrattata b’mod ġust għall-għanijiet speċifiċi u fuq il-bażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt tal-aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha.
Permezz tal-provvediment ta’ rikonoxximent imtejjeb, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta se tikkontribwixxi wkoll għat-twettiq tal-Artikolu 14, dwar id-dritt għall-aċċess għall-edukazzjoni u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u l-Artikolu 15 dwar id-dritt għall-aċċess għall-impjieg.
Il-miżuri għandhom jitwettqu skont id-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE, li għandha tiġi sostitwita fil-25 ta’ Mejju 2018 bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-użu ta’ fondi eżistenti tal-UE, bħal Erasmus+ jew Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, biex jappoġġaw ir-realizzazzjoni tal-kompetenzi magħmula f’din il-proposta se jkunu mħeġġa, fejn xieraq u f’konformità mal-bażi legali tagħhom, kif ukoll ir-riżorsi finanzjarji rispettivi tagħhom.
L-ebda baġit jew riżorsi tal-persunal addizzjonali ma jkunu meħtieġa mill-baġit tal-UE.
Barra minn hekk, din l-inizjattiva m’għandhiex tippreġudika n-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss u l-programmi futuri.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar
L-Istati Membri se jimpenjaw ruħhom li jirrappurtaw b’mod regolari lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tagħhom tal-miżuri fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, li jibda fi żmien sentejn mill-adozzjoni tagħha, filwaqt li l-Kummissjoni se tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ġenerali tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill fi żmien ħames snin mill-adozzjoni tagħha, fuq il-bażi ta’ rapporti nazzjonali mill-Istati Membri maħruġa erba’ snin wara l-adozzjoni tagħha.
Barra minn hekk, il-progress, inkluż kwalunkwe sfida, se jiġi mmonitorjat permezz ta’ diskussjonijiet fil-Gruppi ta’ Ħidma settorjali tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020 li jkopru l-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u skejjel, li se jipprovdu forum għal tagħlim reċiproku u skambju ta’ prattika tajba. Mingħajr preġudizzju għal ftehim ma’ Stati Membri dwar il-mandat ta’ gruppi ta’ ħidma futuri, il-Kummissjoni għandha tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill lil hinn mill-2020.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Mhux applikabbli.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Ir-Rakkomandazzjoni proposta tal-Kunsill tissuġġerixxi approċċ pass pass li se jappoġġa lill-Istati Membri fit-twaqqif tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex jirriżultaw f’rikonoxximent awtomatiku għall-finijiet ta’ studju ulterjuri. Dan jibni fuq dak li diġà sar fl-edukazzjoni għolja, iżda b’approċċ aktar ambizzjuż u mmexxi mill-UE. Huwa jkopri mhux biss l-edukazzjoni għolja, iżda wkoll l-edukazzjoni sekondarja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.
Paragrafu 1
L-Istati Membri se jkunu mistiedna jimpenjaw ruħhom biex jiżguraw li l-kwalifiki jew l-eżiti ta’ perjodu ta’ tagħlim barra mill-pajjiż ikunu rikonoxxuti awtomatikament fuq l-istess bażi bħall-kwalifiki nazzjonali jew il-perjodi ta’ tagħlim.
Paragrafi 2-4
Fl-edukazzjoni għolja, l-Istati Membri se jkunu mistiedna jimplimentaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tinbena l-fiduċja fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ xulxin. Huma se jiġu mistiedna wkoll biex jimpenjaw ruħhom biex jiżviluppaw gwida li tappoġġja l-implimentazzjoni u l-użu ta’ għodod ta’ trasparenza f’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla.
Paragrafi 5-6
Fit-taħriġ u fl-edukazzjoni sekondarja, l-Istati Membri se jkunu mistiedna jimplimentaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tinbena l-fiduċja fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ xulxin. Huma se jkunu wkoll mistiedna jipproduċu gwida nazzjonali, jippromwovu l-użu ta’ kriterji u għodda ta’ trasparenza, jiskambjaw informazzjoni dwar sistemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni skolastika u jiżviluppaw strumenti ulterjuri ta’ assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.
