EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2859

Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li jistabbilixxi punt ta’ aċċess uniku Ewropew li jipprovdi aċċess ċentralizzat għal informazzjoni disponibbli pubblikament ta’ rilevanza għas-servizzi finanzjarji, is-swieq kapitali u s-sostenibbiltà

PE/42/2023/REV/1

ĠU L, 2023/2859, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2859/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2859/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2859

20.12.2023

REGOLAMENT (UE) 2023/2859 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Diċembru 2023

li jistabbilixxi punt ta’ aċċess uniku Ewropew li jipprovdi aċċess ċentralizzat għal informazzjoni disponibbli pubblikament ta’ rilevanza għas-servizzi finanzjarji, is-swieq kapitali u s-sostenibbiltà

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-aċċess faċli u strutturat għad-data huwa importanti sabiex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, l-investituri professjonali u fil-livell tal-konsumatur, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet soċjali u ambjentali, kif ukoll partijiet ikkonċernati oħra fl-ekonomija u fis-soċjetà jieħdu deċiżjonijiet dwar l-investiment sodi, informati u li huma responsabbli soċjalment u ambjentalment li jservu l-funzjonament effiċjenti tas-suq. Il-provvista ta’ sorsi affidabbli u sistematiċi ta’ informazzjoni hija bl-istess mod ta’ rilevanza partikolari għar-riċerkaturi u l-prattikanti fl-akkademja, li jinvolvu ruħhom f’riċerka empirika jew teoretika fis-swieq finanzjarji. L-iżgurar ta’ aċċess aktar faċli għall-informazzjoni pubblika, inkluż għall-informazzjoni mogħtija fuq bażi volontarja, huwa meħtieġ ukoll sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet għat-tkabbir u l-viżibbiltà tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). L-introduzzjoni ta’ spazji komuni tal-Unjoni tad-data f’setturi kruċjali, inkluż is-settur finanzjarju, isservi l-fini li tipprovdi aċċess faċli għal sorsi affidabbli ta’ informazzjoni f’dawk is-setturi.

(2)

Fil-komunikazzjoni tagħha tal-24 ta’ Settembru 2020 bit-titolu “Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji - pjan ta’ azzjoni ġdid” (il-“Pjan ta’ Azzjoni għas-CMU”), il-Kummissjoni pproponiet li jitjieb l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja tal-entitajiet billi jinħoloq punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ESAP). Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Settembru 2020 bit-titolu “Strateġija għall-finanzi diġitali għall-UE” (l-“Istrateġija għall-Finanzi Diġitali”) stabbiliet f’termini ġenerali kif l-Unjoni tista’ tippromwovi t-trasformazzjoni diġitali tal-finanzi fis-snin li ġejjin, u b’mod partikolari kif tippromwovi finanzjament immotivat mid-data. Sussegwentement, fil-komunikazzjoni tas-6 ta’ Lulju 2021 bit-titolu “Strateġija Mġedda għall-Finanzi Sostenibbli”, il-Kummissjoni qiegħdet il-finanzjament sostenibbli fil-qalba tas-sistema finanzjarja bħala mezz ewlieni sabiex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika tal-ekonomija tal-Unjoni, bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew stabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019.

(3)

Sabiex it-tranżizzjoni ekoloġika tal-ekonomija tal-Unjoni tirnexxi permezz ta’ finanzjament sostenibbli, huwa essenzjali li l-informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà tan-negozji tkun faċilment aċċessibbli għall-investituri, sabiex ikunu infurmati aħjar meta jieħdu deċiżjonijiet dwar l-investimenti. Għal dawk il-finijiet, jeħtieġ li jitjieb l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja ta’ entitajiet, bħal kumpaniji, negozji u istituzzjonijiet finanzjarji. Mezz effiċjenti kif dan isir fil-livell tal-Unjoni huwa li tiġi stabbilita pjattaforma ċentralizzata, l-ESAP, li tagħti aċċess pubbliku elettroniku għall-informazzjoni rilevanti kollha.

(4)

L-ESAP jenħtieġ li jipprovdi lill-pubbliku aċċess ċentralizzat faċli għall-informazzjoni dwar l-entitajiet u l-prodotti tagħhom li jsir pubbliku u huwa rilevanti fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, is-swieq kapitali, is-sostenibbiltà u d-diversità, iżda jenħtieġ li jeskludi l-informazzjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni. Tali aċċess huwa meħtieġ sabiex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem tikber għal prodotti finanzjarji investibbli u diversifikati li jaqgħu taħt il-kappa ambjentali, soċjali u ta’ governanza u sabiex il-kapital jiġi dirett lejn dawk il-prodotti. L-ESAP huwa maħsub biex ikun pjattaforma li tħares ’il quddiem li jenħtieġ li tippermetti l-inklużjoni ta’ informazzjoni pubblika ta’ rilevanza għas-servizzi finanzjarji, is-swieq kapitali, is-sostenibbiltà u d-diversità li tirriżulta minn atti leġiżlattivi futuri tal-Unjoni, bħal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937.

(5)

L-investituri, il-parteċipanti fis-suq, il-konsulenti, l-akkademja u l-pubbliku inġenerali jista’ jkollhom interess li jiksbu informazzjoni ta’ rilevanza għas-servizzi finanzjarji, is-swieq kapitali, is-sostenibbiltà u d-diversità, minbarra dik meħtieġa li ssir pubblika skont il-liġi tal-Unjoni, meta entità tagħmel dik l-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku. SMEs b’mod partikolari jistgħu jkunu jridu jagħmlu aktar informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku sabiex isiru aktar viżibbli għal investituri potenzjali, u b’hekk iżidu u jiddiversifikaw l-opportunitajiet ta’ finanzjament. Barra minn hekk, il-parteċipanti fis-suq jistgħu jkunu jixtiequ jipprovdu aktar informazzjoni minn dik meħtieġa bil-liġi tal-Unjoni. Għalhekk, l-ESAP jenħtieġ li jipprovdi wkoll aċċess għall-informazzjoni rilevanti għas-servizzi finanzjarji u għas-swieq kapitali li tiġi ppubblikata fuq bażi volontarja minn kwalunkwe entità rregolata mil-liġi ta’ Stat Membru, meta tali entità tagħżel li tagħmel dik l-informazzjoni aċċessibbli fuq l-ESAP. Tali informazzjoni tista’ tiġi sottomessa fuq bażi volontarja ladarba jkunu ġew żgurati s-solidità u l-effiċjenza operazzjonali tal-ESAP, li fi kwalunkwe każ ikun wara l-preżentazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-effettività tal-ESAP. L-informazzjoni sottomessa fuq bażi volontarja jenħtieġ li tiġi identifikata b’mod ċar bħala tali.

(6)

Informazzjoni sottomessa fuq bażi volontarja jenħtieġ li tkun uniformi fil-format u komparabbli fis-sustanza, il-valur, l-utilità u l-affidabbiltà għal dik sottomessa fuq bażi obbligatorja. Sabiex jiġu żgurati l-komparabbiltà u l-użabbiltà akbar tal-informazzjoni aċċessibbli fuq l-ESAP fuq bażi volontarja, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) (EBA) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (EIOPA) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ESMA) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (magħrufa kollettivament bħala l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej jew l-“ASE”) jenħtieġ li, permezz tal-Kumitat Konġunt, jiżviluppaw abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-metadata li għandha takkumpanja dik l-informazzjoni u, meta applikabbli, il-formati jew il-mudelli li għandhom jintużaw għat-tfassil ta’ tali informazzjoni. Jenħtieġ li l-Kumitat Konġunt iqis ukoll l-istandards eżistenti fl-atti leġiżlattivi settorjali korrispondenti tal-Unjoni u b’mod partikolari kwalunkwe standard imfassal speċifikament għall-SMEs.

(7)

Jenħtieġ li l-ESAP ma joħloqx rekwiżiti ta’ divulgazzjoni ġodda f’termini ta’ kontenut, iżda minflok jenħtieġ li jibni fuq ir-rekwiżiti ta’ eżistenti stabbiliti mill-atti leġiżlattivi tal-Unjoni elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament. Huwa importanti li jiġi evitat rapportar doppju, sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ kwalunkwe piż amministrattiv u finanzjarju addizzjonali fuq l-entitajiet, speċjalment fuq l-SMEs.

(8)

Jenħtieġ li tkun tista’ tiġi inkluża wkoll informazzjoni storika fuq l-ESAP sabiex jiżdiedu d-disponibbiltà u l-komparabbiltà tal-informazzjoni. Jenħtieġ li l-informazzjoni storika tkopri informazzjoni li tkun saret pubblika mhux qabel ħames snin li kienet meħtieġa li tiġi sottomessa lill-ESAP. Biex jiġu żgurati settijiet konsistenti u kompluti ta’ informazzjoni storika, il-kapaċità li l-informazzjoni storika ssir aċċessibbli fuq l-ESAP jenħtieġ li tibqa’ l-prerogattiva tal-korpi ta’ ġbir li huma korpi, uffiċji jew aġenziji tal-Unjoni.

(9)

Jenħtieġ li l-ESAP jiġi stabbilit b’perjodu ta’ żmien ambizzjuż, filwaqt li jittieħdu passi intermedji biex jiġu żgurati s-solidità u l-effiċjenza operazzjonali tiegħu. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi allokat biżżejjed żmien għall-implimentazzjoni teknika tal-ESAP u għall-ġbir ta’ informazzjoni li għandu jiġi stabbilit fl-Istati Membri. Jenħtieġ li l-iżvilupp tal-ESAP ikollu fażi inizjali ta’ 12-il xahar, biex jagħti biżżejjed żmien lill-Istati Membri u lill-ESMA biex jistabbilixxu l-infrastruttura tal-IT u jittestjawha abbażi tal-ġbir ta’ għadd limitat ta’ flussi ta’ informazzjoni. Sussegwentement, l-iżvilupp tal-ESAP jenħtieġ li jinkorpora gradwalment, maż-żmien, għadd addizzjonali ta’ flussi ta’ informazzjoni u funzjonalitajiet b’pass li jippermetti l-iżvilupp sod u effiċjenti tal-ESAP. Il-funzjonament tal-ESAP jenħtieġ li jiġi vvalutat fuq bażi regolari matul l-implimentazzjoni u t-tħaddim tiegħu biex jippermetti kwalunkwe aġġustament biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utenti tiegħu u biex tiġi żgurata l-effiċjenza teknika tiegħu.

