EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004PC0728(01)

Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bl-għan li jiġu ssimplifikati l-obbligazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud

/* KUMM/2004/0728 finali - CNS 2004/0261 */

52004PC0728(01)

Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bl-għan li jiġu ssimplifikati l-obbligazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud /* KUMM/2004/0728 finali - CNS 2004/0261 */


Brussel 29.10.2004

KUMM(2004) 728 finali

2004/0261 (CNS)

2004/0262 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bl-għan li jiġu ssimplifikati l-obbligazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li twaqqaf regoli dettaljati sabiex issir rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, provdut fid-Direttiva 77/388/KEE, lil persuni taxxabbli mhux stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż imma stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1798/2003 dwar l-introduzzjoni ta’ arranġamenti għal kooperazzjoni amministrattiva fil-kuntest ta’ skema biex tinqeda f’post wieħed u l-proċedura ta’ rifużjoni għat-taxxa fuq il-valur miżjud

.

(preżentati mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. INTRODUZZJONI

F’Ottubru ta’ l-2003, il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni li tirrevedi l-istrateġija tal-VAT li kienet nediet f’Ġunju ta’ l-2000 u li tindika inizjattivi ġodda li għandhom jiġu meħuda taħt dik l-istrateġija fil-futur.[1] Din l-istrateġija pprovdiet għal programm ta’ azzjoni, immirat għal erba’ għanijiet prinċipali: is-simplifikazzjoni, l-modernizzazzjoni u l-applikazzjoni aktar uniformi tar-regoli kurrenti u arranġamenti għal kooperazzjoni amministrattiva aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri biex jikkumbattu l-frodi.

Fil-komunikazzjoni, is-simplifikazzjoni ta’ l-obbligazzjonijiet tat-taxxa kienet identifikata bħala waħda miż-żoni prinċipali ta’ xogħol għall-futur. Is-simplifikazzjoni tista’ tiġi milħuqa notevolment b’użu akbar ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni bejn persuni taxxabbli u awtoritajiet tat-taxxa u bejn awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali.

L-għan li jiġu ssimplifikati l-obbligazzjonijiet tan-negozji fil-qasam tal-VAT hu skond it-talba tal-Kunsill Ewropew tal-25 u tas-26 ta' Marzu 2004 sabiex jiġu identifikati oqsma għas-simplifikazzjoni. Bħala risposta għal din it-talba, il-Kunsill Kompetittiv adotta fil-laqgħa tiegħu tas-17 u tat-18 ta’ Mejju 2004 konklużjonijiet għal regolamentazzjoni aħjar.

Wara dawn il-konklużjonijiet, il-Presidenza Irlandiża u l-Presidenza Olandiża li għadha kemm bdiet, stiednu lill-Istati Membri l-oħra f’Ġunju ta’ l-2004, sabiex jissottomettu suġġerimenti konkreti għas-simplifikazzjoni, bażati fuq l-esperjenzi nazzjonali tagħhom. Għadd ta’ Stati Membri ssuġġerew simplifikazzjoni tas-Sitt Direttiva tal-VAT, imma ġie deċiż li ma jiġix meħud in konsiderazzjoni dan is-suġġeriment fil-kuntest tal-Kunsill Kompetittiv minħabba li kien diġà parti mill-programm ta’ simplifikazzjoni tal-VAT tal-Kummissjoni.

Fil-laqgħa informali ta’ l-ECOFIN tal-11 ta’ Settembru 2004, il-Presidenza Olandiża qajmet ukoll il-kwistjoni ta’ "Inrawwmu t-tkabbir billi nnaqqsu l-piżijiet amministrattivi". Il-proposta preżenti toqgħod perfettament f’dan l-għan.

Barra minn hekk, is-Servej Ewropew dwar it-Taxxi[2]li ġie ppubblikat reċentement u li kien immexxi mill-Kummissjoni fit-tieni nofs ta’ l-2003 ikkonferma li persuni taxxabbli li għandhom obbligazzjonijiet tal-VAT fi Stat Membru fejn m’humiex stabbiliti huma dawk li għandhom l-akbar piż sabiex jikkonformaw. Parti sostanzjali ta’ dawk il-persuni taxxabbli jidhru wkoll li jastjenu milli jkollhom attivitajiet ta’ VAT fi Stat Membru ieħor minħabba l-piż impost mill-fatt li trid tikkonforma ma’ l-obbligazzjonijiet tal-VAT t’hemmhekk. Dan hu kkonfermat minn dokument magħmul min- Network Ewropew ta’ Ċentri tal-Konsumatur fl-2003 dwar l- e-commerce . Dan ir-rapport jidentifika r-reġim kurrenti tal-VAT bħala wieħed mir-raġunijiet li għalihom operaturi jirrifjutaw li jbiegħu oġġetti lil konsumaturi li qed jgħixu fi Stat Membru ieħor barra l-Istat Membru fejn hi stabbilita l-kumpanija. Is-simplifikazzjoni tar-reġim tal-VAT għalhekk se jkun ta’ benefiċċju kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi li se jkollhom aċċess għal firxa usa ta' oġġetti fis-Suq Intern.

Barra minn hekk, il-proċedura preżenti ta’ rimborż taħt it-Tmien Direttiva tal-VAT[3]tidher li ġġib magħha tant piżijiet li huwa stmat li aktar minn 53.5% ta’ kumpaniji kbar ma talbux refużjonijiet li għalihom kienu intitolati f’xi żmien jew ieħor minħabba dawn il-problemi.

L-għan prinċipali tal-proposta preżenti hu għalhekk li jiġu introdotti miżuri ta’ simplifikazzjoni mmirati li jtaffu l-piż tal-konformità mal-VAT fuq persuni taxxabbli li m’għandhomx stabbiliment fl-Istat Membru fejn qed jagħmlu l-attivitajiet tagħhom.

Il-proposta fiha sitt miżuri konkreti sabiex jintlaħaq dan l-għan:

- l-introduzzjoni ta’ l-iskema biex tinqeda f’post wieħed għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti;

- l-introduzzjoni ta’ skema biex tinqeda f’post wieħed biex tiġi mmodernizzata t-Tmien Direttiva tal-proċedura tar-rifużjoni;

- armonizzazzjoni ta’ l-iskop ta’ l-oġġetti u servizzi li għalihom Stati Membri jistgħu japplikaw restrizzjonijiet għad-dritt ta’ tnaqqis;

- estensjoni ta’ l-użu tal-mekkaniżmu ta’ ħlas b’lura għal xi transazzjonijiet minn negozju għal negozju (B2B) magħmula minn persuni taxxabbli mhux stabbiliti;

- analiżi mill-ġdid ta’ l-iskema speċjali għal negozjanti żgħar;

- simplifikazzjoni ta’ l-arranġamenti għal bejgħ b’distanza.

Dan hu magħmul permezz ta' tliet proposti leġiżlattivi differenti: modifikazzjoni tas-Sitt Direttiva tal-VAT[4],is-sostituzzjoni tat-Tmien Direttiva tal-VAT u modifikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) No 1798/2003 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fuq il-VAT[5].

Din l-inizjattiva diġà ġiet diskussa b’mod estensiv ma’ l-Stati Membri u kienet is-suġġett ta’ proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ fuq l-Internet.

2. L-INTRODUZZJONI TA’ L-ISKEMA BIEX TINQEDA F’POST WIEħED

Taħt ir-regoli kurrenti, persuna taxxabbli li għandha transazzjonijiet taxxabbli li għalihom hi obbligata li tħallas it-taxxa f’aktar minn Stat Membru wieħed, trid twettaq l-obbligazzjonijiet tal-VAT (identifikazzjoni, denunzji u ħlas) f’kull wieħed minn dawn l-Istati Membri. Minħabba li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni konsiderevoli fid-definizzjoni ta’ l-obbligazzjonijiet tal-VAT (il-kontenut tad-denunzja u l-frekwenza), persuna taxxabbli tista’ tispiċċa b’għadd ta’ obbligazzjonijiet li jridu jiġu mwettqa f’għadd ta’ Stati Membri differenti.

L-iskema speċjali għal persuni mhux stabbiliti li jipprovdu servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli pprovdut għaliha taħt l-Artikolu 26c tas-Sitt Direttiva tal-VAT tikkonstitwixxi f’dan l-istadju l-unika eċċezzjoni għal dan il-prinċipju. Fil-proposta tagħha dwar servizzi provduti b’mod elettroniku ( e-commerce )[6], il-Kummissjoni kkunsidrat li l-konformità għal operaturi ta’ kummerċ elettroniku minn barra l-UE għandha tiġi magħmula faċli u sempliċi kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni pproponiet li operaturi ta’ e-commerce minn barra l-UE jkunu obbligati li jirreġistraw fi Stat Membru wieħed biss. Imbagħad huma jiċċarġaw il-VAT bir-rata applikabbli f’dak l-Istat Membru u jkollhom x'jaqsmu biss ma' amministrazzjoni waħda ta’ taxxa fi ħdan l-UE.

Matul in-negozjati fil-Kunsill, din il-proposta ġiet emendata sabiex jiġi assigurat li l-VAT tiġi ċċarġjata bir-rata applikabbli ta’ l-Istat Membru fejn il-klijent ikun residenti. Madankollu, id-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE[7]adottata f’Ġunju ta’ l-2002 żammet il-prinċipju li operaturi ta’ e-commerce minn barra l-UE kellu jkollhom x’jaqsmu biss ma’ awtorità waħda tal-VAT f’Stat Membru ta’ l-għażla tagħhom (skema biex tinqeda f’post wieħed).

Il-Kummissjoni hi konvinta li l-mudell ta’ skema biex tinqeda f’post wieħed jista’ jissimplifika l-obbligazzjonijiet tat-taxxa għal numru konsiderevolment akbar ta’ negozjanti milli jagħmel illum. Fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tirċievi mill-Istati Membri, il-Kummissjoni tikkalkula li bħalissa hemm madwar 250,000 reġistrazzjoni tal-VAT fl-Unjoni Ewropea relatati ma' negozjanti stabbiliti fi Stati Membri oħra. B’mod partikolari, negozji fl-UE li jwettqu attivitajiet li jaqsmu l-fruntieri li għalihom isiru obbligati li jħallsu l-VAT fl-Istati Membri fejn huma m’għandhomx preżenza fiżika jistgħu jibbenefikaw minn użu aktar estensiv ta’ din it-tip ta’ sistema. Persuni taxxabbli koperti mill-arranġamenti għall-bejgħ b’distanza huma ċertament uħud mill-kategoriji ewlenin ta’ negozji kkonċernati. Madankollu, tista’ tiġi użata wkoll għal tip ieħor ta’ transazzjonijiet, b’mod partikolari għal provvisti li jinvolvu l-installar jew immuntar, xogħol fuq propjetà immobbli, ġarr, bejgħ f’esebizzjonijiet, fieri jew swieq, eċċ.

Meta wieħed jara l-estensjoni proposta fl-użu ta’ ħlas b’lura għal provvisti li jinvolvu installar jew immuntar, xogħol fuq propjetà immobbli u servizzi 9(2)(c), l-iskema biex tinqeda f’post wieħed tkun, għal dawn it-tip ta’ tansazzjonijiet, tkopri biss transazzjonijiet B2C. Min-naħa l-oħra, transazzjonijiet B2B li għalihom ħlas b’lura ma japplikax, jkunu koperti bl-iskema biex tinqeda f’post wieħed.

B’riżultat ta’ dan, meta negozjant mill-UE jagħmel transazzjonijiet taxxabbli fi Stat Membru fejn hu mhux stabbilit:

- jew il-klijent jagħti kont tal-VAT taħt il-mekkaniżmu ta’ ħlas b’lura u n-negozjant mhux stabbilit ma jkollux obbligazzjonijiet ta’ dikjarazzjoni fl-Istat Membru tat-tassazzjoni;

- jew in-negozjant mhux stabbilit hu l-persuna obbligata li tħallas it-taxxa, u tkun tista’ tikkonforma ma’ l-obbligazzjonijiet dikjarattivi taħt l-iskema biex tinqeda f’post wieħed.

B’konsegwenza t'hekk, dan in-negozjant ikollu, jekk jagħżel li juża l-iskema biex tinqeda f’post wieħed, bżonn biss li jkun identifikat għal skopijiet ta’ VAT fl-Istat Membru fejn hu stabbilit.

Din l-iskema biex tinqeda f’post wieħed għandha tkun għażla għal persuni taxxabbli minħabba li jista’ jkun hemm ukoll il-każ li xi negozji li huma ġa identifikati direttament fi Stat Membru ieħor barra dak tagħhom ikunu jixtiequ jibqgħu f’din is-sitwazzjoni. Per eżempju, negozjant li jkollu jissottometti denunzja annwali fi Stat Membru wieħed fejn hu mhux stabbilit jista’ ma jkunx interessat fl-iskema biex tinqeda f’post wieħed. Min-naħa l-oħra, negozjant li jagħżel l-iskema speċjali jkollu jikkonforma ma’ sett wieħed u armonizzat ta’ obbligazzjonijiet li jkopru l-provvisti kollha taxxabbli fl-Istat Membru fejn hu mhux stabbilit. Dawn l-obbligazzjonijiet ikunu ssodisfatti b’mezzi elettroniċi, sabiex l-informazzjoni tkun trażmessa faċilment lil kull Stat Membru ta' konsum.

Ir-responsabbiltà għall-assessjar u kontroll tat-taxxa tibqa’ f’idejn l-Istat Membru tal-konsum, li l-leġiżlazzjoni tiegħu tal-VAT (partikolarment rigward ir-rati) tibqa’ tapplika. Madankollu, il-persuna taxxabbli mhux stabbilita tibbenefika mill-abbilità li tikkuntattja (għal reġistrazzjoni u denunzji) biss lill-amministrazzjoni nazzjonali tagħha u biex tapplika sett armonizzat ta’ regoli ta’ konformità (li jkopru l-formola tar-reġistrazzjoni, il-kontenut u l-frekwenza tad-denunzja tat-taxxa, u r-regoli tal-ħlas u tar-rimborż).

