EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010L0043

UCITS: rekwiżiti organizzazzjonali u regoli tal-kondotta

UCITS: rekwiżiti organizzazzjonali u regoli tal-kondotta

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2010/43/UE li timplimenta d-Direttiva 2009/65/KE fir-rigward tar-rekwiżiti organizzazzjonali, il-konflitti ta’ interess, il-kondotta fin-negozju, l-immaniġġjar tar-riskji u l-kontenut tal-ftehim ta’ bejn id-depożitarju u l-kumpanija maniġerjali

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija tistabilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni għal kumpaniji maniġerjali li jimmaniġġjaw impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)*, kif ukoll ir-regoli tal-kondotta u t-trattament ġust tal-UCITS f’każijiet ta’ konflitti ta’ interess.

Hija tistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji tal-UCITS.

Hija waħda minn serje ta’ erba’ (4) miżuri ta’ implimentazzjoni adottati flimkien fl-2010, filwaqt li t-tlieta (3) l-oħra huma:

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-direttiva tapplika għal:

  • Kumpaniji maniġerjali li jimmaniġjaw UCITS;
  • depożitarji*;
  • kumpaniji tal-investiment li ma jkunux ħatru kumpanija maniġerjali.

Proċeduri amministrattivi u mekkaniżmu ta’ kontroll

Kumpaniji maniġerjali għandhom:

  • jimplimentaw proċeduri ta’ teħid ta’ deċizjonijiet u struttura organizzazzjonali ddokumentata b’mod ċar;
  • jassiguraw li l-informazzjoni tiġi trażmessa lill-persuni rilevanti* b’mod xieraq;
  • jimplimentaw mekkaniżmi ta’ kontrolli interni xierqa;
  • jimplimentaw u jżommu rappurtaġġ intern u komunikazzjoni ta’ informazzjoni;
  • iżommu reġistri tan-negozju u l-organizzazzjoni interna tagħhom.

Kumpaniji maniġerjali għandhom iħarsu s-sigurtà, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni. Għandhom jimplimentaw proċeduri trasparenti biex jiġu indirizzati l-ilmenti li jirċievu mingħand l-investituri.

Għandhom jiżguraw l-applikazzjoni ta’ proċeduri tal-kontabilità operazzjonali biex ikun żgurat il-ħarsien tat-titolari ta’ unitjiet*. Il-kontabilità ta’ UCITS għandha tinżamm b’tali mod li l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tal-UCITS ikunu jistgħu jiġu identifikati direttament il-ħin kollu. Dawn il-proċeduri għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-kontabilità tal-pajjiżi ta’ oriġini tal-UCITS.

Mekkaniżmi tal-kontroll intern

Il-maniġment superjuri tal-kumpaniji maniġerjali:

  • huwa responsabbli għall-politika ġenerali tal-investiment għal kull UCITS immaniġġata u jissorvelja l-approvazzjoni tal-istrateġiji tal-investiment għal kull UCITS;
  • jivverifika li l-politika ġenerali tal-investiment tiġi implimentata kif suppost;
  • japprova perjodikament l-adegwatezza tal-proċeduri interni għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-investiment;
  • japprova perjodikament il-politika tal-immaniġġjar tar-riskji;
  • jiżgura l-funzjoni ta’ konformità permanenti.

Funzjoni ta’ konformità permanenti, bl-awtorità meħtieġa u bl-aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha, hija responsabbli għall-:

  • valutazzjoni tal-adegwatezza u l-effikaċja tal-miżuri, politiki, proċeduri u azzjonijiet meħuda sabiex jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas tal-kumpanija maniġerjali biex tikkonforma mal-obbligi tagħha;
  • għoti ta’ pariri u għall-assistenza lil persuni responsabbli għat-twettiq tas-servizzi u l-attivitajiet biex jikkonformaw mal-obbligi tal-kumpanija maniġerjali.

Kumpaniji maniġerjali għandu jkollhom funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskji permanenti u indipendenti mit-taqsimiet operattivi. Din il-funzjoni għandha:

  • timplimenta l-politika u l-proċeduri tal-immaniġġjar tar-riskji;
  • tiżgura l-konformità mas-sistema tal-limitu tar-riskji tal-UCITS;
  • tipprovdi konsulenza lill-bord tad-diretturi dwar il-profil tar-riskju ta’ kull UCITS immaniġġjata;
  • tipprovdi rapporti lill-bord tad-diretturi dwar il-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji;
  • tipprovdi rapporti lill-maniġment superjuri dwar il-livell attwali tar-riskju li tkun soġġetta għalih kull UCITS immaniġġjata;
  • tanalizza u tgħin lill-arranġamenti u l-proċeduri tal-valwazzjoni tad-derivattivi barra l-Borża (OTC).