(10)

L-informazzjoni li għandha ssir aċċessibbli għall-pubbliku fuq l-ESAP jenħtieġ li tinġabar mill-korpi ta’ ġbir iddeżinjati għall-fini tal-ġbir tal-informazzjoni li l-entitajiet huma meħtieġa jippubblikaw, jew mill-korpi ta’ ġbir iddeżinjati għall-ġbir tal-informazzjoni li hija sottomessa mill-entitajiet fuq bażi volontarja. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament sħiħ u kosteffettiv tal-ESAP, il-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jagħmlu l-informazzjoni disponibbli għall-ESAP b’mod awtomatizzat permezz ta’ interfaċċa unika għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (API). Jenħtieġ li l-korpi ta’ ġbir jibbażaw, sa fejn ikun possibbli, fuq il-proċeduri u l-infrastruttura eżistenti ta’ ġbir ta’ informazzjoni, fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-ESAP mingħajr dewmien żejjed. Jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda obbligu li l-informazzjoni ssir aċċessibbli fuq l-ESAP qabel ma dik l-informazzjoni ssir pubblika skont l-atti leġiżlattivi settorjali tal-Unjoni applikabbli. Għall-fini li jagħmlu l-informazzjoni aċċessibbli fuq l-ESAP, il-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jaħżnu l-informazzjoni sottomessa mill-entitajiet jew iġġenerata mill-korpi ta’ ġbir infushom, sakemm ma jkunux diġà previsti mekkaniżmi alternattivi ta’ ħżin skont l-liġi tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-korpi ta’ ġbir ma jkunux meħtieġa jibnu mekkaniżmi ta’ ħżin ġodda meta wieħed jista’ joqgħod fuq mekkaniżmi nazzjonali jew tal-Unjoni eżistenti għall-ħżin tal-informazzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeżinjaw mill-inqas korp ta’ ġbir wieħed għall-ġbir ta’ informazzjoni sottomessa mill-entitajiet fuq bażi volontarja, li jista’ jkun l-istess bħal korpi li jiġbru l-informazzjoni sottomessa mill-entitajiet fuq bażi obbligatorja.

(11)

Għall-fini li jinkiseb funzjonament kosteffiċjenti, jenħtieġ li l-korpi ta’ ġbir ikunu jistgħu jiddelegaw il-kompiti tagħhom lil parti terza. Jenħtieġ li tali delega tkun soġġetta għal salvagwardji xierqa u jenħtieġ li ma tiġix eżerċitata sal-punt li l-korp ta’ ġbir isir sempliċiment “entità kaxxa tal-ittri”. Jenħtieġ li ma jkunx possibbli li jiġi ddelegat il-kompitu tat-teħid ta’ deċiżjoni diskrezzjonali li tirrifjuta jew tneħħi informazzjoni li tkun manifestament mhux xierqa, abbużiva jew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, dak ma jipprekludix lil delegat milli jwettaq tali rifjut jew tneħħija f’konformità ma’ tali deċiżjoni diskrezzjonali meħuda mill-korp ta’ ġbir.

(12)

Sabiex l-informazzjoni ssir aċċessibbli pubblikament fuq l-ESAP biex tkun tista’ tintuża b’mod diġitali, jenħtieġ li l-entitajiet jagħmlu dik l-informazzjoni disponibbli f’format ta’ data li tista’ tiġi estratta jew, meta meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni, f’format li jinqara mill-magni. Formati ta’ data li tista’ tiġi estratta mhux neċessarjament jirrikjedu li l-informazzjoni tkun strutturata b’tali mod li tinqara mill-magni, filwaqt li formati li jinqaraw mill-magni huma formati ta’ fajls strutturati b’mod li l-applikazzjonijiet tas-software ikunu jistgħu jidentifikaw, jagħrfu u jisiltu data speċifika faċilment, inklużi dikjarazzjonijiet individwali tal-fatti, u l-istruttura interna tad-data. Iż-żewġ formati jenħtieġ li jkunu miftuħa biex jippermettu l-aktar użu wiesa’ possibbli. Formati miftuħa jenħtieġ li jinftiehmu li jkunu indipendenti mill-pjattaforma u jkunu disponibbli għall-pubbliku mingħajr ebda restrizzjoni li timpedixxi l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni li tinsab fihom. L-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li jitfasslu mill-ASE, permezz tal-Kumitat Konġunt, biex jiġu sottomessi lill-Kummissjoni, filwaqt li jispeċifikaw il-karatteristiċi tal-formati li jinqraw mill-magni u tal-formati ta’ data li tista’ tiġi estratta u jitqiesu kwalunkwe xejra teknoloġika jew standard teknoloġiku li qed jevolvu. Sabiex jiġi żgurat li l-entitajiet jissottomettu l-informazzjoni fil-format korrett u sabiex jindirizzaw kwistjonijiet tekniċi potenzjali li jiltaqgħu magħhom l-entitajiet, il-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jwettqu validazzjonijiet awtomatizzati f’konformità ma’ dan ir-Regolament u jipprovdu assistenza lill-entitajiet li jissottomettu informazzjoni, fejn meħtieġ.

(13)

L-entitajiet li jissottomettu l-informazzjoni u l-metadata lill-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jibqgħu responsabbli għall-preċiżjoni u l-kompletezza tal-informazzjoni fil-lingwa li fiha tkun sottomessa u għall-affidabbiltà ta’ tali informazzjoni u metadata. Skont il-prinċipji tal-minimizzazzjoni tad-data u l-protezzjoni tad-data, jenħtieġ li l-entitajiet jiżguraw li ma tiġi inkluża l-ebda data personali fl-informazzjoni sottomessa, ħlief meta dik id-data tikkostitwixxi element meħtieġ tal-informazzjoni dwar l-attivitajiet ekonomiċi tal-entitajiet, inkluż meta l-isem tal-entità jkun jikkorrispondi mal-isem tas-sid. Meta l-informazzjoni sottomessa tinkludi data personali, jenħtieġ li, fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ dik id-data personali, l-entitajiet jistgħu joqogħdu fuq waħda mir-raġunijiet legali tal-ipproċessar stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(14)

L-objettiv tal-ESMA huwa li tipproteġi l-interess pubbliku billi tikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-effettività tas-sistema finanzjarja, għall-ekonomija tal-Unjoni, għaċ-ċittadini u għan-negozji tagħha. F’dak il-kuntest, l-ESMA tikkontribwixxi b’mod partikolari għall-iżgurar tal-integrità, it-trasparenza, l-effiċjenza u l-funzjonament ordnat tas-swieq finanzjarji. Fost oħrajn, għandha l-kompitu li ttejjeb il-protezzjoni tal-investituri. Għaldaqstant, l-ESMA jenħtieġ li tingħata l-kompitu li tistabbilixxi u topera l-ESAP.

(15)

Sabiex l-entitajiet u l-pubbliku jkunu jistgħu jidentifikaw il-korpi ta’ ġbir li jipprovdu informazzjoni lill-ESAP, l-ESMA jenħtieġ li tippubblika lista tal-korpi ta’ ġbir fuq is-sit web tagħha u żżomm dik il-lista aġġornata. Jekk ikun neċessarju li jsir tibdil għal dik il-lista, jenħtieġ li dawk il-bidliet isiru fl-iqsar żmien possibbli.

(16)

L-ESAP jista’ jkun suġġett għal ksur ta’ kunfidenzjalità u riskji dwar id-disponibbiltà proprja u dwar id-disponibbiltà tal-informazzjoni pproċessata fih. Dawk ir-riskji jinkludi inċidenti, żbalji u attakki deliberati u avvenimenti naturali, u jeħtieġ li jiġi rikonoxxut bħala riskji operazzjonali. L-ESMA u l-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jimplimentaw politiki xierqa u proporzjonati, inklużi rieżamijiet regolari, sabiex jiġi żgurat li l-ESAP jipproteġi l-informazzjoni pproċessata u l-funzjonijiet kif meħtieġ skont l-ogħla standards xierqa.

