EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0085

Kawża T-85/18: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2018 – Edward William Batchelor vs Il-Kummissjoni

ĠU C 152, 30.4.2018, p. 38–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 152/38


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2018 – Edward William Batchelor vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-85/18)

(2018/C 152/48)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Edward William Batchelor (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: B. Hoorelbeke, lawyer, u M. Healy, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 8430 finali tal-5 ta’ Diċembru 2017, li permezz tagħha din tal-aħħar tirrifjuta li tagħti l-aċċess għal dokument li fih l-impenn etika tal-persuna responsabbli ippreżentat fis-sistema ta’ informazzjoni ta’ ġestjoni tar-riżorsi umani Sysper2 tal-Kummissjoni Ewropea u għal dokumenti oħra kkonċernati mit-talba għal aċċess inizjali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(3) TFUE, l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 2(1) u 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 (1), moqri flimkien mal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 (2), minħabba r-rifjut li jingħata aċċess sħiħ jew parzjali għall-impenn etiku.

Fl-ewwel parti tal-ewwel motiv tieghu, ir-rikorrent juri li l-Kummissjoni la aanlizzat u lanqas uriet jekk l-iżvelar tad-dikjararazzjoni ta’ impenn etiku jippreġudikax b’speċifiku u reali l-interess protetti mill-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma wettqitx l-oneru tal-prova impost fuqha u wettqet żball ta’ liġi billi rrifjutat l-aċċess, għall-inqas parzjali, għad-dikjarazzjoni ta’ impenn etiku.

Fit-tieni parti tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent juri li l-Kummissjoni wettqet żball fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, meta ddikjarat li r-rikorrent ma kienx validament stabbilixxa l-ħtieġa għall-iżvelar tad-dokument ta’ impenn etiku.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Artikolu 15 (3) TFUE u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, minħabba r-rifjut li jingħata l-aċċess għal dokumenti oħra kkonċernati mit-talba għall-aċċess inizjali.

Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent jinvoka provi rilevanti u konkordanti sabiex isostni l-konvinzjoni tiegħu li hemm iktar dokumenti fl-ambitu tat-talba inizjali tiegħu għal aċċess mill-71 dokument identifikati mill-Kummissjoni. Billi rrifjutat l-aċċess għal dawn id-dokumenti l-oħra, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Artikolu 15(3) TFUE u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari d-dmir ta’ diliġenza.

Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret id-dmir taqgħha ta’ premura fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, billi ma wettqitx id-dmir tagħha ta’ diliġenza, meta hija qieset li ma kienx hemm dokumenti oħra fl-ambitu tat-talba inizjali għal aċċess. Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent juri li l-Kummissjoni ma tat l-ebda spjegazzjoni dwar kif żgurat li ma kienx hemm dokumenti oħra, peress li ma pprovdiet l-ebda informazzjoni dwar il-metodi ta’ riċerka użati.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, skont l-Artikolu 296(2) TFUE.

Fl-ewwel parti tar-raba’ motiv tieghu, ir-rikorrent juri li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE billi ma spjegatx kif l-iżvelar tad-dikjarazzjoni ta’ impenn etiku jippreġudika b’mod speċifiku u reali l-interess protett mill-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, jew kif dan l-iżvelar jippreġudika l-interess leġittimu tal-persuna kkonċernata skont l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001.

Fit-tieni parti tar-raba’ motiv tiegħu, ir-rikorrent juri li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tinkludi ebda spjegazzjoni dwar il-fatt li l-ebda dokument supplimetari ma ġie identifikat bħala li jaqa’ fl-ambitu tat-talba inizjali għal aċċess, minkejja l-argumenti tar-rikorrent fit-talba ta’ konferma tiegħu. Konsegwentement, din il-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża hija bbażata wkoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti.


(1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummisjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

(2)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13. Vol. 26, p. 102)


Top