EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1172

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1172 tal-4 ta’ Mejju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll fil-politika agrikola komuni u l-applikazzjoni u l-kalkolu ta’ penali amministrattivi għall-kundizzjonalità

C/2022/2789

ĠU L 183, 8.7.2022, p. 12–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/1172/oj

8.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/12


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1172

tal-4 ta’ Mejju 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll fil-politika agrikola komuni u l-applikazzjoni u l-kalkolu ta’ penali amministrattivi għall-kundizzjonalità

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 74, l-Artikolu 85(7) u l-Artikolu 105 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/2116 jistabbilixxi r-regoli bażiċi li jikkonċernaw, fost l-oħrajn, is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (“sistema integrata”) u l-applikazzjoni u l-kalkolu ta’ penali amministrattivi għall-kundizzjonalità. Biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-qafas ġuridiku l-ġdid, iridu jiġu adottati ċerti regoli biex jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet stipulati minn dak ir-Regolament fl-oqsma kkonċernati.

(2)

Ir-regoli dwar is-sistema integrata u l-applikazzjoni u l-kalkolu tal-penali amministrattivi għall-kundizzjonalità jenħtieġ li jiżguraw sistema ta’ kontroll effiċjenti tar-regoli li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri u mill-benefiċjarji fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) u għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’att delegat wieħed. Dawn ir-regoli l-ġodda jenħtieġ li jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 (2).

(3)

B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli biex jissupplimentaw ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (UE) 2021/2116 fir-rigward tal-funzjonament tas-sistema integrata msemmija fl-Artikolu 65 ta’ dak ir-Regolament, regoli dwar il-valutazzjonijiet tal-kwalità msemmija fl-Artikoli 68(3), 69(6) u 70(2) ta’ dak ir-Regolament, regoli dwar is-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ msemmija fl-Artikolu 68 ta’ dak ir-Regolament u regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni u l-kalkolu ta’ penali amministrattivi għall-kundizzjonalità msemmija fl-Artikolu 85 ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Is-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ għandha tipprovdi informazzjoni siewja, komprensiva u affidabbli rilevanti għar-rapportar dwar il-prestazzjoni tal-politika, li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni effiċjenti tal-interventi bbażati fuq l-erja kif ukoll li tappoġġa lill-benefiċjarji fis-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet korretti għall-għajnuna. Sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu dawn l-objettivi, huma meħtieġa regoli biex jiġu ċċarati r-rekwiżiti tekniċi li l-Istati Membri jeħtieġ li jsegwu u kif għandha tiġi strutturata u aġġornata l-informazzjoni disponibbli.

(5)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jidentifikaw b’mod proattiv id-dgħufijiet possibbli fis-sistema integrata u jieħdu azzjoni ta’ rimedju xierqa meta jkun meħtieġ, jenħtieġ li jiġu pprovduti regoli dwar il-valutazzjoni annwali tal-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’, tas-sistema tal-applikazzjoni ġeospazjali u tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja. L-esperjenza rigward il-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ skont ir-Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014 uriet li l-iżvilupp ta’ gwida teknika mill-Kummissjoni huwa partikolarment utli. Tali gwida teknika tgħin lill-Istati Membri japplikaw metodoloġija adattata biex iwettqu l-valutazzjonijiet tagħhom. Minħabba l-importanza tal-valutazzjonijiet tal-kwalità għal sistema integrata li taħdem kif suppost li tipprovdi data affidabbli u verifikabbli fir-rapportar annwali tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tgħin lill-Istati Membri b’mod simili biex iwettqu l-valutazzjonijiet tal-kwalità previsti skont ir-Regolament (UE) 2021/2116.

(6)

Il-valutazzjonijiet tal-kwalità għandhom jivvalutaw jekk is-sistema integrata tissodisfax l-għan tagħha li tipprovdi informazzjoni affidabbli u komprensiva rilevanti għar-rapportar annwali tal-prestazzjoni, kif meħtieġ mill-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2021/2116, b’mod partikolari, in-numru korrett ta’ ettari għall-output u s-sehem korrett ta’ erjas għall-indikaturi tar-riżultati ta’ interventi bbażati fuq l-erja. Dan se jirrikjedi li jingħaqdu riżultati rilevanti mill-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja u s-sistema tal-applikazzjoni ġeospazjali fi sforz biex jiġi evitat li dan l-impatt jiġi stmat iżżejjed minħabba erjas fejn seħħew kemm żbalji fil-kejl kif ukoll deċiżjonijiet żbaljati dwar il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà. Għal dan il-għan, il-verifika tal-erja ddikjarata fil-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema tal-applikazzjoni ġeospazjali jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-istess kampjun ta’ bċejjeċ tar-raba’ bħal dawk fil-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja.

(7)

Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-kwalità relatata mas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja għandha tiżgura li r-riżultati jkunu komparabbli bejn l-Istati Membri, irrispettivament mill-possibbiltà li jiġi differit l-użu ta’ implimentazzjoni kompletament operattiva tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja. Għalhekk, din il-valutazzjoni tal-kwalità jenħtieġ li tkopri l-interventi kollha bbażati fuq l-erja u l-kundizzjonijiet rilevanti ta’ eliġibbiltà irrispettivament mid-deċiżjoni tal-Istat Membru li jkollu sistema ta’ monitoraġġ tal-erja kompletament operattiva biss mill-1 ta’ Jannar 2024, kif imsemmi fl-Artikolu 70(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116. Il-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni dijanjostika kemm fil-livell tal-interventi kif ukoll fil-livell tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, li abbażi tagħha l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu azzjonijiet ta’ rimedju xierqa, fejn meħtieġ.