(17)

Sabiex jiġu ffaċilitati t-tiftix, is-sejba, l-irkupru u l-użu tad-data, l-ESMA jenħtieġ li tiżgura li l-ESAP joffri sett ta’ funzjonalitajiet, inklużi funzjoni ta’ tiftix, servizz ta’ traduzzjoni awtomatika u l-possibbiltà li tiġi estratta l-informazzjoni, kif ukoll funzjonijiet ta’ aċċessibbiltà elettronika mfassla għal persuni b’vista batuta u individwi b’diżabilitajiet u bi bżonnijiet ta’ aċċess. Il-funzjoni ta’ tiftix jenħtieġ li jiġu offruti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u jibnu fuq mill-anqas il-metadata mogħtija skont l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. L-interfaċċa tal-utent u l-funzjoni tat-tiftix fl-ESAP jenħtieġ li jitfasslu b’mod li jkun kemm jista’ jkun faċli biex jintuża, bi grad għoli ta’ komparabbiltà tad-data, u li jkopri firxa wiesgħa ta’ utenti potenzjali, bħal investituri professjonali u fil-livell tal-konsumatur, istituzzjonijiet akkademiċi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

(18)

L-użu u l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni li hija aċċessibbli pubblikament fuq l-ESAP jistgħu jtejbu l-funzjonament tas-suq intern u jippromwovu l-iżvilupp ta’ servizzi ġodda li jikkombinaw u jagħmlu użu minn tali informazzjoni. Għalhekk, meta jkun ġustifikat għar-raġunijiet ta’ objettiv ta’ interess pubbliku, huwa meħtieġ li l-informazzjoni li tkun aċċessibbli fuq l-ESAP tkun tista’ tintuża u tintuża mill-ġdid għal finijiet oħrajn għajr dawk li għalihom tkun tfasslet l-informazzjoni. Tali użu u użu mill-ġdid ta’ informazzjoni jenħtieġ li, madankollu, ikunu suġġetti għal kundizzjonijiet oġġettivi u nondiskriminatorji. Barra minn hekk, jenħtieġ li japplikaw, meta xieraq, kundizzjonijiet li jikkorrispondu għal dawk stabbiliti f’liċenzji miftuħa u standard skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li jippermettu li d-data u l-kontenut ikunu aċċessibbli, użati, modifikati u kondiviżi liberament minn kwalunkwe persuna għal kwalunkwe fini. L-entitajiet li jissottomettu l-informazzjoni tagħhom lil korp ta’ ġbir sabiex din tkun aċċessibbli fuq l-ESAP jenħtieġ li ma jillimitawx l-użu u l-użu mill-ġdid ta’ dik l-informazzjoni għal finijiet regolatorji u mhux kummerċjali abbażi ta’ dritt sui generis, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati oħra. La l-ESMA u lanqas il-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jġorru kwalunkwe responsabbiltà għall-aċċess, l-użu jew l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni aċċessibbli fuq l-ESAP, mingħajr preġudizzju għall-prinċipji tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali stabbiliti fl-Artikolu 340 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(19)

L-informazzjoni disponibbli għall-ESAP jenħtieġ li tkun aċċessibbli għall-pubbliku fil-ħin. Għalhekk, l-informazzjoni mogħtija mill-korpi ta’ ġbir lill-ESAP jenħtieġ li tkun aċċessibbli fuq l-ESAP mingħajr dewmien żejjed u, fi kwalunkwe każ, fl-iqsar perjodu ta’ żmien possibli. Sabiex tiġi żgurata l-kwalità uniformi tal-informazzjoni, il-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jwettqu validazzjonijiet awtomatizzati u jirrifjutaw informazzjoni sottomessa li ma tikkonformax mar-rekwiżiti meħtieġa. Il-validazzjonijiet awtomatizzati jenħtieġ li ma jkunux relatati mal-kontenut tal-informazzjoni. Minbarra l-validazzjonijiet awtomatizzati, il-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jirrifjutaw jew ineħħu informazzjoni jekk jiddeterminaw, pereżempju wara li jirċievu informazzjoni mingħand parti kkonċernata, li din taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jew li tinkludi kontenut li jkun manifestament mhux xieraq jew abbużiv. Il-korpi ta’ ġbir mhumiex meħtieġa jivverifikaw manwalment jew awtomatikament jekk l-informazzjoni taqax barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew jekk hijiex manifestament mhux xierqa jew abbużiva. L-entitajiet għandhom jibqgħu responsabbli għall-kontenut. Obbligi oħra li l-korpi ta’ ġbir jista’ jkollhom skont dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali jibqgħu mhux affettwati minn dan ir-Regolament.

(20)

L-ESAP jenħtieġ li jipprovdi lill-utenti b’aċċess għall-informazzjoni mingħajr ħlas u fuq bażi nondiskriminatorja, u jenħtieġ li jagħmilha possibbli għall-utenti li jfittxu, jaċċessaw u jniżżlu l-informazzjoni mill-ESAP. Madankollu, biex l-ESMA tiġi protetta minn piż finanzjarju eċċessiv b’rabta mal-kostijiet imġarrba b’riżultat li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ kwalunkwe utent intensiv, l-ESMA jenħtieġ li titħalla tiġġenera dħul. Għalhekk, b’deroga mill-prinċipju ġenerali li l-informazzjoni jenħtieġ li tkun aċċessibbli mingħajr ħlas, l-ESMA jenħtieġ li titħalla timponi tariffi għal servizzi speċifiċi, inkluż għal servizzi b’kostijiet ta’ manutenzjoni jew ta’ appoġġ għoljin minħabba tiftix għal volumi kbar ħafna ta’ informazzjoni, jew tniżżil ta’ dawn il-volumi ta’ informazzjoni, jew minħabba aċċess frekwenti ħafna għall-informazzjoni aċċessibbli fuq l-ESAP, b’mod partikolari jekk l-użu ta’ tali informazzjoni ikun għall-finijiet kummerċjali. Madankollu, kwalunkwe tariffa imposta jenħtieġ li ma taqbiżx il-kostijiet imġarrba mill-ESMA għall-forniment ta’ dawk is-servizzi speċifiċi. Kwalunkwe tariffa miġbura jenħtieġ li tiġi allokata għall-funzjonament ġenerali tal-ESAP. Xi utenti, inklużi l-akkademja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal kwalunkwe tariffa. Il-kalkolu tat-tariffi jenħtieġ li jkun trasparenti u bbażat fuq prinċipji ċari.

(21)

Sabiex tiġi promossa l-innovazzjoni mmotivata mid-data fil-finanzi, sabiex is-swieq kapitali jiġu megħjuna jintegraw fl-Unjoni, sabiex l-investimenti jiġu diretti lejn attivitajiet sostenibbli u sabiex iwasslu għal effiċjenzi għall-konsumaturi u n-negozji, l-ESAP jenħtieġ li jtejjeb l-aċċess għall-informazzjoni pubblika li tista’ tkun fiha data personali. Madankollu, l-ESAP jenħtieġ li jtejjeb biss l-aċċess għal dik id-data personali li tinsab f’informazzjoni li ssir pubblika skont obbligu legali jew, meta l-informazzjoni ssir pubblika b’mod volontarju, għal dik id-data personali li tiġi pproċessata għal raġunijiet legali skont ir-Regolament (UE) 2016/679. Għal kwalunkwe pproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ informazzjoni aċċessibbli fuq l-ESAP, l-ESMA, fil-kapaċità tagħha bħala kontrollur tad-data tal-ESAP, u l-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jiżguraw il-konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). L-entitajiet sottomettenti jenħtieġ li jkunu responsabbli għall-identifikazzjoni tal-preżenza ta’ kwalunkwe data personali fl-informazzjoni sottomessa u għall-ipproċessar ta’ tali data personali abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet legali għall-ipproċessar skont ir-Regolament (UE) 2016/679. Informazzjoni akkumpanjata minn metadata li tispeċifika li fiha data personali jenħtieġ li ma tinżammx minn korpi ta’ ġbir jew mill-ESAP għal kwalunkwe żmien aktar milli meħtieġ u fi kwalunkwe każ għal mhux aktar minn ħames snin, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(22)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-kummenti formali fid-19 ta’ Jannar 2022.

(23)

Il-Bank Ċentrali Ewropew pprovda l-opinjoni tiegħu fis-7 ta’ Ġunju 2022 (9).

(24)

Sabiex tinbena u tinżamm il-fiduċja pubblika fl-ESAP u sabiex kull entità tiġi protetta minn tibdil mhux dovut tal-informazzjoni tagħha, il-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jiżguraw l-integrità tad-data u l-kredibbiltà tas-sors tal-informazzjoni sottomessa mill-entitajiet. B’mod aktar partikolari, il-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jiżguraw livelli xierqa ta’ awtentiċità, disponibbiltà, integrità u nonripudju tal-informazzjoni sottomessa mill-entitajiet li għandha ssir disponibbli għall-ESAP u aċċessibbli fuqu. In-nonripudju tal-informazzjoni jfisser li l-entità jenħtieġ li tingħata assigurazzjoni raġonevoli li s-sottomissjoni tagħha tkun twasslet, u li r-riċevitur ikollu prova tal-identità tal-entità. Siġill elettroniku kwalifikat kif definit fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jista’ jintuża biex jintlaħqu dawk l-objettivi. Identifikatur speċifiku ta’ entità ġuridika, meta disponibbli, jenħtieġ li jkun attribut obbligatorju tal-informazzjoni sottomessa.

(25)

Sabiex l-informazzjoni fuq l-ESAP tkun komparabbli tul iż-żmien, l-utenti jenħtieġ li jkollhom aċċess ukoll għal informazzjoni tal-passat, inkluż informazzjoni storika. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni fl-Anness għal dan ir-Regolament, l-ESAP jenħtieġ li jipprovdi aċċess għall-informazzjoni għal perjodu ta’ żmien raġonevoli. Għal dak il-fini, l-ESMA jenħtieġ li tiżgura li data personali la tinżamm u lanqas issir aċċessibbli fuq l-ESAP għal kwalunkwe żmien aktar milli meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni u, fi kwalunkwe każ, għal mhux aktar minn ħames snin, sakemm mhux previst mod ieħor fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(26)

Il-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jinfurmaw lill-ESMA dwar kwalunkwe diffikultà prattika sostanzjali identifikata fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti tagħhom. L-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u l-EIOPA, jenħtieġ li timmonitorja l-funzjonament tal-ESAP u tippubblika rapport annwali dwaru, bl-għan li tiżgura li l-problemi potenzjali jkunu trasparenti u li tkun tista’ tittieħed azzjoni xierqa meta jkun meħtieġ. It-tfassil tar-rapport annwali dwar il-funzjonament tal-ESAP mill-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u l-EIOPA, se jgħin ukoll biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu involuti u li partijiet ikkonċernati oħra jiġu kkonsultati permezz tat-task force, il-grupp jew il-kumitat ad hoc, kif xieraq, li għandu jiġi stabbilit mill-ESMA.