Paragrafu 7
L-Istati Membri se jiġu mistiedna biex isaħħu l-kapaċità taċ-Ċentri ta’ Rikonoxximent Akkademiku Nazzjonali u tal-kredenzjali tal-evalwaturi.
Paragrafu 8
Bħala rikonoxximent tal-importanza għal titjib tal-aċċess għal gruppi mhux rappreżentati biżżejjed għal opportunitajiet ta’ mobilità għat-tagħlim, l-Istati Membri se jkunu mistiedna jistħarrġu l-prattika tajba fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ tagħlim minn qabel u l-permeabilità bejn is-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
Paragrafi 9-10
L-Istati Membri se jkunu mistiedna jtejbu l-bażi ta’ evidenza billi jiġbru u jxerrdu d-data dwar każijiet ta’ rikonoxximent, u jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
Paragrafi 11-19
Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill permezz ta’:
·tagħlim u skambju reċiproku ta’ prattiki tajbin;
·appoġġ immirat fejn meħtieġ;
·servizz ta’ informazzjoni online faċli għall-utent dwar kwalifiki tas-sekondarja għolja li jagħtu aċċess għall-edukazzjoni għolja;
·sinerġiji bejn għodod ta’ trasparenza tal-UE, sabiex titjieb il-koperazzjoni u l-mobilità bejn is-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ;
·esplorazzjoni tal-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali, inkluż il-blockchain, biex jiffaċilita r-rikonoxximent awtomatiku;
·esplorazzjoni ta’ estensjoni tal-ambitu taċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni għar-Rikonoxximent Akkademiku
·Strumenti ta’ finanzjament tal-Unjoni; u
·rappurtar dwar il-progress fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
2018/0126 (NLE)
Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ diplomi tal-edukazzjoni ogħla u tal-edukazzjoni sekondarja għolja u l-eżiti tal-perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-mobilità tat-tagħlim trawwem għarfien, ħiliet, kompetenzi u esperjenzi, inkluż kompetenzi personali u soċjali u kuxjenza kulturali, li huma kruċjali għal parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol, kif ukoll għall-promozzjoni ta’ identità Ewropea.
(2)Il-Kummissjoni Ewropea, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar it-Tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura, stabbilixxiet viżjoni li sal-2025 tinħoloq Żona Ewropea tal-Edukazzjoni fejn it-tagħlim, l-istudju u t-twettiq tar-riċerka ma jiġux imfixkla mill-fruntieri, inkluż billi jitneħħew l-ostakoli għar-rikonoxximent tal-kwalifiki, kemm fil-livell ogħla tal-iskejjel kif ukoll fl-edukazzjoni għolja.
(3)Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2017 sejħu lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex imexxu l-ħidma ’l quddiem fil-“promozzjoni tal-koperazzjoni tal-Istati Membri dwar rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi tal-edukazzjoni ogħla u tat-tmiem tal-iskola fil-livell tal-edukazzjoni sekondarja”.
(4)Il-Konvenzjoni tal-1997 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki dwar l-Edukazzjoni Għolja fir-Reġjun Ewropew (il-Konvenzjoni ta’ Lisbona dwar ir-Rikonoxximent), żviluppata mill-Kunsill tal-Ewropa u l-UNESCO, tipprovdi qafas legali għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni sekondarja għolja li jagħtu aċċess għall-edukazzjoni għolja.
(5)Il-Ministri għall-Edukazzjoni taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja għamlu impenn għall-għan fit-tul ta’ rikonoxximent awtomatiku ta’ lawrji akkademiċi komparabbli fil-Komunikat ta’ Bucharest tal-2012. Sar progress permezz tal-ħidma tal-Grupp Pijunier dwar ir-Rikonoxximent Awtomatiku, iżda l-għan għadu ’l bogħod milli jintlaħaq.