(8)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza u sabiex tiġi stabbilita bażi armonizzata għall-kalkolu u l-applikazzjoni tal-penali amministrattivi għall-kundizzjonalità, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti definizzjonijiet komuni u prinċipji ġenerali dwar in-nuqqas ta’ konformità.

(9)

Ir-Regolament (UE) 2021/2116 jipprevedi li għandhom jiġu stabbiliti penali amministrattivi għall-kundizzjonalità filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità. Għalhekk, it-tnaqqis u l-esklużjonijiet jenħtieġ li jiġu kklassifikati skont is-serjetà tan-nuqqas ta’ konformità u jenħtieġ li jaslu sal-esklużjoni totali tal-benefiċjarju minn kull pagament u appoġġ imsemmi fl-Artikolu 83(1), il-punti (a), (b) u (c), ta’ dak ir-Regolament f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali. Sabiex tingħata ċertezza legali lill-benefiċjarji, jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ penali amministrattivi.

(10)

L-Artikolu 85(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116 jipprevedi li l-kalkolu tal-penali amministrattiva għall-kundizzjonalità jrid isir abbażi tal-pagamenti li jkunu ngħataw jew li jkunu se jingħataw lill-benefiċjarju kkonċernat fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-pagamenti li jkunu ġew ippreżentati jew li jkunu se jiġu ppreżentati matul is-sena kalendarja li fiha jkun seħħ in-nuqqas ta’ konformità. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata r-rabta bejn l-imġiba tal-bidwi u l-penali u biex jiġi ggarantit it-trattament indaqs fost il-bdiewa, huwa xieraq li jiġi previst li fejn l-istess nuqqas ta’ konformità jkun qed iseħħ kontinwament f’diversi snin kalendarji, trid tiġi applikata penali amministrattiva u din trid tiġi kkalkulata għal kull sena kalendarja li fiha jista’ jiġi ddeterminat li jkun seħħ in-nuqqas ta’ konformità.

(11)

Sabiex jiġi ggarantit li l-penali amministrattivi jkunu jistgħu jiġu applikati u attribwiti b’mod effettiv, huwa xieraq li jiġi previst li fejn, fis-sena kalendarja tas-sejba, il-penali taqbeż l-ammont totali tal-pagamenti mogħtija jew li għandhom jingħataw lill-benefiċjarju jew il-benefiċjarju ma jissottomettix applikazzjoni għall-għajnuna, il-penali għandha tiġi applikata jew imputata permezz ta’ rkupru.

(12)

Skont l-Artikolu 85(3) tar-Regolament (UE) 2021/2116, irrispettivament minn jekk jiġix identifikat nuqqas ta’ konformità permezz ta’ sistema ta’ monitoraġġ tal-erja jew mezzi oħra, ma għandha tiġi imposta l-ebda penali amministrattivi meta n-nuqqas ta’ konformità mhux intenzjonali ma jkollu l-ebda konsegwenza jew ikollu biss konsegwenzi insinifikanti għall-ilħuq tal-objettiv tal-istandard jew tar-rekwiżit ikkonċernat. Minħabba n-natura minuri tan-nuqqasijiet ta’ konformità li ma għandhom l-ebda konsegwenza jew li għandhom biss konsegwenzi insinifikanti għall-ilħuq tal-objettiv tal-istandard jew tar-rekwiżit ikkonċernat u sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, tali nuqqasijiet ta’ konformità jenħtieġ li ma jitqisux għall-fini tad-determinazzjoni tal-okkorrenza mill-ġdid jew tal-persistenza ta’ nuqqas ta’ konformità.

(13)

Skont l-Artikolu 85(4) tar-Regolament (UE) 2021/2116, jekk Stat Membru juża s-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja biex jidentifika każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, jista’ jiddeċiedi li japplika perċentwal aktar baxx ta’ tnaqqis. Huwa xieraq li jiġi stabbilit perċentwal minimu ta’ tnaqqis.

(14)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar il-kalkolu tal-penali amministrattivi għal diversi nuqqasijiet ta’ konformità fl-istess sena kalendarja tal-okkorrenza.

(15)

Sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bla xkiel mill-arranġamenti previsti fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), huwa meqjus xieraq li jiġu stabbiliti regoli tranżizzjonali rigward l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 104(1), il-punt (a)(iv), tar-Regolament (UE) 2021/2116, sabiex jiġu evitati spejjeż u piżijiet amministrattivi eċċessivi relatati mal-kundizzjonalità u mal-kontrolli tal-kundizzjonalità applikati għall-benefiċjarji li jirċievu pagamenti bbażati fuq l-erja kemm taħt Pjan Strateġiku tal-PAK skont ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) kif ukoll taħt programm ta’ żvilupp rurali implimentat skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) sal-31 ta’ Diċembru 2025. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-kontrolli fuq il-kundizzjonalità relatati mal-erja jitqiesu li jkopru wkoll il-kontrolli fuq is-sistema tal-kundizzjonalità msemmija fl-Artikolu 96 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Dan huwa ġġustifikat mill-fatt li, għall-pagamenti bbażati fuq l-erja, ir-regoli ta’ kundizzjonalità huma ġeneralment aktar stretti mir-regoli dwar is-sistema ta’ kundizzjonalità fir-rigward kemm tal-obbligi kif ukoll tal-penali. Għalhekk jista’ jiġi preżunt li r-regoli tas-sistema tal-kundizzjonalità huma rrispettati, jekk il-benefiċjarju jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fir-regoli dwar il-kundizzjonalità. Madankollu, jekk il-kontrolli fuq il-kundizzjonalità jiżvelaw nuqqasijiet ta’ konformità, l-Istat Membru ma jkunx jista’ jassumi aktar li l-kundizzjonalità qiegħda tiġi osservata u konsegwentement jenħtieġ li jwettaq il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 96 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u, f’dak il-kuntest, japplika r-regoli dwar il-kalkolu u l-applikazzjoni ta’ penali amministrattivi f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(16)

Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014 jitħassar. Madankollu, dak ir-Regolament jenħtieġ li jkompli japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-pagamenti diretti ppreżentati qabel l-1 ta’ Jannar 2023, għat-talbiet għall-pagamenti magħmula fir-rigward tal-miżuri ta’ appoġġ implimentati skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u għas-sistema ta’ kontroll u l-penali amministrattivi fir-rigward tar-regoli dwar is-sistema ta’ kundizzjonalità.

(17)

B’kunsiderazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 104(1) u tal-Artikolu 106 tar-Regolament (UE) 2021/2116, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għal interventi li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2023 u implimentati skont ir-Regolament (UE) 2021/2115.

(18)

Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-punt 31 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-Kummissjoni tqis li hemm rabta sostantiva bejn is-setgħat fir-Regolament (UE) 2021/2116 rigward ir-regoli dwar is-sistema integrata u l-applikazzjoni u l-kalkolu tal-penali amministrattivi għall-kundizzjonalità, u hemm interkonnessjoni bejniethom. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti dawk ir-regoli fl-istess Att Delegat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jissupplimentaw ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (UE) 2021/2116 fir-rigward ta’:

(a)

il-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ msemmija fl-Artikolu 68(3), tas-sistema ta’ applikazzjoni ġeospazjali msemmija fl-Artikolu 69(6) u tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja msemmija fl-Artikolu 70(2) ta’ dak ir-Regolament;

(b)

is-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ msemmija fl-Artikolu 68 ta’ dak ir-Regolament;

(c)

l-applikazzjoni u l-kalkolu tal-penali amministrattivi għall-kundizzjonalità msemmija fl-Artikolu 85 ta’ dak ir-Regolament.

KAPITOLU II

SISTEMA INTEGRATA

Artikolu 2

Sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’

1.   Is-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ msemmija fl-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2021/2116 għandha topera fil-livell tal-bċejjeċ ta’ referenza u għandha tinkludi informazzjoni li tippermetti l-iskambju ta’ data mal-applikazzjoni ta’ għajnuna ġeospazjali msemmija fl-Artikolu 69 ta’ dak ir-Regolament u s-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja msemmija fl-Artikolu 70 ta’ dak ir-Regolament.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “biċċa raba’ ta’ referenza” tfisser erja ġeografikament delimitata b’identifikazzjoni unika kif irreġistrata fis-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ msemmija fl-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2021/2116. Biċċa raba’ ta’ referenza għandu jkun fiha unità ta’ art li tirrappreżenta erja agrikola kif definita fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115. Fejn xieraq, biċċa raba’ ta’ referenza għandu jkun fiha wkoll erjas mhux agrikoli meqjusa eliġibbli mill-Istati Membri biex jirċievu l-appoġġ għall-interventi bbażati fuq l-erja msemmija fl-Artikolu 65(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2021/2116.

3.   Il-bċejjeċ tar-raba’ ta’ referenza għandhom iservu bħala bażi biex jappoġġaw lill-benefiċjarji fis-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet ġeospazjali għall-interventi bbażati fuq l-erja msemmija fl-Artikolu 65(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2021/2116.

4.   L-Istati Membri għandhom jiddelimitaw il-bċejjeċ tar-raba’ ta’ referenza b’tali mod li jiżguraw li kull biċċa raba’ tkun stabbli fiż-żmien, tkun tista’ titkejjel, tippermetti l-lokalizzazzjoni unika u mhux ambigwa ta’ kull biċċa raba’ u unità ta’ art ta’ erjas mhux agrikoli meqjusin eliġibbli mill-Istati Membri biex jirċievu l-appoġġ għall-interventi bbażati fuq l-erja msemmija fl-Artikolu 65(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2021/2116 iddikjarati kull sena.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-aġġornament tal-informazzjoni għall-bċejjeċ raba’ ta’ referenza kollha fis-sistema ta’ identifikazzjoni mill-inqas darba kull 3 snin. Barra minn hekk, kull sena, l-Istati Membri għandhom iqisu l-informazzjoni kollha disponibbli mill-applikazzjoni ġeospazjali, mis-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja jew minn kwalunkwe sors affidabbli ieħor.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi estratta d-data rilevanti għar-rapportar korrett dwar l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2021/2116.