Għandha madankollu tingħata attenzjoni li:

- trasferimenti ta’ flus għandhom jiġu magħmula direttament bejn persuni taxxabbli u kull Stat Membru ta’ konsum. L-esperjenza mill-iskema speċjali tal-kummerċ elettroniku eżistenti wriet li l-amministrazzjoni tat-tqassim mill-ġdid tal-flus li daħlu mit-taxxi hi ta’ piż kbir għall-Istati Membri ta’ identifikazzjoni. L-iżvilupp ta’ tip ta’ funzjoni prinċipali ta’ teżor li hemm bżonn sabiex tlaħħaq mal-volum ta’ flus għaddejjin li tkun inerenti għal applikazzjoni aktar wiesgħa ma tkunx għażla realistika. Hu madankollu probabbli li intermedjarji finanzarji jew terzi persuni oħra ta’ fiduċja li jipprovdu servizz jistgħu joffru funzjoni ta’ mmaniġjar ta’ ħlas lil operaturi taħt din l-iskema li tneħħilhom il-piż ta’ għadd ta’ ħlasijiet. Servizz kummerċjali ta’ dan it-tip ikun attraenti b’mod partikolari għal operaturi żgħar imma jrid ikun bażat fuq realtajiet kummerċjali.

- obbligazzjonijiet nazzjonali ma jkunux jiffurmaw parti minn din l-iskema speċjali u r-regoli ta’ konformità domestika (bħal perjodi ta’ dikjarazzjoni, regoli tal-ħlas u tar-rimborż) ikomplu jgħoddu. Dawk l-Istati Membri li jixtiequ jistgħu jinkludu dawn l-obbligazzjonijiet fl-iskema biex tinqeda f’post wieħed. L-għan għal din l-esklużjoni hu li l-iskema biex tinqeda f’post wieħed mhix intenzjonata biex twassal għal armonizzazzjoni sħiħa ta’ obbligazzjonijiet nazzjonali, li l-Kummissjoni tikkonsidra li la hi realistika u lanqas neċessarja f’dan l-istadju.

Diskussjonijiet ma’ l-Istati Membri wrew biċ-ċar li minħabba li n-numru ta’ negozjanti potenzjali taħt sistema biex tinqeda f’post wieħed intra-Komunitarja ikun ferm akbar min-numru kopert sal-lum mis-sistema speċjali ta’ kummerċ elettroniku (potenzjalment aktar minn 200,000 negozjant meta kkumparat ma’ anqas mill-1,000 identifikati taħt l-arraġamenti għas-servizzi elettroniċi), sempliċiment duplikazzjoni ta’ din is-sistema mhux metodu realistiku.

Taħt l-arranġamenti kurrenti, negozji li għandhom obbligazzjonijiet fi Stati Membri li fihom m’humiex stabbiliti huma obbligati li jagħmlu ħlas dirett lill-Istati Membri fejn it-transazzjonijiet huma suġġetti għall-VAT. Din is-sitwazzjoni tgħodd kemm għal negozjanti li huma stabbiliti fl-UE kif ukoll għal negozjanti stabbiliti barra l-UE. B’mod simili, f’dak li jirrigwarda r-rimborż tat-taxxa, l-Istati Membri jistgħu jew jagħtu rimborż jew iżżommu l-flus żejda għall-perjodu tat-taxxa li jmiss. Il-Kummissjoni temmen li l-arranġamenti kurrenti għall-ħlas u l-ħlas mill-ġdid tat-taxxa għandhom ikomplu għal negozjanti li ma jridux jidħlu fl-iskema biex tinqeda f’post wieħed.

Il-provvista ta’ servizzi elettroniċi minn persuni taxxabbli mhux stabbiliti lil persuni mhux taxxabbli tikkonsititwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju normali rigward ħlas u ħlas mill-ġdid. Negozjanti mhux stabbiliti li jagħmlu użu mill-iskema speċjali għal servizzi li jiġu provvduti elettronikament jagħmlu ħlas wieħed lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, li mbagħad iqassam mill-ġdid l-ammont adattat lill-Istat Membru tal-konsum. Hemm arranġamenti speċjali għar-rimborż tat-taxxa tad-dħul imħallsa minn persuni taxxabbli mhux stabbiliti li jipprovdu servizzi elettroniċi. Il-Kummissjoni hi ta’ l-opinjoni li, f’dan l-istadju, dik l-iskema speċjali m’għandhiex tiġi affettwata mill-proposta kurrenti.

Taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE, il-Kunsill a bażi ta' rapport mill-Kummissjoni għandu jirrevedi qabel it-30 ta’ Ġunju 2006 l-iskema speċjali kurrenti għal servizzi pprovduti b’mod elettroniku. Ir-relazzjoni bejn l-iskema biex tinqeda f’post wieħed proposta u l-arranġamenti għall- e-commerce , u l-possibbiltà biex jiġi inkluż dan ta’ l-aħħar fl-iskema biex tinqeda f’post wieħed jkun eżaminat f’dak il-kuntest.

3. RI-EżAMI TAT-TMIEN DIRETTIVA TAL-VAT

In-nuqqas ta’ funzjonament tal-proċeduri tar-rimborż tat-Tmien Direttiva ħolqu problemi konsiderevoli għal bosta snin kemm lin-negozjanti kif ukoll lill-amministrazzjonijiet nazzjonali ta’ l-Istati Membri. Waslu bosta lmenti minn negozjanti u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom li jiddeploraw iż-żmien twil meħud sabiex jirċievu r-rimborż li jmisshom.

Għalhekk, il-Kummissjoni ressqet f’Ġunju ta’ l-1988[8]proposta għal Direttiva bl-għan li tissostitwixxi l-proċedura għar-rimborż tal-VAT stabbilita fit-Tmien Direttiva tal-VAT b'sistema ġdida biex tinġabar il-VAT imħallsa fi Stat Membru ieħor. Taħt is-sistema proposta, persuni taxxabbli jistgħu jiġbru l-VAT direttament permezz ta' dikjarazzjonijiet tal-VAT li jkunu ssottomettew fl-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti (dik hekk imsejħa tnaqqis trans-konfinali). Din is-sistema tissimplifika l-affarijiet b’mod sostanzjali għan-negozjanti minħabba li jkunu jistgħu jiġbru l-VAT li kellhom iħallsu f’kull Stat Membru bl-istess mod kif jiġbru l-VAT nazzjonali tagħhom.

Din il-proposta kisbet appoġġ kbir min-negozjanti u opinjonijiet favorevoli mill-Parlament u mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali. Madankollu, il-Kunsill għad ma rnexxilux jaqbel fuq din il-proposta.

Waħda mill-kwistjonijiet prinċipali li żammet lill-Kunsill milli jaqbel kienet il-fatt li taħt is-sistema proposta, in-negozjant ikollu jiġbor il-VAT skond ir-regoli tat-tnaqqis (b’mod partikolari r-regoli għall-ibblokkar tat-taxxa) ta’ l-Istat Membru ta’ l-istabbiliment, mentri taħt il-proċedura kurrenti l-VAT hi miġbura skond ir-regoli ta’ tnaqqis ta’ l-Istat Membru fejn l-ispejjeż isiru. Dan ikollu impatt negattiv fuq irċevuti tal-VAT għal dawk l-Istati Membri fejn il-VAT tkun ġiet imħallsa fejn bħalissa għandhom reġim ta’ tnaqqis aktar restrittiv.

Il-Kummissjoni tibqa’ konvinta li l-proposta mill-1998 hi konċettwalment l-aħjar mod kif tiġi rriformata l-proċedura kurrenti tar-rimborż. Madankollu, trid tagħraf ukoll li wara 6 snin il-Kunsill ma rnexxilux jaqbel fuq din il-proposta, minkejja l-isforz konsiderevoli li sar minn uħud mill-Presidenzi tal-Kunsill sabiex isibu kompromess. B'riżultat ta’ dan, in-negozjanti jkollhom jibqgħu jaffaċċjaw is-sitwazzjoni kurrenti li mhix sodisfaċenti .

Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi mezz alternattiv sabiex timmodernizza l-proċedura kurrenti għar-rimborż stabbilita fit-Tmien Direttiva, imma mingħajr ma tbiddel il-prinċipji fundamentali. Taħt il-proċedura proposta, it-talbiet għar-rimborż ikomplu jiġu mmaniġjati mill-Istat Membru fejn il-VAT tkun ġiet imħallsa, l-ammont li għandu jiġi rrimborżat ikun determinat taħt ir-regoli ta’ l-Istat Membru fejn l-ispejjeż ikunu saru, u l-ħlasijiet mill-ġdid isiru direttament minn dak l-Istat Membru lill-persuna taxxabbli li tkun qed titlobhom.

Il-bidliet proposti l-ewwel nett jikkonċernaw l-użu tat-teknoloġija moderna sabiex jiġu ppreżentati t-talbiet għar-rifużjoni. B’mod simili għall-iskema ppjanata biex tinqeda f’post wieħed, persuna taxxabbli tippreżenta t-talbiet tagħha għar-rimborż b’mezzi elettroniċi permezz ta’ website portal immaniġġjata mill-amministrazzjoni fiskali fejn il-persuna taxxabbli tkun stabbilita. Fatturi jew dokumenti ta’ l-importazzjoni oriġinali ma jkollhomx bżonn aktar li jiġu sottomessi; l-informazzjoni relevanti li tikkonċerna dawn id-dokumenti biss tiġi sottomessa elettronikament.

Dan il-portal imbagħad jassigura li t-talba tiġi diretta lejn l-Istat Membru fejn l-ispejjeż ikunu saru. L-Istat Membru ta’ l-istabbiliment jagħmel verifikazzjoni inizjali fid- database tiegħu ta’ persuni taxxabbli. Din il-verifikazzjoni inizjali fil-fatt se tissostitwixxi ċ-ċertifikat kurrenti li bih l-Istat Membru ta’ l-istabbiliment jikkonferma l-istat tal-persuna taxxabbli. It-transmissjoni tad-data mill-Istat Membru ta’ l-istabbiliment għall-Istat Membru tar-rifużjoni tkun il-konferma li t-talba hi magħmula minn persuna taxxabbli attiva.

It-trasformar tal-proċedura kurrenti f’waħda elettronika tkun tfisser anqas xogħol għall-Istat Membru li jkun qed jagħti r-rifużjoni u minħabba f’hekk, il-Kummissjoni temmen li l-ħin ta’ ipproċessar tat-talbiet għandu jitnaqqas minn 6 għal 3 xhur. F’dan l-intervall, l-Istat Membru fejn l-ispejjeż kienu saru għandu jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni. F’xi każijiet, din id-deċiżjoni tista’ tkun talba għal informazzjoni addizzjonali. F’dak il-każ, deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni suppost li għandha tiġi meħuda fi żmien tliet xhur mid-data li tingħata l-informazzjoni mitluba.

Sabiex tiġi mtejba l-pożizzjoni legali tal-persuni taxxabbli taħt din il-proċedura, huwa previst ukoll, li jekk jiskadi ż-żmien, l-applikazzjoni ma tistax tiġi rrifjutata. Barra minn hekk, interessi ta’ 1% fix-xahar, ikkalkulati fuq l-ammont li għandu jiġi rrifondat, jkun dovut fuq rifużjonijiet li ma tħallsux. Dawn l-interessi jkunu jkopru mid-data ta' meta r-rifużjoni kellha titħallas sal-ġurnata li ġiet mogħtija lill-persuna taxxabbli.

4. ESKLUżJONIJIET MID-DRITT TAT-TNAQQIS

Il-proposta msemmija hawn fuq ippreżentata mill-Kummissjoni fl-1998 fiha, barra s-sezzjoni għas-sostituzzjoni tal-proċedura tar-Rifużjoni tat-Tmien Direttiva tal-VAT, sezzjoni dwar infiq mhux eliġibbli għal tnaqqis sħiħ tal-VAT. L-għan kien biex jiġu approssimati r-regoli nazzjonali li bħalissa huma ferm diverġenti f’dan il-qasam. Dan kien prerekwiżit essenzjali sabiex ikun possibbli li jsir tnaqqis taħt ir-regoli prevalenti fl-Istat Membru ta’ l-istabbiliment.

Il-Kummissjoni pproponiet allinjament mar-regoli fir-rigward ta’ karozzi tal-passiġġieri, akkomodazzjoni, ikel u xorb, oġġetti lussużi, divertiment u rikreazzjoni.

L-impatt tal-proposti tal-Kummisjoni fuq il-baġit ta’ uħud mill-Istati Membri kien, madankollu, kwistjoni prinċipali fid-diskussjoni. L-Istati Membri insistew fil-Kunsill għal metodu aktar flessibbli. Kif indikat hawn fuq, il-Kunsill għad ma rnexxilux jasal għal qbil fuq din il-proposta.

Approssimazzjoni bħal din tar-regoli fuq id-dritt tad-deduzzjoni ma tkunx neċessarja taħt il-metodu ri-eżaminat li l-Kummissjoni issa qed tressaq. Madankollu, sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament tal-proċedura tar-rifużjoni proposta, ikun mixtieq li jiġi armonizzat ta’ l-anqas l-iskop ta’ l-ispejjeż li għalihom l-esklużjonijiet fuq id-dritt għat-tnaqqis jistgħu japplikaw.

Billi jsir hekk, negozjanti li jippreżentaw talbiet għal rifużjoni taħt il-proċedura stabbilita hawn fuq ikunu jafu eżattament għal liema oġġetti jew servizzi jista’ jkun hemm regoli speċifiċi f’kull Stat Membru. Ir-regoli ta’ tnaqqis normali jkunu japplikaw għal oġġetti u servizzi kollha li m’hemmx referenza speċifika għalihom fis-Sitt Direttiva tal-VAT.

