EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0343

Kawża C-343/15: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep (Il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-8 ta’ Lulju 2015 – J. Klinkenberg vs Minister van Infrastructuur en Milieu

ĠU C 311, 21.9.2015, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/31


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep (Il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-8 ta’ Lulju 2015 – J. Klinkenberg vs Minister van Infrastructuur en Milieu

(Kawża C-343/15)

(2015/C 311/36)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Centrale Raad van Beroep

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: J. Klinkenberg

Konvenut: Minister van Infrastructuur en Milieu

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/63/KE (1) u l-Klawżola 1(1) tal-anness tagħha, intitolat “Ftehim ewropew dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara”, għandhom jiġu interpretati fis-sens li din id-direttiva u dan l-anness huma applikabbli għal uffiċjal li jaħdem mal-kumpannija marittima nazzjonali Olandiża u li jagħmel parti mill-ekwipaġġ ta’ vapur li jwettaq operazzjonijiet ta’ spezzjoni tas-sajd?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391/KEE (2), l-Artikolu 1(3) u l-parti inizjali u l-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/104/KE (3), l-Artikolu 1(3) u l-parti inizjali u l-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE (4), għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-Direttiva 93/104/KE u d-Direttiva 2003/88/KE huma applikabbli għall-uffiċjal imsemmi fl-ewwel domanda?

3)

L-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 93/104/KE u l-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 2003/88/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li għandhom jitqiesu bħala perijodu ta’ mistrieħ is-sigħat li matulhom l-uffiċjal imsemmi fl-ewwel domanda ma jwettaq ebda xogħol waqt it-tbaħħir, iżda jkun marbut li, fuq sejħa, jagħmel xogħol ta’ tiswija fil-kamra tal-magni?

4)

L-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 93/104/KE u l-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 2003/88/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li għandhom jitqiesu bħala perijodu ta’ mistrieħ is-sigħat li matulhom l-uffiċjal imsemmi fl-ewwel domanda ma jwettaq ebda xogħol waqt il-vjaġġ, iżda jkun marbut iwettaq xogħol fuq l-istruzzjonijiet tal-kaptan jekk dan ikun neċessarju għas-sigurtà immedjata tal-vapur, tal-persuni abbord, tat-tagħbija jew tal-ambjent, jew sabiex tingħata assistenza lil vapuri oħra jew lil persuni f’diffikultà fil-baħar?


(1)  Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ġunju 1999, dwar il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Komunità Ewropea tas-Sidien tal-Bastimenti (AKESB) u l-Federazzjoni tal-Unjonijiet tal-Ħaddiema tat-Trasport (FUĦT) – Anness: Ftehim ewropew dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 3, p. 363)

(2)  Direttiva tal-Kunsill, tat-12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349)

(3)  Direttiva tal-Kunsill, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197)

(4)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 391)


Top