7.   Fis-sistema ta’ identifikazzjoni, għal kull biċċa raba’ ta’ referenza, l-Istati Membri għandhom tal-anqas:

(a)

jiddeterminaw l-erja massima eliġibbli għall-finijiet tal-interventi bbażati fuq l-erja taħt is-sistema integrata. Sabiex tiġi ddeterminata l-erja massima eliġibbli, l-Istati Membri għandhom inaqqsu l-elementi ineliġibbli mill-biċċa raba’ permezz ta’ delineazzjoni, fejn possibbli. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu minn qabel il-kriterji u l-proċeduri użati għall-valutazzjoni, il-kwantifikazzjoni u, fejn xieraq, id-delineazzjoni tal-partijiet eliġibbli u ineliġibbli tal-biċċa raba’. Fid-determinazzjoni tal-erja massima eliġibbli, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu marġni raġonevoli għal kwantifikazzjoni korretta, biex iqisu l-profil u l-kundizzjoni tal-biċċa raba’;

(b)

jidentifikaw l-erja agrikola, kif imsemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115. Fejn applikabbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw id-distinzjoni tal-erja agrikola f’raba’ li jinħadem, f’għelejjel permanenti u f’artijiet bil-ħaxixpermanenti, inkluż meta jiffurmaw sistemi agroforestali f’dik iż-żona, kif iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 4(3) ta’ dak ir-Regolament permezz ta’ delineazzjoni;

(c)

fir-rigward tal-artijiet bil-ħaxix permanenti b’karatteristiċi ineliġibbli mifruxa u meta l-Istati Membri jiddeċiedu li japplikaw koeffiċjenti ta’ tnaqqis fissi biex jiddeterminaw l-erja meqjusa eliġibbli, kif previst fit-tielet subparagrafu tal-punt(b) tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2021/2115, jirreġistraw l-informazzjoni rilevanti kollha;

(d)

jinkludu karatteristiċi u/jew impenji li huma rilevanti għall-eliġibbiltà ta’ interventi bbażati fuq l-erja u għar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità, u li huma stabbli fiż-żmien. Din l-informazzjoni għandha tiġi rreġistrata bħala attributi jew saffi fis-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ u għandu jiġi indikat tal-anqas dan li ġej:

(i)

il-post fejn tinsab l-erja tat-torbiera jew tal-art mistagħdra, fejn rilevanti, f’konformità mal-istandard 2 tal-KAAT elenkat fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115;

(ii)

it-tip u l-post tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ fuq il-biċċa raba’ rilevanti għall-kundizzjonalità jew għall-interventi msemmija fl-Artikolu 65(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2021/2116;

(e)

fejn applikabbli, isibu u jiddeterminaw id-daqs tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ skont l-istandard 8 tal-KAAT elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115 rilevanti għas-sehem minimu tal-erja agrikola ddedikat għal erja jew karatteristiċi mhux produttivi.

(f)

jiddeterminaw jekk il-bċejjeċ tar-raba’ jinsabux f’erjas li jiffaċċjaw limitazzjonijiet naturali jew oħrajn speċifiċi għall-erja kif imsemmi fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) 2021/2115, jew jekk japplikawx żvantaġġi speċifiċi għall-erja li jirriżultaw minn ċerti rekwiżiti obbligatorji kif imsemmi fl-Artikolu 72 ta’ dak ir-Regolament,

(g)

jiddeterminaw jekk il-bċejjeċ tar-raba’ jinsabux f’żoni ta’ Natura 2000, f’erjas koperti mid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jekk jinsabux f’art agrikola awtorizzata għall-produzzjoni tal-qoton skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115, f’erjas li jiffurmaw parti mill-prattiki lokali stabbiliti msemmija fl-Artikolu 4(3), il-punt (c), it-tieni subparagrafu, il-punt (i), ta’ dak ir-Regolament, dwar erjas mgħottija b’mergħat permanenti ddeżinjati bħala ambjentalment sensittivi skont l-istandard 9 tal-KAAT elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115, jew f’erjas koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (7) jew mid-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

8.   Għall-interventi relatati mal-forestrija appoġġati taħt l-Artikoli 70 u 72 tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistemi alternattivi xierqa sabiex jidentifikaw b’mod uniku l-art soġġetta għall-appoġġ meta dik l-art tkun miksija bil-foresti.

9.   Is-sistema ta’ informazzjoni ġeografika għandha topera abbażi ta’ sistema nazzjonali ta’ referenza ta’ koordinati kif iddefinita fid-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) li tippermetti l-kejl standardizzat u l-identifikazzjoni unika tal-bċejjeċ tar-raba’ fl-Istat Membru kollu kkonċernat. Fejn jintużaw sistemi ta’ referenza ta’ koordinati differenti, dawn għandhom ikunu reċiprokament esklussivi u kull waħda minnhom għandha tiżgura l-konsistenza bejn il-punti ta’ informazzjoni li jirreferu għall-istess post.

Artikolu 3

Valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’

1.   Kull sena, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-valutazzjoni tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2021/2116 għall-finijiet tal-appoġġ għall-introjtu bażiku għas-sostenibbiltà. Dik il-valutazzjoni ta’ kwalità għandha tkopri l-elementi li ġejjin:

(a)

il-kwantifikazzjoni korretta tal-erja massima eliġibbli;

(b)

il-proporzjon u d-distribuzzjoni tal-bċejjeċ tar-raba’ ta’ referenza fejn l-erja massima eliġibbli tqis erjas ineliġibbli jew fejn ma tqisx iż-żona agrikola;

(c)

l-okkorrenza ta’ bċejjeċ tar-raba’ ta’ referenza b’difetti kritiċi;

(d)

il-klassifikazzjoni korretta tal-erja agrikola bħala raba’ li jinħadem, art bil-ħaxix permanenti jew għalla permanenti f’kull biċċa raba’ ta’ referenza;

(e)

il-proporzjon tad-dikjarazzjonijiet tal-erja għal kull biċċa raba’ ta’ referenza;

(f)

il-kategorizzazzjoni ta’ bċejjeċ tar-raba’ ta’ referenza fejn l-erja massima eliġibbli tqis erjas ineliġibbli, fejn ma tqisx l-erja agrikola jew tikxef difett kritiku;

(g)

il-perċentwal ta’ bċejjeċ tar-raba’ ta’ referenza li kienu soġġetti għal bidla, akkumulati matul iċ-ċiklu regolari ta’ aġġornament.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li t-talbiet kollha għall-aġġornament tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ jitwettqu b’mod li jkun possibbli li jiġi traċċat jekk dawn jirriżultawx mis-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, mill-azzjoni tal-benefiċjarju jew minn kwalunkwe sors ieħor.

