EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE3357

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar finanzjament pluriennali għall-azzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis ikkawżat minn vapuri u għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass” COM(2013) 174 final

ĠU C 327, 12.11.2013, p. 108–110 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/108


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar finanzjament pluriennali għall-azzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis ikkawżat minn vapuri u għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass”

COM(2013) 174 final

2013/C 327/18

Relatur: Dr BREDIMA

Nhar is-16 ta’ April u nhar it-18 ta’ April 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċiedew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar finanzjament pluriennali għall-azzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis ikkawżat minn vapuri u għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass

COM(2013) 174 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-20 ta' Ġunju 2013.

Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 179 voti favur, vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja ż-żieda fil-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) minn EUR 154 miljun għal EUR 160,5 miljun għall-perjodu 2014-2020, taħt ir-Regolament propost. Huwa jerġa' jtenni l-appoġġ tiegħu għall-estensjoni tal-kompetenza tal-EMSA taħt ir-Regolament 100/2013.

1.2

L-adozzjoni tar-Regolament propost ħabtet fil-mument kritiku tas-sejba ta' għelieqi taż-żejt u tal-gass fir-Reġjun tal-Lvant tal-Mediterran u inizjattivi sussegwenti għall-isfruttament rapidu ta' dawn is-sorsi permezz ta' tħaffir fil-baħar. Dawn l-attivitajiet ser ikunu sfida għall-kapaċità tal-EMSA li tirrispondi għall-perikli potenzjali tat-tħaffir fil-baħar u t-trasportazzjoni taż-żejt u l-gass.

1.3

Filwaqt li jappoġġja l-pakkett finanzjarju propost, il-KESE jemmen li dan jista' ma jkunx biżżejjed biex ikunu jistgħu jittieħdu l-azzjonijiet kollha li hemm bżonn matul il-perjodu stabbilit ta' seba' snin u dan minħabba dawn l-isfidi: iż-żieda fil-flussi tat-traffiku (iktar tankers taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar), iż-żieda fit-tħaffir għall-isfruttament taż-żejt u tal-gass fl-ibħra ta' madwar l-UE u iktar stati kostali u gżejjer li saru Stati Membri tal-UE. Il-kapaċità limitata ta' rispons għall-emerġenza fil-każ ta' inċidenti kbar, tista' tirriżulta f'żieda fl-ispejjeż esterni.

1.4

Il-KESE jemmen li probabbilment id-19-il bastiment disponibbli mhux sa jkunu biżżejjed biex bihom iż-żoni tal-kosta kollha tal-UE jkunu jistgħu jassistu lill-Istati Membri biex inaddfu t-tniġġis tal-baħar. Probabbilment, il-fondi l-anqas mhu ser ikunu biżżejjed biex jippermettu li jkomplu jiġu żviluppati immaġni bis-satellita li jidentifikaw it-tniġġis tal-bastimenti u jgħinu biex jeliminawh fiż-żona kollha tal-UE.

1.5

Il-KESE jħeġġeġ lill-EMSA biex tuża l-kompetenza li għadha kemm kisbet fil-ġlieda kontra l-piraterija marittima. L-istrumenti ta' sorveljanza bis-satellita tal-EMSA jistgħu jkunu ta' għajnuna kbira biex jiġu identifikati l-bastimenti tal-piraterija.

1.6

Il-KESE jinsab imħasseb fir-rigward ta' kemm l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi qraba għadhom mgħammra tajjeb sabiex jirrispondu għal inċidenti kbar bħal Erika u Prestige jew diżastru bħad-Deepwater Horizon.

1.7

Il-KESE jistieden lill-UE, l-Istati Membri u l-Istati kostali u qraba ġodda tagħha biex isaħħu l-implimentazzjoni ta' dawn il-Konvenzjonijiet reġjonali elenkati fil-Memorandum ta' spjegazzjoni tar-Regolament propost: il-Konvenzjoni ta' Ħelsinki, il-Konvenzjoni ta' Barċellona, il-Ftehim ta' Bonn, il-Konvenzjoni ta' OSPAR, il-Ftehim ta' Lisbona (li għad irid jidħol fis-seħħ) u l-Konvenzjoni ta' Bucharest.

1.8

Il-KESE jistieden lill-EMSA sabiex tieħu azzjoni biex tidentifika l-faċilitajiet ta' akkoljenza għar-residwi taż-żejt fil-portijiet tal-UE kif ukoll fil-portijiet tal-Istati qraba tagħha.

2.   Il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea

2.1

Fit-3 ta' April 2013, il-Kummissjoni Ewropea ressqet Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar finanzjament pluriennali għall-azzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis ikkawżat minn vapuri u għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass (1).

