EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004E0847

Azzjoni konġunta tal-Kunsill 2004/847/PESK tad- 9 ta' Diċembru 2004 dwar il-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea f’Kinshasa (DRC) fir-rigward ta’ l-Unità Integrata tal-Pulizija (EUPOL KINSHASA )

ĠU L 367, 14.12.2004, p. 30–34 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 256–260 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2007

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2004/847/oj

7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

256


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2004/847/PESK

tad-9 ta' Diċembru 2004

dwar il-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea f’Kinshasa (DRC) fir-rigward ta’ l-Unità Integrata tal-Pulizija (EUPOL “KINSHASA”)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 14, l-Artikolu 25, it-tielet subparagrafu, l-Artikolu 26 u l-Artikolu 28(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Jannar 2004, il-Kunsill adotta l-Posizzjoni Komuni 2004/85/PESK dwar il-prevenzjoni, l-immaniġġar u r-risoluzzjoni ta’ kunflitti fl-Afrika (1).

(2)

L-Unjoni Ewropea, permezz ta’ l-Operazzjoni Artemis imwettqa fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC) matul l-2003 taħt l-Azzjoni Konġunta 2003/423/PESK tal-5 ta’ Ġunju 2003 dwar l-Operazzjoni Militari ta’ l-UE fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2), diġà ħadet passi konkreti biex tikkontribwixxi għall-istabbiliment mill-ġdid tas-sigurtà fid-DRC.

(3)

Fl-14 ta’ Diċembru 2000, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2000/792/PESK (3) li taħtar lis-Sur Aldo Ajello bħala r-Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Afrikan tal-Lagi Kbar, u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 96/250/PESK. Il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ġie estiż l-aħħar permezz ta’ l-Azzjoni Konġunta 2004/530/PESK (4).

(4)

Fid-29 ta’ Settembru 2003, il-Kunsill adotta l-Posizzjoni Komuni 2003/680/PESK (1) li temenda l-Posizzjoni Komuni 2002/829/PESK dwar il-provvista ta’ ċertu tagħmir lid-DRC.

(5)

Il-Ftehim globali u li jinkludi kollox dwar it-transizzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, iffirmat fi Pretoria fis-17 ta' Diċembru 2002 u l-Memorandum dwar is-Sigurtà u l-Armata tad-29 ta' Ġunju 2003 ipprevedew għall-istabbiliment ta' Unità Integrata tal-Pulizija (IPU).

(6)

Fit-28 ta' Lulju 2003 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Risoluzzjoni 1493 (2003) li fiha jesprimi s-sodisfazzjon għall-promulgazzjoni, fl-4 ta' April 2003, tal-Kostituzzjoni Transitorja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u għall-formazzjoni, imħabbra fit-30 ta' Ġunju 2003, tal-Gvern ta' Unità Nazzjonali u ta’ Transizzjoni. Jinkoraġġixxi wkoll donaturi biex jappoġġjaw l-istabbiliment ta' unità integrata ta' pulizija Kongoliża u japprova l-proviżjoni mill-Missjoni Organizzata tan-Nazzjonijiet Uniti fid-DRC (MONUC) ta' l-assistenza addizzjonali li jista' jkun hemm bżonn għat-taħriġ tagħha.

(7)

Fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Koperazzjoni bejn in-NU u l-UE fl-Immaniġġar ta’ Kriżijiet tad-29 ta’ Settembru 2003, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Presidenza tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea laqgħu l-koperazzjoni attwali bejn in-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-immaniġġar ta’ kriżijiet ċivili u militari, u kkunsidraw modi ta’ kif jassistu fl-istabbiliment ta’ Unità Integrata tal-Pulizija f’Kinshasa biex tipprovdi sigurtà lill-gvern u lill-istituzzjonijiet transitorji.

(8)

Fl-20 ta’ Ottubru 2003, il-gvern tad-DRC indirizza talba uffiċjali lir-Rappreżentant Għoli għall-PESK għal assistenza mill-Unjoni Ewropea fl-istabbiliment ta’ l-IPU, li għandha tikkontribwixxi għall-assigurazzjoni tal-protezzjoni ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Istat u ssaħħaħ l-apparat ta’ sigurtà interna.