Kumpaniji maniġerjali għandhom jistabbilixxu proċedura biex jipprevjenu persuni rilevanti milli:

  • jeżegwixxu tranżazzjoni finanzjarja personali jew jagħtu parir lil persuna oħra biex twettaq dik it-tranżazzjoni;
  • jiddivulgaw informazzjoni li tista’ tinfluwenza l-imġiba ta’ persuni oħra fir-rigward tal-għażla tat-tranżazzjonijiet tagħhom.

Kumpaniji maniġerjali għandhom jiżguraw li għal kull tranżazzjoni ta’ portafoll jinżamm reġistru li fil-futur jipprovdi informazzjoni dwar id-dettalji tal-ordni u tat-tranżazzjoni eżegwita.

L-ordnijiet ta’ sottoskrizzjoni u fidi* jridu wkoll ikunu ċċentralizzati u rreġistrati immedjatament. Dawn ir-reġistri huma mbagħad miżmuma għal perjodu ta’ tal-anqas ħames (5) snin.

Konflitt ta’ interess

Is-sitwazzjonijiet li ġejjin jistgħu jwasslu għal konflitti ta’ interess, fejn:

  • il-kumpanija maniġerjali jew persuna rilevanti, jew persuna direttament jew indirettament relatata mal-kumpanija jkollha mnejn tagħmel qligħ finanzjarju, jew tevita telf finanzjarju, aspejjeż tal-UCITS;
  • il-kumpanija maniġerjali jew dik il-persuna jkollha interess fl-eżitu tas-servizz pprovdut lill-UCITS jew klijent ieħor, differenti mill-interess tal-UCITS f’dak l-eżitu;
  • il-kumpanija maniġerjali jew dik il-persuna jkollha inċentiv biex tiffavorixxi l-interess ta’ klijent ieħor;
  • il-kumpanija maniġerjali jew dik il-persuna twettaq l-istess attivitajiet għal-UCITS bħal għal klijent ieħor li mhux UCITS;
  • il-kumpanija maniġerjali jew dik il-persuna tirċievi flus, oġġetti jew servizzi b’mod illegali.

Għalhekk, il-kumpaniji maniġerjali huma obbigati jiddefinixxu politika effikaċi bil-miktub dwar konflitt ta’ interess, biex tkun żgurata l-indipendenza tal-persuni rilevanti.

Regoli tal-kondotta

Kumpaniji maniġerjali għandhom:

  • jaġixxu fl-aħjar interessi tal-UCITS u tat-titolari ta’ unitjiet tagħhom;
  • jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ diliġenza xierqa;
  • jinnotifikaw lit-titolar ta’ unitajiet f’każ ta’ ordni ta’ sottoskrizzjoni jew tifdija, biex jikkonfermaw l-eżekuzzjoni tal-ordni.

Fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ diliġenza xierqa, dawn għandhom:

  • jiżguraw livell għoli ta’ diliġenza fil-monitoraġġ tal-investimenti fl-aħjar interessi tal-UCITS u l-integrità tas-suq;
  • ikollhom għarfien u fehim adegwat tal-assi li fihom ikunu investiti l-UCITS;
  • jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar investiment jiġu implimentati f’konformità mal-istrateġija tal-investiment u l-limiti tar-riskji tal-UCITS;
  • iwettqu analiżi dwar il-kontribut tal-investiment għall-portafoll tal-UCITS.

Kumpaniji maniġerjali għandhom:

  • jistabbilixxu proċeduri li jipprovdu għall-eżekuzzjoni ġusta tat-tranżazzjonijiet ta’ portafoll f’isem il-UCITS;
  • ma jkunux permessi jeżegwixxu ordni ta’ UCITS
    • f’aggregazzjoni ma’ ordni ta’ UCITS oħra jew klijent ieħor jew
    • ma’ ordni marbuta mal-kont tagħhom stess.

Partikolaritajiet tal-ftehim ta’ bejn id-depożitarju u l-kumpanija maniġerjali

Il-“partijiet kontraenti għall-ftehim” għandhom jinkludu fil-ftehim elementi relatati ma’:

  • il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti;
  • l-iskambju tal-informazzjoni u l-obbligi dwar il-kunfidenzjalità u ħasil tal-flus;
  • il-ħatra ta’ partijiet terzi;
  • l-emendi potenzjali u t-terminazzjoni tal-ftehim.