(27)

Minħabba r-rilevanza tar-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-effettività tal-ESAP għall-adozzjoni possibbli ta’ att delegat biex tiġi posposta l-inklużjoni fuq l-ESAP tal-informazzjoni li għaliha s-sottomissjoni lill-korpi ta’ ġbir mhix rekwiżita skont ir-Regolament fl-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2023/2864 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u r-Regolament (UE) 2023/2869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), huwa importanti li l-Kummissjoni tuża r-rapporti annwali dwar il-funzjonament tal-ESAP imfassla mill-ESMA u twettaq konsultazzjonijiet xierqa mal-korpi ta’ ġbir u l-gruppi ta’ esperti rilevanti, b’mod partikolari l-Grupp Espert tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jenħtieġ li, meta jqisu li jkun xieraq, jingħataw biżżejjed opportunità biex jiddiskutu r-rapport tal-Kummissjoni.

(28)

Sabiex, meta jkun meħtieġ, tiġi posposta l-inklużjoni fuq l-ESAP ta’ ċerta informazzjoni li jenħtieġ li ssir aċċessibbli fuq l-ESAP, jenħtieġ li tiġi delegata s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-data li minnha dik l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi sottomessa għall-aċċessibbiltà fuq l-ESAP. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (13). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(29)

Sabiex jiġi żgurat l-ipproċessar mingħajr xkiel tal-informazzjoni riċevuta jew imfassla mill-korpi ta’ ġbir u magħmula disponibbli għall-ESAP, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti rekwiżiti ċari u dettaljati li jispeċifikaw il-format u l-metadata ta’ dik l-informazzjoni u liema korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jiġbruha. Sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-informazzjoni sottomessa lill-ESAP mill-korpi ta’ ġbir, huwa meħtieġ ukoll li jiġu ddefiniti l-karatteristiċi tal-validazzjonijiet awtomatizzati li għandhom jitwettqu fir-rigward ta’ kull oġġett ta’ informazzjoni sottomess mill-entitajiet lill-korpi ta’ ġbir, inklużi l-karatteristiċi tas-siġill elettroniku kwalifikat li jiġi mehmuż ma’ dik l-informazzjoni, meta meħtieġ mill-korpi ta’ ġbir. Sabiex jiġi żgurat l-użu u l-użu mill-ġdid tad-data dwar l-ESAP, għandha tiġi stabbilita lista tal-liċenzji standard miftuħa ddeżinjati. Sabiex jiġu ffaċilitati t-tiftix, is-sejba u l-irkupru tad-data fil-ħin, huwa meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti l-karatteristiċi tal-API u tal-metadata li għandha tiġi implimentata. Jenħtieġ li jiġu wkoll implimentati rekwiżiti addizzjonali fir-rigward ta’ funzjoni ta’ tiftix effiċjenti, bħall-identifikatur speċifiku ta’ entità ġuridika tal-entità, il-klassifikazzjoni tat-tip ta’ informazzjoni sottomessa mill-entità u d-daqs tal-entità skont il-kategorija. Għal dak il-għan, l-ASE, permezz tal-Kumitat Konġunt, jenħtieġ li jiżviluppaw abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni. Meta jkunu qed jabbozzaw l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni, l-ASE, permezz tal-Kumitat Konġunt, jenħtieġ li jikkonsultaw minn qabel mal-korpi ta’ ġbir u janalizzaw, b’mod partikolari, il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali assoċjati. Barra minn hekk, l-ESMA jenħtieġ li tkun tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina n-natura u l-firxa tas-servizzi speċifiċi li għalihom jistgħu jintalbu tariffi kif ukoll l-istruttura tat-tariffi assoċjata. Tali abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni jippermetti aċċess globali u interoperabbli għall-informazzjoni tal-entitajiet. Fir-rigward tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, jenħtieġ li l-ASE, permezz tal-Kumitat Konġunt, jikkomunikaw mal-EFRAG dwar l-iżvilupp ta’ tali abbozzi ta’ standards. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta dawk l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE u f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(30)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-servizzi finanzjarji u s-swieq kapitali tal-Unjoni billi jipprovdi aċċess ċentralizzat faċli għall-informazzjoni pubblika dwar l-entitajiet u l-prodotti tagħhom, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala jew l-effetti tiegħu, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(31)

L-ESAP huwa l-ewwel azzjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid għas-CMU u twettiq konkret tal-Istrateġija għall-Finanzi Diġitali. Għalhekk, l-ESAP huwa proġett ewlieni ta’ interess Ewropew komuni fil-qasam tal-finanzi diġitali. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li jintalab finanzjament kemm jista’ jkun mill-Programm Ewropa Diġitali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), b’mod partikolari matul l-istadji bikrija tal-iżvilupp tal-ESAP, f’konformità mal-ammonti ppreżentati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 2021. Dawk il-fondi jiġu allokati lill-Kummissjoni matul l-iżvilupp bikri tal-ESAP, bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-ESMA tkun is-sid aħħari ta’ kwalunkwe assi li tirriżulta. Wara li l-kontribuzzjoni mill-Programm Ewropa Diġitali tkun ġiet eżawrita, il-finanzjament tal-ESAP jenħtieġ li jsegwi l-mudell previst għall-finanzjament tal-ESMA sal-31 ta’ Diċembru 2027. Il-kontribuzzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti skont dak il-mudell ta’ finanzjament jenħtieġ li ma jaqbżux total ta’ EUR 6 968 000. L-allokazzjoni ta’ finanzjament mill-Istati Membri, madankollu, mhijiex kontinġenti fuq il-possibbiltà ta’ qbiż tal-istimi tal-kostijiet ippreżentati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 2021. Il-finanzjament tal-ESAP wara Diċembru 2027 jenħtieġ li jiġi diskuss fil-proċedura baġitarja xierqa fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss meta jiġi vvalutat jekk tkunx xierqa kontribuzzjoni akbar mill-baġit tal-Unjoni,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-punt ta’ aċċess uniku Ewropew

1.   Sal-10 ta’ Lulju 2027, l-ESMA għandha tistabbilixxi u topera punt ta’ aċċess uniku Ewropew (“ESAP”) li jipprovdi aċċess elettroniku ċentralizzat għall-informazzjoni li ġejja:

(a)

informazzjoni ppubblikata skont l-atti leġiżlattivi elenkati fl-Anness jew skont atti ulterjuri tal-Unjoni legalment vinkolanti li jipprevedu aċċess elettroniku ċentralizzat għall-informazzjoni permezz tal-ESAP;

(b)

informazzjoni li kwalunkwe entità rregolata mil-liġi ta’ Stat Membru tagħżel li tagħmel aċċessibbli fuq l-ESAP fuq bażi volontarja, f’konformità mal-Artikolu 3(1), u li hija msemmija fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni elenkati fl-Anness jew fi kwalunkwe att legalment vinkolanti ulterjuri tal-Unjoni li jipprevedi aċċess elettroniku ċentralizzat għall-informazzjoni fuq l-ESAP.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tiġi sottomessa lil korpi ta’ ġbir għall-fini li ssir aċċessibli għall-ESAP qabel id-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżit li tiġi sottomessa dik l-informazzjoni kif previst fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni elenkati fl-Anness jew f’atti legalment vinkolanti ulterjuri tal-Unjoni li jipprevedu aċċess elettroniku ċentralizzat għall-informazzjoni fuq l-ESAP.

3.   Il-korpi ta’ ġbir li huma korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni jistgħu jagħmlu disponibbli għall-ESAP informazzjoni storika li tibda mid-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżit li l-informazzjoni tiġi sottomessa lill-ESAP kif previst fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni elenkati fl-Anness jew f’atti legalment vinkolanti ulterjuri tal-Unjoni li jipprevedu aċċess elettroniku ċentralizzat għall-informazzjoni fuq l-ESAP.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“entità” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika:

(a)

li hija meħtieġa tissottometti l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (a), lil korp ta’ ġbir; jew

(b)

li tissottometti informazzjoni lil korp ta’ ġbir fuq bażi volontarja skont l-Artikolu 1(1), il-punt (b), sabiex dik l-informazzjoni ssir aċċessibbli fuq l-ESAP;

(2)

“korp ta’ ġbir” tfisser korp tal-Unjoni, uffiċċju jew aġenzija jew korp, awtorità jew reġistru nazzjonali ddeżinjati bħala tali skont kwalunkwe wieħed mill-atti leġiżlattivi tal-Unjoni skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a) jew iddeżinjati bħala tali minn Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 3(2);

(3)

“format ta’ data li tista’ tiġi estratta” tfisser kwalunkwe format miftuħ kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (14), tad-Direttiva (UE) 2019/1024 li jintuża b’mod wiesa’ jew li huwa meħtieġ bil-liġi, li jippermetti l-estrazzjoni ta’ data minn magna u li jista’ jinqara mill-bniedem;

(4)

“format li jinqara mill-magni” tfisser format li jinqara mill-magni kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (13), tad-Direttiva (UE) 2019/1024;

(5)

“siġill elettroniku kwalifikat” tfisser siġill elettroniku kwalifikat kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (27), tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(6)

“interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet” jew “API” tfisser sett ta’ funzjonijiet, proċeduri, definizzjonijiet u protokolli għall-komunikazzjoni bejn magna u oħra u l-iskambju ta’ data mingħajr xkiel;

(7)

“metadata” tfisser informazzjoni strutturata li tagħmilha aktar faċli sabiex tiġi rkuprata, użata jew immaniġġjata riżorsa ta’ informazzjoni, inkluż billi tiddeskrivi, tispjega jew tillokalizza s-sors ta’ dik l-informazzjoni;

(8)

“data personali” tfisser data personali kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(9)

“informazzjoni storika” tfisser l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (a), li tkun saret pubblika mhux qabel ħames snin mid-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżit li dik l-informazzjoni tiġi sottomessa lill-ESAP;

(10)

“Kumitat Konġunt” tfisser il-kumitat msemmi fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 3

Sottomissjoni volontarja ta’ informazzjoni

1.   Mill-10 ta’ Jannar 2030, entità tista’ tissottometti l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), lill-korp ta’ ġbir fl-Istat Membru fejn l-entità jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha għall-fini li tagħmel dik l-informazzjoni aċċessibbli fuq l-ESAP.