B'dan il-metodu, Stati Membri jkunu jistgħu japplikaw biss esklużjonijiet mid-dritt tat-tnaqqis għal:

- vetturi tat-triq bil-mutur, dgħajjes u inġenji ta’ l-ajru;

- vjaġġar, akkomodazzjoni, ikel u xorb;

- oġġetti ta’ lussu, divertiment u rikreazzjoni;

Taħt id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 17(6) li ma jistax isir tibdil għaliha, m’hemmx definizzjoni ta’ oġġetti jew servizzi li għalihom Stat Membru jista’ japplika blokkar tat-taxxa. Il-proposta kurrenti tkun tobbliga lill-Istati Membri sabiex jabolixxu l-ibblokkar kollu tat-taxxa li japplika għal oġġetti u servizzi mhux identifikati fi ħdan il-propost Artikolu 17a. Min-naħa l-oħra, għall-oġġetti u servizzi identifikati fl-Artikolu 17a, tipprovdi lill-Istati Membri bi flessibbiltà sħiħa għar-reviżjoni tar-restrizzjonijiet nazzjonali tagħhom li bħalissa m’għandhomx taħt ir-regoli kurrenti.

5. ESTENSJONI TA’ L-UżU TAL-MEKKANIżMU TA' ħLAS B’LURA

Għal transazzjonijiet minn negozju għal negozju soġġetti għall-VAT fi Stat Membru fejn il-klijent hu stabbilit, li l-klijent tan-negozju jiġi meqjus bħala l-persuna obbligata li tħallas it-taxxa (mekkaniżmu ta’ ħlas b’lura) jimplika li t-tassazzjoni ssir fil-post tal-konsum mingħajr ma l-fornitur ikun soġġett għal obbligazzjonijiet ta’ taxxa fl-Istat Membru tal-konsum.

Għal ċertu transazzjonijiet, dan il-mekkaniżmu hu digà obbligatorju. Barra minn hekk, fejn il-provvista taxxabbli ta’ oġġetti jew servizzi hi affettwata minn persuna taxxabbli mhux stabbilita, l-Istati Membri għandhom l-għażla sabiex iqiegħdu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom it-transazzjonijiet li għalihom dan il-mekkaniżmu għandu jiġi użat għall-ħlas tal-VAT.

Il-Kummissjoni issa qed tipproponi biex twessa' l-iskop tal-mekkaniżmu ta’ ħlas b’lura f’każijiet fejn persuna taxxabbli mhux stabbilita qed tagħmel provvisti ta’ oġġetti li huma installati jew immontati minn jew f’isem il-fornitur, provvisti ta’ servizzi konnessi ma’ propjetà immobbli u servizzi koperti b’Artikolu 9(2)(c) tas-Sitt Direttiva tal-VAT u l-klijent hu persuna taxxabbli identifikata għal skopijiet ta’ VAT.

L-użu tal-ħlas b’lura jneħħi ċertu obbligazzjoni ta’ VAT għal negozjanti mhux stabbiliti, bħal ma hi s-sottomissjoni tad-denunzji tal-VAT. Konsegwentament, meta dak in-negozjant jiġi ċċarġjat il-VAT fuq spejjeż li jkun weħel fl-Istat Membru fejn issir it-transizzjoni, hu jkollu jitlob lura din il-VAT permezz tal-proċedura tar-rifużjoni, minħabba li ma jistax inaqqas il-VAT tad-dħul permezz tad-denunzja tal-VAT. Din hi r-raġuni li din il-parti tal-proposta hi konessa b’mod ċar ma' dik li tikkonċerna l-introduzzjoni ta’ skema biex tinqeda f’post wieħed għall-proċedura tar-rifużjoni.

F’każijiet fejn hu ċar li n-negozjant mhux stabbilit jiġi ċċarġjat regolarment ammonti sostanzjali ta’ VAT tad-dħul sabiex jikkonduċi l-attivitajiet tiegħu, madankollu, l-użu tal-mekkaniżmu ta’ ħlas b’lura jirriżulta f’piż amministrattiv addizzjonali sabiex tiġi mitluba lura l-VAT tad-dħul. Dan hu per eżempju l-każ meta persuni taxxabbli mhux stabbiliti jintervjenu f’katina ta’ provvisiti domestiċi ta’ oġġetti fit-territorju nazzjonali ta' Stat Membru. Dawn it-tip ta’ transazzjonijiet għalhekk m’humiex koperti bl-estensjoni proposta mill-Kummissjoni dwar il-ħlas b’lura.

L-Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva tal-VAT għandu bżonn għalhekk jiġi emendat.

6. SIMPLIFIKAZZJONI TA’ L-OBBLIGAZZJONIJIET TAL-VAT TA’ INTRAPRIżI żGħAR U TA’ DAQS MEDJU

Fil-preżent, is-Sitt Direttiva tal-VAT tistabilixxi ftit arranġamenti kemmxejn stretti li taħthom l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-intrapriżi ż-żgħar eżenzjoni mit-taxxa. Numru ta’ derogazzjonijiet minn dawn id-dispożizzjonijiet ġew mogħtija fid-diversi okkażjonijiet ta’ tkabbir suċċessivi li ħolqu sitwazzjoni fejn l-Istati Membri m’humiex kollha f’sitwazzjoni ugwali Aktar minn hekk, Stati Membri li diġà kellhom limitu ta' eżenzjoni ogħla minn dak provdut taħt is-Sitt Direttiva tal-VAT fiż-żmien ta’ l-adozzjoni ta’ dik id-Direttiva ġie permess lilhom li jżommu dawk il-limiti u ġie anke permess li jiġu miżjuda sabiex jiġi miżmum il-valur tagħhom f’termini reali.

Il-Kummissjoni tikkonsidra li l-Istati Membri għandu jkollhom aktar flessibbiltà sabiex jiddeterminaw il-limitu li taħtu persuni taxxabbli jistgħu jkunu eżentati. Għalhekk, massimu ta’ 100.000 euro hu propost, li għandu jagħti lill-Istati Membri l-awtonomija sabiex iwaqqfu reġim li huma jqisu l-aktar adattat fid-dawl ta’ l-istruttura ta’ l-ekonomija nazzjonali tagħhom.

Madankollu, dan il-limitu l-ġdid ma jkollu l-ebda impatt fuq il-metodoloġija kurrenti użata sabiex jiġu kkalkulati l-kontribuzzjonijiet ta’ l-Istati Membri lill-baġit tal-Komunità fir-rigward tar-riżorsi proprji tal-VAT.

Barra minn hekk, għandu jiġi kkjarifikat fit-test legali li l-Istati Membri jistgħu japplikaw limiti differenti, per eżempju sabiex jagħmlu differenza bejn persuni taxxabbli li qed jipprovdu oġġetti u dawk li qed jipprovdu servizzi. Din id-differenza għandha tiġi applikata fuq bażi li ma tiddiskriminax u li tieħu konsiderazzjoni ta’ kriterji oġġettivi.

Il-limitu ta’ 100.000 euro jkun japplika mid-data ta’ meta tidħol fis-seħħ id-Direttiva preżenti. Dan l-ammont jista’ jiġi misbuq fi stadju aktar 'il quddiem imma biss sabiex iżomm il-valur tiegħu f’termini reali fl-Istati Membri.

7. ARRANġAMENTI GħALL-BEJGħ B’DISTANZA

Meta s-Suq Wieħed daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993, arranġamenti speċjali kienu inkorporati fis-sistema komuni ta’ VAT sabiex jipprovdu għal tassazzjoni fid-destinazzjoni fil-każ ta’ bejgħ intra-Komunitarju ta’ mezzi ġodda ta’ trasport, bejgħ intra-Komunitarju lil persuni taxxabbli jew persuni legali mhux taxxabbli li x-xiri tagħhom jaqbeż ċertu limitu, u bejgħ b’distanza lil konsumaturi privati. Jidher ċar li r-razzjonal għat-twaqqif ta’ dawn l-iskemi speċjali fl-1993 – i.e. ir-riskju ta’ rati tat-taxxa armonizzati b’mod insuffiċjenti li jwasslu għal tfixkil fil-kompetizzjoni – għadu jeżisti. Il-Kummissjoni għalhekk mhux qed tipproponi li tabolixxi dawn l-iskemi imma biex minflok tissimplifika l-applikazzjoni tagħhom.

L-arranġamenti tal-VAT applikabbli għall-bejgħ b'distanza huma mniżżlin fl-Artikolu 28b(B) tas-Sitt Direttiva tal-VAT li jipprovdi għal sistema doppja ta’ tassazzjoni. Il-bejgħ b’distanza ta’ oġġetti hu normalment taxxabbli fl-Istat Membru tal-wasla ta’ l-oġġetti mibgħuta mill-bejjiegħ. Hemm, madankollu, eċċezzjoni: il-bejgħ b’distanza jibqa’ taxxabbli fl-Istat Membru tat-tluq jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati:

- il-valur totali tal-provvisti ta’ l-oġġetti lill-Istat Membru tal-wasla fis-sena tal-kalendarju ta’ qabel ma qabiżx il-100 000 euro, somma li tista' tiġi ridotta għal 35 000 euro mill-Istat Membru tad-destinazzjoni fejn ikun hemm biża’ li l-limitu ta’ 100 000 euro jista’ jwassal għal tfixkil serju fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni;

- il-provvisti ma jridux ikunu jinvolvu oġġetti ta’ sisa. Dan ifisser li l-bejgħ b’distanza ta’ oġġetti ta’ sisa hu dejjem intaxxat fil-pajjiż ta' destinazzjoni mingħajr ma jiġu applikati l-limiti msemmija hawn fuq.

L-Istati Membri għandhom madankollu jħallu lil persuni taxxabbli li jagħmlu bejgħ b’distanza biex jagħżlu għal tassazzjoni fl-Istat Membru tad-destinazzjoni fejn il-limitu ta’ 35 000/100 000 euro ma jiġix milħuq.

L-arranġamenti kurrenti huma kkumplikati għal persuni taxxabbli. Sakemm ma jagħżlux tassazzjoni fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, operaturi għandhom jimmoniterjaw id-dħul tagħhom f’kull Stat Membru, filwaqt li jżommu kont tal-limiti kollha applikabbli, sabiex ikunu jafu l-post ta’ tassazzjoni tal-provvisti li jagħmlu. Is-sistema kurrenti tista’ għalhekk tiġi ssimplifikata billi jiġi applikat limitu wieħed, ikkalkolat globalment għall-Istati Membri kollha minflok li għal kull Stat Membru individwalment, kif inhu l-każ bħalissa.

Il-limitu għandu jkun stabbilit fuq livell li jeskludi n-negozji li m'humiex involuti fil-bejgħ b’distanza fuq bażi regolari. Min-naħa l-oħra, il-limitu m’għandux ikun multiplikazzjoni sempliċi tal-limiti kurrenti u tan-numru ta' Stati Membri. Il-Kummissjoni minflok tipproponi limitu ta’ 150.000 euro fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

Limitu ta’ 150.000 euro għandu jeskludi mill-arranġamenti tal-bejgħ b’distanza lil dawk in-negozjanti li, fuq bażi okkażjonali jittrasportaw oġġetti lill-klijenti tagħhom fi Stat Membru ieħor. Min-naħa l-oħra, negozjanti involuti fuq bażi regolari fil-bejgħ b’distanza jkunu obbligati li jħallsu l-VAT fl-Istati Membri fejn m’humiex stabbiliti. Bl-użu ta’ sistema biex tinqeda f'post wieħed, li tikkonstitwixxi l-parti prinċipali ta’ din il-proposta, dawn in-negozjanti jistgħu jissimplifikaw konsiderevolment l-obbligazzjonijiet tagħhom tal-VAT li jridu jiġu ssodisfatti f’kull Stat Membru fejn għandhom transazzjonijiet taxxabbli.

Il-Kummissjoni aktar minn hekk tikkunsidra li persuna taxxabbli għandu jkompli jkollha l-possibbiltà li tagħżel tassazzjoni fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Fil-fatt, waqt li t-tneħħija ta’ l-għażla tissimplifika l-iskema speċjali minn aspett legali, tista’ tpoġġi lin-negozji f’qagħda kompetittiva żvantaġġjata, speċjalment meta jkunu qed jinnegozjaw prodotti soġġetti għal rata ta’ VAT baxxa fl-Istat Membru tal-wasla ta’ l-oġġetti.

Il-Kummissjoni tikkonsidra li l-persuna taxxabbli għandha titħalla, kif inhu l-każ bħalissa, biex tagħmel użu mill-għażla separatament għal kull Stat Membru. Sakemm ma tkunx laħqet il-limitu propost ta’ 150.000 euro, persuna taxxabbli tista’ tagħżel għal tassazzjoni tal-provvisti tagħha fi Stat Membru A, filwaqt li t-transazzjonijiet tagħha fi Stati Membri oħra huma ntaxxati fl-Istat Membru ta’ l-istabbiliment. Ċertament, kemm it-taxxa tal-bejgħ b’distanza fl-Istat Membru tal-wasla (bħala riżultat ta’ l-użu ta’ din l-għażla) kif ukoll il-bejgħ b’distanza intaxxat fl-Istat Membru ta’ l-istabbiliment ikunu meħuda in konsiderazzjoni għall-kalkolazzjoni tal-limitu.

8. MODIFIKAZZJONI TAR-REGOLAMENT (KE) NRU 1798/2003 BIEX JAPPOġġJA L-ISKAMBJAR TA’ INFORMAZZJONI LI HI NEċESSARJA GħALL-INTRODUZZJONI TA’ MEKKANIżMU GħAL SKEMA BIEX TINQEDA F’POST WIEħED U TAL-PROċEDURA TAR-RIFUżJONI (EżAMI TAT-TMIEN DIRETTIVA)

Sabiex tiġi magħmula possibbli għal persuni taxxabbli biex ikollhom punt wieħed ta’ kuntatt biex jikkonformaw mal-VAT fl-Istat Membru ta’ identifikazzjoni tagħhom (kemm għall-iskema tal-VAT biex tinqeda f’post wieħed kif ukoll għall-proċedura li tissostitwixxi l-proċedura tar-rifużjoni tat-Tmien Direttiva), hu neċessarju li tinbena sistema ta’ skambjar ta’ informazzjoni bejn amministrazzjonijiet tat-taxxa.