2.   L-Istati Membri għandhom iwettqu l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 abbażi ta’ kampjun ta’ bċejjeċ tar-raba’ ta’ referenza. Għandhom jużaw data li tippermetti l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni proprja fil-prattika.

3.   F’każ li r-riżultati tal-valutazzjoni tal-kwalità jiżvelaw nuqqasijiet, l-Istat Membru għandu jipproponi azzjonijiet ta’ rimedju adegwati.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema tal-applikazzjoni ġeospazjali

1.   Il-valutazzjoni annwali tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 69(6) tar-Regolament (UE) 2021/2116 għandha tivvaluta l-affidabbiltà tal-informazzjoni fl-applikazzjoni ġeospazjali u l-korrettezza tal-informazzjoni użata għar-rapportar dwar l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/2115. B’mod partikolari, il-valutazzjoni tal-kwalità għandha tivvaluta l-kompletezza u l-korrettezza tal-informazzjoni mimlija minn qabel fl-applikazzjoni ġeospazjali, il-kompletezza u l-korrettezza tat-twissijiet ta’ gwida pprovduti lill-benefiċjarji matul il-proċess tal-applikazzjoni u t-traċċabbiltà tal-bidliet kollha rreġistrati fl-applikazzjonijiet ġeospazjali wara s-sottomissjoni tagħha.

2.   Il-valutazzjoni tal-kwalità għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

verifika li l-informazzjoni użata mill-Istat Membru biex timtela minn qabel l-applikazzjoni ġeospazjali kienet kompluta, korretta u aġġornata;

(b)

verifika mill-Istat Membru li l-erja ddikjarata mill-benefiċjarju għal intervent ibbażat fuq l-erja kienet stabbilita b’mod korrett fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà applikabbli;

(c)

verifika li, sa fejn ikun possibbli, il-kundizzjonijiet kollha ta’ eliġibbiltà tal-interventi u, fejn rilevanti, ir-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità, tqiesu għall-ħruġ ta’ twissijiet ta’ gwida mill-Istat Membru lill-benefiċjarji matul il-proċess tal-applikazzjoni;

(d)

verifika li l-emendi kollha tal-applikazzjoni ġeospazjali wara s-sottomissjoni tagħha ġew irreġistrati mill-Istat Membru b’tali mod li jkun possibbli li jiġi traċċat jekk dawn irriżultawx minn twissija tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, azzjoni tal-benefiċjarju jew minn kwalunkwe sors ieħor.

3.   Il-valutazzjoni tal-kwalità prevista fil-paragrafu 2, il-punti (a), (c) u (d), għandha titwettaq permezz ta’ ttestjar tal-IT u twettiq mill-ġdid tal-proċess ta’ applikazzjoni fuq kampjun rappreżentattiv ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna.

4.   Għall-verifika skont il-paragrafu 2, il-punt (b), il-valutazzjoni tal-kwalità għandha titwettaq permezz ta’ żjarat in situ jew analiżi ta’ immaġni tal-istess sena kalendarja u ta’ mill-inqas l-istess kwalità kif meħtieġ għall-valutazzjoni tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2021/2116. Dik il-verifika għandha ssir permezz ta’ kejl tal-erja ddikjarata fir-rigward ta’ intervent fuq il-kampjun magħżul għall-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-interventi kollha bbażati fuq l-erja ġestiti mis-sistema integrata jkunu inklużi fil-kampjuni msemmija fil-paragrafi 3 u 4 u vverifikati fil-proċess ta’ valutazzjoni tal-kwalità.

6.   F’każ li r-riżultati tal-valutazzjoni tal-kwalità jiżvelaw nuqqasijiet, l-Istat Membru għandu jipproponi azzjonijiet ta’ rimedju adegwati.

Artikolu 5

Valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja

1.   Il-valutazzjoni annwali tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) 2021/2116 għandha tivvaluta l-affidabbiltà tal-implimentazzjoni tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, tipprovdi informazzjoni dijanjostika dwar is-sorsi ta’ deċiżjonijiet mhux korretti fil-livell tal-interventi u l-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u b’mod partikolari tivvaluta l-korrettezza tal-informazzjoni prevista għar-rapportar dwar l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/2115.

2.   Il-valutazzjoni tal-kwalità għandha titwettaq permezz ta’ żjarat in situ jew analiżi ta’ immaġni tal-istess sena kalendarja u fejn rilevanti, b’tal-anqas l-istess kwalità kif meħtieġa għall-valutazzjoni tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2021/2116. Iż-żjarat in situ jistgħu jsiru fi kwalunkwe żmien matul is-sena u għandhom, sa fejn ikun possibbli, ikopru l-kundizzjonijiet kollha tal-eliġibbiltà rilevanti għal benefiċjarju partikolari matul l-istess żjara. L-immaġnijiet użati mill-Istati Membri għall-valutazzjoni tal-kwalità għandhom ikunu jistgħu jagħtu riżultati konklużivi u affidabbli fir-rigward tas-sitwazzjoni attwali fil-prattika. Fejn l-Istati Membri jużaw ritratti ġeottaggjati għall-osservazzjoni, it-traċċar u l-valutazzjoni tal-attivitajiet agrikoli bħala data b’mill-inqas valur ekwivalenti għad-data mis-satelliti Sentinel ta’ Copernicus, l-Istati Membri jistgħu jwettqu l-valutazzjoni tal-kwalità tad-deċiżjonijiet abbażi ta’ ritratti ġeottaggjati permezz ta’ analiżi mhux awtomatizzata tar-ritratti ġeottaggjati, sakemm dawn joffru riżultati konklużivi u affidabbli.