(9)

Fil-15 ta’ Diċembru 2003 il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PSC) qabel li l-Unjoni Ewropea għandha ssostni l-istabbiliment ta’ l-IPU billi ssegwi approċċ bbażat fuq tliet punti: ir-riabilitazzjoni u r-ristawr ta’ ċentru tat-taħriġ u l-proviżjoni ta’ tagħmir bażiku; it-taħriġ ta’ l-IPU; u s-segwitu, il-monitoraġġ u l-iggwidar ta’ l-implimentazzjoni konkreta tal-mandat ta’ l-IPU wara l-fażi inizjali ta’ taħriġ.

(10)

Il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ finanzjament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) għal proġett li jinkludi assistenza teknika, ir-riabilitazzjoni taċ-ċentru ta’ taħriġ u l-proviżjoni ta’ ċertu tagħmir għall-IPU, kif ukoll ta’ taħriġ xieraq.

(11)

Fis-17 ta’ Mejju 2004, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/494/PESK (5) li fiha l-Unjoni Ewropea impenjat ruħa biex “issostni l-proċess tal-konsolidazzjoni tas-sigurtà interna fid-DRC, li hu fattur essenzjali għall-proċess ta’ paċi u għall-iżvilupp tal-pajjiż, permezz ta’ assistenza għall-istabbiliment ta’ Unità Integrata tal-Pulizija (IPU) f’Kinshasa”. Għal dak il-għan, u barra mill-attivitajiet finanzjati mill-EDF, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kkontribwew b’fondi u/jew b’kontributi f’xorta oħra minn ħlas biex jipprovdu lill-gvern tad-DRC bit-tagħmir għall-infurzar tal-liġi, armi u munizzjoni identifikati bħala neċessarji għall-istabbiliment ta’ l-IPU.

(12)

Fl-1 ta’ Ottubru 2004 il-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1565 (2004) li fiha ddeċieda li jestendi l-insedjament tal-MONUC sal-31 ta’ Marzu 2005. Barra minn dan, l-UNSC iddeċieda li l-MONUC ikollha, inter alia, il-mandat b’sostenn tal-Gvern ta’ Unità Nazzjonali u ta’ Transizzjoni: “biex tikkontribwixxi għal arranġamenti meħuda għas-sigurtà ta’ l-istituzzjonijiet u l-protezzjoni ta’ uffiċjali tat-Transizzjoni f’Kinshasa sakemm l-unità integrata tal-pulizija tkun lesta biex tassumi din ir-responsabbiltà u tgħin lill-awtoritajiet Kongoliżi fiż-żamma ta’ l-ordni f’żoni strateġiċi oħra”.

(13)

Is-sitwazzjoni attwali ta’ sigurtà fid-DRC tista’ tiħżien b’riperkussjonijiet potenzjalment serji fuq il-proċess ta’ tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u s-sigurtà internazzjonali u reġjonali. Impenn kontinwu ta’ l-isforz politiku u r-riżorsi ta’ l-UE jgħinu biex l-istabbiltà fir-reġjun tiġi ssudata.

(14)

Il-premessa 12 ta' l-Azzjoni Konġunta 2004/494/PESK tipprevedi li “Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-proġett ta' l-EDF u l-proviżjoni ta' tagħmir ta' l-infurzar tal-liġi, armi u munizzjoni ta’ l-IPU kif xieraq ikunu segwiti minn komponent tal-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża (PESD) għall-monitoraġġ, l-iggwidar u l-għoti ta' pariri”.

(15)

Fil-laqgħa tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2004, il-PSC qabel mal-kunċett ta’ missjoni tal-PESD li ssegwi l-proġett ta’ l-EDF.

(16)

Fit-22 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill tenna l-impenn tiegħu li jaħdem f’assoċjazzjoni mill-qrib ħafna mal-MONUC u li jipprovdiha b’sostenn effettiv biex twettaq il-mandat tagħha li jinkludi t-taħriġ ta’ pulizija,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Missjoni

1.   L-Unjoni Ewropea b’dan tistabbilixxi Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea (EUPOL “KINSHASA”) sabiex tiżgura s-segwitu għall-proġett ta’ l-EDF imsemmi fl-Azzjoni Konġunta 2004/494/PESK fir-rigward ta’ l-istabbiliment ta’ l-IPU f’Kinshasa (DRC) minn kmieni f’Jannar 2005. Qabel dik id-data u sabiex iħejji l-Missjoni ta’ Pulizija, Tim ta’ Ippjanar għandu jiġi stabbilit mhux iżjed tard mill-1 ta’ Diċembru 2004 u għandu jkun operattiv sal-bidu tal-missjoni.