2.2

Ir-Regolament 2038/2006 (2) (18/12/2006) stabbilixxa fondi pluriennali għall-azzjoni tal-EMSA b'rispons għat-tniġġis ikkawżat mill-bastimenti mill-1/1/2007-31/12/2013.

2.3

Ir-Regolament 100/2013 (15/1/2013) ta kompiti prinċipali ġodda lill-EMSA: li tirrispondi għat-tniġġis li jikkawżaw l-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass u estenda s-servizzi tal-EMSA fil-pajjiżi koperti mill-politika tat-tkabbir u mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (3). L-Opinjoni attwali prinċipalment tevalwa l-adattament tal-finanzjament tal-EMSA għal dawn id-dmirijiet ġodda tagħhha. Il-finanzjament propost jammonta għal EUR 160,5 miljun għal perjodu ta' seba' snin (1/1/2014 – 31/12/2020).

3.   Kummenti Ġenerali

3.1

Il-KESE jappoġġja ż-żieda fil-baġit tal-EMSA taħt ir-Regolament propost minn EUR 154 miljun għal EUR 160,5 miljun għall-perjodu 2014-2020. Huwa jerġa' jtenni l-appoġġ tiegħu għall-estensjoni tal-kompetenza tal-EMSA taħt ir-Regolament 100/2013. Dan l-appoġġ jikkonforma ma' sensiela ta' opinjonijiet tal-KESE (4) dwar ir-rwol tal-EMSA.

3.2

Ir-Regolament 100/2003 jagħti l-kompetenza lill-EMSA li tintervjeni fil-każ ta' tixrid taż-żejt ikkawżat minn pjattaformi taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar, kif ukoll tniġġis iġġenerat mill-bastimenti. Din il-kompetenza ngħatat wara l-każ tad-Deepwater Horizon, fejn inxtered fil-baħar iż-żejt minn pjattaforma tat-tħaffir, u l-isplużjoni fil-Golf tal-Messiku (April 2010). Il-KESE jifhem li l-għan ġenerali tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li permezz tal-EMSA l-UE tiżgura rispons effettiv għat-tniġġis li jikkawżaw il-bastimenti u l-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass kif ukoll servizzi sostenibbli u effettivi ta' rispons għat-tniġġis lill-Istati milquta. L-Istati Membri jistgħu jqisu dan l-appoġġ huma u jfasslu/jirrevedu l-pjani nazzjonali tagħhom għar-rispons lejn it-tniġġis marittimu.

3.3

Il-KESE jifhem li l-baġit propost huwa mmirat li jagħti l-kapaċità lill-EMSA li żżomm in-netwerk tagħha ta' Reazzjoni għat-Tixrid taż-Żejt li huwa mifrux fuq iż-żoni marittimi tal-UE u li ser jintuża ammont limitat ta' bastimenti ġodda biex jiġġieldu t-tniġġis ikkawżat mill-bastimenti u l-installazzjonijiet fuq il-baħar. Mhux mistenni li jkun hemm fondi għat-tagħmir għall-irkupru taż-żejt li fil-perjodu 2014-2020 jistgħu ma jibqgħux l-aħjar li jistgħu jkunu.

3.4

Il-KESE jifhem li l-monitoraġġ CleanSeaNet tal-installazzjonijiet tal-baħar għat-tixtrid illegali tas-sustanzi ser isir permezz ta' immaġnijiet bis-satelitta użati b'mod konġunt hekk kif ordnat li jsir għall-monitoraġġ tal-bastimenti tat-tniġġis. Il-KESE jirreferi għal Opinjoni preċedenti (5) li tgħid li fid-dawl tal-ispejjeż assoċjati mas-servizz tal-immaġni bis-satellita huwa jemmen li l-użu tar-riżorsi għandu jiġi ottimizzat u b'mod partikolari li l-użu tal-immaġni għandu jiġi koordinat bejn l-Istati Membri; dan jista' jwassal għal frankar konsiderevoli fl-ispejjeż. Fl-istess waqt hemm bżonn li jsir investiment fit-titjib tal-ġbir tal-immaġni fiż-żoni marittimi Ewropej billi l-kopertura attwali mhix ġenwinament komprensiva, b'mod partikolari fż-żona tal-Mediterran.

3.5

Il-KESE jifhem li l-finanzjament mhux ser ikun immirat li jipprovdi assistenza teknika u jew bini tal-kapaċita fil-pajjiżi tal-viċinat tal-Politika Ewropea tal-Viċinat.