3.   Fil-livell tal-interventi, il-valutazzjoni tal-kwalità għandha tinkludi dawn li ġejjin:

(a)

kwantifikazzjoni ta’ żbalji minħabba deċiżjonijiet żbaljati dwar il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà fuq bċejjeċ tar-raba’ taħt intervent ibbażat fuq l-erja, irrispettivament minn jekk id-deċiżjoni rilevanti kinitx ġejja mis-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja jew le. Ir-riżultat għandu jiġi espress f’ettari;

(b)

kwantifikazzjoni tal-għadd ta’ bċejjeċ tar-raba’ fejn is-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja sabet nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u tal-għadd ta’ bċejjeċ tar-raba’ li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà wara l-aħħar data għall-emendi tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna.

4.   Ir-rapporti mistennija sal-15 ta’ Frar 2025 u l-15 ta’ Frar 2027, għandu jkollhom ukoll verifika li l-kundizzjonijiet kollha tal-eliġibbiltà tal-interventi bbażati fuq l-erja li huma kkunsidrati bħala li jistgħu jiġu mmonitorjati, kienu soġġetti għal sistema ta’ monitoraġġ tal-erja fis-snin 2024 u 2026, rispettivament. Jistgħu jkunu meħtieġa azzjonijiet ta’ rimedju wara l-valutazzjoni tar-riżultati ta’ dawn ir-rapporti.

5.   Il-valutazzjoni tal-kwalità għandha titwettaq billi jiġu vverifikati l-kundizzjonijiet kollha ta’ eliġibbiltà tal-interventi kollha applikati fuq kampjun rappreżentattiv ta’ bċejjeċ tar-raba’.

6.   Għall-finijiet ta’ simplifikazzjoni u minħabba li l-kampjun tal-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja jipprovdi livell adegwat ta’ assigurazzjoni fir-rigward tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għal kull intervent, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jqis il-valutazzjonijiet tal-kwalità msemmija fl-Artikoli 4 u 5 ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligu li tiġi stabbilita sistema ta’ kontroll stabbilita fl-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) 2021/2116.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-interventi kollha bbażati fuq l-erja ġestiti mis-sistema integrata jiġu inklużi fil-kampjun ta’ bċejjeċ tar-raba’ u vverifikati fil-proċess ta’ valutazzjoni tal-kwalità, irrispettivament mill-possibbiltà li s-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja tiġi stabbilita gradwalment, kif imsemmi fl-Artikolu 70(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116.

8.   F’każ li r-riżultati tal-kwantifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, il-punti (a) u (b), jiżvelaw nuqqasijiet, l-Istat Membru għandu jipproponi azzjonijiet ta’ rimedju adegwati.

9.   L-azzjonijiet ta’ rimedju għal kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà mhux immonitorjati jew mhux immonitorjati b’mod konklużiv jistgħu jinkludu t-twettiq ta’ żjarat in situ. F’każijiet fejn ikunu meħtieġa azzjonijiet ta’ rimedju wara r-riżultati tal-valutazzjoni tal-kwalità għas-sena kalendarja kkonċernata, jista’ jkun hemm bżonn li jiġu inklużi dettalji addizzjonali fir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-kwalità tas-sena ta’ wara fir-rigward tan-nuqqasijiet li għandhom jiġu rrimedjati.

KAPITOLU III

APPLIKAZZJONI U KALKOLU TA’ PENALI AMMINISTRATTIVI GĦALL-KUNDIZZJONALITÀ

Artikolu 6

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu IV tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) 2021/2116.

Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“nuqqas ta’ konformità” tfisser: tfisser nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE) 2021/2115, jew mal-istandards għal kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba tal-art stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 13 ta’ dak ir-Regolament;

(b)

“standards” tfisser kwalunkwe wieħed mill-istandards kif stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/2115;

(c)

“sena tas-sejba” tfisser is-sena kalendarja li fiha tkun twettqet il-verifika amministrattiva jew il-verifika fuq il-post;

(d)

“oqsma ta’ kondizzjonalità” tfisser kwalunkwe wieħed mit-tliet oqsma differenti msemmija fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

Artikolu 7

Prinċipji ġenerali dwar in-nuqqasijiet ta’ konformità

1.   Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-okkorrenza mill-ġdid ta’ nuqqas ta’ konformità, għandhom jitqiesu n-nuqqasijiet ta’ konformità mar-regoli dwar il-kundizzjonalità ddeterminati f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014.

2.   Il-“firxa” ta’ nuqqas ta’ konformità għandha tiġi determinata billi jitqies, partikolarment, jekk in-nuqqas ta’ konformità kellux impatt mifrux ħafna jew jekk dan kienx limitat għall-farm innifsu.

3.   Is-“severità” ta’ nuqqas ta’ konformità għandha tiddependi, partikolarment, fuq l-importanza tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità billi jitqiesu l-għanijiet tar-rekwiżit jew tal-istandard konċernat.