(6)Il-Ministri tal-Istati Membri responsabbli mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-2002 għamlu impenn għall-Proċess ta’ Copenhagen, proċess ta’ koperazzjoni msaħħa li tippromwovi r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-kompetenzi.
(7)L-assigurazzjoni tal-kwalità b’mod partikolari għandha rwol ewlieni x’taqdi fit-titjib tat-trasparenza, u b’hekk tgħin biex tinbena fiduċja reċiproka. Huwa għalhekk importanti li titkompla l-ħidma li diġà twettaq fil-kuntest tal-Istandards u l-Linji Gwida Ewropej għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja u l-Qafas Ewropew ta’ Referenza għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali.
(8)Biex jitħaffef ir-rikonoxximent tal-eżiti tat-tagħlim fil-liġi nazzjonali, inlkuż fil-qafas tal-mobbiltà, għandha titkompla l-ħidma għall-implimentazzjoni tas-Sistemi Ewropej tat-Trasferiment u l-Akkumulazzjoni tal-Krediti u s-Sistema Ewropa tal-Krediti għall-Edukazzjoni Vokazzjonali.
(9)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2017 dwar Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-Tagħlim tul il-Ħajja mistenni li jtejjeb it-trasparenza, il-komparabbiltà u l-portabilità tal-kwalifiki, u b’hekk tiffaċilita r-rikonoxximent tagħhom.
(10)Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ April 2012 dwar l-Immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja tal-Ewropa, jitlob sforzi addizzjonali min-naħa tal-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiżguraw rikonoxximent aktar effettiv u armonizzazzjoni akbar tal-kwalifiki akkademiċi.
(11)F’kuntest dejjem aktar globalizzat, huwa importanti li l-istudenti jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-opportunitajiet kollha ta’ tagħlim madwar l-Ewropa. Biex dan iseħħ, kwalifika mogħtija minn awtorità kompetenti fi Stat Membru wieħed għandha tkun valida fi kwalunkwe Stat Membru ieħor għall-iskop ta’ aċċess għal aktar attivitajiet ta’ tagħlim. Dan jinkludi ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom kwalifika minn Stat Membru wieħed u jmorru fi Stat Membru ieħor. Madankollu, in-nuqqas ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki u l-eżiti tal-perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż qed ixekkel din il-mobilità. Approċċ mifrux mal-Unjoni kollha għar-rikonoxximent awtomatiku biss jipprovdi ċ-ċarezza u l-konsistenza meħtieġa biex jingħelbu l-ostakoli li fadal.
(12)Fl-edukazzjoni għolja, il-proċeduri ta’ rikonoxximent ħafna drabi jibqgħu kkumplikati wisq jew jiswew wisq u ħafna studenti mobbli ma jiksbux rikonoxximent sħiħ tar-riżultati ta’ tagħlim miksuba b’suċċess. Madankollu, bosta Stati Membri ħadu l-inizjattiva biex jagħmlu progress lejn rikonoxximent awtomatiku, inkluż permezz tal-iffirmar ta’ ftehimiet reġjonali. Dawn l-inizjattivi jistgħu jservu bħala mudelli għall-ħolqien ta’ sistema mifruxa mal-Unjoni kollha.
(13)Id-detenturi ta’ kwalifiki li jagħtu aċċess għal edukazzjoni ogħla fi Stat Membru wieħed ħafna drabi ma jkollhomx ċertezza dwar l-aċċess għall-edukazzjoni għolja fi Stat Membru ieħor. B’mod partikolari, xi Stati Membri ma jirrikonoxxux il-kwalifiki li jiftħu l-aċċess għall-edukazzjoni għolja għal detenturi ta’ kwalifiki sekondarji fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, filwaqt li perjodi ta’ tagħlim iqsar barra mill-pajjiż mhux neċessarjament joħolqu problemi ta’ rikonoxximent, l-inċertezza tibqa’ sfida importanti għal perjodi ta’ bejn tliet xhur u sena.