3.6

L-adozzjoni tar-Regolament propost ħabtet fil-mument kritiku ta' skoperta ta' sorsi ġodda ta' enerġija fl-UE. Fir-Reġjun tal-Baħar tal-Mediterran b'mod partikolari, l-iskoperta ta' depożiti ġodda taħt il-baħar taż-żejt u tal-gass u t-tħaffir sussegwenti għall-isfruttament rapidu ser ikunu sfida għall-kapaċitajiet tal-EMSA li tirrispondi għall-isfidi potenzjali involuti. Jeħtieġ li l-EMSA jkollha ħafna riżorsi sabiex tkun tista' taqdi r-rwol sħiħ tagħha f'dan ir-rigward. Iż-żieda fit-traffiku tal-bastimenti u b'mod partikolari tankers/LNGs, l-iskoperta ta' depożiti ġodda taż-żejt u tal-gass u l-attivitajiet ta' tħaffir ser jirrikjedu iktar bastimenti fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed. 19-il bastiment għaż-żona kostali kollha tal-UE għall-perjodu bejn l-2014-2020 hija stima ottimista u li tista' tkun modesta wisq fiċ-ċirkustanzi.

3.7

L-estensjoni tal-kompetenza tal-EMSA f'dan il-qasam ser tirrikjedi iktar żvilupp tas-servizz ta' immaġni bis-satellita għas-sorveljanza, l-individwazzjoni bikrija tat-tniġġis u l-identifikazzjoni tal-vapuri jew tal-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass responsabbli. Id-disponibbiltà tad-data u l-effettività tar-rispons lejn it-tniġġis għandhom jittejbu.

3.8

Il-KESE jinsab imħasseb fir-rigward ta' kemm l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi qraba għadhom mgħammra tajjeb sabiex jirrispondu għal inċidenti kbar bħal Erika u Prestige jew diżastru bħal tad-Deepwater Horizon.

3.9

Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet il-KESE jemmen li għandhom jiġu allokati iktar riżorsi sabiex: jinbidel it-tagħmir ta' rispons għat-tniġġis taż-żejt li jinsab fuq il-bastimenti kuntrattati, jiġu provduti bastimenti addizzjonali ta' emerġenza għall-irkupru taż-żejt li jkopru ż-żoni b'installazzjonijiet fuq il-baħar li attwalment huma ġeografikament mbiegħda (eż. l-Arktiku), jinxtraw kapaċitajiet dispersivi u tagħmir addizzjonali għat-tixrid fuq il-baħar, jiġu estiżi s-servizzi tal-CleanSeaNet f'żoni fejn hemm installazzjonijiet tal-baħar u tiġi koperta l-għajnuna għall-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat.

3.10

Il-KESE jħeġġeġ lill-EMSA biex tuża l-kompetenza ġdida tagħha fil-ġlieda kontra l-piraterija marittima. L-istrumenti u d-data tal-EMSA, b'mod partikolari s-sorveljanza bis-satellita, ser ikunu utli biex jiġu identifikati l-bastimenti tal-piraterija. Il-provvista ta' data dwar il-pożizzjonament tal-bastimenti għandha ssir wieħed mill-kompiti prinċipali tal-EMSA dejjem fuq talba tal-awtoritajiet nazzjonali. Il-KESE jisħaq fuq il-bżonn tal-assistenza tal-EMSA fil-ġlieda kontra l-piraterija fl-Opinjoni tiegħu Il-piraterija marittima: it-tisħiħ tar-reazzjoni tal-UE (16/1/13) u s-Seduta Pubblika rilevanti (24/1/13).

4.   Kummenti Speċifiċi

4.1   Artikolu 2: Definizzjonijiet

Id-definizzjoni ta' "żejt" taħt ir-Regolament propost tirreferi għad-definizzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Preparazzjoni, Rispons u Koperazzjoni għat-Tniġġis miż-Żejt, 1990. Il-KESE jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha sabiex isaħħu l-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni.

4.2   Artikolu 2: Definizzjonijiet

Id-definizzjoni ta' "sustanzi perikolużi u li jagħmlu l-ħsara" tirreferi għad-definizzjoni tal-Protokoll dwar Preparazzjoni, Rispons u Koperazzjoni għal Inċidenti ta' Tniġġis minn Sustanzi Perikolużi u Li Jagħmlu l-Ħsara, 2000. Il-KESE jistieden lill-UE u lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan, li jinkludu u jimplimentaw il-Protokoll imsemmi.

4.3   Artikolu 4: Finanzjament Komunitarju

4.3.1

Il-KESE jifhem li l-appoġġ tal-EMSA għall-pajjiżi koperti mill-politika tat-tkabbir u mill-Politika Ewropea tal-Viċinat għandu jiġi ffinanzjat permezz ta' programmi eżistenti tal-UE għal dawn il-pajjiżi u għalhekk ma għandux jagħmel parti minn dan il-qafas finanzjarju pluriennali.