B'mod simili għall-iskema speċjali li ġiet imwaqqfa għall-provvista ta’ kummerċ elettroniku, skambjar ta’ informazzjoni ta’ dan it-tip għandha tkun mibnija fi ħdan il-qafas tal-liġi dwar il-kooperazzjoni amministrattiva tal-VAT (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003 u għandu jkun bażat esklussivament fuq komunikazzjonijiet elettroniċi.

Is-sistema elettronika biex tappoġġja l-iskambjar ta’ informazzjoni meħtieġa taħt l-iskema biex tinqeda f’post wieħed u l-proċedura li tissostitwixxi t-Tmien Direttiva għandha tkun integrata fi ħdan VIES (Sistema ta’ Skambjar ta’ Informazzjoni dwar il-VAT) modernizzata sabiex ikun possibbli li jitnaqqas il-piż fuq l-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Il-Kummissjoni, fil-bidu ta’ l-2004, nediet studju biex tara l-possibbiltà għal VIES ġdid imtejjeb (VIES II) li jinkludi l-bżonnijiet neċessarji għal skema biex tinqeda f’post wieħed. B’mod partikolari, ikun neċessarju li jiġi assigurat li informazzjoni pprovduta elettronikament minn persuni taxxabbli lill-Istati Membri tagħhom tkun miksuba u pproċessata. L-informazzjoni miksuba b’dan il-mod tkun trid imbagħad tiġi mgħoddija awtomatikament lill-Istat Membru relevanti fejn il-provvisti jsiru jew ir-rimborżi jkunu mitluba mingħajr ebda intervenzjoni mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

9. TIBDILIET PROPOSTI

9.1. Emendi għas-Sitt Direttiva tal-VAT (simplifikazzjoni ta’ l-obbligazzjonijiet)

9.1.1. Emenda ta’ l- Artikolu 17(4)

Punt (a) tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 17(4) hu abrogat. Din id-dispożizzjoni hi issa integrata fl-Artikolu 1 tad-Diretiva proposta li teżamina l-proċedura tar-rifużjoni għal persuni taxxabbli li m’humiex stabbiliti fi ħdan it-territorju tal-pajjiż.

9.1.2. Tneħħija ta’ l-Artikolu 17(6)

L-Artikolu 17(6) hu rrevokat, b’hekk hi eliminata d-dispożizzjoni li taħtha Stati Membri jistgħu jżommu l-esklużjonijiet kollha li għalihom hu pprovdut fil-liġi nazzjonali tagħhom meta s-Sitt Direttiva tal-VAT daħlet fis-seħħ.

B’riżultat ta’ dan, ir-regoli normali li jidhru fl-Artikolu 17(1) sa (5) japplikaw għal kull infiq li m’hemmx referenza espliċita għalih bl-Artikolu 17a il-ġdid.

9.1.3. Żieda ta’ l-Artikolu 17a

Dan l-Artikolu jagħti lill-Istati Membri l-flessibbiltà biex japplikaw restrizzjonijiet parzjali jew totali (per eżempju għal tnaqqis b’rata xorta) għad-dritt li jnaqqsu l-VAT tad-dħul. Din il-flessibbiltà hi madankollu limitata għall-ispejjeż li huma kkwotati speċifikament fl-Artikolu.

Definizzjoni ta’ “vetturi tat-triq bil-mutur” u “nfiq relatat ma’ vetturi tat-triq bil-mutur” hi pprovduta sabiex jiġi assigurat li l-iskop tar-restrizzjonijiet potenzjali applikati mill-Istati Membri hu armonizzat.

Barra minn hekk, l-Artikolu jipprovdi wkoll lista ta’ vetturi tat-triq bil-mutur li għalihom, minħabba l-użu tagħhom, Stat Membru ma jistax jagħmel restrizzjoni fuq id-dritt ta' tnaqqis.

Minbarra vetturi tat-triq bil-mutur, dan l-Artikolu jipprovdi wkoll il-possibbiltà għall-Istati Membri biex japplikaw restrizzjonijiet parzjali jew totali għad-dritt ta’ tnaqqis fuq dgħajjes u inġenji ta’ l-ajru, vjaġġar, akkomodazzjoni, ikel u xorb, lussu, divertiment u rikreazzjoni.

9.1.4. Emenda ta’ l-Artikolu 21(1)(b)

L-emenda tagħmilha obbligatorja għall-Istati Membri kollha sabiex jinnominaw lill-klijent bħala l-persuna obbligata li tħallas it-taxxa għal provvista ta’ oġġetti li huma installati jew immontati minn jew f’isem il-fornitur, il-provvista ta’ servizzi konnessi ma’ proprjetà immobbli, u servizzi koperti mill-Artikolu 9(2)(c) bħalma hu xogħol fuq proprjetà mobbli tanġibbli, fejn il-fornitur mhux stabbilit fit-territorju ta’ dak il-pajjiż u fejn il-klijent hu identifikat għal skopijiet ta’ VAT fl-Istat Membru fejn il-provvista ssir.

Ta’ min jinnota, li l-għażla mogħtija lill-Istati Membri taħt l-Artikolu 21(1)(a), sabiex jirrikjedu li l-klijent hu l-persuna obbligata li tħallas it-taxxa f’każijiet mhux koperti bl-Artikolu 21(1)(b) u (c) tinżamm.

9.1.5. Żieda ta’ l-Artikolu 22b

Dan l-Artikolu jistipula r-regoli kollha relatati mal-funzjonament ta’ skema biex tinqeda f’post wieħed.

9.1.5.1. Punt A

Dan il-punt jiddefenixxi x’inhu, għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, "Stat Membru ta’ l-identifikazzjoni" u "Stat Membru tal-konsum".

9.1.5.2. Punt B

Dan il-punt jiddefenixxi l-iskop ta’ l-iskema speċjali, li tikkonċerna persuni taxxabbli li jagħmlu provvisti ta’ oġġetti u servizzi li għalihom huma obbligati li jħallsu t-taxxa fi Stat Membru wieħed jew f’għadd ta’ Stati Membri fejn m’għandhom l-ebda stabbiliment. Madankollu, l-iskema speċjali għal negozjanti mhux stabbiliti li jipprovdu servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli provduta taħt l-Artikolu 26c tibqa’ f’postha. Għalhekk, in-negozjanti li jagħmlu użu minn dik l-iskema speċjali huma esklużi mill-iskema biex tinqeda f’post wieħed.

L-iskema mhix obbligatorja għall-persuni taxxabbli kkonċernati u jistgħu jkomplu jissodisfaw l-obbligazzjonijiet tal-VAT tagħhom taħt ir-regoli normali stipulati minn kull Stat Membru jekk jikkonsidraw dan bħala aktar adattat għas-sitwazzjoni tagħhom.

9.1.5.3. Punt C

Dan il-punt jitratta l-proċedura ta’ reġistrazzjoni taħt l-iskema speċjali. Ir-responsabbiltà primarja għar-reġistrazzjoni ta’ persuni taxxabbli taħt l-iskema speċjali hi ta’ l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, fuq talba tal-persuna taxxabbli.

Il-punt jistipula wkoll il-proċeduri għall-komunikazzjoni ta’ kull modifikazzjoni ta’ data ta’ reġistrazzjoni, kif ukoll għat-tneħħija ta' reġistrazzjoni. Dawn il-proċeduri huma kompletament elettroniċi.

Dan il-punt jistipula wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi għal persuni taxxabbli stabbiliti f’aktar minn Stat Membru wieħed. L-għan ewlieni tiegħu hu li jispeċifika li kull stabbiliment jista’ jikkwalifika fuq bażi separata għall-iskema speċjali għall-provvisti tiegħu.

9.1.5.4. Punt D

Dan il-punt jistipula r-regoli skond liema, l-Stati Membri tal-konsum m’għandhomx jidentifikaw għal skopijiet ta’ VAT, u għalhekk m’għandhom jagħtu ebda numru tal-VAT skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 22(1)(c), lil dawk il-persuni taxxabbli li huma rreġistrati fl-iskema speċjali.

9.1.5.5. Punt E

Dan il-punt jistipula l-obbligazzjonijiet tal-persuni taxxabbli rreġistrati taħt l-iskema speċjali biex jissottomettu denunzja tal-VAT b’mezzi elettroniċi.

Din id-denunzja tal-VAT hi denunzja tal-VAT waħda, b’parti speċifika għal kull Stat Membru tal-konsum.

Hi tintroduċi wkoll regola speċjali rigward dikjarazzjonijiet li jirrikapitolaw billi numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT separat ma jkunx neċessarju għall-iskop ta’ sottomissjoni ta’ dikjarazzjonijiet li jirrakapitolaw fejn dawn id-dikjarazzjonijiet huma rikjesti f’każijiet bħal ma hu t-trasferiment minn persuna taxxabbli ta’ l-oġġetti tagħha stess fi Stat Membru ieħor. Il-persuna taxxabbli mhux stabbilita li tagħmel użu mill-iskema tkun tista' tuża n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT maħruġ fl-Istat Membru ta’ l-istabbiliment u tidentifika lill-Istat Membru li fih kienu ġew trasferiti l-oġġetti f’dikjarazzjoni li tirrikapitola.

9.1.5.6. Punt F

Dan il-punt jistipula r-regoli għall-ħlasijiet u l-ħlasijiet mill-ġdid. It-trasferimenti kollha ta’ flus għandhom jiġu magħmula direttament bejn persuni taxxabbli u kull Stat Membru ta’ konsum.

Fejn għal perjodu ta’ taxxa l-ammont ta’ taxxa li trid tiġi mnaqqsa teċċedi l-ammont dovut, l-Istat Membru ta' konsum jieħu ħsieb ta’ l-eċċess, taħt l-istess kundizzjonijiet li jkun stipula skond l-Artikolu 18(4) għal persuni taxxabbli li ma japplikawx għall-iskema biex tinqeda f’post wieħed.

9.1.5.7. Punt G

Dan il-punt jistipula dispożizzjonijiet speċifiċi għal persuni taxxabbli stabbiliti barra l-Unjoni Ewropea (inklużi dawk li bħalissa huma suġġetti għall-iskema speċjali għall-kummerċ elettroniku).

9.1.6. Emenda ta’ l-Artikolu 24

Il-paragrafu 2 kif emendat jiddefenixxi l-qafas li fih l-Istati Membri jistgħu, jekk jixtiequ, jiddefenixxu reġim ta’ eżenzjoni għal negozjanti żgħar.

Il-paragrafi 3 u 4 huma emendati sabiex jiġi kkjarifikat liema transazzjonijiet għandhom jiġu esklużi mill-eżenzjoni u liema transazzjonijiet għandhom jiġu meħuda in konsiderazzjoni għall-kalkolazzjoni tad-dħul tal-persuna taxxabbli. Din hi emenda, aktar fil-preżenza milli fis-sostanza.

Il-paragrafi 8 u 9 huma abrogati minħabba li m’għadhomx attwali.

9.1.7. Abrogazzjoni ta’ l-Artikolu 24a

L-Artikolu 24a li jipprovdi għal limiti għall-10 Stati Membri ġodda hu mneħħi, minħabba li d-dispożizzjonijiet se jiġu ssostitwiti bl-abbozzar il-ġdid ta’ l-Artikolu 24.

9.1.8. Emenda ta’ l-Artikolu 28b (B) (2)

Il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 28b(B) hu emendat sabiex jintroduċi fi ħdan l-arranġamenti għal bejgħ b’distanza limitu globali applikabbli għall-bejgħ lill-Istati Membri kollha ħlief lill-Istat Membru ta’ l-istabbiliment, minflok limitu għal kull Stat Membru.

9.1.9. Artikolu 2

Dan l-Artikolu jispeċifika li d-Direttiva tidħol fis-seħħ wara l-1 ta’ Lulju 2006.

9.2. Direttiva ġdida li tissostitwixxi t-Tmien Direttiva fuq ir-rifużjonijiet tal-VAT

9.2.1. Artikolu 1

Dan l-artikolu jiddefinixxi l-iskop tad-Direttiva, li mhux differenti minn dak tat-Tmien Direttiva eżistenti.

9.2.2. Artikolu 2

Dan l-Artikolu jiddefinixxi lill-persuna taxxabbli eliġibbli għar-rimborż taħt din id-Direttiva. Jeskludi wkoll transazzjonijiet li huma eżenti, jew li jistgħu jiġu eżentati, taħt l-Artikoli 15 jew 28c(A). Din l-esklużjoni għandha tassigura li l-VAT ma tiġix miġbura darbtejn, darba mill-fornitur bħala korrezzjoni tal-VAT iċċarġjata inizjalment fuq provvista li tista' tiġi eżentata, u darba mix-xerrej permezz tal-proċedura tar-rimborż.

9.2.3. Artikolu 3

Dan l-Artikolu jiddefinixxi liema transazzjonijiet huma eliġibbli għal rifużjoni u mhux b’mod sinifikattiv differenti mill-abbozzar kurrenti ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 79/1072/KEE.

9.2.4. Artikolu 4

Dan l-artikolu jistipula r-regoli biex jiġi determinat l-ammont li jista’ jiġi irrifondat.

L-ewwel nett, persuna taxxabbli għandha tagħmel transazzjonijiet taxxabbli fl-Istat Membru ta’ l-istabbiliment sabiex tkun eleġibbli għar-rifużjoni. Meta persuna taxxabbli tagħmel kemm transazzjonijiet taxxabbli kif ukoll transazzjonijiet eżenti, jkollha dritt parzjali ta’ rifużjoni f’relazzjoni mat-transazzjonijiet taxxabbli.

It-Tieni, ir-regoli ta’ tnaqqis, u b’mod partikolari l-esklużjonijiet mid-dritt ta’ tnaqqis stipulati mill-Istati Membri fejn l-ispejjeż saru għandhom jiġu applikati.

Dan l-Artikolu jqiegħed f’dispożizzjoni legali l-prinċipji diġà stipulati mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f’każ C-302/93 (Etienne Debouche) u Każ C-136/99 (Société Monte dei Paschi di Siena).

