EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0588

Kawża T-588/22: Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2022 – Renco Valore vs Il-Kummissjoni

ĠU C 424, 7.11.2022, p. 48–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/48


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2022 – Renco Valore vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-588/22)

(2022/C 424/61)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrent: Renco Valore SpA (Pesaro, l-Italja) (rappreżentanti: A. Gaspar Schwalbach, C. Pinto Xavier u M. Cotrim, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikoli 1, 4, u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1414 tal-4 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.21259 (2018/C) (ex 2018/NN) implimentata mill-Portugall għal Zona Franca da Madeira (ZFM) – Reġim III;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-kriterju dwar l-“attivitajiet imwettqa b’mod effettiv u materjali f’Madeira” ġie interpretat u applikat b’mod korrett fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Reġim III taż-ZMF. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-kriterju dwar “fuq il-profitti li jirriżultaw minn attivitajiet imwettqa b’mod effettiv u materjali f’Madeira”. Il-profitti tal-impriżi rreġistrati fiż-ZMF li setgħu jkunu s-suġġett tal-vantaġġ fiskali ma kienux limitati għall-profitti li jirriżultaw minn attivitajiet suġġetti għal spejjeż addizzjonali marbutin man-natura ultraperiferika, jiġifieri attivitajiet imwettqa biss fit-territorju ġeografiku tar-reġjun awtonomu ta’ Madeira. Fid-dawl tal-għanijiet u tal-kuntest tar-Reġim III taż-ZMF, l-interpretazzjoni korretta ta’ dan il-kriterju hija li l-attivitajiet tal-impriżi awtorizzati fiż-ZFM, fejn jinsab iċ-ċentru tagħhom ta’ teħid ta’ deċiżjoni, irrispettivament minn jekk għandhomx jew le attività internazzjonali, jitqiesu bħala attivitajiet effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-kriterju dwar “żamma tal-impjiegi” ġie interpretat u applikat b’mod korrett fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Reġim III taż-ZMF. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-kriterju dwar “żamma tal-impjiegi”. Peress li fil-livell tal-Unjoni Ewropea ma hemmx kunċett ta’ “impjieg” u, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Reġim III, dan la huwa ddefinit fid-deċiżjonijiet tal-2007 u tal-2013 u lanqas fil-linji gwida tal-2007, hemm lok li jiġi aċċettat li l-kunċett ta’ impjieg li jirriżulta mid-dritt industrijali nazzjonali huwa tajjeb. Il-metodoloġija li tikkonsisti fid-definizzjoni tal-impjiegi bħala “FTE” (ekwivalenti għal full time) u “ALU” (unitajiet tax-xogħol annwali) ma tapplikax għar-Reġim III taż-ZFM.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi. Ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1414 tal-4 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.21259 (2018/C) (ex 2018/NN) implimentata mill-Portugall għal Zona Franca da Madeira (ZFM) – Reġim III, tikser il-prinċipji tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, bil-konsegwenza li l-Kummissjoni ma tistax teżiġi li l-awtoritajiet nazzjonali Portugiżi jirkupraw l-għajnuna inkwistjoni mingħand il-benefiċjarji u, b’mod iktar konkret, mingħand ir-rikorrenti.


Top