EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0737

2010/737/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta’ Diċembru 2010 li tistabbilixxi l-klassijiet tal-kapaċità ta’ reazzjoni għan-nar għal ċerti prodotti tal-kostruzzjoni fir-rigward tal-pjanċi tal-azzar bil-kisi tal-polijester u bil-kisi tal-plastisol (notifikata bid-dokument numru C(2010) 389) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 317, 3.12.2010, p. 39–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/737/oj

3.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/39


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta’ Diċembru 2010

li tistabbilixxi l-klassijiet tal-kapaċità ta’ reazzjoni għan-nar għal ċerti prodotti tal-kostruzzjoni fir-rigward tal-pjanċi tal-azzar bil-kisi tal-polijester u bil-kisi tal-plastisol

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 389)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/737/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(2)(a) tagħha,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Permanenti dwar il-Kostruzzjoni,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 89/106/KEE tipprevedi li biex jiġu kkunsidrati livelli differenti ta’ ħarsien għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, jista’ jkun meħtieġ li fid-dokumenti interpretattivi jiġu stabbiliti klassijiet li jikkorrispondu mar-reżistenza tal-prodotti fir-rigward ta’ kull rekwiżit essenzjali. Dawn id-dokumenti ġew ippubblikati bħala l-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-dokumenti interpretattivi tad-Direttiva 89/106/KEE” (2).

(2)

Fir-rigward tar-rekwiżit essenzjali għas-sikurezza f’każ ta’ nar, id-dokument interpretattiv Nru 2 jelenka għadd ta’ miżuri interrelatati li flimkien jagħtu definizzjoni tal-istrateġija tas-sikurezza kontra l-ħruq li se tiġi żviluppata b’modi differenti fl-Istati Membri.

(3)

Id-dokument interpretattiv Nru 2 jidentifika waħda minn dawk il-miżuri bħala l-limitazzjoni tal-bidu u tal-firxa tan-nar u d-duħħan f’żona partikolari billi jiġi limitat il-potenzjal tal-prodotti tal-kostruzzjoni li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sħiħ tan-nirien.

(4)

Il-livell ta’ din il-limitazzjoni jista’ jiġi espress biss f’termini tal-livelli differenti ta’ kapaċità ta’ reazzjoni għan-nar tal-prodotti fl-applikazzjoni aħħarija tagħhom.

(5)

Bħala soluzzjoni armonizzata, ġiet adottata sistema ta’ klassijiet fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/147/KE tat-8 ta’ Frar 2000 li timplementa d-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE rigward il-klassifikazzjoni tal-kapaċità ta’ reazzjoni għan-nar tal-prodotti tal-kostruzzjoni (3).

(6)

Fil-każ ta’ ċerti pjanċi tal-azzar bil-kisi tal-polijester u bil-kisi tal-plastisol, jinħtieġ tintuża l-klassifikazzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni 2000/147/KE.

(7)

Il-kapaċità ta’ reazzjoni għan-nar ta’ ħafna mill-prodotti u/jew materjali tal-kostruzzjoni, skont il-klassifikazzjoni prevista fid-Deċiżjoni 2000/147/KE, hija stabbilita sewwa u magħrufa biżżejjed mir-regolaturi tan-nirien fl-Istati Membri tant li ma jeħtieġu l-ebda testijiet għal din il-karatteristika partikolari ta’ reżistenza,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-prodotti u/jew il-materjali għall-kostruzzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-karatteristika tal-kapaċità ta’ “reazzjoni għan-nar” mingħajr ħtieġa ta’ aktar testijiet huma elenkati fl-Anness.

Artikolu 2

Il-klassijiet speċifiċi li għandhom jiġu applikati għal prodotti u/jew materjali differenti tal-kostruzzjoni, skont il-klassifikazzjoni tar-reazzjonijiet għan-nar adottata fid-Deċiżjoni 2000/147/KE, huma stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Il-prodotti għandhom jiġu kkunsidrati f’rabta mal-applikazzjoni tal-użu aħħari tagħhom, fejn rilevanti.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi-President


(1)  ĠU L 40, 11.2.1989, p. 12.

(2)  ĠU C 62, 28.2.1994, p. 1.

(3)  ĠU L 50, 23.2.2000, p. 14.