9.2.5. Artikolu 5

L-Artikolu 5 jistipula l-proċedura li taħtha persuna taxxabbli tista’ tintroduċi talba għar-rifużjoni. Din it-talba għandha tiġi introdotta elettronikament fl-Istat Membru ta’ l-istabbiliment tal-persuna taxxabbli.

L-Istat Membru ta’ l-istabbiliment jassigura t-trażmissjoni tad-data lill-Istat Membru fejn saru l-ispejjeż.

Dan l-Artikolu jistipula wkoll liema informazzjoni għandha tipprovdi persuna taxxabbli li qed tissottometti talba.

9.2.6. Artikolu 6

Dan l-Artikolu jistipula l-perjodiċità li taħtha applikazzjoni għar-rifużjoni tista’ tiġi ppreżentata, kif ukoll iż-żmien li fih jistgħu jiġu ppreżentati għar-rifużjoni fatturi u dokumenti ta’ importazzjoni. Jistipula wkoll l-ammont minimu ta’ rifużjoni li jista’ jintalab.

9.2.7. Artikolu 7

Dan l-Artikolu jiddetermina li l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn it-talba għar-rifużjoni hi ppreżentata għandhom jinfurmaw lill-applikant bid-deċiżjoni li jkunu ħadu, fi żmien tliet xhur. Ir-rimborż għandu jingħata fi żmien l-istess perjodu.

F’każijiet speċifiċi, dak l-Istat Membru jkun jista’ jitlob informazzjoni addizzjonali. Deċiżjoni għandha tittieħed fi żmien 3 xhur mid-data ta’ meta l-informazzjoni mitluba tkun ipprovduta. Jekk l-intervall ta’ 3 xhur jiskadi, ir-rimborż ma jistax jiġi rrifjutat.

9.2.8. Artikolu 8

Dan l-Artikolu jistipula li interessi ta’ 1% fix-xahar hu dovut meta l-Istat Membru tar-rifużjoni jfalli milli jirrispetta ż-żmien stipulat imsemmi fl-Artikolu preċedenti.

9.2.9. Artikolu 9

Id-Direttiva proposta għandha tissostitwixxi t-Tmien Direttiva kurrenti. Din id-Direttiva għandha tiġi imbagħad irrevokata.

9.3. Emendi għar-Regolament 2003/1798 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

9.3.1. Emenda ta’ l- Artikolu 1(1)

Din hi emenda teknika sabiex jiġi estiż l-iskop tar-Regolament dwar l-iskambju ta' informazzjoni li hi neċessarja sabiex tiffunzjona bla problemi l-iskema tal-VAT biex tinqeda f’post wieħed.

9.3.2. Kapitolu VIa Ġdid

Kapitolu ġdid hu inkluż sabiex jitratta speċifikament ma’ l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-Iskema biex tinqeda f’post wieħed, mill-1 ta' Lulju 2006 'il quddiem.

9.3.2.1. Artikolu 28a

Dan l-Artikolu jiddefinixxi l-iskop ta’ l-iskambju ta' informazzjoni taħt il-Kapitolu VI. Huwa wkoll jistipula li d-definizzjonijiet relatati ma' l-Iskema biex tinqeda f’post wieħed ("Stat Membru ta' identifikazzjoni", "Stat Membru ta' konsum"), li huma mniżżla fl-emendi lis-Sitt Direttiva tal-VAT, għandhom japplikaw ukoll għar-Regolament 1798/2003.

9.3.2.2. Artikolu 29a

Dan l-Artikolu jistipula r-regoli għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni (inkluż modifikazzjoni tad-data tar-reġistrazzjoni u dereġistrazzjoni) ta’ persuni taxxabbli taħt l-iskema speċjali.

Dan l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jibda jsir bla dewmien, li jfisser li sistema elettronika ta’ komunikazzjoni adattata jeħtieġ li tiġi installata.

L-Istati Membri kollha jibdew jirċievu din l-informazzjoni, anke jekk ma jsirx forniment fit-territorju tagħhom.

Barra minn hekk, jimponi obbligazzjoni fuq l-Istat Membru ta’ l-istabbiliment sabiex jara li l-persuni taxxabbli tiegħu qed jikkonformaw mal-limiti tal-bejgħ b’distanza, u biex iwissi lill-Istati Membri l-oħra fejn ikun jidher li l-limitu għall-bejgħ b’distanza inqabeż.

Id-dettalji kollha relatati mad-definizzjoni ta’ messaġġi tekniċi jkunu deċiżi skond il-proċedura tal-Komitoloġija.

9.3.2.3. Artikolu 30a

Dan l-Artikolu jistipula l-obbligazzjonijiet ta’ kull Stat Membru sabiex iżomm database aġġornata tal-persuni taxxabbli kollha rreġistrati fl-iskema speċjali.

9.3.2.4. Artikolu 31a

Dan l-Artikolu jistipula r-regoli għall-iskambju ta’ informazzjoni relatata mad-denunzji tal-VAT (inkluż il-modifikazzjoni tagħhom).

Dan l-iskambju ta’ informazzjonji għandu wkoll jibda jseħħ bla dewmien.

L-informazzjoni tintbagħat biss lil dawk l-Istati Membri li għalihom tiġi ddikjarata t-taxxa. Għalhekk kull Stat Membru jirċievi biss il-parti tad-denunzja li tikkonċerna l-provvisti magħmula taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu.

Id-dettalji kollha relatati mad-definizzjoni ta’ messaġġi teknici jkunu deciżi skond il-proċedura tal-Komitoloġija.

9.3.2.5. Artikolu 32a

Dan l-Artikolu jistipula l-obbligazzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni li jżomm l-informazzjoni relatata mad-denunzji tat-taxxa li jkunu ġew mibgħuta lill-Istati Membri l-oħra.

Din l-informazzjoni għandha tinżamm għal perjodu minimu ta’ żmien li hu neċessarju għall-funzjonar tekniku tas-sistema (per eżempju sabiex ikun magħmul possibbli għas-sistema li tagħraf li persuna taxxabbli tkun diġà għamlet denunzja tal-VAT għal perjodu speċifiku u li modifikazzjoni ta' din id-data biss tista’ konsegwentament tiġi magħmula). an il-perjodu ta’ żmien ikun irid jiġi deċiż skond il-proċedura tal-Komitoloġija.

Stati Membri ċertament ikunu jistgħu jżommu din l-informazzjoni għal perjodi ta’ żmien itwal, li jista' jkun sors ta’ informazzjoni utli ħafna għall-kontroll tal-verifiki futuri tagħhom.

9.3.2.6. Artikolu 33a

Dan l-Artikolu jikkonċerna l-informazzjoni li tkun trid tiġi magħmula disponibbli lill-persuni taxxabbli fuq il- Website ta’ kull amministrazzjoni tat-taxxa sabiex jgħinu lin-negozji jikkonformaw ma’ l-obbligazzjonijiet tagħhom.

Din l-informazzjoni titratta r-regoli li japplikaw għall-Iskema biex tinqeda f’post wieħed kif ukoll lir-regoli nazzjonali differenti li japplikaw f’kull Stat Membru (bħalma huma r-rati tat-taxxa).

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ din il-biċċa xogħol, kif ukoll għat-traduzzjoni. Regoli dettaljati għandhom ikunu fformulati skond il-proċedura tal-Komitoloġija.

9.3.2.7. Artikolu 34a

Dan l-Artikolu jistipula regoli speċifiċi dwar il-kontroll tal-persuni taxxabbli rreġistrati taħt l-iskema speċjali. Skond dawn ir-regoli, Stati Membri tal-konsum ikunu jistgħu jipparteċipaw f’kontroll mibdi mill-Istat Membru ta' identifikazzjoni. Dan ta’ l-aħħar ikollu obbligazzjoni li jinforma lil dak ta’ qabel dwar kontrolli ta’ dan it-tip.

F’każijiet fejn Stati Membri ta’ konsum jagħżlu li jipparteċipaw f’kontroll ta’ dan it-tip, ir-regoli normali stipulati fl-Artikolu 11 (preżenza ta’ uffiċjali tat-taxxa fit-territorju ta' Stat Membru ieħor) ikunu japplikaw.

9.3.3. Kapitolu VIb Ġdid

Kapitolu ġdid hu inkluż ukoll sabiex jittratta speċifikament ma’ l-iskambju ta’ informazzjoni li hu neċessarju għall-funzjonament ta’ reġim modernizzat tat-Tmien Direttiva.

Skond l-Artikolu 34b, l-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu jittrażmetti l-applikazzjonijiet tar-rifużjoni tat-Tmien Direttiva immedjatament lill-Istat Membru tax-xiri. Mill-ġdid, regoli dettaljati jkunu fformulati skond il-proċedura tal-Komitoloġija.

L-Artikolu 34c jżid li informazzjoni tkun trid tiġi pprovduta lil persuni taxxabbli li tikkonċerna d-Direttiva proposta li tistipula l-proċedura tar-rifużjoni u dwar regoli nazzjonali speċifiċi relatati ma’ dawk ir-rifużjonijiet. Dan għandu jsir taħt il-proċedura stipulata fl-Artikolu 33.

2004/0261 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bl-għan li jiġu ssimplifikati l-obbligazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi lill-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-proposta mill-Kummissjoni[9]

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[10],

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[11],

Billi:

(1) Fil-kuntest tas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), hu neċessarju li jiġu ssimplifikati l-obbligazzjonijet fuq in-negozji, minħabba li kurrentament dawn l-obbligazzjonijiet huma ta’ piż disproporzjonat u għalhekk jikkompromettu l-funzjonar bla problemi tas-suq intern billi jtellfu irraġenevolment il-possibiltà li negozji jagħmlu attivitajiet ekonomiċi fi Stati Membri oħra.

(2) Definizzjonijiet komuni ta’ oġġetti u servizzi li għalihom Stati Membri jistgħu japplikaw restrizzjonijiet totali jew parzjali għad-dritt ta’ tnaqqis għandu jiffaċilita l-użu għan-negozji tal-proċedura tar-rimborż tal-VAT fi Stati Membri fejn huma mhux stabbiliti.

(3) Għal transazzjonijiet bejn persuni taxxabbli fejn il-fornitur mhux stabbilit fl-Istat Membru fejn il-provvista ssir, estensjoni tal-każijiet li għalihom il-klijent hu responsabbli li jħallas it-taxxa għandha tissimplifika l-obbligazzjoniet tal-VAT tal-fornitur mhux stabbilit mingħajr ma toħloq piż amministrattiv addizzjonali fuq il-klijent.

(4) L-obbligazzjonijiet għal persuni taxxabbli obbligati li jħallsu l-VAT fi Stati Membri fejn m’humiex stabbiliti għandhom jiġu ssimplifikati billi jiġi magħmul possibbli għalihom li jużaw “skema biex tinqeda f’post wieħed” jiġifieri, skema li biha jkun possibbli għalihom, jekk jixtiequ, li jkollhom punt wieħed biss ta’ kuntatt elettroniku għall-identifikazzjoni u dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

(5) Skema ta’ dan it-tip għandha tkun miftuħa mhux biss għal persuni taxxabbli stabbiliti fi ħdan il-Komunità imma wkoll għal persuni taxxabbli li, għalkemm m’humiex stabbiliti hemmhekk, jikkonduċu attivitajiet taxxabbli fi ħdan il-Komunità. Madankollu, m’għandhiex tkopri persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli, sabiex titħalla f’postha l-iskema introdotta sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità tagħhom ma’ obbligazzjonijiet fiskali.

(6) L-ebda obbligazzjoni sabiex jiġi appuntat rappreżentattiv tat-taxxa m’għandha tiġi imposta fuq operaturi li m’humiex mill-Komunità li huma rreġistrati taħt l-iskema speċjali minħabba li obbligazzjoni simili tikkanċella l-benefiċċji li jiġu mis-simplifikazzjoni tal-preżent.

(7) Persuni taxxabbli rreġistrati taħt l-iskema speċjali għandhom jikkonformaw ma’ l-obbligazzjonijiet speċifiċi stipulati f’din id-Direttiva.

(8) Trasferimenti ta’ flus, kemm għall-ħlas kif ukoll għar-rifużjonijiet, għandhom jiġu magħmula direttament bejn persuni taxxabbli u Stati Membri tal-konsum.

(9) Stati Membri għandhom jingħataw aktar flessibbiltà sabiex jiffissaw il-limitu li taħtu negozji żgħar ikunu jistgħu jiġu eżentati mill-obbligazzjonijiet tal-VAT. Din il-flessibbiltà għandha tagħmilha possibbli għal kull Stat Membru sabiex jiddetermina l-eżenzjoni filwaqt li jieħu in konsiderazzjoni l-istruttura ta' l-ekonomija nazzjonali tiegħu.

(10) L-arranġamenti speċjali għall-bejgħ b'distanza għandhom jiġu ssimplifikati permezz tad-dispożizzjoni ta’ limitu wieħed għal provvisti lill-Istati Membri kollha ħlief għall-Istat Membru ta’ l-istabbiliment, minflok limitu separat għal kull Stat Membru ta’ destinazzjoni,

(11) Minħabba li l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta ma jistgħux jiġu milħuqa suffiċjentament mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, permezz ta’ l-iskala ta’ azzjoni, jiġu milħuqa aħjar fuq livell ta’ Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(12) Id-Direttiva 77/388/KEE għandha b’hekk tiġi emendata,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 77/388/KEE hi emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 17, fil-verżjoni stabbilita fl-Artikolu 28f, hu emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 4 hu emendat kif ġej:

(i) fl-ewwel inċiż ta' l-ewwel subparagrafu, ir-referenza għal ‘Direttiva 79/1072/KEE’ hi ssostitwita bi ‘Direttiva tal-Kunsill xx/xxx/KE(*)’;

(ii) fit-tieni subparagrafu, punt (a) hu abrogat;

(iii) f’punt (c) tat-tieni subparagrafu, ir-referenza għal ‘Direttiva 79/1072/KEE’ hi ssostitwita b’ ‘Direttiva tal-Kunsill xx/xxx/KE

(*) ĠU L [...], [...], p. [...].’;

(b) Il-Paragrafu 6 hu abrogat.