4.   Jekk nuqqas ta’ konformità jkunx ta’ “permanenza” jew le jiddependi, b’mod partikolari, fuq it-tul ta’ żmien li għalih idum l-effett jew il-potenzjal sabiex jiġu terminati dawk l-effetti b’mezzi raġonevoli.

5.   Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, in-nuqqasijiet ta’ konformità għandhom jitqiesu li jkunu “ddeterminati” jekk ikunu stabbiliti bħala konsegwenza ta’ xi tip ta’ kontroll mwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/2116 jew wara li l-awtorità kompetenti ta’ kontroll jew, fejn applikabbli, l-aġenzija tal-pagament, tkun ġiet mgħarrfa, bi kwalunkwe mezz ieħor.

Artikolu 8

Prinċipji ġenerali tal-penali amministrattivi

1.   Il-penali amministrattiva prevista fl-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116 għandha tiġi imposta biss jekk jinstab nuqqas ta’ konformità fi żmien 3 snin kalendarji konsekuttivi kkalkulati minn u inkluża s-sena fejn ikun seħħ in-nuqqas ta’ konformità.

2.   Meta l-istess nuqqas ta’ konformità jseħħ kontinwament tul diversi snin kalendarji, għandha tiġi applikata penali amministrattiva għal kull sena kalendarja li fiha jkun seħħ in-nuqqas ta’ konformità. Il-penali amministrattivi għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-pagamenti li jkunu ngħataw jew li jkunu se jingħataw lill-benefiċjarju kkonċernat fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-pagamenti li jkunu ġew ippreżentati jew li jkunu se jiġu ppreżentati matul is-snin kalendarja li fihom seħħ in-nuqqas ta’ konformità.

3.   Meta fis-sena kalendarja tas-sejba, il-benefiċjarju ma jissottomettix applikazzjoni għall-għajnuna jew il-penali amministrattiva taqbeż l-ammont totali tal-pagamenti li jkunu ngħataw jew li jkunu se jingħataw lill-benefiċjarju fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna li l-benefiċjarju jkun issottometta jew li se jissottometti tul is-sena kalendarja tas-sejba, il-penali amministrattiva għandha tiġi rkuprata f’konformità mal-Artikolu 30 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/128 (10).

Artikolu 9

Perċentwali ta’ tnaqqis f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mhux intenzjonali

1.   Għal nuqqasijiet ta’ konformità mhux intenzjonali ddeterminati, l-aġenzija tal-pagamenti tista’ tiddeċiedi, abbażi tal-valutazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità pprovduta mill-awtorità ta’ kontroll kompetenti u filwaqt li tqis il-kriterji msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 85(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116, li tnaqqas il-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 85(2) ta’ dak ir-Regolament għal sa 1 %.

2.   Meta nuqqas ta’ konformità mhux intenzjonat determinat ikollu konsegwenzi gravi għall-ilħuq tal-objettiv tal-istandard jew tar-rekwiżit ikkonċernat jew jikkostitwixxi riskju dirett għas-saħħa pubblika jew tal-annimali, l-aġenzija tal-pagamenti tista’ tiddeċiedi, abbażi tal-valutazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità pprovduta mill-awtorità ta’ kontroll kompetenti filwaqt li tqis il-kriterji msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 85(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116, li żżid il-perċentwal imsemmi fl-Artikolu 85(5) ta’ dak ir-Regolament għal sa 10 %.

3.   Meta nuqqas ta’ konformità mhux intenzjonali ddeterminat bl-istess rekwiżit jew standard jippersisti fi żmien 3 snin kalendarji konsekuttivi, il-perċentwal tat-tnaqqis stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 85(6) tar-Regolament (UE) 2021/2116 għandu japplika biss meta l-benefiċjarju jkun ġie infurmat bin-nuqqas ta’ konformità ddeterminat preċedenti. Fejn l-istess nuqqas ta’ konformità jippersisti mingħajr raġuni ġġustifikata mill-benefiċjarju, għandu jitqies li huwa każ ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali.

4.   Meta nuqqas ta’ konformità ddeterminat ma jkollu l-ebda konsegwenza jew ikollu biss konsegwenzi insinifikanti għall-ilħuq tal-objettiv tal-istandard jew tar-rekwiżit ikkonċernat u ma tiġi imposta l-ebda penali amministrattiva f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 85(3) tar-Regolament (UE) 2021/2116, in-nuqqas ta’ konformità ma għandux jitqies għall-fini tad-determinazzjoni tal-okkorrenza mill-ġdid jew tal-persistenza ta’ nuqqas ta’ konformità.

5.   Meta Stat Membru juża s-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116 biex jidentifika każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, it-tnaqqis li għandu jiġi impost għal nuqqasijiet ta’ konformità mhux intenzjonali ddeterminati jista’ jkun anqas mit-tnaqqis previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, iżda mill-inqas 0,5 % tal-ammont totali li jirriżulta mill-pagamenti u l-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 83(1), il-punti (a), (b) u (c), ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 10

Perċentwali ta’ tnaqqis f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali

It-tnaqqis perċentwali għal nuqqas ta’ konformità intenzjonali ddeterminat għandu jkun mill-inqas 15 % tal-ammont totali li jirriżulta mill-pagamenti u mill-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 83(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2021/2116. Abbażi tal-valutazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità pprovduta mill-awtorità ta’ kontroll kompetenti li tqis il-kriterji msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 85(1) ta’ dak ir-Regolament, l-aġenzija tal-pagamenti tista’ tiddeċiedi li żżid dak il-perċentwal għal sa 100 %.

