EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CA0793

Kawżi Magħquda C-793/190 u C-794/19: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Settembru 2022 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesverwaltungsgericht – il-Ġermanja) – Bundesrepublik Deutschland vs SpaceNet AG (C-793/19), Telekom Deutschland GmbH (C-794/19) (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 6, 7, 8 u 11 kif ukoll Artikolu 52(1) – Artikolu 4(2) TUE)

ĠU C 424, 7.11.2022, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/2


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Settembru 2022 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesverwaltungsgericht – il-Ġermanja) – Bundesrepublik Deutschland vs SpaceNet AG (C-793/19), Telekom Deutschland GmbH (C-794/19)

(Kawżi Magħquda C-793/190 u C-794/19) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ipproċessar ta’ data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi - Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet - Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi - Żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni - Direttiva 2002/58/KE - Artikolu 15(1) - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikoli 6, 7, 8 u 11 kif ukoll Artikolu 52(1) - Artikolu 4(2) TUE)

(2022/C 424/02)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Bundesrepublik Deutschland

Konvenuti: SpaceNet AG (C-793/19), Telekom Deutschland GmbH (C 794/19)

Dispożittiv

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(l) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jipprevedu, bħala prevenzjoni, għall-finijiet ta’ ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni;

ma jipprekludix miżuri leġiżlattivi:

li jippermettu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-għoti ta’ ordni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jipproċedu b’żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, f’sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru kkonċernat jaffaċċja theddida serja għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta li hija reali u attwali jew prevedibbli, fejn id-deċiżjoni li tipprevedi din l-ordni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ effettiv, jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, bil-għan li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-garanziji li għandhom jiġu previsti, u fejn l-imsemmija ordni għandha tingħata biss għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded jekk din it-theddida tippersisti;

li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li tkun limitata, abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, skont il-kategoriji ta’ persuni kkonċernati jew abbażi ta’ kriterju ġeografiku, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded;

li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tal-indirizzi IP attribwiti lis-sors ta’ konnessjoni, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju;

li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità u tas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data relatata mal-identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi; u

li jippermettu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u, a fortiori, tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-għoti ta’ ordni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, sabiex jipproċedu, għal perijodu stabbilit, biż-żamma rapida tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni li dawn il-fornituri ta’ servizzi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom,

sa fejn dawn il-miżuri jiżguraw, permezz ta’ regoli ċari u preċiżi, li ż-żamma tad-data inkwistjoni hija suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali applikabbli u li l-persuni kkonċernati għandhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż.


(1)  ĠU C 45, 10.02.2020.


Top