(14)Approċċ pass pass se jappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet li se jagħmlu r-rikonoxximent awtomatiku possibbli. Dan l-approċċ se jibni fuq l-għodod diġà fis-seħħ għall-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, iżda se jtejjeb l-użu tagħhom u jgħolli progressivament il-livell ta’ ambizzjoni. Fl-edukazzjoni sekondarja u t-taħriġ ġenerali, se jitnieda proċess ta’ koperazzjoni mmirat lejn il-bini tal-livell meħtieġ ta’ fiduċja bejn is-sistemi differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri. Din ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi approċċ komplementari għall-inizjattivi tal-Istati Membri, u l-impenji huma ta’ natura volontarja.
(15)Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għas-sistema għar-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali u r-rekwiżiti minimi armonizzati ta’ taħriġ għal diversi professjonijiet skont id-Direttiva (KE) 2005/36 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali kif emendata bid-Direttiva (UE) 2013/55.
B’DAN TIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:
B'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea, ir-riżorsi disponibbli u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, u b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha:
Prinċipju Ewlieni
1.Jistabbilixxu l-passi meħtieġa biex, sal-2025, jinkiseb rikonoxximent awtomatiku ta’ kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni sekondarja għolja, kif ukoll rikonoxximent tal-eżiti tal-perjodi tat-tagħlim, sabiex, mingħajr ma jkollhom għalfejn jgħaddu minn proċedura ta’ rikonoxximent separata:
(a)kwalifika f’livell ta’ edukazzjoni għolja miksuba fi Stat Membru wieħed hija awtomatikament rikonoxxuta, għall-iskop li tagħti aċċess għal aktar studji, fl-oħrajn, mingħajr preġudizzju għal dritt ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja li jistabbilixxu kriterji ta’ ammissjoni speċifiċi għal programmi speċifiċi;
(b)kwalifika sekondarja għolja li tagħti aċċess għall-edukazzjoni għolja fi Stat Membru wieħed hija rikonoxxuta awtomatikament, għall-iskop li tagħti aċċess għall-edukazzjoni għolja , fl-oħrajn, mingħajr ma tippreġudika d-dritt ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja li jistabbilixxu kriterji ta’ ammissjoni speċifiċi għal programmi speċifiċi;
(c)l-eżiti minn perjodu ta’ tagħlim barra mill-pajjiż f’livell ta’ edukazzjoni għolja fi Stat Membru wieħed huma awtomatikament u kompletament rikonoxxuti fl-oħrajn, jew kif miftiehem fil-Ftehim ta’ Tagħlim u kkonfermati fit-Traskrizzjoni tar-Rekords, jew skont l-eżiti tat-tagħlim tal-moduli li saru barra mill-pajjiż, kif deskritt fil-Katalogu tal-Kors, b’mod konformi mas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti; u
(d)l-eżiti minn perjodu ta’ tagħlim ta’ sena barra mill-pajjiż matul l-edukazzjoni u t-taħriġ tas-sekondarja fi Stat Membru wieħed huma kompletament rikonoxxuti fi kwalunkwe oħra, fejn l-istudent ma jkunx meħtieġ jirrepeti s-sena tal-programm fil-pajjiż tal-oriġini, sakemm il-kompetenzi miksuba huma ġeneralment konformi mal-kompetenzi definiti fil-kurrikuli nazzjonali.