Meta tissottometti tali informazzjoni lill-korp ta’ ġbir, l-entità għandha:

(a)

tiżgura li l-informazzjoni tkun akkumpanjata minn metadata li tispeċifika li l-informazzjoni hija aċċessibbli fuq l-ESAP fuq bażi volontarja;

(b)

tiżgura li l-informazzjoni tkun akkumpanjata minn metadata li tispeċifika jekk l-informazzjoni fihiex data personali;

(c)

tiżgura li l-informazzjoni tkun akkumpanjata mill-metadata meħtieġa għall-funzjonament tal-funzjoni tat-tiftix tal-ESAP imsemmija fl-Artikolu 7(3);

(d)

tuża format ta’ data li tista’ tiġi estratta għas-sottomissjoni tal-informazzjoni;

(e)

tiżgura li l-informazzjoni sottomessa taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1), il-punt (b);

(f)

tiżgura li ma tiġi inkluża l-ebda data personali fl-informazzjoni, għajr meta d-data personali hija mitluba mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali jew tikkostitwixxi element meħtieġ tal-informazzjoni dwar l-attivitajiet ekonomiċi tal-entità.

2.   Sad-9 ta’ Jannar 2030, kull Stat Membru għandu jiddeżinja mill-inqas korp ta’ ġbir wieħed għall-ġbir tal-informazzjoni sottomessa fuq bażi volontarja u jinnotifika lill-ESMA b’dan.

3.   L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej stabbiliti bir-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (kollettivament, l-“ASE”) għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt, jiżviluppaw abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex jispeċifikaw dan li ġej:

(a)

il-metadata li għandha takkumpanja l-informazzjoni sottomessa f’konformità mal-paragrafu 1;

(b)

meta applikabbli, il-formati jew il-mudelli speċifiċi li għandhom jintużaw għas-sottomissjoni tal-informazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1.

4.   Meta jiżviluppaw l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, l-ASE għandhom iqisu kwalunkwe standard li diġà jeżisti fl-atti leġiżlattivi settorjali korrispondenti tal-Unjoni u, b’mod partikolari, kwalunkwe standard imfassal speċifikament għall-SMEs.

L-ASE għandhom jissottomettu l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Jannar 2028.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

L-ASE, permezz tal-Kumitat Konġunt, għandhom jadottaw linji gwida għall-entitajiet biex jiżguraw li l-metadata sottomessa tkun korretta, inklużi l-kundizzjonijiet għall-inklużjoni ta’ data personali fis-sottomissjonijiet volontarji.

5.   Meta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tinkludi data personali, l-entitajiet għandhom jiżguraw li kwalunkwe pproċessar ta’ dik id-data jkun ibbażat fuq waħda mir-raġunijiet legali għall-ipproċessar elenkati fl-Artikolu 6, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679. Dan ir-Regolament ma joħloqx bażi ġuridika għall-ipproċessar ta’ data personali.

Artikolu 4

Lista tal-korpi ta’ ġbir

L-ESMA għandha tippubblika lista tal-korpi ta’ ġbir, li jkollha l-lokalizzatur uniformi tar-riżorsi għal kull korp ta’ ġbir, fuq il-portal web imsemmi fl-Artikolu 7(1), il-punt (a).

L-ESMA għandha tiżgura li dik il-lista tinżamm aġġornata u għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla fiha.

Artikolu 5

Kompiti tal-korpi ta’ ġbir u r-responsabbiltajiet tal-entitajiet

1.   Il-korpi ta’ ġbir għandhom jagħmlu dan li ġej:

(a)

jiġbru l-informazzjoni sottomessa mill-entitajiet;

(b)

jaħżnu l-informazzjoni sottomessa mill-entitajiet jew iġġenerata mill-korpi ta’ ġbir infushom u, meta rilevanti, jiddependu fuq il-proċeduri eżistenti u l-infrastruttura fis-seħħ għall-ħżin tal-informazzjoni;

(c)

iwettqu validazzjonijiet awtomatizzati tekniċi fir-rigward tal-informazzjoni sottomessa mill-entitajiet sabiex jivverifikaw jekk l-informazzjoni tikkonformax ma’ dan li ġej:

(i)

tkun ġiet sottomessa bl-użu ta’ format ta’ data li tista’ tiġi estratta jew, meta jkun xieraq, il-format li jinqara mill-magni speċifikat fi kwalunkwe wieħed mill-atti leġiżlattivi tal-Unjoni skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a), li skonthom tiġi sottomessa l-informazzjoni;

(ii)

il-metadata għall-informazzjoni, kif speċifikat skont il-paragrafu 10, il-punt (e), ta’ dan l-Artikolu u, meta applikabbli, l-Artikolu 3(1), il-punt (a), tkun disponibbli u kompluta;

(iii)

tkun akkumpanjata minn siġill elettroniku kwalifikat, meta meħtieġ;

(d)

ma jimponux kundizzjonijiet fuq l-użu u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni aċċessibbli fuq l-ESAP, għajr kundizzjonijiet li jikkorrispondu għal dawk stabbiliti fil-liċenzji standard miftuħa kif imsemmi fl-Artikolu 9;

(e)

jimplimentaw l-API u, mingħajr ħlas u fil-limiti ta’ żmien applikabbli, jipprovdu lill-ESAP l-informazzjoni, il-metadata għal dik l-informazzjoni u, meta meħtieġa, is-siġill elettroniku kwalifikat;

(f)

sa fejn jaqa’ fil-kompetenza teknika tal-korp ta’ ġbir, jipprovdu assistenza lill-entitajiet li jissottomettu l-informazzjoni fir-rigward ta’, mill-anqas, il-proċess ta’ sottomissjoni, rifjut u sottomissjoni mill-ġdid;

(g)

jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) tibqa’ disponibbli għall-ESAP għal mill-anqas għaxar (10) snin, dment li ma jkunx previst mod ieħor fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a).

Għall-finijiet tal-punt (g) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, u f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725, il-korpi ta’ ġbir għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jiżguraw li, meta l-metadata li takkumpanja l-informazzjoni sottomessa tirreferi għal kwalunkwe data personali, dik l-informazzjoni ma tinżammx għall-fini li ssir disponibbli għall-ESAP, u lanqas ma ssir aċċessibbli fuq l-ESAP, għal aktar minn ħames (5) snin, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-korpi ta’ ġbir jistgħu jirrifjutaw informazzjoni sottomessa mill-entitajiet, metal-informazzjoni tkun manifestament mhux xierqa, abbużiva, jew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1).

Il-korpi ta’ ġbir għandhom ineħħu l-informazzjoni li ssir aċċessibbli fuq l-ESAP li huma jiddeterminaw li hija manifestament mhux xierqa, abbużiva jew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1).

3.   Il-korpi ta’ ġbir għandhom jirrifjutaw informazzjoni sottomessa minn entitajiet meta l-validazzjonijiet awtomatizzati msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu jiżvelaw li l-informazzjoni ma tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti f’dak il-punt jew, meta rilevanti, abbażi tan-notifiki riċevuti skont l-Artikolu 10(2).

4.   Il-korpi ta’ ġbir għandhom jinnotifikaw lill-entitajiet bir-rifjut jew it-tneħħija tal-informazzjoni u r-raġunijiet għalihom, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

5.   Meta l-informazzjoni sottomessa minn entità skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a), tiġi rrifjutata jew titneħħa minn korp ta’ ġbir, dik l-entità għandha tirrettifika u tissottometti mill-ġdid l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed. Il-korp ta’ ġbir għandu jinnotifika lill-ESMA meta l-informazzjoni tkun ġiet rifjutata, titneħħa jew tiġi sostitwita skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

L-entitajiet jistgħu jagħżlu li jissottomettu informazzjoni darba biss u lil korp ta’ ġbir wieħed biss. Is-sottomissjoni u kwalunkwe sottomissjoni mill-ġdid tal-informazzjoni, flimkien mal-metadata rilevanti li takkumpanjaha, għandhom isiru lill-istess korp ta’ ġbir.

6.   L-entitajiet għandhom ikunu responsabbli għall-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni fil-lingwa li tiġi sottomessa, kif ukoll għall-metadata rilevanti li takkumpanjaha li jissottomettu lill-korpi ta’ ġbir. B’mod partikolari, l-entitajiet għandhom ikunu responsabbli għall-identifikazzjoni tal-inklużjoni tad-data personali fl-informazzjoni li jissottomettu lill-korp ta’ ġbir flimkien mal-metadata rilevanti li takkumpanjaha li tindika jekk l-informazzjoni fihiex data personali.

7.   Fir-rigward tal-informazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-korpi ta’ ġbir ma għandhomx jeżerċitaw id-dritt ta’ min jagħmel il-bażi tad-data, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), jew kwalunkwe dritt ta’ proprjetà intellettwali ieħor b’tali mod li jipprevjenu jew jirrestrinġu l-użu u l-użu mill-ġdid tal-kontenut tal-bażi tad-data skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament.