ANNESS

It-tabelli stabbiliti f’dan l-Anness jelenkaw prodotti u/jew materjali għall-kostruzzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-karatteristika tal-kapaċità ta’ reazzjoni għan-nar mingħajr ħtieġa ta’ testijiet.

Tabella 1

Klassijiet tal-kapaċità ta’ reazzjoni għan-nar għal pjanċi tal-azzar bil-kisi tal-polijester użati bħala qoxra waħda (mingħajr insulazzjoni fuq wara)

Prodott

Ħxuna nominali “t” ta’ pjanċa tal-azzar miksija bil-metall

(mm)

Profil

Klassi (1)

Pjanċa tal-azzar miksija bil-metall, bil-profil jew ċatta, ta’ ħxuna nominali t (mm) u miksija fuq il-wiċċ espost għan-nar b’kisja tal-polijester ta’ ħxuna nominali massima ta’ 25 μm, skont il-parti rilevanti ta’ EN 14782 u EN 10169, jekk il-kisja jkollha massa ta’ mhux iktar minn 70 g/m2 u PCS ta’ mhux iktar minn 1,0 MJ/m2.

Il-wiċċ tal-pjanċa tal-azzar mhux espost għan-nar jista’ jkollu kisja organika kemm-il darba din il-kisja jkollha ħxuna ta’ mhux iktar minn 15 μm u PCS ta’ mhux iktar minn 0,7 MJ/m2.

0,40 ≤ t ≤ 1,50

Ċatta jew bil-profil (2)

A1


Tabella 2

Klassijiet tal-kapaċità ta’ reazzjoni għan-nar ta’ pjanċi tal-azzar miksija bil-plastisol

Prodott (3)

Ħxuna nominali “t” ta’ pjanċa tal-azzar miksija bil-metall

(mm)

Dettalji tal-assemblaġġ

Klassi (4)

Pjanċa tal-azzar miksija bil-metall, bil-profil jew ċatta, ta’ ħxuna nominali t (mm) u miksija fuq il-wiċċ espost għan-nar b’kisja tal-plastisol li jkollha ħxuna nominali massima ta’ 200 μm, u massa ta’ kisja ta’ ≤ 300 g/m2 u PCS ta’ ≤ 7,0 MJ/m2.

Il-wiċċ tal-pjanċa tal-azzar mhux espost għan-nar jista’ jkollu kisja organika kemm-il darba din il-kisja jkollha ħxuna ta’ ≤ 15 μm u PCS ta’ ≤ 0,7 MJ/m2.

0,55 ≤ t ≤ 1,00

Prodott bil-profil jew ċatt użat bħala qoxra waħda (mingħajr insulazzjoni fuq wara) jew inkella b’suf minerali fuq wara bħala parti minn assemblaġġ mibni (li jista’ jkun qoxra doppja). Jekk il-prodott ikollu profil, l-erja tal-wiċċ bil-profil (ikkorrugat) ma għandhiex tkun iktar mid-doppju tal-erja globali (ta’ kopertura) tal-prodott.

Is-suf minerali għandu jkun tal-inqas tal-klassi A2-s1,d0. Is-suf minerali għandu jkollu ħxuna ta’ tal-inqas 100 mm kemm-il darba l-materjal li jkun hemm eżatt warajh (jekk ikun il-każ) - inkluża kull protezzjoni mill-fwar – ikun tal-inqas tal-klassi A2-s1,d0.

L-istruttura ta’ appoġġ għandha tkun tal-inqas tal-klassi A2-s1,d0.

C-s3,d0


(1)  Il-Klassi kif prevista fit-Tabella 1 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2000/147/KE.

(2)  L-erja tal-wiċċ bil-profil (ikkorrugat) ma għandhiex tkun iktar mid-doppju tal-erja globali (ta’ kopertura) tal-prodott.

Is-simbolu li ntuża: PCS = potenzjal kalorifiku gross.

(3)  It-tolleranzi għall-ħxuna nominali għandhom jikkonformaw mal-istandards rilevanti kif imsemmi f’EN 14782 u EN 14783.

(4)  Il-Klassi kif prevista fit-Tabella 1 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2000/147/KE.

Is-simbolu li ntuża: PCS = potenzjal kalorifiku gross.


Top