L-Edukazzjoni Għolja
2.Bħala rikonoxximent tal-importanza li titrawwem it-trasparenza u tinbena l-fiduċja fis-sistemi tal-edukazzjoni għolja ta’ xulxin biex jinkiseb rikonoxximent awtomatiku, jagħmlu impenn li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin, li fihom:
(a)l-oqfsa jew is-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki jagħmlu referenza għall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u huma ċċertifikati minnhom infushom għall-Qafas tal-Kwalifiki taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja;
(b)sistemi ta’ edukazzjoni għolja huma organizzati skont l-istrutturi tal-Proċess ta’ Bologna, li jinkludu qafas ta’ tliet ċikli u, fejn applikabbli għall-Istat Membru, ċiklu qasir; u
(c)l-assigurazzjoni tal-kwalità esterna titwettaq minn aġenziji ta’ assigurazzjoni tal-kwalità indipendenti rreġistrati mar-Reġistru Ewropew tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità u li għalhekk topera f’konformità mal-Istandards u l-Linji Gwida għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja u l-Approċċ Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità ta’ Programmi Konġunti .
3.B’koperazzjoni ma’ Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni għar-Rikonoxximent Akkademiku, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, aġenziji ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u partijiet ikkonċernati ewlenin oħra, jiżviluppaw gwida nazzjonali biex tappoġġja istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja biex jipproduċu u jimplimentaw b’mod effettiv l-għodod ta’ trasparenza li ġejjin:
(a)Katalogu tal-Kors aġġornat, b’deskrizzjonijiet tal-programmi kollha tal-lawrji, unitajiet edukattivi uniċi u tabelli tad-distribuzzjoni tal-gradi;
(b)Supplimenti tad-Diploma għall-gradwati kollha, maħruġa awtomatikament u bla ħlas b’lingwa użata ħafna u f’format diġitali; u
(c)kriterji trasparenti għar-rikonoxximent li huma applikati b’mod konsistenti f’kull istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja.
4.Tipprovdi appoġġ espert lil istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja biex timplimenta din il-gwida nazzjonali, u tissorvelja l-implimentazzjoni tagħha.
L-Edukazzjoni Sekondarja u t-Taħriġ
5.Sabiex jinkiseb rikonoxximent awtomatiku ta’ kwalifiki tas-sekondarja għolja, titrawwem it-trasparenza u tissawwar il-fiduċja fis-sistemi tal-edukazzjoni tas-sekondarja u t-taħriġ ta’ xulxin billi:
(a)jiżguraw li l-oqfsa jew is-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki jagħmlu referenza għall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;
(b)jiskambjaw informazzjoni u jippromwovu t-tagħlim reċiproku dwar is-sistemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni skolastika, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ l-approċċi nazzjonali differenti fl-assigurazzjoni tal-kwalità; u
(c)jiżviluppaw strumenti ta’ assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali b’konformità mal-Qafas Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali.
6.Jiffaċilitaw il-mobilità u r-rikonoxximent tal-eżiti tal-perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż matul l-edukazzjoni sekondarja u t-taħriġ billi:
(a)jipproduċu materjal ta’ gwida nazzjonali għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni sekondarja u t-taħriġ dwar prinċipji ġenerali u għodod għar-rikonoxximent;
(b)jippromwovu l-użu ta’ kriterji u għodda trasparenti, bħal ftehimiet ta’ tagħlim ibbażati fuq il-kompetenza bejn l-istituzzjonijiet li jibagħtu u jospitaw. Fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-estensjoni tal-użu tal-għodod tal-UE, bħad-dokument tal-Europass Mobility, is-Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali u l-Memorandum ta’ Qbil u l-Ftehim ta’ Tagħlim, u oħrajn li huma disponibbli permezz tal-pjattaforma online tal-Europass għall-ħiliet u l-kwalifiki; u
(c)il-promozzjoni tal-benefiċċji tal-mobilità fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni sekondarja u t-taħriġ u l-istudenti u l-familji tagħhom u l-promozzjoni tal-benefiċċji li tospita l-mobilità fost min iħaddem.