(2) L-Artiklu 17a li jidher hawn taħt, hu miżjud:-{}-

Artikolu 17aRestrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ tnaqqis

1. Stati Membri jistgħu, bla preġudizzju għall-Artikolu 17(5), japplikaw restrizzjoni totali jew parzjali fuq id-dritt ta’ persuna taxxabbli li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud iċċarġjata lilha fuq dan li ġej:

(a) infiq fuq lussi, divertiment u rikreazzjoni;

(b) infiq li għandu x’jaqsam ma’ vjaġġar, akkomodazzjoni, ikel u xorb barra dak imħallas mill-persuna taxxabbli fit-wettiq ta’ l-attività tagħha biex tforni għall-ivvjaġġar bi skop, akkomodazzjoni, ikel u xorb;

(c) infiq relatat ma’ vetturi tat-triq bil-mutur ħlief għall-vetturi meħtieġa għan-negozju tal-persuna taxxabbli u vetturi għall-bejgħ fl-eżerċizzju ta’ l-attività tagħha, użati bħala taxis, għall-istruzzjoni fi skejjel tas-sewqan jew użati għall-kiri u twellija.

(d) infiq relatat ma’ dgħajjes jew inġenji ta’ l-ajru ħlief għal dawk intenzjonati esklussivament għall-użu fit-trasport kummerċjali ta’ persuni jew oġġetti.

2. Stati Membri jistgħu, għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, jistabilixxu persentaġġ għal użu minimu ta’ vetturi tat-triq bil-mutur għal skopijiet ta’ negozju.

3. Il-Paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw għall-vetturi bil-mutur kollha, ħlief għal trakters għall-agrikoltura jew għall-foresta, li huma użati normalment biex iġorru persuni jew oġġetti fit-triq, b’piż massimu awtorizzat li ma jaqbiżx it-3500 kilogramm u li m’għandhomx aktar minn tmien sedili barra dak tas-sewwieq.

L-infiq relatat għandu jkopri x-xiri tal-vettura, inkluż kuntratti ta’ muntaġġ u oħra simili, manifattura, akkwist intra-Komunitarju, importazzjoni, kiri jew twellija, modifikazzjoni, tiswija u manteniment, u infiq fuq provvisti jew servizzi magħmula f’relazzjoni ma’ vetturi jew l-użu tagħhom.

(3) Fl-Artikolu 21, fil-verżjoni stabbilità fl-Artikolu 28g, punt (b) tal- paragrafu 1 hu ssostitwit b’dan li ġej:

‘(b) persuni taxxabbli li lilhom servizzi koperti bl-Artikolu 9(2)(e) huma fornuti jew persuni li huma identifikati għal skopijiet ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fi ħdan it-territorju tal-pajjiż fejn l-oġġetti koperti bl-arranġamenti stipulati fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1)(a) jew servizzi koperti bl-Artikolu 9(2)(a) u (c) jew l-Artikolu 28b(C), (D), (E) u (F) huma fornuti, jekk il-provvista ta’ l-oġġetti hi magħmula jew is-servizzi jiġu magħmula minn persuna taxxabbli mhux stabbilita fit-territorju tal-pajjiż;’

(4) L-Artiklu 22b li ġej hu miżjud:

'Artkolu 22b Skema biex tinqeda f’post wieħed biex jiġu ssodisfati l-obbligazzjonijiet fi Stati Membri fejn il-persuna taxxabbli mhix stabbilita

A. Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

‘Stat Membru ta’ identifikazzjoni’ tfisser l-Istat Membru fejn il-persuna taxxabbli stabbilita fi ħdan il-Komunità stabbiliet in-negozju tagħha jew għandha stabbiliment fiss li minnu oġġetti jew servizzi huma fornuti jew, jekk stabbilita barra l-Komunità, l-Istat Membru ta’ konsum li l-persuna taxxabbli tagħżel li tikkuntattja biex tiddikjara meta tibda l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli fil-Komunità.

‘Stat Membru ta’ konsum’ tfisser l-Istat Membru fejn il-provvista ta’ oġġetti jew servizzi tkun intenzjonata li sseħħ skond l-Artikoli 8, 9 u 28b.

B. Kamp ta’ Applikazzjoni

Stati Membri għandhom jippermettu lil kull persuna taxxabbli li tipprovdi oġġetti jew servizzi li għalihom hi obbligata li tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud fi Stat Membru wieħed jew f’għadd ta’ Stati Membri ta’ konsum fejn hi ma stabbilixxietx in-negozju u lanqas għandha stabbiliment fiss biex tissodisfa l-obbligazzjonijiet tagħha billi tuża l-iskema speċjali pprovduta taħt dan l-Artikolu, ħlief għal dawk il-persuni taxxabbli mhux stabbiliti li jipprovdu servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli li jagħmlu użu mill-iskema speċjali pprovduta taħt l-Artikolu 26c.

C. Reġistrazzjoni

1. Kull persuna taxxabbli għandha tiddikjara lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni meta trid tibda tagħmel użu mill-iskema biex tinqeda f’post wieħed. Din id-dikjarazzjoni trid issir b’mezzi elettroniċi.

Il-persuna taxxabbli għandha tippovdi l-informazzjoni neċessarja għar-reġistrazzjoni tagħha taħt l-iskema biex tinqeda f’post wieħed. Għandha tiddikjara wkoll jekk hijiex diġà identifikata għal skopijiet ta' taxxa fuq il-valur miżjud fi Stati Membri fejn hi mhix stabbilita u lanqas għandha stabbiliment fiss u, jekk inhu hekk, tindika n-numru ta’ identifikazzjoni li taħtu hi rreġistrata.

2. L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jirreġistra lill-persuna taxxabbli li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 f’perjodu ta’ żmien raġjonevoli. Għal dak il-għan l-Istat Membru għandu juża n-numru individwali diġà allokat lill-persuni taxxabbli rigward l-obbligazzjonijiet tagħhom taħt is-sistema interna.

Persuni taxxabbli li għandhom stabbiliment f'aktar minn Stat Membru wieħed jistgħu jitolbu li kull stabbiliment jiġi rreġistrat taħt l-skema biex tinqeda f’post wieħed rigward il-provvisti li jagħmlu fi Stati Membri fejn il-persuna taxxabbli m’għandha l-ebda stabbiliment.

3. Kull persuna taxxabbli għandha tinnotifika lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni b’kull modifikazzjoni tad-data tar-reġistrazzjoni pprovduta skond il-paragrafu 1. Dik in-notifikazzjoni għandha tiġi magħmula b’mezzi elettroniċi.

4. Kull persuna taxxabbli għandha tiddikjara lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni meta trid tieqaf tagħmel użu mill-iskema jew meta l-attività tagħha tinbidel sal-punt li ma tikkwalifikax aktar taħt l-iskema biex tinqeda f’post wieħed. Din id-dikjarazzjoni trid issir b’mezzi elettroniċi

5. L-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu bla dewmien jaqta’ mir-reġistru ta’ identifikazzjoni kull persuna taxxabbli li ma tibqax taqa' taħt il-kundizzjonijiet neċessarji biex tikkwalifika għall-iskema biex tinqeda f’post wieħed.

B’mod partikolari, l-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu jeskludi persuni taxxabbli milli jipparteċipaw fl-iskema biex tinqeda f’post wieħed fil-każijiet li ġejjin:

(a) jekk il-persuna taxxabbli tinnotifika lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni li hi m’għadha tipprovdi oġġetti jew servizzi f’ebda Stat Membru jew Stati Membri ħlief fl-Istat Membru ta' identifikazzjoni;

(b) jekk b’xi mod ikun hemm assunzjoni li l-attivitajiet taxxabbli tal-persuna taxxabbli spiċċaw;

(c) jekk il-persuna taxxabbli ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji biex titħalla tuża l-iskema;

(d) jekk il-persuna taxxabbli persistentament tfalli milli tikkonforma mar-regoli li jiggvernaw l-użu ta’ l-iskema.

D. Identifikazzjoni

Persuna taxxabbli li hi rreġistrata taħt l-iskema biex tinqeda f’post wieħed m’għandhiex tiġi identifikata, taħt it-tifsira ta’ l-Artikolu 22(1)(c), ħlief fl-Istat Membru fejn hi stabbilita.

E. Denunzji u dikjarazzjonijiet rikapitolattivi

1. Kull persuna taxxabbli rreġistrata taħt l-iskema biex tinqeda f’post wieħed għandha tissottometti lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni denunzja tat-taxxa fuq il-valur miżjud kull tliet xhur tal-kalendarju li fiha tiddikjara il-provvisti ta' oġġetti u servizzi kollha li għalihom hi obbligata li tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud fl-Istati Membri fejn hi ma stabbilixxietx in-negozju u lanqas għandha stabbiliment fiss. Jekk il-persuna taxxabbli ma tkunx stabbilita fi ħdan il-Komunità, id-denunzja trid tinkludi wkoll il-provvisti magħmula fl-Istat Membru ta' identifikazzjoni.

Id-denunzja, li għandha ssir b’mezzi elettroniċi trid tiġi sottomessa fi żmien 20 ġurnata wara t-tmiem tal-perjodu li tkun tirreferi għalih.

2. Id-denunzja li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tistabilixxi, għal kull Stat Membru ta’ konsum fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud hi dovuta, l-informazzjoni kollha neċessarja biex jiġi kkalkolat l-ammont ta’ taxxa li ġie ċċarġjat u t-tnaqqis li jrid isir tul il-perjodu kopert bid-denunzja.

3. Id-denunzja li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 trid issir bl-euro. L-Istati Membri tal-konsum li għadhom m’adottawx l-euro jistgħu jobbligaw il-parti tad-denunzja li tikkonċerna provvista ta’ oġġetti u servizzi fit-territorju tagħhom li ssir bil-munita nazzjonali tagħhom.

4. Fejn, skond l-Artikolu 28a(5)(b), persuna taxxabbli hi obbligata li tissottometti data f’konformità ma’ l-Artikolu 22(6)(b), in-numru li hemm referenza għalih fit-tieni inċiż tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 22(6)(b) għandu jkun in-numru li hemm referenza għalih fl-ewwel inċiż ta’ dak is-subparagrafu. Il-persuna taxxabbli għandha tindika l-Istat Membru fejn sar l-akkwist b’mod ċar fid-dikjarazzjoni rikapitolattiva.

F. Ħlas u ħlas mill-ġdid

1. Il-persuna taxxabbli għandha tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud meta tissottometti d-denunzja tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Il-ħlas isir direttament lill-kont bankarju u bil-munita ta’ kull Stat Membru ta’ konsum ikkonċernat.

2. Meta l-ammont ta’ taxxa fuq il-valur miżjud li jrid jitnaqqas fi tliet xhur tal-kalendarju speċifiċi jkun akbar mill-ammont ta’ taxxa dovut, l-Istati Membri jistgħu jew jagħtu rifużjoni jew iżidu l-eċċess għal mal-perjodu li jkun imiss skond il-kondizzjonijiet li huma jkunu ddeterminaw skond l-Artikolu 18(4).

G. Dispożizzjonijiet speċifiċi għal persuni taxxabbli stabbiliti barra l-Komunità

L-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu jidentifika, fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 22(1)(c), persuna taxxabbli li mhix stabbilita fil-Komunità filwaqt li fl-istess ħin jieħu l-azzjoni msemmija fil-Parti C(2) ta’ dan l-Artikolu.

(5) L-Artikolu 24 hu emendat kif ġej:

(a) Il-Paragrafi 2, 3 u 4 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

‘2. Stati Membri jistgħu jeżentaw persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom ma jaqbiżx limitu li ma jistax jiġi stabbilit ogħla minn EUR 100 000 jew l-ekwivalenti bil-munita nazzjonali skond ir-rata ta’ tibdil ta' l-1 ta’ Lulju 2006. Jistgħu japplikaw limitu wieħed jew għadd ta’ limiti, li f'kull każ ma jistgħux jaqbżu EUR 100 000 jew l-ekwivalenti bil-munita nazzjonali fl-1 ta’ Lulju 2006.

Stati Membri jistgħu jirrevedu kull sena l-limiti li japplikaw. Taħt dik ir-reviżjoni annwali, il-limitu massimu ta’ EUR 100 000, jew l-ekwivalenti bil-munita nazzjonali applikabbli fl-1 ta’ Lulju 2006, jista’ jiġi mgħolli biss biex jinżamm il-valur tal-limiti f’termini reali.

Stati Membri li eżerċitaw l-għażla taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 67/228/KEE biex jintroduċu eżenzjonijiet jew gradi ta’ eżenzjoni mit-taxxa jistgħu iżommu lilhom u l-arraġamenti biex japplikawhom jekk jikkonformaw mas-sistema tal-VAT.

3. L-eżenzjoni pprovduta taħt il-paragrafu 2 m’għandhiex tapplika għat-transazzjonijiet li ġejjin:

(a) transazzjonijiet magħmula fuq bażi okkażjonali, kif imsemmija fl-Artikolu 4(3);

(b) provvisti ta’ mezzi ġodda tat-trasport magħmula f’konformità mal-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 28c(A);

(c) provvisti ta' oġġetti u servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhux stabbilita fl-Istat Membru fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud hi dovuta.

4. Id-dħul li jservi ta’ referenza għall-għanijiet li jiġu applikati arranġamenti speċjali provdut għalihom f’paragrafu 2 jikkonsisti fl-ammonti li ġejjin, eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud:

(a) il-valur ta’ oġġetti u servizzi, sakemm huma ntaxxati, inkluż transazzjonijiet li huma eżenti, bit-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud imħallas fl-istadju preċedenti, skond l-Artikolu 28(2);

(b) il-valur tat-transazzjonijiet li huma eżenti skond l-Artikolu 15;

(c) il-valur ta’ transazzjonijiet fuq beni immobbli, transazzjonijiet finanzjarji kif hemm referenza għalihom fl-Artikolu 13(B)(d) u servizzi ta’ assigurazzjoni, sakemm dawk it-transazzjonijiet m’humiex transazzjonijiet anċillari.

