EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0428

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Ottubru 2016.
Child and Family Agency kontra J. D.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 15 – Rinviju tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor – Kamp ta’ applikazzjoni – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Qorti f’pożizzjoni aħjar – L-aħjar interessi tal-minuri.
Kawża C-428/15.

Court reports – general

Kawża C-428/15

Child and Family Agency

vs

J. D.

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Artikolu 15 — Rinviju tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor — Kamp ta’ applikazzjoni — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni — Qorti f’pożizzjoni aħjar — L-aħjar interessi tal-minuri”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Ottubru 2016

  1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Rinviju lil qorti li tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tisma’ l-kawża – Kamp ta’ applikazzjoni – Rikors fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri ppreżentat abbażi tad-dritt pubbliku mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru u li għandu bħala suġġett l-adozzjoni ta’ miżuri dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri – Dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor li teżiġi, sussegwentement, li awtorità ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor tressaq proċeduri separati minn dawk imressqa fl-ewwel Stat Membru – Inklużjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 1(1) u (2), u l-punti 7, 8 u 15 tal-Artikolu 2)

  2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-minuri – Portata

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, premessi 12 u 33 u Artikolu 15)

  3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Rinviju lil qorti li tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tisma’ l-kawża – Obbligu ta’ interpretazzjoni stretta

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikoli 8(1) u 15(1))

  4. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Rinviju lil qorti li tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tisma’ l-kawża – Kunċetti ta’ qorti “f’pożizzjoni aħjar” u ta’ l-“aħjar interessi tal-minuri” – Kriterji ta’ evalwazzjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikoli 8(1) u 15(1) u (3))

  5. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Rinviju lil qorti li tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tisma’ l-kawża – Kundizzjonijiet għall-implementazzjoni – Projbizzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt ta’ tali rinviju fuq id-dritt ta’ moviment liberu tal-persuni kkonċernati għajr il-wild inkwistjoni jew ir-raġuni li għaliha omm il-wild għamlet użu minn dan id-dritt

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 15(1))

  1.  L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli fil-każ ta’ rikors fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri ppreżentat abbażi tad-dritt pubbliku mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru u li għandu bħala suġġett l-adozzjoni ta’ miżuri dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, meta d-dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun teżiġi, sussegwentement, li awtorità ta’ dan l-Istat Membru ieħor tressaq proċeduri separati minn dawk ippreżentati fl-ewwel Stat Membru, skont id-dritt intern tiegħu u fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali possibbilment differenti.

    Fil-fatt, l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru°2201/2003 jinsab fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, li tistabbilixxi sett ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni f’kawżi dwar responsabbiltà tal-ġenituri. Fid-dawl tal-istruttura tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu II u l-post li jokkupa fiha l-Artikolu 15, hemm lok li jitqies li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan l-artikolu huwa l-istess bħal dak tas-sett ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-imsemmija taqsima, u b’mod partikolari tal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 2201/2003 ċertament jirriżulta li dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni japplikaw għal “kwistjonijiet ċivili” relatati mal-għoti, mal-eżerċizzju, mad-delegazzjoni u mar-revoka totali jew parzjali tar-responsabbiltà tal-ġenituri, kif hija ddefinita din tal-aħħar fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament. Madankollu, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 2201/2003 fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri għandhom jiġu interpretati, fid-dawl tal-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, fis-sens li huma applikabbli f’kawżi ta’ responsabbiltà tal-ġenituri li għandhom bħala suġġett l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-minuri, inkluż fil-każ fejn dawn huma meqjusa, skont id-dritt intern ta’ Stat Membru, bħala li jaqgħu taħt id-dritt pubbliku.

    Barra minn hekk, sa fejn regola proċedurali nazzjonali tipprovdi li d-dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor teżiġi, sussegwentement, li awtorità ta’ dan l-Istat Membru tressaq proċeduri separati minn dawk imressqa fl-ewwel Stat Membru, hija intiża li tiġi implementa biss wara d-deċiżjoni li biha l-qorti ta’ dan l-ewwel Stat Membru li normalment għandha l-ġurisdizzjoni tkun talbet ir-rinviju tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 u wara d-deċiżjoni li biha din il-qorti l-oħra tkun inkarigat ruħha bil-ġurisdizzjoni abbażi tal-paragrafu 5 tal-istess artikolu, din ir-regola ma tistax titqies li tostakola l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

    (ara l-punti 29-32, 36, 38, u d-dispożittiv 1)

  2.  Mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, jirriżulta li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri huma mfassla fid-dawl tal-aħjar interessi tal-minuri. Ir-rekwiżit li r-rinviju ta’ kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor, fis-sens tal-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, għandu jaqdi l-aħjar interessi tal-minuri jikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju gwida tal-leġiżlatur fit-tfassil ta’ dan ir-regolament, minn naħa, u li għandu jistruttura l-implementazzjoni tiegħu fil-kawżi tar-responsabbiltà tal-ġenituri li jaqgħu taħtu, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interessi tal-minuri, fil-kuntest tar-Regolament Nru 2201/2003, huwa intiż, kif jirriżulta mill-premessa 33 ta’ dan ir-regolament, li jiżgura l-osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-minuri.