8.   Korp ta’ ġbir jista’ jiddelega l-kompiti msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b), (c), (e), (f), (g) u l-paragrafi 3 u 4 lil persuna ġuridika rregolata mil-liġijiet ta’ Stat Membru jew lil korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni (“id-delegat”). Kwalunkwe delega ta’ kompiti għandha tieħu l-forma ta’ ftehim bil-miktub li jispeċifika l-kompiti li għandhom jiġu ddelegati u l-kundizzjonijiet li taħthom għandhom jitwettqu (“ftehim ta’ delega”).

Il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim ta’ delega għandhom jiżguraw li:

(a)

id-delegat ma jkollu l-ebda kunflitt ta’ interess;

(b)

id-delegat ma jużax l-informazzjoni miksuba b’mod mhux xieraq jew b’mod antikompetittiv jew għal fini ieħor għajr dak iddikjarat fil-ftehim ta’ delega;

(c)

id-delegat jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 6 fir-rigward tal-kompiti ddelegati;

(d)

id-delegat jinforma regolarment lill-korp ta’ ġbir dwar il-prestazzjoni ġenerali tiegħu tal-kompiti ddelegati;

(e)

mingħajr dewmien żejjed id-delegat jinforma lill-korp ta’ ġbir dwar kwalunkwe nuqqas ta’ twettiq ta’ kompitu ddelegat.

Il-korp ta’ ġbir għandu jibqa’ responsabbli għal kwalunkwe kompitu li jiddelega, inkluż li jagħmel disponibbli lill-ESMA kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mill-ESMA rigward kompitu ddelegat.

Ir-responsabbiltà tal-korp ta’ ġbir ma għandhiex tiġi affettwata mill-fatt li l-korp ta’ ġbir ikun iddelega kompiti lil parti terza. Il-korp ta’ ġbir ma għandux jiddelega l-kompiti tiegħu sal-punt li ma jkunx jista’ jibqa’ jitqies bħala korp ta’ ġbir.

Il-korp ta’ ġbir għandu jiżgura li kwalunkwe delega tal-kompiti tiġi eżerċitata b’mod kosteffiċjenti u li, sa fejn ikun possibbli, id-delega tintuża biex tippermetti li l-proċeduri ta’ ġbir u l-infrastruttura eżistenti jkomplu japplikaw għall-finijiet tal-ESAP.

Il-korp ta’ ġbir għandu jinnotifika lill-ESMA dwar kwalunkwe ftehim ta’ delega li jikkonkludi.

9.   Il-korpi ta’ ġbir għandhom jiżguraw livelli xierqa ta’ awtentiċità, disponibbiltà, integrità u nonripudju tal-informazzjoni sottomessa mill-entitajiet li għandha ssir aċċessibbli fuq l-ESAP. Għall-finijiet li jiġu żgurati dawk il-livelli, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-korpi ta’ ġbir jitolbu li l-informazzjoni li tiġi sottomessa mill-entitajiet li għandha ssir aċċessibbli fuq l-ESAP tkun akkumpanjata minn siġill elettroniku kwalifikat.

10.   L-ASE, permezz tal-Kumitat Konġunt għandhom jiżviluppaw abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw dan li ġej:

(a)

kif għandhom jitwettqu l-validazzjonijiet awtomatizzati tekniċi msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c) ta’ dan l-Artikolu, għal kull tip ta’ informazzjoni sottomessa mill-entitajiet;

(b)

il-karatteristiċi tas-siġill elettroniku kwalifikat imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (c)(iii), ta’ dan l-Artikolu u fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu;

(c)

il-liċenzji standard miftuħa msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (d) ta’ dan l-Artikolu;

(d)

il-karatteristiċi tal-API li għandhom jiġu implimentati skont il-paragrafu 1, il-punt (e) ta’ dan l-Artikolu;

(e)

il-karatteristiċi tal-metadata meħtieġa għall-funzjoni tat-tiftix tal-ESAP imsemmija fl-Artikolu 7(3), il-metadata msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu u kwalunkwe metadata oħra meħtieġa għall-funzjonament tal-ESAP;

(f)

il-liċenzji standard miftuħa msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (e) ta’ dan l-Artikolu;

(g)

il-lista indikattiva u l-karatteristiċi tal-formati li huma aċċettabbli bħala formati ta’ data li tista’ tiġi estratta u bħala formati li jinqraw mill-magni kif imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c)(i) ta’ dan l-Artikolu.

11.   Meta jiżviluppaw l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 10, l-ASE għandhom iqisu kwalunkwe standard li diġà jeżisti fl-atti leġiżlattivi settorjali korrispondenti tal-Unjoni u b’mod partikolari kwalunkwe standard imfassal speċifikament għall-SMEs.

L-ASE għandhom jissottomettu dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Settembru 2024.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

12.   Il-korpi ta’ ġbir li huma korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni li jagħmlu l-informazzjoni storika disponibbli għall-ESAP f’konformità mal-Artikolu 1(3) għandhom jagħmlu dan li ġej:

(a)

jippreparaw dik l-informazzjoni f’format ta’ data li tista’ tiġi estratta;

(b)

jakkumpanjaw dik l-informazzjoni b’metadata li tispeċifika dan li ġej:

(i)

l-ismijiet tal-entità;

(ii)

it-tip ta’ informazzjoni, kif ikklassifikata skont l-Artikolu 7(4), il-punt (c);

(iii)

meta disponibbli, l-identifikatur ta’ entità ġuridika tal-entità, kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4), il-punt (b);

(c)

jispeċifikaw li l-informazzjoni hija informazzjoni storika.

B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (g) ta’ dan l-Artikolu, informazzjoni storika ma għandiex tkun aċċessibbli fuq l-ESAP għal aktar minn ħames snin.

Artikolu 6

Iċ-Ċibersigurtà

L-ESMA għandha tistabbilixxi politika ta’ sigurtà tal-IT effettiva u proporzjonata għall-ESAP u għandha tiżgura livelli xierqa ta’ awtentiċità, disponibbiltà, integrità u nonripudju tal-informazzjoni magħmula aċċessibbli fuq l-ESAP, kif ukoll ta’ protezzjoni tad-data personali. L-ESMA tista’ twettaq rieżamijiet perjodiċi tal-politika tas-sigurtà tal-IT u tas-sitwazzjoni taċ-ċibersigurtà tal-ESAP fid-dawl tax-xejriet u l-aħħar żviluppi li qed jevolvu fir-rigward taċ-ċibersigurtà internazzjonali u tal-Unjoni.

Artikolu 7

Funzjonalitajiet tal-ESAP

1.   L-ESMA għandha tiżgura li l-ESAP ikollu mill-anqas il-funzjonalitajiet li ġejjin:

(a)

portal web b’interfaċċa faċli għall-utent, li jqis il-ħtiġijiet ta’ aċċess tal-persuni b’diżabilità, biex jipprovdi aċċess għall-informazzjoni fuq l-ESAP fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni;

(b)

API li tippermetti aċċess faċli għall-informazzjoni fuq l-ESAP;

(c)

funzjoni ta’ tiftix fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni;

(d)

mod ta’ wiri tal-informazzjoni;

(e)

servizz ta’ traduzzjoni awtomatika għall-informazzjoni rkuprata;

(f)

servizz ta’ tniżżil mill-Internet, inkluż għat-tniżżil ta’ kwantitajiet kbar ta’ data;

(g)

servizz ta’ notifika li jinforma lill-utenti dwar kwalunkwe informazzjoni ġdida fuq l-ESAP;

(h)

il-preżentazzjoni tal-informazzjoni sottomessa fuq bażi volontarja skont l-Artikolu 1(1), il-punt (b), b’tali mod li:

(i)

din tista’ tiġi distinta b’mod ċar mill-informazzjoni sottomessa fuq bażi obbligatorja skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a);

(ii)

meta applikabbli, l-utenti jiġu infurmati li l-informazzjoni mhux neċessarjament tissodisfa r-rekwiżiti kollha għall-informazzjoni sottomessa fuq bażi obbligatorja skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a), u mhux neċessarjament tiġi aġġornata maż-żmien.

2.   L-ESMA għandha tiżgura li l-ESAP jipprevedi l-funzjonalitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punti (e) u (g), sal-10 ta’ Lulju 2028. L-ESMA għandha tiżgura li l-ESAP jipprevedi l-funzjonalitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (h), sad-9 ta’ Jannar 2030.

3.   Il-funzjoni ta’ tiftix imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c) ta’ dan l-Artikolu, għandha tippermetti tfittxija abbażi tal-metadata li ġejja:

(a)

l-ismijiet tal-entità li tkun issottomettiet l-informazzjoni u tal-persuna fiżika jew ġuridika li għaliha tirrelata l-informazzjoni;

(b)

l-identifikatur tal-entità ġuridika tal-entità li tkun issottomettiet l-informazzjoni u tal-persuna ġuridika li għaliha tirrelata l-informazzjoni;

(c)

it-tip ta’ informazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 1(1), sottomessa mill-entità u jekk tali informazzjoni ġietx sottomessa fuq bażi obbligatorja skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a), jew fuq bażi volontarja skont il-punt (b) ta’ dak il-paragrafu;

(d)

id-data u l-ħin meta l-informazzjoni tkun ġiet sottomessa mill-entità lill-korp ta’ ġbir;

(e)

id-data jew il-perjodu li għalihom tirrelata l-informazzjoni;

(f)

id-daqs tal-entità skont il-kategorija li tkun issottomettiet l-informazzjoni u tal-persuna ġuridika li għaliha tirrelata l-informazzjoni;

(g)

il-pajjiż tal-uffiċċju reġistrat tal-persuna ġuridika li għaliha tirrelata l-informazzjoni;

(h)

is-settur(i) tal-industrija tal-attivitajiet ekonomiċi tal-persuna fiżika jew ġuridika li għaliha tirrelata l-informazzjoni;

(i)

il-korp tal-ġbir responsabbli għall-ġbir tal-informazzjoni;

(j)

il-lingwa li ntużat biex tiġi sottomessa l-informazzjoni:

4.   L-ASE, permezz tal-Kumitat Konġunt għandhom jiżviluppaw abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw dan li ġej:

(a)

il-karatteristiċi tal-API msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b);

(b)

l-identifikatur speċifiku tal-entità ġuridika msemmi fil-paragrafu 3, il-punt (b);

(c)

il-klassifikazzjoni tat-tipi ta’ informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (c);

(d)

il-kategoriji tad-daqs tal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 3, il-punt (f);

(e)

il-karatterizzazzjoni tas-setturi tal-industrija msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (h).