Ċentri Nazzjonali ta’ Għarfien Akkademiku
7.Jiżviluppaw il-kapaċità ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Rikonoxximent Akkademiku u evalwaturi kredenzjali, b’mod partikolari fir-rigward tat-tixrid ta’ informazzjoni, l-użu ta’ għodod online biex titjieb l-effiċjenza u l-konsistenza u l-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv u finanzjarju għall-utenti tas-servizzi tagħhom.
Il-permeabilità u l-mobilità
8.Jesploraw prattika tajba fir-rigward tar-rikonoxximent tat-tagħlim minn qabel u l-permeabilità bejn is-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b’mod partikolari bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja.
Bażi ta’ Evidenza
9.Jittejjeb il-bażi ta’ evidenza billi tinġabar u titqassam id-data dwar l-għadd u t-tip ta’ każijiet ta’ rikonoxximent.
Rapportar u Valutazzjoni
10.Fi żmien sentejn mill-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, u b’mod regolari minn hemm ’il quddiem, isiru rapporti permezz ta’ oqfsa u għodod eżistenti dwar l-esperjenzi u l-progress lejn il-kisba ta’ rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ kwalifiki u eżiti ta’ perjodi ta’ tagħlim barra l-pajjiż.
B’DAN JILQA’ L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI BIEX:
11.Jiġi promoss it-tagħlim reċiproku u skambju ta’ prattiki tajba u koperazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, l-awtoritajiet ta’ rikonoxximent u organizzazzjonijiet internazzjonali. Din il-koperazzjoni tal-UE għandha timmira li tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrumenti tal-Proċess ta’ Bologna għall-edukazzjoni għolja fl-UE, kif ukoll l-istrumenti tal-Proċess ta’ Copenhagen għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.
12.Fil-qasam tal-edukazzjoni sekondarja ġenerali, jitnieda proċess ta’ koperazzjoni tal-UE, flimkien mal-Istati Membri, biex tinbeda koperazzjoni eqreb fost l-Istati Membri fil-livell tal-edukazzjoni sekondarja biex tikseb l-għanijiet ta’ din ir-rakkomandazzjoni biex titrawwem it-trasparenza u tinbena l-fiduċja fis-sistemi edukattivi tal-iskejjel madwar l-Unjoni .
13.Jiġi pprovdut appoġġ immirat għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jirrapportaw problemi ogħla mill-medja bir-rikonoxximent ta’ perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż.
14.Jiġi stabbilit servizz ta’ informazzjoni online tal-UE li jkun faċli għall-utent ta’ kwalifiki tas-sekondarja għolja li jagħtu aċċess għall-edukazzjoni għolja f’kull Stat Membru.
15.Jiġu esplorati sinerġiji bejn għodod ta’ trasparenza tal-UE u, fejn xieraq, jiġu żbilupati aktar, bil-għan li tittejjeb il-koperazzjoni u l-mobilità bejn is-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
16.Jiġi esplorat il-potenzjal ta’ teknoloġiji ġodda, bħat-teknoloġija blockchain, biex tiffaċilita r-rikonoxximent awtomatiku.
17.Jiġi esplorat, f’koperazzjoni mal-Istati Membri u ċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni għar-Rikonoxximent Akkademiku, estensjoni tar-rwol tagħhom biex jinkludu setturi oħra tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
18.Jiġi appoġġat l-użu ta’ sorsi Ewropej ta’ finanzjament, bħall-Erasmus+ jew Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, fejn xieraq u f’konformità mal-kapaċità finanzjarja, il-bażi legali, proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u prijoritajiet definiti għall-perjodu 2014-2020 tagħhom, mingħajr preġudizzju tħan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Jissaħħaħ il-mobilità fl-edukazzjoni u t-taħriġ tas-sekondarja fil-Programm Erasmus+.
19.Jitressaq rapport lill-Kunsill dwar is-segwitu ta’ din ir-Rakkomandazzjoni permezz ta’ oqfsa u għodod eżistenti.
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President