2.   L-EUPOL “KINSHASA” għandha topera skond l-għanijiet u d-disposizzjonijiet l-oħra li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-missjoni stabbilita fl-Artikolu 3.

Artikolu 2

Fażi ta’ Ippjanar

1.   Matul il-fażi ta’ l-ippjanar, it-Tim ta’ Ippjanar għandu jkun kompost minn Kap tal-Missjoni tal-Pulizija/Kap tat-Tim ta’ Ippjanar u l-persunal neċessarju biex jiġu ttrattati l-funzjonijiet li jirriżultaw mill-ħtiġijiet tal-missjoni.

2.   Stima komprensiva tar-riskju għandha titwettaq bħala prijorità fil-proċess ta’ ippjanar u tista’ tiġi aġġornata kif ikun neċessarju.

3.   Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jelabora l-Kunċett ta’ Operazzjonijiet (CONOPS). It-Tim ta’ Ippjanar għandu sussegwentement ifassal il-Pjan ta’ Operazzjoni (OPLAN) u jiżviluppa l-istrumenti tekniċi kollha neċessarji biex tiġi eżegwita l-EUPOL “KINSHASA”. Il-CONOPS u l-OPLAN għandhom jieħdu kont ta’ l-istima komprensiva tar-riskju. Il-Kunsill għandu japprova l-CONOPS u l-OPLAN.

Artikolu 3

Dikjarazzjoni tal-Missjoni

L-Unjoni Ewropea għandha twettaq missjoni tal-pulizija f’Kinshasa (DRC) għall-monitoraġġ, l-iggwidar u l-għoti ta' pariri għall-istabbiliment u t-tmexxija inizjali ta’ l-IPU sabiex jiġi żgurat li l-IPU taġixxi billi ssegwi t-taħriġ li tkun irċeviet fiċ-Ċentru ta’ l-Akkademja u skond l-aħjar prattiċi internazzjonali f’dan il-qasam. Dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu ffukati fuq il-linja ta’ kmand ta’ l-IPU biex titjieb il-kapaċità ta’ amministrazzjoni ta’ l-IPU u għal monitoraġġ, iggwidar u għoti ta’ pariri lill-Unitajiet operazzjonali fl-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħha.

Artikolu 4

Struttura tal-missjoni

Il-Missjoni tkun komposta minn Kwartier Ġenerali (HQ) ippustjat fil-bażi operazzjonali ta’ l-IPU. Il-HQ għandu jikkonsisti mill-uffiċċju tal-Kap tal-Missjoni, fergħa għall-monitoraġġ, l-iggwidar u l-għoti ta’ pariri, fergħa għas-sostenn ta’ l-amministrazzjoni u uffiċjali ta’ kollegament ma’ l-atturi l-iktar rilevanti fir-rigward ta’ l-IPU.

Artikolu 5

Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija

1.   Fuq proposta mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, il-PSC għandu jaħtar Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija. Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jeżerċita Kontroll Operazzjonali fuq l-EUPOL “KINSHASA” u jassumi l-amministrazzjoni ta’ kull jum tal-funzjonijiet ta’ l-EUPOL “KINSHASA”.

2.   Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

3.   L-uffiċjali tal-pulizija kollha għandhom jibqgħu taħt il-kmand sħiħ ta' l-awtorità nazzjonali xierqa. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operazzjonali lill-Kap ta' l-EUPOL “KINSHASA”.

4.   Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għal persunal issekondat, azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali jew ta' l-UE konċernata.

Artikolu 6

Persunal

1.   In-numri u l-kompetenzi tal-persunal ta’ l-EUPOL “KINSHASA” għandhom ikunu konsistenti mad-dikjarazzjoni tal-missjoni stabbilita fl-Artikolu 3 kif ukoll l-istruttura tal-missjoni stabbilita fl-Artikolu 4.

2.   L-uffiċjali tal-pulizija għandhom jiġu ssekondati mill-Istati Membri. Kull Stat Membru għandu jħallas l-ispejjeż relatati ma’ l-uffiċjali tal-pulizija ssekondati minnu, inklużi l-pagi, il-kopertura medika, l-allowances barra l-per diems u l-allowances għall-akkomodazzjoni, u l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u mid-DRC.