L-ASE għandhom jissottomettu dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Settembru 2024.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 8

Aċċess għall-informazzjoni fuq l-ESAP

1.   Sabiex tippromwovi t-trasparenza u l-funzjonament bla xkiel tas-swieq kapitali tal-Unjoni, l-ESMA għandha tiżgura li l-informazzjoni fuq l-ESAP tingħata fuq bażi nondiskriminatorja u li l-utenti jkollhom aċċess dirett u immedjat mingħajr ħlas għall-informazzjoni fuq l-ESAP.

2.   Madankollu, l-ESMA għandha titlob tariffi għal servizzi speċifiċi li għandhom kostijiet għoljin ta’ manutenzjoni u appoġġ jew li jinvolvu tiftix għal volumi kbar ta’ informazzjoni jew it-tniżżil tagħhom. Dawk it-tariffi ma għandhomx jaqbżu l-kostijiet diretti mġarrba mill-ESMA għall-forniment ta’ dawk is-servizzi. It-tariffi miġbura għal dawk is-servizzi għandhom jiġu allokati għall-funzjonament ġenerali tal-ESAP.

3.   L-ESMA tista’ tirrikjedi li l-utenti tas-servizzi li għalihom l-ESMA timponi tariffi, kif imsemmi fil-paragrafu 2, jimlew dikjarazzjoni diġitali.

4.   Minkejja l-paragrafu 2, l-ESMA għandha tippermetti li l-entitajiet li ġejjin ikollhom aċċess dirett u immedjat għall-informazzjoni fuq l-ESAP mingħajr ħlas sa fejn ikun meħtieġ sabiex dawk l-entitajiet jissodisfaw ir-responsabbiltajiet, il-mandati u l-obbligi rispettivi tagħhom:

(a)

kwalunkwe istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-Unjoni;

(b)

kwalunkwe awtorità kompetenti ddeżinjata minn Stat Membru skont l-att leġiżlattivi tal-Unjoni;

(c)

kwalunkwe membru tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16);

(d)

kwalunkwe membru tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali;

(e)

l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ddeżinjati skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17);

(f)

kwalunkwe istituzzjoni jew aġenzija governattiva jew korp governattiv ta’ Stat Membru;

(g)

kwalunkwe stabbiliment edukattiv u ta’ taħriġ għall-finijiet uniċi ta’ riċerka, akkademja, organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet u organizzazzjonijiet mhux governattivi sa fejn l-aċċess għall-informazzjoni jkun meħtieġ fit-twettiq tal-kompiti tagħhom;

(h)

entitajiet li jagħtu u jużaw informazzjoni fuq l-ESAP biex jissodisfaw l-obbligi regolatorji tagħhom.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina n-natura u l-firxa tas-servizzi speċifiċi li għalihom jistgħu jintalbu tariffi u sabiex tiddetermina l-istruttura tat-tariffi assoċjata.

L-ESMA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

6.   L-ESMA għandha tippubblika u tagħmel faċilment aċċessibbli fuq is-sit web tal-ESAP l-istruttura tat-tariffi, il-limiti tal-volum, jekk rilevanti, u r-rati. L-ESMA għandha tirrieżamina l-volum u r-rati fuq bażi annwali.

Artikolu 9

L-użu u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni aċċessibbli fuq l-ESAP

1.   La l-ESMA u lanqas il-korpi ta’ ġbir ma għandhom jassumu kwalunkwe responsabbiltà għall-aċċess, għall-użu jew għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni sottomessa mill-entitajiet lill-korpi ta’ ġbir u li tkun aċċessibbli fuq l-ESAP.

2.   Id-data personali aċċessibbli fuq l-ESAP għandha tintuża u terġa’ tintuża f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679. Kwalunkwe data personali li terġa’ tintuża ma għandhiex tinżamm għal aktar żmien milli meħtieġ u fi kwalunkwe każ għal mhux aktar minn ħames snin, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-ESMA għandha tiżgura li l-użu u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni aċċessibbli fuq l-ESAP ma jkunux suġġetti għall-ebda kundizzjoni dment li dawk il-kundizzjonijiet ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

huma oġġettivi u nondiskriminatorji;

(b)

ikunu ġġustifikati abbażi ta’ objettiv ta’ interess pubbliku;

(c)

meta xieraq, skont it-tip ta’ informazzjoni, jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’liċenzji standard miftuħa skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (5), tad-Direttiva (UE) 2019/1024, u jippermettu l-użu, il-modifika u l-kondiviżjoni mingħajr ħlas ta’ dik l-informazzjoni minn kulħadd u għal kwalunkwe fini.

4.   L-użu u l-użu mill-ġdid għal finijiet regolatorji u mhux kummerċjali tal-informazzjoni li ssir aċċessibbli fuq l-ESAP ma għandhomx ikunu limitati mill-entitajiet li jissottomettu l-informazzjoni tagħhom għall-pubblikazzjoni abbażi ta’ dritt sui generis imsemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE.

Artikolu 10

Il-kwalità tal-informazzjoni

1.   L-ESMA għandha twettaq validazzjonijiet awtomatizzati sabiex tivverifika jekk l-informazzjoni kollha mogħtija lill-ESAP mill-korpi ta’ ġbir tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1), il-punt (c).

Meta l-informazzjoni mogħtija mill-korp ta’ ġbir tkun ġiet sottomessa minn entità, l-ESMA tista’ twettaq il-validazzjonijiet awtomatizzati fuq il-bażi ta’ kampjuni. Tali validazzjonijiet awtomatizzati ma għandhomx ikunu differenti minn dawk imwettqa mill-korpi ta’ ġbir skont l-Artikolu 5(1), il-punt (c).

2.   L-ESMA għandha timplimenta proċessi tekniċi xierqa sabiex tinnotifika awtomatikament lil korp ta’ ġbir f’każijiet meta l-informazzjoni mogħtija ma tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1), il-punt (c). F’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti, l-entitajiet għandhom iġorru r-responsabbiltà għall-informazzjoni. Il-korp ta’ ġbir għandu jinnotifika lill-entità f’każijiet meta l-informazzjoni tkun ġiet rifjutata u r-raġunijiet għal tali rifjut f’konformità mal-Artikolu 5(4).

3.   L-ESMA tista’ twettaq kontrolli addizzjonali tal-kwalità, tal-integrità u tal-prova tal-oriġini tad-data. Abbażi tar-riżultati ta’ dawk il-kontrolli, l-ESMA tista’ tinnotifika lill-korpi ta’ ġbir bin-nuqqasijiet identifikati u tissospendi li tagħmel l-informazzjoni aċċessibbli fuq l-ESAP.

Artikolu 11

Kompiti tal-ESMA

1.   L-ESMA għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u mal-EIOPA tagħmel dan li ġej:

(a)

tiżgura li l-informazzjoni mogħtija mill-korpi ta’ ġbir, wara li tiġi sottomessa mill-entitajiet, tkun aċċessibbli mingħajr dewmien żejjed fuq l-ESAP;

(b)

tipprovdi appoġġ ta’ servizz lill-korpi ta’ ġbir;

(c)

tiżgura li l-ESAP ikun aċċessibbli għal mill-anqas 97 % tal-ħin fix-xahar, mingħajr ma jitqiesu każijiet ta’ manutenzjoni skedata, aġġornamenti tal-kontenut u aġġornamenti tal-paġni, f’liema każ għandu jingħata avviż ċar lill-utenti fejn jiġi indikat id-durata probabbli tal-interruzzjoni tas-servizzi pprovduti mill-ESAP;

(d)

tikkonsulta, kif xieraq, mal-korpi ta’ ġbir sabiex tindirizza kwistjonijiet komuni u prinċipji ta’ kondotta komuni, u b’mod partikolari sabiex tiddiskuti:

(i)

il-ġestjoni ta’ kuljum tal-ESAP;

(ii)

l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politika dwar il-kwalità u, meta xieraq, ta’ ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz bejn l-ESMA u l-korpi ta’ ġbir;

(iii)

il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tal-ESAP, inkluż is-sitwazzjonijiet li fihom jistgħu jiġu imposti t-tariffi u l-kalkolu ta’ dawk it-tariffi;

(iv)

theddid eżistenti u potenzjali b’rabta maċ-ċibersigurtà;

(v)

l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-ESAP fir-rigward ta’ kwalunkwe delega tal-kompiti f’konformità mal-Artikolu 5(8);

(e)

timmonitorja l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-ESAP u tirrapporta kull sena lill-Kummissjoni dwarhom, kif speċifikat fl-Artikolu 12.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA għandha tiżgura, permezz tal-istabbiliment ta’ task force, grupp jew kumitat ad hoc, kif xieraq, li l-esperti u l-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu kkonsultati biex jipprovdu pariri u appoġġ dwar l-implimentazzjoni teknika tal-ESAP. Barra minn hekk, l-ESMA tista’ tikkonsulta lill-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq imsemmi fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3.   Sakemm ma jkunx meħtieġ għall-fini tal-iffaċilitar tal-aċċess għall-informazzjoni mogħtija mill-korpi ta’ ġbir u l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, l-ESMA ma għandhiex taħżen informazzjoni li tinkludi data personali għajr għall-ipproċessar awtomatiku, intermedju u tranżitorju. L-ESMA għandha tieħu miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex tiżgura li l-ipproċessar tad-data personali permezz tal-ESAP jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 u li l-informazzjoni li tinkludi data personali ma tinżammx jew issir disponibbli aktar milli previst fl-Artikolu 5(1), il-punt (g).