4.3.2

Filwaqt li jappoġġja l-qafas finanzjarju propost, il-KESE jiddubita kemm ser ikun biżżejjed biex jippermetti l-azzjonijiet li hemm bżonn matul il-perjodu ta' seba' snin fid-dawl tal-isfidi li jeżistu: żieda fil-flussi tat-traffiku (iktar tankers taż-żejt u tal-gass) u żieda fl-attivitajiet tat-tħaffir għall-isfruttament taż-żejt u tal-gass fl-ibħra ta' madwar l-UE. It-tnaqqis fil-kapaċità ta' rispons għall-emerġenza jista' jirriżulta f'żieda fl-ispejjeż esterni fil-każ ta' inċidenti kbar.

4.4   Artikolu 5: Monitoraġġ ta' kapaċitajiet eżistenti

Fir-rigward tal-lista tal-mekkaniżmi tal-privat u tal-Istat ta' rispons għat-tniġġis fl-UE, il-KESE jħeġġeġ li l-azzjoni tinkludi mekkaniżmi simili fl-Istati kostali viċin li mhumiex membri tal-UE billi t-tniġġis marittimu m'għandux fruntieri. Barra minn hekk, minkejja li din l-Opinjoni tirrigwarda biss it-tniġġis ikkawżat minn inċidenti, il-KESE jistieden lill-EMSA sabiex tidentifika wkoll faċilitajiet ta' akkoljenza mhux adegwati fil-portijiet tal-UE kif ukoll fil-portijiet tal-Istati kostali viċin. It-tniġġis operazzjonali, b'kuntrast mat-tniġġis ikkawżat minn inċident huwa tema ħafna inqas sensazzjonali u li tiġbed inqas l-attenzjoni tal-mezzi tax-xandir iżda b'mod globali jikkawża inqas tniġġis fil-baħar.

4.5   Il-KESE jistieden lill-UE, l-Istati Membri u l-istati kostali u qraba ġodda tagħha biex isaħħu l-implimentazzjoni ta' dawn il-Konvenzjonijiet reġjonali elenkati fil-Memorandum ta' spjegazzjoni tar-Regolament propost: il-Konvenzjoni ta' Ħelsinki, il-Konvenzjoni ta' Barċellona, il-Ftehim ta' Bonn, il-Konvenzjoni ta' OSPAR, il-Ftehim ta' Lisbona (li għadu jrid jidħol fis-seħħ) u l-Konvenzjoni ta' Bucharest. Il-KESE jemmen li l-eżerċizzji kontra t-tniġġis organizzati b'mod konġunt minn dawn il-Konvenzjonijiet għandhom ikomplu jiġu promossi u l-iskambju tal-esperti fil-qasam tat-tniġġis marittimu huwa essenzjali. Il-programm EMPOLLEX (Marine Pollution Expert Exchange Programme) għandu jiffaċilita għalhekk żieda fin-numru ta' skambji bħal dawn bejn l-Istati Membri.

4.6   Il-KESE jisħaq fuq il-bżonn li l-Istati kostali ġirien jimplimentaw bis-sħiħ il-Konvenzjoni marittima prinċipali, il-Konvenzjoni tal-Liġi tal-Baħar tan-NU (UNCLOS) (1982) li tipprovdi bażi legali għall-azzjoni fil-qasam tat-tniġġis marittimu, it-tħaffir fil-baħar u t-trasportazzjoni sigura bil-baħar.

4.7   Il-bastimenti kuntrattati għandhom kapaċitajiet kbar ta' ħżin taż-żejt irkuprat u għażla ta' sistemi ta' rkupru taż-żejt. Il-KESE jemmen li l-bastimenti kuntrattati għandhom jitħallew jintużaw għal operazzjonijiet ta' trasferiment tal-merkanzija, trasferimenti bejn bastiment u ieħor u għall-ħażna ta' żejt irkuprat mill-baħar.

Brussell, 10 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2013) 174 final.

(2)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 39, 9.2.2013, p. 30.

(4)  ĠU C 76 14.03.2013, p. 15.

ĠU C 299, 4.10.2012, p. 153.

ĠU C 48, 15.2.2011, p. 81.

ĠU C 44, 11.2.2011, p. 173.

ĠU C 255, 22.9.2010, p. 103.

ĠU C 277, 17.11.2009, p. 20.

ĠU C 211, 19.8.2008, p. 31.

ĠU C 28, 3.2.2006, p. 16.

ĠU C 108, 10.4.2004.

(5)  ĠU C 28, 3.2.2006, p. 16 (mhux disponibbli bil-Malti).


Top