    (ara l-punti 42-44)

  3.  Ir-regola ta’ rinviju lil qorti ta’ Stat Membru ieħor prevista fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, tikkostitwixxi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali u derogatorja fir-rigward tar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament, b’mod li għandha tiġi interpretata b’mod strett. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru li normalment għandha ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni ta’ kawża partikolari għandha, sabiex tkun tista’ titlob ir-rinviju lil qorti ta’ Stat Membru ieħor, tkun kapaċi tikkonfuta l-preżunzjoni qawwija favur iż-żamma tal-ġurisdizzjoni tagħha li tirriżulta minn dan ir-regolament.

    (ara l-punti 48, 49)

  4.  L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, sabiex tkun tista’ tqis li qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-wild għandu konnessjoni partikolari hija f’pożizzjoni aħjar, il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandha tiżgura li r-rinviju tal-kawża lil din il-qorti l-oħra huwa tali li jipprovdi valur miżjud ġenwin u konkret fl-eżami ta’ din il-kawża, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tar-regoli proċedurali applikabbli fl-imsemmi Stat Membru l-ieħor, u min-naħa l-oħra, sabiex tkun tista’ tqis li tali rinviju jaqdi l-aħjar interessi tal-minuri, il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandha b’mod partikolari tiżgura li ma hemmx riskju li l-imsemmi rinviju jkollu impatt detrimentali fuq is-sitwazzjoni tal-wild.

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, ir-rinviju ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, minn qorti ta’ Stat Membru għandu jitwettaq biss favur qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu konnessjoni partikolari. Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali rabta f’każ partikolari, hemm lok li jsir riferiment għall-fatturi elenkati, b’mod eżawrjenti, fl-Artikolu 15(3)(a) sa (e) tal-imsemmi regolament. Il-fatturi kollha jikkonfermaw ‑ jekk mhux espliċitament, tal-inqas essenzjalment – qrubija bejn il-minuri kkonċernat fil-kawża u Stat Membru għajr dak tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni abbażi tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, l-eżistenza ta’ konnessjoni partikolari, rilevanti fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża, bejn il-wild u Stat Membru ieħor ma tippreġudikax neċessarjament, fiha nfisha, il-kwistjoni, barra minn hekk, dwar jekk qorti ta’ dan l-Istat Membru ieħor hijiex f’pożizzjoni aħjar li tisma’ l-każ mill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni, u lanqas, fl-affermattiv, dwar jekk ir-rinviju tal-kawża lil din il-qorti tal-aħħar jaqdix l-aħjar interessi tal-minuri.

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk hemmx, fi ħdan l-Istat Membru l-ieħor li miegħu l-wild għandu konnessjoni partikolari, qorti f’pożizzjoni aħjar li tieħu konjizzjoni tal-kawża, il-qorti li għandha ġurisdizzzjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru l-ieħor, bħal dawk applikabbli għall-preżentazzjoni tal-provi neċessarji għat-trattament tal-kawża. Min-naħa l-oħra, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni, skont tali evalwazzjoni, il-liġi sostantiva ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor li tista’ tkun applikabbli mill-qorti ta’ dan tal-aħħar, fil-każ fejn il-kawża tkun irrinvijata lilha.

    Barra minn hekk, fir-rigward tar-rekwiżit li r-rinviju għandu jservi l-aħjar interessi tal-minuri, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni trid tevalwa l-impatt negattiv probabbli li tali rinviju jista’ jkollu fuq ir-relazzjonijiet emozzjonali, familjari u soċjali tal-wild ikkonċernat fil-kawża jew fuq is-sitwazzjoni materjali ta’ dan tal-aħħar.

    (ara l-punti 50-52, 55-59, 61, dispożittiv 2)

  5.  L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’kawża partikolari ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru la għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt ta’ rinviju possibbli ta’ din il-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor fuq id-dritt ta’ moviment liberu tal-persuni kkonċernati oħra għajr il-wild inkwistjoni, u lanqas ir-raġuni li għaliha l-omm ta’ dan il-wild tkun għamlet użu minn dan id-dritt qabel it-tressiq tal-kawża, ħlief jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet ikunu tali li jistgħu jaffettwaw b’mod detrimentali s-sitwazzjoni tal-imsemmi wild.

    (ara l-punt 67, dispożittiv 3)

Top