Politika tal-immaniġġjar tar-riskji

Kumpaniji maniġerjali għandhom:

  • jimplimentaw politika tal-immaniġġjar tar-riskji effettiva u ddokumentata inkluż riskji operazzjonali;
  • jivvalutaw u jirrevedu l-effikaċja tal-politika tal-immaniġġjar tar-riskji u l-livell ta’ konformità mill-kumpanija maniġerjali mal-politika tal-immaniġġjar tar-riskji;
  • ikejlu u jimmaniġġjaw fi kwalunkwe ħin ir-riskji li l-UCITS li jimmaniġġjaw ikunu jew li jistgħu jkunu esposti għalihom;
  • jikkalkulaw l-iskopertura globali għar-riskju tal-UCITS tal-anqas darba kuljum.

Skoperta għar-riskju tal-kontraparti

Kumpaniji maniġerjali għandhom:

  • jużaw il-valur pożittiv ta’ pprezzar skont il-valur fis-suq tal-kuntratt tad-derivati barra l-Borża ma’ dak il-kontraparti* meta jikkalkulaw l-iskopertura għar-riskju tal-UCITS għal dik il-kontraparti;
  • inaqqsu l-iskopertura tal-UCITS għal kontraparti ta’ tranżazzjoni ta’ derivati OTC billi jkun aċċett kollateral likwidu biżżejjed li jista’ jinbiegħ malajr mingħajr ma’ jitlef fil-valur tiegħu.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija ilha tapplika mit-30 ta’ Lulju 2010 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-30 ta’ Ġunju 2011.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS): strumenti ta’ investiment li jiġbru flimkien il-kapital tal-investituri u jinvestu dak il-kapital b’mod kollettiv permezz ta’ portafoll ta’ strumenti finanzjarji bħal stokks, bonds u titoli oħrajn.
Depożitarju: entità li hija indipendenti mill-fond tal-UCITS u mill-maniġer ta’ investiment tal-fond tal-UCITS. Ir-rwol tagħha huwa li tkun ta’ salvagwardja kontra l-frodi, żbalji fiż-żamma tal-kotba u konflitti ta’ interess bejn il-maniġer u l-fond.
Titolar ta’ unitajiet: kwalunkwe persuna naturali jew legali titolari ta’ unità, jew aktar, f’UCITS.
Persuna rilevanti: b’rabta ma’ kumpanija maniġerjali, tfisser, direttur, sieħeb jew ekwivalenti, jew maniġer tal-kumpanija maniġerjali; impjegat tal-kumpanija maniġerjali, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi li tagħti jkunu għad-dispożizzjoni u kkontrollati mill-kumpanija maniġerjali u li tkun involuta fil-provvediment tal-immaniġġjar ta’ portafoll kollettiv. Hija tkopri wkoll individwu li jkun involut direttament fil-provvediment ta’ servizzi lill-kumpanija maniġerjali skont arranġament ta’ delega lil partijiet terzi għall-iskop tal-kumpanija maniġerjali biex tipprovdi mmaniġġjar ta’ portafoll kollettiv.
Ordnijiet ta’ sottoskrizzjoni u fidi: ordnijiet minn investituri biex jissottoskrivu, jew jifdu l-fondi tagħhom, minn UCITS.
Kontraparti: parti għal tranżazzjoni finanzjarja. Ir-rwol tagħha huwa li tkun ta’ salvagwardja kontra l-frodi, żbalji fiż-żamma tal-kotba u konflitti ta’ interess bejn il-maniġer u l-fond.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva tal-Kummissjoni 2010/43/UE tal-1 ta’ Lulju 2010 li timplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti organizzazzjonali, il-konflitti ta’ interess, il-kondotta fin-negozju, l-immaniġġjar tar-riskji u l-kontenut tal-ftehim ta’ bejn id-depożitarju u l-kumpanija maniġerjali (ĠU L 176, 10.7.2010, pp. 42-61)

DOKUMENTI RELATATI

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 583/2010 tal-1 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tagħrif ewlieni għall-investitur u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati meta jingħata tagħrif ewlieni għall-investitur jew il-prospett b’mezz li jibqa’ li mhuwiex stampat jew permezz ta’ sit elettroniku (ĠU L 176, 10.7.2010, pp. 1-15)

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 584/2010 tal-1 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forma u l-kontenut tal-ittra ta’ notifika u attestazzjoni UCITS standardizzati, l-użu ta’ komunikazzjoni elettronika bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-fini ta’ notifika, u proċeduri għal verifiki fuq il-post u investigazzjonijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti (ĠU L 176, 10.7.2010, pp. 16-27)

Direttiva tal-Kummissjoni 2010/44/UE tal-1 ta’ Lulju 2010 li timplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti dispożizzjonijiet li jikkonċernaw fużjonijiet ta’ fondi, strutturi prinċipali-alimentatriċi u l-proċedura tan-notifikazzjoni (ĠU L 176, 10.7.2010, pp. 28-41)

Rettifika

Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 302, 17.11.2009, pp. 32-96)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2009/65/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 23.03.2018

Fuq