EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0142

Kawża T-142/18: Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2018 – Buffalo – Boots vs Il-Kummissjoni

ĠU C 152, 30.4.2018, p. 52–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 152/52


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2018 – Buffalo – Boots vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-142/18)

(2018/C 152/61)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Buffalo – Boots GmbH (Hochheim am Main, il-Ġermanja) (rappreżentanti: S. De Knop, A. Willems u C. Zimmermann, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2232 tal-4 ta’ Diċembru 2017 li jerġa’ jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Vjetnam u li huma prodotti minn ċerti produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fil-Vjetnam u li jimplimenta s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Magħquda C-659/13 u C-34/14 (ĠU 2017, L 319, p. 30), u

tordna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li meta jaġixxi mingħajr bażi legali valida, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/2232 (1) jikser il-prinċipju ta’ attribuzzjoni sanċit fl-Artikolu 5(1) u (2) TUE u, fi kwalunkwe każ, il-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, sanċit fl-Artikolu 13(2) TUE.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li billi ma ħax il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C-659/13 u C-34/14), ir-Regolament 2017/2232 jikser l-Artikolu 266 TFUE.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li billi jimponi dazju antidumping fuq importazzjonijiet ta’ żraben “li seħħew matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006 (2) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1294/2009 (3)”, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Nru 2017/2232 jikser l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1036 (4) kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali (nuqqas ta’ retroattività).

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li billi jimponi dazju antidumping mingħajr ma jwettaq evalwazzjoni ġdida tal-interess tal-Unjoni, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/2232 jikser l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 2016/1036; fi kwalunkwe każ, ikun manifestament żbaljat li jiġi konkluż li l-impożizzjoni tad-dażju antidumping huwa fl-interess tal-Unjoni.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li billi adotta att li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/2232 jikser l-Artikolu 5(1) u (4) TUE.


(1)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2232 tal-4 ta’ Diċembru 2017 li jerġa’ jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Vjetnam u li huma prodotti minn ċerti produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fil-Vjetnam u li jimplimenta s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Magħquda C-659/13 u C-34/14 (ĠU 2017, L 319, p. 30).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006 tal-5 ta’ Ottubru 2006 jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam (ĠU 2008 L 352M, p. 485).

(3)  Regolament ta’ Implimentazzjoni (KE) Nru 1294/2009 tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li ġej mill-Vjetnam u li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċertu tipi ta’ xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda kkunsinnati mill-Makaw SAR, sew jekk dikjarati li joriġinaw fil-Makaw SAR sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU 2009, L 352, p. 1).

(4)  Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).


Top