4.   L-ESMA għandha tiżgura li l-ipproċessar tad-data personali jikkonforma mal-qafas legali għall-protezzjoni tad-data personali pproċessata mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni.

Artikolu 12

Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-ESAP

1.   L-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u mal-EIOPA, għandha timmonitorja l-funzjonament tal-ESAP abbażi ta’ mill-anqas l-indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi stabbiliti fil-paragrafu 2, u għandha tippubblika u tissottometti rapport annwali dwar il-funzjonament tal-ESAP lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.   L-indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi msemmija fil-paragrafu 1 huma dawn li ġejjin:

(a)

in-numru ta’ viżitaturi, tfittxijiet u tniżżil;

(b)

it-tipi ta’ informazzjoni li jkunu rawhom u tniżżlu skont il-perċentwal;

(c)

it-tariffi msemmija fl-Artikolu 8(2) u l-ammonti imposti mill-ESMA;

(d)

il-perċentwal ta’ tfittxijiet li jwasslu għal viżjoni jew għal tniżżil skont it-tip ta’ informazzjoni u aċċess;

(e)

l-ammont u l-perċentwal ta’ informazzjoni li tinqara mill-magni aċċessibbli fuq l-ESAP u l-ammont u l-perċentwal ta’ viżjonijiet u tniżżil li jinqraw mill-magni;

(f)

il-proporzjon ta’ notifiki skont il-validazzjonijiet awtomatizzati msemmija fl-Artikolu 10(2);

(g)

kwalunkwe ħsara jew inċident sinifikanti b’effett fuq it-tħaddim jew il-prestazzjoni ġenerali tal-ESAP;

(h)

valutazzjoni tal-aċċessibbiltà, tal-kwalità, tal-utilizzabbiltà, tal-affidabbiltà u tal-puntwalità tal-informazzjoni fuq l-ESAP;

(i)

valutazzjoni ta’ jekk l-ESAP jissodisfax l-objettivi tiegħu, filwaqt li titqies l-evoluzzjoni tal-użu tiegħu u tal-flussi ta’ informazzjoni fl-Unjoni;

(j)

valutazzjoni tas-sodisfazzjon tal-utent finali;

(k)

tqabbil ma’ sistemi simili f’pajjiżi terzi.

3.   Qabel ma tissottometti r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA għandha tikkonsulta lit-task force, il-grupp jew il-kumitat ad hoc li għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-Regolament u tista’ tikkonsulta lill-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq imsemmi fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 13

Rieżami

1.   Sal-10 ta’ Jannar 2029 il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA, u filwaqt li tqis ir-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 12, tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-effettività tal-ESAP.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

l-isfidi tekniċi ffaċċjati mill-entitajiet u mill-korpi ta’ ġbir matul l-implimentazzjoni tal-ESAP;

(b)

l-effettività tas-sistema ta’ ġbir u trażmissjoni ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-ESAP;

(c)

ir-reżiljenza operazzjonali tal-ESAP kontra r-riskji tal-ICT u l-affidabbiltà tal-informazzjoni li ssir aċċessibbli fuq l-ESAP, inkluż permezz ta’ siġilli elettroniċi kwalifikati;

(d)

il-kostijiet imġarrba mill-entitajiet u mill-korpi ta’ ġbir, inkluża valutazzjoni ta’ jekk il-korpi ta’ ġbir li huma awtoritajiet kompetenti żidux it-tariffi superviżorji tagħhom bħala riżultat tal-kostijiet imġarrba minħabba l-ESAP;

(e)

il-kostijiet imġarrba mill-ESMA bħala l-operatur tal-ESAP u l-iskema ta’ finanzjament tal-ESAP;

(f)

l-impatt tal-ESAP fuq l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni tal-entitajiet fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, is-swieq kapitali u s-sostenibbiltà;

(g)

l-impatt tal-ESAP fuq il-viżibbiltà tal-entitajiet għall-investituri transfruntiera, inkluża l-viżibbiltà tal-SMEs;

(h)

l-impatt tal-ESAP fuq il-pożizzjoni tas-suq tal-fornituri tad-data privati fl-Unjoni;

(i)

l-interoperabbiltà tal-ESAP ma’ pjattaformi globali simili;

(j)

l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-ESAP fir-rigward tad-delega tal-kompiti f’konformità mal-Artikolu 5(8).

3.   Filwaqt li jitqiesu l-valur miżjud, l-isfidi tekniċi u l-kostijiet mistennija, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi analiżi tal-kostijiet-benefiċċji marbuta mal-inklużjoni futura fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ta’ informazzjoni rilevanti possibbli li tkun għadha mhijiex aċċessibbli fuq l-ESAP fiż-żmien meta jitfassal ir-rapport, u b’hekk tirriżulta f’diskrepanza fid-data.

Ir-rapport għandu jinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet dwar l-iżvilupp futur tal-ESAP.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 14 li jemenda l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu sabiex tipposponi l-inklużjoni fuq l-ESAP ta’ informazzjoni li għaliha s-sottomissjoni lill-ESAP għadha mhijiex meħtieġa jew permessa skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a), b’massimu ta’ 36 xahar jekk il-Kummissjoni tikkonkludi fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li hemm evidenza ta’ diffikultajiet severi u pervażivi fir-rigward tal-elementi elenkati fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b) ta’ dan l-Artikolu.

L-atti leġiżlattivi tal-Unjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jinkludu dan li ġej:

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 (l-Artikolu 434b);

Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 (l-Artikolu 13a);

Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 (l-Artikolu 23a);

Ir-Regolament (UE) 2015/760 (l-Artikolu 25a);

Ir-Regolament (UE) 2015/2365 (l-Artikolu 32a);

Ir-Regolament (UE) 2017/1131 (l-Artikolu 37a);

Ir-Regolament (UE) 2019/2033 (l-Artikolu 46a);

Ir-Regolament (UE) 2023/1114 (l-Artikolu 110a);

Ir-Regolament (UE) 2023/2631 (l-Artikolu 15a);

Id-Direttiva 2002/87/KE (l-Artikolu 30b);

Id-Direttiva 2004/25/KE (l-Artikolu 16a);

Id-Direttiva 2006/43/KE (l-Artikolu 20a);

Id-Direttiva 2007/36/KE (l-Artikolu 14c);

Id-Direttiva 2009/138/KE (l-Artikolu 304b);

Id-Direttiva 2011/61/UE (l-Artikolu 69b);

Id-Direttiva 2013/36/UE (l-Artikolu 116a);

Id-Direttiva 2014/59/UE (l-Artikolu 128a);

Id-Direttiva 2014/65/UE (l-Artikolu 87a);

Id-Direttiva (UE) 2016/97 (l-Artikolu 40a);

Id-Direttiva (UE) 2016/2341 (l-Artikolu 63a);

Id-Direttiva (UE) 2019/2034 (l-Artikolu 44a);

Id-Direttiva (UE) 2019/2162 (l-Artikolu 29a).

Artikolu 14

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 13(4) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 12-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 13(1).

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 13(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)   ĠU C 290, 29.7.2022, p. 58.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Novembru 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2023.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(9)   ĠU C 307, 12.8.2022, p. 3.

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(11)  Id-Direttiva (UE) 2023/2864 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li temenda ċerti Direttivi fir-rigward tal-istabbiliment u l-funzjonament tal-punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ĠU L, 2023/2864, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2864/oj).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2023/2869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li jemenda ċerti Direttivi fir-rigward tal-istabbiliment u l-funzjonament tal-punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ĠU L, 2023/2869, 20.12.2023,ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2869/oj).

(13)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(14)  Ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1).

(15)  Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20).

(16)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar l-Istatistika Komunitarja, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(17)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).


ANNESS

Lista ta’ atti leġiżlattivi tal-Unjoni skont l-Artikolu 1(1), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament

PARTI A —   REGOLAMENTI

1.

Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1).

2.

Ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (ĠU L 86, 24.3.2012, p. 1).

3.

Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1).

4.

Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).

5.

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

6.

Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 77).

7.

Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).

8.

Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

9.

Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).

10.

Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98).

11.

Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1).

12.

Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttiva 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1).

13.

Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).

14.

Ir-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-fondi tas-suq monetarju (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 8).

15.

Ir-Regolament (UE) 2019/1238 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (PEPP) (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 1).

16.

Ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1).

17.

Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

18.

Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40).

19.

Ir-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar il-bonds ekoloġiċi Ewropej u d-divulgazzjonijiet fakultattivi għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà (ĠU L, 2023/2631, 30.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2631/oj).

PARTI B —   DIRETTIVI

1.

Id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti tal-investiment f’konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).

2.

Id-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12).

3.

Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).

4.

Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).

5.

Id-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta’ kumpanniji kkwotati (ĠU L 184, 14.7.2007, p. 17).

6.

Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

7.

Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

8.

Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

9.

Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

10.

Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

11.

Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

12.

Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

13.

Id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19).

14.

Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37).

15.

Id-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE 2014/59/UE u 2014/65/UE (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 64).

16.

Id-Direttiva (UE) 2019/2162 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar il-ħruġ ta’ bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti u li temenda d-Direttivi 2009/65/KE u 2014/59/UE (ĠU L 328, 18.12.2019, p. 29).

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2859/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top