Madankollu, l-eliminazzjoni ta’ assi kapitali tanġibbli jew intanġibbli ta’ intrapriża m’għandux jittieħed kont tagħha għall-għanijiet ta’ kalkulazzjoni tad-dħul.’

(b) Il-Paragrafi 8 u 9 huma mneħħija.

(6) L-Artikolu 24a hu mħassar.

(7) Fl-Artikolu 28b(B), il-paragrafu 2 hu ssostitwit b’dan li ġej:

‘Il-Paragrafu 1 m’għandux japplika għal provvisti ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportati lil Stat Membru ieħor ħlief lil dak tal-fornitur, jekk dawn il-kondizzjonijiet jintlaħqu:

(a) l-oġġetti pprovduti m’humiex prodotti soġġetti għas-sisa;

(b) il-valur totali ta’ provvisti ta’ dan it-tip, eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud, ma jaqbiżx EUR 150 000 jew l-ekwivalenti bil-munita nazzjonali f’sena waħda tal-kalendarju.

(c) il-valur totali, eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud, tal-provvista ta’ oġġetti ħlief għall-prodotti soġġetti għas-sisa, fis-sena tal-kalendarju preċedenti, ma qabiżx EUR 150 000 jew l-ekwivalenti bil-munita nazzjonali.’

Artikolu 2

1. Stati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-30 ta’ Ġunju 2006 l-aktar tard, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom imbagħad jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Lulju 2006.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkompanjati b’referenza simili fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif referenza simili għandha tiġi magħmula.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali ta’ liġi nazzjonali, li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-[...] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 4

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, [...]

Għall-Kunsill

Il-President

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li twaqqaf regoli dettaljati sabiex issir rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, provdut fid-Direttiva 77/388/KEE, lil persuni taxxabbli mhux stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż imma stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra lit-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkonsidra d-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrelataw mat-taxxi tad-dħul – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ assessjar[12],u b’mod partikolari l-Artikolu 29a tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[13],

Billi:

(1) Problemi konsiderevoli huma imposti, kemm għall-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri kif ukoll għan-negozji, bl-implimentar tar-regoli għad-Direttiva 77/388/KEE stipulata bid-Direttiva tal-Kunsill 79/1072/KEE tas-6 ta’ Diċembru 1979 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrelataw ma' taxxi tad-dħul – Arranġmenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli mhux stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż[14]

(2) L-arranġamenti stipulati f’dik id-Direttiva għandhom jiġu emendati sabiex id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoniet għar-rifużjoni jistgħu jiġu mħabbra fi żmien tliet xhur mid-data ta’ meta l-applikazzjonijiet ġew sottomessi u r-rifużjonijiet jingħataw fl-istess perjodu. Għal dak il-għan, il-proċedura għandha tiġi ssimplifikata u mmodernizzata billi jiġi permess l-użu ta’ teknoloġiji moderni.

(3) Il-proċedura l-ġdida għandha toħloq aktar ċertezza legali għan-negozji, minħabba li r-rifużjoni ma tistax tiġi rrifjutat meta d-dewmien impost jiskadi.

(4) Id-Direttiva 77/388/KEE kien fiha dispożizzjoni li kienet tikkonċerna l-applikazzjoni tad-Direttiva 79/1072/KEE. Għaċ-ċarezza u skopijiet ta’ qari aħjar, din id-dispożizzjoni hi issa integrata f’din id-Direttiva u abrogata fid-Direttiva 77/388/KEE.

(5) Minħabba li l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta ma jistgħux jiġu milħuqa suffiċjentament mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, bir-raġunament ta’ l-iskala ta’ azzjoni, jiġu milħuqa aħjar fuq livell ta’ Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(6) Fl-interessi taċ-ċarezza, d-Direttiva 79/1072/KEE għandha għalhekk tiġi sostitwita.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tistipula r-regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, pprovduti fl-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 77/388/KEE, fil-verżjoni mogħtija fl-Artikolu 28f tagħha, lil persuni taxxabbli, bit-tifsira ta' Artikolu 4(1) ta’ dik id-Direttiva u suġġetta għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, li m’humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż, imma li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li minn issa ‘l quddiem jissejħu “persuni taxxabbli mhux stabbiliti”.

2. Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull persuna taxxabbli mhux stabbilita, li tilħaq dawn il-kundizzjonijiet:

(a) tul il-perjodu tar-rifużjoni, ma kellhiex fit-territorju tal-pajjiż, minn issa ‘l quddiem "l-Istat Membru tar-rifużjoni”, sede għall-attivitajiet ekonomiċi tagħha, jew stabbiliment fiss li minnu transazzjonijiet ta’ negozju ġew effettwati, jew, jekk ebda sede simili jew stabbiliment fiss ma eżistew, domiċilju jew post normali ta’ residenza;

(b) tul il-perjodu tar-rifużjoni, ma tkun forniet ebda oġġetti jew servizzi meqjusa li ġew fornuti fl-Istat Membru tar-rifużjoni, bl-eċċezzjoni tat-transizzjonijiet li ġejjin:

(i) servizzi ta’ trasport u servizzi anċillari għalihom, eżentati skond l-Artikolu 14(l)(i), l-Artikolu 15 jew l-Artikolu 16(1)B, C u D tad-Direttiva 77/388/KEE;

(ii) provvisti ta’ oġġetti u servizzi pprovduti f’każijiet fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud hi mħallsa biss mill-persuna li lilha huma fornuti, skond l-Artikolu 21(1)(a), (b), (c) u (f) tad-Direttiva 77/388/KEE.

Artikolu 2

Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika f’dak li għandu x’jaqsam ma’ oġġetti li l-provvista tagħhom hi, jew tista’ tkun, eżentata taħt l-Artikolu 28c(A) tad-Direttiva 77/388/KEE meta l-oġġetti fornuti huma mibgħuta jew ittrasportati mill-akkwistatur jew f’ismu. Lanqas għandha tapplika għal oġġetti li l-forniment tagħhom hu, jew jista’ jkun, eżantat taħt punt 2 ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 15 tad-Direttiva 77/388/KEE.

Artikolu 3

Stati Membri għandhom iroddu lura lil kull persuna taxxabbli mhux stabbilita, kull taxxa fuq il-valur miżjud iċċarġjata rigward oġġetti u servizzi fornuti lilha minn persuni taxxabbli fit-territorju tagħhom jew rigward l-importazzjoni ta’ oġġetti fit-territorju tagħhom, sakemm li oġġetti u servizzi simili ma jkollhomx dritt ta’ tnaqqis hemmhekk u huma użati għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet li ġejjin:

(a) transazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17(3)(a) u (b) tad-Direttiva 77/388/KEE;

(b) transazzjonijiet li għalihom it-taxxa fuq il-valur miżjud hi mħallsa biss mill-persuna li lilha l-oġġetti jew is-servizzi huma fornuti, skond l-Artikolu 21(1)(a), (b), (c) u (f) tad- Direttiva 77/388/KEE.

Artikolu 4

Biex tkun eliġibbli għal rifużjoni taħt l-Artikolu 3, il-persuna taxxabbli mhux stabbilita trid tagħmel transazzjonijiet li jagħtu kawża għal dritt ta’ tnaqqis fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita.

Meta persuna taxxabbli mhux stabbilita tagħmel fl-Istat Membru li fih hi stabbilita kemm transazzjonijiet li jagħtu kawża għal dritt ta’ tnaqqis kif ukoll transazzjonijiet li ma jagħtux kawża għal dritt ta’ tnaqqis, biss proporzjon ta' taxxa fuq il-valur miżjud attribwit għal dak ta’ l-ewwel jista’ jiġi rrimborżat fl-Istat Membru ta' tnaqqis.

Artikolu 5

1. Biex tikseb rifużjoni taħt l-Artikolu 3, il-persuna taxxabbli mhux stabbilita trid tissottometti applikazzjoni għar-rfużjoni, minn issa ‘l quddiem “l-applikazzjoni” fl-Istat Membru fejn hi stabbilita. Din l-applikazzjoni trid issir b’mezzi elettroniċi.

2. L-applikazzjoni għar-rifużjoni trid tistipula, għal kull Stat Membru fejn il-persuna taxxabbli ħallset it-taxxa fuq il-valur miżjud, id-dettalji li ġejjin:

(a) isem u indirizz sħiħ tal-fornitur;

(b) ħlief fil-każ ta’ importazzjoni, in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-fornitur jew numru ta’ referenza tat-taxxa, kif definit minn Stat Membru f’konformità ma’ l-Artikolu 22(9)(e) tad-Direttiva 77/388/KEE;

(c) ħlief fil-każ ta’ importazzjoni, il-kodiċi ISO ta’ l-Istat Membru tax-xiri skond l-Artikolu 22(1)(d) tad-Direttiva 77/388/KEE ;

(d) data u numru tal-fattura jew tad-dokument ta' l-importazzjoni;

(e) l-ammont taxxabbli u l-ammont ta’ taxxa fuq il-valur miżjud imniżżlin fil-munita ta’ l-Istat Membru fejn tħallset it-taxxa;

(f) l-ammont ta’ tnaqqis ta’ taxxa fuq il-valur miżjud imniżżla fil-munita ta’ l-Istat Membru fejn tħallset it-taxxa;

(g) in-natura ta’ l-affarijiet u s-servizzi akkwistati, deskritti bil-kodiċi li ġej:

1. = fjuwil;

2. = akkomodazzjoni;

3. = servizzi f’restoranti

4. = spejjeż ta’ vjaġġar, bħal nollijiet ta’ taxis, kiri għal ftit żmien ta’ mezzi tat-trasport, nollijiet tat-trasport pubbliku;

5. = fieri u esibizzjonijiet;

6. = twillija ta’ mezzi ta’ trasport;

7. = taxxa tat-triq u ħlas minn min juża t-toroq;

8. = oħrajn.

Għall-għanijiet tal-Kodiċi 8 f’punt (g) ta’ l-ewwel subparagrafu, deskrizzjoni sħiħa ta’ l-oġġetti u servizzi għandha tiġi mitluba.

Artikolu 6

1. L-applikazzjoni jkollha x'taqsam max-xiri ta' oġġetti jew servizzi fatturati jew importazzjonijiet magħmula matul perjodu ta’ mhux anqas minn tliet xhur u mhux aktar minn sena tal-kalendarju. L-applikazzjoni tista’ madankollu, jkollha x'taqsam ma' perjodu ta' anqas minn tliet xhur fejn il-perjodu jirrappreżenta l-bqija tas-sena tal-kalendarju.

L-applikazzjoni jista’ jkollha x’taqsam ukoll ma’ fatturi jew dokumenti ta’ importazzjoni mhux koperti mill-applikazzjonijiet preċedenti u tikkonċerna transazzjonijiet kompluti matul is-sena tal-kalendarju in kwistjoni.

L-applikazzjoni għandha tiġi sottomessa fi żmien sitt xhur tat-tmiem tas-sena tal-kalendarju li fiha t-taxxa trid tiġi mħallsa.

2. Jekk l-applikazzjoni jkollha x’taqsam ma’ perjodu ta' anqas minn sena waħda tal-kalendarju imma ta’ mhux anqas minn tliet xhur, l-ammont ta’ rifużjoni mitlub ma jistax ikun ta’ anqas minn EUR 200 jew l-ekwivalenti tiegħu bil-munita nazzjonali.

Jekk l-applikazzjoni jkollha x’taqsam ma’ perjodu ta’ sena tal-kalendarju jew il-bqija ta’ sena tal-kalendarju, l-ammont ta’ rifużjoni ma jistax ikun ta’ inqas minn EUR 25 jew l-ekwivalenti tiegħu bil-munita nazzjonali.

Artikolu 7

1. L-Istat Membru fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud tħallset għandu jgħarraf lill-applikant bid-deċiżjoni li jkun ħa dwar l-applikazzjoni għar-rifużjoni fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni ġiet sottomessa.

2. Ir-Rifużjonijiet iridu jsiru qabel it-tmiem tal-perjodu tat-tliet xhur imsemmija fil-paragrafu 1.

Ir-rifużjoni trid issir fl-Istat Membru tar-rifużjoni jew, fuq talba ta’ l-applikant, fl-Istat Membru fejn l-applikant hu stabbilit. f’dan l-aħħar każ, kull tariffi tal-bank għat-trasferiment għandhom jiġu mnaqqsa mill-Istat Membru tar-rifużjoni mill-ammont li jrid jitħallas lura lill-applikant.

3. Jekk l-applikazzjoni tiġi rrifjutata, ir-raġunijiet li għalihom ġiet irrifjutata għandhom jiġu nnotifikati lill-persuna taxxabbli mhux stabbilita mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn tħallset it-taxxa.

Appelli kontra rifjuti simili jistgħu jsiru lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn tħallset it-taxxa, soġġetti għall-istess kondizzjonijiet ta’ forma u limiti taż-żmien bħal dawk li jikkonċernaw it-talbiet għar-rifużjonijiet magħmula mill-persuni taxxabbli stabbiliti fl-istess Stat Membru.

4. F’każijiet speċifiċi, Stat Membru fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud ġiet imħallsa jista’ jitlob informazzjoni addizzjonali fi żmien tliet xhur mid-data ta’ meta l-applikazzjoni tiġi sottomessa. Wara li dak il-perjodu jkun skada, ebda informazzjoni addizzjonali ma tista’ tiġi mitluba.

F’każijiet simili, id-deċiżjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni trid tiġi mgħarrfa lill-applikant fi żmien tliet xhur mid-data ta' meta informazzjoni addizzjonali ġiet sottomessa. Ir-rifużjoni għandha tingħata fi żmien l-istess perjodu.

5. Fin-nuqqas ta’ rifjut espress fil-limitu ta’ żmien adattat, kif stipulat fil-paragrafu 2 jew 4, l-applikazzjoni trid tiġi meqjusa bħala aċċettata.