3.   Il-persunal ċivili internazzjonali u dak lokali għandu jiġi reklutat fuq bażi kuntrattwali mill-EUPOL “KINSHASA” kif meħtieġ.

4.   L-Istati kontribwenti u l-istituzzjonijiet tal-Komunità, jistgħu wkoll, jekk meħtieġ, jissekondaw persunal ċivili internazzjonali. Kull Stat Membru jew istituzzjoni Komunitarja li jikkontribwixxu għandhom iħallsu l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe mill-persunal sekondat minnhom inklużi l-pagi, il-kopertura medika, l-allowances barra l-per diems u l-allowances għall-akkomodazzjoni, u l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u mid-DRC.

Artikolu 7

Linja ta’ Kmand

L-istruttura ta’ l-EUPOL “KINSHASA” għandu jkollha linja ta’ kmand unifikata, bħala operazzjoni ta’ l-immaniġġar ta’ kriżijiet.

Ir-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (EUSR) għandu jirraporta lill-Kunsill permezz tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli,

Il-PSC għandu jipprovdi l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika,

Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jmexxi l-EUPOL “KINSHASA” u jassumi l-amministrazzjoni ta’ kull jum tagħha,

Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jirraporta lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli permezz ta’ l-EUSR,

Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jagħti gwida lill-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija permezz ta’ l-EUSR.

Artikolu 8

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-PSC għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-PSC biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skond l-Artikolu 25 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat li jemenda l-Pjan ta’ Operazzjoni u l-Linja ta’ Kmand. Is-setgħat ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ l-għanijiet u t-tmiem ta’ l-operazzjoni għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill, li jkun assistit mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli.

2.   L-EUSR għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija. L-EUSR għandu jiżgura kordinazzjoni ma' atturi oħrajn ta' l-UE kif ukoll relazzjonijiet ma' l-awtoritajiet ta' l-Istat ospitanti.

3.   Il-PSC għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari b’kont meħud tar-rapporti ta’ l-EUSR.

4.   Il-PSC għandu jirċievi rapporti mill-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija, f’intervalli regolari dwar kif qed titmexxa l-missjoni. Il-PSC jista’ jistieden lill-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija għal-laqgħat tiegħu kif xieraq.

Artikolu 9

Parteċipazzjoni ta' Stati Terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' l-UE u l-qafas istituzzjonali uniku ta' l-Unjoni, Stati aderenti jiġu mistiedna u Stati kandidati u Stati terzi oħrajn jistgħu jiġu mistiedna biex jikkontribwixxu għal l-EUPOL “KINSHASA” fuq il-bażi li jħallsu l-ispejjeż biex jibgħatu lill-uffiċjali tal-pulizija u/jew il-persunal ċivili internazzjonali ssekondat minnhom, inkluż il-pagi, l-allowances u l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar lejn u mid-DRC, u jikkontribwixxu għall-ispejjeż tat-tmexxija ta' l-EUPOL “KINSHASA” kif xieraq.

2.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-PSC biex jieħu, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija u l-Kumitat għal Aspetti Ċivili ta' l-Immaniġġar ta' Kriżijiet, id-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti.

3.   Stati Terzi li qed jagħtu kontributi lill-EUPOL “KINSHASA” għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' l-amministrazzjoni ta' kuljum ta' l-operazzjoni bħal Stati Membri ta' l-UE li qed jieħdu sehem fl-operazzjoni.

4.   Il-PSC għandhu jieħu azzjoni xierqa fir-rigward ta' arranġamenti ta' parteċipazzjoni u għandu, jekk meħtieġ, jissottometti proposta lill-Kunsill, inkluż dwar parteċipazzjoni finanzjarja possibbli minn Stati terzi fl-ispejjeż komuni.

5.   Arranġamenti dettaljat rigward il-parteċipazzjoni ta' stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim skond l-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli li jgħin lill-Presidenza jista’ jinnegozja tali arranġamenti f’isimha. Fejn l-UE u stat terz ikkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan l-istat terz fl-operazzjonijiet ta’ l-immaniġġar ta’ kriżijiet ta’ l-UE, id-disposizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni.

Artikolu 10

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ispejjeż għall-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta għandhom ikunu ta’ ammont massimu ta’ EUR 4 370 000 biex jiġu koperti l-ispejjeż matul il-fażi ta’ ippjanar u s-sena 2005.