Artikolu 11

Kalkolu tat-tnaqqis għal diversi nuqqasijiet ta’ konformità fl-istess sena kalendarja tal-okkorrenza

1.   Meta nuqqas ta’ konformità ddeterminat ma’ standard jikkostitwixxi wkoll nuqqas ta’ konformità ma’ rekwiżit, in-nuqqas ta’ konformità għandu jitqies bħala nuqqas ta’ konformità wieħed. Għall-fini tal-kalkolu tat-tnaqqisiet, in-nuqqas ta’ konformità għandu jitqies bħala parti mill-qasam tal-kundizzjonalità tar-rekwiżit.

2.   Meta jkun seħħ aktar minn nuqqas ta’ konformità mhux intenzjonali u mhux rikorrenti wieħed fl-istess sena kalendarja, il-proċedura għall-iffissar tat-tnaqqis għandha tiġi applikata individwalment għal kull nuqqas ta’ konformità u l-perċentwali li jirriżultaw għandhom jiżdiedu flimkien. Madankollu, it-tnaqqis totali ma għandux jaqbeż:

(a)

5 % tal-ammont totali li jirriżulta mill-pagamenti u l-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 83(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2021/2116 fejn ebda nuqqas ta’ konformità ma jkollu konsegwenzi gravi għall-ilħuq tal-objettiv tal-istandard jew tar-rekwiżit ikkonċernat jew jikkostitwixxi riskju dirett għas-saħħa pubblika jew tal-annimali; jew,

(b)

10 % tal-ammont totali li jirriżulta mill-pagamenti u l-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 83(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2021/2116 fejn tal-inqas nuqqas ta’ konformità wieħed ikollu konsegwenzi gravi għall-ilħuq tal-objettiv tal-istandard jew tar-rekwiżit ikkonċernat jew jikkostitwixxi riskju dirett għas-saħħa pubblika jew tal-annimali.

3.   Meta jkun seħħ aktar minn nuqqas ta’ konformità mhux intenzjonali rikorrenti wieħed fl-istess sena kalendarja, il-proċedura għall-iffissar tat-tnaqqis għandha tiġi applikata individwalment għal kull nuqqas ta’ konformità u l-perċentwali ta’ tnaqqis li jirriżultaw għandhom jiżdiedu flimkien. Madankollu, it-tnaqqis ma għandux jaqbeż l-20 % tal-ammont totali li jirriżulta mill-pagamenti u l-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 83(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2021/2116.

4.   Meta jkun seħħ aktar minn nuqqas ta’ konformità intenzjonali ddeterminat wieħed fl-istess sena kalendarja il-proċedura għall-iffissar tat-tnaqqis għandha tiġi applikata individwalment għal kull nuqqas ta’ konformità u l-perċentwali ta’ tnaqqis li jirriżultaw għandhom jiżdiedu flimkien. Madankollu, it-tnaqqis ma għandux jaqbeż il-100 % tal-ammont totali li jirriżulta mill-pagamenti u l-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 83(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2021/2116.

5.   Meta jkunu seħħew diversi każijiet ta’ nuqqasijiet ta’ konformità mhux intenzjonali, rikorrenti u intenzjonali fl-istess sena kalendarja, il-perċentwali ta’ tnaqqis li jirriżultaw, u fejn rilevanti wara l-applikazzjoni tal-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, għandhom jiżdiedu flimkien. Madankollu, it-tnaqqis ma għandux jaqbeż il-100 % tal-ammont totali li jirriżulta mill-pagamenti u l-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 83(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2021/2116.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

B’deroga mill-Artikolu 104(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(iv), tar-Regolament (UE) 2021/2116, il-kontrolli dwar il-konformità mar-regoli dwar il-kondizzjonalità, kif imsemmi fl-Artikolu 83 ta’ dak ir-Regolament, għandhom jitwettqu fuq oqsma appoġġati abbażi tal-Artikoli 28, 29 u 30 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 permezz ta’ programmi ta’ żvilupp rurali implimentati sal-31 ta’ Diċembru 2025 skont dak ir-Regolament, meta l-benefiċjarju kkonċernat jirċievi pagamenti bbażati fuq l-erja wkoll taħt il-Pjan Strateġiku tal-PAK skont ir-Regolament (UE) 2021/2115.

Il-kontrolli tal-kundizzjonalità msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jitqiesu li jkopru l-kontrolli fuq is-sistema tal-kundizzjonalità msemmija fl-Artikolu 96 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, sakemm ma jiżvelawx nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-kundizzjonalità. Jekk ir-regoli dwar il-kundizzjonalità ma jiġux osservati, l-Istat Membru għandu jwettaq il-kontrolli f’konformità ma’ dak l-Artikolu għal miżuri bbażati fuq l-erja fil-programmi ta’ żvilupp rurali u, fejn jinstabu irregolaritajiet, japplikaw ir-regoli dwar il-kalkolu u l-applikazzjoni ta’ penali amministrattivi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Artikolu 13

Tħassir

Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 640/2014 huwa mħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023.

Madankollu, għandu jkompli japplika għal:

(a)

applikazzjonijiet għall-għajnuna għal pagamenti diretti ppreżentati qabel l-1 ta’ Jannar 2023;

(b)

talbiet għal pagamenti magħmula fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ implimentati skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013;

(c)

għas-sistema ta’ kontroll u l-penali amministrattivi fir-rigward tar-regoli dwar il-kundizzjonalità.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187.

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 48).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(6)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(8)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(9)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/128 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-verifiki, il-garanziji u t-trasparenza (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 131).


Top