EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12005SAN07/07

Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea - Anness VII:Lista msemmija fl-Artikolu 23 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni: disposizzjonijiet transitorji, Rumanija - 7.Tassazzjoni

ĠU L 157, 21.6.2005, p. 328–329 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

12005SAN07/07

Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea - Anness VII:Lista msemmija fl-Artikolu 23 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni: disposizzjonijiet transitorji, Rumanija - 7.Tassazzjoni

Official Journal L 157 , 21/06/2005 P. 0328 - 0329


7. TASSAZZJONI

1. 31977 L 0388: Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas- 17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1), kif l-aħħar emendata bi:

- 32004 L 0066: Direttiva tal-Kunsill 2004/66/KE tas- 26.4.2004 (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 35).

Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 28(3)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE, ir-Rumanija tista' żżomm fis-seħħ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq it-trasport internazzjonali tal-passiġġieri, imsemmija fil-punt 17 ta' l-Anness F ma' l-imsemmija Direttiva, sa meta l-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 28(4) tad-Direttiva tiġi sodisfatta jew sakemm l-istess eżenzjoni tiġi applikata minn Stati Membru attwali wieħed jew aktar, skond liema minn dawn iseħħ l-ewwel.

2. 31992 L 0079: Direttiva tal-Kunsill 92/79/KEE tad- 19 ta' Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tat-taxxi fuq is-sigaretti (ĠU L 316, 31.10.1992, p. 8), kif l-aħħar emendata bi:

- 32003 L 0117: Direttiva tal-Kunsill 2003/117/KE tal- 5.12.2003 (ĠU L 333, 20.12.2003, p. 49).

B'deroga mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 92/79/KEE, ir-Rumanija tista' tipposponi sal- 31 ta' Diċembru 2009 l-applikazzjoni tad-dazju tas-sisa minimu globali fuq il-prezz tal-bejgħ bl-imnut (inklużi t-taxxi kollha) għas-sigaretti tal-kategorija tal-prezz l-aktar rikjesta, bil-kondizzjoni li matul dan il-perjodu r-Rumanija taġġusta b'mod gradwali r-rati tad-dazju tas-sisa tagħha lejn id-dazju tas-sisa minimu globali previst fid-Direttiva.

Bla preġudizzju għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/12/KEE tal- 25 ta' Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta' dan it-tip ta' prodotti [15], u wara li jkunu għarrfu lill-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu, sakemm id-deroga ta' hawn fuq tkun tapplika, iżommu fis-seħħ l-istess limiti kwantitattivi li huma applikati għall-importazzjoni minn pajjiżi terzi għas-sigaretti li jistgħu jiddaħħlu fit-territorji tagħhom mir-Rumanija mingħajr ħlas ulterjuri tad-dazju tas-sisa. L-Istati Membri li jagħmlu użu minn din il-possibbiltà jistgħu jagħmlu l-kontrolli meħtieġa sakemm dawn il-kontrolli ma jolqtux l-operazzjoni korretta tas-suq intern.

3. 32003 L 0049: Direttiva tal-Kunsill 2003/49/KE tat- 3 ta' Ġunju 2003 dwar sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta' imgħax u ta' royalties bejn kumpanniji assoċjati ta' Stati Membri differenti (ĠU L 157, 26.6.2003, p. 49), kif l-aħħar emendata bi:

- 32004 L 0076: Direttiva tal-Kunsill 2004/76/KE tad- 29.4.2004 (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 106).

Ir-Rumanija għandha tkun awtorizzata sabiex ma tapplikax id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/49/KE sal- 31 ta' Diċembru 2010. Matul dak il-perjodu transitorju, ir-rata ta' taxxa fuq pagamenti ta' imgħax jew royalties magħmula lil xi kumpannija assoċjata ta' Stat Membru ieħor jew lil xi stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor ta' xi kumpannija assoċjata ta' Stat Membru ma għandhiex taqbeż l-10 %.

4. 32003 L 0096: Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas- 27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità għat-tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51), kif l-aħħar emendata bi:

- 32004 L 0075: Direttiva tal-Kunsill 2004/75/KE tad- 29.4.2004 (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 100).

(a) B'deroga mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/96/KE, ir-Rumanija tista' tapplika l-perjodi transitorji li ġejjin:

- sa l- 1 ta' Jannar 2011 sabiex taġġusta l-livell nazzjonali ta' tassazzjoni fuq petrol bla ċomb użat bħala propellant sal-livell minimu ta' EUR 359 għal kull 1000 l. Ir-rata effettiva ta' taxxa applikata għal petrol bla ċomb użat bħala propellant ma għandhiex tkun anqas minn EUR 323 għal kull 1000 l mill- 1 ta' Jannar 2008,

- sa l- 1 ta' Jannar 2013 sabiex taġġusta l-livell nazzjonali ta' tassazzjoni fuq nafta użata bħala propellant sal-livell minimu ta' EUR 330 għal kull 1000 l. Ir-rata effettiva ta' taxxa applikata għan-nafta użata bħala propellant ma għandhiex tkun anqas minn EUR 274 għal kull 1000 l mill- 1 ta' Jannar 2008 u EUR 302 għal kull 1000 l mill- 1 ta' Jannar 2011.

(b) B'deroga mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/96/KE, ir-Rumanija tista' tapplika l-perjodi transitorji li ġejjin:

- sa l- 1 ta' Jannar 2010 sabiex taġġusta l-livell nazzjonali ta' tassazzjoni fuq il-gass naturali użat għal għanijiet ta' tisħin mhux kummerċjali sal-livell minimu ta' tassazzjoni stabbilit fl-Anness I, Tabella Ċ,

- sa l- 1 ta' Jannar 2010 sabiex taġġusta l-livell nazzjonali ta' tassazzjoni fuq iz-żejt tqil għall-magni użat għal għanijiet ta' tisħin distrettwali sal-livelli minimi ta' tassazzjoni stabbiliti fl-Anness I, Tabella Ċ,

- sa l- 1 ta' Jannar 2009 sabiex taġġusta l-livelli nazzjonali ta' tassazzjoni fuq iż-żejt tqil għall-magni użat għal għanijiet oħra minbarra dawk ta' tisħin distrettwali sal-livelli minimi ta' tassazzjoni stabbiliti fl-Anness I, Tabella Ċ.

Ir-rata effettiva ta' taxxa applikata fuq il-prodotti konċernati ta' żejt tqil għall-magni ma għandhiex tkun anqas minn EUR 13 għal kull 1000 kg mill- 1 ta' Jannar 2007.

(ċ) B'deroga mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE, ir-Rumanija tista' tapplika perjodu transitorju sa l- 1 ta' Jannar 2010 sabiex taġġusta l-livell nazzjonali ta' tassazzjoni fuq l-elettriku sal-livelli minimi ta' tassazzjoni stabbiliti fl-Anness I, Tabella Ċ. Ir-rati effettivi ta' taxxa applikati fuq l-elettriku ma għandhomx ikunu anqas minn 50 % tar-rata minima Komunitarja rilevanti mill- 1 ta' Jannar 2007.

[15] ĠU L 76, 23.3.1992, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru. 807/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 36).

--------------------------------------------------

Top