Artikolu 8

Fejn applikazzjoni għar-rifużjoni ma ġietx espressament irrifjutata, imma l-ħlas tar-rifużjoni ma saritx qabel it-tmiem tal-perjodu tat-tliet xhur stipulat fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(1), jew fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(4), kif inhu xieraq, interessi ta’ 1% fix-xahar, ikkalkulati mid-data li fiha r-rifużjoni suppost saret sad-data ta’ meta r-rifużjoni ġiet fil-fatt mogħtija, għandhom jingħataw mill-Istat Membru fuq l-ammont ta’ rifużjoni li għandha tingħata.

Artikolu 9

Id-Direttiva 79/1072/KEE hi rrevokata b’effett mill-1 ta’ Lulju 2006.

Referenzi għal dik id-Direttiva għandhom jiġu meqjusa bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 10

1. Stati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa l-1 ta’ Lulju 2006 l-aktar tard, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom imbagħad jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Lulju 2006.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkompanjati b’referenza simili fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif referenza simili għandha tiġi magħmula.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali, li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 11

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-[...] jum wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 12

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, [...]

Għall-Kunsill

Il-President

2004/0262 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1798/2003 dwar l-introduzzjoni ta’ arranġamenti għal kooperazzjoni amministrattiva fil-kuntest ta’ skema biex tinqeda f’post wieħed u l-proċedura ta’ rifużjoni għat-taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[15]

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[16],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[17],

Billi:

(1) Taħt id-Direttiva tal-Kunsill 200Y/XX/KE ta’ DD/MM/200M li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bil-għan li tissimplifika l-obbligazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud[18], skema biex tinqeda f’post wieħed tista’ tiġi offruta lill-persuni taxxabbli kollha li għandhom obbligazzjonijiet ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fi Stat Membru fejn m’humiex stabbiliti.

(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 200Y/YY/KE ta’ DD/MM/200Y li tipprovdi arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli mhux stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż imma li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor[19]tissimplifika l-proċedura sabiex jinkiseb ir-rifużjoni tal-VAT fi Stat Membru fejn il-persuna taxxabbli kkonċernata m’għandha l-ebda reġistrazzjoni tal-VAT.

(3) Madankollu, dawn id-Direttivi, it-tnejn li huma, jinvolvu skambjur ta’ ammont konsiderevoli ta' informazzjoni addizzjoni bejn l-Istati Membri varji kkonċernati. Hu għalhekk neċessarju li jiġi emendat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003/KE tas-7 t’Ottubru 2003, dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 218/92[20]. L-iskambju ta’ informazzjoni meħtieġa m’għandux ikollu piż amministrattiv disproporzjonat fuq l-Istati Membri kkonċernati.

(4) L-iskambjar ta’ informazzjoni għandu jseħħ b’mezzi elettroniċi bbażati fuq is-sistema preżenti ta’ skambju ta’ informazzjoni.

(5) Hu neċessarju li jiġu kkjarifikati l-obbligazzjonijiet rispettivi ta' l-Istati Membri ta' identifikazzjoni u l-identifikazzjoni, b’mod partikolari f'dak li għandu x’jaqsam mal-limiti għat-trażmissjoni ta’ l-informazzjoni u l-kontroll ta’ persuni taxxabbli.

(6) Minħabba li l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta ma jistgħux jiġu milħuqa suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, bir-raġunament ta’ l-iskala ta’ azzjoni, jiġu milħuqa aħjar fuq livell ta’ Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1798/2003 hu emendat kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 1(1), il-ħames subparagrafu li ġej hu miżjud:

‘Dan ir-Regolament jistipula wkoll regoli u proċeduri għall-iskambju b’mezzi elettroniċi ta’ informazzjoni dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud dwar oġġetti u servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli li għażlu l-iskema speċjali pprovdut għaliha fl-Artikolu 22b tad-Direttiva 77/388/KEE, jew li qed jagħmlu użu tal-proċedura għar-rifużjoni tal-VAT, provdut għaliha fid-Direttiva tal-Kunsill 200Y/YY/KE*, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż imma li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

(*) ĠU L [...], [...], p. [...].’;

(2) Il-Kapitoli VIa u VIb li ġejjin huma miżjuda:

‘KAPITOLU VIa

Dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-iskambju u ż-żamma ta’ l-informazzjoni fil-kuntest ta’ ‘skema biex tinqeda f’post wieħed’ provdut għaliha fl-Artikolu 22b tad-Direttiva 77/388/KEE

Artikolu 34a

Id-definizzjonijiet li hemm f’punt A ta’ l-Artikolu 22b tad-Direttiva 77/388/KEE għandhom japplikaw għall-iskop ta’ dan il-Kapitolu.

Artikolu 34b

1. L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jibgħat l-informazzjoni segwenti b’mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Stati Membri l-oħra:

(a) fir-rigward ta' persuni taxxabbli li jiġu reġistrati taħt l-iskema speċjali provdut għaliha fl-Artikolu 22b tad-Direttiva 77/388/KEE, minn issa ‘l quddiem “l-iskema biex tinqeda f’post wieħed”, l-informazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 22b(C)(1) ta’ dik id-Direttiva, fi żmien 10 ijiem tat-tmiem tax-xahar tal-kalendarju li fih ir-reġistrazzjoni tkun ġiet effettwata;

(b) dettalji ta’ kull modifikazzjoni ta’ data, kif imsemi fl-Artikolu 22b(C)(3) tad-Direttiva 77/388/KEE, jew l-irtirar jew il-bdil ta’ attività, kif imsemmi fl-Artikolu 22b(C)(4) tagħha, fi żmien 10 ijiem minn meta jiġu nnotifikati;

(c) dettalji ta’ kull deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 22b(C)(5) tad-Direttiva 77/388/KEE biex tinqata’ persuna mir-reġistru ta' dawk li jużaw l-iskema biex tinqeda f’post wieħed, fi żmien 10 ijiem tat-tmiem tax-xahar tal-kalendarju li fih tkun ittieħdet id-deċiżjoni;

(d) dettalji tal-persuni taxxabbli kollha fit-territorju tiegħu li ma għażlux l-iskema biex tinqeda f’post wieħed, imma li jagħmlu provvista ta’ oġġetti li, skond l-Artikolu 28b(B)(2) tad-Direttiva 77/388/KE, huma soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud fi Stat Membru ieħor ħlief fl-Istat Membru ta’ l-istabbiliment.

2. Id-dettalji tekniċi relatati mal-provediment ta’ informazzjoni skond il-paragrafu 1, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-kontenut u l-format ta’ messaġġi elettroniċi komuni, għandu jkun determinat f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2).

Artikolu 34c

1. Kull Stat Membru għandu jistabilixxi u jżomm database aġġornat li fih iżomm il-lista tal-persuni taxxabbli li jipprovdu oġġetti jew servizzi f’konformità ma' l-iskema biex tinqeda f’post wieħed.

2. L-Artikolu 22 għandu japplika.

Artikolu 34d

1. L-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu, fi żmien ħamest ijiem mid-data ta' meta jaslulu u b'mezzi elettroniċi, jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kkonċernati d-dettalji, li waslulu skond l-Artikolu22b(E)(1) tad-Direttiva 77/388/KEE, dwar id-denunzji ta’ kull tliet xhur għal kull persuna taxxabbli rreġistrata taħt l-iskema biex tinqeda f’post wieħed kif ukoll kull informazzjoni relatata ma’ modifikazzjoni ta’ denunzja ta’ dan it-tip.

2. Id-dettalji tekniċi relatati mal-provediment ta’ informazzjoni skond il-paragrafu 1, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-kontenut u l-format ta’ messaġġi elettroniċi komuni, għandu jkun determinat f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2).

Artikolu 34e

L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu, għall-perjodu minimu neċessarju għal skopijiet ta' kontroll, iżomm id-dettalji li jirċievi skond l-Artikolu 22b(E)(1) tad-Direttiva 77/388/KEE, dwar id-denunzji ta’ kull tliet xhur ta’ kull persuna identifikata taħt l-iskema biex tinqeda f’post wieħed. Dak il-perjodu għandu jiġi determinat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2).

Artikolu 34f

1. Kull Stat Membru għandu jagħmel disponibbli fuq website informazzjoni dettaljata dwar dan li ġej:

(a) kif tiffunzjona l-iskema biex tinqeda f’post wieħed;

(b) ir-regoli ta' liġi nazzjonli li japplikaw għat-transazzjonijiet magħmula fl-Istati Membri l-oħra;

(c) in-numru tal-kont bankarju relevanti u d-dettalji tal-kontabilità li jridu jiġu sottomessi mal-ħlas li jrid isir mill-persuni taxxabbli li jużaw l-iskema biex tinqeda f’post wieħed.

L-indirizz elettroniku tal- website ta' kull Stat Membru jiġi nnotifikat lill-persuni taxxabbli fl-istess ħin li r-reġistrazzjoni tiġi effettwata skond l-Artikolu 22b(C)(2) tad-Direttiva 77/388/KEE.

2. Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni r-regoli tiegħu ta’ liġi nazzjonali li japplikaw għat-transazzjonijiet u l-Kummissjoni trid tipprovdi għat-traduzzjoni ta’ din l-informazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Komunità Ewropea.

3. Id-dettalji u l-format ta’ l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ddeterminati skond il-proċedura msemmijaq fl-Artikolu 44(2).

Artikolu 34g

1. Il-kontroll ta’ persuni taxxabbli li għażlu l-iskema biex tinqeda f’post wieħed għandu kemm hu possibbli jiġi koordinat mill-Istati Membri.

2. Jekk l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jiddeċiedi li jagħmel verifika ta' persuna taxxabbli li għażlet l-iskema biex tinqeda f’post wieħed fit-territorju tiegħu, għandu jinforma minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra kkonċernati.

3. Jekk l-Istat Membru ta’ konsum jiddeċiedi li jagħmel verifika ta' persuna taxxabbli li hi rreġistrata fl-iskema biex tinqeda f’post wieħed u għamlet provvisti fit-territorju tiegħu, għandu jinforma minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra kkonċernati.

4. Kull Stat Membru kkonċernat jista’ jipparteċipa f’verifika magħmula minn Stat Membru ta’ identifikazzjoni jew konsum. Għal din il-verifika, il-proċeduri msemmija f’Artikolu 11 u 12 jistgħu jintużaw.

KAPITOLU VIb

Dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-iskambju u ż-żamma ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura pprovdut għaliha fid-Direttiva 200Y/YY/KE għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli mhux stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż imma li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

Artikolu 34h

1. Fejn l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tirċievi applikazzjoni għar-rifużjoni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva 200Y/YY/KE, għandha, fi żmien 10 ijiem mit-tmiem tax-xahar tal-kalendarju li fih l-applikazzjoni tkun waslet u b'mezzi elettroniċi, tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru ta’ xiri kkonċernat, biex tikkonferma jekk l-applikant hux identifikat jew le għal skopijiet ta' taxxa fuq il-valur miżjud fit-territorju tiegħu.

2. Id-dettalji tekniċi relatati mal-provediment ta’ informazzjoni skond il-paragrafu 1, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-kontenut u l-format ta’ messaġġi elettroniċi komuni, għandu jkun determinat f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2).

Artikolu 34i

Dettalji dwar it-tħaddim tal-proċedura tar-rifużjoni stipulati fid-Direttiva 200Y/YY/KE u dwar ir-regoli nazzjonali relevanti, b’mod partikolari dwar ir-restrizzjonijiet għad-dritt ta’ tnaqqis applikat f’konformità ma’ l-Artikolu 17a tad-Direttiva 77/388/KEE, għandu jiġi inkluż fil- website imsemmija fl-Artikolu 34f.'

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġ urnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, [...]

Għall-Kunsill

il-President

[1] COM(2003) 614 finali http://europa.eu.int/comm/taxation_customs/publications/official_doc/com/com.htm

[2] SEC(2004) 1128

http://europa.eu.int/comm/taxation_customs/publications/working_doc/working_doc.htm

[3] It-Tmien Direttiva tal-Kunsill 79/1072/KEE tas-6 ta’ Diċembru 1979 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrelataw mat-taxxi fuq id-dħul – Arranġamenti għar-rimborż tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli mhux stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż ĠU L 331,27.12.1979, p. 11. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta’ l-Estonja, r-Repubblika ta’ Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, r-Repubblika ta’ l-Ungerija, r-Repubblika ta’ Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom l-Unjoni Ewropea hi mwaqqfa – Anness II: Lista msemmija fl-Artiklu 20 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni – 9. Tassazzjoni.

[4] Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrelataw mat-taxxi tad-dħul – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ assessjar (OJ L 145, 13.6.1997, p. 1). Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2004/66/KE (OJ L 168, 1.5.2004, p. 35)

[5] Regolament tal-Kunsill (KE) No 1798/2003 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fuq il-VAT(OJ L 246, 15.10.2003, p. 1). Regolament kif l-aħħar emendata mid Regolament tal-Kunsill (KE) No 885/2004 (OJ L 168, 1.5.2004, p. 1).

[6] COM(2000) 349 finali

[7] Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE tas-7 ta’ Mejju 2002 li temenda u temenda temporanjament id-Direttiva 77/388/KEE rigward l-arranġamenti dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli għas-servizzi tax-xandir tar-radju u tat-televiżjoni u ċerti servizzi provduti elettronikament(ĠU L 128, 15.5.2002, p. 41).

[8] COM(1998) 377 finali

[9] ĠU C [...], [...], p. [...].

[10] ĠU C [...], [...], p. [...].

[11] ĠU C [...], [...], p. [...].

[12] ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/66/KE(ĠU L 168, 1.5.2004, p. 35).

[13] ĠU C [...], [...], p. [...].

[14] ĠU L 331, 27.12.1979, p.11. Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003.

[15] ĠU C [...], [...], p. [...].

[16] ĠU C [...], [...], p. [...].

[17] ĠU C [...], [...], p. [...].

[18] ĠU L [...], [...], p. [...].

[19] ĠU L [...], [...], p. [...].

[20] ĠU L 264, 15.10.2003, p. 1.

Top