2.   Fir-rigward ta' infiq iffinanzjat mill-budget tal-Komunità, dan li ġej għandu japplika:

(a)

l-infiq għandu jiġi amministrat skond ir-regoli u l-proċeduri tal-Komunità applikabbli għall-budget, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità. Ċittadini ta’ Stati terzi għandhom jitħallew jissottomettu offerti għal xogħol bl-appalt;

(b)

il-Kap tat-Tim ta’ Ippjanar/Kap tal-Missjoni tal-Pulizija għandu jirrapporta b'mod sħiħ lill-Kummissjoni, u jiġi sorveljat minnha, dwar l-attivitajiet eżegwiti fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

3.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-ħtiġiet operazzjonali ta' l-EUPOL “KINSHASA”, inkluż il-kompatibilità ta' tagħmir u l-interoperabbilità tat-timijiet tagħha.

Artikolu 11

Azzjonijiet Komunitarji u azzjonijiet rilevanti oħra

1.   Il-Kunsill jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza l-azzjoni tagħha biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din l-Azzjoni Konġunta, fejn xieraq, permezz ta’ miżuri Komunitarji rilevanti.

2.   Il-Kunsill jinnota wkoll li arranġamenti ta’ kordinazzjoni huma meħtieġa f’Kinshasa kif ukoll fi Brussel, inter alia fir-rigward ta’ proġetti tal-ġejjieni possibbli taħt l-EDF, b’kont meħud ta’ mekkaniżmi ta’ kordinazzjoni eżistenti.

Artikolu 12

Rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata

1.   Is-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli hu awtorizzat jirrilaxxa lill-istati terzi assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta' l-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” ġenerati għall-finijiet ta' l-operazzjoni, skond ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill.

2.   Is-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli hu awtorizzat ukoll jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti, skond il-ħtiġijiet operazzjonali tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta' l-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġenerati għall-finijiet ta' l-operazzjoni, skond ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. Arranġamenti lokali għandhom jitfasslu għal dan il-għan.

3.   Fil-każ ta' ħtieġa operazzjonali speċifika u immedjata, is-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli hu awtorizzat ukoll jirrilaxxa lill-Istat ospitanti informazzjoni u dokumenti klassifikati ta’ l-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġenerati għall-finijiet ta' l-operazzjoni, skond ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. Fil-każijiet l-oħra kollha, tali informazzjoni u dokumenti għandhom jiġu rilaxxati lill-Istat ospitanti skond proċeduri approprjati għal-livell ta' koperazzjoni ta' l-Istat ospitanti ma' l-Unjoni Ewropea.

4.   Is-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli hu awtorizzat jirrilaxxa lil stati terzi assoċjati ma' din l-Azzjoni Konġunta dokumenti mhux klassifikati ta' l-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward ta' l-operazzjoni koperta mill-obbligu ta' segretezza professjonali skond l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill.

Artikolu 13

Status tal-persunal ta' l-EUPOL “KINSHASA”

1.   L-istatus tal-persunal ta’ l-EUPOL “KINSHASA” fid-Demokratika RC, inklużi fejn xieraq il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għall-ikkompletar u l-funzjonament bla xkiel ta’ l-EUPOL “KINSHASA” għandhom jiġu miftehma skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli li jgħin lill-Presidenza jista’ jinnegozja tali arranġament f’isimha.

2.   L-Istat jew l-istituzzjoni Komunitarja li ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu kwalunkwe pretensjonijiet marbuta mas-sekondament, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni Komunitarja in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli biex tinbeda kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna issekondata.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ, Tul u Spejjeż

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Din għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2005.

L-ispejjeż għandhom ikunu eliġibbli wara l-adozzjoni ta’ l-Azzjoni Konġunta.

Artikolu 15

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, nhar id-9 ta' Diċembru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

L. J. BRINKHORST


(1)  ĠU L 21, 28.1.2004, p. 25.

(2)  ĠU L 143, 11.6.2003, p. 50.

(3)  ĠU L 318, 16.12.2000, p. 1.

(4)  ĠU L 234, 3.7.2004, p. 13.

(1)  ĠU L 249, 1.10.2003, p. 64.

(5)  ĠU L 182, 19.5.2004, p. 41.


Top